SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
12 ta' Settembru 2006 (*)
"Direttiva 2001/29/KE – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni – Artikolu 4 – Dritt ta’ distribuzzjoni – Regola ta’ eżawriment – Bażi legali – Ftehim internazzjonali – Politika tal-kompetizzjoni – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Libertà ta’ espressjoni – Prinċipju ta’ ugwaljanza –Artikoli 151 KE u 153 KE"
Fil-kawża C-479/04,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka), permezz ta' deċiżjoni tas-16 ta' Novembru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta' Novembru 2004, fil-proċedura
Laserdisken ApS
vs
Kulturministeriet,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u J. Malenovský, Presidenti ta' Awla, J.‑P. Puissochet, R. Schintgen, N. Colneric, S. von Bahr, G. Arestis (Relatur), J. Klučka, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-14 ta’ Frar 2006,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Laserdisken ApS, minn H. K. Pedersen, bħala soċju,
– għall-Gvern Pollakk, minn T. Nowakowski, bħala aġent,
– għall-Parlament Ewropew, minn K. Bradley u L. G. Knudsen, bħala aġenti,
– għall-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, minn H. Vilstrup, F. Florindo Gijón u R. Liudvinaviciute, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Wils u N. B. Rasmussen, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-4 ta' Mejju 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni u l-validità ta’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29/KE tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU L 167, p. 10, iktar 'il quddiem id-"Direttiva" jew id-"Direttiva 2001/29").
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Laserdisken ApS (iktar 'il quddiem il-"Laserdisken") u l-Kulturministeriet (Ministeru tal-Kultura) rigward l-applikabbiltà ta’ l-Artikolu 19 tal-Liġi Daniża fuq id-drittijiet ta’ l-awtur (ophavsretslov), kif emendata permezz tal-Liġi Nru 1051 (lov nr.1051, om ændering af ophavsretloven), tas-17 ta’ Diċembru 2002, għall-importazzjoni u għall-bejgħ, fid-Danimarka, ta’ prodotti DVD legalment imqiegħda fis-suq barra ż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).
Il-kuntest ġuridiku
3 Id-Direttiva 2001/29 ġiet adottata fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 47(2) KE, 55 KE u 95 KE. L-Artikolu 1 tagħha, intitolat "Kamp ta’ applikazzjoni", jipprovdi fl-ewwel paragrafu tiegħu li "[d]in id-Direttiva tirrigwarda l-protezzjoni legali tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fil-qafas tas-suq intern, [b’]enfasi partikolari fuq is-soċjetà ta’ informazzjoni".
4 Il-Kapitolu II tad-Direttiva jiġbor fih l-Artikoli 2 sa 5 taħt it-titolu "Drittijiet u Eċċezzjonijiet". L-Artikolu 2 jirrigwarda d-dritt ta’ riproduzzjoni, l-Artikolu 3 jirrigwarda d-dritt ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet lill-pubbliku kif ukoll id-dritt li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku oġġetti protetti oħra, l-Artikolu 4 jirrigwarda d-dritt ta’ distribuzzjoni u l-Artikolu 5 jirrigwarda eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għar-regoli stabbiliti bit-tliet Artikoli preċedenti.
5 L-Artikolu 4 tad-Direttiva jaqra kif ġej:
"1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.
2. Id-dritt ta’ distribuzzjoni m’għandux jiġi eżawrit fil-Komunità rigward l-oriġinal jew kopji tax-xogħol, [ħlief fil-każ ta'] l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor ta’ [proprjetà] fil-Komunità ta’ dak l-oġġett [...] mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu."
6 L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni rregolat mill-Artikolu 2 f’numru ta’ każijiet. Skond il-paragrafu 3 ta’ l-imsemmi Artikolu 5, l-Istati Membri jistgħu wkoll jipprovdu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-drittjiet irregolati mill-Artikolu 2 u 3 fil-każijiet elenkati f’dan il-paragrafu.
7 Skond l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva, "[f]ejn l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni skond il-paragrafi 2 u 3, huma bl-istess mod jistgħu jipprovdu għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għad-dritt ta’ distribuzzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 4 sa fejn ikun ġustifikat mill-iskop ta’ l-att ta’ riproduzzjoni awtorizzat."
8 Qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2001/29, il-Liġi Daniża fuq id-drittijiet ta’ l-awtur kienet tipprovdi fl-Artikolu 19 tagħha li "[m]eta riproduzzjoni ta’ xogħol tinbiegħ jew tiġi trasferita b’mod ieħor lil terzi bil-kunsens ta’ l-awtur, id-distribuzzjoni tagħha tista’ tkompli".
9 Wara li din il-liġi ġiet emendata permezz tal-Liġi Nru 1051, tas-17 ta’ Diċembru 2002, li hija intiża sabiex tittrasponi d-Direttiva 2001/29, il-paragrafu 1 ta’ l-Aritkolu 19 ġie jaqra kif ġej: "Meta riproduzzjoni ta’ xogħol tinbiegħ u tiġi trasferita b’mod ieħor lil terzi bil-kunsens ta’ l-awtur ġewwa ż-Żona Ekonomika Ewropea, id-distribuzzjoni tagħha tista’ tkompli. F'każ ta' distribuzzjoni taħt il-forma ta’ self jew kiri, id-dispożizzjonijiet tal-punt 1 japplikaw ukoll għall-bejgħ jew għal kull forma oħra ta’ trasferiment lil terzi barra ż-Żona Ekonomika Ewropea."
10 Skond l-Artikolu 65(2) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar 'il quddiem "il-Ftehim ŻEE"), id-dispożizzjonijiet u l-modalitajiet speċifiċi applikabbli għall-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali jinsabu fil-Protokoll 28 u fl-Anness XVII ta’ l-imsemmi Ftehim. Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 110/2004 tad-9 ta’ Lulju 2004, li temenda l-Anness XVII (Proprjetà intellettwali) tal-Ftehim ŻEE (ĠU L 376, p. 45), id-Direttiva 2001/29 ġiet inkorporata fl-imsemmi Ftehim.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11 Laserdisken hija kumpannija li b’mod partikolari tbigħ kopji ta' xogħlijiet ċinematografiċi lil xerrejja individwali fil-postijiet ta’ bejgħ tagħha fid-Danimarka.
12 Sat-tmiem tas-sena 2002, dawn il-kopji kienu, essenzjalment, importati minn din il-kumpannija mill-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea, imma wkoll minn Stati terzi. B’mod partikolari dawn kienu edizzjonijiet speċjali, bħall-verżjonijiet Amerikani oriġinali jew edizzjonijiet irrekordjati skond teknika partikolari. Parti kbira oħra mill-prodotti offerti għall-bejgħ kienet tikkonsisti f'xogħlijiet ċinematografiċi li ma ntwerewx u ma kinux se jintwerew fl-Ewropa.
13 Peress li kkonstatat tnaqqis sinjifikattiv fl-attivitajiet tagħha wara l-emenda leġiżlattiva msemmija iktar 'il fuq, Laserdisken ressqet proċedura quddiem l-Østre Landsret (qorti reġjonali tal-Lvant) kontra l-Kulturministeriet fid-19 ta’ Frar 2003, fejn sostniet li l-Artikolu 19 tal-Liġi fuq id-drittijiet ta’ l-awtur kif emendata fil-kuntest tat-traspożizzzjoni ta’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 ma kienx applikabbli. Skond Laserdisken, id-dispożizzjonijiet il-ġodda ta’ l-imsemmi Artikolu 19 jaffettwaw b’mod kunsiderevoli l-importazzjonijiet u l-bejgħ tagħha ta’ prodotti DVD legalment imqiegħda fis-suq barra ż-ŻEE.
14 In sostenn ta' din l-azzjoni, Laserdisken invokat l-invalidità tad-Direttiva 2001/29, għar-raġuni li l-Artikoli 47(2) KE, 55 KE u 95 KE ma kinux jikkostitwixxu l-bażi legali xierqa għall-adozzjoni tagħha.
15 Minbarra dan, Laserdisken sostniet li l-Artikolu 4(2), ta’ l-imsemmija Direttiva, tikser il-ftehim internazzjonali li jorbtu l-Komunità fil-qasam tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati, ir-regoli tat-Trattat KE li jikkonċernaw l-implementazzjoni ta’ politika ta’ kompetizzjoni, il-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-ikkupjar illegali, u b’mod aktar ġenerali, fil-kuntest tat-twettiq tas-suq intern, il-libertà ta’ espressjoni, il-prinċipju ta’ ugwaljanza kif ukoll id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat KE li jikkonċernaw il-politika kulturali u dik ta’ l-edukazzjoni ta’ l-Istati Membri, jiġifieri l-Artikoli 151 KE u 153 KE.
16 Peress li l-motivi ċċitati qabel kollha kemm huma ġew ikkontestati mill-Kulturministeriet, il-Østre Landsret iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ d-domandi preliminari li ġejjin:
"1) L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva [2001/29] huwa invalidu?
2) L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva [2001/29] jipprekludi li Stat Membru jżomm l-eżawriment internazzjonali fil-leġiżlazzjoni tiegħu?"
Fuq id-domandi preliminari
Fuq it-tieni domanda
17 Permezz tat-tieni domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 jeskludix regoli nazzjonali li jipprovdu li d-dritt ta’ distribuzzjoni relattiv għall-oriġinal jew għal kopji ta’ xogħol jiġi eżawrit f’każ ta’ l-ewwel bejgħ jew ta' l-ewwel trasferiment ieħor ta’ proprjetà mid-detentur ta' l-imsemmi d-dritt jew bil-kunsens tiegħu barra l-Komunità.
18 Laserdisken u l-Gvern Pollakk isostnu li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 ma jipprekludix li Stat Membru jżomm fil-leġiżlazzjoni tiegħu tali regola ta’ eżawriment. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issostni l-pożizzjoni opposta.
19 L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 jistabbilixxi d-dritt esklużiv ta’ l-awtur li jawtorizza jew li jipprojbixxi kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku, permezz tal-bejgħ jew b’mod ieħor, ta’ l-oriġinal ta’ xogħol tiegħu jew ta' kopji tiegħu.
20 Il-paragrafu 2 ta’ l-istess Artikolu fih ir-regola dwar l-eżawriment ta’ dan id-dritt. Skond din id-dispożizzjoni, id-dritt ta’ distribuzzjoni dwar l-oriġinal jew kopji ta’ xogħol ma jiġix eżawrit ħlief fil-każ ta’ l-ewwel bejgħ jew ta' l-ewwel trasferiment ieħor ta’ proprjetà fil-Komunità ta’ dan l-oġġett mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu.
21 Minn dan isegwi li l-eżawriment tad-dritt in kwistjoni huwa suġġett għal kundizzjoni doppja, jiġifieri, minn naħa, li l-oriġinal ta’ xogħol jew il-kopji tiegħu jkunu ġew imqiegħda fis-suq mid-detentur tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu u, min-naħa l-oħra, li dan it-tqegħid fis-suq ikun seħħ fil-Komunità.
22 F’dan ir-rigward, Laserdisken u l-Gvern Pollakk isostnu, essenzjalment, li l-Artikolu 4(2) tad-direttiva jħalli lill-Istati Membri s-setgħa li jadottaw jew li jżommu, fid-dritt nazzjonali tagħhom rispettiv, regola ta’ eżawriment għax-xogħlijiet imqiegħda fis-suq mhux biss fil-Komunità, imma wkoll fi Stati terzi.
23 Tali interpretazzjoni ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, skond it-tmienja u għoxrin premessa tad-Direttiva 2001/29, il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur skond din id-Direttiva tinkludi d-dritt esklużiv biex tikkontrolla d-distribuzzjoni tax-xogħol inkorporat f’oġġett tanġibbli. L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ l-oriġinal ta’ xogħol jew ta' kopji tiegħu mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jikkontrolla bejgħ mill-ġdid ta’ dak l-oġġett fil-Komunità. Skond l-istess premessa, dan id-dritt m’għandux jiġi eżawrit bil-bejgħ ta’ l-oriġinal tax-xogħol jew ta' kopji tiegħu barra l-Komunità mid-detentur tad-drittijiet jew bil-kunsens tiegħu.
24 Jirriżulta mit-termini ċari ta’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29, moqrija flimkien mat-tmienja u għoxrin premessa ta’ din id-Direttiva, li l-imsemmija dispożizzjoni ma tħallix lill-Istati Membri s-setgħa li jipprovdu regola ta’ eżawriment barra dik ta’ l-eżawriment fil-Komunità.
25 Din il-konklużjoni hija korroborata mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29, li jawtorizza lill-Istati Membri li jipprovdu eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet għad-dritt ta’ riproduzzjoni, għad-dritt ta’ komunikazzjoni ta’ xogħlijiet lill-pubbliku, għad-dritt li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku oġġetti protetti oħra u għad-dritt ta’ distribuzzjoni. Fil-fatt, ma jirriżulta minn ebda dispożizzjoni ta’ dan l-Artikolu li l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet awtorizzati jistgħu jikkonċernaw ir-regola ta’ l-eżawriment li tinsab fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 u għaldaqstant jippermettu lill-Istati Membri li jidderogaw minn din ir-regola.
26 Minbarra dan, l-interpretazzjoni mogħtija hawn fuq hija l-unika li hija għal kollox konformi ma’ l-għan tad-Direttiva 2001/29 li huwa, skond l-ewwel premessa tagħha, li jiġi assigurat il-funzjonament tas-suq intern. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li sitwazzjoni li fiha xi Stati Membri jistgħu jipprovdu għall-eżawriment internazzjonali tad-dritt ta' distribuzzjoni filwaqt li oħrajn jipprovdu biss għall-eżawriment Komunitarju tiegħu.
27 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli nazzjonali li jipprovdu għall-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni relattiv għall-oriġinal jew għal kopji ta’ xogħol imqiegħda fis-suq barra l-Komunità mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu.
Fuq l-ewwel domanda
28 Laserdisken u l-Gvern Pollakk jipproponu li r-risposta għandha tkun li d-Direttiva 2001/29, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tagħha, imorru kontra d-dritt Komunitarju. Min-naħa l-oħra, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu li ebda wieħed mill-motivi ta’ invalidità invokati ma jista’ jintlaqa'.
Fuq il-bażi legali tad-Direttiva 2001/29
29 Laserdisken issostni li d-Direttiva 2001/29 ġiet adottata ħażin fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 47(2) KE, 55 KE u 95 KE, minħabba li dawn l-Artikoli ma jistgħux jiġġustifikaw ir-regola ta’ eżawriment Komunitarju li tinsab fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-Direttiva.
30 Skond ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tas-sistema ta' kompetenzi tal-Komunità, l-għażla tal-bażi ġuridika ta' att għandha tkun ibbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jiġu ssuġġettati għal stħarriġ ġudizzjarju. Fost dawn l-elementi hemm, b'mod partikolari, l-għan u l-kontenut ta' l-att (sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et, C-453/03, C-11/04, C-12/04 u C-194/04, Ġabra ,p I-10423, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 47(2) KE, 55 KE u 95 KE, li abbażi tagħhom ġiet adottata d-Direttiva 2001/29, jippermettu li jittieħdu miżuri neċessarji għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern għal dak li għandu x'jaqsam mal-libertà ta’ l-istabbiliment u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi permezz ta’ armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali dwar il-kontenut u l-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati.
32 Id-Direttiva 2001/29 issegwi manifestament l-għanijiet imfittxija mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq imsemmi.
33 Fil-fatt, skond l-ewwel premessa ta’ din id-Direttiva, it-Trattat jipprovdi għat-twaqqif ta’ suq intern u l-istituzzjoni ta’ sistema li tiżgura li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern u l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati tikkontribwixxi għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet.
34 Fuq dan il-punt, it-tielet premessa tad-Direttiva 2001/29 tispeċifika li l-armonizzazzjoni proposta tgħin biex timplementa l-erba’ libertajiet tas-suq intern. Min-naħa l-oħra, skond is-sitt premessa ta’ l-istess Direttiva, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju, attivitajiet leġiżlattivi fuq livell nazzjonali jistgħu jirriżultaw f’differenzi sinjifikattivi fil-protezzjoni u b’hekk f'restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu ta’ servizzi u prodotti li jinkorporaw, jew ikunu bażati fuq, proprjetà intellettwali.
35 Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-oġġezzjonijiet imqajma f’dan il-każ minn Laserdisken, għal dak li għandu x'jaqsam mal-bażi ġuridika tad-direttiva, mhumiex fondati.
Fuq l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29
– Fuq il-ksur tal-ftehim internazzjonali konklużi mill-Komunità fil-qasam tad-drittjiet ta’ l-awtur u drittjiet relatati
36 Il-qorti tar-rinviju ma tindikax liema huma l-ftehim li jorbtu l-Komunità u li d-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu miksura mir-regola ta’ l-eżawriment Komunitarju tad-dritt ta’ distribuzzjoni li tinsab fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29.
37 Fil-kuntest ta’ l-osservazzjonijiet tagħha, Laserdisken issostni, madankollu mingħajr ma tagħti aktar dettalji, li d-dritt ta’ distribuzzjoni u r-regola ta’ eżawriment li tinsab fl-Aritkolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 imorru kontra d-dispożizzonijiet ta’ l-Artikoli 1(c) u 2(a) tal-Konvenzjoni dwar l-Organizzazzjoni għal Kooperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku, iffirmat f’Pariġi fl-14 ta’ Diċembru 1960 (OECD). Dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu rispettivament li l-OECD "għandha bħala għan li tippromwovi politiki [...] intiżi sabiex jikkontribwixxu għall-espansjoni tal-kummerċ dinji fuq bażi multilaterali u non-diskriminatorju" u li, sabiex jintlaħaq b’mod partikolari dan il-għan, "l-Istati Membri jaqblu [...] li jassiguraw l-użu effiċjenti tar-riżorsi ekonomiċi tagħhom".
38 Minbarra l-fatt li dan l-argument huwa nieqes mill-preċiżjoni, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet invokati minn Laserdisken, anki li kieku kellu jitqies li dawn jorbtu lill-Komunità, m’għandhomx bħala għan li jirregolaw il-kwistjoni ta’ l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni.
39 Barra minn hekk, skond il-ħmistax-il premessa tad-Direttiva 2001/29, din id-Direttiva timplementa l-obbligi internazzjonali li jirriżultaw mill-adozzjoni, fl-20 ta’ Diċembru 1996, taħt l-awspiċi ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali (WIPO), jiġifieri,, minn naħa, it-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittjiet ta’ l-Awtur u, min-naħa l-oħra, it-Trattat tal-WIPO dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi, trattati approvati f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/278/KE tas-16 ta’ Marzu 2000 (ĠU L 89, p. 6).
40 Rigward id-dritt ta’ distribuzzjoni, la l-Artikolu 6(2) tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet ta’ l-Awtur, u lanqas l-Artikoli 8(2) u 12(2) tat-Trattat tal-WIPO dwar l-interpretazzjonijiet u l-eżekuzzjonijiet u l-Fonogrammi ma jimponu obbligu fuq il-Komunità, bħala parti kontraenti, li tipprovdi regola speċifika dwar l-eżawriment ta’ dan id-dritt.
41 Fil-fatt, joħroġ mill-għan tat-Trattati msemmija, kif espress b’mod partikolari fl-ewwel premessi tagħhom, li dawn huma intiżi għal armonizzazzjoni tar-regoli tad-drittijiet ta’ l-awtur u tad-drittjiet relatati.
42 B’mod aktar partikolari, fir-rigward tad-dritt ta’ distribuzzjoni, it-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittjiet ta’ l-Awtur jissodisfa l-għan tiegħu ta’ armonizzazzjoni billi jipprovdi d-dritt esklużiv ta’ l-awturi li jawtorizzaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta' l-oriġinal tax-xogħlijiet tagħhom jew ta' kopji tagħhom permezz tal-bejgħ jew ta’ kull trasferiment ieħor ta’ proprjetà. Min-naħa l-oħra, rigward l-eżawriment ta’ dan id-dritt esklużiv, l-imsemmi trattat ma jippreġudikax is-setgħa li għandhom il-partijiet kontraenti li jiddeterminaw l-eventwali kundizzjonijiet li fihom l-imsemmi eżawriment iseħħ wara l-ewwel bejgħ. Għaldaqstant, huwa jippermetti lill-Komunità Ewropea li tapprofondixxi l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali wkoll fir-rigward tar-regola tad-dritt ta’ eżawriment. Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittjiet ta’ l-Awtur u dawk tad-Direttiva 2001/29 għalhekk huma komplementari fir-rigward ta’ l-għan ta’ armonizzazzjoni mfittex.
43 Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha li t-teżi tal-ksur, mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29, tal-ftehim internazzjonali konklużi mill-Komunità fil-qasam tad-drittijet ta’ l-awtur u drittijiet relatati ma tistax tintlaqa’.
– Fuq ir-regoli tat-Trattat li jikkonċernaw l-implementazzjoni ta’ politika ta’ kompetizzjoni.
44 Laserdisken issostni li r-regola ta’ eżawriment li tinsab fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 issaħħaħ il-kontroll tal-kanali ta’ distribuzzjoni mill-fornituri, u għaldaqstant tfixkel il-kompetizzjoni libera. Il-qofol ta’ l-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jistrieħ fuq il-fatt li l-kompetizzjoni tiġi nnewtralizzata b’mod ġenerali permezz ta’ din ir-regola ta’ eżawriment flimkien mas-sistema ta’ kodifika reġjonali tal-prodotti DVD. Fil-fatt, xi xogħlijiet imqiegħda fis suq barra l-Komunità ma jistgħux, minħabba l-imsemmija regola, ikunu aċċessibbli fil-Komunità.
45 Il-Gvern Pollakk iżid jgħid li din ir-regola ta’ eżawriment timpedixxi l-promozzjoni ta’ kompetittività ikbar u tagħti lid-detenturi tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati protezzjoni ta’ l-interessi tagħhom li tmur lil hinn mill-għan ta’ tali drittijiet.
46 Permezz ta’ l-allegazzjonijiet kollha tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Gvern Pollakk isostnu, essenzjalment, li r-regola ta’ eżawriment li tinsab fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 timpedixxi l-kompetizzjoni libera fil-livell dinji.
47 Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 3(1)(g) KE, l-azzjoni tal-Komunità tinkudi, taħt il-kundizzjonijiet u skond ir-ritmi previsti mit-Trattat, sistema li tiggarantixxi li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern. F’dan il-kuntest, it-Titolu VI tat-Trattat fih l-ewwel Kapitolu li fih l-Artikolu 81 KE sa 89 KE huma ddedikati għar-regoli tal-kompetizzjoni.
48 F’dan il-każ, skond l-ewwel premessa tad-Direttiva 2001/29, l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar id-drittjiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati tikkontribwixxi għat-twaqqif tas-suq intern u ta’ l-istituzzjoni ta’ sistema li tiżgura li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dan is-suq.
49 Minn dan isegwi li l-armonizzazzjoni mwettqa mill-imsemmija Direttiva hija wkoll intiża sabiex tassigura li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern, skond l-Artikolu 3(1)(g) KE.
50 L-argument imressaq minn Laserdisken u mill-Gvern Pollakk jimplika li l-leġiżlatur Komunitarju kien obbligat, meta adotta d-Direttiva 2001/29, li jieħu in kunsiderazzjoni prinċipju tal-kompetizzjoni libera fil-livell dinji, obbligu li madankollu la joħroġ mill-Artikolu 3(1)(g) KE u lanqas minn dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat.
51 Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li dan il-motiv ta’ invalidità li jirriżulta mill-ksur tar-regoli tat-Trattat dwar it-twettiq ta' politika ta' kompetizzjoni għandu jiġi miċħud.
– Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità
52 Skond Laserdisken u l-Gvern Pollakk, ir-regola ta’ eżawriment li tinsab fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 mhijiex neċessarja sabiex tilħaq il-għan ta’ suq intern mingħajr tfixkil u timponi liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea piżijiet li jeċċedu dak li huwa neċessarju. Minbarra dan, din id-dispożizzjoni tirriżulta li hija ineffikaċi sabiex timpedixxi d-distibuzzjoni tax-xogħlijiet imqiegħda fis-suq fil-Komunità mingħajr il-kunsens tad-detenturi tad-drittijiet ta’ l-awtur u d-drittijiet relatati.
53 Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ta' proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, jeżiġi li l-miżuri implementati permezz ta' dispożizzjoni Komunitarja jkunu adegwati sabiex jilħqu l-għan intiż u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jilħquh [sentenza ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C-491/01, Ġabra p. I-11453, punt 122].
54 Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkritika, essenzjalment, l-għażla magħmula mill-istituzzjonijiet Komunitarji favur ir-regola ta’ l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni fil-Komunità.
55 Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk l-adozzjoni ta’ din ir-regola tikkostitwixxix miżura sproporzjonata fir-rigward ta’ l-għanijiet intiżi mill-imsemmija istituzzjonijiet.
56 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-diverġenza tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam ta’ l-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni tista’ taffettwa direttament il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Għaldaqstant, l-armonizzazzjoni f’dan il-qasam għandha bħala għan li tneħħi l-ostakli għall-moviment liberu.
57 Barra minn hekk, skond id-disa’ premessa tad-Direttiva 2001/29, il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u tad-drittijiet relatati tikkontribwixxi sabiex tiżgura t-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattività fl-interess, b’mod partikolari, ta’ l-awturi, artisti, produtturi u konsumaturi. Jirriżulta mill-għaxar premessa ta’ l-istess Direttiva li protezzjoni legali tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiggarantixxi ħlas xieraq għall-użu tax-xogħlijiet u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċjenti mill-investimenti. F’dan is-sens ukoll, il-ħdax-il premessa tipprovdi li sistema effettiva u rigoruża ta’ protezzjoni tippermetti li jiġi żgurat li l-kreattività u l-produzzjoni kulturali Ewropea jirċievu r-riżorsi meħtieġa u li jiġu salvagwardati l-awtonomija kif ukoll id-dinjità ta' l-oriġinaturi u l-interpreti.
58 Fid-dawl ta’ l-għanijiet imsemmija iktar 'il fuq, jidher li l-għażla magħmula mil-leġiżlatur Komunitarju fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 favur ir-regola ta’ eżawriment fil-Komunità ma tikkostitwixxix miżura sproporzjonata li tista’ taffettwa l-validità ta’ din id-dispożizzjoni.
59 Jirriżuta minn dak kollu li ntqal li l-argument tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mhuwiex fondat.
– Fuq il-ksur tal-libertà ta’ espressjoni
60 Skond Laserdisken, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 għandu bħala effett li jċaħħad liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni mid-dritt tagħhom li jirċievu informazzjoni, bi ksur ta’ l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar 'il quddiem il-"KEDB"). Minbarra dan, Laserdisken tinvoka ksur tal-libertà tad-detenturi tad-drittijiet ta’ l-awtur li jikkomunikaw l-ideat tagħhom.
61 Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, id-drittijiet fundamentali jifformaw parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tiggarantixxi li jiġu rispettati u li, għal dan l-iskop, din ta' l-aħħar tispira ruħha mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri kif ukoll minn indikazzjonijiet ipprovduti mill-istrumenti internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li l-Istati Membri ħadmu flimkien għalihom jew aderixxew magħhom. Il-KEDB għandha sinjifikat partikolari f'dan il-kuntest (sentenza tad-12 ta’ Ġunju 2003, Schmidberger, C-112/00, Ġabra p. I-5659, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).
62 Il-libertà ta’ espressjoni, stabbilita fl-Artikolu 10 tal-KEDB tikkostitwixxi dritt fundamentali li l-qorti Komunitarja tassigura li jiġi rispettat (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 1991, ERT, C-260/89, Ġabra p. I-2925, punt 44). Dan japplika wkoll għad-dritt ta’ proprjetà li huwa garantit mill-Artikolu 1 ta' l-Ewwel Protokoll li hemm mal-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 2005, Regione autonoma Fruili-Venezia Giulia u ERSA, C-347/03, Ġabra p. I-3785, punt 119, u tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C-154/04 u C-155/04, Ġabra p. I-6451, punt 126).
63 Fl-ewwel lok, l-argument ta’ ksur tal-libertà ta’ espressjoni garantita mill-Artikolu tal-KEDB li jirriżulta mill-fatt li d-detentur tad-drittijiet ta’ l-awtur huwa pprojbit milli jikkomunika l-ideat tiegħu għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, id-dritt ta’ distribuzzjoni huwa eżawrit, skond l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29, bil-kundizzjoni li d-detentur tad-drittijiet ta’ l-awtur ikun ta l-kunsens tiegħu għall-ewwel bejgħ jew għall-ewwel trasferiment ieħor ta’ proprjetà. Għalhekk dan id-detentur huwa f'pożizzjoni li jeżerċita l-kontroll tiegħu fuq l-ewwel tqegħid fis-suq ta’ l-oġġett kopert mill-imsemmija drittijiet. F’dan il-kuntest, huwa evidenti li l-libertà ta’ espressjoni ma tistax tiġi invokata sabiex tinvalida r-regola ta’ l-eżawriment.
64 Għal dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, il-libertà li tiġi riċevuta informazzjoni, anki jekk jitqies li r-regola ta’ eżawriment li tinsab fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 tista’ tirrestrinġi din il-libertà, madankollu jirriżulta mill-Artikolu 10(2) tal-KEDB li l-libertajiet iggarantiti mill-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ xi limitazzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali, sakemm dawn id-derogi jkunu previsti mil-liġi, ispirati minn wieħed jew iktar għanijiet leġittimi fir-rigward ta’ l-imsemmija dispożizzjoni u neċessarji f’soċjetà demokratika, jiġifieri ġġustifikati minn bżonn soċjali imperattiv u, b’mod partikolari, proprozjonati għall-għan leġittimu segwit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2004, Karner, C-71/02, Ġabra p. I-3025, punt 50).
65 Issa, f’dan il-każ, l-allegata restrizzjoni tal-libertà li tiġi riċevuta informazzjoni hija ġġustifikata fid-dawl tan-neċessità li jiġu protetti d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, bħad-drittijiet ta’ l-awtur, li jagħmlu parti mid-dritt ta’ proprjetà.
66 Minn dan isegwi li l-argument ta’ ksur tal-libertà ta’ espressjoni għandu jiġi miċħud.
– Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza
67 Laserdisken issostni li r-regola ta’ eżawriment li tinsab fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 tista’ tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza. F’dan ir-rigard, hija tressaq bħala eżempju li l-produttur u d-detentur ta’ liċenzja stabbiliti fi Stat terz ma jinsabux f’sitwazzjoni ta’ ugwaljanza meta mqabbla mal-produttur u mad-detentur ta’ liċenzja stabbiliti fil-Komunità.
68 Skond ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta' trattament ugwali jirrikjedi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b'mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b'mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza ABNA et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).
69 Anki jekk jitqies li l-argument sostnut mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jista’ jkun effikaċi f’dan il-kuntest, dan ma jipprovax li l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva twassal sabiex żewġ sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti. Fil-fatt, mhemmx dubju li l-produttur u d-detentur ta’ liċenzja stabbiliti fi Stat terz ma jinsabux f’sitwazzjoni identika jew komparabbli ma’ dik tal-produttur u tad-detentur ta' liċenzja stabbiliti fil-Komunità. Fir-realtà, Laserdisken tallega, essenzjalment, li sitwazzjonijiet manifestament mhux komparabbli għandhom jiġu ttrattati b’mod ugwali.
70 Minn dan isegwi li l-argument ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza għandu jiġi miċħud.
– Fuq il-ksur ta’ l-Artikoli 151 KE u 153 KE.
71 Skond l-Artikolu 151(1) KE, il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-fjoritura tal-kulturi ta’ l-Istati Membri filwaqt li tirrispetta d-diversità nazzjonali u reġjonali tagħhom u fl-istess waqt tirriżulta l-wirt kulturali komuni.
72 L-Artikolu 153(1) KE jipprovdi, inter alia, li, sabiex tippromwovi l-interessi tal-konsumaturi u sabiex tassigura livell ġħoli ta’ ħarsien tal-konsumatur, il-Komunità għandha tikkontribwixxi għall-promozzjoni tad-dritt tagħhom għall-informazzjoni u għall-edukazzjoni.
73 Laserdisken, sostnuta mill-Gvern Pollakk, issostni li, permezz ta’ l-adozzjoni ta’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29, il-Komunità kisret id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq.
74 Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija dispożizzjonijiet huma msemmija kemm espressament, kemm fis-sustanza tagħhom, minn bosta premessi ta’ l-imsemmija Direttiva.
75 Kif jirriżulta mid-disa’ u l-ħdax-il premessa tad-Direttiva Nru 2001/29, kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun ibbażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali u sistema effettiva u rigoruża li tassigura l-protezzjoni tagħhom hija waħda mill-metodi li jiżguraw li l-kreattività u produzzjoni kulturali Ewropea jirċievu r-riżorsi meħtieġa u li jissalvagwardjaw l-awtonomija kif ukoll id-dinjità ta’ l-oriġinaturi u interpreti.
76 F’dan ir-rigward, skond it-tnax-il premessa tad-Direttiva 2001/29, protezzjoni adegwata ta’ xogħlijiet koperti bid-drittijiet ta’ l-awtur kif ukoll l-oġġetti koperti bi drittijiet relatati u l-Artikolu 151 KE jirrikjedi li l-Komunità tikkunsidra l-aspetti kulturali fl-azzjoni tagħha.
77 Fl-aħħar nett, skond l-erbatax-il premessa tad-Direttiva 2001/29, din id-Direttiva għandha tfittex li tippromwovi tagħlim u kultura billi tipproteġi xogħlijiet u oġġetti protetti oħra filwaqt li tippermetti eċċezzjonijiet jew limitazzjonijiet fl-interess pubbliku għall-finijiet ta’ edukazzjoni u tagħlim.
78 Għandu jiġi indikat, fit-tieni lok, li d-Direttiva 2001/29 tipprevedi, fl-Artikolu 5 tagħha, għal sistema ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-diversi drittijiet stabbiliti bl-Artikolu 2 sa 4 bl-għan li tippermetti lill-Istati Membri li jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’mod partikolari fil-qasam ta’ l-edukazzjoni u tat-tagħlim.
79 Barra minn hekk, din is-sistema hija definita b’mod strett mill-paragrafu 5 ta’ l-imsemmi Artikolu 5 li jipprovdi li l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet previsti għandhom ikunu applikabbli biss f'ċerti każijiet speċjali li ma jmorrux kontra l-użu normali tax-xogħol jew oġġett protett ieħor u ma jippreġudikawx l-interessi leġittimi tad-detentur tad-drittijiet.
80 Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li l-aspetti kulturali speċifiċi għall-Istati Membri, li għalihom tirreferi essenzjalment, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kif ukoll id-dritt għall-edukazzjoni, li l-leġiżlatur Komunitarju għandu jieħu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-azzjoni teigħu, ittieħdu in kunsiderazzjoni kompletament mill-istituzzjonijiet Komunitarji fil-preparazzjoni u fl-adozzjoni tad-Direttiva 2001/29.
81 Minn dan isegwi li l-argumenti bbażati fuq l-allegat ksur ta’ l-Artikoli 151 KE u 153 KE għandhom jiġu miċħuda.
82 Għaldaqstant, ir-risposta lill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-eżami ta’ l-ewwel domanda ma rrivelat ebda element li jista' jaffettwa l-validità ta’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29.
Fuq l-ispejjeż
83 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-eżami ta’ l-ewwel domanda preliminari ma rrivela ebda element li jista' jaffettwa l-validità ta’ l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2001/29/KE tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni.
2) L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regoli nazzjonali li jipprovdu għall-eżawriment tad-dritt ta’ distribuzzjoni relattiv għall-oriġinal jew għal kopji ta’ xogħol imqiegħda fis-suq barra l-Komunità Ewropea mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu.
Firem
* Lingwa tal-kawża: id-Daniż.