SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

23 ta' Marzu 2006 (*)

"Aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom – Direttiva 86/653/KEE – Dritt ta' l-aġent kummerċjali għal indennizz wara t-terminazzjoni tal-kuntratt "

Fil-kawża C-465/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja), permezz ta' deċiżjoni tal-11 ta' Ġunju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta' Novembru 2004, fil-kawża

Honyvem Informazioni Commerciali Srl

vs

Mariella De Zotti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Schiemann, K. Lenaerts, E. Juhász u E. Levits (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Honyvem Informazioni Commerciali Srl, minn G. Prosperetti u C. del Pennino, avvocati,

–       għal M. De Zotti, minn F. Toffoletto, avvocato,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Traversa, bħala aġent, assistit minn G. Belotti, avvocato,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal-25 ta' Ottubru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tittratta l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 17 u 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (ĠU L 382, p. 17, iktar 'il quddiem id-"direttiva").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Honyvem informazioni commerciali Srl (iktar 'il quddiem "Honyvem") u M. De Zotti dwar l-ammont ta' indennizz għal terminazzjoni ta' kuntratt dovut lil din ta' l-aħħar peress li l-kuntratt tagħha ġie tterminat mill-imsemmija kumpannija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 17 tad-direttiva jiddisponi li:

"1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jassiguraw li l-aġent kummerċjali jkun, wara t-terminu [terminazzjoni] tal-kuntratt ta’ l-aġenzija, indennizzat skond il-paragrafu 2 jew ikkunpensat għad-danni skond il-paragrafu 3.

2.      a)     L-aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal indennizz jekk u sal-limiti li:

–       ikun ressaq lill-klijenti prinċipali ġodda jew ikun żied b'mod sin[i]fikanti l-volum tan-negozju ma' klijenti eżistenti u l-prinċipal jibqa' jieħu benefiċċji sostanzjali min-negozju ma' dawn il-klijenti

u

–       il-ħlas ta' [dan] l-indennizz ikun indaqs fir-rigward taċ-ċirkostanzi kollha u, b'mod partikolari, il-kommissjoni mitlufa mill-aġent kummerċjali fuq in-negozju mwettaq ma' dawk il-klijenti. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu biex dawn iċ-ċirkostanzi jinkludu l-applikazzjoni jew [le] ta' klawsola fuq ir-restrizzjoni tal-kummerċ, fis-sens ta' l-Artikolu 20.

b)      L-ammont ta’ l-indennizz ma jistax jeċċedi figura ekwivalenti għal indennizz għal sena waħda ikkalkolata mir-remunerazzjoni annwali medja ta' aġent kummerċjali tul il-ħames snin preċedenti u jekk il-kuntratt imur lura anqas minn ħames snin, l-indennizz għandu jiġi kkalkolat fuq il-medja tal-perijodu in kwistjoni.

c)      Il-għotja ta’ dan l-indennizz m’għand[h]iex iżżomm lill-aġent kummerċjali milli jfittex id-danni.

[…]

6.      Il-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill, fi żmien tmi[e]n snin wara d-data tan-notifika ta’ din id-direttiva, rapport dwar l-implementazzjoni ta’ dan l-Artikolu, u għandha jekk neċessarju tissottometti lilu l-proposti tagħha għal emendi."

4       L-Artikolu 19 tad-direttiva jipprevedi li:

"Il-partijiet ma jistgħux jidderogaw mill-Artikoli 17 u 18 għad-detriment ta' l-aġent kummerċjali qabel ma' l-kuntratt ta' l-aġenzija jiskadi."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5       L-Artikoli 17 u 19 tad-direttiva ġew trasposti fil-liġi nazzjonali permezz ta' l-Artikolu 1751 tal-Kodiċi Ċivili Taljan (iktar 'il quddiem il-"Kodiċi Ċivili"). Wara l-adozzjoni tad-Digriet leġiżlattiv Nru 303, ta' l-10 ta' Settembru 1991 (Supplement ordinarju tal-GURI Nru 221, ta' l-20 ta' Settembru 1991), il-kliem użat f'din id-dispożizzjoni ġie emendat u issa huwa bbażat fuq dak ta' l-imsemmija Artikoli tad-direttiva. Bħall-Artikolu 17 tagħha, huwa jirrifletti sistema meritokratika għal dak li għandu x'jaqsam mal-kalkolu ta' l-indennizz li għalih l-aġent kummerċjali għandu dritt wara t-terminazzjoni tal-kuntratt tiegħu.

6       Fis-27 ta' Novembru 1992, il-Confcommercio (Organizzazzjoni li tirrappreżenta lill-impriżi fis-settur tal-kummerċ, tat-turiżmu u tas-servizzi) u l-FNAARC (Organizzazzjoni li tirrappreżenta lill-aġenti u r-rappreżentanti tal-kummerċ) iffirmaw ftehim kollettiv (iktar 'il quddiem il-"ftehim ta' l-1992") li jgħid dan li ġej:

"Punt I

B'referenza għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 1751 tal-Kodiċi Ċivili, kif emendati mill-Artikolu 4 tad-Digriet leġiżlattiv Nru 303 ta' l-10 ta' Settembru 1991, u b'mod partikolari għall-prinċipju ta' l-ekwità, kull meta kuntratt jiġi tterminat, l-aġent jew ir-rappreżentant għandu jingħata indennizz li l-ammont tiegħu jkun ugwali għal 1% ta' l-ammont sħiħ tal-kummissjonijiet dovuti u mħallsa matul il-kuntratt.

Din is-somma għandha tiġi kkompletata mill-miżuri li ġejjin:

A.      Aġenti u rappreżentanti marbuta b'obbligu ta' esklussività ma' impriża waħda biss:

–       3% tal-kummissjonijiet b'limitu ta' 24 000 000 lira kull sena;

–       1% ta' l-ammont tal-kummissjonijiet minn 24 000 001 sa 36 000 000 lira kull sena.

B.      Aġenti u rappreżentanti li mhumiex marbuta b'obbligu ta' esklussività ma' impriża waħda biss:

–       3% tal-kummissjonijiet b'limitu ta' 12 000 000 lira kull sena;

–       1% ta' l-ammont tal-kummissjonijiet minn 12 000 001 sa 18 000 000 lira kull sena.

[…]

Il-partijiet jiddikjaraw reċiprokament li, fid-dawl ta' dak kollu li jippreċedi, huma għandhom l-intenzjoni li jissodisfaw il-kriterju ta' ekwità msemmi fl-Artikolu 1751 tal-Kodiċi Ċivili, iċċitat iktar 'il fuq.

Punt II

B'applikazzjoni dejjem ta' l-Artikolu 1751 tal-Kodiċi Ċivili, minbarra s-somom iċċitati fil-Punt I ta' dan il-ftehim, għandha titħallas somma oħra […] u kkalkulata kif ġej:

–       3% tal-kummissjonijiet dovuti fl-ewwel tliet snin tal-kuntratt ta' aġenzija;

–       3,50% tal-kummissjonijiet dovuti bejn ir-raba' u s-sitt sena;

–       4% tal-kummissjonijiet dovuti matul is-snin ta' wara.

[…]

Dikjarazzjoni vverbalizzata

Il-partijiet jikkonfermaw li dawn id-dispożizzjonijiet kollettivi dwar ħlas fi tmiem il-kuntratt, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 1751 tal-Kodiċi Ċivili, jikkostitwixxu fit-totalità tagħhom sistema iktar favorevoli minn dik li tipprovdi l-liġi. Dawn id-dispożizzjonijiet huma interdipendenti u inseparabbli u ma jistgħux jiġu applikati ma ebda sistema oħra.

[…]"

7       Skond il-ftehim ta' l-1992, il-kalkolu ta' l-indennizz li għalih għandu dritt l-aġent kuntrattwali wara t-terminazzjoni tal-kuntratt huwa għalhekk ibbażat, kuntrarjament għall-kriterji msemmija fl-Artikoli 17 tad-direttiva u 1751 tal-Kodiċi Ċivili, kif emendat mid-Digriet leġiżlattiv Nru 303, ta' l-10 ta' Settembru 1991 (iktar 'il quddiem l-"Artikolu 1751 tal-Kodiċi Ċivili"), fuq perċentwali fissi tal-kummissjonijiet miġbura mill-imsemmi aġent kuntrattwali u fuq it-tul tal-kuntratt ta' aġenzija.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8       Honyvem itterminat, b'effett mit-30 ta' Ġunju 1998, il-kuntratt konkluż ma' M. De Zotti. Skond il-klawżola 10 tiegħu, l-imsemmi kuntratt "huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili, tal-liġijiet speċjali dwar il-mandat ta' aġent kummerċjali kif ukoll tal-ftehim kollettivi fis-settur kummerċjali […]".

9       Peress li kkunsidrat li l-kalkolu ta' l-indennizz għal terminazzjoni ta' kuntratt kellu jiġi bbażat fuq il-ftehim ta' l-1992, Honyvem ipproponiet li tagħti lil M. De Zotti s-somma ta' 78 880 276 ITL bħala l-imsemmi indennizz.

10     Billi M. De Zotti kienet tikkunsidra li din is-somma ma kinitx biżżejjed, fit-12 ta' April 1999, hija ressqet rikors quddiem it-Tribunale di Milano sabiex Honyvem tiġi kkundannata tħallasha s-somma ta' 181 889 420 ITL b'applikazzjoni tal-kriterji mniżżla fl-Artikolu 1751 tal-Kodiċi Ċivili.

11     Peress li t-Tribunale di Milano ċaħad l-imsemmi rikors billi laqa' l-argument ta' Honyvem, M. De Zotti appellat quddiem il-Corte d’appello di Milano. Din il-qorti laqgħet l-appell u rrikonoxxiet li l-persuna kkonċernata kellha dritt għal somma supplimentari ta' 57 000 000 ITL b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 1751 tal-Kodiċi Ċivili.

12     Honyvem appellat mis-sentenza mogħtija mill-Corte d’appello di Milano quddiem il-Corte suprema di cassazione. Din il-kumpannija sostniet, b'mod partikulari, li r-referenza għall-prinċipju ta' l-awtonomija tal-volontà tal-partijiet u, għaldaqstant, għall-ftehim kollettivi hija espressament awtorizzata mill-Artikolu 1751 tal-Kodiċi Ċivili fil-każ fejn dawn jipprovdu kundizzjonijiet iktar favorevoli għall-aġent kummerċjali minn dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tas-sistema prevista fil-leġiżlazzjoni. L-evalwazzjoni tan-natura iktar favorevoli ta' l-indennizz pprovdut fil-ftehim għandha ssir ex ante. Issa, peress li s-sistema stabbilita mill-ftehim kollettiv tassigura, f'kull każ, il-benefiċċju ta' indennizz lill-aġent kummerċjali, għandu jiġi konkluż li din hija iktar favorevoli għalih minn dik stabbilita mill-Artikolu 1751 tal-Kodiċi Ċivili.

13     M. De Zotti ressqet appell inċidentali minħabba li l-indennizz għal terminazzjoni ta' kuntratt dovut lilha għandu jikkorrispondi, b'applikazzjoni tal-kriterji mniżżla fl-Artikolu 1751 tal-Kodiċi Ċivili, għal indennizz li l-ammont tiegħu jqarreb dak mitlub fl-ewwel istanza.

14     Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li la l-ġurisprudenza u lanqas id-duttrina Taljana ma waslu għal konklużjonijiet unanimi dwar il-legalità tal-ftehim ta' l-1992.

15     Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Corte suprema di cassazione iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

"1)      Fid-dawl tal-kontenut u ta' l-għan ta' l-Artikolu 17 tad-direttiva u, eventwalment, tal-kriterji li dan joffri sabiex jiġi kkalkulat l-indennizz li huwa jipprovdi, l-Artikolu 19 ta' l-istess direttiva jista' jiġi interpretat bħala li huwa jaċċetta l-possibbiltà li liġi nazzjonali li tittrasponi d-direttiva tippermetti li ftehim kollettiv (li japplika għall-partijiet f'ċerti kuntratti) ma jipprevedix indennizz dovut lill-aġent fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 17(2) u kkalkulat bl-għajnuna ta' kriterji li jistgħu jiġu dedotti minn dan l-Artikolu, iżda għal kuntrarju, indennizz li, minn naħa, għandu jiġi mħallas lill-aġent indipendentement minn jekk jiġux sodisfatti l-kundizzjonijiet imniżżla fl-ewwel u t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 17[(2)](a) (u għal parti ta' dan l-indennizz, f'kull ipotesi ta' terminazzjoni tal-kuntratt) u, min-naħa l-oħra, huwa kkalkulat mhux skond il-kriterji li jistgħu jiġu dedotti mid-direttiva (u, jekk neċessarju, fil-limiti ta' l-ammont indikat minnha), iżda skond kriterji ddeterminati minn qabel mill-ftehim kollettiv, jiġifieri indennizz determinat (mingħajr ebda referenza speċifika għaż-żieda fl-operazzjonijiet miġjuba mill-aġent) abbażi ta' perċentwali fissi ta' remunerazzjonijiet miġbura mill-aġent kummerċjali matul il-kuntratt, bil-konsegwenza li dan l-indennizz, anki fil-preżenza ta' limitu, jew, fil-biċċa l-kbira, ta' kundizzjonijiet li għalihom id-direttiva tissuġġetta d-dritt għal indennizz, għandu f'ħafna każijiet ikun stabbilit għal somma inferjuri (u xi drabi inferjuri ħafna) għas-somma massima prevista fid-direttiva, u, f'kull każ, inferjuri għas-somma li setgħet tiġi stabbilita mill-qorti jekk din ma kinitx marbuta bil-fatturi ta' kalkolu tal-ftehim kollettiv, iżda bil-prinċipji u l-kriterji tad-direttiva?

2)      […] il-kalkolu ta' l-indennizz għandu jsir b'mod analitiku, permezz ta' stima ta' kummissjonijiet oħrajn li l-aġent kummerċjali seta' probabbilment jiġbor matul is-snin wara t-terminazzjoni tal-kuntratt, minħabba klijenti ġodda li huwa ġab jew minħabba l-iżvilupp għaqli ta' operazzjonijiet mal-klijenti li jkollu diġà u li jkun ġab huwa stess, u permezz ta' l-applikazzjoni biss fi stadju ulterjuri ta' modifiki eventwali fis-somma b'kunsiderazzjoni għall-kriterju ta' l-ekwità u tal-limitu previst fid-direttiva; jew jekk metodi oħra ta' kalkolu huma awtorizzati u, b'mod partikolari, metodi sintetiċi li jħallu spazju ikbar għall-kriterju ta' l-ekwità u bħala punt ta' tluq tal-kalkoli, għall-limitu massimu speċifikat fid-direttiva?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

16     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 19 tad-direttiva għandux jiġi interpretat f'sens li l-indennizz għal terminazzjoni ta' kuntratt provvdut fl-Artikolu 17(2) tad-direttiva jista' jiġi ssostitwit, b'applikazzjoni ta' ftehim kollettiv, b'indennizz determinat skond kriterji oħrajn minn dawk stabbiliti mill-imsemmija dispożizzjoni.

17     Qabel kollox, għandu jiġi osservat li l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 17 u 19 tad-direttiva għandha ssir fid-dawl ta' l-għan li d-direttiva trid tilħaq u tas-sistema li hija tistabbilixxi (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta' Ottubru 1991, Vandevenne et, C-7/90, Ġabra p. I-4371, punt 6, u tat-12 ta' Diċembru 1996, Kontogeorgas, C-104/95, Ġabra p. I-6643, punt 25).

18     F'dan ir-rigward, huwa paċifiku li d-direttiva għandha bħala għan li tarmonizza l-liġijiet ta' l-Istati Membri f'dak li jirrigwarda r-rapporti ġuridiċi bejn il-partijiet f'kuntratt ta' aġenzija kummerċjali (sentenzi tat-30 ta' April 1998, Bellone, C-215/97, Ġabra p. I-2191, punt 10, u tat-13 ta' Lulju 2000, Centrosteel, C-456/98, Ġabra p. I-6007, punt 13).

19     Kif jirriżulta mit-tieni u t-tielet premessa, id-direttiva hija intiża sabiex tipproteġi l-aġenti kummerċjali fir-relazzjonijiet tagħhom mal-prinċipali tagħhom, tippromwovi s-sigurtà ta' operazzjonijiet kummerċjali u tiffaċilita l-iskambji ta' merkanziji bejn Stati Membri billi tapprossima s-sistemi ġuridiċi ta' dawn ta' l-aħħar fil-qasam tar-rappreżentanza kummerċjali. Għal dan il-għan, id-direttiva tistabbilixxi b'mod partikolari regoli li jirregolaw, fl-Artikoli 13 sa 20 tagħha, it-terminazzjoni u t-tmiem tal-kuntratt ta' aġenzija (sentenza tas-6 ta' Marzu 2003, Caprini, C-485/01, Ġabra p. I-2371, punt 4).

20     Għal dak li jikkonċerna t-terminazzjoni tal-kuntratt, l-Artikolu 17(1) tad-direttiva jistabbilixxi sistema li tippermetti lill-Istati Membri jagħżlu waħda minn żewġ soluzzjonijiet. Fil-fatt, dawn ta' l-aħħar għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw li l-aġent kummerċjali jkun, wara t-terminazzjoni tal-kuntratt, indennizzat skond il-kriterji mniżżla fil-paragrafu 2 ta' l-istess Artikolu, jew ikkumpensat għad-danni skond kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3 ta' dan.

21     Ir-Repubblika Taljana, li qabel il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha kienet bbażata ħafna fuq ftehim kollettivi, għażlet is-soluzzjoni pprovduta fl-Artikolu 17(2).

22     Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema stabbilita mill-Artikoli 17 sa 19 ta' din id-direttiva hija, fid-dawl b'mod partikolari tal-protezzjoni ta' l-aġent kummerċjali wara t-terminazzjoni tal-kuntratt, ta' natura imperattiva (sentenza tad-9 ta' Novembru 2000, Ingmar, C-381/98, Ġabra p. I-9305, punt 21).

23     Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li prinċipal ma jistax jevadi l-imsemmija dispożizzjonijiet permezz ta' sempliċi klawżola ta' għażla ta' liġi, mingħajr ma tkun tqajmet il-kwistjoni dwar jekk l-għażla saritx jew le bi ħsara għall-aġent kummerċjali (sentenza Ingmar, iċċitata iktar 'il fuq, punt 25).

24     Għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 19 tad-direttiva, għandu jiġi mfakkar qabel kollox li, skond ġurisprudenza kostanti, il-kliem użat sabiex jiġu stabbiliti eżenzjonijiet mill-prinċipju ġenerali stabbilit mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, bħal dak li jirriżulta mis-sistema ta' indennizz pprovdut fl-Artikolu 17 tad-direttiva, għandu jiġi interpretat b'mod strett (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta' Jannar 2001, Stockholm Lindöpark, C-150/99, Ġabra p. I-493, punt 25).

25     Għandu jiġi osservat ukoll li l-Artikolu 19 tad-direttiva jipprevedi l-possibbiltà għall-partijiet li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 17 tagħha qabel ma jiskadi l-kuntratt, bil-kundizzjoni li d-deroga maħsuba ma tkunx sfavorevoli għall-aġent kummerċjali. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li n-natura sfavorevoli jew le ta' l-imsemmija deroga għandha tiġi evalwata fil-mument li fih il-partijiet jikkunsidrawha. Dawn ta' l-aħħar ma jistgħux jiftiehmu fuq deroga li fir-rigward tagħha jinjoraw jekk din tkunx, fi tmiem il-kuntratt, favur jew għad-detriment ta' l-aġent kummerċjali.

26     Tali interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll mill-għan u minn natura tas-sistema stabbilita mill-Artikoli 17 u 19 tad-direttiva, kif ippreċiżati fil-punti 19 u 22 ta' din is-sentenza.

27     Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 19 tad-direttiva għandu jinftiehem f'sens li deroga mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 17 tagħha hija possibbli biss jekk, ex ante, jiġi eskluż li din tista' tkun, fi tmiem il-kuntratt, ta' detriment għall-aġent kummerċjali.

28     Dan ikun il-każ, għal dak li jikkonċerna l-ftehim ta' l-1992, jekk jista' jiġi stabbilit li l-applikazzjoni ta' dan il-ftehim mhija qatt sfavorevoli għall-aġent kummerċjali, peress illi hija tiggarantixxi sistematikament lil dan ta' l-aħħar, b'rigward għar-rapporti ġuridiċi kollha li jistgħu jiġu stabbiliti bejn il-partijiet f'kuntratt ta' agenzija kummerċjali, indennizz superjuri jew għall-inqas ugwali għal dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' l-Artikolu 17 tad-direttiva.

29     Il-fatt biss li l-imsemmi ftehim jista' jkun favorevoli għall-aġent kummerċjali fil-każ li huwa jkollu biss, b'applikazzjoni tal-kriterji mniżżla fl-Artikolu 17(2) tad-direttiva, dritt għal indennizz imnaqqas ħafna, jew ma jkollu ebda dritt għal indennizz, ma jkunx biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li hija ma tipprovdix deroga għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 17 u 18 tad-direttiva li hija ta' detriment għall-aġent kummerċjali.

30     Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel il-verifikazzjonijiet neċessarji għal dan il-għan.

31     Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li huwa biss fil-każ li l-ftehim ta' l-1992 jagħti l-possibbiltà li jiġi applikat, għalkemm biss parzjalment, l-indennizz ikkalkulat skond id-dispożizzjonijiet ta' dan il-ftehim flimkien ma' l-indennizz ipprovdut mis-sistema stabbilita mid-direttiva li dan jista' jiġi kkwalifikat bħala li huwa favorevoli għall-aġent kummerċjali. Din il-possibbiltà hija madankollu espressament skartata mid-dikjarazzjoni vverbalizzata tal-partijiet li ffirmaw l-imsemmi ftehim.

32     Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 19 tad-direttiva għandu jiġi interpretat f'sens li l-indennizz għal terminazzjoni ta' kuntratt li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' l-Artikolu 17(2) tad-direttiva ma jistax jiġi sostitwit, b'applikazzjoni ta' fethim kollettiv, b'indennizz determinat skond kriterji differenti minn dawk stabbiliti minn din id-dispożizzjoni ħlief jekk jiġi stabbilit li l-applikazzjoni ta' tali ftehim tiggarantixxi lill-aġent kummerċjali, f'kull każ, indennizz ugwali jew superjuri għal dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' l-imsemmija dispożizzjoni.

 Fuq it-tieni domanda

33     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk il-kalkolu ta' l-indennizz għal terminazzjoni ta' kuntratt għandux isir b'mod analitiku, kif jipprovdi l-Artikolu 17(2) tad-direttiva, jew jekk jistgħux jintużaw metodi oħra ta' kalkolu, li jagħtu, b'mod partikolari, spazju ikbar għall-kriterju ta' l-ekwità.

34     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm is-sistema stabbilita mill-Artikolu 17 tad-direttiva hija mandatorja u hija tistabbilixxi kuntest (sentenza Ingmar, iċċitata iktar 'il fuq, punt 21), hija ma tagħtix madankollu indikazzjonijiet dettaljati għal dak li jirrigwarda l-metodu ta' kalkolu ta' l-indennizz għal terminazzjoni ta' kuntratt.

35     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja iddeċidiet li, f'dan il-kuntest, l-Istati Membri jistgħu jeżerċitaw marġni ta' diskrezzjoni meta jiġu biex jagħżlu l-metodi ta' kalkolu ta' l-indennizz (sentenza Ingmar, iċċitata iktar 'il fuq, punt 21). Il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill, kif hija kellha l-obbligu tagħmel skond l-Artikolu 17(6) tad-direttiva, ir-rapport dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom, ippreżentat mill-Kummissjoni fit-23 ta' Lulju 1996 [KUM(96) 364 finali]. Dan ir-rapport jagħti informazzjoni dettaljata għal dak li jikkonċerna l-kalkolu effettiv ta' l-indennizz u huwa intiż sabiex jiffaċilita interpretazzjoni iktar uniformi ta' dan l-Artikolu 17.

36     Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li, fil-kuntest stabbilit mill-Artikolu 17(2) tad-direttiva, l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta' diskrezzjoni li huma għandhom il-fakultà jeżerċitaw, b'mod partikulari, skond il-kriterju ta' l-ekwità.

 Fuq l-ispejjeż

37     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikolu 19 tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom, għandu jiġi interpretat f'sens li l-indennizz għal terminazzjoni ta' kuntratt li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' l-Artikolu 17(2) tad-direttiva ma jistax jiġi sostitwit, b'applikazzjoni ta' fethim kollettiv, b'indennizz determinat skond kriterji differenti minn dawk stabbiliti minn din id-dispożizzjoni ħlief jekk jiġi stabbilit li l-applikazzjoni ta' tali ftehim tiggarantixxi lill-aġent kummerċjali, f'kull każ, indennizz ugwali jew superjuri għal dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta' l-imsemmija dispożizzjoni.

2)      Fil-kuntest stabbilit mill-Artikolu 17(2) tad-direttiva 86/653, l-Istati Membri jgawdu minn marġni ta' diskrezzjoni li huma għandhom il-fakultà jeżerċitaw, b'mod partikulari, skond il-kriterju ta' l-ekwità.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.