SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

6 ta' April 2006 (*)

" Kabotaġġ marittimu – Regolament (KEE) Nru 3577/92 – Liġi applikabbli għall-persunal ta' vapuri ta' tagħbija 'l fuq minn 650 gt u li jagħmlu kabotaġġ tal-gżejjer – Kunċett ta' ‘vjaġġ li jsegwi jew jippreċedi' l-vjaġġ ta' kabotaġġ "

Fil-kawża C-456/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia (l-Italja), permezz ta' deċiżjoni ta' l-20 ta' Lulju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta' Ottubru 2004, fil-kawża

Agip Petroli SpA

vs

Capitaneria di porto di Siracusa,

Capitaneria di porto di Siracusa – Sezione staccata di Santa Panagia,

Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J. Makarczyk, R. Schintgen, P. Kūris u J. Klučka (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-10 ta' Novembru 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Agip Petroli SpA, minn R. Longanesi Cattani, G. Pitruzzella u A. Cariola, avvocati,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

–       għall-Gvern Elleniku, minn E.-M. Mamouna, bħala aġent,

–       għall-Gvern Franċiż, minn A. Hare, bħala aġent,

–       għall-Gvern Norveġiż, minn A. Eide, bħala aġent, assistit minn C. Galtung, attorney general for civil affairs,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Simonsson, bħala aġent, assistit minn G. Conte u E. Boglione, avvocati,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta' Diċembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta' Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta' libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU L 364, p. 7, iktar 'il quddiem ir-"Regolament").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Agip Petroli SpA (iktar 'il quddiem "Agip Petroli") u l-Capitaneria di porto di Siracusa, il-Capitaneria di porto di Siracusa – Sezione staccata di Santa Panagia (iktar 'il quddiem l-"awtorità tal-port") u l-Ministero delle Instrastrutture e dei Trasporti rigward deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità tal-port irrifjutat lil tanker, li jtajjar il-bandiera Griega, l-awtorizzazzjoni sabiex iwettaq traġitt ta' kabotaġġ insulari bejn Magnisi u Gela.

 Il-kuntest ġuridiku

3       It-tielet, ir-raba', is-seba' u t-tmien premessa tar-Regolament jipprovdu kif ġej:

"billi l-abolizzjoni ta' restrizzjonijiet dwar l-għoti ta' servizzi ta' trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri hi meħtieġa biex ikun stabbilit suq intern; billi s-suq intern għandu jkun fih żona li fiha l-moviment liberu ta' oġġetti, persuni, servizzi u kapital hu assigurat;

billi għalhekk il-libertà biex jiġu pprovduti s-servizzi għandha tkun applikata għat-trasport marittimu ġewwa Stati Membri;

[…]

billi sabiex jiġi evitat tgħawwiġ ta' kompetizzjoni, proprjetarji ta' vapuri tal-Komunità li jeżerċitaw il-libertà li jipprovdu servizzi ta' kabotaġġ għandhom jikkonformaw mal-kundizzjonijiet kollha biex isir kabotaġġ fi Stat Membru li fih il-vapuri tagħhom huma rreġistrati; billi propjetarji ta' vapuri tal-Komunità li joperaw vapuri rreġistrati fi Stat Membru li ma jkollhomx il-jedd li jagħmlu kabotaġġ f'dak l-Istat għandhom minkejja kollox ikunu benefiċċjarji ta' dan ir-Regolament matul il-perijodu transitorju;

billi l-implementazzjoni ta' din il-libertà għandha tkun gradwali u mhux neċessarjament mogħtija b'mod uniformi għas-servizzi kollha f'dan il-każ, meta wieħed jikkunsidra n-natura ta' ċerti servizzi speċifiċi u l-kobor ta' l-isforz li ċerti ekonomiji fil-Komunità li juru differenzi fi żvilupp għandhom iġarrbu […]".

4       L-Artikolu 1(1) tar-Regolament jipprovdi:

"Sa mill-1 ta' Jannar 1993, il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi ta' trasport marittimu ġewwa Stat Membru (kabotaġġ marittimu) għandu japplika għal propjetarji ta' vapuri tal-Komunità li jkollhom il-vapuri tagħhom irreġistrati fi, u jtajjru l-bandiera ta' Stat Membru, sakemm dawn il-vapuri jkunu konformi mal-kundizzjonijiet kollha biex jagħmlu kabotaġġ f'dak l-Istat Membru […]"

5       L-Artikolu 2 tar-Regolament jipprovdi:

"Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

1)"servizzi ta' trasport marittimu ġewwa Stat Membru (kabotaġġ marittimu) tfisser servizzi normalment ipprovduti għal rimunerazzjoni u għandhom b'mod partikolari jinkludu:

[…]

c)kabotaġġ tal-gżejjer: il-ġarr ta' passiġġieri jew oġġetti bil-baħar bejn:

–       portijiet li jinsabu fuq l-art ewlenija u fuq waħda jew aktar mill-ġżejjer ta' l-istess Stat Membru,

–       portijiet li jinsabu fuq il-gżejjer ta' l-istess Stat Membru;

[…]"

6       Skond l-Artikolu 3 tar-Regolament:

"1.Għal vapuri li jagħmlu kabotaġġ fl-art ewlenija u għal vapuri tal-passiġġieri, il-materji kollha li jirreferu għal persunal għandhom ikunu r-responsabbiltà ta' l-Istat li fih il-vapur ikun reġistrat (Stat tal-bandiera), minbarra għal vapuri li jkunu iżgħar minn 650 gt, fejn il-kundizzjonijiet ta' l-Istat li jospita jistgħu jiġu applikati

2.Għal vapuri li jagħmlu kabotaġġ tal-gżejjer, il-materji kollha dwar persunal huma r-responsabbiltà ta' l-Istat li fih il-vapur ikun qed jagħmel servizz ta' trasport marittimu (Stat ospitanti).

3.Iżda, mill-1 ta' Jannar 1999, għal vapuri ta' tagħbija 'l fuq minn 650 gt li jagħmlu kabotaġġ tal-gżejjer, meta l-vjaġġ f'dak il-każ isegwi jew jippreċedi vjaġġ lil jew minn Stat ieħor, il-materji kollha dwar persunal ikunu r-responsabbiltà ta' l-Istat li fih il-vapur ikun reġistrat (Stat tal-bandiera).

[…]"

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7       Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li Agip Petroli kriet it-tanker Theodoros IV (iktar 'il quddiem it-"Theodoros IV"), li kien itajjar il-bandiera Griega, sabiex jittrasporta tagħbija ta' żejt mhux raffinat bejn Magnisi u Gela, żewġ lokalitajiet li jinsabu fi Sqallija. Sabiex tiġġustifika d-deroga għal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat ospitanti, jiġifieri r-Repubblika Taljana, u, konsegwentement, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat tal-bandiera, jiġifieri r-Repubblika Ellenika, Agip Petroli invokat l-Artikolu 3(3) tar-Regolament. Fit-talba tagħha għal awtorizzazzjoni sabiex twettaq dan it-traġitt ta' kabotaġġ insulari, din il-kumpannija indikat li l-vapur kellu sussegwentement jagħmel vjaġġ dirett lejn barra l-pajjiż mingħajr tagħbija abbord (vjaġġ b'saborra).

8       Permezz ta' deċiżjoni tas-6 ta' Diċembru 2001, l-awtorità tal-port irrifjutat lil Theodoros IV din l-awtorizzazzjoni għar-raġuni li l-persunal ta' dan il-vapur kien jinkudi, bi ksur ta' l-Artikolu 318 tal-Kodiċi Taljan tan-Navigazzjoni, baħrin ta' nazzjonalità Filippina.

9       Fid-deċiżjoni tagħha, l-awtorità tal-port iġġustifikat l-applikazzjoni tad-dritt Taljan, in kunsiderazzjoni taċ-ċirkulari Nru TMA3/CA/0230, tal-31 ta' Jannar 2000, tal-Ministeru tat-Trasport u tan-Navigazzjoni, li jgħid li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament, li jipprevedi l-applikazzjoni derogatorja tal-liġi ta' l-Istat tal-bandiera, huwa intiż esklużivament għall-każ li fih "il-vjaġġ li jsegwi jew li jippreċedi l-kabotaġġ huwa, min-naħa funzjonali u kummerċjali, awtonomu, li jfisser li l-vapur li jġorr abbord fuqu tagħbija li għandha bħala destinazzjoni finali/inizjali port barra 'l pajjiż". Din id-dispożizzjoni ma tistax, konsegwentement, tiġi invokata meta "l-vapur ikun wettaq preċedentement jew ikun wettaq wara l-vjaġġ ta' kabotaġġ insulari vjaġġ b'saborra jew b'abbord tagħbija ta' merkanzija li, minħabba l-kwantità jew il-kwalità tagħhom, ma jistgħux jikkonferixxu lill-vjaġġ karatteristika awtonoma".

10     Agip Petroli ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, li tqis li żewġ interpretazzjonijiet ta' l-Artikolu 3(3) tar-Regolament huma possibbli. Skond din il-qorti, l-għan li jiġi evitat li, permezz ta' traġitti ta' kabotaġġ konsekuttivi fittizzji, id-dispożizzjonijet ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament jiġu evażi, jitlob interpretazzjoni restrittiva. Madankollu, flimkien ma jidher fid-dokument ta' dawn id-dispożizzjonijiet indikazzjoni waħda li tillimita s-sinjifikat tagħhom għal vjaġġi effettwati b' tagħbija abbord il-vapur.

11     Kien f'dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale amministrativo regionale per la Sicilia ddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel is-segwenti domanda għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"[…] il-kunċett ta' 'vjaġġ li jsegwi jew jippreċedi l-vjaġġ ta' kabotaġġ, li jinsab fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament […] ma huwiex applikabbli ħlief għal vjaġġ li jkun, 'minn punt funzjonali u kummerċjali, awtonomu, li jfisser li l-vapur ikollu abbord fuqu tagħbija li għandha bħala destinazzjoni finali/inizjali port barra 'l pajjiż', kif mifhum fil-miżuri kkontestati fil-kawża prinċipali, jew […] dan il-kunċett ikopri wkoll l-ipoteżi ta' vjaġġ mingħajr tagħbija abbord fuqu ('vjaġġ b'saborra')[?]"

 Fuq id-domanda preliminari

12     Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju fis-sustanza tistaqsi jekk, fil-qasam tat-trasport marittimu ta' merkanzija ġewwa l-Istati Membri, il-kunċett ta' "vjaġġ li jsegwi jew jippreċedi" l-vjaġġ ta' kabotaġġ (iktar 'il quddiem il-"vjaġġ internazzjonali") li jinsab fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament, ikoprix biss il-vjaġġ b'tagħbija abbord il-vapur jew jekk dan jistax jiġi estiż għall-ipoteżi ta' vjaġġ b'saborra.

13     L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-għan tal-liberalizzazzjoni mfittxija mir-Regolament, kif jirriżulta b'mod partikolari mit-tielet u r-raba' premessa tiegħu, u li jwassal għall-abolizzjoni tar-restrizzjonijiet tal-provvista tas-servizzi ta' trasport marittimu ġewwa l-Istati Membri, għadu ma ntlaħaqx għal kollox. Wieħed mil-limiti tal-liberalizzazzjoni prevista mir-Regolament jikkonċerna l-kabotaġġ insulari. Fil-fatt, filwaqt li l-Artikoli 1 u 3(1) ta' dan ir-Regolament jippreċiżaw li bħala prinċipju huma l-kundizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat tal-bandiera li jipprevalu, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament jipprovdi eċċezzjoni fil-qasam tal-kabotaġġ insulari, billi jipprovdi li, għal vapuri li jagħmlu dan it-tip ta' trasport, il-kwistjonijiet kollha dwar il-persunal jaqgħu taħt id-dritt ta' l-Istat ospitanti. Il-prinċipju ta' l-applikazzjoni tar-regoli ta' l-Istat tal-bandiera għall-kompożizzjoni tal-persunal madankollu huwa previst fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament, meta l-kabotaġġ insulari huwa ppreċedut jew segwit minn vjaġġ internazzjonali li jsir minn vapur ta' tagħbija 'l fuq minn 650 gt.

14     Għal dak li jikkonċerna l-kunċett ta' "vjaġġ internazzjonali" għandu mal-ewwel jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3(2) tar-Regolament sempliċement jeżiġi li l-vjaġġ ta' kabotaġġ jiġi ppreċedut jew imsegwi minn vjaġġ internazzjonali, mingħajr ma jagħti ebda indikazzjoni fuq il-kunċett stess ta' "vjaġġ" u l-anqas fuq l-eventwali preżenza ta' tagħbija abbord vapuri 'l fuq minn 650 gt.

15     F'dawn il-kundizzjonijiet, u peress illi r-Regolament ma fih ebda definizzjoni tal-kunċett ta' "vjaġġ" kif ukoll ebda element li jħalli wieħed jissuponi li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni jippermetti li kriterji supplementari jiġu kkunsidrati, bħar-rekwiżit ta' tagħbija abbord il-vapur jew l-eżistenza ta' awtonomija funzjonali u kummerċjali tal-vjaġġ internazzjonali, dan il-kunċett għandu jinftiehem li jinkludi, bħala prinċipju, kull vjaġġ, indipendentement mill-preżenza ta' tagħbija abbord il-vapur.

16     Din l-interpretazzjoni hija barra minn hekk konformi ma' l-għan tar-Regolament, jiġifieri l-implementazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-kabotaġġ marittimu skond il-kundizzjonijiet u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet li dan ir-Regolament jipprevedi (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-20 ta' Frar 2001, Analir et, C-205/99, Ġabra p. I-1271, punt 19). Fil-fatt, din tippermetti l-applikazzjoni sħiħa ta' l-Artikolu 3(3) tar-Regolament li, filwaqt li minn naħa tiegħu jippreskrivi l-applikazzjoni tar-regoli ta' l-Istat tal-bandiera, tagħmel parti mill-estensjoni diretta ta' dan l-għan.

17     Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija wkoll ikkorroborata mill-prattika tat-trasport marittimu li jidher li hemm bħala użanza li l-vjaġġi xi drabi jsiru b'saborra.

18     Madankollu, minkejja din il-konstatazzjoni, ma jistgħux jiġu aċċettati vjaġġi b'saborra li jsiru b'mod abbużiv sabiex jevadu r-regoli previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament u l-għan imfittex mir-Regolament stess, kif huwa mfakkar fil-punt 13 ta' din is-sentenza.

19     F'dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li skond ġurisprudenza kostanti, persuni ma jistgħux b'mod frawdolenti jew abbużivament jiċċitaw normi Komunitarji (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta' Mejju 1998, Kefalas et, C-367/96, Ġabra p. I-2843, punt 20; tat-23 ta' Marzu 2000, Diamantis, C-373/97, Ġabra p. I-1705, punt 33, u tal-21 ta' Frar 2006, Halifax et, C-255/02, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 68).

20     Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Komunitarja ma tistax tiġi estiża sabiex tkopri l-prattiċi abbużivi ta' operaturi ekonomiċi, jiġifieri l-operazzjonijiet li ma jitwettqux fil-kuntest ta' tranżazzjonijiet kummerċjali normali, imma biss bl-iskop li jevadu r-regoli previsti mid-dritt Komunitarju (ara, f'dan is-sens, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta' Ottubru 1977, Cremer, 125/75, Ġabra p. 1593, punt 21; tat-3 ta' Marzu 1993, General Milk Products, C-8/92, Ġabra p. I-779, punt 21, u Halifax et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 69).

21     Għaldaqstant il-qrati nazzjonali jistgħu, filwaqt li jibbażaw ruħhom fuq elementi oġġettivi, jieħdu in kunsiderazzjoni imġiba abbużiva ta' l-interessat sabiex jirrifjutawlu, skond il-każ, il-benefiċċju tad-dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju invokat. F'dan ir-rigward, huma jridu madankollu jieħdu in kunsiderazzjoni l-għanijiet imfittxija mid-dispożizzjoni in kwistjoni (ara s-sentena Diamantis, iċċitata iktar 'il fuq, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22     Għaldaqstant, ma jistax jiġi aċċettat li l-proprjetarju ta' vapur ikun ħoloq artifiċjalment il-kundizzjonijiet ta' vjaġġ internazzjonali b'saborra sabiex jsir applikabbli għalih l-Artikolu 3(3) tar-Regolament, u b'hekk il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat tal-bandiera minflok l-Artikolu 3(2) tar-Regolament, jiġifieri l-leġiżlazzjoni ta' l-Istat ospitanti.

23     Il-konstatazzjoni ta' tali prattika teżiġi, minn naħa, li l-vjaġġ internazzjonali b'saborra, minkejja l-applikazzjoni formali tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament, ikollha bħala riżultat li l-proprjetarju tal-vapur jibbenefika, għall-kwistjonijiet kollha dwar il-persunal, mill-applikazzjoni tar-regoli ta' l-Istat tal-bandiera bi ksur ta' l-għan ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament, li b'hekk jippermetti l-applikazzjoni tar-regoli ta' l-Istat ospitanti għall-kwistjonijiet kollha dwar il-persunal fil-każ ta' kabotaġġ insulari. Min-naħa l-oħra, għandu wkoll jirriżulta minn ġabra ta' elementi oġġettivi li l-iskop essenzjali ta' dan il-vjaġġ internazzjonali b'saborra huwa li jevadi l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament favur il-paragrafu 3 ta' l-istess Artikolu (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Halifax et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 86).

24     Madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, konformement mar-regoli tal-preżentata ta' provi tad-dritt nazzjonali, safejn id-dritt Komunitarju ma jiġix ipprivat mill-effikaċja tiegħu, jekk l-elementi kostituttivi ta' tali prassi abbużiva jinstabux fil-kawża prinċipali (ara s-sentenzi tal-21 ta' Lulju 2005, Eichsfelder Schlachtbetrieb, C-515/03, li għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 40, u Halifax, iċċitata iktar 'il fuq, punt 76).

25     F'dan ir-rigward, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq, ir-risposta għad-domanda ppreżentata għandha tkun li l-kunċett ta' vjaġġ internazzjonali, li jinsab fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament jinkludi, bħala prinċipju, kull vjaġġ ta' tluq jew destinazzjoni lejn Stat ieħor, indipendentement mill-preżenza ta' tagħbija abbord il-vapur. Madankollu, ma jistgħux jiġu aċċettati vjaġġi mingħajr merkanzija abbord il-vapur li jsiru b'mod abbużiv sabiex jiġu evażi r-regoli previsti mir-Regolament. Il-konstatazzjoni ta' l-eżistenza ta' prattika abbużiva teżiġi, minn naħa, li l-vjaġġ internazzjonali b'saborra, minkejja l-applikazzjoni formali tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(3) ta' dan ir-Regolament, ikollha bħala riżultat li l-proprjetarju tal-vapur jibbenefika, għall-kwistjonijiet kollha dwar il-persunal, mill-applikazzjoni tar-regoli ta' l-Istat tal-bandiera bi ksur ta' l-għan ta' l-Artikolu 3(2) ta' l-istess Regolament, li huwa li jippermetti l-applikazzjoni tar-regoli ta' l-Istat ospitanti għall-kwistjonijiet kollha dwar il-persunal fil-każ tal-kabotaġġ insulari. Min-naħa l-oħra, għandu jirriżulta wkoll minn ġabra ta' elementi oġġettivi li l-iskop essenzjali ta' dan il-vjaġġ internazzjonali b'saborra huwa li jevita l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament favur il-paragrafu 3 ta' l-istess Artikolu.

 Fuq l-ispejjeż

26     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi:

Il-kunċett ta' "vjaġġ li jsegwi jew jippreċedi" l-vjaġġ ta' kabotaġġ, li jinsab fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta' Diċembru 1992, li japplika l-prinċipju ta' libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) jinkludi, bħala prinċipju, kull vjaġġ ta' tluq jew destinazzjoni lejn Stat ieħor, indipendentement mill-preżenza ta' tagħbija abbord il-vapur. Madankollu, ma jistgħux jiġu aċċettati vjaġġi mingħajr merkanzija abbord il-vapur li jsiru b'mod abbużiv sabiex jiġu evażi r-regoli previsti mir-Regolament Nru 3577/92. Il-konstatazzjoni ta' l-eżistenza ta' prattika abbużiva teżiġi, minn naħa, li l-vjaġġ internazzjoni b'saborra, minkejja l-applikazzjoni formali tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(3) ta' dan ir-Regolament, ikollha bħala riżultat li l-proprjetarju tal-vapur jibbenefika, għall-kwistjonijiet kollha dwar il-persunal, mill-applikazzjoni tar-regoli ta' l-Istat tal-bandiera bi ksur ta' l-għan ta' l-Artikolu 3(2) ta' l-istess Regolament, li huwa li jippermetti l-applikazzjoni tar-regoli ta' l-Istat ospitanti għall-kwistjonijiet kollha dwar il-persunal fil-każ tal-kabotaġġ insulari. Min-naħa l-oħra, għandu jirriżulta wkoll minn ġabra ta' elementi oġġettivi li l-iskop essenzjali ta' dan il-vjaġġ internazzjonali b'saborra huwa li jevita l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 3577/92, favur il-paragrafu 3 ta' l-istess Artikolu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.