SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

8 ta’ Diċembru 2005 (*)

"Tariffa Komuni ta' Dwana – Klassifika tat-tariffi – Subintestatura 2519 90 10 – Manjesja mdewba permezz ta' tidwib, ġo forn b’ark elettriku, ta’ magnesite maħruq minn qabel – Manjesja mdewba bl-elettriku"

Fil-kawża C-445/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, mressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (Il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil- 21 ta’ Ottubru 2004, fil-proċedura

 Possehl Erzkontor GmbH

vs

Hauptzollamt Duisburg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, li jeżerċita l-funzjoni ta’ President tar-Raba’ Awla, M. Ilešič (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-14 ta’ Settembru 2005,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għal Possehl Erzkontor GmbH, minn H. Bleier, Rechtsanwalt,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn B. Schima, bħala aġent,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali u ħadet id-deċiżjoni li tiddeċiedi l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestatura 2519 90 10 tan-nomenklatura magħquda li hemm fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, p.1), fil-verżjonijiet tiegħu li jirriżultaw mir-Regolamenti (KE) Nri 3115/94 tal-Kummissjoni, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1994 (ĠU L 345, p. 1), 1395/95 tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Ġunju 1995 (ĠU L 142, p 1), 2448/95 tal-Kummissjoni ta’ l-10 ta’ Ottubru 1995 (ĠU L 259, p 1) u 3009/95 tal-Kummissjoni, tat-22 ta’ Diċembru 1995 (ĠU L 319, p.1 aktar 'il quddiem il-"NM")

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Possehl Erzkontor GmbH (aktar ‘il quddiem «Possehl») u Hauptzollamt Duisburg, dwar il-klassifika tat-tariffa tal-manjesja mdewba bl-elettriku (MgO).

 Il-kuntest ġuridiku

3       In-NM, mwaqqfa bir-Regolament nru 2658/87, hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifika ta' oġġetti (iktar 'il quddiem is-"SA"), magħmula mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana, u mwaqqfa bil-Konvenzjoni Internazzjonali fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983 u approvata f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 (ĠU L 198, p. 1). Hija adottat l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt ċifri tas-SA, filwaqt li s-seba’ u t-tmien ċifri biss jiffurmaw is-subintestaturi proprji tagħha.

4       L-intestatura 2519, li tidher fil-Kapitolu 25 tas-Sezzjoni V tat-tieni parti tan-NM, hija fformata kif ġej: "Karbonat ta' manjesju naturali (magnesite); manjesja mdewba [bl-elettriku]; manjesja maħruqa għal kollox (mgħaqqda ma' trab fis-sħana), kemm jekk fiha kwantitajiet żgħar ta' ossidi oħrajn miżjudin qabel it-tgħaqqid ma' trab bis-sħana u kemm jekk le; ossidi tal-manjesju ieħor, pur jew le".

5       Din l-intestatura għandha wkoll is-subintestatura 2519 90, li hija fformulata kif ġej: "Oħrajn". Din is-subintestatura hija magħmula partikolarment mis-subintestaturi 2519 90 10 u 2519 90 90, fformulati bil-mod kif ġej: "Ossidu tal-manjesju, ħlief il-karbonat tal-manjesju naturali [maħruq]" u "Oħrajn".

6       Għal dak li jikkonċerna s-subintestatura 2519 90 10, in-noti ta' spjegazzjoni tan-NM, tal-5 ta’ Diċembru 1994 (ĠU C 342, p. 1), jippreċiżaw li:

"Din is-subintestatura tinkludi partikolarment:

[…]

2.       l-ossidu tal-manjesju miksub permezz ta' tidwib ġo forn b'ark elettriku (manjesja mdewba bl-elettriku): dan huwa prodott mingħajr kulur ta’ purità superjuri għal dik tal-prodott miksub bil-ħruq tal-magnesite (kalċinazzjoni), iżda ġeneralment ma jaqbiżx is-97 %;

[…]» [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7       Skond ir-regoli ġenerali ta’ interpretazzjoni tan-NM, li jidhru fl-ewwel parti tat- Titolu I A, tiegħu, (aktar 'il-quddiem ir-"regoli ġenerali"):

"Il-klassifika ta' l-oġġetti fin- [NM] hija magħmula skond il-prinċipji li ġejjin.

1.      It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-disposizzjonijiet li ġejjin.

2. […]

(b)      Kwalunkwe referenza f’intestatura għal materjal jew sustanza għandha titqies li tinkludi referenza għal taħlit jew kombinazzjonijiet ta’ dak il-materjal jew is-sustanza b’materjali jew sustanzi oħra. Kwalunkwe referenza għal oġġetti ta’ ċertu materjal jew sustanza għandha titqies li tinkludi referenza għal oġġetti li jikkonsistu totalment jew parzjalment minn materjal jew sustanza bħal din. Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti magħmulin minn iżjed minn materjal jew sustanza waħda għandha ssir skond il-prinċipji tar-regola 3.

3.      Meta permezz ta’ l-applikazzjoni tar-regola 2(b) jew kwalunkwe raġuni oħra, l-oġġetti jkunu klassifikati prima facie taħt intestatura waħda jew iżjed, il-klassifikazzjoni għandha ssir kif ġej:

(a)      l-intestatura li tagħti l-iżjed deskrizzjoni speċifika għandha tkun preferuta għal intestaturi li jagħtu deskrizzjoni iżjed ġenerali. Madanakollu, meta jkun hemm żewġ intestaturi jew iżjed li kull waħda minnhom tirreferi għal parti waħda mill-materjali jew mis-sustanzi li qegħdin f’oġġetti mħalltin jew komposti jew għal parti biss mill-oġġetti f’sett imtella’ għal bejgħ bl-imnut, dawk l-intestaturi għandhom jitqiesu ugwalment speċifiċi fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti, ukoll jekk waħda minnhom tagħti deskrizzjoni iżjed kompluta jew preċiża ta’ l-oġġetti;

(b)      taħlitiet, oġġetti komposti li jikkonsistu minn materjali differenti jew magħmulin minn komponenti differenti, u oġġetti mtellgħin għal bejgħ bl-imnut, li ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a), għandhom ikunu klassifikati daqs li kieku kienu magħmulin mill-materjal jew mill-komponent li jagħtihom il-karattru essenzjali tagħhom, sakemm dan il-kriterju jkun applikabbli;

(ċ)      meta oġġetti ma jistgħux ikunu klassifikati b’referenza għal 3(a) jew (b), huma għandhom ikunu klassifikati taħt l-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li ugwalment għandha tingħatalhom konsiderazzjoni".

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8       Il-manjesja mdewba bl-elettriku hija prodott tajjeb għall-produzzjoni ta’ materjal li jirreżisti għan-nar. Il-manjesja in kwistjoni fil-kawża prinċipali, saret qabel l-importazzjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea, minn magnesite naturali miġjub mill-Awstralja. Il-mod kif jiġi maħdum jinvolvi żewġ stadji ta’ trattament termali li huma obbligatorji. Matul l-ewwel stadju, il-magnesite naturali huwa maħruq ġo forn b’temperatura għolja li titla’ sa 1 000 ºC u, fit-tieni stadju, l-ossidu tal-manjesju miksub huwa mdewweb ġo fornijiet b’ark elettriku f’aktar minn 2 800 ºC.

9       Mill-1990, Possehl ddikjarat ma' Hauptzollamt Emmerich, li sussegwentement il-funzjonijiet tagħha ġew trasferiti lil Hauptzollamt Duisburg, diversi importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea, magħmula mill-portijiet ta’ Rotterdam (Olanda) u Antwerp (Il-Belġju), ta' manjesja mdewba bl-elettriku, billi applikat s-subintestatura 2519 90 90, mingħajr ma dan ġie kkontestat. Din is-subintestatura hija ħielsa mid-dazju tad-dwana.

10     Fl-1991, Possehl talbet informazzjoni vinkolanti dwar tariffi għal dan il-prodott importat, lil-Oberfinanzdirektion Frankfurt am Main – Zolltechnische Prüfungs- und Lehranstalt. Skond l-informazzjoni vinkolanti dwar tariffi, il-prodott kellu jkun ikklassifikat fis-subintestatura 2519 90 10, li kien jinvolvi l-ħlas ta’ dazji.

11     Possehl m'għamlitx użu minn din l-informazzjoni vinkolanti dwar tariffi.

12     Fl-1997, hija ġiet suġġetta għal investigazzjoni mill-Hauptzollamt für Prüfungen Kiel dwar l-importazzjonijiet tagħha matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1995 u l-l-31 ta’ Diċembru 1996. L-imsemmija Hauptzollamt ikkonstatat li l-manjesja mdewba bl-elettriku għandha tkun ikklassifikata fis-subintestatura 2519 90 10 minflok fis-subintestatura 2519 90 90.

13     Wara din il-kontstatazzjoni, il-Hauptzollamt Emmerich, fl-1998, talbet lil Possehl, permezz ta' avviż għal aġġustament tad-dazju, is-somma ta’ DEM 383.833,30. Dan l-avviż ġie emendat b’żewġ avviżi li saru wara, li, b’kollox, naqqsu l-ammont li kellu jitħallas bi DEM 28.631,28.

14     L-oġġezzjoni ta’ Possehl li l-imsemmi prodott importat kellu jkun ikklassifikat fis-subintestatura 2519 90 90 ġiet miċħuda mill-Hauptzollamt Emmerich essenzjalment għar-raġuni li l-imsemmija klassifikazzjoni ġiet determinata mill- mod ta’ produzzjoni li jinvolvi l-ħruq u wara t-tidwib ġo forn b’ark elettriku f’temperatura bejn l-2 800 ºC u t-3 000 ºC.

15     Possehl ressqet appell fil-Finanzgericht Düsseldorf li ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

"Il-manjesja mdewba bl-elettriku tat-tip deskritt fid-digriet, li hija maħruqa b'mod kawstiku minn magnesite mħaffer b'mod naturali, u li tinkiseb fit-tieni stadju b’tidwib ġo forn b’ ark elettriku, taqa’ taħt is-subintestatura 2519 90 10 ta’ l-Anness I tan-[NM]?"

 Fuq id-domanda preliminari

 Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja

16     Possehl issostni li l-manjesja mdewba b'elettriku għandha tiġi kklassifikata fis-subinestatura 2519 90 90, sa fejn dan il-prodott ikollu bzonn trattament termali. Il-manjesja mdewba bl-elettriku m'għandiex, għalhekk, tiġi kkunsidrata bħala prodott sintetiku. Rigward l-użu tat-terminu "[maħruq]" fis-subintestatura 2519 90 10, Possehl tqis importanti li wieħed jikkunsidra l-fatti li t-trattament isir ġo forn b’ark elettriku, mingħajr mhuwa rilevanti li wieħed ikun jaf taħt liema temperatura u n-numru ta’ drabi li l-prodott ikkonċernat huwa maħruq. Barra dan, Possehl tikkunsidra li l-eżami storiku ta’ l-emendi kollha tat-tariffa doganali juri li matul diversi snin il-prodott imsemmi kien eżenti mill-ħlas ta’ dazju u dan kellu jibqa’ hekk fid-dawl ta' l-obbligi taħt id-dritt internazzjonali li għalih hija suġġetta l-Komunità Ewropea. Fl-aħħar, Possehl issostni li l-manjesja mdewba bl-elettriku li hija disponibbli f’seba’ kuluri differenti, m'għandiex tkun kkunsidrata bħala prodott sintetiku.

17     Skond il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, għall-kuntrarju, l-imsemmi prodott, bil-maqlub għandu jkun kklassifikat taħt is-subintestatura 2519 90 10. Hija tosserva li n-noti ta' spjegazzjoni tas-SA jiddistingwu it-tipi differenti ta’ ossidu ta’ manjesju, u dan iħalli lil dak li jkun jaħseb li huwa kompletament konformi mas-SA li dawn il-prodotti jiġu kklassifikati f’subintestaturi differenti tan-NM. L-emendi ta’ din ta’ l-aħħar, magħmula fl-1999, li fi kwalunkwe każ mhumiex applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, jsaħħu t-teżi li s-subinbtestatura 2519 90 10 tinkludi l-manjesja mdewba bl-elettriku prodotta f’temperatura għolja u wara żewġ stadji obbligatorji ta’ trattament termali. Fl-aħħar il-Kumissjoni tikkunsidra li d-deskrizzjoni tal-manjesja mdewba bl-elettriku fid-deċiżjoni ta’ rinviju hija fattur determinanti għall-klassifikazzjoni tat-tariffa ta’ dan il-prodott.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

18     Mill-bidunett, għandu jiġi rrilevat, li l-manjesja mdewba bl-elettriku taqa’ taħt l-intestatura 2519 kif ukoll is-subintestatura 2519 90, u li hi mhijiex imsemmija espressament f’subintestatura ta’ tmien ċifri tan-NM.

19     Hija ġurisprudenza kostanti, li sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-faċilità ta’ kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tat-tariffi ta' oġġetti għandu jkun imfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tagħhom, kif inhuma definiti fl-intestatura tal-NM u f'noti tas-sezzjonijiet jew tal-kapitoli (sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2004, DFDS, C-396/02, Ġabra. p. I-8439, punt 27, u tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C-495/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47).

20     In-noti ta' spjegazzjoni tal-NM kif ukoll dawk tal-SA jikkontribwixxu, mill-parti tagħhom, għall-interpretazzjoni tal-portata ta' l-intestaturi differenti tat-tariffi mingħajr, b’danakollu ma jkollhom is-setgħa vinkolanti tal-liġi. It-tenur ta’ dawn in-noti għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tan-NM u ma jistax jemenda l-portata tagħha (sentenza Intermodal Transports, iċċitata, punt 48).

21     Barra dan, skond ir-regoli ġenerali, l-intestatura l-aktar speċifika għandha tirbaħ fuq l-intestaturi ta’ portata aktar ġenerali. Fil-każ preżenti, għandu jiġi rilevat, li s-subintestatura 2519 90 10 hija, għal dak li jikkonċerna l-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tal-manjesja mdewba bl-elettriku, u aktar partikolarment ikkunsidrat il-fatt li dik l-imsemmija sunintestatura tirreferi espressament għall- "ossidu tal-manjesju", aktar speċifika mis-subintestatura 2519 90 90.

22     Fl-aħħar, il-qorti ta’ rinviju rrilevat li l-manjesja mdewba bl-elettriku, hija disponibbli, skond il-livell ta’ impuritajiet, f’seba' varjetajiet ta’ kuluri differenti b’parti ta’ ossidu tal-manjesju ta’ 95.94 % sa 97.95 % b’medja ta’ 97.38 % fil-piż. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-manjesja mdewba bl-elettriku hija magħmula, essenżjalment, mill-ossidu tal-manjesju.

23     F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, bl-użu tat-termini "ħlief karbonat ta' manjesju naturali [maħruq]", il-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jeskludi l-ossidu tal-manjesju miksub fl-ewwel stadju tat-trattament termali. B’danakollu, jekk inhu minnu li, wara l-imsemmi l-ewwel stadju, il-karbonat tal-manjesju (magnesite) jista’ jaqa’ taħt is-subintestatura 2519 90 90, dan ma jkunx il-każ ta’ l-ossidu tal-manjesju, safejn dan il-prodott huwa, fit-tieni stadju tat-trattament termali, mdewweb fi fran ta’ ark elettriku f’aktar minn 2 800 ºC. Madankollu, il-manjesja mdewba bl-elettriku tiġi preċiżament miż-żewġ stadji tat-trattament termali tal-magnesite, jiġifieri l-ħruq u t-tidwib.

24     F’dan ir-rigward, il-qorti ta’ rinviju tippreċiża li huwa teknikament impossibbli li tipproduċi l-manjesja mdewba bl-elettriku direttament mill-karbonat ta' manjesju naturali (magnesite) bil-kalċinazzjoni.

25     Minn dan jirriżulta li s-subintestatura 2519 90 10 tan-NM tinkludi il-manjesja mdewba bl-elettriku, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

26     Din l-interpretazzjoni hija, ukoll, impliċitament ikkorroborata bin-noti ta' spjegazzjoni tal-NM dwar is-subintestatura 2519 90 10, li tgħid li "prodott […] ta’ purità superjuri għal dik tal-prodott miksub bil-kalċinazzjoni tal-magnesite" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

27     Interpretazzjoni bħal din għandha tingħata aktar u aktar minħabba l-fatt, li skond ir-regoli ġenerali, fil-każ ta’ oġġetti mħallta għandha ssir referenza għall-materjal li jagħtihom il-karatteristika essenzjali. Għalkemm il-manjesja mdewba bl-elettriku hija kwantità żgħira tal-partijiet mgħaqqda ma' trab bi sħana, dan ma jistgħax ikun deċiżiv għall-klassifikazzjoni tat-tariffi ta’ dan il-prodott, sa fejn dan ta’ l-aħħar, kif inhu mfakkar fil-punt 22 ta' din is-sentenza, huwa magħmul essenzjalment minn ossidu tal-manjesju u li, minn dan il-fatt, għandu jkun kkunsidrat bħala l-ossidu tal-manjesju. Ma tistax tingħata interpretazzjoni differenti bbażata fuq l-argument ta' Possehl li, bit-termini "ġeneralment mingħajr kulur", in-noti ta' spjegazzjoni tan-NM jirreferu biss għall-manjesja mdewba bl-elettriku magħmula sintetikament jew kimikament.

28     F’dan ir-rigward, għandu jiġu rrilevat li l-kliem ta' l-intestatura 2519, jiġifieri "Karbonat ta' manjesju naturali (magnesite) manjesja mdewba [bl-elettriku], manjesja maħruqa għal kollox (mgħaqqda ma' trab fis-sħana), kemm jekk fiha kwantitajiet żgħar ta' ossidi oħrajn miżjudin qabel it-għaqqid ma' trab bis-sħana u kemm jekk le; ossidi tal-manjesju ieħor, pur jew le", juri fil-prinċipju d-differenza li għandha ssir bejn il-karbonat tal-manjesju naturali (magnesite) u t-tipi differenti ta’ ossidi tal-manjesja. B’danakollu, huwa meħtieġ li jiġi ndikat li din l-intestatura, li tagħti lista eżawrjenti ta' l-ossidi varji tal-manjesju, ma tagħmilx distinzjoni ġerarkika bejn it-trattament sintetiku jew kimiku u t-trattament termali. B’mod aktar partikolari, la l-kliem ta’ l-intestatura 2519 90 10 tan-NM kif ukoll in-noti ta' spjegazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar ma jipprovdu li, min-naħa, il-produzzjoni sintetika jew kimika u, min-naħa l-oħra, it-trattament termali huma determinanti sabiex oġġett ikun ikklassifikat taħt l-imsemmija intestatura.

29     Għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur Komunitarju ried jiddefinixxi s-subintestatura 2519 90 10 skond kriterji differenti mill-kuntest ta' produzzjoni, independentement mill-fatt jekk l-oġġett huwiex prodott sintetikament jew kimikament jew bi trattament termali.

30     Fir-rigward tal-kunsiderazzjoniijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-manjesja mdewba bl-elettriku, bħal dak fil-kawża prinċipali għandu taqa' taħt is-subintestatura 2519 90 10 tan-NM.

 Fuq l-ispejjeż

31      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tidddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-manjesja mdewba bl-elettriku bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandha taqa' taħt is-subintestatura 2519 90 10 tan-nomenklatura magħquda li hemm fl-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenkaltura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta' Dwana, fil-verżjonijiet tiegħu li jirriżultaw mir-Regolamenti (KE) Nri 3115/94 tal-Kummissjoni, ta' l-20 ta’ Diċembru 1994, 1359/95 tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Ġunju 1995, 2448/95 tal-Kummissjoni, ta' l-10 ta’ Ottubru 1995, u 3009/95 tal-Kummissjoni, tat-22 ta’ Diċembru 1995.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.