SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta' Lulju 2006 (*)

"Moviment liberu u residenza libera fit-territorju ta' l-Unjoni Ewropea – Benefiċċji tal-qgħad – Rekwiżit ta' residenza effettiva fit-territorju nazzjonali"

Fil-kawża C-406/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-tribunal du travail de Bruxelles (il-Belġju), permezz ta' deċiżjoni tat-8 ta' Settembru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta' Settembru 2004, fil-proċedura

Gérald De Cuyper

vs

Office national de l’emploi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u J. Malenovský, Presidenti ta' Awla, N. Colneric, S. von Bahr, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta (Relatur), G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta' Novembru 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal G. De Cuyper, minn A. de le Court u N. Dugardin, avocats,

–       għall-Office national de l’emploi, minn R. Dupont u M. Willemet, avocats,

–       għall-Gvern Belġjan, minn E. Dominkovits u M. Wimmer, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn C. Schulze-Bahr, bħala aġent,

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u O. Christmann, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, bħala aġent,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Moore, barrister,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Martin u M. Condou, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta' Frar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 17 KE u 18 KE u tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, ta' l-14 ta' Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata tiegħu permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta' Diċembru 1996 (ĠU 1997, L 28, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98, tad-29 ta' Ġunju 1998 (ĠU L 209, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 1408/71").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn G. De Cuyper u l-Office national de l’emploi [l-Uffiċċju Nazzjonali tax-Xogħol] (iktar 'il quddiem l-ONEM) dwar l-esklużjoni tal-persuna kkonċernata milli tirċievi benefiċċji tal-qgħad mill-1 ta' April 1999.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 1(a)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li:

"a)      persuna mpjegata u persuna li taħdem għal rasha jfissru rispettivament:

i)      kull persuna li hija assigurata, mingħajr għażla jew fuq bażi volontarja kontinwa, għal kontinġenza waħda jew aktar koperti minn fergħat ta’ skema ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom jew bi skema speċjali għal persuni fis-servizz ċivili."

4       L-Artikolu 2(1) ta' l-imsemmi regolament jipprovdi li:

"Dan ir-Regolament [għandu] japplika għall-impjegati u għal dawk li jaħdmu għal rashom li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ wieħed jew iktar mill-Istati Membri u li huma ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri jew li huma persuni bla stat jew rifuġjati li jabitaw fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, kif ukoll membri tal-familji tagħhom u tas-superstiti tagħhom."

5       Skond l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1408/71:

"Barra fejn hu pprovdut mod ieħor f’dan ir-Regolament[,] il-benefiċċji għall-invalidità, għax-xjuħija u għall-ħlas tas-superstiti, il-pensjoni[jiet] għall-inċidenti fuq ix-xogħol jew għall-mard [ikkawżat mix-xogħol] u [l-għotjiet għall-imwiet] […] akkwistati taħt il-leġislazzjoni ta’ wieħed jew iktar Stati Membri ma jkunu suġġetti għall-ebda tnaqqis, modifika, sospensjoni, tneħħija jew konfiska minħabba l-fatt li r-reċipjent [jirrisjedi] fit-territorju ta’ Stat [M]embru għajr dak li fih tinsab l-istituzzjoni responsabbli għall-ħlas."

6       Skond l-Artikolu 69(1) ta' dan ir-regolament:

"1.      Persuna mpjegata jew li taħdem għal rasha li [hija qegħda kompletament] u li tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru għall-intitolar tal-benefiċċji u li tmur f’wieħed jew f’iktar Stati Membri biex tfittex impjieg hemm iżżomm l-intitolar għal tali benefiċċji taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin u fil-limiti segwenti:

a)      Qabel it-tluq tagħha, din trid tkun ir[r]eġistrata bħala persuna li qegħda tfittex ix-xogħol u li tkun baqgħet għad-disposizzjoni tad-Dipartiment tax-xogħol ta’ l-Istat kompetenti [mill-inqas għal] erba’ ġimgħat wara li tkun spiċċat bla xogħol. [M]adanakollu, id-dipartiment kompetenti jew l-istituzzjonijiet jistgħu jawtorizzaw it-tluq tagħha qabel ma jkun għalaq tali żmien.

b)      Trid tirreġistra bħala persuna li qegħda tfittex ix-xogħol mad-Dipartiment tax-xogħol ta’ kull Stat Membru li fih tmur u tkun suġġetta għall-proċeduri ta’ ko[n]troll organizzati hemmhekk. Din il-kundizzjoni titqies bħala sodisfatta għall-perjodu ta’ qabel ir-reġistrazzjoni kemm-il darba l-persuna kkonċernata tkun irreġistrat fi żmien sebat ijiem mid-data li spiċċat tkun disponibbli għad-Dipartiment tax-xogħol ta’ l-Istat li tkun ħalliet. F’każijiet eċċezzjonali, dan il-perjodu jista’ jiġi estiż mid-dipartiment kompetenti jew istituzzjonijiet.

c)      L-intitolar għall-benefiċċji jkompli għall-per[i]jodu massimu ta’ tliet xhur mid-data meta l-persuna kkonċernata tieqaf mi[lli] tkun disponibbli għad-Dipartiment tax-xogħol ta’ l-Istat li ħ[a]lliet, basta li l-per[i]jodu tal-benefiċċji ma jeċċedix dak tal-benefiċċji li kienet intitolata għalihom taħt il-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat. Fil-każ ta’ ħaddiem staġ[j]onali[,] tali perjodu, barra minn hekk, ikun limitat għall-perjodu li jifdal sa tmiem l-istaġun li għalih kien imqabbad biex jaħdem."

7       Fl-aħħar nett, l-Artikolu 71(1) ta' l-imsemmi regolament jipprovdi li:

"1.      Persuna [qiegħda] li qabel kienet impjegata u li, matul l-aħħar impjieg tagħha, kienet [tirrisjedi] fit-territorju ta’ Stat Membru differenti minn l-Istat kompetenti [għandha] tirċievi benefiċċji skond id-disposizzjonijiet li ġejjin:

a) i) Ħaddiem tal-fruntiera li huwa bla xogħol parzjalment jew minn żmien għal ieħor fl-intrapriża li timpjegah, [għandu] jirċievi benefiċċji skond id-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat kompetenti bħallikieku huwa kien [jirrisjedi] fit-territorju ta’ dak l-Istat; dawn il-benefiċċji jkunu pprovduti mill-istituzzjoni kompetenti.

ii)      Ħaddiem tal-fruntiera li huwa [qiegħed] kompletament [għandu] jirċievi benefiċċji skond id-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu [jirrisjedi] bħallikieku huwa kien suġġett għal dik il-leġislazzjoni waqt l-aħħar impjieg[;] dawn il-benefiċċji jkunu pprovduti mill-istituzzjoni tal-post tar-residenza [bi] spejjeż tagħha.

b) i) Persuna mpjegata, [minbarra] ħaddiem tal-fruntiera, li h[ija] parzjalment, jew minn żmien għal żmien inkella kompletament [qiegħda] u li tibqa’ disponibbli għal min iħaddimha jew għas-servizzi tal-impjieg fit-territorju ta’ l-Istat kompetenti [għandha] tirċievi benefiċċji skond id-disposizzjonijiet tal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat bħallikieku hija kienet [tirrisjedi] fit-territorju tiegħu[;] dawn il-benefiċċji jkunu pprovduti mill-istituzzjoni kompetenti.

ii)      Persuna mpjegata, [minbarra] ħaddiem tal-fruntiera, li hija [qiegħda kompletament] u li tagħmel lilha nfisha disponibbli għax-xogħol mas-servizzi [ta'] l-impjieg fit-territorju ta’ Stat Membru li fih hija [tirrisjedi], jew li terġa’ lura f’dak it-territorju, [għandha] tirċievi benefiċċji skond il-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat bħallikieku l-aħħar li kienet impjegata kien hemm; l-istituzzjoni tal-post ta’ residenza tipprovdi tali benefiċċji [bi] spejjeż tagħha. Madanakollu, jekk tali persuna mpjegata tkun saret intitolata għall-benefiċċji [bi] spejjeż ta’ l-istituzzjoni kompetenti ta’ l-Istat Membru li għall-leġislazzjoni tiegħu kienet suġġetta, din [għandha] tirċievi benefiċċji taħt id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 69. [L-għoti] ta’ benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta’ l-Istat li fih [tirrisjedi] jkun sospiż għal kwalunkwe per[i]jodu matul liema l-persuna [qiegħda] tista’, taħt id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 69, tagħmel talba għall-benefiċċji taħt il-leġislazzjoni li għaliha hija kienet suġġetta."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8       L-Artikolu 44 tad-Digriet Irjali tal-25 ta' Novembru 1991, dwar il-qgħad (Moniteur belge tal-31 ta' Diċembru 1991, p. 29888), fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, kien jipprovdi li "sabiex tibbenefika mill-benefiċċji tal-qgħad, il-persuna qegħda trid tkun bla xogħol u bla remunerazzjoni minħabba ċirkustanzi indipendenti mir-rieda tagħha". L-Artikoli 45 u 46 ta' l-imsemmi digriet jispeċifikaw, rispettivament, liema attivitajiet għandhom jiġi kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu xogħol kif ukoll il-kunċett ta' remunerazzjoni.

9       Skond l-Artikolu 66 ta' l-imsemmi digriet irjali:

"Sabiex tibbenefika mill-benefiċċji tal-qgħad, il-persuna qiegħda għandha jkollha r-residenza abitwali tagħha fil-Belġju; barra minn hekk, ikollha tirrisjedi effettivament fil-Belġju."

10     L-Artikolu 89(1) u (3) ta' l-istess digriet irjali, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 25 tad-Digriet Irjali tat-22 ta' Novembru 1995 (Moniteur belge tat-8 ta' Diċembru 1995, p. 33144), kien jipprovdi li:

"1.      Il-persuna qiegħda għal kollox, li għandha mill-inqas ħamsin sena, tista' tiġi eżentata, fuq talba tagħha, mill-applikazzjoni ta' l-Artikoli 48(1)(2), tat-tieni inċiż ta' l-Artikolu 51(1), 51(3) sa 51(6), 56 sa 58, jekk tkun ingħatat mill-inqas 312 benefiċċju tal-qgħad bħala persuna qegħda għal kollox matul l-aħħar sentejn qabel din it-talba […]

[…]

3.      B'deroga għall-ewwel punt ta' l-ewwel inċiż ta' l-Artikolu 45, il-persuna qiegħda li tibbenefika mill-eżenzjoni msemmija fl-ewwel u t-tieni paragrafu, tista' twettaq, għaliha nnifisha u mingħajr skopijiet ta gwadann, kull attività li tikkonċerna l-proprjetà tagħha stess."

11     Fil-kuntest ta' din l-iskema, il-persuna qegħda li tkun ġiet eżentata mir-rekwiżit ta' firma ma kinitx iktar suġġetta għall-obbligu li tkun disponibbli għax-xogħol u li taċċetta kull impjieg adatt, li tirrapporta lid-Dipartiment tax-xogħol rilevanti, jew li tipparteċipa fi skema ta' monitoraġġ. Kienet tkun eżentata wkoll mir-rekwiżit li tirreġistra bħala li qed tfittex xogħol. Madankollu, l-għoti ta' l-imsemmi benefiċċji kien inkompatibbli ma' l-eżerċizzju ta' attività bi ħlas u kien ta' natura temporanja.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12     G. De Cuyper, ċittadin Belġjan imwieled fl-1942, kien impjegat fil-Belġju. Huwa ngħata benefiċċji tal-qgħad fid-19 ta' Marzu 1997.

13     Fl-1 ta' April 1998, ingħata, skond il-liġi nazzjonali applikabbli f'dak iż-żmien, eżenzjoni mill-obbligu li jissottometti lilu nnifsu għall-kontroll muniċipali impost normalment fuq il-persuni qegħda mid-Digriet Irjali tal-25 ta' Novembru 1991.

14     Fid-9 ta' Diċembru 1999, huwa għamel dikjarazzjoni mal-korp li jassigura l-ħlas tal-benefiċċji tal-qgħad tiegħu li fiha huwa ddeskriva lilu nnifsu bħala "li jgħix waħdu" u li jirrisjedi effettivament fil-Belġju.

15     Matul ix-xahar ta' April tas-sena 2000, id-dipartiment ta' l-ONEM wettqu stħarriġ ta' rutina sabiex jivverifikaw l-eżattezza tad-dikjarazzjonijiet tal-persuna kkonċernata. Matul dan l-istħarriġ, G. De Cuyper irrikonoxxa li kien ilu ma jgħix fil-Belġju minn Jannar tas-sena 1999, iżda li kien jirrisjedi fi Franza. Huwa sostna li kien jirritorna lejn il-Belġju madwar darba kull tliet xhur, li kien żamm kamra bl-għamara f'komun Belġjan u li huwa ma kienx għarraf lill-korp li jassigura l-ħlas tal-benefiċċji tal-qgħad tiegħu b'din il-bidla.

16     Abbażi ta' dan l-istħarriġ, l-ONEM innotifika lil G. De Cuyper, fil-25 ta' Ottubru 2000, b'deċiżjoni li twaqqaf il-benefiċċju tal-qgħad, b'effett mill-1 ta' Jannar 1999, peress illi, minn dik id-data, huwa ma kienx jissodisfa iktar il-kundizzjoni ta' residenza effettiva prevista fl-Artikolu 66 tad-digriet irjali tal-25 ta' Novembru 1991. F'din l-istess okkażjoni, l-ONEM talab lill-persuna kkonċernata l-ħlas lura tal-benefiċċji mħallsa minn din id-data, jiġifieri l-ekwivalenti fi franki Belġjani ta' EUR 12452.78.

17     G. De Cuyper ikkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

18     Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li t-tribunal du travail de Bruxelles iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

"L-obbligu li wieħed jirrisjedi effettivament fil-Belġju, li skond l-Artikolu 66 tad-Digriet Irali tal-25 ta' Novembru 1991 dwar il-qgħad, huwa rekwiżit għall-għoti tal-benefiċċji, applikat fir-rigward ta' persuna qiegħda 'l fuq minn 50 sena li ngħatat, abbażi ta' l-Artikolu 89 ta' l-imsemmi digriet, eżenzjoni mir-rekwiżit li tiffirma, li tirriżulta fl-eżenzjoni mill-kundizzjoni li tkun disponibbli għax-xogħol, jikkostitwixxi ostaklu għal-libertà ta' moviment u ta' residenza mogħtija lil kull ċittadin Ewropew permezz ta' l-Artikoli 17 KE u 18 KE?

Dan l-obbligu ta' residenza fit-territorju nazzjonali ta' l-Istat kompetenti għall-għoti tal-benefiċċji tal-qgħad, iġġustifikat fid-dritt nazzjonali min-neċessità li tiġi kkontrollata l-osservanza tal-kundizzjonijiet legali għall-għoti ta' indennizz lill-persuni qegħda, jissodisfa r-rekwiżit ta' proporzjonalità li għandu jiġi osservat fit-tilħiq ta' dan l-objettiv ta' interess ġenerali, f'dak illi jikkostitwixxi limitazzjoni għal-libertà ta' moviment u ta' residenza mogħtija lil kull ċittadin Ewropew permezz ta' l-Artikoli 17 KE u 18 KE?

Jista' jingħad li dan l-obbligu ta' residenza għandu l-effett li joħloq diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini Ewropej li huma ċittadini ta' l-Istat Membru kompetenti għall-għoti tal-benefiċċji tal-qgħad billi jagħti dan id-dritt lil dawk li ma jużawx id-drittijiet tagħhom ta' moviment liberu u ta' residenza mogħtija lil kull ċittadin Ewropew permezz ta' l-Artikoli 17 KE u 18 KE, filwaqt li ma jagħtix tali dritt lil dawk li jixtiequ jeżerċitawhom, permezz ta' l-effett dissważiv li għandha din ir-restrizzjoni?"

 Fuq id-domanda preliminari

19     Permezz tad-domanda magħmula, il-qorti tar-rinviju ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikoli 17 KE u 18 KE, li jagħtu liċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea d-dritt ta' moviment u ta' residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri, jipprekludux dispożizzjoni ta' dritt nazzjonali li tissuġġetta l-għoti ta' benefiċċju bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali għall-obbligu li wieħed jirrisjedi effettivament fl-Istat Membru kkonċernat, billi jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-imsemmi benefiċċju jingħata lil persuna qegħda 'l fuq minn 50 sena li hija eżentata mill-obbligu li jiġu rreġistrati bħala persuni li qegħdin ifittxu x-xogħol.

20     F'dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tikkwalifika l-imsemmi benefiċċju bħala "benefiċċju tal-qgħad" u r-rikorrent fil-kawża prinċipali bħala "impjegat" fis-sens ta' l-Artikolu 1(a) tar-Regolament Nru 1408/71. Madankollu, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issostni li l-imsemmi benefiċċju ma jistax ikun benefiċċju tal-qgħad li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, iżda benefiċċju ta' qabel l-irtirar simili għal dak in kwistjoni fis-sentenza tal-11 ta' Lulju 1996, Otte (C-25/95, Ġabra p. I-3745), jew anki benefiċċju sui generis. Jekk dan ikun il-każ, huwa jkun jista' jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta' Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2), bħala "vantaġġ soċjali".

21     Għaldaqstant, huwa neċessarju li tiġi ddeterminata n-natura ta' l-imsemmi benefiċċju sabiex jiġi stabbilit jekk dan jikkostitwixxix benefiċċju ta' sigurtà soċjali li għalih huwa applikabbli r-Regolament Nru 1408/71.

 Fuq in-natura tal-benefiċċju

22     Fil-qasam ta' benefiċċji ta' sigurtà soċjali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, diversi drabi, dwar il-fatturi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata n-natura ġuridika ta' l-imsemmija benefiċċji. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li benefiċċju jista' jiġi kkunsidrat bħala benefiċċju ta' sigurtà soċjali fil-każ fejn huwa konċess lill-benefiċjarji indipendentement minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta' sitwazzjoni legalment definita u li fiha hija tirreferi għal wieħed mir-riskji espressament elenkati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71 (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta' Marzu 1985, Hoeckx, 249/83, Ġabra p. 973, punti 12 sa 14, u tas-16 ta' Lulju 1992, Hughes, C-78/91, Ġabra p. I-4839, punt 15).

23     Fil-kawża prinċipali, għal dak li jikkonċerna l-kunċett ta' l-għoti ta' benefiċċju indipendentement minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, għandu jiġi osservat li l-għoti tal-benefiċċju in kwistjoni huwa suġġett għall-kundizzjonijiet li huma elenkati b'mod eżawrjenti fl-Artikoli 44 et seq. tad-Digriet Irjali tal-25 ta' Novembru 1991, mingħajr ma l-awtoritajiet ikollhom ebda diskrezzjoni fir-rigward ta' dan l-għoti. Huwa paċifiku li l-ammont ta' dan il-benefiċċju jista' jvarja skond is-sitwazzjoni personali tal-persuna qegħda. Madankollu, minbarra l-fatt li dan l-element jikkonċerna l-proċedura ta' kif jiġi kkalkolat l-imsemmi benefiċċju, huwa kriterju oġġettiv u legalment iddefinit li jagħti d-dritt għal dak il-benefiċċju mingħajr ma l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu in kunsiderazzjoni ċirkustanzi personali oħrajn. Għaldaqstant, l-għoti ta' l-imsemmi benefiċċju ma jiddependix minn evalwazzjoni individwali tal-bżonnijiet personali ta' l-applikant, li hija karatteristika ta' l-assistenza soċjali (ara s-sentenza tat-2 ta' Awwissu 1993, Acciardi, C-66/92, Ġabra p. I-4567, punt 15).

24     Għal dak li jirrigwarda l-kundizzjoni li tgħid li l-benefiċċju kkonċernat għandu jirreferi għal wieħed mir-riskji elenkati espressament fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71, din hija sodisfatta safejn l-imsemmi benefiċċju jkopri r-riskju konness mat-telf involontarju ta' impjieg meta l-ħaddiem ikun għadu kapaċi jaħdem.

25     Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diġà li, sabiex jiġu kkwalifikati bħala benefiċċji ta' sigurtà soċjali, il-benefiċċji għandhom jiġu kkunsidrati, indipendentement mill-kkaratteristiċi speċifiċi fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti, bħala jkunu ta' l-istess natura meta s-suġġett u l-iskop tagħhom, kif ukoll il-bażi li fuqu jiġu kkalkulati u l-kundizzjonijiet sabiex jingħataw, jkunu identiċi. Min-naħa l-oħra, karatteristiċi li huma purament formali ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala kriterji rilevanti għall-klassifikazzjoni tal-benefiċċji (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta' Lulju 1983, Valentini, 171/82, Ġabra p. 2157, punt 13).

26     Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, għandu jiġi eżaminat il-benefiċċju in kwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex jiġi ddeterminat jekk dan għandux jiġi kkunsidrat bħala benefiċċju tal-qgħad.

27     Għal dak li jikkonċerna l-iskop tagħhom, l-imsemmi benefiċċju għandu bħala għan li jippermetti lill-ħaddiema kkonċernati jsostnu lilhom infushom wara li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom meta dawn ikunu għadhom kapaċi jaħdmu. F'dan ir-rigward, sabiex tinħoloq distinzjoni bejn il-kategoriji differenti ta' benefiċċji ta' sigurtà soċjali, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni r-riskju kopert minn kull benefiċċju. Għaldaqstant, benefiċċju tal-qgħad ikopri r-riskju marbut mat-telf ta' dħul subit mill-ħaddiem wara li jkun tilef l-impjieg tiegħu, għalkemm ikun għadu kapaċi jaħdem. Benefiċċju mogħti wara li jseħħ dan ir-riskju, jiġifieri t-telf ta' l-impjieg, u li m'għandux iktar jitħallas malli dik is-sitwazzjoni tispiċċa minħabba l-fatt li l-persuna kkonċernata tkun qegħda twettaq attività bi ħlas, għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi benefiċċji tal-qgħad.

28     Għal dak li jirrigwarda d-determinazzjoni ta' l-ammont tal-benefiċċju mħallas lil G. De Cuyper, il-bażi ta' kalkolu użat mid-Dipartimenti tax-xogħol Belġjani huwa identiku għal dak użat fir-rigward tal-persuni qegħda kollha, peress li dan il-benefiċċju jiġi kkalkulat skond regoli stabbiliti mill-Artikoli 114 et seq. tad-Digriet Irjali tal-25 ta' Novembru 1991. Dawn ir-regoli jipprovdu ammont ta' bażi, stabbilit għal 40 % tar-remunerazzjoni medja ta' kuljum, miżjuda b'supplement ta' aġġustament stabbilit għal 15 % ta' l-imsemmija remunerazzjoni. Dan l-ammont huwa kkunsidrat li jieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi personali ddeterminati minn qabel mil-liġi li huma speċifiċi għall-persuna qegħda.

29     Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-għoti tal-benefiċċju, għandu jiġi mfakkar, kif enfasizza l-ONEM fis-seduta, li G. De Cuyper huwa suġġett għall-istess kundizzjonijiet bħall-ħaddiema l-oħrajn li jixtiequ jirċievu benefiċċju tal-qgħad. B'mod partikolari, sabiex ikun intitolat għal dan il-benefiċċju, minbarra l-fatt li ma jridx ikollu xogħol u remunerazzjoni minħabba ċirkustanzi indipendenti mir-rieda tiegħu, il-ħaddiem għandu jagħti prova tas-624 ġurnata ta' xogħol jew ġranet ekwivalenti matul is-36 xahar qabel l-applikazzjoni tiegħu għall-benefiċċju u l-impjieg tiegħu kellu jagħti lok għall-ħlas ta' kontribuzzjonijiet ta' sigurtà soċjali sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni għall-kalkolu ta' l-ammont ta' l-imsemmi benefiċċju.

30     Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-benefiċċju in kwistjoni fil-kawża prinċipali huwa benefiċċju li huwa suġġett għas-sistema ġuridika Belġjana li tirrigwarda l-benefiċċji tal-qgħad. Il-fatt li persuna qiegħda li tinsab f'sitwazzjoni bħal dik ta' G. De Cuyper tiġi eżentata mill-obbligu li tirreġistra bħala li qed tfittex ix-xogħol u, konsegwentement, mill-obbligu li tibqa' disponibbli għax-xogħol bl-ebda mod ma jaffettwa l-karatteristiċi fundamentali tal-benefiċċju kif stabbiliti fil-punti 26 u 27 ta' din is-sentenza.

31     Barra minn hekk, il-kisba ta' din l-eżenzjoni ma timplikax li l-persuna qiegħda hija eżentata mill-obbligu li tibqa' disponibbli għad-Dipartiment tax-xogħol, f'dak illi, anki jekk hija eżentata milli tirreġistra bħala li qed tfittex ix-xogħol u li taċċetta kull impjieg adatt, hija għandha dejjem tibqa' disponibbli għall-imsemmija dipartiment sabiex tiġi kkontrollata s-sitwazzjoni professjonali u familjali.

32     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li l-benefiċċju li G. De Cuyper jirċievi jikkostitwixxi jew benefiċċju ta' qabel l-irtirar, simili għal dak in kwistjoni fis-sentenza Otte, iċċitata iktar 'il fuq, jew benefiċċju sui generis, ma tistax tiġi aċċettata.

33     Is-sentenza Otte kienet tirrigwarda benefiċċju ta' ristrutturazzjoni mogħti, taħt forma ta' sussidju mhux obbligatorju, lil minaturi ta' ċerta età li kienu tilfu l-impjieg tagħhom wara li l-industrija tal-minjieri Ġermaniża ġiet irristrutturata, mid-data li tkeċċew mix-xogħol sa l-età meta kellhom jirtiraw, peress li l-għoti ta' l-imsemmi benefiċċju kien kompatibbli mat-twettiq ta' attività bi ħlas.

34     Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li benefiċċju bħal dak mogħti lil G. De Cuyper, liema għoti mhuwiex ta' natura diskrezzjonali u li huwa intiż ikopri r-riskju marbut mat-telf involontarju ta' impjieg meta l-ħaddiem ikun għadu kapaċi jaħdem, għandu jiġi kkunsidrat bħala benefiċċju tal-qgħad li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 1498/71, anki jekk, wara miżura nazzjonali, il-benefiċjarju huwa eżentat milli jirreġistra bħala li qiegħed ifittex ix-xogħol.

 Fuq l-Artikolu 18 KE

35     Skond l-Artikolu 18 KE, "kull ċittadin ta’ l-Unjoni għandu jkollu d-dritt tal-moviment u tar-residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri, suġġett għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti fit-Trattat u fil-miżuri adottati biex jagħtuh effett".

36     Skond dawn il-kliem, id-dritt ta' residenza fit-territorju ta' l-Istati Membri, mogħti direttament lil kull ċittadin ta' l-Unjoni permezz ta' l-Artikolu 18 KE, mhuwiex bla kundizzjoni. Jingħata biss skond il-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti mit-Trattat u mill-miżuri adottati għall-applikazzjoni tiegħu (sentenza tas-7 ta' Settembru 2004, Trojani, C-456/02, Ġabra p. I-7573, punti 31 u 32).

37     F'dan is-sens, għandu jiġi eżaminat qabel kollox ir-Regolament Nru 1408/71. Skond l-Artikolu 10 ta' l-imsemmi regolament, ħlief meta dan ta' l-aħħar jipprovdi mod ieħor, "il-benefiċċji għall-invalidità, għax-xjuħija u għall-ħlas tas-superstiti, il-pensjoni[jiet] għall-inċidenti fuq ix-xogħol jew għall-mard [ikkawżat mix-xogħol] u [l-għotjiet għall-imwiet] […] akkwistati taħt il-leġislazzjoni ta’ wieħed jew iktar Stati Membri ma [jistgħu] jkunu suġġetti għall-ebda tnaqqis, modifika, sospensjoni, tneħħija jew konfiska minħabba l-fatt li r-reċipjent [jirrisjedi] fit-territorju ta’ Stat [M]embru għajr dak li fih tinsab l-istituzzjoni responsabbli għall-ħlas". Il-lista li tinsab fl-imsemmi artikolu ma tinkludix il-benefiċċji tal-qgħad. Minn dan jirriżulta li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li tissuġġetta l-għoti ta' benefiċċju tal-qgħad għal klawżola ta' residenza fit-territorju ta' dak l-Istat.

38     F'dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi biss żewġ sitwazzjonijiet li fihom l-Istat Membru kompetenti huwa obbligat jippermetti lill-benefiċjarji ta' benefiċċju tal-qgħad jirrisjedu fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, mingħajr ma jitilfu d-drittijiet tagħhom għall-imsemmi benefiċċju. Minn naħa, dik prevista fl-Artikolu 69 ta' dan ir-regolament, li jippermetti lill-persuna qegħda li tmur fi Stat Membru ieħor mill-Istat Membru kompetenti "biex tfittex impjieg hemm" iżżomm d-dritt tagħha għal benefiċċju tal-qgħad. Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 71 ta' l-imsemmi regolament, li jikkonċerna l-persuni qegħda li, matul l-aħħar impjieg tagħhom, ikunu rrisjedew fit-territorju ta' Stat Membru ieħor mill-Istat kompetenti. Jirriżulta b'mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li sitwazzjoni bħal dik ta' G. De Cuyper ma taqa' taħt ebda wieħed minn dawn l-artikoli.

39     Huwa paċifiku li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża preżenti, li tpoġġi fi żvantaġġ ċerti ċittadini nazzjonali minħabba l-fatt biss li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment liberu u ta' residenza fi Stat Membru ieħor, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet mogħtija mill-Artikolu 18 KE lil kull ċittadin ta' l-Unjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta' Lulju 2002, D’Hoop, C-224/98,
Ġabra p. I-6191, punt 31, u tad-29 ta' April 2004, Pusa, C-224/02, Ġabra p. I-5763, punt 19).

40     Tali restrizzjoni ma tistax tiġi ġġustifikata, fir-rigward tad-dritt Komunitarju, ħlief meta din hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta' interess ġenerali indipendenti miċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati u hija proporzjonali għall-obbjettiv leġittimu li d-dritt nazzjonali jipprova jilħaq.

41     Fil-kawża preżenti, it-tfassil ta' klawżola ta' residenza tissodisfa n-neċessità li tiġi kkontrollata s-sitwazzjoni professjonali u familjari tal-persuni qegħda. L-imsemmija klawżola tippermetti lid-dipartiment ta' stħarriġ ta' l-ONEM jivverifika jekk is-sitwazzjoni tal-benefiċjarju tal-benefiċċju tal-qgħad kinitx jew le suġġetta għal bidliet li jistgħu jkollhom effett fuq il-benefiċċju mogħti. Għaldaqstant, din il-ġustifikazzjoni hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi ta' interess ġenerali indipendenti miċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati.

42     Miżura hija proporzjonali meta, għalkemm hija adatta għat-tilħiq ta' l-obbjettiv in kwistjoni, ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

43     L-awtoritajiet Belġjani ġġustifikaw l-eżistenza, fil-kawża preżenti, ta' klawżola ta' residenza permezz tan-neċessità, għad-dipartiment ta' stħarriġ ta' l-ONEM, li tkun ikkontrollata l-osservanza tal-kundizzjonijiet legali stabbiliti għaż-żamma tad-dritt għall-benefiċċju tal-qgħad. Għaldaqstant, hija għandha tippermetti b'mod partikolari lill-imsemmija dipartiment jivverifika jekk is-sitwazzjoni ta' persuna li tkun iddikjarat li tgħix waħedha u li hija mingħajr impjieg ma kinitx suġġetta għal bidliet li jistgħu jkollhom effett fuq il-benefiċċju mogħti.

44     Għal dak li jikkonċerna, fil-kawża prinċipali, l-eżistenza eventwali ta' dispożizzjonijiet li fihom miżuri ta' kontroll inqas restrittivi, bħal dawk invokati minn G. De Cuyper, ma ġiex stabbiliti li dawn kienu ta' natura li jassiguraw it-twettiq ta' l-obbjettiv in kwistjoni.

45     Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda l-mekkaniżmi ta' kontroll li, bħal dawk stabbiliti fil-kawża preżenti, għandhom bħala għan li jivverifkaw is-sitwazzjoni familjari tal-persuna qegħda kkonċernata u l-eżistenza eventwali ta' sorsi ta' dħul li mhumiex iddikjarati mill-persuna kkonċernata, l-effikaċja tagħhom hija bbażata, fil-parti 'l kbira, fuq in-natura għal għarrieda tal-kontroll u fuq il-possibbiltà li dan jiġi effettwat fuq il-post, peress illi d-dipartiment kompetenti għandu jkun jista' jivverifika jekk l-informazzjoni mogħtija mill-persuna qegħda u dik li tirriżulta mir-realtà tal-fatti jikkorrispondu. F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kontroll li għandu jitwettaq fil-qasam ta' benefiċċji tal-qgħad huwa ta' natura speċifika li tiġġustifika t-twaqqif ta' mekkaniżmi iktar restrittivi minn dawk imposti fir-rigward tal-kontroll li jikkonċerna benefiċċji oħrajn.

46     Minn dan jirriżulta li miżuri inqas restrittivi, bħall-preżentazzjoni ta' dokumenti jew ta' attestazzjonijiet, jippriva l-kontroll min-natura għal għarrieda tiegħu u jagħmlu għaldaqstant inqas effikaċji.

47     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-obbligu ta' residenza fl-Istat Membru li fih tinsab l-istituzzjoni responsabbli għall-ħlas, iġġustifikat fid-dritt nazzjonali min-neċessitajiet tal-kontroll ta' l-osservanza tal-kundizzjonijiet legali għall-għoti ta' indennizz lill-persuni qiegħda, jissodisfa r-rekwiżit ta' proporzjonalità.

48     Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-libertà ta' moviment u ta' residenza mogħtija lil kull ċittadin ta' l-Unjoni mill-Artikolu 18 KE ma tipprekludix klawżola ta' residenza, bħal dik applikabbli fil-kawża prinċipali, imposta fuq persuna qiegħda 'l fuq minn 50 sena li hija eżentata mill-obbligu li tagħti prova li hija disponibbli għax-xogħol, bħala kundizzjoni għaż-żamma tad-dritt tagħha għal benefiċċju tal-qgħad.

 Fuq l-ispejjeż

49     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja taqta' u tiddeċiedi li:

Il-libertà ta' moviment u ta' residenza mogħtija lil kull ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea mill-Artikolu 18 KE ma tipprekludix klawżola ta' residenza, bħal dik applikabbli fil-kawża prinċipali, imposta fuq persuna qiegħda 'l fuq minn 50 sena li hija eżentata mill-obbligu li tagħti prova li hija disponibbli għax-xogħol, bħala kundizzjoni għaż-żamma tad-dritt tagħha għal benefiċċju tal-qgħad.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.