SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

25 ta' Jannar 2007 (*)



Werrej


I - Id-deċiżjoni kkontestata

A - L-akkordju

B - It-tul ta' l-akkordju

C- Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

II - Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata

III - Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

IV - Fuq l-appelli

A - Fuq il-motiv imqajjem minn Nippon Steel, ibbażat fuq żbalji ta' dritt waqt id-definizzjoni tal-livell rikjest fil-qasam tal-provi

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

– a) Fuq l-ewwel parti tal-motiv

– b) Fuq it-tieni parti tal-motiv

– c) Fuq it-tielet parti tal-motiv

– d) Fuq ir-raba' parti tal-motiv

B - Fuq l-ewwel motiv mqajjem minn Sumitomo, ibbażat fuq żbalji ta' dritt fir-rigward tas-sehem tal-produtturi Ġappuniżi fil-ksur stabbilit mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

C - Fuq it-tieni motiv imqajjem minn Sumitomo, ibbażat fuq it-tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza

1. L-argumenti tal-partijiet

2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

V - Fuq l-ispejjeż

“ Appell – Kompetizzjoni – Akkorju – Suq ta' tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura – Ħarsien tas-swieq nazzjonali – Provi u evalwazzjoni tal-provi – Tul tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza ”

Fil-kawżi magħquda C-403/04 P u C-405/04 P

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skond l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentati fit-22 ta' Settembru 2004,

Sumitomo Metal Industries Ltd, stabbilita f'Tokyo (Il-Ġappun), irrappreżentata minn C. Vajda, QC, G. Sproul u S. Szlezinger, solicitors (C-403/04 P),

Nippon Steel Corp., stabbilita f'Tokyo, irrappreżentata minn J.-F. Bellis u K. Van Hove, avocats, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu (C-405/04 P),

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

JFE Engineering Corp., li qabel kienet NKK Corp., stabbilita f' Tokyo, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

JFE Steel Corp., li qabel kienet Kawasaki Steel Corp., stabbilita f'Tokyo, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

                                              rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn N. Khan u A. Whelan, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Awtorità ta' sorveljanza EFTA,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' Awla, K. Lenaerts, E. Juhász, K. Schiemann u M. Ilešič (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta' Diċembru 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta' Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Bl-appelli tagħhom, il-kumpanniji Sumitomo Metal Industries Ltd (iktar 'il quddiem "Sumitomo") (C-403/04 P) u Nippon Steel Corp. (iktar 'il quddiem "Nippon Steel") (C-405/04 P) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta' Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni (T-67/00, T-68/00, T-71/00 et T-78/00, Ġabra p. II-2501, iktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), safejn din tikkonċernahom.

2       Bis-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza, wara li naqqset il-multi imposti fuq ir-rikorrenti bid-deċiżjoni 2003/382/KE tal-Kummissjoni, tat-8 ta' Diċembru 1999, rigward proċedura ta' implementazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Kawża IV/E-1/35.860-B – Tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura) (ĠU L 140, 2003, p. 1, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), ċaħdet essenzjalment ir-rikorsi għal annullament magħmula kontra din id-deċiżjoni.

 I - Id-deċiżjoni kkontestata

 A - L-akkordju

3       Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej indirizzat id-deċiżjoni kkontestata kontra tmien impriżi produtturi ta' tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura. Fost dawn l-impriżi jinsabu erba' kumpanniji Ewropej (iktar 'il quddiem il-"produtturi Komunitarji"): Mannesmann, Vallourec SA (iktar 'il quddiem "Vallourec"), Corus UK Ltd (li qabel kienet British Steel Ltd, iktar 'il quddiem "Corus") u Dalmine SpA (iktar 'il quddiem "Dalmine"). L-erba' destinatarji l-oħra ta' l-imsemmija deċiżjoni huma kumpanniji Ġappuniżi (iktar 'il quddiem il-"produtturi Ġappuniżi"): NKK Corp., Nippon Steel Corp., Kawasaki Steel Corp. u Sumitomo Metal Industries Ltd (iktar 'il quddiem "Sumitomo").

4        It-tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura huma użati mill-industrija taż-żejt u l-gass, u jinkludu żewġ kategoriji wiesgħa ta' prodotti.

5        L-ewwel kategorija hija dik tat-tubi ta' tiftix, komunement imsejħa "Oil Country Tubular Goods" jew "OCTG". Dawn it-tubi jistgħu jinbiegħu mingħajr kamin ("tubi lixxi") jew bil-kamin. Is-sistema tal-kamini hija operazzjoni intiża sabiex tippermetti l-għaqda tat-tubi OCTG. Dan jista' jitwettaq b'mod konformi ma' l-istandards stabbiliti mill-American Petroleum Institute (API), it-tubi bil-kamin skond dan il-metodu huma msejħa "tubi OCTG standard", jew magħmula skond tekniċi partikolari, li s-soltu jkunu taħt privattiv. F'dan il-każ ta' l-aħħar, tissemma sistema tal-kamini jew, jekk ikun il-każ, "joints ta' l-aqwa kwalità" jew "premium", it-tubi bil-kamin skond dan il-metodu huma msejħa "tubi OCTG premium".

6        It-tieni kategorija ta' prodotti hija kostitwita minn pajpijiet ta' ġarr taż-żejt u tal-gass ("line pipe"), li fosthom jinsabu, minn naħa, dawk magħmula skond normi standardizzati u, min-naħa l-oħra, dawk magħmula fuq ordni fil-kuntest ta' proġetti speċifiċi (iktar 'il quddiem it-"pajpijiet ta' ġarr ‘proġett’").

7        F'Novembru 1994, il-Kummissjoni ddeċidiet li tinvestiga l-eżistenza ta' prattiċi antikompetittivi fir-rigward ta' dawn il-prodotti. F'Diċembru ta' l-istess sena, hija għamlet verifiki għand diversi impriżi, fosthom Mannesmann. Bejn Settembru 1996 u Diċembru 1997, Il-Kummissjoni għamlet verifiki addizzjonali għand Vallourec, Dalmine u Mannesmann. Waqt verifika magħmula għand Vallourec fis-17 ta' Settembru 1996, il-president ta' Vallourec Oil & Gas, is-Sur Verluca, għamel ċerti dikjarazzjonijiet (iktar 'il quddiem id-"dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca"). Waqt verifika għand Mannesmann f'April 1997, il-manager ta' din l-impriża, is-Sur Becher, ukoll għamel dikjarazzjonijiet (iktar 'il quddiem id-"dikjarazzjonijiet tas-Sur Becher").

8       Fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca u tas-Sur Becher kif ukoll fid-dawl ta' elementi oħra ta' prova, il-Kummissjoni kkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, li tmien impriżi destinatarji ta' din id-deċiżjoni kienu kkonkludew ftehim li kellu, b'mod partikolari, bħala suġġett il-ħarsien reċiproku tas-swieq nazzjonali tagħhom. Skond it-termini ta' dan il-ftehim, kull impriża ntrabtet li ma tbigħx tubi OCTG standard u pajpijiet ta' ġarr "proġett" fis-suq nazzjonali ta' parti oħra fl-imsemmi.

9       Il-ftehim ġie konkluż fil-kuntest ta' laqgħat bejn produtturi Komunitarji u Ġappuniżi magħrufa bl-isem "klabb Ewropa-Ġappun".

10     Il-prinċipju tal-ħarsien tas-swieq nazzjonali kien indikat bl-espressjoni "regoli fundamentali" ("fundamentals"). Il-Kummissjoni osservat li r-regoli fundamentali kienu ġew effettivament mħarsa u li, għalhekk, il-ftehim in kwistjoni kellu effetti antikompetittivi fis-suq komuni.

11      Il-ftehim kellu, b'kollox, tliet taqsimiet, l-ewwel waħda rrappreżentata mir-regoli fundamentali rigward il-ħarsien tas-swieq nazzjonali, evokati iktar 'il fuq, li jikkostitwixxu l-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tieni waħda kkostitwita mill-iffissar ta' prezzijiet għas-sejħiet ta' offerti u ta' prezzijiet minimi għas-"swieq speċjali" ("special markets") u t-tielet waħda tikkonsisti fi tqassim tas-swieq dinjija l-oħra, bl-esklużjoni tal-Kanada u ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika, permezz ta' ċwievet ta' tqassim ("sharing keys").

12     Rigward l-eżistenza ta' regoli fundamentali, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq sett ta' indizji dokumentati ċċitati fil-punti 62 sa 67 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fit-tabella li tinsab fil-punt 68 ta' dawn il-motivi. Minn din it-tabella jirriżulta li l-parti tal-produttur nazzjonali fil-kunsinni magħmula mid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata fil-Ġappun u fis-suq domestiku ta' kull wieħed mill-produtturi Komunitarji hija għolja ħafna. Minn dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li, b'mod ġenerali, is-swieq nazzjonali ġew effettivament imħarsa mill-partijiet fil-ftehim.

13      Il-membri tal-klabb Ewropa-Ġappun iltaqgħu f'Tokyo, fil-5 ta' Novembru 1993, sabiex jippruvaw jaslu għal ftehim ġdid ta' tqassim tas-swieq mal-produtturi ta' l-Amerika Latina. Il-kontenut ta' dan il-ftehim deċiż f'din l-okkażjoni jidher f'dokument mogħti lill-Kummissjoni fit-12 ta' Novembru 1997 minn informatur terz fil-proċedura, li kien jinkludi, b'mod partikolari, "ċavetta ta' tqassim " (iktar 'il quddiem id-dokument ‘ċavetta ta' tqassim’").

 B - It-tul ta' l-akkordju

14      Il-klabb Ewropa-Ġappun ilu jiltaqa' mill-1977, madwar darbtejn fis-sena, u għamel dan sa l-1994.

15      Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat li hija s-sena 1990 li għandha titqies bħala l-punt ta' tluq tal-ftehim għall-għanijiet ta' l-iffissar ta' l-ammont tal-multi, fid-dawl ta' l-eżistenza, bejn l-1977 u l-1990, ta' akkordji ta' awtolimitazzjoni ta' l-esportazzjonijiet konklużi bejn il-Komunità Ewropea u l-Ġappun. Skond il-Kummissjoni, il-ksur intemm fl-1995.

 C- Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

16     Skond l-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata, it-tmien impriżi destinatarji ta' din id-deċiżjoni "[...] kisru d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE, billi ħadu sehem [...] f'akkordju li jipprovdi, fost oħrajn, għall-ħarsien tas-suq nazzjonali rispettiv tagħhom għat-tubi OCTG [...] standard u l-[pajpijiet ta' ġarr ‘proġett’] mingħajr saldatura".

17     L-Artikolu 1(2) ta' din id-deċiżjoni jipprovdi li l-ksur seħħ bejn l-1990 u l-1995 fil-każ ta' Mannesmann, Vallourec, Dalmine, Sumitomo, Nippon Steel Corp., Kawasaki Steel Corp. u NKK Corp. Fir-rigward ta' Corus, huwa indikat li l-ksur kien dam mill-1990 sa Frar 1994.

18     Skond l-Artikolu 4 ta' l-imsemmija deċiżjoni, "il-multi li ġejjin huma imposti fuq l-impriżi msemmija fl-Artikolu 1, minħabba l-ksur ikkonstatat fl-imsemmi Artikolu:

1.      [Mannesmann] EUR 13 500 000

2.      Vallourec [...] EUR 8 100 000

3.       [Corus] EUR 12 600 000

4.       Dalmine [...] EUR 10 800 000

5.       Sumitomo [...] EUR 13 500 000

6.       Nippon Steel [...] EUR 13 500 000

7.       Kawasaki Steel Corp. [...] EUR 13 500 000

8.       NKK Corp. [...] EUR 13 500 000".

 II - Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata

19     B'rikorsi ppreżentati lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim'Istanza, sebgħa mit-tmien impriżi ssanzjonati mid-deċiżjoni kkontestata, fosthom Mannesmann, ressqu rikorsi, kollha għall-annullament, totali jew parzjali, ta' din id-deċiżjoni u, sussidjarjament, għall-annullament tal-multa imposta fuqhom jew it-tnaqqis ta' l-ammont tagħha.

20     Bis-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       annullat l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata safejn din iddeċidiet li jeżisti l-ksur li bih dan l-Artikolu akkuża lir-rikorrenti fl-imsemmija kawżi qabel l-1 ta' Jannar 1991 u wara t-30 ta' Ġunju 1994;

–       iffissat l-ammont tal-multa imposta fuq kull waħda mir-rikorrenti għal EUR 10 935 000;

–       ċaħdet ir-rikorsi għall-bqija;

–       ordnat li kull waħda mill-partijiet għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 III - Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

21     Fl-appell tagħha, Sumitomo titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–       tannulla, totalment jew parzjalment, is-sentenza kkontestata;

–       tannulla, totalment jew parzjalment, l-Artikoli 1 u 3 sa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, safejn huma jikkonċernawha;

–       tordna, jekk huwa neċessarju, lill-Kummissjoni tikkumpensaha għat-tul żejjed tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, bil-ħlas ta' somma ta' almenu EUR 1 012 332;

–       tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż sostnuti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja.

22     Fl-appell tagħha, Nippon Steel titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–       tannulla s-sentenza kkontestata u d-deċiżjoni kkontestata safejn huma jikkonċernawha;

–       sussidjarjament, jekk l-appell jintlaqa' biss safejn huwa jirreferi għall-pajpijiet ta' ġarr "proġett", tnaqqas b'żewġ terzi l-multa li ġiet imposta fuqha;

–       tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż sostnuti quddiem il-Qorti tal-Prim'istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja.

23     Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appelli u tordna li r-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

24     B'digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta' Marzu 2005, iż-żewġ appelli ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

 IV - Fuq l-appelli

25     Sumitomo tqajjem żewġ motivi sabiex issostni l-appell tagħha, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żbalji ta' dritt rigward is-sehem tal-produtturi Ġappuniżi fil-ksur imsemmi mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni, u t-tieni wieħed, fuq it-tul żejjed tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

26     Nippon Steel tqajjem, essenzjalment, mottiv wieħed ta' annullament, ibbażat fuq żbalji ta' dritt waqt id-definizzjoni tal-livell rikjest fil-qasam tal-provi.

27     Fl-ewwel lok għandu jiġi eżaminat il-motiv imqajjem minn Nippon Steel.

 A - Fuq il-motiv imqajjem minn Nippon Steel, ibbażat fuq żbalji ta' dritt waqt id-definizzjoni tal-livell rikjest fil-qasam tal-provi

 1. L-argumenti tal-partijiet

28     Fl-ewwel parti tal-motiv tagħha, Nippon Steel takkuża lill-Qorti tal-Prim'Istanza bi żball ta' dritt inkwantu hija ma ġibditx il-konklużjonijiet legali mill-fatt li l-produtturi Ġappuniżi ma kellhom l-ebda interess kummerċjali li jikkomettu l-ksur allegat.

29     Il-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljat meta limitat ruħha li tikkonstata li n-nuqqas eventwali ta' interess kummerċjali huwa mingħajr rilevanza jekk ġie stabbilit li l-akkordju jeżisti. Skond Nippon Steel, il-fatt li l-produtturi Ġappuniżi ma kellhom, b'mod partikolari minħabba l-eżistenza ta' barrieri kummerċjali li jikkonċernaw it-tubi in kwistjoni bejn is-suq Ġappuniż u s-swieq prinċipali Ewropej, l-ebda motiv ekonomiku loġiku li jikkonkludu l-ftehim allegat jimplika li provi iktar konvinċenti ta' l-eżistenza tal-ftehim kellhom jiġu prodotti, jiġifieri indizji partikolarment preċiżi, loġiċi u affidabbli fuq l-elementi essenzjali kollha tal-ksur.

30     Barra minn hekk, meta teżisti, bħal fil-każ in kwistjoni, spjegazzjoni alternattiva għall-aġir ta' l-impriża akkużata, li tkun kompatibbli mar-regoli ta' kompetizzjoni, ma jistax jiġi konkluż li hemm ksur fuq il-bażi ta' provi ambigwi. F'dan ir-rigward, Nippon Steel tinvoka l-prinċipju tal-preżunzjoni ta' innoċenza.

31     B'mod partikolari, id-dikjarazzjonijiet magħmula minn impriża akkużata li ħadet sehem f'kartell u kkontestati minn impriżi oħra li huma wkoll akkużati, jistgħu biss jintużaw bħala provi jekk l-elementi essenzjali tal-kartell ikunu ġew stabbilti fuq il-bażi ta' provi indipendenti minn dawn id-dikjarazzjonijiet. F'dan ir-rigward, Nippon Steel tenfasizza li d-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, li jippermetti lill-impriżi li jibbenefikaw minn tnaqqis tal-multa bħala kumpens għall-kooperazzjoni tagħhom, twassal għal riskju importanti ta' dikjarazzjonijiet impreċiżi jew foloz.

32     Bit-tieni parti tal-motiv tagħha, Nippon Steel takkuża lill-Qorti tal-Prim'Istanza li rrikonoxxiet biss spjegazzjoni alternattiva plawsibbli għall-aġir ta' l-impriża akkużata hija rilevanti meta l-provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni jirrikjedu, minħabba l-karattru ambigwu tagħhom, interpretazzjoni. B'hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkommettiet żball ta' dritt relatat mal-livell rikjest fil-qasam tal-provi u kisret il-prinċipju tal-preżunzjoni ta' innoċenza.

33     Bit-tielet parti ta' dan il-motiv, Nippon Steel takkuża lill-Qorti tal-Prim'Istanza li ma ħaditx in kunsiderazzjoni n-natura ambigwa tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca u lanqas il-kuntradizzjonijiet li hemm bejn dawn d-dikjarazzjonijiet u elementi oħra ta' prova. Billi ma talbitx, kemm f'termini ta' preċiżjoni kif ukoll ta' kontenut, livell ta' korroborazzjoni ogħla minn elementi oħra ta' prova, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkommettiet żball ta' dritt u ma ħallietx li jsir stħarriġ ġudizzjarju komplet tal-veraċità tal-fatti kkonstatati mill-Kummissjoni. F'dan ir-rigward, Nippon Steel tfakkar li tali stħarriġ mill-qrati Komunitarji huwa meħtieġ sabiex tiġi sodisfatta l-kundizzjoni relatata mad-dritt għal tribunal indipendenti u imparzjali msemmi fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertaijiet Fundamentali, iffirmata f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950 (iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni Ewropea").

34     Skond ir-raba' parti tal-motiv, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkommettiet żball ta' dritt billi bbażat fuq motivi kuntradittorji u inadegwati l-evalwazzjoni tagħha li d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Becher setgħu jikkorroboraw dawk tas-Sur Verluca f'dak li jikkonċerna l-ksur allegat fir-rigward tal-pajpijiet ta' ġarr "proġett". Minkejja li hija rrikonoxxiet li parti minnha tista' tikkorrobora d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca biss meta hija mhijiex f'kuntradizzjoni ma' dawn, il-Qorti tal-Prim'Istanza applikat regola differenti għad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Becher, li jikkontradixxu manifestement dawk tas-Sur Verluca.

35     Il-Kummissjoni tosserva li t-tieni u t-tielet parti tal-motiv jikkostitwixxu biss ir-ripetizzjoni ta' ċerti elementi ta' l-ewwel parti ta' dan. F'kull każ, dawn it-tliet partijiet huma inammissibbli peress illi ma jistgħux jintlaqgħu mingħajr ma tiġi kkontestata l-evalwazzjoni tal-fatti li tat il-Qorti tal-Prim'Istanza u ma jippermettux li jiġi stabbilit li din ta' l-aħħar ikkommettiet żnaturazzjoni ta' l-elementi ta' prova.

36     Barra minn hekk, anki kieku dawn il-partijiet kellhom ikunu inammissibbli, huma jkunu manifestament mhux fondati safejn huma bbażati fuq l-ambigwità ta' l-elementi ta' prova u fuq l-eżistenza ta' spjegazzjonijiet alternattivi plawsibbli ta' dawn l-elementi. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva illi l-indizji li fuqhom hija bbażat ruħha, bħad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca, mhumiex ambigwi f'dak li jikkonċerna l-elementi essenzjali tal-ksur u li ebda spjegazzjoni alternattiva plawsibbli tal-kliem użat fil-provi tad-dokumenti ma ngħatat. Il-Kummmissjoni tikkonkludi li l-evalwazzjoni li l-Qorti tal-Prim'Istanza tat tal-provi tal-ksur hija perfettament konformi mad-dritt.

37     Ir-raba' parti tal-motiv hija wkoll inammissibbli peress li, anki li kieku kienet fondata, hija ma tistax tiġġustifika l-annullament tas-sentenza kkontestata. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim'Istanza, wara li kkunsidrat fil-punt 333 tas-sentenza kkontestata li d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Becher jikkorroboraw dawk tas-Sur Verluca rigward it-tubi ta' ġarr "proġett", qieset fil-punti 334 u 335 ta' din is-sentenza li, f'kull każ, id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca huma suffiċjenti sabiex jistabbilixxu akkordju ta' tqassim tas-swieq bejn il-membri tal-klabb Ewropa-Ġappun li jkopri mhux biss it-tubi OCTG standard iżda wkoll il-pajpijiet ta' ġarr "proġett".

 2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       a) Fuq l-ewwel parti tal-motiv

38     Għandu jiġi mfakkar li, f'każ ta' appell, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti li tikkonstata l-fatti lanqas, bħala regola ġenerali, li teżamina l-provi li l-Qorti tal-Prim'Istanza qieset in sostenn ta' dawn il-fatti. Fil-fatt, sakemm dawn il-provi jinkisbu legalment, u sakemm il-prinċipji ġenerali ta' dritt u r-regoli ta' proċedura applikabbli fil-qasam tal-provi u ta' l-evalwazzjoni tal-provi jiġu mħarsa, hija biss il-Qorti tal-Prim'Isatanza li hija kompetenti li tevalwa l-valur li għandu jiġi attribwit lill-elementi li ġew imressqa quddiemha (is-sentenza tat-28 ta' Mejju 1998, Deere vs Il-Kummissjoni, C-7/95 P, Ġabra p. I-3111, punt 22). Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix ħlief fil-każ ta' żnaturazzjoni ta' l-elementi ta' prova ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, kwistjoni ta' dritt suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (is-sentenzi tat-2 ta' Marzu 1994, Hilti vs Il-Kummissjoni, C-53/92 P, Ġabra p. I-667, punt 42, u tas-7 ta' Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 49).

39     Il-setgħa ta' stħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza testendi għaldaqstant, b'mod partikolari, għall-ineżatezza materjali ta' dawn il-konstatazzjonijiet li jirriżultaw minn dokumenti tal-proċess, għaż-żnaturazzjoni ta' l-elementi ta' prova, għall-klassifikazzjoni legali ta' dawn, u għall-kwistjoni dwar jekk ir-regoli fil-qasam tal-provi u ta' l-evalwazzjoni tal-provi ġewx imħarsa (is-sentenzi tas-6 ta' Jannar 2004, BAI u Il-Kummissjoni vs Bayer, C-2/01 P u C-3/01 P, Ġabra p. I-23, punti 47, 61 u 117, u tas-6 ta' April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni, C-551/03 P, Ġabra p. I-3173, punti 51 u 52).

40     L-ewwel parti tal-motiv tirrigwarda essenzjalment il-kwistjoni jekk l-allegat nuqqas ta' interessi kummerċjali li jitwettaq il-ksur allegat kellux iwassal lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tevalwa l-elementi ta' prova skond kriterji differenti minn dawk li hija adottat. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, din il-parti hija ammissibbli. Fil-fatt, il-kwistjoni jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza applikatx ir-regola ġuridika korretta waqt l-eżami ta' l-elementi ta' prova tikkostitwixxi kwistjoni ta' dritt.

41     Rigward il-mertu ta' din il-parti tal-motiv, għandhom jiġu eżaminati l-punti tas-sentenza kkontestata li fihom il-Qorti tal-Prim'Istanza spjegat il-prinċipji li jirregolaw il-provi u l-evalwazzjoni tal-provi li hija applikat.

42     Fil-punt 179 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza fakkret il-ġurisprudenza li tgħid li l-Kummissjoni hija marbuta li tiġbor elementi ta' prova suffiċjentement preċiżi u konsistenti sabiex tibbaża l-konvinzjoni li ġie kommess il-ksur. Fil-punt 180 ta' l-istess sentenza, hija enfasizzat li huwa biżżejjed li dan is-sett ta' indizji invokat mill-Kummissjoni jissodisfa, b'mod ġenerali, din il-kundizzjoni. Imbagħad, fil-punt 181, il-Qorti tal-Prim'Istanza fakkret illi jirriżulta mit-test innifsu ta' l-Artikolu 81(1) KE li l-ftehim bejn impriżi huwa pprojbit, indipendentament mill-effetti tagħhom, meta għandu għan kontra l-kompetizzjoni.

43     Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet minn dan, fil-punti 183 u 184 tas-sentenza kkontestata, li l-argument tar-rikorrenti li jsostni l-ineżistenza ta' l-effetti tal-ftehim, jekk huwa fondat, ma jistax iwassal għall-annullament ta' l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza fakkret li hija diġà kienet iddeċidiet, fis-sentenza tagħha tal-15 ta' Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs il-Kummissjoni (T-25/95, T-26/95, T-30/95 sa T-32/95, T-34/95 sa T-39/95, T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, T-50/95 sa T-65/95, T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punti 1085 sa 1088), li l-ftehimiet li huma intiżi għar-rispett tas-swieq nazzjonali għandhom għan restrittiv tal-kompetizzjoni minnhom infushom u jaqgħu fil-kategorija ta' ftehimiet espliċitament ipprojbiti mill-Artikolu 81(1), KE u li dan l-għan ma jistax jiġi ġġustifikat permezz ta' analiżi tal-kuntest ekonomiku li fih jinsab l-aġir antikompetittiv in kwistjoni.

44     Fil-punt 185 tas-senteza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li huwa irrilevanti, f'dak li jikkonċerna l-eżistenza tal-ksur, jekk il-konklużjoni tal-ftehim kienet jew ma kinitx saret fl-interess kummerċjali tal-produtturi Ġappuniżi.

45     Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 190 et seq tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim'istanza huwa konformi mad-dritt. Huwa jaqbel ma' ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta' Marzu 1984, CRAM u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, Ġabra 1679, punt 20; tat-8 ta' Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 123, u tal-15 ta' Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P et C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 508). L-argument ta' Nippon Steel, li l-eżistenza ta' spjegazzjoni alternattiva plawsibbli għall-aġir allegat, jiġifieri n-nuqqas ta' interess kummerċjali, kellha twassal lill-Qorti tal-Prim'Istanza li tirrikjedi eżiġenzi iktar stretti f'dak li għandu x'jaqsam mal-provi li għandhom jiġu ppreżentati, imur kontra din il-ġurisprudenza.

46     Għaldaqstant il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat ġustament li, meta l-Kummissjoni jirnexxielha tipproduċi provi dokumentati in sostenn tal-ksur allegat, u meta dawn il-provi jidhru suffiċjenti sabiex juru li jeżisti ftehim ta' natura antikimpetittiva, mhuwiex meħtieġ li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk l-impriża akkużata kellhiex interess kummerċjali fl-imsemmi ftehim.

47     Rigward, b'mod partikolari, ftehimiet ta' natura anti kompetittiva li jimmanifestaw ruħhom, bħal f'din il-kawża, waqt laqgħat ta' impriżi kompetituri, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li hemm ksur ta' l-Artikolu 81(1), KE, meta dawn il-laqgħat għandhom bħala għan ir-restrizzjoni, il-prevenzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u huma intiżi b'hekk, sabiex jorganizzaw artifiċjalment it-tħaddim tas-suq (is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 508 u 509). F'każ bħal dan, huwa suffiċjenti li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata ħadet sehem f'laqgħat li fihom ġew konklużi ftehimiet ta' natura antikompetittiva, sabiex jiġi ppruvat is-sehem ta' l-imsemmija impriża fl-akkordju. Meta jiġi stabbilit is-sehem f'dawn il-laqgħat, hija din l-impriża li għandha tressaq provi tali li jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni fl-imsemmija laqgħat ma kellha ebda intenzjoni antikompetittiva, billi turi li kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qiegħda tieħu sehem f'dawn il-laqgħat b'perspettiva differenti minn tagħhom (is-sentenzi tat-8 ta' Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni, C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punt 155, u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 81).

48     Ir-raġuni li fuqha hija bbażata din ir-regola hija li, peress li kienet ħadet sehem fl-imsemmija laqgħa mingħajr ma tbiegħdet pubblikament mill-kontenut tagħha, l-impriża tat l-impressjoni lill-parteċipanti l-oħra li hija qablet mar-riżultat tagħha u li se tikkonforma magħha (is-sentenza Aalborg Portland et. vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 82).

49     Issa, f'din il-kawża, Nippon Steel ma kkontestatx formalment il-fatt li hija ħadet sehem fil-laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun, u lanqas ma ġabet elementi li juri li s-sehem tagħha f'dawn il-laqgħat ma sarx b'intenzjoni antikompetittiva f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħarsien ta' swieq nazzjonali.

50     F'dan ir-rigward il-Qorti tal-Prim'Istanza ma għamlet ebda żball ta' dritt meta għamlet l-analiżi li ġejja tad-dokumenti disponibbli.

"194      […] ir-rikorrenti Ġappuniżi ma jiċħdux li nżammu laqgħat bejn rappreżentanti tal-produtturi Ġappuniżi u Ewropej ta' tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura […]. Barra minn hekk, JFE-NKK, JFE-Kawasaki u Sumitomo ma jiċħdux li ħadu sehem f'dawn il-laqgħat, iżda jaffermaw li l-unika informazzjoni li huma għandhom b'konnessjoni ma' dik li ġejja minn dak li jiftakru l-impjegati tagħhom, li ma tantx huma affidabbli id-dawl taż-żmien li għadda wara dawn il-laqgħat.

195       Nippon [Steel] tafferma li, safejn taf, ebda wieħed mill-impjegati attwali tagħha ma assista għal tali laqgħat, iżda tippreċiża li ma tistax teskludi li x'uħud mill-impjegati preċedenti tagħha kienu assistew għalihom. Madankollu, dettal mogħti fir-risposta ta' Nippon [Steel] ta' l-4 ta' Diċembru 1997 għad-domandi supplementari magħmula mill-Kummissjoni, jiġifieri l-fatt li s-Sur [X], responsabbli għall-esportazzjoni ta' tubi ta' l-azzar, mar Cannes fuq missjoni, mill-14 sas-17 ta' Marzu 1994, isostni t-teżi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta' Nippon [Steel] għall-laqgħat in kwistjoni, ladarba waħda mill-laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun li rrifera għaliha s-Sur Verluca nżammet f'Cannes fis-16 ta' Marzu 1994 […]. F'din l-istess risposta, Nippon [Steel] tafferma li hija mhijiex f'pożizzjoni li tispjega l-għan ta' din il-missjoni u lanqas tal-missjonijiet l-oħra ta' l-impjegati tagħha f'Firenze, ladarba hija ma kellhiex klijenti f'dawn iż-żewġt ibliet.

196       F'dawn iċ-ċirkunstanzi, il-Kummissjoni kkonkludiet ġustament li r-rikorrenti Ġappuniżi, imsemmija mis-Sur Verluca fid-dikjarazzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Ottubru 1996 […], fosthom Nippon [Steel], effettivament ħadu sehem fil-laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun deskritti minnu.

[…]

201       Dwar l-argument li l-laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun qatt ma ttrattaw is-swieq tal-Komunità, għandu jiġi osservat li, jekk, skond is-Sur Verluca, il-"ġrajjiet importanti li jolqtu s-suq tal-prodotti tal-petroleum" (VRA Amerikan, taqlib politiku fil-USSR, żvilupp fiċ-Ċina...)’ ġew diskussi waqt dawn il-laqgħat, jibqa' l-fatt li l-'implementazzjoni tar-regoli fundamentali ċċitati iktar 'il fuq’ ukoll ġiet kkonstatat[a]’. B'hekk, jirriżulta mid-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 li l-implementazzjoni tar-regoli fundamentali, li timplika b'mod partikolari r-rispett ta' l-erba' swieq domestiċi tal-produtturi Komunitarji mir-rikorrenti Ġappuniżi, huwa wieħed mis-suġġetti li ġew diskussi waqt dawn il-laqgħat.

202      Għandu jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni għandha l-għan li tissanzjona l-ksur ta' l-Artikolu 81(1), KE u li l-ftehimiet li jikkonsistu fi ‘tqassim tas-swieq jew tas-sorsi ta' proviżjoni’ huma espliċitament imsemmija fl-Artikolu 81(1)(ċ), KE bħala pprojbiti skond din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant huwa biżżejjed għall-Kummissjoni li tistabbilixxi li ftehim bejn impriżi li għandhom mnejn jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri kellu bħala għan jew bħal effett li jaqsam is-swieq Komunitarji ta' prodott jew ta' diversi prodotti bejniethom sabiex dan il-ftehim ikun jikkostitwixxi ksur.

203      Għandu jiġi osservat ukoll, li fil-prattika, il-Kummissjoni hija spiss imġiegħla tipprova l-eżistenza ta' ksur f'ċirkustanzi li ma tantx huma xierqa għal dan il-kompitu, inkwantu setgħu għaddew diversi snin wara ż-żmien tal-fatti li jikkostitwixxu l-ksur u li x'uħud mill-impriżi li kienu suġġett ta' l-investigazzjoni ma kkooperawx b'mod attiv magħha. Jekk hija neċessarjament il-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi li akkordju illeċitu ta' tqassim tas-swieq ġie konkluż […],ikun eċċessiv li jintalab, barra minn hekk, li hija ġġib il-prova tal-mekkniżmu speċifiku li bih dan l-għan għandu jinkiseb […]. Fil-fatt, ikun faċli wisq għal impriża ħatja ta' ksur li tevita kwalunkwe sanzjoni jekk hija tkun tista' tibbaża argument fuq il-karattru vag ta' l-informazzjoni mressqa b'konnessjoni mat-tħaddim ta' ftehim illeċitu f'sitwazzjoni li fiha l-eżistenza tal-ftehim u l-għan antikompetittiv tiegħu jkunu madankollu stabbiliti suffiċjentment. […]

[…]

205      F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti Ġappuniżi, id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca mhux biss huma affidabbli, iżda għandhom valur probatorju partikolarment għoli peress li saru għan-nom ta' Vallourec. […]

[…]

207      F'kull każ, is-Sur Verluca kien xhud dirett taċ-ċirkustanzi li huwa ressaq. Fil-fatt il-Kummissjoni affermat, […] mingħajr ma ġiet kontradetta f'dan ir-rigward li s-Sur Verluca, fil-kwalità tiegħu ta' president ta' Vallourec […], kien ħa sehem, huwa stess, fil-laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun."

51     Għandu jiġi kkonstatat li din l-evalwazzjoni ta' l-elementi ta' prova hija kompatibbli ma' ġurisprudenza stabblita sew. Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat f'każijiet oħra, huwa abitwali li l-attivitajiet li prattiċi u ftehim antikompetittiv jinvolvu jsiru bil-moħbi, li l-laqgħat jinżammu b'mod sigriet, u li d-dokumentazzjoni relatata magħhom tiġi mnaqqsa għall-minimu. Isegwi li, anki jekk il-Kummissjoni tiskopri dokumenti li juru b'mod espliċitu li kien hemm kuntatt illegali bejn l-operaturi, normalment dawn ikunu biss frammentarji u skarsi, b'tali mod li spiss ikun neċessarju li ċerti dettalji jinġabru permezz ta' deduzzjonijiet. Għaldaqstant, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta' prattika jew ta' ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta' koinċidenzi u indizji, li, kkunsidrati flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta' spjegazzjoni oħra koerenti, il-prova ta' ksur tar-regoli ta' kompetizzjoni (is-sentenza Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 55 sa 57).

52     Safejn Nippon Steel tibbaża ruħha wkoll, fil-kuntest ta' l-ewwel parti tal-motiv, fuq il-prinċipju tal-preżunzjoni ta' innoċenza kif ukoll fuq ir-riskju ta' dikjarazzjonijiet impreċiżi jew foloz min-naħa ta' impriżi kompetituri akkużati, biżżejjed jiġi mfakkar, kif għamlet il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 177 sa 179 tas-sentenza kkontestata, li jekk, ċertament, l-eżistenza ta' dubju għandha tibbenefika l-impriża akkużata, xejn ma jipprekludi l-konstatazzjoni ta' ksur ladarba dan ikun ġie ppruvat.

53     Fl-aħħar nett, xejn fil-proċess ma jindika li l-Qorti tal-Prim'Istanza, fl-analiżi u fl-evalwazzjoni ta' l-elementi ta' prova, żnaturat il-portata ta' dawn jew ikkommettiet ineżattezza materjali.

54     Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, billi adottat il-kriterji msemmija hawn fil-qasam tal-provi u ta' l-evalwazzjoni tal-provi u billi ddeċidiet li, f'din il-kawża, dawn il-kriterji huma sodisfatti, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma kkommettiet ebda żball ta' dritt.

55     Għaldaqstant, l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

–       b) Fuq it-tieni parti tal-motiv

56     It-tieni parti tal-motiv tistrieħ fuq il-premessa li l-elementi ta' prova huma ambigwi. Issa, kif ġie imfakkar fil-kuntest ta' l-eżami ta' l-ewwel parti tal-motiv, l-evalwazzjoni mill-Qorti tal-Prim'Istanza tal-valur probatorju tad-dokumenti tal-proċess li jitressqu quddiemha ma tistax, ħlief fil-każijiet ta' ksur tar-regoli fil-qasam tal-provi u ta' l-evalwazzjoni tal-provi u ta' żnaturazzjoni ta' l-imsemmija dokumenti, tiġi kkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (ara, ukoll, is-sentenzi ta' l-1 ta' Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et., C-136/92 P, Ġabra p. I-1981, punti 49 u 66, u tat-2 ta' Ottubru 2003, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C-182/99 P, Ġabra p. I-10761, punt 43). F'dan il-każ, dan japplika wkoll għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tgħid li l-elementi ta' prova mhumiex ambigwi iżda, bil-kontra, huma preċiżi u konsistenti sabiex jippermettu li tiġi fondata l-konvinzjoni li l-ksur kien ġie kommess.

57     Għaldaqstant, safejn Nippon Steel tikkontesta din l-evlawazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza, l-argument tagħha għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

58     Barra minn hekk, l-argument ta' Nippon Steel, li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball ta' dritt meta iddeċidiet li l-ispjegazzjoni alternattiva, plawsibbli u kompatibbli mar-regoli ta' kompetizzjoni ta' l-aġir tal-produtturi Ġappuniżi ma kinitx rilevanti, huwa sostanzjalment l-istess bħal dak li ġie miċħud fil-kuntest ta' l-ewwel parti tal-motiv u li bih il-Qorti tal-Prim'Istanza ġiet akkużata li kienet ikkonstatat li n-nuqqas eventwali ta' interess kummerċjali tal-produtturi Ġappuniżi li jikkommettu l-ksur allegat mhuwiex rilevanti jekk l-eżistenza tal-ftehim ġiet stabbilita.

59     Fid-dawl ta' dak li ntqal, it-tieni parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

–       c) Fuq it-tielet parti tal-motiv

60     B'din il-parti tal-motiv, Nippon Steel takkuża lill-Qorti tal-Prim'Istanza li ma ħaditx in kunsiderazzjoni, fl-ewwel lok, in-natura ambigwa tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca u, fit-tieni lok, tal-kuntradizzjonijiet bejn dawn d-dikjarazzjonijiet u elementi oħra ta' prova, b'mod partikolari d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Becher.

61     Għandu jiġi osservat li, fid-dikjarazzjonijiet tiegħu tas-17 ta' Settembru 1996, is-Sur Verluca ammetta li s-swieq nazzjonali ta' dawk li ħadu sehem fil-ftehim "gawdew minn protezzjoni", bl-eċċezzjoni tas-suq offshore tar-Renju Unit, li kien "semi-protett". Il-prodotti kkonċernati mill-ftehim kienu, fl-opinjoni tiegħu, it-tubi OCTG standard u l-pajpijiet ta' trasport "proġett". Rigward it-tul tal-ftehim, il-parti kkonċernata ddikjarat li "dan il-kummerċ beda wara l-waqgħa tas-suq fl-1977" u li "intemm ftit iktar minn sena ilu." Rigward il-metodi prattiċi tal-ftehim, is-Sur Verluca spjega li "nżammu laqgħat, bħala regola ġenerali, darbtejn fis-sena […]. Fihom ġew diskussi l-ġrajjiet importanti li jaffettwaw is-suq tal-prodotti tal-petroleum […]. Ġiet kkonstatat globalment id-differenza kbira li hemm bejn il-kapaċitajiet tat-tubi dinjija u d-domanda, kif ukoll l-applikazzjoni tar-regoli fudamentali iċċitatati iktar 'il fuq".

62     Meta ġie mistoqsi fit-18 ta' Diċembru 1997, waqt verifika ġdida għand Vallourec, is-Sur Verluca ddikjara :

–       "Il-produtturi kkonċernati tal-Klabb Ewropa-Ġappun kienu jirrispettaw, għal sejħiet ta' offerti internazzjonali, ċavetta ta' tqassim approssimattiv għal prodotti standard biss.

–       F'dan il-kuntest, listi indikattivi ta' prezz ġew stabbiliti li jservu ta' bażi għall-offerti ppreżentati fil-kuntest ta' l-imsemmija sejħiet għal offerti […].

–       Dawn il-listi ġew aġġornati minn żmien għall-ieħor (‘NL’: New List) u kienu jippermettu lill-produtturi individwali li jistabbilixxu l-prezz li għandu jiġi offert sabiex jintrebaħ negozju (‘WP’: Winning Price). […]

–       Kienu kkunsidrati bħal domestiċi, is-swieq Franċiżi, Ġermaniżi, Ġermaniżi u Taljani. Ir-[Renju Unit] kellu status partikolari (ara d-dikjarazzjoni tiegħi tas-17.09.96)."

63     Is-Sur Becher, min-naħa tiegħu, iddikjara kif ġej:

–       "Safejn naf […], [i]r-‘regoli fundamentali’ jikkonsistu fi ftehimiet li jikkonċernaw it-tubi OCTG u l-pajpijiet tal-ġarr ‘proġett’ li huma intiżi essenzjalment sabiex jipproteġu s-swieq nazzjonali rispettivi. Dan kien ifisser li, f'dawn is-setturi, il-produtturi Ġappuniżi ma kellhomx jidħlu fis-swieq Ewropej filwaqt li l-produtturi Ewropej ma kellhomx […] jikkunsinnaw il-prodotti tagħhom fil-Ġappun.

–       Flimkien ma' dawn l-akkordji li jikkonċernaw direttament is-swieq nazzjonali rispettivi, milli jidher kienu jeżistu ftehimiet oħra kumplimentari rigward pajjiżi oħrajn […]

–       Għas-swieq l-oħra li kienu s-suġġett ta' sejħiet għal offerti mondjali, kien sar ftehim fuq ċerti kwantitajiet li kellhom jiġu kkunsinnati rispettivament mill-produtturi Ġappuniżi u Ewropew li, dak iż-żmien, kienu ġew indikati bit-terminu [i] "ċavetta ta' tqassim" (“sharing key”). L-għan kien manifestament li jinżammu l-kwantitajiet li għandhom jiġi kkunsinnati fuq il-livell milħuq fil-passat. […]"

64     Dwar l-ewwel ilment imqajjem fil-kuntest ta' din il-parti tal-motiv, ibbażat fuq il-karattru ambigwu tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat l-imsemmija dikjarazzjonijiet bħala element ta' prova preċiż. B'mod partikolari, hija kkonstatat fil-punt 193 tas-sentenza kkontestata, illi "[t-] terminu ‘kummerċ' użat fid-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 […] jindika […] li kien hemm kuntatti bejn il-produtturi Ġappuniżi u Ewropej ta' tubi ta' l-azzar" u, fil-punt 201 tas-sentenza kkontestata, li "jirriżulta mid-dikjarazzjoni tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 li l-applikazzjoni tar-regoli fundamentali, li timplika b'mod partikolari r-rispett ta' l-erba' swieq domestiċi tal-produtturi Komunitarji mir-rikorrenti Ġappuniżi, hija wieħed mis-suġġetti li ġew diskussi waqt [il-laqgħat tal-klabb Ewropa-Ġappun]".

65     Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 38, 39 u 56 ta' din is-sentenza, din l-evalwazzjoni mill-Qorti tal-Prim'Istanza tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca ma tistax, ħlief fil-każijiet ta' ksur tar-regoli fil-qasam tal-provi u ta' l-evalwazzjoni tal-provi u ta' żnaturazzjoni ta' l-imsemmija dikjarazzjonijiet jew ta' ineżattezzi materjali, tiġi kkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Issa, Nippon Steel ma ressqet l-ebda argument adattat sabiex juri li l-konklużjonijiet imfakkra hawn fuq, dedotti mill-Qorti tal-Prim'Istanza mid-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca, huma vvizzjati b'ineżatezza materjali, bi żnaturazzjoni ta' dawn d-dikjarazzjonijiet jew bi żball ta' dritt.

66     Jirriżulta, barra minn hekk, mill-eżami ta' l-ewwel parti tal-motiv li l-Qorti tal-Prim'Istanza lanqas ma kisret ir-regoli fil-qasam tal-provi u ta' l-evalwazzjoni tal-provi fl-evalwazzjoni tagħha tad-dokumenti tal-proċess.

67     Għaldaqstant l-ewwel ilment, ibbażat fuq in-natura ambigwa tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca, għandu jiġi miċħud.

68     Rigward it-tieni lment mqajjem fil-kuntest tat-tielet parti tal-motiv, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim'Istanza ħadet in kunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha ta' l-elementi ta' prova, l-eżistenza ta' ċertu nuqqas ta' qbil bejn id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca u elementi oħra ta' prova. B'hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fil-punt 302 tas-sentenza kkontestata, li "[h]uwa minnu li l-fatt li s-Sur Becher ċaħad l-eżistenza ta' diviżjoni intra-Ewropeja tar-regoli fundamentali fis-sens ta' obbligu ta' rispett reċiproku tas-swieq domestiċi bejn il-produtturi Ewropej li jdgħajjef id-dikjarazzjoni tiegħu, sa ċertu punt, inkwantu element ta' prova li jippermetti li jiġu kkoroborati d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca".

69     Imbagħad, il-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat jekk, minkejja dan in-nuqqas ta' qbil, id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca kinux ikkorroborati b'mod suffiċjentement preċiż mid-dikjarazzjonijiet tas-Sur Becher.

70     Fid-dawl ta' dan l-eżami, il-Qorti tal-Prim'Istanza ppreċiżat, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca :

"219      […] skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, id-dikjarazzjoni ta' impriża akkużata li ħadet sehem f'akkordju, li l-eżattezza tiegħi hija kkontestata minn diversi impriżi oħra akkużati, ma tistax titqies li tikkostitwixxi prova suffiċjenti ta' l-eżistenza ta' ksur kommess minn dawn ta' l-aħħar mingħajr ma tiġi sostnuta minn elementi oħra ta' prova […]. B'hekk, għandu jiġi konkluż li, minkejja n-natura affidabbli tagħhom, id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca għandhom jiġu kkoroborati b'elementi oħra ta' prova sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur issanzjonat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

220      Madankollu, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-livell ta' korroborazzjoni meħtieġ f'din il-kawża huwa inqas, kemm f'termini ta' preċiżjoni kif ukoll f'termini ta' intensità, minħabba l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca, li ma kienx ikun il-każ kieku dawn ta' l-aħħar ma kinux partikolarment affidabbli. B'hekk, għandu jiġi kkunsidrat li, jekk kellu jiġi deċiż li sett ta' indizji konsistenti kien jippermetti li tiġi kkorroborata l-eżistenza u ċerti aspetti speċifiċi tal-ftehim ta' tqassim tas-swieq evokat mis-Sur Verluca u msemmi fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni [kkontestata], id-dikjarazzjonijiet ta' dan ta' l-aħħar jistgħu jkunu biżżejjed, minnhom infushom, f'dan il-każ, sabiex jikkkonfermaw aspetti oħra tad-deċiżjoni [kkontestata], b'mod konformi mar-regola stabbilita fis-sentenza [Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq] (punt 1838), […]. Barra minn hekk, sakemm dokument ma jkunx f'kuntradizzjoni manifesta mad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca fuq l-eżistenza jew il-kontenut essenzjali ta' l-akkordju ta' tqassim tas-swieq, huwa biżżejjed li huwa jikkonferma elementi sinjifikattivi tal-ftehim li huwa ddeskriva sabiex ikollu ċertu valur bħala element ta' korroborazzjoni fil-kuntest tas-sett ta' provi stabbiliti kontra l-konvenut […]."

71     Huwa fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti tal-Prim'Istanza analizzat id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Becher. Rigward dan l-aħħar dokument, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fil-punt 302 tas-sentenza kkontestata, li "s-Sur Becher ikkonferma l-eżistenza ta' ftehim ta' tqassim tas-swieq bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi għat-tubi OCTG u pajpijiet ta' ġarr ‘proġett’ b'mod univokali […]. B'hekk, id-dikjarazzjoni tagħha tikkorrobora dawk tas-Sur Verluca f'dak li jikkonċerna dan l-aspett tal-ksur, u, għaldaqstant, f'dak li jikkonċerna l-fatt li r-rikorrenti Ġappuniżi kienu partijiet fil-ftehim ta' tqassim tas-swieq li jgħid li huma kienu qed jaċċettaw li ma jikkumerċjalizzawx it-tubi OCTG standard u l-pajpijiet ta' ġarr ‘proġett’ fis-swieq Komunitarji. […] Fl-aħħar nett, il-valur probatorju tad-dikjarazzjoni ta' Mannesmann hija, f'din il-kawża, iktar msaħħa mill-fatt li hija tikkorrobora wkoll dawk tas-Sur Verluca dwar l-allokazzjoni ta' sejħiet għal offerti internazzjonali fis-swieq ta' pajjiżi terzi […]".

72     Huwa wara dan l-eżami komparattiv ta' l-elementi ta' prova prinċipali, u dan b'applikazzjoni tal-qasam tal-provi u ta' l-evalwazzjoni tal-provi eżaminati fil-kuntest ta' l-ewwel parti tal-motiv, li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet li:

"332      Ma jirriżultax b'mod ċar mill-biċċa l-kbira ta' l-elementi li jikkostitwixxu l-imsemmi sett ta' indizji liema kienu t-tubi ta' l-azzar mingħajr saldatura li għalihom kien qed jirreferi dan it-tqassim, iżda jirriżulta b'mod univokali li, fost il-prodotti msemmija, jinsabu t-tubi OCTG standard. Fil-fatt, ir-riferenzi speċifiċi għal dawn il-prodotti, fid-[…]d-dokument Ċavetta ta' tqassim u fir-risposta ta' Mannesmann, kif ukoll dawk għall-pajpijiet OCTG in ġenerali, mingħajr spjegazzjoni oħra, f'dokumenti oħra invokati mill-Kummissjoni li jikkorroboraw b'mod adegwat u ċar d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca f'dak li għandu x'jaqsam mal-fatt li r-regoli fundamentali jikkonċernaw dawn il-prodotti.

333      F'dak li jikkonċerna l-pajpijiet ta' ġarr 'proġett', element wieħed ta' prova, ir-risposta ta' Mannesmann magħmula mis-Sur Becher, jikkonferma b'mod univokali l-affermazzjoni tas-Sur Verluca li tgħid illi l-ftehim illegali jikkonċerna wkoll il-pajpijiet ta' ġarr ‘proġett’. Madankollu, minħabba n-natura partikolarment probatorja ta' din ir-risposta […], hemm lok li jiġi kkunsidrat li hija suffiċjenti sabiex tikkorrobora d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca, li diġà huma affidabbli ħafna minnhom infushom […] f'dak li għandu x'jaqsam ma' dawn il-prodotti.

334      F'kull każ, diġà ġie deċiż li, jekk is-sett ta' indizji konsistenti, invokat mill-Kummissjoni, jippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza, u ċerti aspetti speċifiċi tal-ftehim ta' tqassim tas-swieq invokat mis-Sur Verluca u stabbilit fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni [kkontestata], id-dikjarazzjonijiet ta' dan ta' l-aħħar jistgħu jkunu biżżejjed fihom infushom, f'dan il-każ, sabiex jagħtu prova ta' aspetti oħrajn tad-deċiżjoni [kkontestata] […]. Issa, diġà ġie kkonstatat, fil-punti 330 u 332 iktar 'il fuq, li s-sett ta' indizji invokat mill-Kummissjoni huwa biżżejjed sabiex jikkorrobora d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca f'diversi aspetti, u b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna t-tubi standard OCTG.

335      F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li s-Sur Verluca qal b'mod ċar il-verità fid-dikjarazzjonijiet tiegħu u, għaldaqstant dawn d-dikjarazzjonijiet huma biżżejjed, bħala elementi ta' prova, sabiex jistabbilixxu li l-ftehim ta' tqassim tas-swieq domestiċi tal-membri tal-klabb Ewropa-Ġappun ma koprix biss it-tubi OCTG standard, kif jidher minn diversi elementi ta' prova, iżda wkoll il-pajpijiet ta' ġarr ‘proġett’. Fil-fatt, m'hemm l-ebda raġuni sabiex jitqies li s-Sur Verluca, li kellu għarfien dirett tal-fatti, għamel affermazzjonijiet ineżatti f'dak li jirrigwarda l-pajpijiet tal-ġarr, meta elementi oħra ta' prova jikkorroboraw dawn l-affermazzjonijiet li jikkonċernaw l-eżistenza ta' l-akkordju u l-applikazzjoni tiegħu għat-tubi OCTG standard."

73     Kuntrarjament għal dak li tafferma Nippon Steel, jirriżulta minn dawn il-partijiet tas-sentenza kkontestata li l-Qorti tal-Prim'Istanza eżerċitat stħarriġ ġudizzjarju komplet tal-veraċità tal-fatti kkonstatati mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, hija wieżnet in-nuqqas ta' qbil u l-qbil li jeżisti bejn d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca u dawk tas-Sur Becher, u kkonkludiet ġustament li d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Becher jikkorroboraw dawk tas-Sur Verluca f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

74     Għall-bqija, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax tiġi akkużata li hija eżiġiet livell baxx wisq ta' korroborazzjoni. F'dan ir-rigward, biżżejjed jiġi kkonstatat li r-raġunament imsemmi iktar 'il fuq tal-Qorti tal-Prim'Istanza bl-ebda mod ma jidderoga mill-kriterji applikabbli fil-qasam tal-provi u ta' l-evalwazzjoni tal-provi, kif definiti fil-42 sa 48 u 51 ta' din is-sentenza.

75     Għaldaqstant, it-tieni lment mqajjem fil-kuntest tat-tielet parti tal-motiv huwa wkoll mhux fondat.

76     It-tielet parti tal-motiv għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda.

–       d) Fuq ir-raba' parti tal-motiv

77     Rigward ir-raba' parti tal-motiv, qabel kollox għandu jiġi mfakkar li l-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta' sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti tikkostitwixxi kwistjoni ta' dritt li tista', bħala tali, tiġi invokata fil-kuntest ta' appell (is-sentenzi tas-7 ta' Mejju 1998, Somaco vs Il-Kummissjoni, C-401/96 P, Ġabra p. I-2587, punt 53, u tas-17 ta' Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 25). Din il-parti tal-motiv hija għaldaqstant ammissibbli.

78     Għalhekk, bħala risposta għall-argumenti ppreżentati minn Nippon Steel, hemm lok li jiġi verifikat jekk l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li tgħid li d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Becher jikkorroboraw d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca f'dak li jikkonċerna l-ksur rigward il-pajpijiet ta' ġarr "proġett", hijiex bbażata fuq motivazzjoni suffiċjenti u koerenti.

79     Kif il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat fil-punt 290 tas-sentenza kkontestata, is-Sur Becher wieġeb lill-ispetturi tal-Kummissjoni li r-regoli fundamentali jikkonċernaw it-tubi OCTG u l-pajpijiet ta' ġarr "proġett". Jirriżulta minn din il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza, kif ukoll mit-test innifsu tad-dikjarazzjonijiet tas-Sinjuri Verluca u Becher iċċitati fil-punti 61 sa 63 ta' din is-sentenza, li dawn id-dikjarazzjonijiet huma konsistenti fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni materjali tal-ksur. Il-fatt li s-Sur Becher ikkonferma li l-impriża tiegħu hija implikata fi ftehim ta' tqassim tas-swieq li kien jikkonċerna wkoll il-pajpijiet ta' ġarr "proġett" seta' jikkostitwixxi raġuni suffiċjenti sabiex il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra r-risposta ta' l-interessat, safejn din kienet tirrigwarda l-imsemmija pajpijiet, bħala konferma tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996 li jgħidu li l-ftehim kien jikkonċerna t-tubi OCTG standard kif ukoll il-pajpijiet ta' ġarr "proġett".

80     Isegwi li l-motivazzjoni tas-sentenza kkontestata ma tistax tiġi kklassifikata bħala kontradittorja jew inadegwata.

81     Għall-bqija, safejn Nippon Steel takkuża lill-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-kuntest tar-raba' parti tal-motiv, li għamlet applikazzjoni żbaljata fid-dritt tar-regoli ta' l-evalwazzjoni tal-provi, biżżejjed jiġi kkonstatat li l-argument tagħha jirrepeti, essenzjalment, dak li ġie żviluppat fil-kuntest tal-partijiet l-oħra, kollha mhux fondati, tal-motiv tagħha.

82     Għaldaqstant, ir-raba' parti tal-motiv ma tistax tintlaqa'.

83     Għaldaqstant, il-motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

84     Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-appell ta' Nippon Steel għandu jiġi miċħud.

 B - Fuq l-ewwel motiv mqajjem minn Sumitomo, ibbażat fuq żbalji ta' dritt fir-rigward tas-sehem tal-produtturi Ġappuniżi fil-ksur stabbilit mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni

 1. L-argumenti tal-partijiet

85     Skond Sumitomo, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkommettiet diversi żbalji fid-dritt meta kkonkludiet li l-produtturi Ġappuniżi ħadu sehem fil-ksur stabbilit fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, kemm f'dak li jikkonċerna t-tubi OCTG standard kif ukoll il-pajpijiet ta' ġarr "proġett".

86     F'dan ir-rigward, Sumitomo tirrepeti l-argumenti esposti fl-appell ta' Nippon Steel u żżid ma dawn argumenti speċifiċi li jikkonċernaw il-pajpijiet ta' ġarr "proġett".

87     Il-Qorti tal-Prim'Istanza żnaturat l-elementi ta' prova pprovduti mis-Sur Becher. Barra minn hekk, hija għamlet klassifikazzjoni ġuridika żbaljata ta' dawn l-elementi, ibbażat b'mod kontradittorju u insuffiċjenti l-użu tad-dikjarazzjonijiet tas-Sinjuri Verluca et Becher, u qalbet l-oneru tal-prova.

88     Rigward id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Becher, Sumitomo ssostni fl-ewwel lok illi l-Qorti tal-Prim'Istanza attribwit lilhom valur probatorju żbaljat meta kkonstatat li dawn d-dikjarazzjonijiet kienu jikkonfermaw mingħajr ekwivoku l-eżistenza ta' ftehim ta' tqassim tas-swieq dwar pajpijiet ta' ġarr "proġett". Il-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li s-Sur Becher kien ippreċiża li huwa ddeskriva fatti li seħħew qabel ma eżerċita l-funzjonijiet ta' direttur ta' Mannesmann. Barra minn hekk, jirriżulta mit-termini nfushom użati mis-Sur Becher li dan esprima dubji dwar l-informazzjoni li kienet ingħatatlu.

89     Żball ieħor kommess mill-Qorti tal-Prim'Istanza jinsab fil-klassifikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Becher bħala element ta' prova affidabbli li ssostni d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca tas-17 ta' Settembru 1996, minkejja l-fatt li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet ammettiet li ċ-ċaħda mis-Sur Becher ta' l-aspett inter Ewropew tar-regoli fundamentali kienet żbaljata. Peress li kkonstatat li d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Becher kienu affettwati minn żball importanti dwar il-kontenut tiegħu, il-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tibqa' lura milli tuża elementi oħra minn dawn id-dikjarazzjonijiet sabiex jiġu sostnuti d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca.

90     Barra minn hekk, Sumitomo tqis li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret ir-regoli fil-qasam tal-provi u ta' l-evalwazzjoni tal-provi meta ddeċidiet, fil-punt 336 tas-sentenza kkontestata li, "anki kieku li r-rikorrenti Ġappuniżi setgħu jqajmu dubju dwar il-prodotti speċifiċi koperti mill-ftehim issanzjonat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, fatt li ma ġiex muri, għandu jiġi osservat li jekk din, meħuda globalment, turi li l-ksur stabbilit kien jirrigwarda tip partikolari ta' prodotti u jsemmi l-elementi ta' prova in sostenn ta' tali konklużjoni, il-fatt li din id-deċiżjoni ma tinkludix espressjoni preċiża u eżawrjenti tat-tipi kollha ta' prodotti koperti mill-ksur ma jistax ikun suffiċjenti, minnu nnifsu, sabiex jiġġustifika l-annullament tagħha (ara, b'analoġija, fil-kuntest ta' motiv ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni, is-sentenza [ta' l-14 ta' Mejju 1998, Gruber + Weber vs Il-Kummissjoni, T-310/94, Ġabra p. II-1043], punt 214). […]". Billi segwiet dan ir-raġunament sabiex issostni t-teżi tagħha li l-Kummissjoni kienet uriet ksur fir-rigward tal-pajpijiet ta' ġarr "proġett", il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet qalbet l-oneru tal-prova.

91     Dwar id-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca, Sumitomo tikkontesta r-raġunament segwit mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 219 u 220 tas-sentenza kkontestata, iċċitati fil-punt 70 ta' din is-sentenza, safejn jirriżulta minnhom li, abbażi biss tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca, jista' jiġi affermat li l-aġir li bih huma akkużati l-produtturi Ġappuniżi jikkonċerna wkoll il-pajpijiet ta' ġarr "proġett". Il-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 220 tas-sentenza kkontestata dwar l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca hija, f'kull każ, kontestabbli, peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat espliċitament, fil-punti 281 sa 284 u 349 ta' l-istess sentenza, li dawn id-dikjarazzjonijiet kienu vvizzjati bi żbalji u ineżattezzi. Peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li l-komunikazzjonijiet tas-Sur Verluca ma kinux affidabbli fuq dawn il-punti, ma kienx iġġustifikat li ssegwi metodu ieħor fir-rigward ta' punt ieħor li seta' jkun hemm dubju serju dwaru wkoll.

92     Fl-aħħar nett, Sumitomo ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkommettiet żball fid-dritt meta aċċettat li hemm ksur ta' l-Artikolu 81(1), KE fir-rigward tal-pajpijiet ta' ġarr "proġett" filwaqt li, fuq il-bażi ta' l-elementi ta' prova disponibbli, ma kinitx kapaċi tindika d-dati tal-bidu u ta' tmiem ta' dan il-ksur.

93     Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li Sumitomo ma tistax testendi l-portata l-appell tagħha billi tirrepeti l-argumenti ppreżentati fin-noti ta' Nippon Steel. L-appell ta' Sumitomo huwa għaldaqstant inammissibbli safejn huwa jikkonċerna t-tubi OCTG standard jew safejn jinvoka argumenti ta' Nippon Steel rigward il-pajpijiet ta' ġarr "proġett".

94     Imbagħad, il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti ta' Sumitomo juru iktar li evalwazzjoni oħra ta' l-elementi ta' prova setgħet tkun plawsibbli. Madankollu dan ma jkunx biżżejjed sabiex jibbaża l-appell, peress li Sumitomo ma rnexxilhiex tikkontesta t-tliet motivi prinċipali tas-sentenza kkontestata, li jgħidu li d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca jikkostitwixxu minnhom infushom prova suffiċjenti, u n-nuqqas ta' provi oħra speċifiċi li jikkonċernaw il-pajpijiet ta' ġarr "proġett" ma jaffettwax il-konstatazzjoni ta' ksur u d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca ġew ikkorroborati mid-dikjarazzjonijiet tas-Sur Becher.

95     Il-Kummissjoni tenfasizza li Sumitomo ma kkontestatx ċerti konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza li minnhom infushom huma biżżejjed sabiex jikkonfermaw il-ksur. Għaldaqstant l-appell mhuwiex effettiv. Barra minn hekk, huwa inamissibbli, peress li l-argumenti ta' Sumitomo ma jirrigwardawx, essenzjalment, l-evalwazzjoni tal-fatti. B'mod partikolari, il-kritika ta' Sumitomo rigward il-konstatazzjoni ta' l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca ma turi ebda żball ta' dritt.

96     F'kull każ, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma żnaturatx l-elementi ta' prova u lanqas qalbet l-oneru tal-prova.

97     Il-Kummissjoni tosserva, fl-aħħar nett, li l-affermazzjoni ta' Sumitomo li tgħid li s-sentenza kkontestata hija bbażata fuq motivi kuntradittorji u insuffiċjenti, hija sostnuta biss minn referenza ġenerali għall-paragrafi preċedenti ta' l-appell u għandha tiġi miċħuda għal dan il-motiv.

 2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

98     Għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li m'hemmx lok li ssir deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk Sumitomo setgħetx tirrepeti l-argumenti ppreżentati fin-noti ta' Nippon Steel. Fil-fatt, kif diġà ġie deċiż iktar 'il fuq, l-argument ppreżentat minn Nippon Steel, huwa, f'kull każ, mhux fondat.

99     Rigward l-argument ippreżentat fin-noti ta' Sumitomo, għandu jiġi kkonstatat li dan huwa intiż essenzjalment sabiex jikkontesta l-valur probatorju rikonoxxut mill-Qorti tal-Prim'Istanza fid-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca u Becher, permezz ta' argumenti intiżi sabiex juru li dawn d-dikjarazzjonijiet mhumiex affidabbli jew, f'kull każ, inqas affidabbli milli qieset il-Qorti tal-Prim'Istanza.

100   Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 88 sa 92 tal-konklużjonijiet tiegħu u kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 56 ta' din is-sentenza, dawn l-argumenti huma ammissibbli biss safejn huma ma jikkostitwixxux mezz moħbi intiż sabiex jinkiseb eżami mill-ġdid tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

101   Dwar il-valur probatorju rikonoxxut lid-dikjarazzjonijiet tas-Sur Becher, l-argument ta' Sumitomo li jgħid li l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tikklassifika l-valur probatorju ta' l-imsemmija stqarrijiet b'mod differenti minħabba n-nuqqas ta' għarfien dirett, mis-Sur Becher, tal-ksur allegat, jista' jiġi eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

102   Fil-punt 297 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddikjarat li "meta, bħal fil-każ in kwistjoni f'dak li jikkonċerna Mannesmann, persuna li m'għandhiex għarfien dirett taċ-ċirkustanzi rilevanti tagħmel dikjarazzjoni bħala rappreżentant ta' kumpannija, li biha tirrikonoxxi l-eżistenza ta' ksur minnha u minn impriżi oħrajn, hija tibbaża ruħha neċessarjament fuq informazzjoni mogħtija mill-kumpannija tiegħu, u, b'mod partikolari mill-impjegati ta' din li għandhom għarfien eżatt tal-prattiċi in kwistjoni. […] id-dikjarazzjonijiet li jmorru kontra l-interessi stess ta' l-awtur għandhom, bħala regola ġenerali, jiġu kkunsidrati bħala probatorji u għaldaqstant għandu jingħata piż konsiderevoli lid-dikjarazzjoni tas-Sur Becher f'din il-kawża."

103   Minn dan il-punt jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza fil-fatt ħadet in kunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tagħha tal-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Becher, il-fatt li dan ma kellux għarfien dirett tal-ksur in kwistjoni. Barra minn hekk, ir-raġunament żviluppat mill-Qorti tal-Prim'Istanza fl-imsemmi punt ma huwa vvizzjat minn ebda ksur tar-regoli fil-qasam tal-provi u ta' l-evalwazzjoni tal-provi. Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 119 tal-konklużjonijiet tiegħu, dikjarazzjoni magħmula bħala rappreżentant ta' kumpannija u li tirrikonoxxi l-eżistenza ta' ksur kommess minnha, tinvolvi riskji ġuridiċi u ekonomiċi konsiderevoli, fatt li jrendi estremament improbabbli li dan ikun sar mingħajr ma' l-awtur tiegħu kien jiddisponi minn informazzjoni mogħtija mill-impjegati ta' l-imsemmija kumpannija, li għandhom, min-naħa tagħhom, għarfien dirett tal-fatti allegati F'dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta' għarfien dirett tal-fatti mir-rappreżentant tal-kumpannija nnifsu ma jaffettwax il-valur probatorju li l-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet attribwiet lil tali dikjarazzjoni.

104   Rigward l-argumenti l-oħra ta' Sumitomo bbażati fuq żbalji ta' dritt fl-evalwazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Becher u inkoerenzi fl-użu ta' l-imsemmija dikjarazzjonijiet u ta' dawk tas-Sur Verluca, għandu jiġi kkonstatat li essenzjalment huma jikkorrispondu għall-argumenti ta' Nippon Steel miċħuda bħala mhux fondati għar-raġunijiet spjegati fil-punti 68 sa 73, 79 u 80 ta' din is-sentenza. Għal dawn ir-raġunijiet, l-argumenti, essenzjalment identiċi, ta' Sumitomo ma jistgħux jintlaqgħu.

105   Safejn Sumitomo takkuża lill-Qorti tal-Prim'Istanza li hija qalbet l-oneru tal-prova meta ddeċidiet, fil-punt 336 tas-sentenza kkontestata, illi, "anki kieku r-rikorrenti Ġappuniżi setgħu jqajmu dubju rigward il-prodotti speċifiċi koperti mill-ftehim issanzjonat fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontetata, fatt li ma ġiex muri, għandu jiġi ossservat li din id-deċiżjoni, meħuda globalment, turi li l-ksur stabbilit kien jirrigwarda tip partikolari ta' prodotti u ssemmi l-elementi ta' prova li jsostnu din il-konklużjoni, il-fatt li din id-deċiżjoni ma tinkludix espressjoni preċiża u eżawrjenti tat-tipi kollha ta' prodotti koperti mill-ksur mhuwiex biżżejjed, minnu nnifsu, sabiex jiġġustifika l-annullament tagħha", l-argument tagħha lanqas ma jista' jintlaqa'.

106   Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 130 sa 132 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta b'mod ċar mill-bidu ta' dan il-punt 336 tas-sentenza kkontestata, ifformulat fil-kliem li ġej: "[…] anki kieku […], fatt li ma ġiex muri,[…]", illi huwa motiv supplementari ta' l-imsemmija sentenza li huwa awtonomu fil-konfront tal-konklużjonijiet li l-Qorti tal-Prim'Istanza ġibdet mill-punti 332 sa 335, iċċitati fil-punt 72 ta' din is-sentenza. Issa, skond ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad mill-bidu l-ilmenti magħmula kontra l-motivi supplementari ta' sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza, peress li dawn ma jistgħux iwasslu għall-annullament tagħhom (id-digriet tal-25 ta' Marzu 1996, SPO et vs il-Kummissjoni, C-137/95 P, Ġabra p. I-1611, punt 47; sentenza tas-16 ta' Settembru 1997, Blackspur DIY et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C-362/95 P, Ġabra p. I-4775, punt 23).

107   F'dak li jikkonċerna, imbagħad, il-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca, għandu jiġi mfakkar, kif diġà ġie kkonstatat waqt l-eżami tat-tielet parti tal-motiv ta' Nippon Steel, li r-raġunament segwit mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punti 219 u 220 tas-sentenza kkontestata, li Sumitomo tikkontesta, ma huwa vvizzjat b'ebda żball ta' dritt. F'kull każ, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 104 tal-konklużjonijiet tiegħu, wara li kklassifika bħala affidabbli d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca, il-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet ukoll tikkunsidra li dawn d-dikjarazzjonijiet kienu biżżejjed sabiex jippruvaw il-ksur safejn dawn kienu sostnuti minn elementi oħra ta' prova u li, f'dan il-każ, dawn d-dikjarazzjonijiet kienu suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li kien jeżisti l-ksur fir-rigward ta' prodott partikolari li jaqa' fil-kategorija ta' prodotti in kwistjoni.

108   Fl-aħħar nett, il-fatt li fil-punt 349 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Verluca ma kinux preċiżi biżżejjed f'dak li jikkonċerna d-data ta' waqfien tal-ksur, ma jaffettwa bl-ebda mod l-affidabbiltà ta' dawn id-dikjarazzjonijiet f'dak li għandu x'jaqsam mal-kontenut tagħhom, li ġiet stabbilita fis-sentenza kkontestata u kkorroborata minn elementi oħra ta' prova.

109   Peress li ebda wieħed mill-ilmenti mqajma minn Sumitomo ma jista' jintlaqa', l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 C - Fuq it-tieni motiv imqajjem minn Sumitomo, ibbażat fuq it-tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza

 1. L-argumenti tal-partijiet

110   Sumitomo tikkontesta t-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li kienet ta' erba' snin u tliet xhur. Hija tfakkar li għaddew sentejn bejn it-tmiem tal-proċedura bil-miktub u d-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura orali, u kważi sittax-il xahar bejn l-għeluq tal-proċedura orali u l-għoti tas-sentenza. Barra minn hekk, sentejn kienu għaddew bejn it-talba tal-Kummissjoni għall-għoti ta' miżuri ta' organizzazzjoni u t-talba tal-Qorti tal-Prim'Istanza indirizzata lill-Kummissjoni sabiex hija tippreżenta inkartament komplet.

111   F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza huwa inkompatibbli ma' l-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea.

112   It-tul tat-trattazzjoni tar-rikors mill-Qorti tal-Prim'Istanza kien barra minn hekk, essenzjalment, itwal minn dak li ġie meqjus eċċessiv mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq. Barra minn hekk, meta mqabbel mat-tul medju tal-proċeduri mibdija quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza f'kawżi simili, it-trattazzjoni ta' din il-kawża kien ta' tul sproporzjonat.

113   Sumitomo ddikjarat li kienet batiet danni finanzjarji minħabba t-tul tal-proċedura. Hija tqis illi kumpens ta' mill-inqas EUR 1 012 332 huwa xieraq.

114   Skond il-Kummissjoni, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, it-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza ma kienx eċċessiv.

 2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

115   Għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ġenerali ta' dritt Komunitarju li jgħid li kull persuna għandha dritt għal smigħ xieraq, li huwa ispirat mill-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea, u b'mod partikolari d-dritt għal smigħ fi żmien raġjonevoli, huwa applikabbli fil-kuntest ta' rikors ġurisdizzjonali kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi fuq impriża multi għal ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni (is-sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 20 u 21; Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 179, u tat-2 ta' Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, C-194/99 P, Ġabra p. I-10821, punt 154).

116   In-natura raġjonevoli tat-tul hija evalwata skond iċ-ċirkustanzi propji ta' kull kawża, u b'mod partikolari, skond l-importanza tal-kawża għall-parti interessati, skond il-kumplessità tal-kawża kif ukoll skond l-aġir tar-rikorrent u dak ta' l-awtoritajiet kompetenti (is-sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċtata iktar 'il fuq, punt 29, u Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 155).

117   Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat f'dan ir-rigward li l-lista ta' dawn il-kriterji mhijiex eżawrjenti u li l-evalwazzjoni tan-natura raġjonevoli tat-tul ma teżiġix eżami sistematiku taċ-ċirkustanzi tal-kawża fid-dawl ta' kull waħda minnhom peress li l-proċedura tidher iġġustifikata fir-rigward ta' waħda biss. B'hekk, il-kumplessità tal-kawża tista' tiġi stabbilita sabiex tiġġustifika tul tal-bidu twil (is-sentenzi Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 188, u Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 156).

118   F'din il-kawża, il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza kellha bħala punt ta' tluq il-preżentata, fl-1 ta' April 2000, tar-rikors ta' Sumitomo li ressaq ir-rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata u li ntemm fit-8 ta' Lulju 2004, id-data ta' l-għoti tas-sentenza kkontestata. B'hekk hija damet madwar erba' snin u tliet xhur.

119   Dan it-tul jidher, ma' l-ewwel daqqa t'għajn, konsiderevoli. Madankollu, kif osservah l-Avukat Ġenerali fil-punti 151 u 159 tal-konklużjonijiet tiegħu, kważi l-fatti kollha li fuqhom ġiet ibbażata d-deċiżjoni kkontestata ġew ikkontestati fl-ewwel istanza u għalhekk kellhom jiġi vverifikati. Il-valur probatorju tad-dikjarazzjonijiet u tad-dokumenti disponibbli kellu jiġi evalwat. Barra minn hekk, id-diversi miżuri li l-Qorti tal-Prim'istanza ħadet minn Ġunju 2002 għall-organizzazzjoni tal-proċeduri kienu jissoponu analiżi minn qabel ta' l-inkartamenti jew, almenu, ta' ċerti partijiet minnhom.

120   Għandu wkoll jiġi mfakkar li seba' impriżi ressqu rikors għal annullament kontra l-istess deċiżjoni, fi tliet lingwi ta' proċedura. Is-sentenza kkontestata ngħatat fl-istess ġurnata tat-tliet sentenzi l-oħra li taw deċiżjoni fuq ir-rikorsi mressqa kontra d-deċiżjoni kkontestata.

121   Jirriżulta mill-konstatazzjonijiet preċedenti li t-tul tal-proċedura li wasslet għas-sentenza kkontestata huwa spjegat b'mod partikolari min-numru ta' impriżi li ħadu sehem fl-akkordju kkritikat u li kienu ppreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata, li kien jirrikjedi eżami parallel ta' dawn id-diversi rikorsi, bl-investigazzjoni dettaljata tal-proċess magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza u bir-restrizzjonijiet lingwistiċi imposti mir-regoli ta' proċedura ta' dan.

122   Għaldaqstant it-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'istanza huwa ġġustifikat minħabba l-kumplessità partikolari tal-kawża.

123   It-tieni motiv imqajjem minn Sumitomo mhuwiex, għaldaqstant, fondat.

124   Peress li ebda waħda mill-motivi mqajma minn Sumitomo ma jista' jintlaqa', l-appell tagħha għandu jiġu miċħud.

125   Mill-elementi kollha preċedenti jirriżulta li l-appelli għandhom jiġu miċħuda.

 V - Fuq l-ispejjeż

126   Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 122 tar-Regoli ta' Proċedura, meta l-appell mhuwiex fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skond l-Artikolu 69(2) ta' l-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta' appell taħt l-Artikolu 118 tagħhom, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li Sumitomo u Nippon Steel tilfu, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż Sumitomo fil-kawża C-403/04 P u Nippon Steel fil-kawża C-405/04 P, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      L-appelli huma miċħuda.

2)      Sumitomo Metal Industries Ltd hija ordnata tbati l-isepjjeż fil-kawża C-403/04 P u Nippon Steel Corp hija ordnata tbati l-ispejjeż fil-kawża C-405/04 P.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.