SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla)
1 ta' Diċembru 2005 (*)
"Is-Sitt Direttiva VAT – Artikolu 13A(1)(b) – Eżenzjonijiet – Attivitajiet strettament relatati ma' dħul fi sptar jew ma' kuri mediċi – Provvista ta' servizzi telefoniċi u ta' kiri ta' settijiet tat-televiżjoni għall-pazjenti ta' l-isptar – Provvista ta' sodod u ta' ikel lill-akkumpanjaturi tagħhom"
Fil-kawżi magħquda C-394/04 u C-395/04,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja), permezz tad-deċiżjonijiet tas-16 ta' Ġunju 2004, li waslu l-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta' Settembru 2004, fil-proċeduri
Diagnostiko & Therapeftiko Kentro Athinon-Ygeia AE
vs
Ypourgos Oikonomikon,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J.-P. Puissochet, S. von Bahr, U. Lõhmus u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Léger,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta' Ġunju 2005,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:
– għad-Diagnostiko & Therapeftiko Kentro Athinon-Ygeia AE, minn K. Karlis, dikigoros,
– għall-Gvern Grieg, minn E.-M. Mamouna u S. Trekli kif ukoll V. Kyriazopoulos, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn W.-D. Plessing u A. Tiemann, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ċiprijott, A. Miltiadou-Omirou, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou, bħala aġent,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-15 ta' Settembru 2005,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (ĠU L 145, p.1, iktar 'il quddiem is-"Sitt Direttiva").
2 Dawn it-talbiet kienu ppreżentati fil-kuntest ta' kontroversji bejn id-Diagnostiko & Therapeftiko Kentro Athinon-Ygeia AE (iktar 'il quddiem "Ygeia"), persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat li l-għan tagħha huwa li tagħti kuri fi sptar u kuri mediċi, u l-Ypourgos Oikonomikon (Ministeru għall-Finanzi), dwar ir-rifjut tad-Dimosia Oikonomiki Ypiresia Forologias Anonymon Emborikon Etairion Athinon (Dipartiment tat-taxxa ta' Ateni inkarigat bis-sistema ta' tassazzjoni ta' kumpanniji b'responsabbiltà limitata) għall-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar 'il quddiem il-"VAT"), fir-rigward ta' attivitajiet marbuta strettament mad-dħul fi sptar u mal-kuri mediċi, il-provvista ta' servizzi telefoniċi u ta' kiri ta' settijiet tat-televiżjoni għall-pazjenti fi sptar kif ukoll il-provvista ta' sodod u ta' ikel lill-akkumpanjaturi tagħhom.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 L-Artikolu 13A(1) tas-Sitt Direttiva jiddisponi li:
"Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt kondizzjonijet li huma għandhom jistabilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe’ evażjoni, evitar jew abbuż possibili [kwalunkwè frodi, evażjoni u abbuż eventwali]:
[…]
b) sptar u kura medika u attivitajiet relatati mill-viċin mmexxija minn entitajiet regolati mid-dritt pubbliku jew, taħt kondizzjonijet soċjali komparabbli għal dawk applikati lill-entitajiet regolati mid-dritt pubbliku, mill-isptarijiet, ċentri għat-trattament mediku jew dijanjosi u stabblimenti oħrajn ta' natura simili rikonoxxuti regolarment".
4 L-Artikolu 13A(2)(b) ta' din l-istess Direttiva jipprovdi li:
«b) Il-provvista ta’ servizzi jew oġġetti m’għandhomx jagħtu eżenzjoni kif pprovduti f'(1) (b), (g), (h), (i), (l), (m) u (n) fuq jekk:
– m’huwiex essenzjali għat-transazzjonijiet eżenti,
– l-iskop bażiku tiegħu hi li tikseb id-dħul addizzjonali għall-organizzazzjoni billi twettaq transazzjonijet li huma b’kompetizzjoni diretta ma’ dawk l-impriżi responsabbli għat-taxxa fuq il-valur miżjud."
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
5 L-Artikolu 18(1)(d) tal-Liġi Nru 1642/1986 dwar l-applikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u dispożizzjonijiet oħra" (FEK A' 125) jistipula li:
"Huma eżenti mit-taxxa:
[…]
d) id-dħul fi sptar u l-kuri mediċi kif ukoll il-provvista ta' oġġetti u l-għoti ta' servizzi marbuta strettament magħhom, effettwati minn persuni li jaġixxu skond il-liġi. Huma ekwivalenti għal dawn is-servizzi dawk mogħtija minn stabbilimenti li jużaw stazzjonijiet ta' kura u sorsi termali".
Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari
6 Wara l-verifika tal-kotba tal-kontijiet ta' Ygeia għall-perijodi ta’ tassazzjoni li jikkorrispondu għas-snin 1992 u 1993, id-Dimosia Oikonomiki Ypiresia Forologias Anonymon Emborikon Etairion Athinonsostna sostna li d-dħul tagħhom mill-provvista, min-naħa, ta’ servizzi telefoniċi u l-kiri ta’ settijiet tat-televiżjoni għall-pazjenti fi sptar u, min-naħa l-oħra, il-provvista ta’ sodod u ta' ikel lill-akkumpanjaturi tagħhom għandhom ikunu suġġetti għall-VAT, peress li dawn is-servizzi ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet marbuta strettament mad-dħul fi sptar u mal-kuri mediċi. Għaldaqstant, huwa emenda l-imsemmija taxxa ta’ din il-kumpannija permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet differenti għas-sentejn in kwistjoni.
7 Ygeia ressqet rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem id-Dioikitiko Protodikeio Athinon (Qorti tal-Prim’Istanza Amministrattiva ta’ Ateni), u appellat quddiem id-Dioikitiko Efeteio Athinon (Qorti ta’ l-Appell Amministrattiva ta’ Ateni). B’sostenn għar-rikors tagħha, Ygeia sostniet li l-provvista ta’ servizzi in kwistjoni tikkontribwixxi għall-kura ta’ pazjenti fi sptar u għaż-żamma tar-relazzjonijiet soċjali tagħhom u, konsegwentement, għall-fejqan iktar malajr tagħhom billi jinħoloq stat psikoloġiku favorevoli. Kemm ir-rikors u l-appell ġew miċħuda minħabba l-fatt li s-servizzi kkonċernati, peress li huma intiżi li jiffaċilitaw is-soġġorn tal-morda fl-isptarijiet mingħajr ma jikkontribwixxu għall-kuri li jingħatawlhom, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala marbuta strettament mad-dħul fi sptar.
8 Ygeia appellat quddiem is-Symvoulio tis Epikrateias (Kunsill ta’ l-Istat) kontra s-sentenzi mogħtija mid-Dioikitiko Efeteio Athinon.
9 Fid-deċiżjonijiet tar-rinviju tagħha, is-Symvoulio tis Epikrateias indikat li huwa paċifiku li Ygeia, bħala persuna ġuridika regolata mid-dritt privat, tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni tal-VAT f’dak li jirrigwarda l-kuri mogħtija fi sptar u dawk mediċi kif ukoll l-attivitajiet marbuta strettament magħhom. Skond hu, l-unika mistoqsija li tifdal hija jekk is-servizzi kkonċernati jaqgħu jew le taħt il-kunċett ta’ “attivitajiet […] marbuta strettament” mad-dħul fi sptar u mal-kuri mediċi.
10 Il-qorti tar-rinviju tosserva f’dan ir-rigward li dan il-kunċett ma jingħatax definizzjoni fl-Artikolu 13A(1) tas-Sitt Direttiva. Madankollu, hija tosserva li, abbażi ta’ kriterji mniżżla fl-Artikolu 13A(2)(b) ta’ din id-Direttiva, jista’ jingħad li attività hija marbuta strettament ma’ dħul fi sptar u ma’ kuri mediċi meta, min-naħa, hija indispensabbli sabiex jiġu mwettqa l-attivitajiet eżenti u, min-naħa l-oħra, hija ma tkunx intiża sabiex twassal għal dħul addizzjonali għal min jipprovdi s-servizzi eżenti. Barra minn hekk, hija żżid li fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Novembru 2003, Dornier (C-45/0l, Ġabra p. I 12911, punti 33 sa 35), il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li d-domanda jekk attività taqax jew le taħt il-kunċett ta’ “attivitajiet […] marbuta strettament” tiddependi fuq il-karattru sussidjarju tagħha. Dan jimplika li għandu jiġi ddeterminat jekk din l-attività tikkostitwixxix għal benefiċjarji tagħha mezz li bih ikunu jistgħu jibbenefikaw bl-aħjar kundizzjonijiet minn servizzi oħrajn jew jekk tikkostitwixxix għalihom għan fiha nnifisha.
11 F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Symvoulio tis Epikrateias iddeċidiet, fil-kuntest tar-rikors li jirrigwarda l-perijodu ta’ tassazzjoni li jikkorrispondi għas-sena 1992, iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:(affaire C 394/04):
“Is-servizzi mogħtija mill-persuni koperti mill-Artikolu 13A(1)(b) tas-[Sitt Direttiva] u li jirrigwardaw, min-naħa, l-użu tat-telefon u tat-televiżjoni mill-morda u, min-naħa l-oħra, il-provvista ta' sodod u ta' ikel lill-akkumpanjaturi tagħhom jaqgħu taħt attivitajiet marbuta strettament mad-dħul fi sptar u ma’ kuri mediċi skond id-dispożizzjoni ċċitata iktar ‘il fuq, billi jikkostitwixxu servizzi sussidjarji fir-rigward ta’ dawn il-kuri iżda wkoll servizzi indispensabbli għal dawn il-kuri?”
12 F’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ tassazzjoni li jikkorrispondi għas-sena 1993, din il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċedura sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta tagħha għad-domanda msemmija iktar ‘il fuq (kawża C-395/04).
13 Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Ottubru 2004, il-kawżi C-394/04 u C-395/04 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.
Fuq id-domanda preliminari
14 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob essenzjalment jekk il-provvista, minn stabbiliment għal kura msemmija fl-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva, ta’ servizzi telefoniċi u ta’ kiri ta' settijiet tat-televiżjoni għall-pazjenti fi sptar kif ukoll il-provvista minn dan l-istabbiliment ta' sodod u ta' ikel lill-akkumpanjaturi tagħhom jikkostitwixxux attivitajiet marbuta strettament mad-dħul fi sptar u mal-kuri mediċi skond din id-dispożizzjoni.
15 Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati b'mod ristrett, peress illi dawn jikkostitwixxu eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali li jiddisponi li l-VAT għandha tiġi ntaxxata fuq il-provvisti ta' servizzi kollha pprovduti b'titolu oneruż minn persuna taxxabbli (sentenzi ta’ l-20 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, C-287/00, Ġabra p. I-5811, punt 43, u tas-26 ta’ Mejju 2005, Kingscrest Associates u Montecello, C-498/03, Ġabra p. I-4427, punt 29). L-imsemmija eżenzjonijiet jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-Dritt Komunitarju intiżi sabiex jevitaw differenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għal ieħor (sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, CPP, C-349/96, Ġabra p. I-973, punt 15, u tat-8 ta’ Marzu 2001, Skandia, C-240/99, Ġabra p. I-1951, punt 23).
16 Barra minn hekk, l-Artikolu 13A tas-Sitt Direttiva huwa intiż li jeżenta mill-VAT ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma teżentax l-attivitajiet ta’ interess ġenerali kollha mill-applikazzjoni tal-VAT, iżda biss dawk li huma mniżżla u deskritti hemmhekk b’mod dettaljat ħafna (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1998, Institute of the Motor Industry, C-149/97, Ġabra p. I-7053, punt 18, u ta’ l-20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen, C-8/01, Ġabra p. I-13711, punt 60).
17 Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat, l-Artikolu 13A(1)(b) ta’ l-imsemmija Direttiva ma fih ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “attivitajiet […] marbuta strettament” mad-dħul fi sptar u mal-kuri mediċi (sentenza tal-11 ta’ Jannar 2001, il-Kummissjoni vs Franza, C-76/99, Ġabra p. I-249, punt 22). Madankollu, jirriżulta mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni li din ma tkoprix servizzi li m’għandhom ebda rabta mad-dħul fi sptar ta’ benefiċjarji ta’ dawn is-servizzi u lanqas ma’ kuri mediċi mogħtija eventwalwent lilhom (sentenza Dornier, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 33).
18 Għaldaqstant, xi servizzi jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “attivitajiet […] marbuta strettament” mad-dħul fi sptar u mal-kuri mediċi skond l-Artikolu 13A(1)(b) ta’ din id-Direttiva meta dawn jingħataw effettivament bħala servizzi sussidjarji għad-dħul fi sptar ta’ benefiċjarji jew għall-kuri mediċi mogħtija lil dawn ta’ l-aħħar u li jikkostitwixxu s-servizz prinċipali (sentenza Dornier, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 35).
19 Jirriżulta mill-ġurisprudenza li servizz jista’ jiġi kkunsidrat bħala sussidjarju għal servizz principali meta ma jikkostitwixxix għan fih innifsu, iżda l-mod kif wieħed jibbenefika bl-aħjar kundizzjonijiet mis-servizz prinċipali tal-fornitur (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 1998, Madgett u Baldwin, C-308/96 u C-94/97, Ġabra p. I-6229, punt 24, u Dornier, iċċitati iktar ‘il fuq, punt 34).
20 F’dan ir-rigward, Ygeia ssostni li s-servizzi ta’ akkomodazzjoni u ta’ ikel lill-akkumpanjaturi tagħhom, li għandhom bħala effett li jassistu l-pazjenti fi sptar fuq il-livell psikoloġiku u jgħinu lil dawn ta’ l-aħħar fil-każijiet fejn, minħabba l-kundizzjoni tagħhom, ma jistgħux ikomplu bir-rutina ta’ kuljum, jippermettu fejqan aħjar u jnaqqsu parzjalment ix-xogħol tal-personal awżiljarju ta’ l-isptar. F’dak li jirrigwarda s-servizzi telefoniċi u ta' kiri ta' settijiet tat-televiżjoni għall-pazjenti fi sptar, dawn jippermettu lil dawn ta’ l-aħħar li jibqgħu f’kuntatt mad-dinja ta' barra, liema fatt ipoġġihom fi stat psikoloġiku li jassigura fejqan iktar malajr u jnaqqas, għalhekk, l-ispiża finali fl-isptar. Skond Ygeia, minn dan jirriżulta li l-kriterju rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn is-servizzi jaqgħux jew le taħt il-kunċett ta’ “attivitajiet […] marbuta strettament” mad-dħul fi sptar u mal-kuri mediċi huwa r-rieda tal-pazjent stess, li jkun talab espressament li jibbenefika mill-imsemmija servizzi għaliex jikkunsidrahom necessarji għall-fejqan tiegħu.
21 Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ.
22 Sabiex jiġi ddeterminat jekk servizzi bħal dawk fil-kawżi prinċipali jikkostitwixxux il-mod kif wieħed jibbenefika bl-aħjar kundizzjonijiet mis-servizzi ta’ dħul fl-isptar u ta’ kuri mediċi mogħtija minn Ygeia, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-iskop li għalih jingħataw l-imsemmija servizzi, kif enfasizzaw l-Istati Membri kollha li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (ara, f’dan is-sens, is-sentenza il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 24).
23 Fil-fatt, l-eżenzjoni ta’ attivitajiet marbuta strettament mad-dħul fi sptar u mal-kuri mediċi previsti fl-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva hija intiża sabiex tiggarantixxi li l-benefiċċju ta’ kuri mediċi u dawk mogħtija fi sptar ma jsirx inaċċessibbli minħabba għoli fil-prezz tagħhom li kieku dawn il-kuri, jew l-attivitajiet li huma marbuta strettament magħhom, kellhom ikunu suġġetti għall-VAT (sentenza l-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 23).
24 Issa, skond il-ġurisprudenza, il-kuri mediċi u dawk mogħtija fi sptar li huma msemmija f’din id-dispożizzjoni huma dawk li għandhom bħala skop id-djanjosi, il-kura u, safejn possibbli, il-fejqan minn mard jew anomaliji tas-saħħa (sentenza Dornier, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 48).
25 Għaldaqstant, meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-għan li tipprova tikseb l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(b) ta’ l-imsemmija Direttiva, jirriżulta li biss is-servizzi li jaqgħu loġikament fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ dħul fi sptar u ta’ kuri mediċi u li jikkostitwixxu pass indispensabbli fil-proċess ta’ għoti ta’ servizzi sabiex jintlaħqu l-għanijiet terapewtiċi tagħhom jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “attivitajiet […] marbuta strettament” fis-sens ta' din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, huma biss tali servizzi li jistgħu jaffettwaw l-ispiża ta’ kuri mediċi li l-eżenzjoni tagħhom tagħmilhom aċċessibbli għall-persuni kkonċernati.
26 Dan il-fatt huwa kkonfermat, kif ġustament isostnu l-imsemmija gvernijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, mill-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 13A(2)(b) ta’ din id-Direttiva, li jgħid li l-Istati Membri m’għandhomx jeżentaw il-provvista ta’ servizzi previsti, b’mod partikolari, fil-paragrafu 1(b) ta’ l-istess Artikolu, jekk dawn mhumiex essenzjali għall-attivitajiet eżenti. Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 30 sa 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni, li għandha karattru obbligatorju għall-Istati Membri, tistipola kundizzjonijiet li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni ta’ każijiet differenti ta’ eżenzjoni msemmija hemmhekk, li, bħal dak previst fl-Artikolu 13A(1)(b) ta’ l-istess Direttiva, jirrigwardaw servizzi jew provvisti li huma “marbuta strettament” jew li għandhom “rabta stretta” ma’ attività ta’ interess ġenerali.
27 Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-punti 48 u 49 tas-sentenza l-Kummissjoni vs il-Ġermanja, iċċitata iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diġà, fir-rigward ta’ l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(i) tas-Sitt Direttiva f’dak li jikkonċerna l-provvista ta’ servizzi “marbuta strettament” mat-tagħlim universitarju, li t-twettiq bi ħlas ta’ proġetti ta’ riċerka, anki jekk jista’ jiġi kkunsidrat bħala utli ħafna għat-tagħlim universitarju, mhuwiex essenzjali għall-ksib ta’ l-obbjettiv li jrid jintlaħaq minnu, jiġifieri, t-taħriġ ta’ studenti sabiex ikunu jistgħu jwettqu attività professjonali u li, għaldaqstant, ma jistax jaqa’ taħt l-imsemmija eżenzjoni.
28 Meta jiġi kkunsidrat l-iskop ta’ l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(b) ta’ l-imsemmija Direttiva, u fid-dawl tal-kliem tal-paragrafu 2(b) ta’ dan l-Artikolu, dawn il-kostatazzjonijiet japplikaw ukoll, kif l-Avukat Ġenerali osserva essenzjalment fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “attività marbuta strettament” mad-dħul fi sptar u mal-kuri mediċi msemmija fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet.
29 Minn dan jirriżulta li l-provvista ta’ servizzi li, bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, tista’ ttejjeb il-kumdità u l-benessere ta’ pazjenti fi ddaħħlu sptar, ma tistax, b’mod ġenerali, tgawdi mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(b) ta’ din id-Direttiva. Is-sitwazzjoni tkun differenti biss f’każ li dawn is-servizzi huma essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet terapewtiċi li jipprovaw jiksbu s-servizzi ta’ dħul fi sptar u ta’ kuri mediċi li fil-kuntest tagħhom ingħataw.
30 Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tiddetermina, billi tieħu in kunsiderazzjoni t-totalità ta’ l-elementi konkreti tal-kontroversji quddiemha u, jekk ikun il-każ, il-kontenut tal-preskrizzjonijiet mediċi maħruġa għall-pazjenti kkoncernati, in-natura indispensabbli jew le tas-servizzi mogħtija.
31 Dawn l-osservazzjonijiet ma jaqgħux bl-argumenti invokati minn Ygeia, li tgħid li, meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-iskop ta’ l-eżenzjoni, il-kunċett ta’ “attività […] marbuta strettament” mad-dħul fi sptar u mal-kuri mediċi msemmija fl-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva ma jirrikjedix interpretazzjoni partikolarment ristretta (sentenza l-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 23). Fil-fatt, kif jirriżulta diġà mill-punt 25 ta’ din is-sentenza, il-fatt li servizzi sussidjarji jiġu ssuġġettati għal VAT ma jirriżultax fl-għoli tal-prezz tad-dħul fi sptar u tal-kuri mediċi, liema servizzi din id-dispożizzjoni tipprova tirrendi aċċessibli għall-persuni kkonċernati, peress li dawn is-servizzi mhumiex essenzjali sabiex jinkisbu l-għanijiet terapewtiċi intiżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-20 ta’ Novembru 2003, D’Ambrumenil u Dispute Resolution Services, C-307/01, Ġabra p. I-13989, punt 59).
32 Barra minn hekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li tali servizzi jiġu ssuġġettati għall-VAT huwa konformi mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li jipprekludi, b’mod partikolari, li l-provvista ta’ servizzi simili, u li għalhekk jikkompetu ma’ xulxin, tiġi trattata b’mod differenti f’dak li jirrigwarda l-VAT (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, C-109/02, Ġabra p. I-12691, punt 20).
33 Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li ssostni Ygeia u kif il-Gvern Ġermaniż ġustament sostna, stabbiliment għall-kura, meta jipprovdi servizzi bħal dawk ikkonċernati, ikun f’kompetizzjoni mal-persuni taxxabbli li jipprovdu l-istess tip ta’ servizzi, bħall-operaturi tas-servizzi tat-telefon u tat-televiżjoni f’dak li jirrigwarda s-servizzi ta’ dan it-tip li jiġu proposti lill-pazjenti fi sptar, kif ukoll il-lukandi u r-ristoranti f’dak li jikkonċerna s-servizzi ta’ akkomodazzjoni għall-akkumpanjaturi tagħhom.
34 Ukoll, skond it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 13A(2)(b) tas-Sitt Direttiva, servizzi bħal dawk in kwistjoni fil-kawżi prinċipali għandhom jiġu esklużi wkoll mill-benefiċċju ta’ eżenzjoni previst fl-Artikolu 13A(1)(b) ta’ l-istess Direttiva jekk dawn huma intiżi essenzjalment sabiex jiksbu dħul addizzjonali għal min ikun qed jipprovdihom, liema fatt għandu jiġi stabbilit mill-qorti tar-rinviju abbażi ta’ l-elementi konkreti tal-kontroversji quddiemha.
35 Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-provvista, mill-persuni msemmija fl-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva, ta’ servizzi telefoniċi u ta’ kiri ta' settijiet tat-televiżjoni għall-pazjenti li ddaħħlu fi sptar, kif ukoll il-provvista minn dawn l-istess persuni ta' sodod u ta' ikel lill-akkumpanjaturi tagħhom ma jikkostitwixxux, b’mod ġenerali, attivitajiet marbuta strettament mad-dħul fi sptar u mal-kuri mediċi skond din id-dispożizzjoni. Is-sitwazzjoni tkun differenti biss f’każ li dawn is-servizzi huma ta' natura essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet terapewtiċi li jipprovaw jiksbu d-dħul fi sptar u l-kuri mediċi u li mhumiex intiżi essenzjalment sabiex jiksbu, għal min ikun qed jipprovdi l-imsemmija servizzi, dħul addizzjonali permezz ta’ attivitajiet li huma f’kompetizzjoni diretta ma’ dawk l-impriżi li jridu jħallsu l-VAT.
Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tiddetermina, billi tieħu in kunsiderazzjoni t-totalità ta’ l-elementi konkreti tal-kontroversji quddiemha u, jekk ikun il-każ, il-kontenut ta’ preskrizzjonijiet mediċi maħruġa għall-pazjenti kkoncernati, jekk is-servizzi mogħtija jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet.
Fuq l-ispejjeż
36 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) Il-provvista, mill-persuni msemmija fl-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta' Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima, ta’ servizzi telefoniċi u ta’ kiri ta' settijiet tat-televiżjoni għall-pazjenti fi sptar, kif ukoll il-provvista minn dawn l-istess persuni ta' sodod u ta' ikel lill-akkumpanjaturi tagħhom ma jikkostitwixxux, b’mod ġenerali, attivitajiet marbuta strettament mad-dħul fi sptar u mal-kuri mediċi skond din id-dispożizzjoni. Is-sitwazzjoni tkun differenti biss f’każ li dawn is-servizzi huma ta' natura essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet terapewtiċi li jipprovaw jiksbu d-dħul fi sptar u l-kuri mediċi u li mhumiex intiżi essenzjalment sabiex jiksbu, għal min ikun qed jipprovdi l-imsemmija servizzi, dħul addizzjonali permezz ta’ attivitajiet li huma f’kompetizzjoni diretta ma’ dawk l-impriżi li jridu jħallsu l-VAT.
2) Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tiddetermina, billi tieħu in kunsiderazzjoni t-totalità ta’ l-elementi konkreti tal-kontroversji quddiemha u, jekk ikun il-każ, il-kontenut tal-preskrizzjonijiet mediċi maħruġa għall-pazjenti kkoncernati, jekk is-servizzi mogħtija jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.