SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

5 ta' Ottubru 2006(*)

"Għajnuna mill-Istat – L-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 88 (3) KE – Rimbors parzjali tat-taxxi fuq l-enerġija – Nuqqas ta' notifika ta' l-għajnuna – Deċiżjoni tal-Kummissjoni – Dikjarazzjoni ta' kompatibbiltà ta' l-għajnuna mas-suq komuni għal ċertu perijodu fil-passat – Effett fuq it-talbiet għal rimbors ta' l-impriżi li mhumiex benefiċjarji tal-miżura ta' l-għajnuna – Setgħat tal-qrati nazzjonali"

Fil-kawża C-368/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija), permezz ta' deċiżjoni tat-12 ta' Awwissu 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta' Awwissu 2004, fil-proċedimenti

Transalpine Ölleitung in Österreich GmbH

Planai-Hochwurzen-Bahnen GmbH

Gerlitzen-Kanzelbahn-Touristik GmbH & Co. KG

vs

Finanzlandesdirektion für Tirol

Finanzlandesdirektion für Steiermark

Finanzlandesdirektion für Kärnten,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas (Relatur), President ta' l-Awla, J. Malenovský, S. von Bahr, A. Borg Barthet u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-14 ta' Settembru 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Transalpine Ölleitung in Österreich GmbH u Planai-Hochwurzen-Bahnen GmbH, minn W. Arnold, Rechtsanwalt,

–       għar-Repubblika ta' l-Awstrija, minn H. Dossi, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz u V. Di Bucci, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta' Novembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 88 (3) KE.

2       Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tliet kawżi, l-ewwel waħda, bejn Transalpine Ölleitung in Österreich GmbH (iktar 'il quddiem "TAL") u Finanzlandesdirektion für Tirol, it-tieni waħda, bejn Planai-Hochwurzen-Bahnen GmbH (iktar 'il quddiem "Planai") u Finanzlandesdirektion für Steiermark u, it-tielet waħda, bejn Gerlitzen-Kanzelbahn-Touristik GmbH & Co. KG (iktar 'il quddiem "Gerlitzen") u Finanzlandesdirektion für Kärnten, dwar ir-rimbors ta' taxxi fuq l-enerġija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt Komunitarju

3       L-Artikolu 88(3) KE jipprovdi li:

"Il-Kummissjoni għandha tiġi informata, fil-ħin biex tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, dwar kull proġett biex tiġi mogħtija jew biex tiġi modifikata għajnuna. Jekk tikkunsidra li proġett bħal dak ma jkunx kompatibbli mas-suq komuni skond it-termini ta’ l-Artikolu 87, hija għandha mingħajr dewmien tibda l-proċedura prevista fil-paragrafu qabel dan. L-Istat Membru interessat ma jistgħax idaħħal fis-seħħ il-proġetti proposti tiegħu qabel ma dik il-proċedura ikollha deċiżjoni finali."

4       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu [88 KE] (ĠU L 83, p. 1), jikkodifika l-prassi żviluppata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam ta' l-eżami ta' l-għajnuna mill-Istat. Skond l-Artikolu 30 tiegħu, dan ir-Regolament daħal fis-seħħ fis-16 ta' April 1999.

5       L-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi li:

"Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta' għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju […] Il-Kummissjoni m'għandhiex teħtieġ l-irkupru ta' l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità."

 Id-dritt nazzjonali

6       Fl-okkażjoni ta' riforma fiskali u fil-kuntest tal-Liġi ta' adattament strutturali ta' l-1996 (Strukturanpassungsgesetz 1996), tat-30 ta' April 1996 (BGBl. I, 201/1996), ir-Repubblika ta' l-Awstrija adottat, ippublikat u daħħlet fis-seħħ simultanjament tliet liġijiet, jiġifieri:

–       il-Liġi dwar it-taxxa fuq l-enerġija elettrika (Elektrizitätsabgabegesetz, iktar 'il quddiem l-"EAG");

–       il-Liġi dwar it-taxxa fuq il-gass naturali (Erdgasabgabegesetz, iktar 'il quddiem l-"EGAG");

–      il-Liġi dwar ir-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija (Energieabgabenvergütungsgesetz, iktar 'il quddiem l-"EAVG").

7       L-EAG tipprovdi għat-tassazzjoni tal-provvista u l-konsum ta' l-elettriku. Bis-saħħa ta' l-Artikolu 6(3) ta' din il-liġi, il-fornitur ta' l-elettriku jgħaddi t-taxxa lid-destinatarju.

8       L-EGAG tipprovdi regoli analogi għall-provvista u l-konsum tal-gass naturali.

9       L’EAVG tipprovdi rimbors parzjali tat-taxxi fuq l-enerġija li jolqtu l-enerġija elettrika u l-gass naturali skond l-EAG u l-EGAG. Skond l-Artikolu 1(1) ta' din il-liġi, l-imsemmija taxxi għandhom ikunu rrimbosati fuq talba, safejn dawn jeċċedu, b'kollox, 0.35 % tal-valur nett tal-produzzjoni tal-konsumatur ta' l-enerġija. L-ammont tar-rimbors jiġi mħallas wara li jsir tnaqqis ta' ammont massimu ta' l-ewwel 5 000 ATS (363 EUR).

10     Madankollu, skond l-Artikolu 2(1) ta' l-EAVG, kif emendata mil-Liġi li temenda t-taxxi ta’ l-1996 (Abgabenänderungsgesetz 1996), tat-30 ta' Diċembru 1996 (BGBl. I, 797/1996), huma biss l-impriżi li l-attività prinċipali tagħhom hija pprovata li tikkonsisti fil-manifattura ta' beni materjali li għandhom id-dirtt għar-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali

11     Il-Verfassungsgerichtshof, li quddiemu tressqu rikorsi ppreżentati minn impriżi li m'għandhomx bħala attività prinċipali tagħhom il-manifattura ta' beni materjali kontra ċaħdiet ta' rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija, ressaq domandi preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex isir jaf, b'mod partikolari, jekk id-dispożizzjonijiet ta' l-EAVG jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87 KE.

12     B'sentenza tat-8 ta' Novembru 2001, Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, (C-143/99, Ġabra p. I-8365), Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b'mod partikolari, li:

"Miżuri nazzjonali li jipprovdu għal rimbors parzjali tat-taxxi fuq l-enerġija li jolqtu l-gass naturali u l-enerġija elettrika biss lil impriżi li l-attività prinċipali tagħhom hija pprovata li tikkonsisti fil-manifattura ta' beni materjali għandhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu [87 KE]."

13     Wara din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Verfassungsgerichtshof, b'sentenza tat-13 ta' Diċembru 2001 (B 2251/97, Sammlung 15450), annulla d-digriet li permezz tiegħu l-awtorità nazzjonali kienet ċaħdet ir-rimbors parzjali tat-taxxi miġbura fuq l-enerġija elettrika.

14     Il-Verfassungsgerichtshof ikkunsidra li peress li l-EAVG ma kinitx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni, l-amministrazzjoni kkonċernata ma setgħetx tibbaża ċ-ċaħda tar-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija lill-impriżi li m'għandhomx bħala attività prinċipali l-manifattura ta' beni materjali, fuq l-Artikolu 2(1) ta' din il-liġi. Billi għamlet hekk, l-amministrazzjoni kkonċernata wettqet żball ekwivalenti għal att arbitrarju, għaliex hija kisret il-projbizzjoni direttament applikabbli prevista fl-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 88(3) KE. Tali applikazzjoni illegali tal-liġi hija ekwivalenti għal nuqqas ta' liġi u għalhekk, tikkostitwixxi, ksur tad-dritt kostituzzjonali għall-ugwaljanza taċ-ċittadini quddiem il-liġi.

15     Il-Verfassungsgerichtshof ibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq l-obbligu tal-qrati nazzjonali, imsemmi fil-punt 27 tas-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, iċċitata iktar 'il fuq, li jiġi garantit lill-individwi li jinġibdu l-konsegwenzi kollha minn ksur ta' l-aħħar frażi ta' l-Artikolu 88(3), KE skond id-dritt nazzjonali tagħhom, f'dak li jirrigwarda kemm il-validità ta' l-atti li jdaħħlu fis-seħħ il-miżuri ta' għajnuna kif ukoll ir-rifużjoni ta' l-għajnuna finanzjarja mogħtija bi ksur ta' din id-dispożizzjoni jew ta' eventwali mizuri provviżorji.

16     B'ittra tas-6 ta' Diċembru 2001, il-Kummissjoni talbet informazzjoni dwar l-EWVG mingħand l-awtoritajiet Awstrijaċi. Wara skambju ta' ittri u konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni adottat, fit-22 ta' Mejju 2002, id-deċiżjoni
C (2002) 1890finali dwar l-għajnuna mill-Istat Nru NN 165/2001 (ĠU C 164, p. 4, iktar 'il quddiem "id-deċiżjoni tat-22 ta' Mejju 2002"). Billi l-liġi ta' l-Awstrija ġiet sussegwentement emendata, il-Kummissjoni tispeċifika li hija kienet qed teżamina l-miżura ta' għajnuna għall-perijodu mill-1 ta' Ġunju 1996 sal-31 ta' Diċembru 2001. Id-dispożittiv tad-deċiżjoni jaqra kif ġej:

"Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li l-Awstrija pprovdiet l-għajnuna bi ksur ta' l-Artikolu 88(3) KE.

Madankollu hija tikkonstata, abbażi ta' l-evalwazzjoni preċedenti, li din l-għajnuna hija kompatibbli ma' l-Artikoli 87 (3)(ċ) KE u 4 (c) tat-Trattat KEFA."

17     Sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, iċċitata iktar 'il fuq, ir-Repubblika ta' l-Awstrija emendat l-EAVG bil-Liġi Federali Nru 158/2002, li l-Artikolu 6 tagħha jipprovdi li mill-1 ta' Jannar 2002, l-impriżi kollha għandhom dritt għal rimbors tat-taxxi fuq il-gass naturali u l-enerġija elettrika meta t-total ta' dawn it-taxxi jeċċedi 0,35 % tal-valur nett tal-produzzjoni tagħhom.

18     Bid-Deċiżjoni 2005/565/KE, tad-9 ta' Marzu 2004, dwar skema implementata fl-Awstrija li tipprovdi għar-rimbors ta’ taxxi fuq l-enerġija applikati għall-gass naturali u għall-elettriku fl-2002 u fl-2003 (ĠU 2005, L 190, p. 13), il-Kummisjoni ikkunsidrat li l-użu tal-livell ta' 0,35 % tal-valur nett tal-produzzjoni tagħhom kellha bħala effet li jiffavorixxi l-impriżi li kienu konsumaturi kbar ta' l-enerġija. Skond il-Kummissjoni, f'dak li jirrigwarda l-impriżi li l-EVG ma kinitx tapplika sal-31 ta' Diċembru 2001, l-iskema ta' għajnuna kienet inkompatibbli mal-Linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ta' l-ambjent kif ukoll mad-derogi l-oħra prevsiti fl-Artikolu 87(2) u (3) KE. B'referenza iktar partikolari għal dispożizzjoni oħra tal-Linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ta' l-ambjent, il-Kummissjoni waslet għall-istess konklużjoni għal dak li jirrigwarda l-impriżi li għalihom l-imsemmija liġi kienet diġà applikabbli qabel il-31 ta' Diċembru 2001.

19     Filwaqt li ħadet in kunsiderazzjoni l-possibbiltà li l-kliem użat fir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni domanda fis-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, iċċitata iktar 'il fuq, seta’ wassal ċerti benefiċjarji biex jaħsbu in bona fide li l-miżuri nazzjonali in kwistjoni eżaminati minn qorti nazzjonali ma jibqgħux aktar selettivi u għalhekk ma jikkostitwixxux aktar għajnuna mill-Istat, jekk il-benefiċċju tagħhom jiġi estiż għal setturi oħra minbarra dak tal-manifattura ta’ beni materjali, il-Kummissjoni kkonkludiet li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ in kwistjoni, irkupru jmur kontra l-prinċipju tal-ħarsien ta' l-aspettattivi leġittimi u li, skond l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, dan l-irkupru ma kellux jintalab.

20     Mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt il-proċedura bil-miktub f'din il-kawża fuq in-nuqqas ta' teħid in kunsiderazzjoni, fid-deċiżjoni tat-22 ta' Mejju 2002, tal-livell ta' 0,35 %, il-Kummissjoni għamlet referenza għat-tielt inċiż ta' punt 3 ta' din id-deċiżjoni, li jaqra kif ġej:

"Il-Kummissjoni tosserva li s-selettività hija diġà stabbilita mill-limitazzjoni tal-benefiċċju tal-miżura in kwistjoni għall-impriżi li l-attività prinċipali hija pprovata li tikkonsisti fil-manifattura ta’ beni materjali. Hija għalhekk m'eżaminatx jekk elementi oħra ta' din il-miżura nazzjonali, u b'mod partikolari l-livell ta' 0,35 %, jirrenduhiex ukoll selettiva."

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

21     L-ewwel rikorrenti fil-kawża prinċipali, TAL, għandu bħala attività, b'mod partikolari, il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta' katusi taż-żejt. Quddiem il-Verfassungsgerichtshof, hija kkontestat tliet deċiżjonijiet, mogħtija mill-Finanzlandesdirektion für Tirol, li ċaħdu r-rikorsi tagħha ppreżentati kontra ċ-ċaħdiet ta' rimbors tat-taxxa fuq l-enerġija għas-snin 1996, 1997 u 1998. Il-Verfassungsgerichtshof annulla dawn id-deċiżjonijiet bi tliet sentenzi tat-13 ta' Diċembru 2001, billi rrefera, għall-motivazzjoni tagħhom, għas-sentenza B 2251/97 li huwa kien ta fl-istess ġurnata wara s-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, iċċitata iktar 'il fuq.

22     Il-Finanzlandesdirektion für Tirol adotta deċiżjoni ġdida relattiva għat-tliet rikorsi fil-15 ta' Novembru 2002. Filwaqt li invoka s-sitwazzjoni ġdida ta' fatt u ta' dritt li tirriżulta mid-deċiżjoni tat-22 ta' Mejju 2002 li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mat-Trattat KE, il-Finanzlandesdirektion ikkunsidra li huwa ma kienx aktar marbut bid-deċiżjoni tal-Verfassungsgerichtshof u ċaħad ir-rikorsi. Huwa kontra din id-deċiżjoni li TAL ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju.

23     It-tieni rikorrenti fil-kawża prinċipali, Planai, hija impriża li topera l-funikulari. Quddiem il-Verfassungsgerichtshof, hija ikkonstatat deċiżjoni, mogħtija mill-Finanzlandesdirektion für Steiermark, li ċaħdet ir-rikors ippreżentat kontra ċ-ċaħda ta' rimbors tat-taxxa fuq l-enerġija għal perijodi relattivi għas-snin 1996 u 1997. Il-Verfassungsgerichtshof annulla din id-deċiżjoni b'sentenza tat-13 ta' Diċembru 2001 billi rrefera, għal motivazzjoni tagħha, għas-sentenza B 2251/97, fuq imsemmija.

24     Wara dan l-annullament, il-Finanzlandesdirektion für Steiermark adotta deċizjoni ġdida fis-17 ta' Lulju 2002. Huwa ħa in kunsiderazzjoni d-deċiżjoni tat-22 ta' Mejju 2002 li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mat-Trattat, filwaqt li enfasizza li din id-deċiżjoni kellha effett rettroattiv għall-perijodu previst fit-talba inizjali. Konsegwentement, huwa ċaħad ir-rikors.

25     Planai ppreżentat rikors quddiem il-Verfassungsgerichtshof, imma dan ir-rikors ġie miċħud bis-sentenza tat-12 ta' Diċembru 2002 (B 1348/02, Sammlung 16771), minħabba li ma kienx hemm applikazzjoni manifestament żbaljata tal-liġi, li kienet tirrendi lill-Verfassungsgerichtshof kompetenti sabiex jisma' r-rikors. Fis-sentenza tiegħu, il-Verfassungsgerichtshof iddeċieda b'mod partikolari li:

"Wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2002, il-Verfassungsgerichtshof jista' jikkunsidra li l-projbizzjoni ta' implementazzjoni ta' għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 88(3) KE (li qabel kien l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE) ma tipprekludix, ta' l-anqas b'mod manifest, l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 2(1) ta' l-EAVG. Konsegwentement, l-awtorità li quddiemha tressaq ir-rikors kienet intitolata li tapplika, safejn jista' jkun, din id-dispożizzjoni.

Il-kwistjoni jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni – kif allegat fir-rikors – kisritx id-dritt Komunitarju għandha tiġi eżaminata mill-Verfassungsgerichtshof biss jekk dan il-ksur kien manifest, jiġifieri jekk dan seta’ jiġi kkonstatat prima facie […] jew jekk dan kien iqajjem kwistjoni ta' dritt kostituzzjonali. Madankollu, dan mhuwiex il-każ, lanqas wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Novembru 1991, (Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires et Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon, [(C-354/90, Ġabra p. 1-5505)], li ddeċidiet il-kwistjoni ta' l-effetti prodotti min-nuqqas ta' notifika imma mhux il-legalità ta' awtorizzazzjoni ta' għajnuna mogħtija mill-Kummissjoni b'mod espressament retroattiv."

26     Wara talba magħmula f'dan is-sens minn Planai, il-Verfassungsgerichtshof irrefera r-rikors lill-Verwaltungsgerichtshof.

27     It-tielet rikorrenti fil-kawża prinċipali, Gerlitzen, hija wkoll impriża li topera l-funikulari. Quddiem il-Verfassungsgerichtshof, hija kkontestat deċiżjoni, mogħtija mill-Finanzlandesdirektion für Kärnten, fid-29 ta' Ottubru 2002, li ċaħdet ir-rikors tagħha ippreżentat kontra ċ-ċaħda ta' rimbors tat-taxxa fuq l-enerġija għas-snin 1999 sa 2001. Dan ir-rikors ġie miċħud fit-12 ta' Diċembru 2002, b'sentenza li tirreferi għal motivazzjoni tas-sentenza ta' l-istess jum fil-kawża B 1348/02, fuq imsemmija. Wara talba magħmula f'dan is-sens minn Gerlitzen, il-Verfassungsgerichtshof irrefera r-rikors lill-Verwaltungsgerichtshof.

28     Il-Verwaltungsgerichtshof jistaqsi, minn naħa, x'inhuma l-konsegwenzi tad-deċiżjoni tat-22 ta' Mejju 2002 fuq ir-rikorsi ppreżentati mit-tliet rikorrenti fil-kawża prinċipali, billi din id-deċiżjoni tirreferi espressament għal perijodu li jippreċedi d-data ta' l-adozzjoni tagħha, u min-naħa l-oħra, jekk għadx baqa’ lok, wara din id-deċiżjoni, li tittieħed in kunsiderazzjoni l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 88(3) KE.

29     Huwa jistaqsi, b'mod partikolari, jekk id-dati meta tressqu t-talbiet għar-rimbors jew ukoll id-dati tad-deċiżjonijiet ta' l-awtorità amministrattiva dwar dawn it-talbiet għandhomx importanza f'dan ir-rigward. Fil-fatt, huwa jenfasizza li l-ewwel żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu t-talbiet tagħhom qabel id-deċiżjoni tat-22 ta' Mejju 2002, filwaqt li t-tielet waħda ressqet it-talba tagħha wara din id-deċiżjoni.

30     Il-Verwaltungsgerichtshof jikkunsidra li s-sentenza tal-21 ta' Ottubru 2003, Van Calster et (C-261/01 u C-262/01, Ġabra p. I‑12249, punti 53 et seq. u 73) jistgħu jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni pożittiva tal-Kummissjoni ma jistax ikollha bħala effett li tirrendi legali skema ta' għajnuna implementata bi ksur ta' l-Artikolu 88 (3), KE.

31     Madankollu, huwa jirrileva, li l-fatti fil-kawża li taw lok għas-sentenza Van Calster et, iċċitata iktar 'il fuq, huma differenti mis-sitwazzjoni fil-kawżi prinċipali. L-ewwel nett, f'dawn il-kawżi l-kwalità ta' għajnuna tirriżulta mill-fatt li rimbors huwa mogħti b'mod selettiv, b'mod li l-fatt li jingħata rimbors ukoll lill-impriżi li ma kinux ibbenefikaw minnu bis-saħħa ta' din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, bil-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid sitwazzjoni konformi mad-dritt Komunitarju, jikkostitwixxi biss waħda mill-possibbiltajiet intiżi sabiex tiġi evitata l-eżistenza ta' għajnuna illegali jew sabiex tiġi assigurata l-osservanza tal-projbizzjoni ta' implementazzjoni tal-għajnuna. It-tieni nett, il-kawża li tat lok għas-sentenza Van Calster et iċċitata iktar 'il fuq kienet tikkonċerna sitwazzjoni li fiha r-Regolament Nru 659/1999 kien għadu mhux applikabbli. Fl-aħħar nett, fil-kawża Van Claster et iċċitata iktar 'il fuq, l-effett retroattiv mogħti finalment lir-regola mil-leġiżlatur Belġjan ma kienx ġie żvelat matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni mentri, fil-kawżi prinċipali, il-Kummissjoni intenzjonalment wettqet l-eżami relattiv għal perijodu fil-passat u kkonstatat li l-miżura hija kompatibbli mas-suq komuni.

32     F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-Verwaltungsgerichtshof iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

"1) Il-projbizzjoni ta' implementazzjoni ta' għajnuna mill-Istat prevista fl-Artikolu 88(3) KE tipprekludi l-applikazzjoni ta' dispożizzjoni legali nazzjonali li teskludi mir-rimbors tat-taxxi fuq l-enerġija lill-impriżi li l-attività prinċipali tagħhom ma ġietx ipprovata li tikkonsisti fil-manifattura ta' beni materjali, u konsegwentement, għandha tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens ta' l-Artikolu 87 KE, anki meta din id-dispożizzjoni ma kinitx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni qabel id-dħul fis-seħħ tagħha imma l-Kummissjoni, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 87(3) KE, ikkonstatat li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni għal perijodu fil-passat u t-talba għar-rimbors tirrigwarda taxxi relattivi għal dan il-perijodu?

2) Fil-każ ta’ risposta affermativa għall-ewwel domanda:

F'sitwazzjoni bħal din, il-projbizzjoni ta' implementazzjoni ta' għajnuna mill-Istat tirrikjedi rimbors anki fil-każijiet li fihom it-talbiet ta' l-impriżi li jipprovdu servizzi tressqu wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni f'dak li jirrigwarda l-perijodi ta' referenza li jippreċedu din id-data?"

 Fuq id-domandi preliminari

33     Bid-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi sostanzjalment, fl-ewwel lok, jekk l-Artikolu 88(3) KE għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq il-qrati nazzjonali li ma japplikawx liġi li teskludi ċerti impriżi mir-rimbors parzjali ta' taxxa fuq l-enerġija – miżura li tista' tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u li ma ġietx innotifikata – anke wara li l-Kummissjoni, meta ddeċidiet fir-rigward tal-perijodu li għalih ir-rimbors ġie mitlub, iddikjarat l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, skond l-Artikolu 87(3) KE. F'dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni lok, jekk id-data li fiha impriża ressqet talba għal rimbors hijiex element rilevanti.

34     Preliminarjament, u sabiex tingħata tweġiba għall-mistoqsija magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-korp tad-deċiżjoni tagħha, għandu jiġi speċifikat li, safejn ir-Regolament Nru 659/1999 fih regoli ta' natura proċedurali, dawn japplikaw għall-proċeduri amministrattivi kollha fil-qasam ta' l-għajnuna mill-Istat li kienu pendenti quddiem il-Kummissjoni fil-mument meta r-Regolament Nru 659/1999 daħal fis-seħħ, jiġifieri fis-16 ta' April 1999 (sentenza tas-6 ta' Ottubru 2005, Scott vs Il-Kummissjoni, C-276/03 P, Ġabra p. I‑8437, li tikkonferma b'mod impliċitu s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' April 2003, Scott vs Il-Kummissjoni, T-366/00, Ġabra p. II‑1763, punt 52).

35     Madankollu, kif jirriżulta mit-tieni premessa u mid-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament Nru 659/1999, dan ir-Regolament jikkodifika u jsaħħaħ il-prassi tal-Kummissjoni fil-qasam ta' l-eżami ta' l-għajnuna mill-Istat u ma fih l-ebda dispożizzjoni dwar is-setgħat u l-obbligi tal-qrati nazzjonali, li jibqgħu rregolati mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

36     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li l-implementazzjoni ta' sistema ta' kontroll ta' l-għajnuna mill-Istat, kif tirriżulta fl-Artikolu 88 KE u mill-ġurisprudenza relattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija r-responsabbiltà, minn naħa, tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, tal-qrati nazzjonali.

37     Huwa paċifiku li, fil-kuntest tal-kontroll ta' l-osservanza mill-Istati Membri ta' l-obbligi imposti fuqhom permezz ta' l-Artikoli 87 KE u 88 KE, il-qrati nazzjonali u l-Kummissjoni jaqdu rwoli komplementari u distinti (ara s-sentenzi tal-11 ta' Lulju 1996, SFEI et, C-39/94, Ġabra p. I‑3547, punt 41, u Van Calster et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 74).

38     Filwaqt li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta' miżuri ta' għajnuna mas-suq komuni taqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni, li hija suġġetta għal stħarriġ mill-qrati Komunitarji, il-qrati nazzjonali għandhom jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet ta' l-individwi fil-każ ta' ksur ta' l-obbligu ta' notifika minn qabel ta' l-għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni prevista fl-Artikolu 88(3) KE (sentenza Van Calster et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 75).

39     Sabiex tkun f'pożizzjoni li tiddetermina jekk miżura ta' Stat kinitx ġiet stabbilita bi ksur ta' l-Artikolu 88(3) KE, qorti nazzjonali jista' jkollha tinterpreta l-kunċett ta' għajnuna previst fl-Artikolu 87(1) KE (sentenza tal-15 ta' Lulju 2004, Pearle et, C-345/02, Ġabra p. I‑7139, punt 31). Hija għalhekk għandha l-obbligu li tivverifika, b'mod partikolari, jekk il-miżura in kwistjoni tikkostitwixxix vantaġġ u jekk hijiex selettiva, jiġifieri jekk din tiffavorixxix ċerti impriżi jew ċerti produtturi fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE.

40     Għandu jiġi mfakkar, fit-tieni lok, li miżura ta' għajnuna fis-sens ta' l-Artikolu 87(1) KE, li hija implementata bi ksur ta' l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 88(3) KE, hija illegali [ara sentenzi Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires et Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon, iċċitata iktar 'il fuq, punt 17, u tas-27 ta' Ottubru 2005, Distribution Casino France et, C-266/04 sa C-270/04, C-276/04 u C-321/04 sa C-325/04, Ġabra p. I‑9481, punt 30. Ara wkoll id-definizzjoni ta' l-għajnuna kontra l-liġi li tidher fl-Artikolu 1(f) tar-Regolament Nru 659/1999)].

41     Bil-periklu li jiġi ppreġudikat l-effett dirett ta' l-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 88(3) KE u li ma jiġux rispettati l-interessi ta' l-individwi li l-qrati nazzjonali għandhom id-dover li jħarsu, deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna mhux notifikata kompatibbli mas-suq komuni m'għandhiex l-effett li tirregolarizza, a posteriori, l-atti ta' implementazzjoni li huma invalidi minħabba li ġew adottati bi ksur tal-projbizzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni. Kull interpretazzjoni oħra twassal biex tiffavorixxi n-nuqqas ta' osservanza ta' l-imsemmija dispożizzjoni mill-Istat Membru kkonċernat u ċċaħħadha mill-effett utli tagħha (ara s-sentenzi iċċitati iktar 'il fuq Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires et Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon, iċċitata iktar 'il fuq, punt 16 u Van Calster et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 63).

42     Fil-fatt, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali f'punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk, fil-kuntest ta' proġett ta' għajnuna, kompatibbli jew le mas-suq komuni, il-fatt li ma jiġix osservat l-Artikolu 88(3) KE ma jġib miegħu ebda riskju jew piena ikbar mill-osservanza ta' din l-istess dispożizzjoni, l-inċentiv ta' l-Istati Membri li jinnotifikaw u li jistennew deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà jiġi konsiderevolment imnaqqas, u konsegwentement dan japplika wkoll għall-portata tal-kontroll tal-Kummissjoni.

43     F'dan ir-rigward huwa irrilevanti li deċiżjoni tal-Kummissjoni tispeċifika li din ta' l-aħħar tiffoka l-evalwazzjoni tagħha ta' l-għajnuna in kwistjoni fuq perijodu preċedenti għall-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni, bħal fil-każ tad-deċiżjoni tat-22 ta' Mejju 2002 in kwistjoni fil-kawżi prinċipali.

44     Fir-rigward tal-qrati nazzjonali, kif ġie mfakkar f'punt 38 ta' din is-sentenza, huma għandhom l-obbligu li jħarsu d-drittijiet ta' l-individwi f'każ ta' eventwali ksur, min-naħa ta' l-awtoritajiet nazzjonali, tal-projbizzjoni ta' implementazzjoni ta' l-għajnuna qabel l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta' deċiżjoni li tawtorizzaha.

45     F'dan ir-rigward, u billi ma teżistix leġiżlazzjoni Komunitarja f'dan il-qasam, hija s-sistema legali interna ta' kull Stat Membru li għandha tindika l-qrati kompetenti u tirregola l-modalitajiet proċedurali ta' l-azzjonijiet ġudizzjarji intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt Komunitarju, bil-kundizzjoni, minn naħa, li dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw drittijiet li joriġinaw mis-sistema legali interna (prinċipju ta' ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, li ma jagħmlux l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta' effettività) (ara s-sentenzi tat-12 ta' Settembru 2006, Eman u Sevinger, C­‑300/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 67, kif ukoll tad-19 ta' Settembru 2006, i-21 Germany u Arcor, C-392/04 u C-422/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 57).

46     Skond in-natura tar-rimedji ġudizzjarji previsti mid-dritt nazzjonali, qorti nazzjonali tista' għalhekk titressqilha talba għall-adozzjoni tal-miżuri provviżorji, bħas-sospensjoni tal-miżuri in kwistjoni, bil-għan li jiġu protetti l-interessi ta' l-individwi u, b'mod partikolari, bil-għan li jiġu protetti l-partijiet affettwati mid-distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta mill-għoti ta' l-għajnuna illegali (ara s-sentenza SFEI et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 52).

47     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qrati nazzjonali għandhom jiggarantixxu lill-partijiet li qegħdin f'pożizzjoni li jipprevalixxu ruħhom mill-ksur ta' l-obbligu ta' notifika li sejrin jinġibdu l-konsegwenzi kollha li joħorġu minn dan il-ksur, konformement mad-dritt nazzjonali tagħhom, f'dak li jirrigwarda kemm il-validità ta' l-atti li jdaħħlu fis-seħħ il-miżuri ta' għajnuna, kif ukoll ir-rifużjoni ta' l-għajnuna finanzjarja mogħtija bi ksur ta' din id-dispożizzjoni jew ta' eventwali mizuri provviżorji (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires et Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon, punt 12; Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, punti 26 u 27, kif ukoll Van Calster et, punt 64, u sentenza tal-21 ta' Lulju 2005, Xunta de Galicia, C-71/04, Ġabra p. I‑7419, punt 50).

48     Meta tiddeċiedi, il-qorti nazzjonali għandha tħares l-interessi tal-partijiet. Madankollu, meta tagħmel hekk, hija għandha wkoll tieħu in kunsiderazzjoni bis-sħiħ l-interess Komunitarju (ara, b'analoġija, is-sentenza ta' l-20 ta' Settembru 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-5/89, Ġabra p. I‑3437, punt 19).

49     Fir-rigward ta' rimbors parzjali ta' taxxa li jikkostitwixxi miżura ta' għajnuna illegali, minħabba li jingħata bi ksur tal-obbligu ta' notifika, huwa kontra l-interess komunitarju li jiġi ordnat tali rimbors għall-benefiċċju ta' impriżi oħra jekk tali deċiżjoni għandha l-effett li twessa’ ċ-ċirku tal-benefiċjarji ta' l-għajnuna, u b'hekk iżżid l-effetti ta' din l-għajnuna minflok ma teliminahom (ara, f'dan is-sens, sentenza tal-15 ta' Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C-393/04 u C-41/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 45).

50     Fil-fatt, kif jindika l-Avukat Ġenerali f'punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-qrati nazzjonali għandhom jassiguraw li r-rimedji li huma jipprovdu jkunu jistgħu effettivament iħassru l-effetti ta' l-għajnuna mogħtija bi ksur ta' l-Artikolu 88(3) KE, u huma m'għandhomx sempliċement jestendu l-għajnuna għal grupp iktar wiesa' ta' benefiċjarji.

51     Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-kawżi prinċipali, it-talbiet għall-għoti ta' miżura ta' għajnuna illegali, jiġifieri r-rimbors parzjali tat-taxxi fuq l-enerġija, tista' tiġi assimilata ma' talbiet għall-eżenzjoni parzjali tal-ħlas ta' dawn it-taxxi. Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, il-persuni li għandhom iħallsu taxxa obligatorja ma jistgħux jeċċepixxu li l-eżenzjoni li minnha jgawdu persuni oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sabiex jevitaw il-ħlas ta' l-imsemmija taxxa (ara s-sentenza ta' l-20 ta' Settembru 2001, Banks, C-390/98, Ġabra p. I‑6117, punt 80; tat-13 ta' Ġunju 2002, Sea-Land service u Nedlloyd Lijnen, C-430/99 u C-431/99, Ġabra p. I-5235, punt 47; Distribution Casino France et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 42, u Air Liquide Indistries Belgium, iċċitata iktar 'il fuq punt 43).

52     Billi trid tanalizza l-miżura kkontestata sabiex tivverifika jekk din tikkorrispondix mal-kunċett ta' għajnuna previst fl-Artikolu 87(1) KE, il-qorti tar-rinviju, fil-prinċipju, għandu jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi li jippermetulha tevalwa jekk il-miżura li hija tikkunsidra li tadotta tassigurax il-ħarsien tad-drittijiet ta' l-individwi billi tinnewtralizza l-effetti ta' l-għajnuna għall-kompetituri ta' l-impriżi benefiċjarji, filwaqt li tieħu in kunsiderazzjoni bis-sħiħ id-dritt Komunitarju u tevita li tadotta miżura li l-uniku effett tagħha jkun li jitwessa' ċ-ċirku tal-benefiċjarji ta' din l-għajnuna.

53     It-tieni domanda mressqa mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda sitwazzjoni fejn, bħal fil-każ tal-kawża prinċipali bejn Gerlitzen u Finanzlandesdirektion für Kärnten, talba għar-rimbors parzjali ta' taxxa fuq l-enerġija, li kienet miżura ta' għajnuna illegali għax ma ġietx innotifikata, tressqet wara li ngħatat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ddikjarat l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni.

54     Kif ġie mfakkar f'punti 41 u 42 ta' din is-sentenza, id-deċiżjoni tat-22 ta' Mejju 2002 li tiddikjara għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq komuni m'għandhiex l-effett li tirregolarizza, a posteriori, l-atti ta' implementazzjoni ta' din l-għajnuna li, meta ġew adottati, kienu invalidi minħabba l-ksur tal-projbizzjoni prevista mill-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 88(3) KE.

55     Minn dan isegwi li huwa irrilevanti jekk talba tkunx saret qabel jew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, billi din it-talba tirrigwarda s-sitwazzjoni illegali li tirriżulta min-nuqqas ta' notifika.

56     Skond il-possibbiltajiet tad-dritt nazzjonali u r-rimedji li dan jipprovdi, qorti nazzjonali għalhekk jista' jkollha, skond il-każ, tordna l-irkupru ta' għajnuna illegali mingħand dawn il-benefiċċjarji, anke jekk din l-għajnuna sussegwentement ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni mill-Kummissjoni. Bl-istess mod, qorti nazzjonali jista' jkollha tiddeċiedi fuq talba għal kumpens għad-dannu kkawżat minħabba n-natura illegali ta' miżura ta' għajnuna.

57     Meta tagħmel hekk, il-qorti nazzjonali għandha tistinka sabiex tħares l-interessi ta' l-individwi filwaqt li tieħu in kunsiderazzjoni bis-sħiħ l-interess Komunitarju, billi, b'mod partikolari, tiżgura, li ma tadottax deċiżjoni li l-uniku effett tagħha jkun dak li jitwessa' ċ-ċirku tal-benefiċjarji ta' l-għajnuna illegali.

58     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi mressqa għandha tkun li l-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 88(3) KE għandha tiġi interpretata fis-sens li huwa l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jħarsu d-drittijiet ta' l-individwi f'każ ta' eventwali ksur, min-naħa ta' l-awtoritajiet nazzjonali, tal-projbizzjoni ta' implementazzjoni ta' l-għajnuna qabel l-adozzjoni, mill-Kummissjoni, ta' deċiżjoni li tawtorizzaha. Meta jagħmlu hekk, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni bis-sħiħ l-interess Komunitarju u m'għandhomx jadottaw miżura li l-uniku effett tagħha jkun li jitwessa' ċ-ċirku tal-benefiċjarji ta' l-għajnuna.

59     Billi deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna mhux notifikata kompatibbli mas-suq komuni m'għandhiex l-effett li tirregolarizza, a posteriori, l-atti ta' implementazzjoni li kienu invalidi minħabba li kienu ġew adottati bi ksur tal-projbizzjoni prevista mill-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 88(3) KE, huwa irrilevanti jekk talba tkunx saret qabel jew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, billi din it-talba tirrigwarda s-sitwazzjoni illegali li tirriżulta min-nuqqas ta' notifika.

 Fuq l-ispejjeż

60     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

L-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 88(3) KE għandha tiġi interpretata fis-sens li huwa l-obbligu tal-qrati nazzjonali li jħarsu d-drittijiet ta' l-individwi f'każ ta' eventwali ksur, min-naħa ta' l-awtoritajiet nazzjonali, tal-projbizzjoni ta' implementazzjoni ta' l-għajnuna qabel l-adozzjoni, mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ta' deċiżjoni li tawtorizzaha. Meta jagħmlu hekk, il-qrati nazzjonali għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni bis-sħiħ l-interess Komunitarju u m'għandhomx jadottaw miżura li l-uniku effett tagħha jkun li jitwessa' ċ-ċirku tal-benefiċjarji ta' l-għajnuna.

Billi deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li tiddikjara għajnuna mhux notifikata kompatibbli mas-suq komuni m'għandhiex l-effett li tirregolarizza, a posteriori, l-atti ta' implementazzjoni li kienu invalidi minħabba li kienu ġew adottati bi ksur tal-projbizzjoni prevista mill-aħħar sentenza ta' l-Artikolu 88(3) KE, huwa irrilevanti jekk talba tkunx saret qabel jew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, billi din it-talba tirrigwarda s-sitwazzjoni illegali li tirriżulta min-nuqqas ta' notifika.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.