SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
6 ta’ Marzu 2007 (*)
“Libertà ta’ stabbiliment – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE – Logħob ta’ l-ażżard – Ġbir ta’ mħatri fuq avvenimenti sportivi – Ħtieġa ta’ konċessjoni – Esklużjoni ta’ operaturi stabbiliti taħt ċerti forom ta’ kumpannija b’kapitali – Ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni tal-pulizija – Sanzjonijiet kriminali”
Fil-kawżi magħquda C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale di Larino (l-Italja) (C‑338/04) u mit-Tribunale di Teramo (l-Italja) (C‑359/04 u C‑360/04), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-8 u tal-31 ta’ Lulju 2004, li waslu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 u fit-18 ta’ Awwissu 2004 rispettivament, fil-proċeduri kriminali kontra
Massimiliano Placanica (C‑338/04),
Christian Palazzese (C‑359/04),
Angelo Sorricchio (C‑360/04),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u K. Lenaerts, Presidenti ta’ Awla, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann (Relatur), G. Arestis, A. Borg Barthet u M. Ilešič, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: D. Ruiz‑Jarabo Colomer,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Marzu 2006,
wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:
– għal M. Placanica u C. Palazzese, minn D. Agnello, avvocatessa,
– għal M. Sorricchio, minn R. A. Jacchia, A. Terranova, I. Picciano u F. Ferraro, avvocati,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn A. Cingolo u F. Sclafani, avvocati dello Stato (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04),
– għall-Gvern Belġjan, inizjalment minn D. Haven, wara minn M. Wimmer, bħala aġenti, assistiti minn P. Vlaemminck u S. Verhulst, advocaten (C‑338/04),
– għall-Gvern Ġermaniż, minn C.‑D. Quassowski u C. Schulze‑Bahr, bħala aġenti (C‑338/04),
– għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04),
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u C. Bergeot‑Nunes, bħala aġenti (C‑338/04),
– għall-Gvern Awstrijak, minn H. Dossi, bħala aġent (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04),
– għall-Gvern Portugiż, minn L. I. Fernandes u A. P. Barros, bħala aġenti (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04), assistiti minn J. L. da Cruz Vilaça, advogado (C‑338/04),
– għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä, bħala aġent (C‑338/04),
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Traversa, bħala aġent (C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04),
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Mejju 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE.
2 Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra M. Placanica, C. Palazzese u A. Sorricchio għal innosservanza tal-leġiżlazzjoni Taljana li tirregola l-ġbir ta’ mħatri. Huma jaqgħu f’kuntest ġuridiku u fattwali simili għal dawk li taw lok għas-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti (C‑67/98, Ġabra p. I‑7289), u tas-6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et (C‑243/01, Ġabra p. I‑13031).
Il-kuntest ġuridiku
3 Il-leġiżlazzjoni Taljana tistabbilixxi, essenzjalment, li l-parteċipazzjoni fl-organizzazzjoni tal-logħob ta’ l-ażżard, li jinkludi l-ġbir ta’ mħatri, hija suġġetta għall-kisba ta’ konċessjoni u ta’ awtorizzazzjoni mill-pulizija. Kull ksur ta’ din il-leġiżlazzjoni hija suġġetta għal sanzjonijiet kriminali li jistgħu jwasslu sa piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin.
Il-konċessjonijiet
4 L-għoti ta’ konċessjonijiet għall-organizzazzjoni ta’ mħatri fuq avvenimenti sportivi huwa, sa’ l-2002, immexxi mill-Kumitat olimpiku nazzjonali Taljan (Comitato olimpico nazionale italiano, iktar ’il quddiem il-"CONI") u l-Unjoni nazzjonali għat-titjib tar-razzez ekwini (Unione nazionale per l’incremento delle razze equine, iktar ’il quddiem l-"UNIRE"), li kienu awtorizzati li jorganizzaw l-imħatri marbuta mal-manifestazzjonijiet sportivi organizzati minnhom jew li jseħħu tal-kontroll tagħhom. Dan jirriżulta mid-dispożizzjonijiet konġunti tad-digriet leġiżlattiv Nru 496, ta’ l-14 ta’ April 1948 (GURI Nru 118, ta’ l-14 ta’ April 1948), ta’ l-Artikolu 3(229) tal-liġi Nru 549 tat-28 ta’ Diċembru 1995 (supplement ordinarju għall-GURI Nru 302, tad-29 ta’ Diċembru 1995) u ta’ l-Artikolu 3(78) tal-liġi Nru 662, tat-23 ta’ Diċembru 1996 (supplement ordinarju għall-GURI Nru 303, tat-28 ta’ Diċembru 1996).
5 Ġew stabbiliti regoli speċifiċi għall-attribuzzjoni tal-konċessjonijiet permezz tad-digriet Nru 174 tal-ministeru ta’ l-Ekonomija u tal-Finanzi, tat-2 ta’ Ġunju 1998 (GURI Nru 129, tal-5 ta’ Ġunju 1998, iktar ’il quddiem id-"digriet Nru 174/98"), għal dak li jikkonċerna l-CONI, u permezz tad-digriet Nru 169 tal-President tar-Repubblika, tat-8 ta’ April 1998 (GURI Nru 125, ta’ l-1 ta’ Ġunju 1998), għal dak li jikkonċerna l-UNIRE.
6 Fir-rigward ta’ konċessjonijiet attribwiti mill-CONI, id-digriet Nru 174/98 jipprovdi li l-attribuzzjoni kienet isseħħ permezz ta’ sejħa għal offerti. F’din l-attribuzzjoni, il-CONI kellha b’mod partikolari tieħu ħsieb it-trasparenza tas-sehem fl-ishma tal-konċessjonarji u d-distribuzzjoni razzjonali tal-punti ta’ ġbir u ta’ aċċettazzjoni ta’ mħatri fit-territorju nazzjonali.
7 Sabiex tiggarantixxi t-trasparenza tas-sehem f’ishma, l-Artikolu 2(6) tad-digriet Nru 174/98 jipprovdi li jekk il-konċessjonarju jkun kompost minn kumpannija b’kapitali, l-azzjonijiet ta’ dritt tal-vot għandhom isiru f’isem il-persuni fiżiċi, ta’ kumpannija f’isem kollettiv jew in Akkomandita sempliċi, u ma tistax tiġi ttrasferita b’sempliċi approvazzjoni.
8 Id-dispożizzjonijiet dwar l-attribuzzjoni tal-konċessjonijiet mill-UNIRE kienu simili.
9 Fl-2002, il-kompetenzi tal-CONI u ta’ l-UNIRE fil-qasam ta’ l-imħatri fuq l-avvenimenti sportivi ġew, wara serje ta’ interventi leġiżlattivi, ittrasferiti lill- amministrazzjoni awtonoma tal-monopolji ta’ l-Istat taħt it-tutela tal-ministeru ta’ l-Ekonomija u tal-Finanzi.
10 Skond emenda mdaħħla f’din l-okkażjoni permezz ta’ l-Artikolu 22(11) tal-liġi Nru 289, tas-27 ta’ Deċembru 2002 (supplement ordinarju għall-GURI Nru 305, tal-31 ta’ Diċembru 2002, iktar ’il quddiem il-"liġi finanzjarja għall-2003"), il-kumpanniji b’kapitali, mingħajr ebda limitazzjoni fir-rigward tal-forma tagħhom, jistgħu b’hekk jipparteċipaw għas-sejħiet għal offerti għall-attribuzzjoni tal-konċessjonijiet.
L-awtorizzazzjonijiet tal-pulizija
11 Awtorizzazzjoni tal-pulizija tista’ tingħata esklużivament lil dawk li għandhom konċessjoni jew awtorizzazzjoni ta’ ministeru jew ta’ entità oħra li fiha l-liġi tirriżerva l-fakultà li torganizza jew tisfrutta l-imħatri. Dawn il-kundizzjonijiet ta’ konċessjoni jirriżultaw mill-Artikolu 88 tad-digriet irjali Nru 773 li japprova t-test uniku tal-liġijiet fil-qasam tas-sigurtà pubblika (Regio Decreto Nru 773, Testo unico delle leggi di pubblica sicurezza, tat-18 ta’ Ġunju 1931 (GURI Nru 146, tas-26 ta’ Ġunju 1931), kif emendat mill-Artikolu 37(4) tal-liġi Nru 388, tat-23 ta’ Diċembru 2000 (supplement ordinarju tal-GURI Nru 302, tad-29 ta’ Diċembru 2000, iktar ’il quddiem id-"digriet irjali").
12 Minbarra dan, skond id-dispożizzjonijiet flimkien ta’ l-Artikoli 11 u 14 tad-digriet irjali, l-awtorizzazzjoni tal-pulizija ma tistax tingħata lil persuna li tkun ġiet ikkundannata għal ċerti pieni jew għal ċerti infrazzjonijiet, b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-integrità u l-prattiċi tajba jew dawk li jmorru kontra l-leġiżlazzjoni tal-logħob ta’ l-ażżard.
13 La darba l-awtorizzazzjoni tingħata, il-proprjetarju tagħha għandu, skond l-Artikolu 16 tad-digriet irjali, jippermetti lill-pulizija jidħlu fi kwalunkwe ħin fil-postijiet fejn l-attività awtorizzata titwettaq.
Is-sanzjonijiet kriminali
14 L-Artikolu 4 tal-liġi Nru 401, tat-13 ta’ Diċembru 1989, li tirregola s-settur tal-logħob u ta’ l-imħatri klandestini u l-protezzjoni ta’ l-iżvolġiment tajjeb tal-kompetizzjonijiet sportivi (GURI Nru 294, tat-18 ta’ Diċembru 1989), kif emendat mill-Artikolu 37(5) tal-liġi Nru 388, (iktar ’il quddiem il-"liġi Nru 401/89"), jipprovdi s-sanzjonijiet kriminali segwenti għall-parteċipazzjoni abbużiva fl-organizzazzjoni tal-logħob ta’ l-ażżard:
"1. Kull min jipparteċipa abbużivament fl-organizzazzjoni ta’ lotteriji, imħatri jew kompetizzjonijiet ta’ tbassir legalment irriżervati għall-Istat jew għal organizzazzjonijiet oħra konċessjonarji jkun suġġett għal piena ta’ priġunerija bejn sitt xhur u tliet snin. Din l-istess piena tista’ tiġi imposta fuq kull persuna li torganizza mħatri jew kompetizzjonijiet ta’ tbassir fuq attivitajiet sportivi mmexxija mill-[CONI] u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt l-awtorità tagħha jew l-[UNIRE]. Kull minn jipparteċipa abbużivament fl-organizzazzjoni pubblika ta’ mħatri fuq kompetizzjonijiet oħra ta’ persuni jew annimali, kif ukoll fuq logħob ta’ kapaċità, ikun suġġett għal piena minn tliet xhur sa sena ta’ priġunerija u ta’ multa ta’ mhux inqas minn miljun lira. […]
2. Kull min jirreklama għall-kompetizzjonijiet, il-logħob jew l-imħatri organizzati skond il-modalitajiet deskritti fil-paragrafu 1, mingħajr madankollu ma jkun kompliċi għal wieħed mid-delitti li huma ddefiniti hemmhekk, ikun suġġett għal piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn tliet xhur u multa ta’ bejn mitt elf lira u miljun lira.
3. Kull min jipparteċipa f’kompetizzjoni, f’logħob jew f’imħatri organizzati skond il-metodi deskritti fil-paragrafu 1, mingħajr madankollu ma jkun kompliċi ta’ wieħed mid-delitti li huma ddefiniti hemmhekk, jeħel piena ta’ priġunerija ta’ mhux iktar minn tliet xhur jew għal multa ta’ bejn mitt elf lira u miljun lira.
[…]
4a. Is-sanzjonijiet previsti fl-artikolu preżenti huma applikabbli għal kull minn jeżerċita fl-Italja, mingħajr konċessjoni u mingħajr awtorizzazzjoni jew liċenzja skond l-Artikolu 88 tad-[digriet irjali], attività organizzata sabiex jiġi aċċettat jew miġbur jew, fi kwalunkwe każ, li tiġi ffaċilitata l-aċċettazzjoni jew il-ġbir, ikun xi jkun il-mod, inkluż bit-telefon jew bil-kompjuter, imħatri ta’ kull tip, aċċettati minn kwalunkwe persuna fl-Italja jew f’pajjiż ieħor.
[…]"
Il-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione
15 Fis-sentenza tagħha Nru 111/04, tas-26 ta’ April 2004 (iktar ’il quddiem is-"sentenza Gesualdi"), il-Corte suprema di cassazione (l-Italja), ġiet mitluba teżamina l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Taljana fil-qasam tal-logħob ta’ l-ażżard ma’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE. Skond l-analiżi tagħha, dik il-qorti waslet għall-konklużjoni li l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tmurx kontra l-Artikoli 43 KE u 49 KE.
16 Fis-sentenza Gesualdi, il-Corte suprema di cassazione ssostni li l-leġiżlatur Taljan iħaddan għal bosta snin politika espansiva fis-settur tal-logħob ta’ l-ażżard bl-iskop evidenti li jżid id-dħul tat-taxxa u li l-ebda ġustifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Taljana ma tista’ tinstab għall-iskop tal-protezzjoni tal-konsumatur jew tal-limitazzjoni tat-tendenza għal logħob tal-konsumaturi jew tal-limitazzjoni ta’ l-offerta tal-logħob. Min-naħa l-oħra, hija tidentifika l-iskop reali tal-leġiżlazzjoni Taljana bħala xewqa li l-attivitajiet tal-logħob ta’ l-ażżard jgħaddu minn ċirkwiti kontrollabbli sabiex jiġi prevenut l-isfruttament ta’ dawn l-attivitajiet għal finijiet kriminali. Għal dan il-motiv, il-leġiżlazzjoni Taljana tissuġġetta lil persuni li jorganizzaw imħatri u kompetizzjonijiet ta’ tbassir, kif ukoll il-postijiet li fihom dawn l-attivitajiet iseħħu, għal kontroll u għas-sorveljanza. Il-Corte suprema di cassazione tqis li dawn l-għanijiet, fihom infushom, jistgħu jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u għal libertà li jiġu pprovduti servizzi.
17 Għal dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jiggarantixxu t-trasparenza ta’ l-ishma tal-konċessjonarji, il-kundizzjonijiet li kellhom b’mod partikolari effett li jeskludu sejħiet għal offerti għall-konċessjonijiet ta’ kumpanniji li l-azzjonisti individwali tagħhom ma kinux identifikati fi kwalunkwe mument, il-Corte suprema di cassazione tistabbilixxi fis-sentenza Gesualdi li l-leġiżlazzjoni Taljana ma tagħmel l-ebda diskriminazzjoni għad-detriment tal-kumpanniji barranin, lanqas b’mod indirett, għaliex għandha bħala effett li teskludi mhux biss lill-kumpanniji b’kapitali barranin li l-azzjonisti tagħhom ma jkunux jistgħu jiġu identifikati bi preċiżjoni, iżda wkoll il-kumpanniji kollha b’kapitali Taljani li l-azzjonisti tagħhom ma jkunux jistgħu jiġu identifikati bi preċiżjoni.
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
L-attribuzzjoni tal-konċessjonijiet
18 Jirriżulta mill-atti li, skond id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Taljana, il-CONI fetħet, fil-11 ta’ Diċembru 1998, sejħa għal offerti għall-attribuzzjoni ta’ 1,000 konċessjoni għall-organizzazzjoni ta’ mħatri fuq il-kompetizzjonijiet sportivi, dan in-numru ta’ konċessjonijiet kien intqies, fuq il-bażi ta’ stima speċifika, li kien suffiċjenti għat-territorju nazzjonali kollu. Fl-istess waqt, sejħa għal offerti li tirrigwarda 671 konċessjoni ġdida ġiet organizzata mill-ministeru ta’ l-Ekonomija u tal-Finanzi bi ftehim mal-Ministeru tal-Politika Agrikola u tal-Foresti għall-aċċettazzjoni ta’ mħatri fuq il-kompetizzjonijiet taż-żwiemel, u 329 konċessjonijiet eżistenti ġew imġedda awtomatikament.
19 L-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza ta’ l-ishma fis-seħħ fl-imsemmija sejħiet għal offerti kellhom b’mod partikolari bħala konsegwenza li jeskludu mis-sejħiet għal offerti lill-operaturi stabbiliti taħt forma ta’ kumpanniji li l-azzjonijiet tagħhom kienu kkwotati fis-swieq irregolati, peress li l-identifikazzjoni kostanti u speċifika ta’ l-azzjonisti individwali kienet impossibbli f’dak li jikkonċerna dawn il-kumpanniji. Wara s-sejħa għal offerti, ġew attribwiti fl-1999 konċessjonijiet validi għal sitt snin u li jistgħu jiġġeddu għal perijodu ieħor ta’ sitt snin.
Il-kumpannija Stanley International Betting Ltd
20 Stanley International Betting Ltd (iktar ’il quddiem "Stanley") hija kumpannija rreġistrata taħt id-dritt Ingliż li tagħmel parti mill-grupp Stanley Leisure plc, kumpannija rreġistrata taħt id-dritt Ingliż ikkwotata fil-Borża ta’ Londra (ir-Renju Unit). Dawn iż-żewġ kumpanniji għandhom is-sede tagħhom f’Liverpool (ir-Renju Unit). Il-grupp jopera fis-settur tal-logħob ta’ l-ażżard u huwa r-raba’ l-akbar bookmaker u l-ewwel operatur ta’ djar tal-logħob fir-Renju Unit.
21 Stanley hija waħda mill-mezzi operattivi tal-grupp Stanley Leisure plc barra r-Renju Unit. Hija debitament awtorizzata li topera bħala bookmaker f’dan l-Istat Membru bis-saħħa ta’ liċenzja maħruġa mill-muniċipalità ta’ Liverpool. Hija suġġetta għall-kontrolli ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà minn naħa ta’ l-awtoritajiet Britanniċi, għall-kontrolli interni fuq ir-regolarità ta’ l-attivitajiet, għall-kontrolli minn naħa ta’ kumpannija privata ta’ awdituri, kif ukoll għall-kontrolli minn naħa tat-Teżor pubbliku u ta’ l-amministrazzjoni tad-dwana fir-Renju Unit.
22 Peress li kienet tixtieq tikseb konċessjonijiet almenu għal 100 punt ta’ aċċettazzjoni ta’ mħatri fit-territorju Taljan, Stanley kienet infurmat ruħha fuq il-possibbiltà li tipparteċipa għas-sejħiet għal offerti, iżda kienet indunat li hija ma kinitx tista’ tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ trasparenza ta’ l-ishma minħabba l-fatt li hija kienet tifforma parti minn grupp ikkwotat fis-swieq irregolati. Għalhekk, hija ma pparteċipatx għas-sejħa għal offerti u ma għandha l-ebda konċessjoni għall-ġestjoni ta’ mħatri.
Iċ-ċentri ta’ trażmissjoni ta’ l-informazzjoni
23 Stanley topera fl-Italja permezz ta’ intermedjazzjoni ta’ aktar minn mitejn aġenzija, komunement imsejħa "ċentri ta’ trażmissjoni ta’ informazzjoni" (iktar ’il quddiem iċ-"ĊTI"). Dawn l-aħħar imsemmija joffru s-servizzi tagħhom f’postijiet miftuħa għal pubbliku li fihom huma jqegħdu mezz telematiku għad-dispożizzjoni tal-persuni li jagħmlu l-imħatri, li jippermettilhom jaċċedu għas-server ta’ Stanley, li jinsab fir-Renju Unit. Il-persuni li jagħmlu l-imħatri b’dan il-mod ikunu jistgħu, b’mod telematiku, jindirizzaw lil Stanley proposti ta’ mħatri sportivi magħżula fi programmi ta’ avvenimenti u ta’ kwotazzjonijiet ipprovduti minn Stanley, kif ukoll jirċievu l-aċċettazzjoni tal-proposti tagħhom, iħallsu l-imħatri tagħhom u, jekk meħtieġ, jirċievu r-rebħ tagħhom.
24 Iċ-ĊTI huma mmexxija minn operaturi indipendenti marbuta kuntrattwalment ma’ Stanley. M. Placanica, C. Palazzese u A. Sorricchio, akkużati fil-kawża prinċipali, it-tlieta huma ġestjonarji ta’ ĊTI marbuta ma’ Stanley.
25 Jirriżulta mill-atti mibgħuta mit-Tribunale di Teramo li C. Palazzese u A. Sorricchio kienu, qabel ma’ bdew l-attivitajiet tagħhom, talbu lill-Questura di Atri (Għassa tal-pulizija ta’ Atri) awtorizzazzjonijiet tal-pulizija skond l-Artikolu 88 tad-digriet irjali. Dawn id-domandi baqgħu mingħajr risposta.
Id-domanda għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunale di Larino (kawża C‑338/04)
26 Filwaqt akkuża lil M. Placanica li kkommetta d-delitt previst fl-Artikolu 4(4)a tal-liġi Nru 401/89, billi, bħala ġestjonarju ta’ ĊTI f’isem Stanley, eżerċita attività organizzata ta’ ġbir ta’ mħatri mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa tal-pulizija, il-prosekutur pubbliku ressaq proċedura kriminali kontrih quddiem it-Tribunale di Larino.
27 Din il-qorti wriet dubji fir-rigward tal-bażi tajba tal-konklużjoni li waslet għaliha l-Corte suprema di cassazione fis-sentenza tagħha Gesualdi għal dak li jikkonċerna l-kompatibbiltà ta’ l-Artikolu 4(4)a tal-liġi Nru 401/89 mad-dritt Komunitarju. Hija ssaqsi jekk l-għanijiet ta’ ordni pubbliku invokati mill-Corte suprema di cassazione jippermettix li jiġu ġġustifikati r-restrizzjonijiet in kwistjoni.
28 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Larino ddeċieda li jissospendi l-proċedura quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
"Il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab teżamina jekk ir-regola prevista fl-Artikolu 4(4)a tal-liġi Nru 401/89 hijiex konformi mal-prinċipji stabbiliti mill-Artikolu 43 [KE] et seq kif ukoll 49 [KE] dwar l-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi transfruntalieri, fid-dawl ukoll tad-diverġenza ta’ interpretazzjoni li tirriżulta mid-deċiżjonijiet tal-Qorti [...] (b’mod partikolari fis-sentenza tagħha Gambelli et [, iċċitata]) b’relazzjoni mad-deċiżjoni tal-Corte suprema di cassazione, Sezioni Unite [fil-kawża Gesualdi]; qed jintalab b’mod partikolari li tiġi ddeterminata l-applikabbiltà fl-Istat Taljan ta’ reġim ta’ sanzjonijiet previsti fl-akkuża u invokati kontra M. Placanica."
It-talbiet għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunale di Teramo (kawżi C‑359/04 u C‑360/04)
29 L-Għassa tal-pulizija ta’ Atri, li takkuża lill-C. Palazzese u A. Sorricchio li eżerċitaw attività organizzata sabiex tiffaċilita l-ġbir ta’ mħatri mingħajr konċessjoni jew awtorizzazzjoni tal-pulizija, ipproċediet bis-sekwestru kawtelatorju tas-sedi u t-tagħmir tagħhom fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 4(4)a tal-liġi Nru 401/89. Wara li l-prosekutur pubbliku kkonvalida s-sekwestri, C. Palazzese u A. Sorricchio ressqu rikors kull wieħed kontra dawn il-miżuri ta’ sekwestru quddiem it-Tribunale di Teramo.
30 Din il-qorti tqis li r-restrizzjonijiet imposti fuq il-kumpanniji b’kapitali kkwotati fis-swieq regolati li pprekludewhom, fl-1999, milli jipparteċipaw fl-aħħar sejħiet għal offerti fiż-żmien għall-għoti tal-konċessjonijiet biex jeżerċitaw attivitajiet ta’ mħatri, huma inkompatibbli mal-prinċipji tad-dritt Komunitarju peress li huma joperaw diskriminazzjoni lejn l-operaturi mhux Taljani. Konsegwentement, bħal fil-każ tat-Tribunale di Larino, l-imsemmija qorti kellha dubji fir-rigward tal-bażi tajba tas-sentenza Gesualdi.
31 F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Teramo ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
"It-Tribunale [di Teramo] għandu bżonn ikun jaf b’mod partikolari jekk [l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 43 KE u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 49 KE] jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lill-Istati Membri li jidderogaw temporanjament (għal perijodu ta’ bejn sitta u tnax-il sena) mis-sistema tal-libertà ta’ stabbiliment u libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni Ewropea u li jilleġiżlaw kif ġej, mingħajr ma jipperikolaw il-prinċipji Komunitarji msemmija iktar ’il fuq:
– li jattribwixxu lil xi persuni konċessjonijiet għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ għoti ta’ servizzi stabbiliti, għal terminu ta’ minn sitta sa tnax-il sena, fuq il-bażi ta’ sistema normattiva li kienet wasslet sabiex teskludi mill-aġġudikazzjoni ċerti tipi ta’ konkorrenti (mhux Taljani);
– wara temenda din is-sistema ġuridika, wara li tkun ħadet in kunsiderazzjoni n-non konformità tagħha mal-prinċipji msemmija fl-Artikoli 43 [KE] u 49 [...] KE, sabiex tippermetti fil-futur il-parteċipazzjoni fl-aġġudikazzjoni operaturi li kienu sabu ruħhom preċedentement esklużi;
– mingħajr madankollu tirrevoka l-konċessjonijiet għall-attività mogħtija taħt il-kappa tas-sistema ġuridika preċedenti, b’hekk meqjus li jmur kontra, kif rajna, il-prinċipji tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u lanqas għall-organizzazzjoni ta’ aġġudikazzjoni ġdida konformi mar-regoli ġodda li josservaw l-imsemmija prinċipji;
– min-naħa l-oħra jkomplu jippersegwixxu kriminalment kull persuna li taġixxi ma’ operaturi li, [filwaqt li huma] awtorizzati jeżerċitaw attività bħal din fl-Istat Membru li minnu joriġinaw, madankollu ma setgħux jitolbu konċessjoni għall-attività proprju minħabba restrizzjonijiet imposti mis-sistema preċedenti ta’ għoti ta’ konċessjonijiet, li wara ġiet irrevokata."
32 Permezz ta’ l-ewwel digriet tal-president tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Ottubru 2004, il-kawżi C‑359/04 u C‑360/04 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza. Permezz tat-tieni digriet tal-president tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 2006, il-kawża C‑338/04 ġiet magħquda mal-kawżi C‑359/04 u C‑360/04 għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.
Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari
33 Fil-kawża C‑338/04, il-gvernijiet kollha, bl-eċċezzjoni tal-gvern Belġjan, ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, li fihom ikkontestaw l-ammissibbiltà tad-domanda magħmula. Għal dak li jikkonċerna l-kawżi C‑359/04 u C‑360/04, il-gvern Taljan u Spanjol iqajmu l-kwistjoni ta’ l-ammissibbiltà tad-domanda magħmula. Għal dak li jirrigwarda l-kawża C‑338/04, il-gvern Portugiż u Finlandiż isostnu li d-deċiżjoni tar-rinviju tat-Tribunale di Larino ma għandhiex informazzjoni suffiċjenti sabiex tiġi permessa tagħti risposta peress li, skond il-gvern Taljan, Ġermaniż, Spanjol u Franċiż, id-domanda magħmula tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali u mhux id-dritt Komunitarju u konsegwentement tistieden lill-Qorti tippronunzja ruħha fuq il-kompatibbiltà tan-normi tad-dritt intern mad-dritt Komunitarju. Il-gvern Taljan u Spanjol jesprimu riżervi identiċi għal dak li jikkonċerna l-ammissibbiltà tad-domanda magħmula fil-kawżi C‑359/04 u C‑360/04.
34 Peress li din hija informazzjoni li għandha tiġi mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ deċiżjoni tar-rinviju, jeħtieġ li jiġi mfakkar li din l-informazzjoni ma sservix biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utili, iżda li huma għandhom ukoll jagħtu lill-gvernijiet ta’ l-Istati Membri, kif ukoll lill-partijiet l-oħra interessati, il-possibbiltà li jippreżentaw l-osservazzjonijiet skond l-Artikolu 23 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li, għal dawn il-finijiet, huwa, minn naħa, neċessarju li l-imħallef nazzjonali jiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jaqgħu d-domandi li huwa jagħmel jew li, għall-inqas, huwa jispjega s-sitwazzjonijiet fattwali li fuqhom dawn id-domandi huma bbażati. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tar-rinviju għandha tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-imħallef nazzjonali jitlob l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju u għaliex iqis neċessarju li jistaqsi d-domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan il-kuntest, huwa indispensabbli li l-imħallef nazzjonali jagħti spjegazzjonijiet minimi fuq ir-raġunijiet ta’ l-għażla tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li tagħhom huwa jitlob l-interpretazzjoni u dwar ir-rabta li huwa jistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et, C‑320/90 sa C‑322/90, Ġabra p. I‑393, punt 6; tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et, C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, Ġabra p. I‑10423, punti 45 sa 47; kif ukoll tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C‑506/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 38 u 39).
35 Id-deċiżjoni tar-rinviju tat-Tribunale di Larino (kawża C‑338/04) tissodisfa dawn l-eżiġenzi. Fil-fatt, sa fejn il-kuntest ġuridiku nazzjonali kif ukoll l-argumenti invokati mill-partijiet huma essenzjalment identiċi għall-kuntest li fih tidħol is-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, riferiment għal din is-sentenza kien suffiċjenti sabiex tippermetti kemm lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll lill-gvernijiet ta’ l-Istati Membri u partijiet oħra interessati jidentifikaw is-suġġett tal-kawża prinċipali.
36 Għal dak li jikkonċerna l-qsim tar-responsabbiltajiet fil-kuntest tas-sistema ta’ kooperazzjoni stabbilita mill-Artikolu 234 KE, huwa veru li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tappartjeni lill-qrati nazzjonali u mhux lill-Qorti tal-Ġustizzja, u mhijiex din l-aħħar imsemmija li trid tippronunzja ruħha, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa taħt dan l-Artikolu, fuq il-kompatibbiltà tan-normi tad-dritt intern mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti li tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni rilevanti tad-dritt Komunitarju li jippermetti lil din tevalwa l-kompatibbiltà tan-normi tad-dritt intern mal-leġiżlazzjoni Komunitarja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C‑55/94, Ġabra p. I‑4165, punt 19, kif ukoll Wilson, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 u 35).
37 F’dan ir-rigward, l-avukat ġenerali ġustament irrileva, fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kontenut litterali tad-domanda magħmula għal deċiżjoni preliminari mit-Tribunale di Larino (kawża C‑338/04) tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tippronunzja ruħha fuq il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni tad-dritt intern mad-dritt Komunitarju. Madankollu, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tirrispondi għal din id-domanda kif ġiet ifformulata, xejn ma jwaqqafha milli tagħti risposta xierqa lill-qorti tar-rinviju billi tagħtiha l-elementi ta’ interpretazzjoni rilevanti tad-dritt Komunitarju li jippermettilha tiddeċiedi hi stess fuq il-kompatibbiltà tad-dritt intern mad-dritt Komunitarju.
38 Id-domanda preliminari magħmula mit-Tribunale di Teramo (C‑359/04 u C‑360/04), fir-rigward ta’ dawn, tidentifika bi preċiżjoni l-effetti ta’ serje ta’ interventi leġiżlattivi nazzjonali u ssaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn l-effetti mat-trattat KE. Konsegwentement, din id-domanda ma titlobx lill-Qorti tal-Ġustizzja tippronunzja ruħha fuq l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali jew fuq il-kompatibbiltà ta’ din mad-dritt Komunitarju.
39 Konsegwentement, id-domandi magħmula jridu jiġu ddikjarati ammissibbli.
Fuq id-domandi preliminari
40 Jirriżulta mill-atti mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja li operatur li jixtieq jeżerċita, fl-Italja, attività fis-settur tal-logħob ta’ l-ażżard għandu jkun konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tippreżenta l-karatteristiċi segwenti, jiġifieri:
– l-obbligu li jkollu konċessjoni;
– metodu ta’ attribuzzjoni ta’ l-imsemmija konċessjonijiet, permezz ta’ sejħa għal offerti li jeskludu ċerti tipi ta’ operaturi u, b’mod partikolari, il-kumpanniji li fihom l-azzjonisti individwali ma kinux identifikabbli fi kwalunkwe ħin;
– l-obbligu li jkollu awtorizzazzjoni tal-pulizija, u
– sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ l-inosservanza tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni.
41 Permezz tad-domandi magħmula, li jeħtieġ li jiġu eżaminati f’daqqa, il-qrati tar-rinviju essenzjalment jistaqsu jekk l-Artikoli 43 KE u 49 KE jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-logħob ta’ l-ażżard, bħal dak fil-kawżi prinċipali, sa fejn miżura bħal din ikollha karatteristiċi bħal dawn.
42 Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawżi prinċipali tinkludi, fis-sens li hija tipprojbixxi – taħt piena ta’ sanzjonijiet kriminali – l-eżerċizzju ta’ attivitajiet fis-settur tal-logħob ta’ l-ażżard fin-nuqqas ta’ konċessjoni jew ta’ awtorizzazzjoni tal-pulizija maħruġa mill-Istat, ta’ restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59, u d-dispożittiv).
43 Minn naħa, ir-restrizzjonijiet imposti fuq intermedjarji bħalma huma l-akkużati fil-kawża prinċipali jammontaw għal xkiel għal-libertà ta’ stabbiliment tal-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, bħal Stanley, li jsegwu l-attività ta’ ġbir ta’ mħatri fl-Istati Membri l-oħra permezz ta’ l-intermedjazzjoni ta’ organizzazzjoni ta’ aġenziji, bħal ĊTI mmexxija mill-akkużat fil-kawża prinċipali (ara s-sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).
44 Min-naħa l-oħra, il-projbizzjoni imposta fuq intermedjarji bħall-akkużat fil-kawża prinċipali li tiffaċilita l-għoti ta’ servizzi ta’ mħatri fuq avvenimenti sportivi organizzati minn fornitur, bħal Stanley, stabbilit fi Stat Membri ieħor bħal dak li fih dawn l-intermedjarji jeżerċitaw l-attività tagħhom, jammonta għal restrizzjoni tad-dritt ta’ l-imsemmi fornitur għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u dan anki jekk l-intermedjarji huma stabbiliti fl-istess Stat Membru bħad-destinatarji ta’ l-imsemmija servizzi (sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).
45 F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk ir-restrizzjonijiet in kwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux ikunu ammessi bħala miżuri derogatorji espressament previsti fl-Artikoli 45 KE u 46 KE jew ġustifikati, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali (sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).
46 F’dan ir-rigward, ċertu numru ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bħall-għan ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, ta’ prevenzjoni tal-frodi u ta’ l-inċitazzjoni taċ-ċittadini għal nefqa eċċessiva marbuta mal-logħob kif ukoll tal-prevenzjoni ta’ problemi ta’ ordni soċjali in ġenerali ġew ammessi mill-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-24 ta’ Marzu 1994, Schindler, C‑275/92, Ġabra p. I‑1039, punti 57 sa 60; tal-21 ta’ Settembru 1999, Läärä et, C‑124/97, Ġabra p. I‑6067, punti 32 u 33; Zenatti, iċċitata iktar ’il fuq, punti 30 u 31, kif ukoll Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67).
47 F’dan il-kuntest, il-karatteristiċi ta’ ordni morali, reliġjuża jew kulturali, kif ukoll il-konsegwenzi moralment u finanzjarjament dannużi għall-individwu u għas-soċjetà li huma relatati mal-logħob u l-imħatri jistgħu jkunu ta’ natura li jiġġustifikaw l-eżistenza favur l-awtoritajiet nazzjonali ta’ poter diskrezzjonali suffiċjenti sabiex jiġu ddeterminati l-ħtiġijiet li jinkludu l-protezzjoni tal-konsumatur u ta’ l-ordni soċjali (sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).
48 F’dan ir-rigward, jekk l-Istati Membri huma liberi li jiffissaw l-għanijiet tal-politika tagħhom fil-qasam tal-logħob ta’ l-ażżard u, skond il-każ, li jiġi ddefinit bi preċiżjoni l-livell ta’ protezzjoni mfitxxija, ir-restrizzjonijiet li huma jimponu għandhom madankollu jissodisfaw il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti f’dak li jikkonċerna l-proporzjonalità tagħhom.
49 Konsegwentement, jeħtieġ li jiġi eżaminat separatament għal kull wieħed mir-restrizzjonijiet imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod partikolari jekk hijiex xierqa sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ l-għan jew ta’ l-għanijiet invokati mill-Istat Membru in kwistjoni u jekk din tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq. Fi kwalunkwe każ, dawn ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu applikati b’mod mhux diskriminatorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Gebhard, iċċitati iktar ’il fuq punt 37, Gambelli et, punti 64 u 65, kif ukoll tat-13 ta’ Novembru 2003, Lindman, C‑42/02, Ġabra p. I‑13519, punt 25).
Fuq il-ħtieġa ta’ konċessjoni
50 Sabiex ikun jista’ jaġixxi fis-settur tal-logħob ta’ l-ażżard fl-Italja, operatur għandu jkollu konċessjoni. Skond is-sistema tal-konċessjonijiet użati, in-numru ta’ operaturi huwa limitat. Għal dak li jikkonċerna l-aċċettazzjoni ta’ l-imħatri, in-numru ta’ konċessjonijiet u n-numru ta’ konċessjonijiet għall-aċċettazzjoni ta’ mħatri fuq il-kompetizzjonijiet taż-żwiemel numru huma limitati kull wieħed għal 1,000.
51 Jeħtieġ li jingħad mill-bidu li l-fatt li dan in-numru ta’ konċessjonijiet għaż-żewġ kategoriji, hekk kif jirriżulta mill-atti, meqjus li huwa "suffiċjenti" għat-territorju kollu nazzjonali fuq il-bażi ta’ stima speċifika fih innifsu ma jiġġustifikax ix-xkiel għal-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tirriżulta minn din il-limitazzjoni.
52 Għal dak li jikkonċerna l-għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw dawn ix-xkiel, trid issir distinzjoni fil-kuntest preżenti bejn, minn naħa, l-għan tat-tnaqqis ta’ l-okkazzjonijiet tal-logħob u, min-naħa l-oħra, sa fejn il-logħob ta’ l-ażżard huma awtorizzati, l-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità billi jissuġġetta l-operaturi attivi f’dan is-settur għal kontroll u billi jindirizza l-attivitajiet tal-logħob ta’ l-ażżard lejn ċirkwiti kkontrollati b’dan il-mod.
53 Fir-rigward ta’ l-ewwel tip ta’ għan, jirriżulta mill-ġurisprudenza li jekk ir-restrizzjonijiet ta’ numru ta’ operaturi jistgħu, fil-prinċipju, jiġu ġġustifikati, dawn ir-restrizzjonijiet għandhom fi kwalunkwe każ iwieġbu għal aspirazzjoni li verament jitnaqqsu l-okkażjonijiet tal-logħob u li jiġu limitati l-attivitajiet f’dan il-qasam b’mod koerenti u sistematiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Zenatti, punti 35 u 36, kif ukoll Gambelli et, punti 62 u 67).
54 Madankollu, huwa stabbilit, skond il-ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione, li l-leġiżlatur Taljan iħaddan politika espansiva fis-settur tal-logħob ta’ l-ażżard bl-iskop li jżid id-dħul fiskali u li l-ebda ġustifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Taljana ma tista’ toħroġ mill-oġġettivi tal-limitazzjoni tat-tendenza għal-logħob tal-konsumaturi jew tal-limitazzjoni ta’ l-offerta tal-logħob.
55 Fil-fatt, huwa t-tieni tip ta’ għan, jiġifieri dak li jitwaqqaf l-operat ta’ l-attivitajiet tal-logħob ta’ l-ażżard għal finijiet kriminali jew frawdolenti fiċ-ċirkwiti kontrollabbli, li huwa identifikat bħala l-għan reali tal-leġiżlazzjoni Taljana in kwistjoni f’dan il-każ fil-kawżi prinċipali kemm mill-Corte suprema di cassazione kif ukoll mill-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet tiegħu ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. F’din il-perspettiva, politika ta’ espansjoni kkontrollata fis-settur tal-logħob ta’ l-ażżard jista’ jkun kompletament koerenti ma’ l-għan li jinġibed il-lagħba li jeżerċitaw attivitajiet ta’ logħob u ta’ l-imħatri klandestini fihom infushom ipprojbiti lejn attivitajiet awtorizzati u rregolati. B’hekk, kif żvelaw b’mod partikolari l-gvernijiet Belġjan u Franċiż, sabiex jintlaħaq dan il-għan, l-operaturi awtorizzati għandhom jagħtu alternattiva affidabbli, iżda fl-istess waqt attraenti, għall-attività pprojbita, li fiha nnifisha tkun tista’ timplika l-offerta ta’ firxa estiża ta’ logħob, riklamar ta’ ċertu wesa’ u l-użu ta’ teknika ġdida ta’ distribuzzjoni.
56 Il-gvern Taljan barra minn hekk ikkwota elementi fattwali, bħalma huma b’mod partikolari investigazzjoni magħmula fis-settur tal-logħob u l-imħatri mis-sitt Kummissjoni permanenti (Finanzi u Teżor Pubbliku) tas-Senat Taljan. Din l-investigazzjoni kkonkludiet li l-attivitajiet tal-logħob u ta’ l-imħatri klandestini pprojbiti fihom infushom jammontaw għal problema kunsiderevoli fl-Italja li għaliha tista’ tingħata rimedju bl-espansjoni ta’ attivitajiet awtorizzati u rregolati. B’hekk, skond l-imsemmija investigazzjoni, nofs il-fatturat totali tas-settur tal-logħob ta’ l-ażżard fl-Italja huwa ġġenerat mill-attivitajiet illegali. Min-naħa l-oħra, huwa qies li huwa possibbli, bl-estensjoni ta’ l-attivitajiet tal-logħob u mħatri awtorizzati mil-liġi, li tiġi rkuprata mill-imsemmija attivitajiet illegali parti mill-fatturat ta’ ammont għall-inqas ekwivalenti għal dak iġġenerat mill-attivitajiet awtorizzati mil-liġi.
57 Fil-fatt f’dawn iċ-ċirkustanzi, sistema ta’ konċessjonijiet tista’ tkun mekkaniżmu effikaċi sabiex jippermetti li jiġu kkontrollati l-operaturi attivi fis-settur tal-logħob ta’ l-ażżard bl-iskop li jiġi pprevenut l-operat ta’ dawn l-attivitajiet għall-finijiet kriminali jew frawdolenti. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiddisponix minn elementi fattwali suffiċjenti sabiex tevalwa, fiha nnifisha l-limitazzjoni tan-numru globali tal-konċessjonijiet fir-rigward ta’ l-eżiġenzi li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju.
58 Huma l-qrati tar-rinviju li jridu jivverifikaw jekk, sa fejn hija tillimita n-numru ta’ operaturi li joperaw fis-settur tal-logħob ta’ l-ażżard, il-leġiżlazzjoni nazzjonali verament tilħaqx l-għan invokat mill-gvern Taljan, jiġifieri dak li jitwaqqaf it-twettiq ta’ l-attivitajiet f’dan is-settur għall-finijiet kriminali jew frawdolenti. Minbarra dan, huma l-qrati tar-rinviju li jridu jivverifikaw jekk dawn ir-restrizzjonijiet jissodisfawx il-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dak li jikkonċerna l-proporzjonalità tagħhom.
Fuq is-sejħiet għal offerti
59 It-Tribunale di Teramo (kawżi C‑359/04 u C‑360/04) jsostni espliċitament l-esklużjoni tal-kumpanniji b’kapitali, li fihom l-azzjonisti individwali ma kinux identifikabbli f’kull mument, u b’hekk tat-totalità tal-kumpanniji kkwotati fis-swieq irregolati, mis-sejħiet għal offerti għall-għoti ta’ konċessjonijiet. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej irrilevat li din ir-restrizzjoni għandha bħala konsegwenza li teskludi minn dawn is-sejħiet għal offerti l-akbar operaturi Komunitarji fis-settur tal-logħob ta’ l-ażżard, operaturi li huma stabbiliti taħt forma ta’ kumpanniji b’kapitali li l-ishma tagħhom huma kkwotati fis-swieq irregolati.
60 Preliminarjament, jeħtieġ li jingħad li l-kwistjoni tal-legalità tal-kundizzjonijiet imposti fil-kuntest tas-sejħa għal offerti ta’ l-1999 hija l-bogħod milli tkun bla skop mill-emendi leġiżlattivi li seħħew fl-2002, li ppermettew lill-kumpanniji kollha b’kapitali, mingħajr ebda limitazzjoni fir-rigward tal-forma tagħhom, li jipparteċipaw għas-sejħiet għal offerti fid-dawl ta’ attribuzzjoni ta’ konċessjonijiet. Fil-fatt, hekk kif jirrileva t-Tribunale di Teramo, peress li l-konċessjonijiet mogħtija fl-1999 kienu jiswew għal perijodu ta’ sitt snin u jistgħu jiġġeddu għal perijodu ġdid ta’ sitt snin, u li l-ebda sejħa ġdida għal offerti ma kienet prevista fil-frattemp, l-esklużjoni mis-settur tal-logħob ta’ l-ażżard tal-kumpanniji b’kapitali kkwotati fis-swieq irregolati kif ukoll ta’ l-intermedjarji bħall-akkużati fil-kawża prinċipali li jkunu jistgħu jaġixxu f’isem kumpanniji bħal dawn tirriskja li tipproduċi l-effetti tagħha sa’ l-2011.
61 Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, anki jekk l-esklużjoni mis-sejħiet għal offerti hija applikabbli għall-kumpanniji b’kapitali kollha kkwotati fis-swieq irregolati mingħajr ebda distinzjoni, li jistgħu jkunu interessati fil-konċessjonijiet, kemm jekk stabbiliti fl-Italja jew fi Stat Membru ieħor, sa fejn in-nuqqas ta’ operaturi barranin fost il-konċessjonarji huwa dovut għal-fatt li l-leġiżlazzjoni Taljana fil-qasam tas-sejħiet għal offerti teskludu, fil-prattika, il-possibbiltà għall-kumpanniji b’kapitali kkwotati fis-swieq irregolati ta’ Stati Membri oħra li jiksbu konċessjonijiet, il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tas-sejħa għal offerti tikkostitwixxi, fl-ewwel lok, restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment (sentenza Gambelli et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48).
62 Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-esklużjoni tal-kumpanniji b’kapitali kkwotati fis-swieq irregolati huwiex applikabbli, fil-fatt, bl-istess mod għall-operaturi stabbiliti fl-Italja u għal dawk minn Stati Membri oħra, din l-esklużjoni totali tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan li jiġu evitati li l-operaturi attivi fis-settur tal-logħob ta’ l-ażżard ma jkunux implikati f’attivitajiet kriminali jew frawdolenti. Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 125 tal-konklużjonijiet tiegħu, jeżistu mezzi oħra sabiex jiġu kkontrollati l-kontijiet u l-attivitajiet ta’ l-operaturi fis-settur tal-logħob ta’ l-ażżard filwaqt li tiġi limitata mill-inqas il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu provduti servizzi, bħal, dak li jikkonsisti fil-ġbir ta’ informazzjoni fuq ir-rappreżentanti tagħhom jew l-azzjonisti prinċipali tagħhom. Din il-kostatazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li l-leġiżlatur Taljan ħaseb li seta’ jirrevoka kompletament l-imsemmija esklużjoni mil-liġi finanzjarja għall-2003 mingħajr madankollu ma jissostitwixxiha b’miżuri restrittivi oħra.
63 Għal dak li jikkonċerna l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-illegalità ta’ l-esklużjoni ta’ ċertu numru ta’ operaturi mis-sejħiet għal offerti fid-dawl ta’ l-attribuzzjoni tal-konċessjonijiet eżistenti, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali li għandu jipprovdi l-modalitajiet proċedurali li jassiguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li l-operaturi joħorġu mill-effett dirett tad-dritt Komunitarju, madankollu bil-kundizzjoni li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw is-sitwazzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li huma ma jirrendux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku komunitarja (prinċipju ta’ effettività) (ara s-sentenzi ta’ l-20 ta’ Settembru 2001 Courage u Crehan C‑453/99, Ġabra p. I‑6297, punt 29 kif ukoll tad-19 ta’ Settembru 2006, i-21 Germany u Arcor, C-392/04 u C-422/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 57). Kemm revoka u r-riattribuzzjoni tal-konċessjonijiet antiki kif ukoll is-sejħa ġdida għal numru adegwat ta’ konċessjonijiet ġodda jistgħu jkunu soluzzjonijiet xierqa f’dan ir-rigward. Madankollu, jeħtieġ li jiġi kkostatat, fi kwalunkwe każ, li, fin-nuqqas ta’ proċedura ta’ għoti ta’ konċessjonijiet miftuħa għal operaturi li kienu ġew illegalment esklużi mill-possibbiltà li jibbenefikaw minn konċessjoni fl-aħħar sejħa għal offerti, in-nuqqas ta’ konċessjoni ma tistax tkun is-suġġett ta’ sanzjonijiet fil-konfront ta’ operaturi bħal dawn.
64 L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom għalhekk jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawżi prinċipali, li teskludi u barra minn hekk tkompli teskludi mis-settur tal-logħob ta’ l-ażżard operaturi stabbiliti taħt il-forma ta’ kumpanniji b’kapitali li fihom l-ishma huma kkwotati fis-swieq irregolati.
Fuq il-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni tal-pulizija
65 Il-ħtieġa li l-operaturi attivi fis-settur tal-logħob ta’ l-ażżard kif ukoll il-postijiet minn fejn joperaw ikunu suġġetti għal verifika inizjali kif u għal sorveljanza tkompli tikkontribwixxi b’mod ċar għall-għan li jiġi evitat li dawn l-operaturi ma jkunux implikati f’attivitajiet kriminali jew frawdolenti u jidher li hija miżura ċertament proporzjonata għal dan l-għan.
66 Madankollu, jirriżulta mill-atti li l-akkużati fil-kawża prinċipali kienu lesti li jiksbu l-awtorizzazzjonijiet tal-pulizija u li jissuġġettaw ruħhom għal kontroll bħal dan u għal sorveljanza bħal din. Fil-fatt, peress li l-awtorizzazzjonijiet tal-pulizija huma mogħtija biss lill-proprjetarji ta’ konċessjoni, kien ikun impossibbli għall-akkużati fil-kawża prinċipali li jkollhom awtorizzazzjonijiet bħal dawn. F’dan ir-rigward, jirriżulta wkoll mill-atti li C. Palazzese u A. Sorricchio kienu, qabel ma bdew l-attivitajiet tagħhom, talbu lill-awtorizzazzjonijiet tal-pulizija skond l-Artikolu 88 tad-digriet irjali, iżda li t-talbiet tagħom kienu baqgħu mingħajr eżitu.
67 Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 123 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-proċedura ta’ ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet mill-pulizija hija, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ivvizzjata minħabba difetti identifikati iktar ’il fuq li jaffettwaw il-ħruġ ta’ konċessjonijiet. In-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni tal-pulizija ma tistax, konsegwentement u fi kwalunkwe każ, tiġi imputata lil persuni bħalma huma l-akkużati fil-kawża prinċipali, li ma setgħux jiksbu awtorizzazzjonijiet bħal dawn minħabba l-fatt li l-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni bħal din kienet tippresupponi l-attribuzzjoni ta’ konċessjoni minnha l-imsemmija persuni ma setgħux jibbenefikaw bi ksur tad-dritt Komunitarju.
Fuq is-sanzjonijiet kriminali
68 Jekk, bħala prinċipju, il-leġiżlazzjoni kriminali hija kompetenza ta’ l-Istati Membri, hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt Komunitarju jimponi limiti għal dik il-kompetenza, leġiżlazzjoni bħal din ma tistax, fil-fatt, tirrestrinġi l-libertajiet fundamentali garantiti mid-dritt Komunitarja (ara s-sentenza tad-19 ta’ Jannar 1999, Calfa, C‑348/96, Ġabra p. I‑11, punt 17).
69 Minbarra dan jirriżulta mill-ġurisprudenza li Stat Membru ma jistax japplika sanzjoni kriminali għal formalità amministrattiva mhux sodisfatta meta twettiq ta’ dik il-formalità hija rifjutata jew magħmula impossibbli mill-Istat Membru kkonċernat bi ksur tad-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1983, Rienks, 5/83, Ġabra p. 4233, punti 10 u 11).
70 Madankollu, jidher li persuni bħall-akkużati fil-kawża prinċipali, fil-kwalità tagħhom ta’ ġestjonarji ta’ ĊTI marbuta ma’ kumpannija li torganizza mħatri, li hija kkwotata fis-swieq irregolati u hija stabbilita fi Stat Membru ieħor, ma jistgħu bl-ebda mod ikollhom il-konċessjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet tal-pulizija meħtieġa mil-leġiżlazzjoni Taljana peress li, bi ksur tad-dritt Komunitarju, ir-Repubblika Taljana tissuġġetta l-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni tal-pulizija għall-possessjoni ta’ konċessjoni u li, fl-epoka ta’ l-aħħar sejħa għal offerti tal-kawżi prinċipali, dan l-Istat Membru kien irrifjuta li jagħti konċessjonijiet lill-kumpanniji kkwotati fis-swieq irregolati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika Taljana ma tistax tapplika sanzjonijiet kriminali għall-eżerċizzju ta’ attività organizzata ta’ ġbir ta’ mħatri mingħajr konċessjoni jew awtorizzazzjoni tal-pulizija lill-persuni bħal dawk akkużati fil-kawża prinċipali.
71 Konsegwentement jeħtieġ li jiġi kkostatat jekk l-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawżi prinċipali, li timponi sanzjoni kriminali fuq persuni bħal dawk akkużati fil-kawża prinċipali għaliex wettqu attività organizzata ta’ ġbir ta’ mħatri fin-nuqqas ta’ konċessjoni jew ta’ awtorizzazzjoni tal-pulizija meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali meta dawn il-persuni ma kellhomx dawn il-konċessjonijiet jew awtorizzazzjonijiet minħabba rifjut ta’ dan l-Istat Membru, bi ksur tad-dritt Komunitarju, li dawn jiġu konċessi lilhom.
72 Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi magħmula hekk:
1) Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ ġbir, aċċettazzjoni, ta’ reġistrazzjoni u ta’ trażmissjoni tal-proposti ta’ mħatri, b’mod partikolari fuq l-avvenimenti sportivi, fin-nuqqas ta’ konċessjoni jew ta’ awtorizzazzjoni tal-pulizija mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat, tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi previsti rispettivament fl-Artikoli 43 KE u 49 KE.
2) Huma l-qrati tar-rinviju li għandhom jivverifikaw jekk, sa fejn hija tillimita n-numru ta’ l-operaturi fir-rigward tas-settur tal-logħob ta’ l-ażżard, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tilħaqx verament il-għan li jitwaqqaf l-operat ta’ l-attivitajiet f’dan is-settur għal finijiet kriminali jew frawdolenti.
3) L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawżi prinċipali, li teskludi u li tkompli teskludi mis-settur tal-logħob ta’ l-ażżard operaturi stabbiliti taħt forma ta’ kumpanniji b’kapitali li l-azzjonijiet tagħhom huma kkwotati fis-swieq irregolati.
4) L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawżi prinċipali, li timponi sanzjoni kriminali fuq persuni bħal dawk akkużati fil-kawżi prinċipali, talli jkunu eżerċitaw attività organizzata ta’ ġbir ta’ mħatri fin-nuqqas ta’ konċessjoni jew ta’ awtorizzazzjoni tal-pulizija meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, meta dawn il-persuni ma kellhomx l-imsemmija konċessjonijiet jew awtorizzazzjonijiet minħabba r-rifjut ta’ dan l-Istat Membru, bi ksur tad-dritt Komunitarju, li dawn jiġu konċessi.
Fuq l-ispejjeż
73 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ ġbir, aċċettazzjoni, ta’ reġistrazzjoni u ta’ trażmissjoni ta’ proposti ta’ mħatri, b’mod partikolari fuq avvenimenti sportivi, fin-nuqqas ta’ konċessjoni jew ta’ awtorizzazzjoni tal-pulizija mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat, tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi previsti rispettivament fl-Artikoli 43 KE u 49 KE.
2) Huma l-qrati tar-rinviju li għandhom jivverifikaw jekk, sa fejn hija tillimita n-numru ta’ operaturi fir-rigward tas-settur tal-logħob ta’ l-ażżard, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tilħaqx verament il-għan li jitwaqqaf l-operat ta’ l-attivitajiet f’dan is-settur għal finijiet kriminali jew frawdolenti.
3) L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li teskludi u li tkompli teskludi mis-settur tal-logħob ta’ l-ażżard operaturi stabbiliti taħt forma ta’ kumpannija b’kapitali li l-azzjonijiet tagħhom huma kkwotati fis-swieq irregolati.
4) L-Artikoli 43 KE u 49 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li timponi sanzjoni kriminali fuq persuni bħal dawk akkużati fil-kawżi prinċipali, talli jkunu eżerċitaw attività organizzata ta’ ġbir ta’ mħatri fin-nuqqas ta’ konċessjoni jew ta' awtorizzazzjoni tal-pulizija meħtieġa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, meta dawn il-persuni ma kellhomx l-imsemmija konċessjonijiet jew awtorizzazzjonijiet minħabba r-rifjut ta’ dan l-Istat Membru, bi ksur tad-dritt Komunitarju, li dawn jiġu konċessi.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.