SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

11 ta' Lulju 2006(*)

"Ħalib u prodotti tal-ħalib – Regolament (KE) Nru 2535/2001 – Butir tan-New Zealand – Proċeduri ta' liċenzji ta' importazzjoni – Ċertifikat Inward Monitoring Arrangement (IMA 1)"

Fil-kawża C-313/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni ta' l-24 ta' Ġunju 2004, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta' Lulju 2004, fil-kawża

Franz Egenberger GmbH Molkerei und Trockenwerk

vs

Bundesanstalt für Landwirtschaft und Ernährung,

fil-preżenza ta':

Fonterra (Logistics) Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u J. Malenovský, Presidenti ta' Awla, J.-P. Puissochet, R. Schintgen, N. Colneric, J. Klučka, U. Lõhmus, E. Levits (Relatur) u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta' Settembru 2005,

wara li qieset l-osservazzjonijiet imressqa:

–       għal Franz Egenberger GmbH Molkerei und Trockenwerk, minn C. Bittner u J. Gündisch, Rechtsanwälte,

–       għall-Bundesanstalt für Landwirtschaft und Ernährung, minn K.-D. Lutz, Verwaltungsangestellter,

–       għal Fonterra (Logistics) Ltd, minn E. Gibson-Bolton, solicitor, A. Rinne, Rechtsanwalt, C. Firth u C. Humpe, solicitors,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn C. Schulze-Bahr, bħala aġent,

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, S. Ramet u A. Colomb, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Pollakk, minn T. Nowakowski, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn C. Cattabriga, F. Erlbacher u F. Hoffmeister, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-1 ta' Diċembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 25(1) u ta' l-Artikolu 35(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2535/2001, ta' l-14 ta' Diċembru 2001, li jipprovdi regoli dettaljati biex ikun applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 rigward l-arranġamenti ta’ l-importazzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib u biex jinfetħu kwoti tat-tariffa (ĠU L 341, p. 29).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija Ġermaniża Franz Egenberger GmbH Molkerei und Trockenwerk (iktar 'il quddiem "Egenberger") u l-Bundesanstalt für Landwirtschaft und Ernährung (Awtorità federali Ġermaniża għall-agrikoltura u għan-nutrizzjoni, iktar 'il quddiem il-"BLE") dwar il-ħruġ ta' liċenzja ta' importazzjoni għal butir min-New Zealand b'dazju mnaqqas.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

 Ir-Regolament Nru 1255/1999

3       L-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 1255/1999 tal-Kunsill (KE), tas-17 ta' Mejju 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 160, p. 48), jipprovdi li l-importazzjoni ġewwa l-Komunità ta’ kull wieħed mill-prodotti elenkati fl-Artikolu 1 ta' l-imsemmi Regolament – fosthom il-butir – huwa suġġett għall-preżentazzjoni ta' liċenzja ta' l-esportazzjoni.

4       L-Artikolu 26(2) ta' l-istess Regolament jipprovdi kif ġej:

"Il-liċenzji jistgħu jinħargu mill-Istati Membri lil kull applikant, irrispettivament mill-post ta' stabbiliment fil-Komunità […]

Il-liċenzji ta' importazzjoni u ta’ l-esportazzjoni għandhom ikunu validi fil-Komunità kollha. Dawn il-liċenzji għandhom jinħarġu soġġetti għall-preżentazzjoni ta’ sigurtà li tiggarantixxi li l-prodotti jiġu importati jew esportati matul it-terminu tal-validità tal-liċenzja; minbarra f’każijiet ta' forza maġġuri, is-sigurtà għandha titqies li tintilef għal kollox jew parzjalment jekk l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ma ssirx, jew issir b'mod parzjali, f'dak il-perjodu."

5       Skond l-Artikolu 26(3)(c) ta' dan ir-Regolament, ir-regoli dettaljati l-oħra għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

6       L-Artikolu 29(2) tar-Regolament Nru 1255/1999 jistabbilixxi l-metodi li jistgħu jiġu applikati għall-amministrazzjoni tal-kwoti tat-tariffa u jispeċifika li dawn għandhom jevitaw kull diskriminazzjoni bejn l-operaturi kkonċernati.

 Ir-Regolament Nru 2535/2001

7       L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 2535/2001 jipprovdi:

"Il-liċenzji ta’ l-importazzjoni għall-prodotti mniżżla fl-Anness III bir-rata tad-dazju indikata jinħarġu biss mal-preżentazzjoni taċ-ċertifikat ta’ l-IMA [Inward Monitoring Arrangement] li jikkorrispondi, għall-kwantità netta totali indikata fih."

8       F'dan ir-rigward, l-Anness III ta' l-imsemmi Regolament jistabbilixxi l-volum tal-kwota u r-rata tad-dazji dwar l-importazzjoni għall-butir li ġej min-New Zealand. Barra minn hekk, mid-disa' premessa ta' l-istess Regolament jirriżulta li ċ-ċertifikat IMA, maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati ta' esportazzjoni, jiċċertifika li l-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà għal dazju mnaqqas tal-prodotti importati fi ħdan il-Komunità Ewropea huma sodisfatti.

9       Skond l-Artikolu 32(2) tar-Regolament Nru 2535/2001, ċertifikat IMA 1 għandu jkun validu biss jekk jinħareġ mill-korp tal-pajjiż esportatur imsemmi fl-Anness XII. Rigward in-New Zealand, l-imsemmi anness jindika bħala korp tal-ħruġ, il-Food Assurance Authority (Awtorità ta' Sorveljanza ta' l-Ikel) fi ħdan il-ministeru ta' l-Agrikoltura u tal-Foresti. Barra minn hekk, l-Anness IV ta' dan l-istess Regolament jistabbilixxi l-metodi ta' kontroll tal-piż u tal-kontenut tax-xaħam tal-butir tan-New Zealand u l-kundizzjonijiet ta' stabbiliment u ta' verifika taċ-ċertifikat IMA 1 f'dak li jikkonċerna dan il-prodott.

10     Mill-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 2535/2001 jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 34 sa 42 ta' dan ir-Regolament japplikaw għall-butir tan-New Zealand. L-Artikolu 35(2) ta' l-imsemmi Regolament jipprovdi:

"Applikazzjonijiet għal-liċenzji ta’ l-importazzjoni jistgħu jintefgħu biss fir-Renju Unit.

Ir-Renju Unit għandu jissorvelja ċ-ċertifikati kollha ta’ l-IMA 1 maħruġa, kanċellati, emendati, korretti, jew li dwarhom inħarġu kopji. Għandu jiżgura li l-kwantità totali li għalihom inħarġu l-liċenzji ta’ l-importazzjoni ma jaqbżux il-kwota ta’ kull sena ta’ importazzjoni."

 Il-leġiżlazzjoni ta' l-Organizzazzjoni dinjija tal-kummerċ

11     Il-paragrafu 1(a) ta' l-Artikolu XVII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tat-30 ta' Ottubru 1947, fil-verżjoni tiegħu applikabbli mill-1 ta' Marzu 1969 (iktar 'il quddiem il-"GATT") jipprovdi:

"Kull parti kontraenti timpenja ruħha li, jekk hija twaqqaf jew iżżomm intrapriża Statali, f'kwalunkwe post, jew jekk hija tagħti lil intrapriża, formalment jew bħala fatt, privileġġi esklużivi jew speċjali, din l-intrapriża għandha tikkonforma, fix-xiri u fil-bejgħ tagħha li jinvolvi importazzjonijiet jew esportazzjonijiet, mal-prinċipji ġenerali ta' non-diskriminazzjoni preskritti minn dan il-Ftehim għall-miżuri leġiżlattivi jew amministrattivi li jikkonċernaw l-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet li jsiru minn kummerċjanti privati." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12     Skond l-Artikolu 1(3) tal-Ftehim dwar proċeduri ta' liċenzji ta' importazzjoni anness mal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni dinjija tal-kummerċ ta' l-1994 (iktar 'il quddiem l-"WTO"), adottat fil-kuntest tan-negozjati multilaterali tal-Laqgħa ta' l-Uruguay (1986 – 1994) (ĠU L 336, p. 151), ir-regoli rigward il-proċeduri ta' liċenzji ta' importazzjoni għandhom jiġu applikati b'newtralità u amministrati b'mod ġust u ekwu.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13     Permezz ta' liġi dwar ir-ristrutturar ta' l-industrija tal-ħalib (Dairy Industry Restructuring Act 2001, iktar 'il quddiem il-"liġi ta' l-2001") li daħlet fis-seħħ fis-27 ta' Settembru 2001, il-leġiżlatur tan-New Zealand ta liċenzja esklużiva għall-esportazzjoni ta' butir min-New Zealand b'dazju mnaqqas fl-Unjoni Ewropea lil New Zealand Dairy Board (iktar 'il quddiem l-"NZDB"), li riċentement ingħaqdet ma' produtturi oħra tal-ħalib biex saret Fonterra Cooperative Group Ltd (iktar 'il quddiem "Fonterra"), aġenzija kooperattiva ta' kummerċjalizzazzjoni taħt il-liġi ta' New Zealand. Il-liġi ta' l-2001 tipprojbixxi kull ċessjoni ta' din il-liċenzja ta' esportazzjoni lil terzi. Fonterra tesporta l-butir tan-New Zealand lejn l-Unjoni Ewropea, esklużivament permezz l-intermedjarju ta' NZMP Logistics (iktar 'il quddiem "NZMP"), kumpannija sussidjarja oħra fost il-kumpanniji sussidjarji tagħha u li hija stabbilita fir-Renju Unit. Minn dan jirriżulta li NZMP hija l-importatur esklużiva tal-butir tan-New Zealand b'dazju mnaqqas fl-Unjoni Ewropea.

14     F'dan ir-rigward, il-proċedura ta' importazzjoni tista' tiġi deskritta kif ġej: iċ-ċertifikat IMA 1 jinħareġ mill-Food Assurance Authority lil NZDP li tittrasferieh lil NZMB, wara li tkun biegħet lilha l-butir. Din is-sussidjarja tippreżenta applikazzjoni għal liċenzja ta' importazzjoni skond ir-Regolament Nru 2535/2001, flimkien maċ-ċertifikat IMA 1, fir-Renju Unit, timporta l-butir tan-New Zealand fl-Unjoni Ewropea, terġa' tbiegħu mingħajr dazju u suġġett għal tassazzjoni, u b'hekk tirċievi d-differenza bejn il-prezz ma' l-importazzjoni u l-ogħla prezz Komunitarju

15     Fil-25 ta' Awwissu 2003, Egenberber ippreżentat, quddiem il-BLE, applikazzjoni għal liċenzja ta' importazzjoni għal butir tan-New Zealand b'dazju mnaqqas. B'deċiżjoni tat-2 ta' Ottubru 2003, il-BLE irrifjutat din l-applikazzjoni għar-raġuni li Egenberger ma kinitx ippreżentat quddiemha ċertifikat IMA 1 u li applikazzjoni għal liċenzja ta' importazzjoni għal butir tan-New Zealand b'dazju mnaqqas tista' tiġi ppreżentata biss fir-Renju Unit.

16     Egenberger ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main billi sostniet li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2535/2001 imorru kontra l-Artikolu 28 KE, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 34(2) KE u l-Artikolu 82 KE. Egenberger tfakkar, f'dan ir-rigward, li hija diġà kienet ippreżentat offerta ta' bejgħ ta' butir tan-New Zealand lil Fonterra f'April 2001. Madankollu, din l-offerta kienet ġiet irrifjutata għar-raġuni li Fonterra kienet tesporta butir b'dazju mnaqqas fl-Unjoni Ewropea biss permezz ta' l-intermedjarju ta' NZMP. Għaldaqstant, kien impossibbli għal Egenberger li tikseb iċ-ċertifikat IMA 1 mitlub jew li tixtri butir għal skopijiet ta' importazzjoni.

17     Il-qorti tar-rinviju għandha l-istess dubji espressi minn Egenberger rigward il-validità ta' l-Artikolu 35(2) u l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 2535/2001. F'dan ir-rigward, hija tibbaża l-argumentazzjoni tagħha fuq erba' punti.

18     L-ewwel nett, din il-qorti ssostni, minn naħa, li l-Artikolu 35(2) tar-Regolament Nru 2535/2001 imur kontra t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 34(2) KE, inkwantu huwa jippermetti lill-importaturi potenzjali ta' butir tan-New Zealand li huma stabbiliti fir-Renju Unit li jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom għal liċenzja ta' importazzjoni quddiem l-awtoritajiet ta' amministrazzjoni tas-swieq ta' l-Istat tagħhom filwaqt li l-importaturi l-oħra kollha għandhom jippreżentaw tali applikazzjoni fi Stat Membru ieħor, jiġifieri r-Renju Unit. Dan iwassal, għal dawn l-importaturi, għal spejjeż supplementari u effett dissważiv b'mod partikolari fil-konfront ta' l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tmur kontra l-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1255/1999 li jipprovdi li l-liċenzja ta' importazzjoni għandhom jinħarġu minn kull Stat Membru.

19     Min-naħa l-oħra, l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 2535/2001 ukoll imur kontra l-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni prevista fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 34(2) KE u l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Nru 1255/1999, inkwantu huwa għandu l-effett li jeskludi, fil-prattika, l-importaturi potenzjali kollha ta' butir tan-New Zealand fil-kuntest tal-kwota ta' esportazzjoni b'dazju mnaqqas, ħlief NZMP, l-unika intrapriża li tista' tikseb ċertifikat IMA 1.

20     It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tqis li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tar-Regolament Nru 2535/2001 imorru kontra l-Artikolu 28 KE.

21     Hija tqis, minn naħa, li l-Artikolu 35(2) ta' l-imsemmi Regolament irendi l-aċċess għall-kwota ta' importazzjoni ta' butir tan-New Zealand b'dazju mnaqqas aktar diffiċli għall-intrapriżi li mhumiex stabbiliti fir-Renju Unit u b'hekk jillimita l-kummerċ liberu fi ħdan il-Komunità.

22     Min-naħa l-oħra, l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 25(1) ta' l-istess Regolament jillimita ċ-ċirkulazzjoni tal-butir tan-New Zealand fi ħdan il-Komunità, minħabba l-aġir anti-kompetittiv ta' Fonterra li tirrifjuta l-bejgħ ta' dan il-prodott b'dazju mnaqqas lil importaturi oħra minbarra NZMP.

23     It-tielet nett, il-qorti tar-rinviju ssostni li l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 2535/2001 idaħħal fid-dritt Komunitarju l-leġiżlazzjoni tan-New Zealand li tagħti monopolju lil Fonterra f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-esportazzjoni ta' butir tan-New Zealand b'dazju mnaqqas. F'dan ir-rigward, din id-dispożizzjoni wkoll tmur kontra l-Artikolu 82(1) KE.

24     Fl-aħħar nett, fir-raba' lok, id-dispożizzjonijiet ikkontestati tar-Regolament Nru 2535/2001 imorru kontra l-Artikolu XVII 1 a, tal-GATT kif ukoll kontra l-Artikolu 1(3) tal-Ftehim dwar il-proċeduri ta' liċenzji ta' importazzjoni. Il-qorti tar-rinviju tqis, fil-fatt, li l-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2535/2001, li jimplementa impenji assunti fil-kuntest tal-WTO. B'hekk, skond il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tas-7 ta' Mejju 1991 (Nakajima vs Il-Kunsill, C-68/89, Ġabra p. I-2069), il-legalità ta' dan l-att tista' tiġi evalwata skond il-liġi tal-WTO applikabbli.

25     Minn naħa, bl-introduzzjoni tal-leġiżlazzjoni tan-New Zealand, li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-GATT, fid-dritt sekondarju Komunitarju, l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 2535/2001 imur kontra l-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni hekk kif previst fl-Artikolu XVII 1 a tal-GATT.

26     Min-naħa l-oħra, ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 35(2) u fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 2535/2001 ma huma la newtrali u lanqas adattati u għaldaqstant imorru kontra l-Artikolu 1(3) tal-Ftehim dwar il-proċeduri ta' liċenzji ta' importazzjoni.

27     Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Verwaltungsgericht Frankfurt am Main iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      L-Artikolu 35(2) tar-Regolament […] Nru 2535/2001 […] jikser id-dritt Komunitarju ta' livell superjuri, b'mod partikolari l-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u tal-miżuri li għandhom effett ekwivalenti għall-Artikolu 28 KE, il-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 34(2) KE kif ukoll l-Artikolu 26(2) tar-Regolament […] Nru 1255/1999 […] u huwa għaldaqstant invalidu?

2)       L-Artikolu 25(1) tar-Regolament […] Nru 2535/2001 […] jikser id-dritt Komunitarju ta' livell superjuri, b'mod partikolari l-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 34(2) KE u l-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni skond l-Artikolu 29(2) tar-Regolament […] Nru 1255/1999 […], skond l-Artikolu 28 KE, kif ukoll skond l-Artikolu 82(1) KE u huwa għaldaqstant invalidu?

3)       L-Artikolu 25(1) u l-Artikolu 35(2) tar-Regolament Nru 2535/2001 […] jiksru l-Artikolu XVII 1 a tal-GATT u l-Artikolu 1(3) tal-Ftehim dwar il-proċeduri tal-liċenzji ta' importazzjoni u huma għaldaqstant invalidi?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

28     Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, inkwantu huwa jipprovdi li applikazzjoni għal liċenzja ta' importazzjoni ta' butir tan-New Zealand għandha bilfors tiġi ppreżentata fir-Renju Unit, l-Artikolu 35(2) tar-Regolament Nru 2535/2001 huwiex invalidu minħabba li jmur kontra l-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni msemmi fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 34(2) KE, u l-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1255/1999 kif ukoll kontra l-prinċipju, msemmi fl-Artikolu 28 KE, ta' projbizzjoni tar-restrizzjonijiet kwantittativi fuq l-importazzjoni u tal-miżuri ta' effett ekwivalenti.

 Osservazzjonijiet imressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

29     Egenberger, il-BLE kif ukoll il-gvernijiet tal-Ġermanja, ta' Franza u tal-Polonja jsostnu li d-diskriminazzjoni in kwistjoni tikkonċerna l-metodu ta' amministrazzjoni tal-kwota ta' importazzjoni, jiġifieri l-post tal-preżentazzjoni ta' l-applikazzjonijiet (ir-Renju Unit) sabiex jinkiseb liċenzja ta' importazzjoni għal butir tan-New Zealand. Fil-fatt, huma jfakkru li għall-prodotti l-oħra li huma koperti mill-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib, applikazzjoni għal liċenzja ta' importazzjoni tista' ssir quddiem diversi korpi nazzjonali.

30     Fl-aħħar nett, il-fatt li għandha tiġi ppreżentata applikazzjoni għal liċenzja ta' importazzjoni fir-Renju Unit tpoġġi fi żvantaġġ l-operaturi ekonomiċi stabbiliti fi Stat Membru ieħor inkwantu tali eżiġenza twassal għal spejjeż supplementari fuq dawn l-operaturi. Madankollu xejn ma jiġġustifika tali differenza ta' trattament.

31     Fonterra u l-Kummissjoni jsostnu li, fil-qasam tal-politika agrikola, din ta' l-aħħar għandha setgħa diskrezzjonali wiegħsa. B'hekk, il-fatt li l-istess miżura għandha konsegwenzi differenti għal ċerti importaturi ma jikkostitwixxix diskriminazzjoni, jekk din il-miżura tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u adatti għall-bżonnijiet tat-tħaddim globali ta' l-organizzazzjoni komuni tas-swieq. F'dan ir-rigward, id-dispożizzjoni kkontestata għandha l-għan li tiggarantixxi bl-aħjar mod ir-regolarità ta' l-użu tal-kwota tat-tariffi kkonċernata u tiffaċilita s-sorveljanza tagħha.

32     L-inkonvenjenti li jirriżultaw minn din il-proċedura għall-importaturi potenzjali ta' butir tan-New Zealand, stabbiliti fi Stati Membri oħra, huma bil-ferm imnaqqsa, peress li r-Regolament Nru 2535/2001 jippermettilhom li jippreżentaw applikazzjoni fil-lingwa ta' l-għażla tagħhom u peress li l-ispejjeż relatati magħha mhumiex ogħla minn dawk relatati ma' relazzjonijiet kummerċjali normali. B'hekk, dan it-trattament differenti huwa oġġettivament iġġustifikat u ristrett għal dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

33     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 34(2) KE li jsemmi l-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni fil-kuntest tal-politika agrikola komuni, huwa biss l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta' ugwaljanza, li jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b'mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta' April 1997, EARL de Kerlast, C-15/95, Ġabra p. I-1961, punt 35; tat-13 ta' April 2000, Karlsson et, C-292/97, Ġabra p. I-2737, punt 39; tas-6 ta' Marzu 2003, Niemann, C-14/01, Ġabra p. I-2279, punt 49, u tat-30 ta' Marzu 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C-87/03 u C-100/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 48).

34     F'dan il-każ, ma jistax jiġi kkontestat li l-importaturi ta' butir tan-New Zealand stabbiliti fir-Renju Unit jinsabu f'pożizzjoni komparabbli ma' dik ta' l-importaturi stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

35     Madankollu, bl-impożizzjoni fuq dawn ta' l-aħħar li jippreżentaw l-applikazzjonijiet għal liċenzja ta' importazzjoni fi Stat Membru differenti minn dak fejn huma stabbiliti, l-Artikolu 35(2) tar-Regolament Nru 2535/2001 iwassal għal differenza ta' trattament bejn dawn l-importaturi potenzjali u dawk stabbiliti fir-Renju Unit. Fil-fatt, il-fatt li dawn l-importaturi għandhom jippreżentaw applikazzjoni fi Stat Membru ieħor għandu mnejn iwassal, fil-konfront tagħhom, għal diffikultajiet li l-importaturi stabbiliti fir-Renju Unit ma jiltaqgħux magħhom. F'dan ir-rigward, aktar mill-iskema lingwistika imposta b'dan il-mod, peress li l-formularji ta' applikazzjonijiet għal liċenzja huma disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha, huma aktar l-iżvantaġġi marbuta mal-proċedura amministrattiva u possibbilment kontenzjuża li huma involuti f'sistema amministrattiva u legali barranija li għandhom mnejn jpoġġi fi żvantaġġ l-importaturi stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li jiddiswaduhom milli jippreżentaw applikazzjoni għal liċenzja ta' importazzjoni.

36     Rigward l-argument imressaq mill-Kummissjoni u minn Fonterra li l-istħarriġ ġudizzjarju tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dispożizzjoni adottata mill-Kummissjoni fil-qasam tal-politika agrikola komuni huwa ristrett għall-eżami ta' żball manifest ta' evalwazzjoni jew ta' abbuż ta' poter jew ta' azzjoni ultra vires, għandu jiġi mfakkar li r-Regolament Nru 2535/2001 huwa bbażat fuq l-Artikoli 26(3) u 29(1) tar-Regolament Nru 1255/1999 u li l-Kunsill espliċitament wera fit-tieni paragrafu ta' l-imsemmi Artikolu 29 li l-metodi ta' amministrazzjoni tal-kwoti stabbiliti "għandhom jevitaw kull diskriminazzjoni bejn l-operaturi [k]konċernati".

37     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjoni kkontestata hijiex, hekk kif issostni l-Kummissjoni, oġġettivament iġġustifikata fl-interess li tiġi ggarantita r-regolarità ta' l-użu tal-kwoti u li tiġi ffaċilitata s-sorveljanza tagħhom.

38     Il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-oħra jitħallew joħorġu l-liċenzja ta' importazzjoni għal butir tan-New Zealand b'dazju mnaqqas ma jippermettix li jintlaħqu l-għanijiet li jiġġustifikaw il-limitazzjoni tal-kompetenza li jinħarġu dawn iċ-ċertifikati għal Stat Membru wieħed, peress li l-imsemmija għanijiet jistgħu jintlaħqu biss bl-iskema mwaqqfa permezz ta' l-Artikolu 35(2) tar-Regolament Nru 2535/2001.

39     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, għall-importazzjoni ta' prodotti agrikoli oħra, il-kompetenza tal-ħruġ tal-liċenzji ta' importazzjoni hija f'idejn l-awtoritajiet kompetenti ta' kull Stat Membru (ara, b'mod partikolari, rigward prodotti oħra tal-ħalib suġġetti għall-eżiġenza ta' ċertifikat IMA 1, is-sezzjoni 1 tal-Kapitolu III tat-Titolu 2 tar-Regolament Nru 2535/2001, kif ukoll l-Artikoli 11 sa 16 ta' l-imsemmi Regolament f'dak li għandu x'jaqsam mal-prodotti tal-ħalib li għalihom ebda ċertifikat IMA 1 m'hu mitlub). Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut li l-limitazzjoni tal-kompetenza li jinħarġu l-liċenzji ta' importazzjoni għal butir tan-New Zealand għal Stat Membru wieħed hija neċessarja għat-twettiq ta' l-għanijiet ta' regolarità ta' l-użu tal-kwoti u ta' l-iffaċilitar tas-sorveljanza.

40     Għaldaqstant, l-għan invokat mill-Kummissjoni ma jistax jiġġustifika l-inkonvenjenti, li jirriżultaw mill-eżiġenza li tiġi ppreżentata applikazzjoni għal liċenzja ta' importazzjoni fir-Renju Unit, imposti fuq l-operaturi ekonomiċi li mhumiex stabbiliti f'dan l-Istat Membru u lanqas, konsegwentement, id-differenza ta' trattament bejn importaturi li tirriżulta mill-Artikolu 35(2) tar-Regolament Nru 2535/2001.

41     Minn dan jirriżulta li din id-dispożizzjoni hija diskriminatorja u għaldaqstant hija tmur kontra t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 34(2) KE.

42     Għaldaqstant, u mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata risposta għall-partijiet l-oħra ta' l-ewwel domanda, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 35(2) tar-Regolament Nru 2535/2001 huwa invalidu safejn huwa jiddisponi li l-applikazzjonijiet għal liċenzja ta' importazzjoni għal butir tan-New Zealand b'dazju mnaqqas jistgħu jiġu ppreżentati biss quddiem l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit.

 Fuq it-tieni domanda

43     Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2535/2001 li jimplementaw l-arranġamenti ta' l-importazzjoni tal-butir tan-New Zealand b'dazju mnaqqas, jiġifieri l-Artikoli 25 u 32 ta' l-imsemmi Regolament, fid-dawl ta' l-Annessi III, IV u XII ta' dan l-istess Regolament, humiex invalidi minħabba li jmorru kontra l-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni hekk kif previst mit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 34(2) KE u l-Artikolu 29(2) KE tar-Regolament Nru 1255/1999, kif ukoll l-Artikoli 28 KE u 82 KE, inkwantu huma jinvolvu, fil-prattika, skema ta' amministrazzjoni tal-kwoti tat-tariffi ta' dan il-prodott li, bħalma huwa l-każ f'dawn iċ-ċirkustanzi, tillimita l-possibbiltà li tinkiseb liċenzja ta' importazzjoni għal intrapriża waħda

44     Egenberger kif ukoll il-gvernijiet tal-Ġermanja u tal-Polonja jsostnu li d-dispożizzjoni ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 2535/2001 tmur kontra l-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni prevista fit-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 34(2) KE. F'dan ir-rigward, Egenberger tenfasizza li din id-dispożizzjoni għandha l-effett li tiffavorixxi l-aġir antikompetittiv ta' Fonterra u li tinkoraġġixxi l-pożizzjoni dominanti tagħha, li jirriżulta f'diskriminazzjoni bejn l-importaturi Komunitarji potenzjali ta' butir tan-New Zealand u l-kumpannija sussidjarja Ewropea ta' Fonterra, NZMP.

45     Il-Kummissjoni u Fonterra jqisu li l-aġir allegatament antikompetittiv ta' din ta' l-aħħar ma jaqax, lanqas indirettament, taħt l-iskop ta' l-imsemmi Artikolu 25(1), peress li din id-dispożizzjoni ma tinkludi ebda diskriminazzjoni bejn l-importaturi Komunitarji potenzjali ta' butir tan-New Zealand b'dazju mnaqqas.

46     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 34(2) KE u l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Nru 1255/1999, huma l-espressjoni ta' prinċipju wieħed u identiku, jiġifieri dak ta' non diskriminazzjoni.

47     Mill-Artikoli 26(3) u 29 tar-Regolament Nru 1255/1999 jirriżulta li l-Kunsill ta lill-Kummissjoni l-kompitu li tistabbilixxi, in osservazza tal-prinċipju ta' non diskriminazzjoni, il-metodi ta' amministrazzjoni tal-kwota tat-tariffi ta' butir tan-New Zealand b'dazju mnaqqas.

48     F'din il-kwalità, il-Kummissjoni użat l-iskema ta' liċenzji ta' importazzjoni maħruġa fuq preżentazzjoni taċ-ċertifikati IMA 1. Skond id-disa' premessa tar-Regolament Nru 2535/2001, din l-iskema, li tgħid li l-pajjiż esportatur jagħti l-garanzija li l-prodotti esportati huma konformi mad-deskrizzjoni tagħhom, tissemplifika kunsiderevolment il-proċedura ta' importazzjoni.

49     Rigward il-butir tan-New Zealand, il-funzjoni ta' ħruġ taċ-ċertifikat IMA 1 għall-butir importat b'dazju mnaqqas fil-Komunità ġiet fdata, skond l-Anness XII tar-Regolament Nru 2535/2001, lill-Food Assurance Authority. Skond l-Artikolu 25(1) ta' l-imsemmi Regolament, liċenzja ta' importazzjoni għal butir tan-New Zealand b'dazju mnaqqas jinħareġ biss fuq preżentazzjoni ta' ċertifikat IMA 1 lill-awtoritajiet kompetenti.

50     Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha ċerta marġni ta' diskrezzjoni fl-għażla tal-mezzi amministrattivi li hija timplementa sabiex taqdi l-kompitu fdat lilha mill-Kunsill taħt l-Artikoli 26 u 29 tar-Regolament Nru 1255/1999.

51     Huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li tiggarantixxi l-osservazzjoni tal-prinċipju ta' non diskriminazzjoni f'din l-implementazzjoni, hekk kif inhu mfakkar mill-Artikolu 29(2) tar-Regolament Nru 1255/1999.

52     Huwa fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata l-kompatibbiltà mal-prinċipju ta' non diskriminazzjoni tas-sistema ta' ħruġ tal-liċenzji ta' importazzjoni għall-butir tan-New Zealand b'dazju mnaqqas implementata permezz tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati tar-Regolament Nru 2535/2001.

53     Skond l-Artikolu 24(1) tal-liġi ta' l-2001, NZDB tingħata liċenzja esklużiva għall-esportazzjoni ta' butir tan-New Zealand b'dazju mnaqqas lejn il-Komunità Ewropea. F'dan ir-rigward, NZDB hija l-unika intrapriża li tista' tiddisponi minn liċeznji ta' esportazzjoni u ċertifikati IMA 1 li jikkorrispondu mal-kwantità ta' butir esportat.

54     Huwa paċifiku li l-NZDB tbiegħ il-butir flimkien maċ-ċertifikati IMA 1 korrispondenti, bil-għan ta' l-importazzjoni tiegħu fil-Komunità, esklużivament lis-sussidjarja Ewropea tagħha, NZMP. Għaldaqstant, NZMB hija l-unika intrapriża li tista' timporta butir tan-New Zealand b'dazju mnaqqas.

55     Minkejja li l-għażla tal-proċedura taċ-ċertifikat IMA 1, hekk kif stabbilita permezz tar-Regolament Nru 2535/2001, tindirizza l-għanijiet ta' semplifikazzjoni tal-proċedura ta' importazzjoni u ta' garanzija aħjar ta' osservanza tal-kwoti tat-tariffi, tali metodu ta' amministrazzjoni ta' l-imsemmija kwoti ma jistax madankollu jippermetti l-esklużjoni mill-proċedura ta' importazzjoni ta' butir fil-Komunità ta' l-importaturi potenzjali kollha ta' dan il-prodott, ħlief intrapriża waħda, u jwassal għal diskriminazzjoni bejn dawn l-operaturi ekonomiċi.

56     Issa, l-iskema ta' importazzjoni tal-butir tan-New Zealand b'dazju mnaqqas hekk kif tirriżulta mill-Artikoli 25 u 32 tar-Regolament Nru 2535/2001, fid-dawl ta' l-Annessi III, IV u XII ta' dan l-istess Regolament, tippermetti tali diskriminazzjoni.

57     Fil-fatt, billi fdat il-funzjoni ta' ħruġ taċ-ċertifikati IMA 1 f'idejn l-awtoritajiet tan-New Zealand, meta l-liġi ta' l-2001 li tistabbilixxi monopolju ta' esportazzjoni favur l-NZDB kienet fis-seħħ, il-Kummissjoni ma adottatx il-miżuri meħtieġa sabiex timpedixxi diskriminazzjoni fil-ħruġ tal-liċenzji ta' importazzjoni, minkejja li tali obbligu ġie impost espliċitament fuqha taħt l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Nru 1255/1999.

58     Għaldaqstant, u mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata risposta għall-partijiet l-oħra tat-tieni domanda, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikoli 25 u 32 tar-Regolament Nru 2535/2001, moqrija flimkien ma' l-Annessi III, IV u XII ta' dan l-istess Regolament huma invalidi safejn huma jippermettu diskriminazzjoni fil-ħruġ tal-liċenzji ta' importazzjoni għall-butir tan-New Zealand b'dazju mnaqqas.

 Fuq it-tielet domanda

59     Fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel żewġ domandi, m'hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

 Fuq l-ispejjeż

60     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 35(2) tar-Regolament Nru 2535/2001 tal-Kummissjoni (KE), ta' l-14 ta' Diċembru 2001, li jipprovdi regoli dettaljati biex ikun applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 rigward l-arranġamenti ta’ l-importazzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib u biex jinfetħu kwoti tat-tariffa, huwa invalidu safejn huwa jiddisponi li l-applikazzjonijiet għal liċenzja ta' importazzjoni għal butir tan-New Zealand b'dazju mnaqqas jistgħu jiġu ppreżentati biss quddiem awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit.

2)      L-Artikoli 25 u 32 tar-Regolament Nru 2535/2001, moqrija flimkien ma' l-Annessi III, IV u XII ta' dan l-istess Regolament, huma invalidi safejn huma jippermettu diskriminazzjoni fil-ħruġ tal-liċenzji ta' importazzjoni għal butir tan-New Zealand b'dazju mnaqqas.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.