SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

16 ta' Novembru 2006 (*)

“Valur doganali – Kompjuters portabbli li fihom softwer ta' sistemi operattivi"

Fil-kawża C-306/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mil-Gerechtshof te Amsterdam (l-Olanda), permezz ta' deċiżjoni tat-13 ta' Lulju 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta' Lulju 2004, fil-proċedura

Compaq Computer International Corporation

vs

Inspecteur der Belastingdienst - Douanedistrict Arnhem,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, E. Juhász, K. Schiemann, M. Ilešič u E. Levits (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta' Settembru 2005,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       għal Compaq Computer International Corporation, minn R. Tusveld u G. van Slooten, belastingadviseurs,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H.G. Sevenster u D.J.M. de Grave, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn C.‑D. Quassowski, bħala aġent,

–       għall-Gvern Spanjol, minn M. Muñoz Pérez, bħala aġent,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn M. Bethell, bħala aġent, assistit minn P. Harris, barrister,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn X. Lewis, bħala aġent, assistit minn F. Tuytschaever, advocaat,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta' Jannar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Gerechtshof te Amsterdam, douanekamer (il-Qorti ta' l-Appell ta' Amsterdam, Tribunal tad-dwana), tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 32(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1, iktar 'il quddiem "il-Kodiċi Doganali").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Compaq Computer International Corporation (iktar 'il quddiem "CCIC") u l-inspecteur van de Belastingdienst ‑ Dwana distrett Arnhem (responsabbli mid-direzzjoni tad-dwani tad-distrett ta’ Arnhem, iktar 'il quddiem l-"awtoritajiet doganali") bis-suġġett ta' valur doganali ta' kompjuters portabbli mpoġġija fiċ-ċirkulazzjoni libera fil-Komunità Ewropea bejn l-1 ta' Jannar 1995 u l-31 ta' Diċembru 1997.

 Il-kuntest ġuridiku

3       L-Artikolu 29(1) tal-kodiċi doganali jipprevedi li:

"Il-valur doganali ta' merkanzija importata għandu jkun il-valur tat-tranżazzjoni, jiġifieri, il-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija meta tinbiegħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali tal-Komunità, aġġustat, fejn ikun meħtieġ, skond l-Artikoli 32 u 33, sakemm:

[…]

d)       li x-xerrej u l-bejjiegħ ma jiġux minn xulxin, jew, fejn ix-xerrej u l-bejjiegħ jiġu minn xulxin, dak il-valur tat-tranżazzjoni huwa aċċettabbli għall-iskopijiet doganali taħt il-paragrafu 2."

4       Skond il-paragrafu 2 ta' l-stess Artikolu, il-valur tat-tranżazzjoni bejn impriżi marbutin flimkien jista' jiġi aċċettat sakemm il-fatt li jorbot lill-impriżi kkonċernati flimkien ma jinfluwenzax il-prezz, jiġifieri li l-imsemmi valur joqrob ħafna lejn il-valur fis-suq, fl-istess ħin jew kważi fl-istess ħin, tal-merkanzija identika jew simili.

5       L-Artikolu 32 (1) ta' dan il-kodiċi jipprovdi li:

"Waqt li jkun qed jiġi stabbilit il-valur doganali taħt l-Artikolu 29, għandu jiżdied mal-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas għall-merkanzija importata:

[…]

b)      il-valur, imqassam kif xieraq, tal-merkanzija u servizzi fejn provduti direttament jew indirettament mix-xerrej mingħajr ħlas jew bi prezz imraħħas għall-użu fir-rigward tal-produzzjoni u bejgħ għall-esportazzjoni ta' merkanzija importanti, sal-punt illi dak il-valur ma jkunx ġie inkluż fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas:

i)      materjali, komponenti, partijiet u oġġetti simili inkorporati fil-merkanzija importata;

ii)      għodda, forom u oġġetti simili wzati fil-produzzjoni tal-merkanzija importata;

iii)      materjali kkonsmati fil-produzzjoni tal-merkanzija importata;

iv)      inġinerija, żvilupp, illustrazzjoni, xogħol ta' disinn, u pjanti u abbozzi, magħmula f'post ieħor barra l-Komunità u meħtieġa għall-produzzjoni tal-merkanzija importata;

c)      drittijiet ta' l-awtur u drittijiet ta' liċenzji li għandhom x'jaqsmu mal-merkanzija li qed tkun stmata li x-xerrej għandu jħallas, direttament jew indirettament, bħala kundizzjoni tal-bejgħ tal-merkanzija li qed tkun stmata, sal-punt li dawk id-drittijiet ta' l-awtur u drittijiet m'humiex inklużi fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas;

[…]"

6       Il-paragrafu 3 ta' l-istess Artikolu jipprevedi li, "[w]aqt li jkun qed jiġi stabbilit il-valur doganali, ebda żieda m'għandha ssir fil-prezz effettivament imħallas jew li għandu jitħallas ħlief kif ipprovdut f'dan l-Artikolu".

7       L-Artikolu 34 tal-kodiċi doganali jipprovdi li:

"[R]egoli speċifiċi jistgħu jiġu stipulati skond il-proċedura tal-kumitat [tal-kodiċi doganali] biex jistabbilixxu l-valur doganali tal-mezz tal-ġarr għall-użu f'apparat ta' l-ipproċessar tad-data u li jkun fiha data jew struzzjonijiet."

8       L-Artikolu 147 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU L 253, p. 1) kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1762/95 tad-19 ta' Lulju 1995 (ĠU L 171, p.8, iktar 'il quddiem ir-Regolament ta' applikazzjoni"), jipprevedi li:

"Għall-iskopijiet ta' l-Artikolu 29 tal-Kodiċi [doganali], il-fatt li l-merkanzija li hija s-suġġett ta' bejgħ hija dikjarati għal ċirkulazzjoni libera għandu jitqies bħala indikazzjoni adegwata li nbiegħet għal esportazzjoni lejn it-territorju doganali tal-Komunità. Fil-każ ta' bejgħ suċċessiv qabel l-istima, l-aħħar bejgħ biss, li wassal għall-introduzzjoni tal-merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità, jew bejgħ li sar fit-territorju doganali tal-Komunità qabel id-dħul għal ċirkulazzjoni ħielsa tal-merkanzija għandu jikkostitwixxi dik l-indikazzjoni.

Meta prezz ikun dikjarat li jirrelata għall-bejgħ li jsir qabel l-aħħar bejgħ li abbażi tiegħu l-merkanzija kienet introdotta fit-territorju doganali tal-Komunità, għandu jintwera għas-sodisfazzjoni ta' l-awtoritajiet doganali li dan il-bejgħ seħħ għall-esportazzjoni lit-territorju doganali in kwistjoni.

Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 178 sa 181(1) għandhom japplikaw.

[…]

3.      Ix-xerrej m'għandu bżonn jissodisfa ebda kundizzjoni ħlief li kien parti minn kuntratt ta' bejgħ."

9       L-Artikolu 167 tar-Regolament ta' applikazzjoni jippreċiża li:

"1.      Minkejja l-Artikoli 29 sa 33 tal-Kodiċi [tad-dwana], fid-determinazzjoni tal-valur doganali ta' supporti informatiċi importati li jkollhom data jew istruzzjonijiet għal użu fit-tagħmir għall-ipproċessar tad-data, biss il-kost jew il-valur tal-mezz ta' trasport proprju għandu jitqies. Il-valur doganali ta' supporti informatiċi importati li jkollhom data jew istruzzjonijiet m'għandhomx, għalhekk, jinkludu l-kost jew il-valur tad-data jew l-istruzzjonijiet, sakemm dan il-kost jew valur ikun distint mill-kost jew il-valur tas-support informatiku in kwistjoni.

2.      Għal finijiet ta' dan l-Artikolu:

a)      l-espressjoni 'support informatiku' m'għandiex tinftihem li tinkludi ċirkuwiti integrati, semikondutturi u tagħmir simili jew artikoli li jinkorporaw fihom dawk iċ-ċirkwiti jew tagħmir;

[…]"

10     L-Artikoli 178 sa 181(1) tar-Regolament ta' applikazzjoni jippreċiżaw, fost kollox, l-elementi u d-dokumenti li jridu jingħataw lill-awtortitajiet doganali għall-verifika tal-valur doganali ddikjarat.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domani preliminari

11     Il-kumpannija stabbilita taħt id-dirtt Olandiż CCIC, kumpannija sussidjarja ta' Compaq Computer Corporation (iktar 'il quddiem "CCC"), kumpannija stabbilita fl-Istati Uniti, tikkumerċjalizza t-tagħmir tat-trattament tad-data tat-trade mark Compaq fl-Ewropa u għal dan il-għan għandha ċentru ta' distribuzzjoni fl-Olanda.

12     Skond it-termini tal-kuntratt konkluż bejn CCC u Microsoft Corporation (iktar 'il quddiem "Microsoft"), il-kompjuters bit-trademark Compaq jistgħu jiġu mgħammra b'softwer li jirrigwarda s-sistemi operattivi MS‑Dos u MS Windows (iktar 'il quddiem is-"sistemi operattivi kkonċernati") u jinbigħu mill-ġdid b'dawn is-sistemi, bi ħlas lill-Microsoft tas-somma ta' 31 USD għal kull kompjuter mgħammar b'dawn is-sistemi operattivi.

13     CCC xtrat kompjuters portabbli mingħand żewġ produtturi Tajwaniżi. Fil-kuntest ta' dan il-bejgħ, ġie osservat li d-diski interni (hard disks) ta' dawn il-kompjuters se jkunu mgħammra bis-sistemi operattivi kkonċernati waqt il-kunsinna tagħhom. Għal dan il-għan, CCC poġġiet lil dawn ta' l-aħħar mingħajr spejjeż għad-dispożizzjoni ta' dawn il-produtturi, li installawhom fil-kompjuters.

14     CCC wara biegħet mill-ġdid lil CCIC il-kompjuters portabbli li ġew ittrasportati fob (free on board) mit-Tajwan lejn l-Olanda. Mall-wasla tagħhom, CCIC iddikjarat dawn il-kompjuters għaċ-ċirkulazzjoni libera tagħhom. Waqt id-determinazzjoni tal-valur doganali tagħhom, skond l-Artikolu 29 tal-kodiċi doganali, ittieħed in kunsiderazzjoni l-prezz tal-bejgħ mifthiem bejn il-produtturi Tajwaniżi u CCC, li ma kienx jinkludi l-valur tas-sistemi operattivi kkonċernati.

15     Fl-1999, il-Landelijk Waardeteam van de Douane (il-grupp doganali responsabbli mill-valur doganali) għamel investigazzjoni fic-CCIC sabiex jivverifika l-eżattezza tal-valur doganali ddikjarat tal-kompjuters ikkonċernati. Dan il-grupp qies li l-valur tas-sistemi operattivi kkonċernati installati f’dawn il-kompjuters, kellu jiġi inkluż fil-valur doganali. Wara din l-investigazzjoni, l-awtoritajiet doganali, abbażi ta' l-Artikolu 32(1)(b) tal-kodiċi doganali, żiedu l-valur doganali ddikjarat għal kull kompjuter għall-valur tas-sistemi operattivi kkonċernati mgħammra fihom u indirizzaw lic-CCIC żewġ inġunzjonijiet ta' ħlas li jirrigwardaw l-ammonti rispettivi ta' 438605.60 NLG u 2194982 NLG, dan l-aħħar ammont wara tnaqqas għal 353168.60 NLG, skond id-drittijiet doganali addizzjonali f'dak li jikkonċerna l-importazzjonijiet tal-kompjuters portabbli ddikjarati għaċ-ċirkulazzjoni libera pprattikata għal perijodu ta' l-1 ta' Jannar 1995 sal-31 ta' Diċembru 1997.

16     Tressaq appell quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam, ifformulat minn CCIC kontra d-deċiżjonijiet ta' l-awtoritajiet doganali li kienu rrifjutaw it-talbiet li hija ressqet kontra dawn l-inġunzjonijiet. Fil-kuntest ta' dan l-appell, il-Gerechtshof te Amsterdam tressqitilha d-domanda dwar jekk, għad-determinazzjoni tal-valur doganali, l-awtoritajiet doganali kienux ibbażaw iż-żieda tal-valur tat-tranżazzjoni tal-kompjuters portabbli fuq il-valur tas-sistemi operattivi kkonċernati li jgħammruhom abbażi ta' l-Artikolu 32(1)(b) tal-kodiċi doganali.

17     Wara li kkonstatat li l-kundizzjonijiet ta' applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni ġew sodisfatti fil-kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tqis illi s-sistemi operattivi, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża pendenti quddiemha, ma jikkonċernawx stricto sensu l-punti (i) sa (iii) ta' din id-dispożizzjoni. Madankollu, meta jittieħed in kunsiderazzjoni l-mod li bih ġew ippreżentati, b'mod aktar partikolari minħabba l-fatt li ġew inkorporati fil-kompjuters portabbli importati, din il-qorti tistaqsi jekk huwiex tajjeb li tieħu in kunsiderazzjoni l-valur ta' dawn is-sistemi sabiex tiddetermina l-valur doganali ta' dawn il-kompjuters fir-rigward tar-rata ta' l-Artikolu 32(1)(b) tal-kodiċi doganali.

18     F’dan il-kuntest, il-Gerechtshof te Amsterdam iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"Fil-każ ta' importazzjoni ta' kompjuters li l-bejjiegħ għammar sistemi operattivi, dan għandu, fid-dawl ta' l-Artikolu 32(1)(b) tal-kodiċi doganali, iżid il-valur tat-tranżazzjoni ta' dawn il-kompjuters bil-valur tas-softwer li x-xerrej poġġa mingħajr spejjeż għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ jekk dan l-aħħar valur ma jkunx ġie inkluż fil-valur tat-tranżazzjoni?"

 Fuq id-domanda preliminari

19     Preliminarjament, huwa tajjeb li jitfakkar li skond l-Artikolu 29(1) tal-kodiċi doganali, il-valur doganali tal-merkanzija importata huwa l-valur tat-tranżazzjoni tagħhom, jiġifieri l-prezz effettivament imħallas, jew li għad irid jitħallas għal merkanzija meta din tinbiegħ għall-esportazzjoni bid-destinazzjoni fit-territorju doganali tal-Komunità, f'dan il-każ, wara aġġustament skond id-dispożizzjonijiet pertinenti tal-kodiċi doganali.

20     Kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet imwettqa mill-qorti tar-rinviju, il-kompjuters in kwistjoni fil-kawża prinċipali kienu s-suġġett ta' żewġ tranżazzjonijiet suċċessivi, l-ewwel bejn il-produtturi Tajwaniżi u CCC, u t-tieni bejn CCC u CCIC.

21     Jirriżulta mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju li, matul il-proċedura doganali, CCIC iddikjarat il-valur tat-tranżazzjoni relattiv għall-ewwel bejgħ, li fih CCC hija x-xerrrejja u l-produtturi Tajwaniżi l-bejjiegħa, bħala l-valur doganali ta' dawn il-kompjuters.

22     Huwa kostanti li l-awtoritajiet doganali, sabiex jiddeterminaw il-valur doganali skond l-Artikolu 29 tal-kodiċi doganali, aċċettaw il-valur tat-tranżazzjoni tal-kuntratt bejn il-produtturi Tajwaniżi u CCC bħala bażi ta' evalwazzjoni, u li din id-determinazzjoni ma kinitx ikkontestata quddiem il-qorti tar-rinviju. F'ċirkustanzi bħal dawn, u kif jirriżulta mid-domanda preliminari stess, l-unika kwistjoni sottomessa lill-Qorti tal-Ġustizzja hija dik dwar jekk dan il-valur tat-tranżazzjoni għandux jiġi aġġustat bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 32(1)(b) tal-kodiċi doganali.

23     Filwaqt li l-gvernijiet kollha li ppreżentaw l-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja qiesu li dan l-aġġustament huwa neċessarju għal diversi aspetti, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, li tqis li t-tranżazzjoni bejn CCIC u CCC hija determinanti, issostni li l-Artikolu 32(1)(b) tal-kodiċi doganali huwa inapplikabbli u li l-aġġustament hekk previst ma kellux isir. CCIC waslet għall-istess konklużjoni, imma għal raġunijiet oħra. Din il-kumpannija qieset li s-sistemi operattivi kkonċernati ma jidħlu fl-ebda waħda mill-kategoriji ta' l-Artikolu 32(1)(b) ta' dan il-kodiċi. Hija tqis li din id-dispożizzjoni tikkonċernaw biss l-elementi materjali. Is-sistemi operattivi kkonċernati jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet relattivi għall-valur doganali sostenni informatiċi, jiġifieri ta' l-Artikolu 34 tal-kodiċi doganali u ta' l-Artikolu 167 tar-Regolament ta' applikazzjoni.

24     L-argument ta' CCIC u t-teżi tal-Kummissjoni li jeskludu l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 32(1)(b) tal-kodiċi doganali ma jistgħux jiġu segwiti.

25     Madankollu, jirriżulta, mill-Artikolu 167(2)(a) tar-Regolament li jimplimenta l-Artikolu 34 tal-kodiċi doganali, li l-merkanzija li kellha ċirkwiti integrati, semikondutturi jew dispożittvi simili hija eskluża mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-Artikolu 167.

26     Jirriżulta mill-konstatazzjonijiet imwettqa mill-qorti tar-rinviju li l-Artikoli 34 tal-kodiċi doganali u 167(1) tar-Regolament ta' applikazzjoni mhumiex applikabbli għal kawża prinċipali. Fil-fatt, skond dawn il-kostatazzjonijiet, is-sistemi operattivi kkonċernati, li huma softwer, ġew installati fuq il-diska interna tal-kompjuters importati, li din hija waħda mill-elementi kostituttivi ta' dawn il-kompjuters, li waħidha ma tikkostitwixxix il-prodott importat. Dawn il-kompjuters ma jistgħux jiġu mxebbħa ma' sempliċi sostenni informatiċi li jippermettu t-trasport ta' dan is-softwer safejn il-funzjoni prinċipali ta' dawn il-kompjuters tinsab fit-trattament tad-data u fejn huma għandhom dispożittivi li, skond l-Artikolu 167(2)(a) tar-Regolament ta' applikazzjoni, jeskludu l-kwalifika ta' sostenni informatiċi.

27     Jeħtieġ ukoll li jiġi enfasizzat li, skond il-punt 22 ta' din is-sentenza, sabiex tingħata risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju, id-determinazzjoni tal-valur tat-tranżazzjoni ma jkunx parti mill-eżami tal-Qorti tal-Ġustizzja.

28     Skond il-kliem tal-parti introduttiva ta' l-Artikolu 29(1) tal-kodiċi doganali, il-valur tat-tranżazzjoni huwa valur determinat "f'dan il-każ, wara aġġustament effetwat skond l-Artikoli 32 u 33 […]". B'"valur tat-tranżazzjoni", għalhekk wieħed irid ifisser valur aġġustat sabiex il-kundizzjonijiet ta' aġġustament jiġu sodisfatti. Konsegwentement, jekk l-awtoritajiet amministrattivi u ġuridiċi ta' Stat Membru aċċettaw bħala valur ta’ tranżazzjoni l-prezz iffissat fil-kuntest ta' bejgħ li jsir qabel l-aħħar bejgħ immedajtament qabel id-determinazzjoni tal-valur doganali, l-aġġustament għandu jopera, jekk neċessarju, fuq dan il-valur tat-tranżazzjoni.

29     Filwaqt li, sabiex tiddetermina valur doganali, il-prezz ta' bejgħ huwa ssostitwit minn dak li ġie applikat fil-kuntratt konkluż mill-bejjiegħ komunitarju, il-loġika tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni teżiġi li mhux dan il-prezz biss, imma wkoll r-relazzjoni kuntrattwali kollha għandha tittieħed in kunsiderazzjoni. Dan ifisser li, f'dan il-kuntest, għal finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 32(1)(b) tal-kodiċi doganali, "xerrej" tfisser l-impriża li kkonkludiet il-kuntratt li l-prezz ta' bejgħ tiegħu jikkostitwixxi l-valur tat-tranżazzjoni.

30     Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur doganali f'din il-kwistjoni fil-kawża prinċipali, jirriżulta minn ġurisprudenza li l-leġiżlazzjoni komunitarja dwar l-evalwazzjoni doganali tipprevedi li tistabbilixxi sistema ugwali, uniformi u newtrali li teskludi l-użu tal-valuri doganali arbitrarji jew fittizji (sentenzi tas-6 ta' Ġunju 1990, Unifert, C-11/89, Ġabra p. I-2275, punt 35, u tad-19 ta' Ottubru 2000, Sommer, C-15/99, Ġabra p. I-8989, punt 25). Il-valur doganali għandu għalhekk jirrifletti l-valur ekonomiku reali ta' merkanzija importata u, għalhekk, jieħu in kunsiderazzjoni l-elementi kollha ta' din il-merkanzija li jippreżentaw valur ekonomiku.

31     Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, softwer huwa oġġett ekonomiku immaterjali li l-ispejjeż ta' l-akkwist tiegħu, filwaqt li jiġi inkorporat f'merkanzija, għandhom jitqiesu li huma parti integrali tal-prezz imħallas jew li ser jitħallas għal din il-merkanzija u, għaldaqstant, tal-valur tat-tranżazzjoni (ara, f'dan is-sens, sentenza tat-18 ta' April 1991, Brown Boveri, C-79/89, Ġabra p. I-1853, punt 21).

32     Is-sistemi operattivi kkonċernati fil-kawża prinċipali huma softwer li tpoġġew b’xejn għad-dispożizzjoni tal-produtturi Tajwaniżi minn CCC, sabiex jiġu installati fuq id-diski interni tal-kompjuters waqt il-produzzjoni tagħhom. Huwa aktar kostanti li dan is-softwer għandhom valur ekonomiku unitarju ta' 31 USD li ma ġiex inkluż la fil-valur tat-tranżazzjoni bejn il-produtturi tajwaniżi u CCC lanqas f'dak tat-tranżazzjoni bejn CCC u CCIC.

33     Għalhekk jeħtieġ li jiġi konstatat li, f'ċirkustanzi bħal dawn, l-aġġustament tal-valur tat-tranżazzjoni huwa neċessarju.

34     Il-gvern Spanjol u tar-Renju Unit iqisu li s-softwer li fihom is-sistemi operattivi kkonċernati, bħala "materjali, komponenti, partijiet u oġġetti simili", jaqgħu taħt l-Artikolu 32(1)(b)(i), tal-kodiċi doganali, filwaqt li l-gvern Olandiż u Ġermaniż huma ta' l-opinjoni li dawn jaqgħu taħt punt (iv) ta' din id-dispożizzjoni, bħala "xogħlijiet ta' inġenjerija". Il-Gvern tar-Renju Unit madankollu ddikjara waqt is-seduta li huwa jista' jaqbel ma' din l-aħħar klassifikazzjoni.

35     Klassifikazzjoni bħal din ma ġietx mitluba mill-qorti tar-rinviju u mhijiex neċessarja sabiex tiġi deċiża l-kwistjoni fil-kawża prinċipali.

36     Minn naħa l-oħra, huwa tajjeb li jiġi kkonstatat, fid-dawl tal-kwalifika tal-kontenut tal-kuntratt bejn CCC u Microsoft, kwalifika li taqa' taħt il-kompetenza tal-qorti tar-rinviju, l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 32(1)(c) tal-kodiċi doganali tista' tittieħed in kunsiderazzjoni.

37     Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, hemm lok li r-risposta għad-domanda mressqa tkun li, meta l-importazzjoni ta' kompjuters li l-bejjiegħ għammar b' softwer li fih sistema jew iktar operattiva li x-xerrej poġġa b’xejn għad-dispożizzjoni tiegħu, huwa meħtieġ, skond l-Artikolu 32(1)(b) jew (c) tal-kodiċi doganali, sabiex jiġi determinat il-valur doganali ta' dawn il-kompjuters, li jiġi miżjud mall-valur tat-tranżazzjoni tagħhom il-valur ta' dan is-softwer jekk dan l-aħħar valur ma jkunx ġie inkluż fil-prezz effettivament imħallas jew li ser jitħallas għal dawn il-kompjuters.

38     Dan huwa wkoll rilevanti meta l-awtoritajiet nazzjonali jaċċettaw, in konformità mad-dirtt komunitarju, bħala valur tat-tranżazzjoni, prezz ta' bejgħ ieħor minn dak konkluż mix-xerrej komunitarju. F'każ bħal dan, skond l-Artikolu 32(1)(b) jew (c) tal-kodiċi doganali, bil-kelma "xerrej" wieħed irid ifisser ix-xerrej li kkonkluda dan il-bejgħ l-ieħor.

 Fuq l-ispejjeż

39     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

Meta l-importazzjoni ta' kompjuters li l-bejjiegħ għammar b'softwer li fih sistema jew iktar operattiva li x-xerrej poġġa b’xejn għad-dispożizzjoni tiegħu, huwa meħtieġ, skond l-Artikolu 32(1)(b) jew (c) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità tal-kodiċi doganali, sabiex jiġi determinat il-valur doganali ta' dawn il-kompjuters, li jiġi miżjud mal-valur tat-tranżazzjoni tagħhom il-valur ta' dan is-softwer jekk dan l-aħħar valur ma jkunx ġie inkluż fil-prezz effettivament imħallas jew li ser jitħallas għal dawn il-kompjuters.

Dan huwa wkoll rilevanti meta l-awtoritajiet nazzjonali jaċċettaw, in konformità mad-dritt komunitarju, bħala valur tat-tranżazzjoni, prezz ta' bejgħ ieħor minn dak konkluż mix-xerrej komunitarju. F'każ bħal dan, skond l-Artikolu 32(1)(b) jew (c) tar-Regolament Nru 2913/92, bil-kelma "xerrej" wieħed irid ifisser ix-xerrej li kkonkluda dan il-bejgħ l-ieħor.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.