SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

11 ta’ Jannar 2007 *

« "Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 1 u 2(1) tar-Regolament (KEE) Nru 3577/92 – Trasport – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Kabotaġġ marittimu – Servizz ta’ rmonk f’baħar miftuħ"

Fil-kawża C-251/04,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fl-14 ta’ Ġunju 2004,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Zavvos u K. Simonsson, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn A. Samoni u S. Chala, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, R. Schintgen, P. Kūris, J. Klučka (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Mejju 2006,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-14 ta’ Settembru 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi ppermettiet biss lil bastimenti li jtajru l-bandiera Griega sabiex jipprovdu servizzi ta’ rmonk f’baħar miftuħ, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92, tas-7 ta’ Diċembru 1992, li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU L 364, p. 7).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

 Ir-Regolament Nru 3577/92

2       It-tielet u r-raba’ premessa tar-Regolament Nru 3577/92 huma fformulati kif ġej:

"[…] l-abolizzjoni ta’ restrizzjonijiet dwar l-għoti ta’ servizzi ta’ trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri hi meħtieġa biex ikun stabbilit suq intern; […] s-suq intern għandu jkun fih żona li fiha l-moviment liberu ta’ oġġetti, persuni, servizzi u kapital hu assigurat;

[…] għalhekk il-libertà biex jiġu pprovduti s-servizzi għandha tkun applikata għat-trasport marittimu ġewwa Stati Membri."

3       Skond Skond l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 3577/92, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport marittimu fi ħdan Stat Membru tapplika, mill-1 ta’ Jannar 1993, "għal proprjetarji ta’ vapuri tal-Komunità li jkollhom il-vapuri tagħhom irreġistrati fi, u jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru, sakemm dawn il-vapuri jkunu konformi mal-kundizzjonijiet kollha biex jagħmlu kabotaġġ f’dak l-Istat Membru".

4       L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi "servizzi ta’ trasport marittimu ġewwa Stat Membru (kabotaġġ marittimu)" bħala s-"servizzi normalment ipprovduti għal remunerazzjoni u għandhom b’mod partikolari jinkludu:

a)      kabotaġġ fl-art ewlenija: il-ġarr ta’ passiġġieri jew oġġetti bil-baħar bejn portijiet li jinstabu fuq l-art ewlenija jew it-territorju prinċipali ta’ l-istess Stat Membru mingħajr waqfien fi gżejjer;

b)      servizzi ta’ forniment off-shore: il-ġarr ta’ passiġġieri jew oġġetti bil-baħar bejn xi port fi Stat Membru u stallazzjonijiet jew strutturi li jinsabu fuq l-estenzjoni maritima kontinentali ta’ dak l-Istat Membru;

ċ)      kabotaġġ tal-gżejjer: il-ġarr ta’ passiġġieri jew oġġetti bil-baħar bejn:

–      portijiet li jinstabu fuq l-art ewlenija u fuq waħda jew aktar mill-gżejjer ta’ l-istess Stat Membru,

–        portijiet li jinstabu fuq il-gżejjer ta’ l-istess Stat Membru".

 Ir-Regolament Nru 4055/86

5       Skond l-Artikolu 1(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4055/86 tat-22 ta’ Diċembru 1986, li japplika l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi tat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ĠU L 378, p. 1):

"[…] għandhom jitqiesu bħala "servizzi tat-trasport marittimu bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi" meta dawn normalment isiru għal skopijiet ta’ rimunerazzjoni:

a)      servizzi ta’ tbaħħir intra-Komunitarji:

it-trasport ta’ passiġġieri jew merkanzija bil-baħar bejn kwalunkwe port ta’ Stat Membru u kwalunkwe port jew l-istallazzjoni lil hinn mill-kosta ta’ Stat Membru ieħor;

b)      traffiku lejn pajjiżi terzi:

it-trasport ta’ passiġġieri jew merkanzija bil-baħar bejn il-portijiet ta’ Stat Membru u l-portijiet jew l-istallazzjonijiet lil hinn mill-kosta ta’ Stat Membru ieħor."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6       L-Artikolu 11(1)(b), (aa) u (bb) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 187/73, fid-dawl tal-Kodiċi tad-dritt marittimu pubbliku (iktar ‘il quddiem il-"KDMP"), jirriżerva l-operazzjonijiet ta’ rmonk ta’ kull natura, speċifikati fl-Artikolu 188 tal-KDMP, kif ukoll l-assistenza fil-baħar u l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ marittimu, imfissra fl-Artikolu 189 ta’ dan il-kodiċi, għal bastimenti li jtajru l-bandiera Griega, meta dawn jitwettqu fi u bejn l-ibħra territorjali ta’ dan l-Istat Membru.

7       Skond l-Artikolu 188(2) tal-KDMP, l-awtoritajiet tal-port adottaw regolament portwali li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ tal-liċenzja ta’ rmonk portwali, ir-regolament ta’ rmonk, il-każijiet ta’ rmonk obbligatorju, id-drittijiet ta’ rmonk fl-ibħra tal-portijiet u ta’ l-irmiġġi kif ukoll ta’ kull bżonn ieħor. Skond il-paragrafu 3 ta’ l-istess Artikolu, il-firxa tad-dritt ta’ rmonk, it-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ rmonk minn bastimenti oħra okkażjonalment jew fil-każ ta’ urġenza, id-drittijiet korrispondenti għall-irmonkaturi jew bastimenti oħra li jtajru bandiera barranija kif ukoll kull sitwazzjoni oħra marbuta huma ddeterminati b’Digriet Presidenzjali.

8       Dawn l-awtorizzazzjonijiet ġew implementati b’mod partikolari fl-Artikolu 1(1) tad-Digriet Presidenzjali Nru 45/83, dwar l-irmonk ta’ bastimenti, li jippreċiża li "t-twettiq ta’ rmonk professjonali bejn żewġ punti li jinsabu fl-ibħra territorjali Griegi kif ukoll il-provvista ta’ kull servizz marbut direttament ma’ din l-operazzjoni huma rriżervati lil bastimenti Griegi awtorizzati bħala rmonkaturi skond il-leġiżlazzjoni fis-seħħ, li jkollhom għal dan il-għan liċenzja maħruġa mill-awtoritajiet tal-port kompetenti […]", kif ukoll fl-Artikolu 4(2)(b) tar-regolament ġenerali tal-portijiet, stabbilit mill-kap tal-pulizja portwali Griega, li jipprevedi li l-proprjetarju ta’ vapur, li japplika għal liċenzja bħal din, għandu jikkomunika lill-awtoritajiet tal-port ċertifikat ta’ nazzjonalità.

9       Skond l-Artikolu 3 tad-Digriet Presidenzjali Nru 45/83, l-irmonkaturi jew bastimenti oħra li jtajru bandiera barranija huma awtorizzati:

"a)      jittrakkaw f’kull port Grieg jew f’kull punt tal-kosta Griega meta jirmunkaw bastiment, vapur awżiljarju jew kull mezz ieħor li jżomm f’wiċċ il-baħar li l-irmonk tiegħu beda f’port barrani jew f’kull post fil-kosta ta’ Stat barrani jew f’ibħra internazzjonali,

b)      jieħdu a karigu l-irmonk, minn kull port Grieg jew minn kull post fuq il-kosta Griega, ta’ bastiment jew kull mezz ieħor li jżomm f’wiċċ il-baħar lejn port f’pajjiż barrani jew minn kull punt fil-kosta ta’ Stat barrani jew f’ibħra internazzjonali,

ċ)      jaqsmu l-ibħra territorjali Griegi meta, filwaqt li jkunu ġejjin minn port barrani jew minn kull punt tal-kosta ta’ Stat barrani jew f’ibħra internazzjonali, jirmonkaw bastiment, vapur awżiljarju jew kull mezz ieħor li jżomm f’wiċċ il-baħar u jkunu sejrin lejn port barrani jew lejn kull punt fil-kosta ta’ Stat barrani jew lejn ibħra internazzjonali […]".

 Il-proċedura prekontenzjuża

10     Billi qieset li r-Repubblika Ellenika kienet naqset mill-obbligi tagħha skond l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 3577/92, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu prevista fl-Artikolu 226 KE.

11     Wara li l-Kummissjoni tat lir-Repubblika Ellenika l-possibbiltà li tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha, fis-27 ta’ Lulju 2002, hija indirizzat opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru, li fiha stiednet lil dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu magħha fi żmien xahrejn min-notifika tagħha.

12     Il-Gvern Grieg irrisponda lill-imsemmija opinjoni motivata permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Novembru 2002. Billi qieset li din ir-risposta ma kinitx sodisfaċenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

13     Fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet jikkonċentraw prinċipalment fuq tliet punti, jiġifieri jekk il-lista fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 3577/92 hijiex eżawrjenti jew le, in-natura legali ta’ l-irmonk fid-dritt Grieg, u l-opportunità li jiddistingwu bejn l-irmonk f’żona portwali u dik ‘il barra minn din iż-żona sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

14     L-ewwel nett, minkejja li l-Kummissjoni tammetti li s-servizz ta’ rmonk mhuwiex espliċitament inkluż fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 3577/92 bħala "servizz ta’ trasport marittimu", hija tqis li l-lista magħmula f’din id-dispożizzjoni hija biss indikattiva, peress illi hija introdotta bil-kliem "b’mod partikolari". Konsegwentement, għandhom jiġu kkwalifikati bħala "kabotaġġ marittimu" s-servizzi kollha tat-trasport marittimu li huma normalment ipprovduti bi ħlas. L-irmonk jikkorrispondi għall-elementi kollha ta’ din it-tifsira.

15     Il-Gvern Grieg isostni, għall-kuntrarju, li l-kelma "b’mod partikolari" ["ειδικότερα", fil-verżjoni Griega], użata fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 3577/92, għandha tinftiehem bħala "b’mod iktar partikolari", fis-sens li jintroduċi lista eżawrjenti.

16     Barra minn dan, il-kunċett ta’ "servizz ta’ trasport marittimu" huwa espressament imfisser fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 4055/86.

17     Skond il-Gvern Grieg, it-tifsira ta’ dan il-kunċett huwa identiku fir-regolfir-Regolamenti Nri 3577/92 u 4055/86 in kwistjoni. Hija tinkludi, minbarra l-elementi ġa msemmija mill-Kummissjoni, l-għan tat-trasport, jiġifieri t-trasferiment ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija, u hija, fiż-żewġ każijiet, eżawrjenti. L-istess Ġvern iżid li s-servizzi ta’ assistenza fil-baħar jikkostitiwixxu trasport klassiku u li l-bastimenti li sofrew dannu lanqas ma jistgħu jitqiesu li huma merkanzija għat-trasport.

18     Il-Kummissjoni twieġeb li, minkejja li t-tifsira tas-"servizzi ta’ trasport marittimu" fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 4055/86 tinkludi, skondha, ukoll l-irmonk, din it-tifsira m’għandhiex, madankollu, tkun applikabbli f’dan il-każ billi dan l-aħħar regolament ma jirregolax is-servizzi tat-trasport marittimu internazzjonali.

19     It-tieni nett, il-Kummissjoni sostniet li, jirriżulta mill-Artikolu 3 tad-Digriet Presidenzjali Nru 45/83, li l-irmonk mhuwiex dejjem meqjus fid-dritt Grieg bħala servizz awżiljarju għall-kabotaġġ marittimu, minħabba li x-xebh bejn is-servizzi ta’ trasport marittimu u l-ipoteżijiet ta’ rmonk previsti wasslu lill-awtoritajiet Griegi jawtorizzaw, b’deroga għall-Artikolu 1 ta’ dan id-digriet, anki jekk taħt kundizzjonijiet stretti, li twettqu dawn l-aħħar operazzjonijiet minn irmonkaturi li jtajru bandiera barranija.

20     B’risposta, il-Gvern Grieg iqis li l-irmonk u l-assistenza fil-baħar jikkostitwixxu, fid-dritt Grieg, servizzi awżiljarji li jikkontribwixxu biss għat-tmexxija tajba tas-servizzi tat-trasport marittimu. Il-fatt unikament li jiġi ttrasportat bastiment irmonkat jew mezz ieħor li jżomm f’wiċċ il-baħar li m’għandux mezzi ta’ propulsjoni mhuwiex biżżejjed sabiex ineħħi lil dan is-servizz in-natura awżiljarja tiegħu jew li jagħtih l-istatut ta’ trasport marittimu. Għalhekk l-irmonk ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 3577/92, fin-nuqqas ta’ rabta diretta bejn dak li huwa ttrasportat u l-irmonkatur. Minn naħa l-oħra, peress illi l-Artikolu 3 tad-Digriet Presidenzjali Nru 45/83 jikkostitwixxi eċċezzjoni għall-Artikolu 1 tiegħu, il-Kummissjoni interpretat ħażin il-kampi ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ dawn iż-żewġ artikoli. Il-Gvern Grieg jippreċiża li f’dan ir-rigward l-Artikolu 1 ta’ dan id-digriet jirregola l-irmonk professjonali bejn żewġ punti li jinsabu fl-ibħra territorjali Griegi, meta l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3 ta’ dan l-istess digriet huwa limitat għal sitwazzjonijiet li fihom element barrani.

21     It-tielet nett, il-Kummissjoni qieset li l-awtoritajiet Griegi ma stabilixxewx distinzjoni bejn is-servizzi ta’ rmonk ipprovduti fi ħdan iż-żona portwali u dawk ipprovduti barra mill-port, kuntrarjament għal dak li deher f’abbozzi reċenti ta’ direttiva tal-Kummissjoni dwar l-aċċess għas-suq tas-servizzi portwali. Peress li dawn ta’ l-aħħar mhumiex marbuta mal-kabotaġġ barra ż-żona portwali, huwa għalhekk ir-Regolament Nru 3577/92 li huwa applikabbli f’din il-kawża.

22     Il-Gvern Grieg iqis li mhemmx lok li jissuġġetta s-servizzi ta’ rmonk għal sistemi legali differenti, skond jekk dawn jitwettqu fiż-żona portwali jew barra. Fil-fatt, id-distinzjoni magħmula skond il-post ta’ fejn dan is-servizz jiġu pprovduti huwa arbitrarju, nieqes minn kull bażi legali u ta’ natura li joħloq inċertezza legali fl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 3577/92.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

23     L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 51(1) KE, il-moviment liberu tas-servizzi, fir-rigward tat-trasport, huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tat-titolu tat-Trattat KE li jirrigwarda t-trasport, fosthom l-Artikolu 80(2) KE, li jippermetti lill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea jieħu miżuri xierqa għan-navigazzjoni.

24     Abbażi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, il-Kunsill adotta r-Regolament Nru 3577/92, li jippemertti l-libertà li jiġu pprovduti servizzi għall-kabotaġġ marittimu skond il-kundizzjonijiet u suġġett għall-eċċezzjonijiet previsti.

25     Għal dan il-għan, l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament stabbilixxa l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ kabotaġġ marittimu fil-Komunità Ewropea. Ġew ukoll inklużi mas-servizzi tal-kabotaġġ marittimu, l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, stabbilit b’mod partikolari, mill-Artikolu 49 KE (ara s-sentenza ta’ l-20 ta’ Frar 2001, Analir et, C-205/99, Ġabra p. I-1271, punt 20).

26     Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-qari konġunt ta’ l-Artikoli 51(1) KE u 80(2) KE li s-servizzi li jaqgħu fis-settur tan-navigazzjoni, iżda li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 3577/92 jew ta’ regoli oħra adottati abbażi ta’ l-Artikolu 80(2) KE, jibqgħu rregolati mil-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri, bla ħsara għall-Artikolu 54 KE u għal dispożizzjonijiet ġenerali oħra tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-4 ta’ April 1974, Il-Kummissjoni vs Franza, 167/73, Ġabra p. 359, punt 32).

27     Fil-każ preżenti, sa fejn il-Kummissjoni bbażat ir-rikors tagħha biss fuq l-ilment li jsemmi l-ksur ta’ l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 3577/92, għandu jiġi biss eżaminat jekk is-servizzi ta’ rmonk f’baħar miftuħ, li jaqgħu fil-kuntest tan-navigazzjoni skond l-Artikolu 80(2) KE, jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u jikkostitwixxux "servizzi ta’ trasport marittimu fi ħdan Stat Membru (kabotaġġ marittimu)" kif imfissra mill-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex tmur lil hinn milli tiddeċiedi dwar ilmenti indikati fit-talbiet tar-rikors tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 226 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑255/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata).

28     F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li li l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 3577/92 ma jinkludix espressament l-irmonk. Madankollu, peress li l-lista tas-"servizzi ta’ kabotaġġ marittimu" skond dan l-artikolu ġew introdotti mill-kelma "b’mod partikolari", m’għandux titqies a priori li hija eżawrjenti.

29     Minkejja n-natura mhux eżawrjenti tal-lista mogħtija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 3577/92, jirriżulta, minn din id-dispożizzjoni, interpretata fil-kompletezza tagħha, li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizzi li huma, minn naħa, b’mod partikolari pprovduti bi ħlas u, minn naħa l-oħra, li għandhom bħala għan, kif juru l-karatteristiċi essenzjali ta’ l-eżempji tal-kabotaġġ marittimu f’dan l-artikolu, it-trasport bil-baħar ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija bejn żewġ postijiet fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed.

30     Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata, kif ġustament isostni l-Gvern Grieg, mill-formulazzjoni ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 4055/86, li skond dan għandhom jitqiesu li huma servizzi ta’ trasport marittimu dawk is-servizzi pprovduti bi ħlas li għandhom bħala għan it-trasport bil-baħar ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija bejn port ta’ Stat Membru u port jew stallazzjonijiet lil hinn mill-kosta ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ pajjiż terz.

31     Hekk kif ġustament qieset l-Avukat Ġenerali fil-punti 45 sa 47 tal-konklużjonijiet tagħha, in-natura u l-karatteristiċi ta’ l-irmonk huma differenti minn dawk tal-kabotaġġ, hekk kif imfissra mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 3577/92. Fil-fatt, minkejja li l-irmonk huwa servizz normalment ipprovdut bi ħlas, dan bħala regola ma jikkonsistix fi trasport dirett bil-baħar tal-passiġġieri jew tal-merkanzija. Huwa pjuttost jikkonsisti fl-assistenza għat-trasferiment ta’ bastimenti, ta’ tagħmir, ta’ pjattaformi jew ta’ baga. Irmonkatur li jagħti assistenza lil bastiment sabiex jimmanuvra, jagħti propulsjoni addizzjonali jew jissostitwixxi l-magni tiegħu fil-każ ta’ ħsara, jassisti lil dan il-bastiment li jittrasporta passiġġieri jew merkanziji, iżda huwa stess mhuwiex il-bastiment trasportatur.

32     F’dawn iċ-ċirkustanzi, li tiddeduċi mill-kliem "b’mod partikolari" fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 3577/92, li tista’ twessa l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għal kull servizz anness, aċċessorju jew awżiljarju għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri, kemm jekk għandhom jew le l-karatteristiċi essenzjali ta’ kabotaġġ marittimu li huma mfissra mhux biss tmur espressament kontra l-għan ta’ dan ir-regolament, iżda wkoll iċ-ċertezza legali fir-rigward ta’ l-istess portata ta’ dan ir-regolament.

33     Għalhekk jirriżulta li l-irmonk m’għandux jitqies li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 3577/92.

34     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jirriżulta li r-rikors kollu huwa miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

35     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitluba mir-Repubblika Ellenika.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Firem