SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

26 ta’ Ottubru 2006 (*)

"Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa – Artikolu 6(4) – Żona ta’ protezzjoni speċjali ta’ Castro Verde – Nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi"

Fil-kawża C‑239/04,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressqa fit-8 ta’ Ġunju 2004,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. van Beek u A. Caeiros, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Fernandes, bħala aġent, assistit minn J. F. Ganderez u R. Gomes da Silva, advogados, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, R. Schintgen, J. Klučka, R. Silva de Lapuerta (Relatur), u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ April 2006,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ April 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi wettqet proġett ta’ awtostrada li r-rotta tagħha taqsam iż-żona ta’ protezzjoni speċjali (iktar ‘il quddiem iż-"ŻPS") ta’ Castro Verde, minkejja l-konklużjonijiet negattivi ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-impatt fuq l-ambjent u l-eżistenza ta’ soluzzjonijiet alternattivi għal din ir-rotta, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni ta’ l-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, p. 7), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 97/62/KE tas-27 ta’ Ottubru 1997 (ĠU L 305, p. 42, iktar ‘il quddiem id-"Direttiva tal-ħabitat").

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-Direttiva 79/409/KEE

2       L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (ĠU L 103, p. 1), timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jikklassifikaw fi ŻPS it-territorji li jikkorrispondu għall-kriterji stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet.

3       L-Artikolu 4(4) ta’ l-istess Direttiva jipprovdi li:

"Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 fuq, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ħabitat jew kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu jkunu sinjifikanti fil-kuntest ta’ l-għanijiet ta’ dan l-Artikolu. Barra minn dawn iż-żoni tal-protezzjoni, l-Istati Membri għandhom jistinkaw biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ħabitats."

 Id-Direttiva tal-ħabitat

4       L-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva tal-ħabitat jiddisponi li:

"2.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-ħabitat naturali u l-ħabitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinjifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.      Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li mhux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinjifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.      Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru jrid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

[…]"

5       Skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-ħabitat:

"L-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4) ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 79/409/KEE dwar iż-żoni klassifikati skond l-Artikolu 4(1) jew meqjusa bl-istess mod skond l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data ta’ l-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew għarfien minn Stat Membru skond id-Direttiva 79/409/KEE, meta d-data ta’ l-aħħar tiġi aktar tard."

 Il-fatti tal-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

6       Il-proġett ta’ bini ta’ l-awtostrada A 2, li jgħaqqad il-belt ta’ Lisbona mar-reġjun ta’ l-Algarve, ġie fdat, fl-1997, lill-kumpannija BRISA Auto-Estradas de Portugal.

7       F’dak li jirrigwarda l-parti ta’ din l-awtostrada li tinsab bejn il-lokalitajiet ta’ Aljustrel u ta’ Castro Verde, din il-kumpannija ħejjiet proġett ta’ rotta li tmiss il-lokalitajiet ta’ Messejana, ta’ Alcarias, ta’ Conceiçao, ta’Aivados kif ukoll ta’ Estação de Ourique min-naħa tal-lvant u taqsam in-naħa tal-punent taż-ŻPS ta’ Castro Verde.

8       F’Settembru ta’ l-1999, evalwazzjoni ta’ l-effetti fuq l-ambjent relativa għal dan il-proġett tar-rotta (iktar ‘il quddiem l-"istudju ta’ l-impatt fuq l-ambjent") ġie ppreżentat lill-Ministru ta’ l-Ambjent Portugiż.

9       Matul l-istess xahar, iż-żona ta’ Castro Verde ġiet ikklassifikata fi ŻPS mill-awtoritajiet Portugiżi skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/409.

10     F’Jannar tas-sena 2000, is-Segretarju Parlamentari ta’ l-Istat għall-Ambjent approva l-istudju ta’ l-impatt fuq l-ambjent u awtorizza t-twettiq tal-proġett.

11     Il-parti ta’ l-awtostrada A 2 li twassal minn Aljustrel sa Castro Verde ġiet miftuħa għat-traffiku f’Lulju tas-sena 2001.

12     Fuq il-bażi ta’ ilment, li bih ġiet informata li minkejja l-konklużjonijiet negattivi ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-effetti ta’ din il-parti fuq iż-ŻPS ta’ Castro Verde, l-awtoritajiet Portugiżi wettqu proġett ta’ bini ta’ awtostrada li r-rotta tagħha taqsam din iż-żona, il-Kummissjoni, b’ittra ta’ l-20 ta’ Ottubru 2000, intimat lir-Repubblika Portugiża biex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien xahrejn.

13     L-awtoritajiet Portugiżi kkomunikaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni b’ittri ta’ l-4 ta’ Diċembru 2000 u tat-12 ta’ Jannar 2001.

14     Billi kkonstat li l-awtoritajiet Portugiżi ma spjegawx ir-raġuni li għaliha r-rotot alternattivi li kienu jinsabu kemm barra miż-ŻPS ta’ Castro Verde kif ukoll barra miż-żoni abitati ta’ Alcarias, ta’ Conceição, ta’ Aivados u ta’ Estação de Ourique ma ġewx studjati u billi kkunsidrat li r-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva tal-ħabitat, il-Kummissjoni, fil-11 ta’ April 2001, bagħtet opinjoni motivita lil dan l-Istat Membru fejn stednitu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ din l-opinjoni fi żmien xahrejn, li kellu jidba’ jiddekorri min-notifika tagħha.

15     Peress li ma kinitx sodisfatta mit-tweġiba ta’ l-awtoritajiet Portugiżi għall-imsemmija opinjoni motivata, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

16     Il-Kummissjoni ssostni li l-istudju ta’ l-impatt fuq l-ambjent juri b’mod ċar li r-rotta magħżula mill-awtoritajiet Portugiżi għall-bini tal-parti ta’ l-awtostrada A 2 li twassal minn Aljustrel sa Castro Verde għandha impatt negattiv ferm sinjifikanti fuq 17-il speċi ta’ għasafar selvaġġi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 79/409 kif ukoll fuq il-ħabitat ta’ dawn l-għasafar.

17     Ir-Repubblika Portugiża tqis li l-Kummissjoni tillimita ruħha sabiex tagħmel kunsiderazzjonijiet ġenerali, dedotti mill-istudju ta’ l-impatt fuq l-ambjent, mingħajr ma turi kif il-bini ta’ din ir-rotta kellu impatt negattiv ferm sinjifikanti. Skond ir-Repubblika Portugiża, hemm il-bżonn li d-danni li jistgħu jaffettwaw iż-ŻPS ta’ Castro Verde jiġu mqabbla ma’ dawk li effettivament twettqu.

18     Skond l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-ħabitat, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti m’għandhomx jawtorizzaw it-twettiq ta’ pjan jew ta’ proġett mhux marbut direttament jew li mhuwiex meħtieġ għat-tmexxija ta’ sit, iżda li jista’ jkollu effett sinjifikanti fuq dan ta’ l-aħħar, ħlief wara li jkunu żguri, permezz ta’ evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet ta’ dan il-pjan jew ta’ dan il-proġett fuq dan is-sit, li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit u wara li jkunu raw, jekk hemm il-bżonn, l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

19     Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi proċedura intiża sabiex tiggarantixxi, permezz ta’ kontroll minn qabel, li pjan jew proġett li mhuwiex direttament marbut ma’ jew meħtieġ għat-tmexxija tas-sit ikkonċernat, iżda li jista’ jaffettwa lil dan ta’ l-aħħar b’mod sinjifikanti, ikun awtorizzat biss sakemm ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit (is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C‑127/02, Ġabra p. I‑7405, punt 34).

20     F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-awtorizzazzjoni ta’ pjan jew ta’ proġett bħal dak in kwistjoni tista’ tingħata biss taħt il-kundizzjoni li dawn l-awtoritajiet nazzjonali jkunu ċerti li m’għandux effetti li jistgħu jagħmlu ħsara lill-integrità tas-sit ikkonċernat. Dan huwa l-każ meta ma jibqa’ ebda dubju raġjonevoli mill-aspett xjentifiku dwar in-nuqqas ta’ tali effetti (is-sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 56 u 59).

21     F’dan il-każ, l-istudju ta’ l-impatt fuq l-ambjent jindika l-preżenza, fiż-ŻPS ta’ Castro Verde, ta’ 17-il speċji ta’ għasafar elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 79/409 kif ukoll il-grad għoli ta’ sensibbiltà ta’ wħud fost dawn għad-disturbazzjoni u/jew għall-framentazzjoni tal-ħabitat naturali tagħhom li jirriżulta mill-proġett tal-parti rotta ta’ l-awtostrada A 2 bejn il-lokalitajiet ta’ Aljustrel u ta’ Castro Verde.

22     Jirriżulta wkoll minn dan l-istudju li l-proġett in kwistjoni għandu impatt globali "kunsiderevolment għoli" kif ukoll "impatt negattiv għoli" fuq l-avifawna preżenti fiż-ŻPS ta’ Castro Verde.

23     Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li, fil-mument li fih huma awtorizzaw it-twettiq tal-proġett ta’ rotta ta’ l-awtostrada A 2, l-awtoritajiet Portugiżi ma setgħux leġittimament jikkunsidraw li dan m’għandux effetti li jagħmlu ħsara lill-integrità taż-żona kkonċernata.

24     Il-fatt li, wara t-twettiq tiegħu, il-proġett ma pproduċiex tali effetti huwa mingħajr rilevanza għal din l-evalwazzjoni. Fil-fatt, huwa fil-mument ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tawtorizza t-twettiq tal-proġett li ma għandu jeżisti ebda dubju raġjonevoli mill-aspett xjentifiku fir-rigward tan-nuqqas ta’ effetti li jagħmlu ħsara lill-integrità tas-sit ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2004, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑209/02, Ġabra p. I‑1211, punti 26 u 27, u Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 56 u 59).

25     F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtoritajiet Portugiżi kellhom l-għażla jew li jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni għat-twettiq ta’ dan il-proġett, jew li jawtorizzaw dan skond l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva tal-ħabitat, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu kienu sodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 57 u 60).

26     Għalhekk, f’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk il-proġett ta’ rotta ta’ l-awtostrada A 2 bejn il-lokalitajiet ta’ Aljustrel u ta’ Castro Verde setax jiġi awtorizzat fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva tal-ħabitat.

27     F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li r-Republika Portugiża ma rrispettatx din id-deċiżjoni billi, f’dan il-każ, l-awtoritajiet Portugiżi ma studjawx ċertu rotot alternattivi li la għandhom effetti negattivi fuq iż-ŻPS ta’ Castro Verde u lanqas fuq il-popolazzjoni ta’ din iż-żona.

28     B’mod partikolari, hija tikkunsidra li dawn l-awtoritajiet ma kkunsidrawx ir-rotot alternattivi li jinsabu barra miż-ŻPS ta’ Castro Verde kif ukoll miż-żona abitata kkostitwita mil-lokalitajiet ta’ Alcarias, ta’ Conceição, ta’ Aivados u ta’ Estação de Ourique.

29     Fil-fatt, il-Kummissjoni tqis li tali rotot alternattivi kellhom jiġu eżaminati, b’mod partikolari dawk li jippermettu li l-awtostrada A 2 tgħaddi minn passaġġ li jinsab fil-punent taż-ŻPS ta’ Castro Verde, bejn il-limitu ta’ din ta’ l-aħħar u t-triq IC 1, f’reġjun ta’ wita u bi densità baxxa tal-popolazzjoni, b’mod li l-awtoritajiet Portugiżi kienu jkunu jistgħu jagħżlu, mingħajr diffikultajiet tekniċi sinjifikattivi jew spejjeż żejda mhux raġjonevoli, rotta alternattiva li ma jkollhiex effetti ħżiena fuq din iż-ŻPS u la taffettwa l-lokalitajiet fuq imsemmija u lanqas lokalitajiet oħra.

30     Skond ir-Repubblika Portugiża, kien f’idejn il-Kummissjoni mhux biss li tippreżenta tali rotta, iżda wkoll li tiddefiniha u li tikkaratterizzaha, billi turi l-eżistenza u l-vijabbilità ta’ soluzzjoni alternattiva li tagħmel inqas ħsara lill-ambjent u li ma kinitx prevista mill-awtoritajiet Portugiżi. Issa, il-Kummissjoni ma tat ebda prova f’dan ir-rigward.

31     Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Portugiża sostniet li s-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni ma tistax ma tistax tiġi kkunsidrata bħala "soluzzjoni alternattiva" skond l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva tal-ħabitat. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, dan il-kunċett ma jirreferix sempliċiment għal soluzzjoni ta’ sostituzzjoni li teoretikament tista’ tiġi difiża, iżda jimplika wkoll it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-effetti negattivi ta’ tali soluzzjoni.

32     Issa, it-twettiq tar-rotta proposta mill-Kummissjoni jwassal għal danni soċjali, ekonomiċi u ambjentali kunsiderevoli billi jaffettwa l-popolazzjonijiet ta’ Conceição, ta’ Aivados u ta’ Estação de Ourique kif ukoll il-post fejn jinġabar l-ilma tad-diga ta’ Monte da Rocha.

33     Għalhekk, dan l-Istat Membru jqis li d-dannu marġinali u aċċessorju għall-integrità taż-ŻPS ta’ Castro Verde li jirriżulta mir-rotta magħżula mill-awtoritajiet Portugiżi huwa inqas minn dak li jirriżulta kieku titwettaq is-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni.

34     L-Artikolu 6(4) tad-Direttiva tal-ħabitat tipprovdi li, f’każ li, minkejja l-konklużjonijiet negattivi ta’ l-evalwazzjoni mwettqa skond l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 6(3) u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi, pjan jew proġett għandu jsir xorta waħda għal raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku, l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri kompensatorji kollha neċessarji biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000.

35     Din id-dispożizzjoni, li tippermetti, taħt ċertu kundizzjonijiet, it-twettiq ta’ pjan jew proġett li wassal għal konklużjonijiet negattivi fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni pprovduta fl-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-ħabitat, għandha, bħala deroga għall-kriterju ta’ awtorizzazzjoni stipulat fit-tieni frażi tal-paragrafu 3, tiġi interpretata b’mod restrittiv.

36     Għalhekk, it-twettiq ta’ pjan jew ta’ proġett skond skond l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva tal-ħabitat huwa b’mod partikolari suġġett għall-kundizzjoni li jintwera n-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi.

37     F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-awtoritajiet Portugiżi eżaminaw u rrifjutaw numru ta’ soluzzjonijiet li jevitaw li jgħaddu mil-lokalitajiet ta’ Alcarias, ta’ Conceição, ta’ Aivados u ta’ Estação de Ourique, iżda li r-rotta tagħhom taqsam in-naħa tal-punent taż-ŻPS ta’ Castro Verde.

38     Min-naħa l-oħra, ma jirriżultax mill-inkartament li dawn l-awtoritajiet eżaminaw soluzzjonijiet li jinsabu barra minn din iż-ŻPS u fil-punent tal-lokalitajiet fuq imsemmija, waqt li, fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, ma jistax jiġi eskluż a priori li l-adozzjoni ta’ tali soluzzjonijiet tista’ tikkorrispondi għal soluzzjonijiet alternattivi skond l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva tal-ħabitat, u dan minkejja li setgħu, hekk kif issostni r-Repubblika Portugiża, jippreżentaw ċertu diffikultajiet.

39     Għalhekk, billi dawn it-tipi ta’ soluzzjonijiet ma ġewx eżaminati, l-awtoritajiet Portugiżi ma werewx in-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

40     F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, billi wettqet proġett ta’ awtostrada li r-rotta tagħha taqsam iż-ŻPS ta’ Castro Verde, minkejja l-konklużjonijiet negattivi ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-impatt fuq l-ambjent u mingħajr ma wriet in-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi għal din ir-rotta, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva tal-ħabitat.

 Fuq l-ispejjeż

41     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Portugiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Billi wettqet proġett ta’ awtostrada li r-rotta tagħha taqsam iż-żona ta’ protezzjoni speċjali ta’ Castro Verde, minkejja l-konklużjonijiet negattivi ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-impatt fuq l-ambjent u mingħajr ma wriet in-nuqqas ta’ soluzzjonijiet alternattivi għal din ir-rotta, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni ta’ l-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 97/62/KE tas-27 ta’ Ottubru 1997.

2)      Ir-Repubblika Portugiża għandha tbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.