SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

tal-11 ta’ Settembru 2007

Kawża C-227/04 P

Marie-Luise Lindorfer

vs

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea

“Appell – Uffiċjali – Trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni – Attivitajiet tax-xogħol imwettqa qabel id-dħul fis-servizz tal-Komunitajiet – Kalkolu tas-snin tas-servizz pensjonabbli – Artikolu 11(2) ta’ l-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Regoli ta’ implementazzjoni – Prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni – Prinċipju ta’ trattament ugwali”

Suġġett: Appell mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-18 ta’ Marzu 2004, Lindorfer vs Il-Kunsill (T‑204/01, ĠabraSP p. I‑A‑83 u II‑361), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: Annullament parzjali tas-sentenza u ċaħda tal-bqija ta’ l-appell.

Sommarju

1.        Uffiċjali – Pensjonijiet – Drittijiet għal pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Komunitajiet – Trasferiment lejn l-iskema Komunitarja

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1a(1);Anness VIII, Artikolu 11(2))

2.        Uffiċjali – Pensjonijiet – Drittijiet għal pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Komunitajiet – Trasferiment lejn l-iskema Komunitarja

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 77; Anness VIII, Artikoli 2, 5 u 11(2))

3.        Uffiċjali – Pensjonijiet – Drittijiet għal pensjoni miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-Komunitajiet – Trasferiment lejn l-iskema Komunitarja

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikolu 11(2))

1.        L-użu ta’ fatturi li jvarjaw skond is-sess għall-finijiet li jiġu kkalkulati s-snin tas-servizz pensjonabbli fil-każ ta’ trasferiment lejn l-iskema Komunitarja tad-drittijiet għal pensjoni miksuba minn uffiċjal bis-saħħa ta’ attivitajiet tax-xogħol imwettqa qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Komunitajiet jikkostitwixxi diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess li mhijiex iġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi ggarantita ġestjoni b’saħħitha ta’ l-iskema tal-pensjoni Komunitarja. Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 1a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-uffiċjali għandhom ikunu intitolati għal trattament indaqs taħt dawn ir-Regolamenti tal-Persunal mingħajr referenza għas-sess, u, min-naħa l-oħra, il-livell identiku tal-kontribuzzjonijiet fuq is-salarju ta’ l-uffiċjali rġiel u nisa ma jippreġudikax il-ġestjoni finanzjarja b’saħħitha ta’ l-iskema tal-pensjoni, billi l-fatt li jista’ jintlaħaq l-istess ekwilibriju b’valuri attwarjali “unisex” huwa pprovat ukoll mill-fatt li l-istituzzjonijiet sussegwentement iddeċidew li jużaw tali valuri.

2.        Uffiċjal li jidħol fis-servizz ta’ istituzzjoni Komunitarja wara li matul ċertu perijodu ħallas kontribuzzjonijiet lil skema ta’ pensjoni nazzjonali ma jinsabx f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik ta’ uffiċjal irreklutat fil-bidu tal-karriera professjonali tiegħu u li ħallas kontribuzzjonijiet lill-iskema tal-pensjoni Komunitarja minn dak iż-żmien ’il quddiem permezz ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa mis-salarju tiegħu, u għalhekk ma jistax isostni li sofra trattament mhux ugwali meta mqabbel ma’ dan ta’ l-aħħar. Fil-fatt, għalkemm l-ammont tal-pensjoni ta’ l-uffiċjal irreklutat fil-bidu tal-karriera professjonali tiegħu b’ebda mod mhija ddeterminata mill-ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa matul is-snin ta’ servizz, billi dan jiddependi, minn naħa, mit-twettiq mill-uffiċjal tal-karriera tiegħu fis-servizz tal-Komunitajiet, rifless fis-salarju finali tiegħu, u, min-naħa l-oħra, mit-tul ta’ żmien ta’ l-impenn tiegħu lejn il-Komunitajiet, għall-kuntrarju, l-ammont tal-pensjoni ta’ l-uffiċjal li ħallas kontribuzzjonijiet lil skema ta’ pensjoni nazzjonali qabel ma daħal fis-servizz tal-Komunitajiet huwa ddeterminat mis-salarju finali tiegħu u mit-tul ta’ żmien ta’ l-attività tiegħu fis-servizz tal-Komunitajiet, li miegħu jiżdiedu s-snin tas-servizz pensjonabbli ddeterminati skond il-kapital trasferit meta sar it-trasferiment tad-drittijiet għal pensjoni miksuba preċedentement. Issa somma ta’ flus li permezz tagħha dan l-uffiċjal jikkontribwixxi għall-baġit Komunitarju u perijodu ta’ żmien iddedikat fis-servizz ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jikkostitwixxux valuri komparabbli.

3.        Il-Komunitajiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta jiddefinixxu l-elementi tas-sistema ta’ konverżjoni f’valuta unika ta’ l-ammonti ttrasferiti f’valuti oħra mill-fondi tal-pensjoni nazzjonali bis-saħħa tad-drittijiet għal pensjoni miksuba mill-uffiċjali qabel ma daħlu fis-servizz tal-Komunitajiet.