SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

10 ta' Novembru 2005 (*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Taxxi fuq il-konsum ta' tabakk manifatturat – Taxxa differenzjata tas-sigaretti u tar-rollijiet ta' tabakk 'West Single Packs'"

Fil-kawża C-197/04

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 226KE, imressaq fit-30 ta' April 2004,

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrapreżentata minn K. Gross, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrapreżentata minn C.-D. Quassowski, A. Tiemann u U. Forsthoff, bħala aġenti,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' Awla, K. Lenaerts, E. Juhász, M. Ilešič u E. Levits (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta' Mejju 2005,

wara li semgħet il-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta ta' l-14 ta' Lulju 2005

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi applikat għar-rollijiet ta' tabakk mibjugħin taħt l-isem 'West Single Packs' ir-rata ta' taxxa fuq it-tabakk imqatta' fin intiż għall-irrumblar tas-sigaretti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 95/59/KE tas-27 ta' Novembru 1995, dwar taxxi li mhumiex taxxi fuq il-qliegħ li jaffettwaw il-konsum ta' tabakk manifatturat (ĠU L 291, p. 40), u ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/79/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992, dwar l-approssimazzjoni tat-taxxi fuq is-sigaretti (ĠU L 316, p. 8).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni komunitarja

2       Skond l-erbatax-il premessa tad-Direttiva 95/59, "rollijiet ta’ tabakk li jistgħu jitpejpu kif inhuma wara sempliċiment immaniġġ[j]ar għandhom ikunu meqjusa bħala sigaretti għall-iskop ta' taxxa uniformi ta' dawn il-prodotti".

3       Skond l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 95/59 huma meqjusa bħala sigaretti "rollijiet ta’ tabakk li, b'sempliċi [m]maniġġjar mhux industrijali, huma mdaħħla f'tubu tal-karti".

4       It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 95/59, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 1999/81/KE tad-29 ta' Lulju 1999 (ĠU L 211, p. 47), jipprovdi li, "[s]al-31 ta' Diċembru 1998, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tkun awtorizzata tintaxxa r-rollijiet tat-tabakk msemmija f'(b) ta' l-anqas bir-rata jew ammont applikabbli għal tabakk imqatta’ fin għat-tgeżwir [irrumblar] tas-sigaretti."

5       Id-Direttivi tal-Kunsill 92/79 u 92/80/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992 dwar it-tqarrib tat-taxxi fuq it-tabakk fabbrikat li mhux sigaretti (ĠU L 316. p. 10), jistabbilixxu r-rati ta' taxxi tas-sisa minimi fuq is-sigaretti u t-tabakk rispettivament. Skond dawn iż-żewġ Direttivi, it-taxxa tas-sisa minima fuq it-tabakk tat-tipjip imqatta' fin hija konsiderevolment iktar baxxa minn dik fuq is-sigaretti.

  Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6       L-Artikolu 2(2)(2) tal-Liġi fuq it-tassazzjoni tat-Tabakk (Tabaksteuergesetz) jittrasponi, f'termini sostanzjalment identiċi, l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 95/59.

7       L-Artikolu 4(1) (1) u (3) ta' din il-liġi, jistabbilixxi r-rata ta' taxxa tas-sisa għas-sigaretti u t-tabakk tat-tipjip imqatta' fin. Dawn ir-rati huma konformi mar-rati minimi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni komunitarja.

8       Mid-dokumenti ta' l-inkartament jirriżulta li, fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, għall-'West Single Packs' tiġi applikata l-iktar rata baxxa, jiġifieri dik għat-tabakk imqatta' fin intiż għall-irrumblar tas-sigaretti,

 Il-proċedura prekontenzjuża

9       Permezz ta' ittra ta' intimazzjoni tat-18 ta' Ottubru 2002, il-Kummissjoni għarrfet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li hija kienet tqis li din ta' l-aħħar kienet qed tikser id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 95/59 u 92/79, billi tapplika għall-prodotti 'West Single Packs' r-rata ta' taxxa tas-sisa għat-tabakk imqatta' fin. Skond il-Kummissjoni, dan il prodott kellu jiġi ntaxxat bir-rata ta' taxxa applikabbli għas-sigaretti.

10     Fir-risposta tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2002, il-Gvern Ġermaniż ikkontesta l-ilment magħmul mill-Kummissjoni. Għalhekk, permezz ta' ittra tal-11 ta' Lulju 2003, din indirizzatlu opinjoni motivata fejn stednitu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex itemm dan il-ksur fi żmien xahrejn min-notifika ta' din l-opinjoni.

11     F'ittra ta' l-4 ta' Settembru 2003, il-Gvern Ġermaniż irrisponda lill-Kummissjoni li huwa żamm il-pożizzjoni tiegħu u li huwa kien għadu jikkunsidra li l-'West Single Packs' ma kinux sigaretti.

12     F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

 Dwar ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

13     F'dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 95/59, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li din id-dispożizzjoni tagħmel distinzjoni bejn l-immaniġġjar mhux industrijali u l-immaniġġjar industrijali. L-aġġettiv "sempliċi" iservi, f'dan il-kuntest, biss sabiex jippreċiża l-aġġettiv "mhux industrijali".

14     It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li analiżi sistematika tad-Direttiva 95/59 turi li din hija intiża sabiex tistabbilixxi kategoriji distinti ta' prodotti tat-tabakk. It-tassazzjoni ta' dawn ta' l-aħħar tiddependi fuq il-klassifikazzjoni tagħhom f'waħda jew fl-oħra minn dawn il-kategoriji, b'tali mod li impreċiżjoni fil-klassifikazzjoni ta' l-imsemmijia prodotti tista' direttament tirriżulta f'distorsjoni sostanzjali tal-kompetizzjoni.

15     Sabiex tevita d-diffikultajiet ta' klassifikazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi analiżi oġġettiva sabiex jiġi ddeterminat jekk il-proċess ta' produzzjoni jikkostitwixxix "sempliċi mmaniġġjar mhux industrijali". Skond il-Kummissjoni, fil-kuntest ta' din l-analiżi, il-kriterju oġġettiv li għandu jiġi meqjus huwa dak ta' prodott finali b'forma perfettament identika, kemm f'dak li jirrigwarda l-kwalità tat-tabakk użat kif ukoll f'dak li jirrigwarda r-rata ta' mili jew id-densità tal-milja, ma' dak ta' sigarett immanifatturat b'mod kompletament industrijali. Il-Kummissjoni tqis li, fil-każ ta' tabakk imqatta' fin, id-dehra tal-prodott finali tiddependi ħafna fuq il-ħila tal-konsumatur u ma tistax, konsegwentement, tiġi mqabbla ma' dik ta' sigarett immanifatturat b'mod industrijali. Min-naħa l-oħra, ir-rollijiet ta' tabakk prefabrikati li, permezz ta' sempliċi operazzjoni manwali, għalhekk "mhux industrijali", jiġu mdaħħla f'tubi tal-karti prefabrikati jagħtu prodott finali li jkun fil-parti l-kbira identiku ma' sigarett immanifatturat b'mod industrijali.

16     Barra minn dan, il-Kummissjoni tfakkar li l-għan tad-dispożizzjoni eżaminata huwa, kif tindika l-erbatax-il premessa tad-Direttiva 95/59, sabiex jiggarantixxi taxxa uniformi fuq is-sigaretti. Konsegwentement, manifattur tas-sigaretti m'għandux ikun jista' jevita taxxa għola fuq is-sigaretti billi sempliċement jirrinunċja għall-aħħar stadju tal-produzzjoni u billi jħalli lill-konsumatur il-biċċa xogħol li jipproduċi huwa stess prodott fil-biċċa l-kbira identiku għal sigarett.

17     Il-Kummissjoni tenfasiżża wkoll li, skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 95/59, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja setgħet, sal-31 ta' Diċembru 2001, tintaxxa r-rollijiet ta' tabakk previsti f'din l-istess dispożizzjoni, taħt (b), għal taxxa tas-sisa li r-rata tagħha tkun ta' l-anqas l-istess bħal dik tat-tabakk imqatta' fin. Il-Kummissjoni tqis li din id-dispożizzjoni derogatorja kienet tikkonċerna, b'mod partikolari, prodotti bħal 'West Single Packs'. Issa, l-imsemmija dispożizzjoni derogatorja ma kinitx tkun meħtieġa kieku prodotti bħal 'West Single Packs' kellhom jitqiesu bħala tabakk imqatta' fin u mhux bħala sigaretti.

18     F'dan ir-rigward il-Kummissjoni tqis li l-kunċett ta' "sempliċi [im]maniġġjar mhux industrijali" previst fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 95/59 għandu jingħata interpretazzjoni wiesa'. Għalhekk, skond din id-dispożizzjoni l-prodotti kollha li l-konsumatur jipproduċi mingħajr wisq immaniġġjar manwali billi juża rollijiet ta' tabakk u tubi tal-karti prefabrikati u li huma fil-biċċa l-kbira identiċi għas-sigaretti manifatturati b'mod industrijali għandhom jiġu meqjusa bħala sigaretti.

19     F'dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-kuntest ġuridiku kif definit għall-prodott 'West Single Packs', il-Kummissjoni tirreferi għall-publikazzjoni internazzjonali dwar il-privattiva tal-'West Single Packs' (ippublikat skond it-Trattat ta' Kooperazzjoni Internazzjonali fil-Qasam tal-Privattivi taħt it-titolu ta' "ippakkjar għal qatgħat fini"). Skond din il-pubblikazzjoni, dan huwa prodott li jagħti lill-konsumatur il-possibbiltà li b'mod sempliċi ħafna jipproduċi huwa stess, mingħajr ebda diffikulta, sigarett li f'kull aspett ikun paragonabbli ma' sigarett manifatturat b'mod industrijali u li minbarra dan jibbenefika mill-vantaġġ fiskali tat-tabakk imqatta' fin. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-kriterji li jirrigwardaw l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 95/59 huma sodisfatti fil-każ in eżami u li l-prodotti kkonċernati bħal 'West Single Packs' għandhom jiġu klassifikati fil-kategorija tas-sigaretti.

20     Il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra li l-kriterji użati mill-Kummissjoni għall-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 95/59 ma jissodisfawx il-ħtiġiet ta' oġġettivita u ta' interpretazzjoni uniformi fir-rigward tal-punti deċiżivi.

21     Qabel kollox, il-Gvern Ġermaniż huwa ta' l-opinjoni li l-kliem tad-dispożizzjoni bl-aġġettiv "sempliċi" jistabbilixxu kriterju supplimentari li għandu tifsira speċifika, bħall-aġġettiv "mhux industrijali". Jekk wieħed isegwi l-loġika tal-Kummissjoni li l-aġġettiv "sempliċi" iservi biss sabiex jippreċiża l-aġġettiv "mhux industrijali", ta' min wieħed isaqsi lilu n-nifsu kif għandhom jiġu klassifikati l-immaniġġjar "mhux industrijali kompless" u "l-immaniġġjar industrijali sempliċi". Skond dan il-Gvern, fil-każ fejn tiġi applikata l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, dawn iż-żewġ kategoriji jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjoni in kwistjoni.

22     F'dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż iqis li, sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva 95/59 li huwa li tiġi stabbilita delimitazzjoni ċara bejn żewġ kategoriji ta' prodotti, huwa meħtieġ li jiġu applikati ż-żewġ kriterji li ġejjin: l-immaniġġjar għandu jkun "sempliċi" u jkun ta' natura "mhux industrijali". Jekk tiġi kkunsidrata biss in-natura "mhux industrijali", delimitazzjoni fir-rigward tat-taxxa fuq tabakk imqatta' fin tistax tibqa tiġi ġġustifikata. Fil-fatt, dan il-kriterju jippermetti lill-konsumatur li jagħmel huwa stess sigarett b'mod mhux industrijali u l-prodott finali in kwistjoni ikun, f'dan il-każ, xorta waħda sigarett.

23     F'dak li jirrigwarda d-delimitazzjoni ta' dawn iż-żewġ kategoriji ta' prodotti skond il-kwalità tal-prodott finali, il-Gvern Ġermaniż jenfasiżża li d-Direttiva 95/59 ma tikkunsidrax b'mod speċifiku kriterju bħal dan, iżda l-"proċess ta' fabrikazzjoni" li huwa meħtieġ għar-realizzazzjoni ta' dan il-prodott finali.

24     Wara li ddefinixxa b'dan il-mod il-kuntest ġuridiku li japplika għall-prodott 'West Single Packs', il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra, min-naħa, li l-produzzjoni ta' sigarett bil-'West Single Packs' teħtieġ diversi fażijiet suċċessivi, li jeżiġu mmaniġġjar preċiż u espert. Huwa jirreferi, b'mod partikolari, għall-fatt li xi persuni li ħadu sehem f'testijiet ikkunsidraw li l-użu tal-'West Single Packs' kien kumpless, mhux wisq prattiku u li kien jeħtieġ ħafna prattika, li ma jwassalx sabix jiġi kklassifikat bħala "sempliċi".

25     Min-naħa l-oħra l-Gvern Ġermaniż isostni li d-dokumentazzjoni dwar il-privattiva ta' 'West Single Packs' ma tippermettix li jiġi evalwat l-element ta' "sempliċi [im]maniġġjar mhux industrijali" safejn din hija intiża sabiex tippromwovi n-novità tal-prodott.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

26     L-eżistenza ta' nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu li l-Kummissjoni allegat tiddependi fuq il-konstatazzjoni li l-prodott 'West Single Packs' jaqgħa taħt id-definizzjoni ta' "sigarett" skond l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 95/59.

27     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 27 tal-Konklużjonijiet tiegħu, li mill-qari flimkien tal-partijiet differenti tad-Direttiva 95/59, b'mod partikolari ta' l-Artikoli 4 sa 6 kif ukoll ta' l-erbatax il-premessa tagħha, jirriżulta li l-leġiżlatur komunitarju ried jagħmel distinzjoni ċara bejn, min-naħa, "ir-rollijiet" tat-tabakk immanifatturati, li huma kkunsidrati bħala sigaretti, u, min-naħa l-oħra, it-tabakk tat-tipjip "għall-irrumblar tas-sigaretti". Għaldaqstant, teżisti distinzjoni materjali ċara bejn it-tabakk diġa' ppreparat mill-produttur u unita' li għandha l-forma u l-qies ta' sigarett u t-tabakk sfuż li għandha tinatalu din il-forma minn min ipejjep.

28     Din il-konstatazzjoni hija msaħħa bl-evoluzzjoni leġiżlattiva fil-qasam ta' taxxi li mhumiex taxxi fuq il-qliegħ li jaffettwaw il-konsum ta' tabakk manifatturat. Fil-fatt, permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 92/78/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992, li temenda d-Direttivi 72/464/KEE u 79/32/KEE dwar taxxi li mhumiex taxxi fuq il-qliegħ li jaffettwaw il-konsum ta' tabakk manifatturat (ĠU L 316. p. 5), il-leġiżlatur komunitarju wessa d-definizjoni ta' "sigarett", billi żied magħha, b'mod partikolari, "rollijiet ta’ tabakk li, b'sempliċi [m]maniġġjar mhux industrijali, huma mdaħħla f'tubu tal-karti".

29     Fil-każ in eżami, mhuwiex qed jiġi kkontestat li l-prodott 'West Single Packs' jikkonsisti f'rollijiet ta' tabakk skond l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 95/59.

30     Għad hemm bżonn li jiġi vverifikat jekk dan il-prodott jikkorrispondix ma' rollijiet ta' tabakk "li, b'sempliċi [m]maniġġjar mhux industrijali, huma mdaħħla f'tubu tal-karti" skond l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 95/59, dispożiżżjoni mmsemmija mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha.

31     F'dan ir-rigward, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 25 tal-Konklużjonijiet tiegħu, u kif ikkonfermat bid-dimostrazzjoni li għamel l-aġent tal-Kummissjoni matul s-seduta, il-produzzjoni ta' sigarett mill-komponenti mmanifatturati 'West Single Packs' timplika mmaniġġjar mhux industrijali ħafif, li jikkonsisti sempliċement fl-inserzjoni ta' l-imsemmi komponent, bl-ippakjar tiegħu ta' l-aluminju, f'tubu ta' sigarett tal-karti sabiex wara jitneħħa dan l-ippakjar u jitħalla t-tabakk ġewwa t-tubu.

32     Minn dan isegwi li r-rollijiet ta' tabakk in kwistjoni huma mdaħħla f'tubi tal-karti b'sempliċi mmaniġġjar mhux industrijali. Għalhekk jiġu sodisfatti l-kriterji kollha stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 95/59.

33     Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi applikat għall-'West Single Packs' ir-rata ta' taxxa fuq it-tabakk imqatta' fin intiż għall-irrumblar tas-sigaretti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 95/59 u ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/79.

 Fuq l-ispejjeż

34     Skond l-Artikolu 69(2), tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeciedi li:

1)      Billi applikat għar-rollijiet ta' tabakk mibjugħin taħt l-isem 'West Single Packs' ir-rata ta' taxxa fuq it-tabakk imqatta' fin intiż għall-irrumblar tas-sigaretti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skond l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 95/59/KE tas-27 ta' Novembru 1995, dwar taxxi li mhumiex taxxi fuq il-qliegħ li jaffettwaw il-konsum ta' tabakk manifatturat, u ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/79/KEE tad-19 ta' Ottubru 1992, dwar l-approssimazzjoni tat-taxxi fuq is-sigaretti.

2)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.