SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

22 ta' Novembru 2005(*)

"Direttiva 1999/70/KE – Klawsoli 2, 5 u 8 tal-ftehim-qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat – Direttiva 2000/78/KE – Artikolu 6 – Trattament ugwali fir-rigward ta' impjieg u ta' xogħol – Diskriminazzjoni marbuta ma' l-età"

Fil-kawża C-144/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Arbeitsgericht München (Il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tas-26 ta' Frar 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta' Marzu 2004, fil-proċedura

Werner Mangold

vs

Rüdiger Helm,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Ewwel Awla, li jwettaq il-funzjoni ta' President, C. W. A. Timmermans, A. Rosas,  K. Schiemann, Presidenti ta' l-Awla, R. Schintgen (Relatur), S. von Bahr, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, K. Lenaerts, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet u M. Ilešič, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta' April 2005,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       għal M. Mangold, minn D. Hummel u B. Karthaus, Rechtsanwälte,

–       għal M. Helm, minnu nnifsu, Rechtsanwalt,

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn  N. Yerrell u S. Grünheid kif ukoll minn D. Martin u H. Kreppel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-30 ta' Ġunju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawsoli 2, 5 u 8 tal-ftehim-qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat [traduzzjoni mhux uffiċjali], konkluż fit-18 ta' Marzu 1999 (aktar 'il quddiem il-"ftehim-qafas"), implimentat permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta' Ġunju 1999, dwar il-ftehim-qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż minn KETU, UKIIE u ĊEIP (ĠU L 175, p. 43), kif ukoll ta' l-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta' Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, p. 16).

2       Din it-talba hija ppreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn M. Mangold u M. Helm dwar kuntratt ta' xogħol għal żmien determinat li jorbot lil M. Mangold ma' M. Helm (aktar 'il quddiem il-"kuntratt").

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

Il-ftehim qafas

3       Skond il-klawsola 1, il-"ftehim-qafas għandu l-għan li:

a)      itejjeb il-kwalità ta' xogħol għal żmien determinat billi jassigura r-rispett tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni;

b)      jistabbilixxi qafas sabiex jiġu evitati l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta' kuntratti jew ta' relazzjonijiet ta' xogħol għal żmien determinat konklużi suċċessivament ". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4       Il-klawsola 2(1) tal-ftehim-qafas tipprovdi li:

"Dan il-ftehim japplika għall-ħaddiema għal żmien determinat li għandhom kuntratt jew relazzjoni ta' xogħol kif definiti mil-liġi, mill-ftehim kollettivi jew mill-prassi fis-seħħ f'kull Stat Membru." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5       Skond il-klawsola 5(1) tal-ftehim-qafas:

"Sabiex jiġu evitati l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta' kuntratti jew ta' relazzjonijiet ta' xogħol għal żmien determinat konklużi suċċessivament, l-Istati Membri, wara konsultazzjoni mal-partners soċjali, skond il-liġi, il-ftehim kollettivi u l-prassi nazzjonali, u/jew il-partners soċjali, meta ma jeżistux miżuri legali ekwivalenti intiżi sabiex jiġi evitat l-abbuż, għandhom jintroduċu, b'mod li jieħdu in kunsiderazzjoni l-bżonnijiet ta' setturi speċifiċi u/jew ta' kategoriji ta' ħaddiema, waħda jew aktar mis-segwenti miżuri:

a)      raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta' tali kuntratti jew relazzjonijiet ta' xogħol;

b)      it-tul taż-żmien massimu totali tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta' xogħol għal żmien determinat konklużi suċċessivament;

c)      in-numru ta' drabi li dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet ta' xogħol ikunu ġew imġedda." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6       Il-klawsola 8(3) tal-ftehim-qafas tipprovdi li:

"L-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim ma tikkostitwixxix ġustifikazzjoni valida għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta' protezzjoni tal-ħaddiema fil-qasam kopert minn dan il-ftehim." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-Direttiva 2000/78

7       Id-Direttiva 2000/78 ġiet adottata fuq il-bażi ta' l-Artikolu 13 KE. L-ewwel, ir-raba', it-tmin u l-ħamsa u għoxrin premessa ta' din id-direttiva huma fformulati bil-mod segwenti:

"(1)      Skond l-Artikolu 6 tat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea hi mibnija fuq il-prinċipji tal-libertà, tad-demokrazija, tar-rispett għad-drittijiet umani u għall-libertajiet fondamentali, u wkoll fuq l-istat tad-dritt, prinċipji li huma komuni għall-Istati Membri kollha u li tirrispetta d-drittijiet fondamentali kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-drittijiet umani u l-libertajiet fondamentali u kif jirriżultaw mit-trad[i]zzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja.

[…]

(4)      Id-dritt tal-persuni kollha għall-ugwaljanza quddiem il-liġi u l-protezzjoni minn diskriminazzjoni jik[k]onstitwixxi dritt universali rikonoxxut mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani, il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar l-Elimazzjoni tal-Forom Kollha tad-Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa, mill-Patti tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet [Fondamentali], iffirmata mill-Istati Membri kollha. Il-Konvenzjoni Nru 111 ta' l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (OIX) tipprojbixxi d-diskriminazzjoni fil-qasam ta' l-impjieg u tax-xogħol.

[…]

(8)      Il-Linji Gwida ta' l-Impjieg għall-2000 miftehma mill-Kunsill Ewropew f’Helsinki fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 1999 emfasizzaw il-bżonn li jiġi promoss suq tax-xogħol favorevoli għall-integrazzjoni soċjali permezz tal-formolazzjoni ta' għadd ta’ linji politiċi koerenti bl-iskop li jikkumbattu diskriminazzjoni kontra gruppi bħal ta' persuni b'di[ż]abilità. Je[n]fasizzaw wkoll il-bżonn li tingħata attenzjoni partikolari lis-sostenn ta' ħaddiema anzjani, sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fil-forza tax-xogħol.

[…]

(25)      Il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni marbuta ma' l-età hija element essenzjali biex jintlaħqu l-miri stabbiliti fil-Linji Gwida ta' l-Impjieg u biex tiġi [i]nkoraġġita d-diversità fl-impjieg. Madankollu, id-differenzi fit-trattament marbuta ma' l-età jistgħu jiġu ġġustifikati f'ċerti ċirkostanzi u għalhekk jeħtieġu disposizzjonijiet speċifiċi li jistgħu jvarjaw skond is-sitwazzjoni fl-Istati Membri. Huwa għalhekk essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġustifikati, b’mod partikulari minn politika leġittima ta’ impjieg, objettivi tas-suq tax-xogħol u taħriġ professjonali, u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita."

8       Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 "[l]-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta ugwaljanza fit-trattament."

9       L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78, intitolat "Kunċett ta' diskriminazzjoni", fil-paragrafi 1 u 2(a) jiddikjara li:

"1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, 'il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament' għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b'mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1."

10     L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/78, intitolat "Il-kamp ta' applikazzjoni", fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi li:

"Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f'dak li jirrigwarda:

a)      il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta' min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta' għażla u l-kondizzjonijiet ta' reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

[…]

ċ)      il-kundizzjonijiet [ta'] l-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga

[…]"

11     Skond l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78:

"Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu o[ġġ]ettivament u raġonevolment ġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta' objettivi ta' taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet jkunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista' b'mod partikolari jinkludu:

a)      l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kondizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta' età, u persuni li jkollhom responsabbiltajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

b)      L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ impjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

c)      l-iffissar ta’ età massima għa[r]-reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġ[ij]iet ta' formazzjoni tal-post in kwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta' perijodu raġjonevoli ta’ impjieg qabel l-irtirar."

12     Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2000/78, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom ma' din id-direttiva sa mhux aktar tard mit-2 ta' Diċembru 2003. Madankollu, skond it-tieni paragrafu ta' l-imsemmi artikolu:

"Sabiex jittieħed kont ta' kondizzjonijiet partikolari, l-Istati Membri jistgħu, jekk neċessarju, jkollhom perijodu addizzjonali ta’ 3 snin mit-2 ta’ Diċembru 2003, jiġifieri total ta’ 6 snin, biex jimplimentaw id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età u ta' diżabilità. F’dak il-kaz għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih. Kull Stat Membru li jagħżel li juża dan il-perijodu addizzjonali għandu kull sena jirrapporta lill-Kummissjoni dwar il-passi li qed jieħu biex jiġġieled id-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ età u diżabilità u dwar il-progress li jkun qed jagħmel lejn l-implimentazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kull sena lill-Kunsill."

13     Peress illi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet li tibbenefika minn tali terminu supplimentari għat-traspożizzjoni ta' l-imsemmija direttiva, dan it-terminu jiskadi fit-2 ta' Diċembru 2006 fir-rigward ta' dan l-Istat Membru.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

14     L-Artikolu 1 tal-Liġi dwar il-promozzjoni ta' l-impjieg (Beschäftigungsförderungsgesetz), kif emendata bil-liġi tal-25 ta' Settembru 1996 (BGBl. 1996 I, p. 1476, aktar 'il quddiem il-"BeschFG 1996"), jipprovdi li:

"(1)      Il-kuntratti ta' xogħol għal żmien determinat huma awtorizzati għal żmien massimu ta' sentejn. F'dan il-limitu massimu totali ta' sentejn, kuntratt għal żmien determinat ma jistax jiġi mġedded għal aktar minn tliet darbiet.

(2)      Il-kuntratti ta' xogħol għal żmien determinat huma awtorizzati mingħajr il-kundizzjoni imsemmija fil-paragrafu 1 jekk il-ħaddiem ikun għalaq l-età ta' 60 sena meta jibda l-kuntratt ta' xogħol għal żmien determinat.

(3)      Il-kuntratti ta' xogħol skond il-paragrafi 1 u 2 mhumiex awtorizzati meta teżisti rabta stretta ma' kuntratt ta' xogħol preċedenti għal żmien mhux determinat jew ma' kuntratt ta' xogħol preċedenti għal żmien determinat skond il-paragrafu 1 ma' l-istess persuna li timpjega. Tali rabta stretta hija preżunta li teżisti partikolarment meta l-interval bejn iż-żewġ kuntratti huwa ta' inqas minn erba' xhur.

(4)      Il-possibbiltà li jiġi limitat it-tul ta' żmien tal-kuntratti ta' xogħol għal raġunijiet oħra ma tinbidilx.

[…]"

15     Bis-saħħa ta' l-Artikolu 1(6) tal-BeschFG 1996, din il-leġiżlazzjoni kienet applikabbli sal-31 ta' Diċembru 2000.

16     Id-Direttiva 1999/70 li timplimenta l-ftehim-qafas ġiet trasposta fl-ordni legali Ġermaniż permezz tal-Liġi dwar ix-xogħol part-time u l-kuntratti għal żmien determinat u temenda u tħassar xi dispożizzjoni tal-liġi dwar ix-xogħol (Gesetz über Teilzeitarbeit und befristete Arbeitsverträge und zur Änderung und Aufhebung arbeitsrechtlicher Bestimmungen), tal-21 ta' Diċembru 2000 (BGBl. 2000 I, p. 1966, aktar 'il quddiem it-"TzBfG"). Din il-liġi daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2001.

17     Skond l-Artikolu 1 tat-TzBfG, intitolat "Għan":

"Il-liġi hija intiża sabiex tinkoraġġixxi x-xogħol part-time, tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-possibbiltà li jiġu konklużi kuntratti ta' xogħol għal żmien determinat u l-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema mpjegati part-time u dawk li għandhom kuntratt għal żmien determinat."

18     L-Artikolu 14 tat-TzBfG, li jirregola l-kuntratti għal żmien determinat, jipprovdi li:

"(1)      Jista' jiġi konkluż kuntratt ta' xogħol għal żmien determinat meta teżisti raġuni oġġettiva biex isir dan, jiġifieri b'mod partikolari fil-każijiet segwenti:

1.      il-bżonn li jiġi pprovdut ix-xogħol huwa biss provviżorju,

2.      l-iffissar ta' żmien determinat isegwi perijodu ta' taħriġ jew ta' studju sabiex jiffaċilita d-dħul tal-ħaddiem fil-ħajja tax-xogħol,

3.      il-ħaddiem jissostitwixxi ħaddiem ieħor,

4.      l-ispeċifiċità tax-xogħol ipprovdut tiġġustifika l-iffissar ta' żmien determinat,

5.      il-limitu huwa marbut ma' perijodu ta' prova,

6.      motivi li jirrigwardaw il-persuna nnifisha tal-ħaddiem li jiġġustifikaw l-iffissar ta' żmien determinat,

7.      il-ħaddiem huwa mħallas mill-fondi tal-baġit previsti għal xogħol għal żmien determinat u huwa mpjegat skond din l-iskema,

8.      iż-żmien determinat huwa stabbilit bi qbil bejn il-partijiet quddiem qorti.

(2)      Il-konklużjoni ta' kuntratti ta' xogħol għal żmien determinat hija awtorizzata fin-nuqqas ta' raġuni oġġettiva fil-limitu ta' sentejn. Fl-imsemmi limitu, kuntratt għal żmien determinat ma jistax jiġi mġedded għal aktar minn tliet darbiet. Il-konklużjoni ta' kuntratt ta' xogħol għal żmien determinat skond l-ewwel sentenza mhijiex awtorizzata meta l-ħaddiem ikun diġà kellu relazzjoni ta' xogħol għal żmien determinat jew mhux determinat ma' l-istess persuna li timpjega. Ftehim kollettiv jista' jidderoga mill-ewwel sentenza billi jistabbilixxi n-numru ta' drabi li jista' jkun hemm tiġdid jew it-tul ta' żmien massimu. Il-persuna li timpjega u l-ħaddiema tas-settur ikkonċernat minn dan il-ftehim iżda li mhumiex marbuta b'dan il-ftehim jistgħu jiftehmu dwar l-applikazzjoni tal-ftehim.

(3)      Il-konklużjoni ta' kuntratt ta' xogħol għal żmien determinat mhijiex suġġetta għall-eżistenza ta' raġuni oġġettiva meta l-ħaddiem ikun għalaq l-età ta' 58 sena dakinhar li tibda r-relazzjoni ta' xogħol għal żmien determinat. L-iffissar ta' żmien determinat mhuwiex legali meta teżisti rabta stretta ma' kuntratt ta' xogħol preċedenti għal żmien mhux determinat konkluż ma' l-istess persuna li timpjega. Tali rabta hija preżunta partikolarment meta l-interval bejn iż-żewġ kuntratti ta' xogħol huwa ta' inqas minn 6 xhur.

(4)      Il-limitu tat-tul ta' kuntratt ta' xogħol għandu jiġi indikat bil-miktub."

19     L-Artikolu 14(3) tat-TzBfG ġie emendat bl-ewwel Liġi dwar il-prestazzjoni ta' servizzi moderni fuq is-suq ta' l-impjieg, tat-23 ta' Diċembru 2002, (BGBl. 2002 I, p. 14607, aktar 'il quddiem il-"liġi ta' l-2002"). Il-verżjoni l-ġdida ta' l-imsemmija dispożizzjoni, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2003, hija miktuba kif ġej:

"Il-konklużjoni ta' kuntratt ta' xogħol għal żmien determinat mhijiex suġġetta għall-eżistenza ta' raġuni oġġettiva meta l-ħaddiem ikun għalaq 58 sena dakinhar li tibda r-relazzjoni ta' xogħol għal żmien determinat. L-iffissar ta' żmien determinat mhuwiex legali meta teżisti rabta stretta ma' kuntratt ta' xogħol preċedenti għal żmien mhux determinat konkluż ma' l-istess persuna li timpjega. Tali rabta stretta hija preżunta meta l-interval bejn iż-żewġ kuntratti ta' xogħol huwa ta' inqas minn sitt xhur. Sal-31 ta' Diċembru 2006, l-ewwel sentenza għandha tiġi applikata billi tinqara 52 sena minflok 58 sena."

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20     Fis-26 ta' Ġunju 2003, is-Sinjur Mangold, dakinhar fl-età ta' 56 sena, ikkonkluda l-kuntratt mas-Sinjur Helm, li jeżerċita l-professjoni ta' avukat, kuntratt li kellu effett mill-1 ta' Lulju 2003.

21     Skond l-Artikolu 5 tal-kuntratt:

"1.      Ir-relazzjoni ta' xogħol tibda fl-1 ta' Lulju 2003 u tintemm fit-28 ta' Frar 2004.

2.      It-tul ta' żmien tal-kuntratt huwa bbażat fuq id-dispożizzjoni legali intiża sabiex tiffaċilita l-konklużjoni ta' kuntratti ta' xogħol għal żmien determinat ma' ħaddiema li għandhom iż-żmien (dispożizzjonijiet li għandhom jinqraw flimkien mar-raba' u ma' l-ewwel sentenzi ta' l-Artikolu 14(3) tat-TzBfG […]), peress illi l-ħaddiem għandu aktar minn 52 sena.

3.      Il-partijiet jaqblu li ż-żmien determinat ta' dan il-kuntratt huwa biss minħabba r-raġuni ddikjarata fil-punt 2 preċedenti. Ir-raġunijiet l-oħra għal limitazzjoni taż-żmien ta' impjieg, aċċettati fil-prinċipju mill-leġiżlatur u mill-ġurisprudenza, qed jiġu espressament esklużi minn dan il-ftehim."

22     Skond is-Sinjur Mangold, safejn jillimita t-tul ta' żmien tal-kuntratt tiegħu, l-imsemmi Artikolu 5 huwa, għalkemm tali limitazzjoni hija konformi ma' l-Artikolu 14(3) tat-TzBfG, inkompatibbli mal-ftehim-qafas u d-Direttiva 2000/78.

23     Is-Sinjur Helm isostni li l-klawsola 5 tal-ftehim-qafas tistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex jevitaw l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta' kuntratti ta' xogħol għal żmien determinat konklużi suċċessivament, b'mod partikolari, billi jirrikjedu raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta' dawn il-kuntratti, jew billi jiffissaw żmien massimu totali tal-kuntratti jew relazzjonijiet ta' xogħol għal żmien determinat, jew billi jillimitaw in-numru ta' tiġdid ta' tali kuntratti jew relazzjonijiet ta' xogħol.

24     Fil-fehma tiegħu anki jekk ir-raba' sentenza ta' l-Artikolu 14(3) tat-TzBfG ma tipprovdix espressament għal tali kundizzjonijiet restrittivi fil-każ ta' ħaddiema li għandhom iż-żmien, hemm raġuni oġġettiva, skond is-subparagrafu (a) tal-klawsola 5(1) tal-ftehim-qafas, li tiġġustifika l-konklużjoni ta' kuntratt ta' xogħol għal żmien determinat, li hija d-diffikultà sabiex dawn il-ħaddiema jsibu impjieg fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq tax-xogħol.

25     L-Arbeitsgericht München għandha d-dubji dwar il-kompatibilità ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 14(3) tat-TzBfG mad-dritt Komunitarju.

26     L-ewwelnett, l-imsemmija qorti tikkunsidra li din id-dispożizzjoni hija kuntrarja għall-projbizzjoni ta' "tnaqqis fil-protezzjoni" stipulata fil-punt 3 tal-klawsola 8 tal-ftehim-qafas, safejn, mat-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70, hija naqqset l-età tal-persuni esklużi mill-protezzjoni kontra l-użu, mhux iġġustifikat b'raġuni oġġettiva, tal-kuntratti ta' xogħol għal żmien determinat minn 60 għal 58 sena u, konsegwentement, il-livell ġenerali ta' protezzjoni li kienet tibbenefika minnu din il-kategorija ta' ħaddiema naqas. Tali dispożizzjoni hija wkoll kuntrarja għall-klawsola 5 tal-ftehim-qafas intiża sabiex tipprevjeni l-użu abbużiv ta' tali kuntratti, safejn hija ma tistabbilixxi ebda restrizzjoni għall-konklużjoni tagħhom minn numru ta' ħaddiema li jaqgħu taħt kategorija kkaratterizzata mill-età biss.

27     It-tieninett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibilità ta' leġiżlazzjoni bħall-Artikolu 14(3) tat-TzBfG ma' l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78, safejn it-tnaqqis, permezz tal-liġi ta' l-2002, minn 58 għal 52 sena, ta' l-età li fiha huwa permess li jiġu konklużi kuntratti ta' xogħol għal żmien determinat, mingħajr raġuni oġġettiva, ma jiggarantixxix il-protezzjoni tal-persuni li għandhom iż-żmien għax-xogħol. Barra dan il-prinċipju ta' proporzjonalità ma jkunx rispettat.

28     L-imsemmija qorti tikkonstata li, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, jiġifieri fis-26 ta' Ġunju 2003, it-terminu ta' traspożizzjoni fid-dritt intern tad-Direttiva 2000/78 ma kienx għadu skada. Madankollu, hija tfakkar li, skond il-punt 45 tas-sentenza tal-18 ta' Diċembru 1997, Inter-Environnement-Wallonie (C-129/96, Ġabra p. I-7411), Stat Membru destinatarju ta' direttiva m'għandux, matul it-terminu ta' traspożizzjoni tagħha, jieħu miżuri li serjament jikkompromettu r-riżultat intiż minn din id-direttiva.

29     Fil-kawża prinċipali, l-emenda magħmula għall-Artikolu 14(3) tat-TzBfG permezz tal-liġi ta' l-2002 daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2003, wara l-pubblikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, iżda qabel l-iskadenza tat-terminu ta' traspożizzjoni previst fl-Artikolu 18 tagħha.

30     It-tieletnett, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-qorti nazzjonali għandhiex, fil-kawża bejn il-partijiet, twarrab ir-regoli tad-dritt intern li huma inkompatibbli mad-dritt Komunitarju. F'dan ir-rigward hija tikkunsidra li s-supremazija ta' din ta' l-aħħar għandha twassalha sabiex tikkonkludi li l-Artikolu 14(3) tat-TzBfG mhuwiex applikabbli fit-totalità tiegħu u li, għalhekk, għandha tapplika r-regola stabbilita fil-paragrafu 1 ta' l-istess artikolu, li tirrikjedi l-eżistenza ta' raġuni oġġettiva sabiex jiġi konkluż kuntratt għal żmien determinat.

31     Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Arbeitsgericht München iddeċidiet tissospendi l-proċeduri quddiemha u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

"1)      a)     Il-klawsola 8(3) tal-ftehim-qafas […] għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta ssir it-traspożizzjoni fid-dritt intern, jipprojbixxi tnaqqis fil-protezzjoni li jirriżulta mit-tnaqqis fil-limitu ta' l-età minn 60 għal 58 sena?

b)      Il-klawsola 5(1) tal-ftehim-qafas […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħal dik fil-kawża in eżami, ma tinkludi ebda waħda mit-tliet restrizzjonijiet li jinsabu f'dan il-paragrafu?

2)      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża in eżami, li bis-saħħa tagħha jistgħu jiġu konklużi kuntratti ta' xogħol għal żmien determinat, mingħajr raġuni oġġettiva, ma' impjegati li għandhom 52 sena, u b'hekk kontra l-prinċipju li jeżiġi tali raġuni oġġettiva?

3)      Jekk ir-risposta għal waħda minn dawn id-domandi hija pożittiva: l-qorti nazzjonali għandha twarrab il-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija kuntrarja għad-dritt Komunitarju u għandha tapplika l-prinċipju ġenerali tad-dritt intern li bis-saħħa tiegħu mhuwiex legali li jiġu stabbiliti żminijiet determinati ħlief għal raġuni oġġettiva?"

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rinviju preliminari

32     Dakinhar tas-seduta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkontestat l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari għar-raġuni li l-kwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta' karattru fittizju u artifiċjali. Fil-fatt, fil-passat, is-Sinjur Helm kien diġà ddefenda, pubblikament, teżi identika għal dik tas-Sinjur Mangold fir-rigward ta' l-illegalità ta' l-Artikolu 14(3) tat-TzBfG.

33     F'dan ir-rigward, għandu mill-ewwel jiġi mfakkar li, bis-saħħa ta' l-Artikolu 234 KE, meta tqum kwistjoni ta' interpretazzjoni tat-Trattat KE jew ta' leġiżlazzjoni sekondarja adottata mill-istituzzjonijiet tal-Komunità quddiem qorti ta' Stat Membru, din il-qorti tista', jekk tqis li deċiżjoni hija neċessarja sabiex tkun tista' tagħti sentenza, titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar din il-kwistjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta' Marzu 2002, Cura Anlagen, C-451/99, Ġabra p. I-3193, punt 22).

34     Fil-kuntest ta' din il-proċedura ta' rinviju, il-qorti nazzjonali, li hija l-unika li jkollha konoxxenza diretta tal-fatti tal-kawża, hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa, fir-rigward tal-partikolaritajiet ta' din il-kawża, il-bżonn ta' deċiżjoni preliminari sabiex tagħti s-sentenza (ara s-sentenzi tas-16 ta' Lulju 1993, Meilicke, C-83/91, Ġabra p. I-4871, punt 23; tas-7 ta' Lulju 1994, McLachlan, C-146/93, Ġabra p. I-3229, punt 20; tad-9 ta' Frar 1995, Leclerc-Siplec, C-412/93, Ġabra p. I-179, punt 10, u tat-30 ta' Settembru 2003, Inspire Art, C-167/01, Ġabra p. I-10155, punt 43).

35     Konsegwentement, meta d-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta' dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, fil-prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti sentenza (ara s-sentenzi tat-8 ta' Novembru 1990, Gmurzynska-Bscher, C-231/89, Ġabra p. I-4003, punt 20; Leclerc-Siplec, iċċitata aktar 'il fuq, punt 11; tat-23 ta' Frar 1995, Bordessa et., C-358/93 u C-416/93 Ġabra p. I-361, punt 10, u Inspire Art, iċċitata aktar 'il fuq, punt 44).

36     Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li, bil-għan li tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess, hija għandha teżamina l-kundizzjonijiet li fihom il-kawża tressqet quddiemha mill-qorti nazzjonali. Fil-fatt, l-ispirtu ta' kollaborazzjoni li għandu jkun hemm f'rinviju preliminari jinvolvi li, min-naħa tagħha, l-qorti nazzjonali tikkunsidra l-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li hija li tikkontribwixxi għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri u mhux li tagħti opinjonijiet konsultattivi dwar kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi (sentenzi tat-3 ta' Frar 1983, Robards, 149/82, Ġabra p. 171, punt 19; Meilicke, iċċitata aktar 'il fuq, punt 25, u Inspire Art, iċċitata aktar 'il fuq, punt 45).

37     Hija b'kunsiderazzjoni għal din il-funzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li ma tistax tagħti deċiżjoni fir-rigward ta' domanda preliminari mqajma quddiem qorti nazzjonali meta jidher b'mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju m'għandha ebda rapport mar-realtà jew ma' l-għan tal-kawża prinċipali.

38     Madankollu, fil-kawża prinċipali, huwa ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mqajma mill-qorti tar-rinviju effettivament tirrispondi għall-bżonn oġġettiv inerenti għas-soluzzjoni ta' kawża pendenti quddiemha. Fil-fatt, mhuwiex ikkontestat li l-kuntratt ġie effettivament konkluż u li l-applikazzjoni tiegħu tqajjem kwistjoni ta' interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju. Il-fatt li l-partijiet fil-kawża prinċipali jaqblu dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 14(3) tat-TzBfG mhuwiex tali li jaffettwa r-realtà ta' din il-kawża.

39     Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda, b)

40     Permezz ta' l-ewwel domanda b) tagħha, li jaqbel li tiġi eżaminata qabel id-domanda a), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-klawsola 5 tal-ftehim-qafas għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li ma tinkludi ebda waħda mir-restrizzjonijiet previsti fl-imsemmija klawsola sabiex isir użu tal-kuntratti ta' xogħol għal żmien determinat.

41     F'dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi rrilevat li l-klawsola 5(1) tal-ftehim-qafas hija intiża "sabiex jiġu evitati l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta' kuntratti jew ta' relazzjonijiet ta' xogħol għal żmien determinat konklużi suċċessivament".

42     Madankollu, kif ġie kkonfermat mill-partijiet fil-kawża prinċipali dakinhar tas-seduta, il-kuntratt huwa l-ewwel u l-uniku kuntratt ta' xogħol konkluż bejniethom.

43     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni tal-klawsola 5(1), hija manifestament nieqsa minn kull rilevanza għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju u, konsegwentement, m'hemmx lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda b).

 Fuq l-ewwel domanda, a)

44     Permezz ta' l-ewwel domanda a), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-klawsola 8(3) tal-ftehim-qafas għandhiex tiġi interpretat fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li, meta ġiet trasposta d-Direttiva 1999/70 fid-dritt intern, l-età li minnha 'l fuq jistgħu jiġu konklużi kuntratti ta' xogħol għal żmien determinat mingħajr restrizzjonijiet ġiet imnaqqsa minn 60 għal 58 sena.

45     Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li fil-kawża prinċipali l-kuntratt ġie konkluż fis-26 ta' Ġunju 2003, jiġifieri taħt is-sistema tat-TzBfG kif emendata permezz tal-liġi ta' l-2002, li naqqset l-età li minnha 'l fuq huwa permissibli li jiġu konklużi kuntratti ta' xogħol għal żmien determinat, minn 58 għal 52 sena. Fil-kawża preżenti, huwa paċifiku li s-Sinjur Mangold kien ġie impjegat mis-Sinjur Helm meta kellu 56 sena.

46     Madankollu l-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-interpretazzjoni tal-klawsola 8(3) ser tkun utli għaliha sabiex hija tkun tista' teżamina l-legalità ta' l-Artikolu 14(3) tat-TzBfG, fil-verżjoni oriġinali tiegħu, safejn, jekk din l-aħħar dispożizzjoni ma tkunx konformi mad-dritt Komunitarju, dan ikollu l-effett li jrendi l-emenda tiegħu permezz tal-liġi ta' l-2002, bla effett.

47     Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, meta saret it-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 fid-dritt intern, il-leġiżlatur Ġermaniż kien diġà naqqas l-età li minnha 'l fuq jistgħu jiġu konklużi kuntratti ta' xogħol għal żmien determinat, minn 60 għal 58 sena.

48     Skond is-Sinjur Mangold, tali tnaqqis fil-protezzjoni, bħal dik li saret bil-liġi ta' l-2002, hija kuntrarja għall-klawsola 8(3) tal-ftehim-qafas.

49     Għall-kuntrarju, il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra li l-imsemmi tnaqqis fl-età huwa kkompensat mir-rikonoxxenza ta' garanziji soċjali ġodda għall-ħaddiema marbuta b'kuntratt għal żmien determinat, bħall-promulgazzjoni ta' projbizzjoni ġenerali ta' diskriminazzjoni u l-estensjoni tar-restrizzjonijiet previsti għar-rikors għal dawn it-tip ta' kuntratti għall-intrapriżi żgħar u għall-relazzjonijiet ta' xogħol għal żmien qasir.

50     F'dan ir-rigward, mit-termini stess tal-klawsola 8(3) tal-ftehim-qafas jirriżulta li l-implimentazzjoni tagħha ma tistax tikkostitwixxi motiv validu sabiex l-Istati Membri jnaqqsu l-livell ġenerali tal-protezzjoni tal-ħaddiema preċedentement iggarantit taħt l-ordni legali intern fil-qasam kopert mill-imsemmi ftehim.

51     L-espressjoni "implimentazzjoni", użata mingħajr ebda preċiżjoni oħra fil-klawsola 8(3) tal-ftehim-qafas, ma tistax tirreferi biss għat-traspożizzjoni oriġinali tad-Direttiva 1999/70 u, b'mod partikolari, ta' l-anness li fih il-ftehim-qafas, iżda għandha tkopri kull miżura nazzjonali intiża sabiex tiggarantixxi li l-għan tad-direttiva jkun jista' jintlaħaq, inklużi dawk li, wara t-traspożizzjoni proprja, jikkompletu jew jemendaw ir-regoli nazzjonali diġà adottati.

52     Għall-kuntrarju, tnaqqis fil-protezzjoni ggarantita lill-ħaddiema, fil-qasam tal-kuntratti għal żmien determinat, mhijiex per se pprojbita mill-ftehim-qafas peress illi hija m'għandha ebda rabta ma' l-implimentazzjoni tiegħu.

53     Madankollu, kemm mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mis-sottomissjonijiet ippreżentati mill-Gvern Ġermaniż dakinhar tas-seduta u kif irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 75 sa 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta li t-tnaqqis suċċessiv fl-età li minnha 'l fuq jistgħu jiġu konklużi kuntratti għal żmien determinat mingħajr restrizzjoni huwa ġġustifikat, mhux minħabba l-bżonn li jiġi implimentat il-ftehim-qafas, iżda minħabba l-bżonn li jiġi promoss l-impjieg tal-persuni li għandhom iż-żmien fil-Ġermanja.

54     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda a) għandha tkun li l-klawsola 8(3) tal-ftehim-qafas għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, għal raġunijiet marbuta mal-bżonn li jiġi promoss l-impjieg u indipendentement mill-implimentazzjoni ta' l-imsemmi ftehim, li tnaqqas minn 60 għal 58 sena l-età li minnha 'l fuq jistgħu jiġu konklużi kuntratti ta' xogħol għal żmien determinat mingħajr restrizzjonijiet.

 Fuq it-tieni u t-tielet domandi

55     Permezz tat-tieni u t-tielet domandi, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in eżami fil-kawża prinċipali li tawtorizza l-konklużjoni ta' kuntratti ta' xogħol għal żmien determinat, mingħajr restrizzjoni, ħlief jekk teżisti rabta stretta ma' kuntratt ta' xogħol għal żmien mhux determinat preċedentement konkluż ma' l-istess persuna li timpjega, meta l-ħaddiem ikun laħaq l-età ta' 52 sena. F'każ ta' risposta pożittiva, hija tistaqsi dwar il-konklużjonijiet li l-qorti nazzjonali għandha tasal għalihom minn din l-interpretazzjoni.

56     F'dan ir-rigward huwa importanti li jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2000/78 hija intiża sabiex tistabbilixxi qafas ġenerali biex, fir-rigward ta' l-impjieg u tax-xogħol, tiġġieled kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq wieħed mill-motivi stabbiliti f'dan l-artikolu, li fosthom tidher l-età.

57     Madankollu l-Artikolu 14(3) tat-TzBfG, billi jipprovdi għall-possibbiltà li l-persuni li jimpjegaw jikkonkludu kuntratt għal żmien determinat mingħajr restrizzjonijiet ma' ħaddiema li għalqu l-età ta' 52 sena, jistabbilixxi differenza fit-trattament direttament ibbażata fuq l-età.

58     Preċiżament, fir-rigward tad-differenzi fit-trattament ibbażati fuq l-età, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jistabbilixxi li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li tali trattament differenti "m’għandhux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu o[ġġ]ettivament u raġonevolment ġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta' objettivi ta' taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet jkunu approprjati u neċessarji". Tali differenzi jistgħu, skond is-subparagrafu (a) ta' l-istess paragrafu, jikkonċernaw b'mod partikolari "l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol […] għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta' età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom" kif ukoll, is-subparagrafi (b) u (ċ), l-iffissar ta' kundizzjonijiet ta' età f'ċerti każijiet partikolari.

59     Kif jirriżulta mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju, din il-leġiżlazzjoni għandha bla dubju l-għan li tiffavorixxi d-dħul tal-ħaddiema anzjani qiegħda fil-ħajja tax-xogħol, safejn dawn ikollhom diffikultajiet serji sabiex jerġgħu jsibu impjieg.

60     Il-legalità ta' tali għan ta' interess ġenerali ma tistax tiġi raġonevolment ikkontestata, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni stess.

61     Għalhekk, għan ta' din in-natura għandu, fil-prinċipju, jiġi kkunsidrat bħala li jiġġustifika "oġġettivament u raġonevolment", kif jipprovdi l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età ppromulgata mill-Istati Membri.

62     Għandu jiġi wkoll ivverifikat, skond it-termini stess ta' l-imsemmija dispożizzjoni, jekk il-mezzi implimentati sabiex jintlaħaq dan l-għan legali humiex "approprjati u neċessarji".

63     F'dan ir-rigward, huwa żgur li l-Istati Membri jiddisponu minn marġni ta' diskrezzjoni fl-għażla tal-miżuri li jistgħu jadottaw sabiex jilħqu l-għanijiet tagħhom fil-materja ta' politika soċjali u ta' l-impjieg.

64     Madankollu, kif irrilevat mill-qorti tar-rinviju, l-applikazzjoni ta' leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali twassal għal sitwazzjoni fejn il-ħaddiema kollha li jkunu laħqu l-età ta' 52 sena, mingħajr distinzjoni, ikunux mingħajr xogħol jew le qabel il-konklużjoni ta' kuntratt u kien x'kien it-tul tal-perijodu ta' qgħad, jistgħu validament, sa l-età li fiha jkollhom id-dritt li jirċievu l-pensjoni ta' l-irtirar, jingħataw kuntratti ta' xogħol għal żmien determinat li jistgħu jiġu mġedda għal numru ta' drabi mhux definit. B'dan il-mod, din il-kategorija importanti ta' ħaddiema, iddeterminata esklużivament skond l-età, għandha r-riskju li, matul parti sustanzjali tal-karriera professjonali ta' dawn ta' l-aħħar, tiġi eskluża mill-benefiċċju ta' l-istabbilità ta' l-impjieg, li għaldaqstant, kif jirriżulta mill-ftehim-qafas, jikkostitwixxi element importanti fil-protezzjoni tal-ħaddiema.

65     Tali leġiżlazzjoni, safejn tistabbilixxi l-età tal-ħaddiem ikkonerċernat bħala l-uniku kriterju għall-applikazzjoni ta' kuntratt ta' xogħol għal żmien determinat, mingħajr ma jintwera li l-iffissar ta' limitu ta' età, bħala tali, indipendentement minn kull kunsiderazzjoni oħra marbuta ma' l-istruttura tas-suq tax-xogħol in kwistjoni u tas-sitwazzjoni personali ta' l-interessat, huwa oġġettivament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tad-dħul fil-ħajja tax-xogħol tal-ħaddiema li għandhom iż-żmien li jkunu qiegħda, għandha tiġi kkunsidrata bħala li tmur oltre dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tagħha. Il-ħarsien tal-prinċipju ta' proporzjonalità fil-fatt jinvolvi li kull deroga minn dritt individwali tirrikonċilja, safejn huwa possibbli, l-eżiġenzi tal-prinċipju ta' trattament ugwali u dawk ta' l-għan li jrid jintlaħaq (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta' Marzu 2002, Lommers, C-476/99, Ġabra p. I-2891, punt 39). Tali leġiżlazzjoni nazzjonali ma tistax tiġi ġġustifikata taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

66     Il-fatt li, fid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt, it-terminu ta' traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78 ma kienx għadu skada mhuwiex tali li jikkontesta din il-konstatazzjoni.

67     Fil-fatt, l-ewwelnett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, matul it-terminu ta' traspożizzjoni ta' direttiva, l-Istati Membri m'għandhomx jadottaw dispożizzjonijiet li serjament jikkompromettu r-riżultat li jrid jintlaħaq mill-istess direttiva (sentenza Inter-Environnement Wallonie, iċċitata aktar 'il fuq, punt 45).

68     F'dan ir-rigward mhuwiex importanti jekk ir-regola in kwistjoni tad-dritt nazzjonali, adottata wara d-dħul fis-seħħ tad-direttiva kkonċernata, tipprovdix jew le għat-traspożizzjoni ta' din ta' l-aħħar (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta' Mejju 2003, ATRAL, C-14/02, Ġabra p. I-4431, punti 58 u 59).

69     Madankollu, fil-kawża prinċipali, it-tnaqqis minn 58 għal 52 sena ta' l-età li minnha 'l fuq huwa possibbli li jiġu konklużi kuntratti ta' xogħol għal żmien determinat, previst fl-Artikolu 14(3) tat-TzBfG, sar f'Diċembru 2002 u din il-miżura għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2006.

70     Il-fatt biss li f'dan il-każ l-imsemmija dispożizzjoni tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2006, jiġifieri ftit ġimgħat biss wara l-iskadenza tad-data ta' traspożizzjoni li l-Istat Membru kkonċernat għandu jirrispetta, mhuwiex per se deċiżiv.

71     Fil-fatt, minn naħa, mill-kliem stess tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li f'każ fejn l-Istat Membru, bħar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-każ in eżami, jagħżel li jirrikorri għal perijodu addizzjonali ta' tliet snin li jibdew mit-2 ta' Diċembru 2003 sabiex tiġi trasposta din id-direttiva, l-imsemmi Stat Membru "għandu kull sena jirrapporta lill-Kummissjoni dwar il-passi li qed jieħu biex jiġġieled kontra d-diskriminazzjoni fuq bażi ta' età […] u dwar il-progress li jkun qed jagħmel lejn l-implimentazzjoni tad-direttiva".

72     Għalhekk din id-dispożizzjoni timplika li l-Istat Membru, li jibbenefika eċċezzjonalment minn terminu ta' traspożizzjoni aktar twil, jieħu miżuri konkreti progressivament sabiex minn dakinhar 'il quddiem japprossima l-leġiżlazzjoni tiegħu lejn l-għan li jrid jintlaħaq mill-imsemmija direttiva. Dan l-obbligu ma jkollu ebda effett utli jekk ikun permess għall-imsemmi Stat Membru li jadotta, matul it-terminu ta' implimentazzjoni ta' l-istess direttiva, miżuri inkompatibbli ma' l-għanijiet tagħha.

73     Min-naħa l-oħra, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 96 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-31 ta' Diċembru 2006, parti konsiderevoli tal-ħaddiema suġġetti għal-leġiżlazzjoni fil-kawża prinċipali, wieħed minnhom is-Sinjur Mangold, kienu diġà għalqu l-età ta' 58 sena u għalhekk baqgħu jaqgħu taħt l-iskema speċifika stabbilita permezz ta' l-Artikolu 14(3) tat-TzBfG, anki jekk, għal din il-kategorija ta' persuni, hemm definitivament ir-riskju ta' esklużjoni tal-garanzija ta' l-istabbilità ta' l-impjieg li wieħed jista' jkollu permezz ta' kuntratt ta' xogħol għal żmien mhux determinat, indipendentement mill-iskadenza, fl-aħħar tas-sena 2006, ta' l-applikabbiltà tal-kundizzjoni ta' l-età ffissata għal 52 sena.

74     It-tieninett u fuq kollox, id-Direttiva 2000/78 ma tinkludix hija stess il-prinċipju ta' trattament ugwali fir-rigward ta' l-impjieg u tax-xogħol. Fil-fatt, skond l-Artikolu 1 tagħha, din id-direttiva għandha biss l-għan "li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta' reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali", il-prinċipju stess tal-projbizzjoni ta' dawn il-forom ta' diskriminazzjoni li għandhom is-sors tagħhom, kif jirriżultaw mill-ewwel u mir-raba' premessa ta' l-imsemmija direttiva, f'diversi strumenti internazzjonali u t-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta' l-Istati Membri.

75     Il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni fir-rigward ta' l-età għandu għalhekk jiġi kkunsidrat bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Għaldaqstant, meta leġiżlazzjoni nazzjonali taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ta' l-aħħar, kif inhu l-każ fl-Artikolu 14(3) tat-TzBfG, emendat permezz tal-liġi ta' l-2002, bħala miżura li timplimenta d-Direttiva 1999/70 (ara, f'dan ir-rigward, il-punti 51 u 64 ta' din is-sentenza wkoll), il-Qorti tal-Ġustizzja, li trid tagħti deċiżjoni preliminari, għandha tipprovdi l-elementi kollha ta' interpretazzjoni li huma neċessarji għall-evalwazzjoni, mill-qorti nazzjonali, tal-konformità ta' din il-leġiżlazzjoni ma' tali prinċipju (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta' Diċembru 2002, Rodríguez Caballero, C-442/00, Ġabra p. I-11915, punti 30 sa 32).

76     Konsegwentement, il-ħarsien tal-prinċipju ġenerali ta' trattament ugwali, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-età, ma jistax, bħala tali, jiddependi fuq l-iskadenza tat-terminu mogħti lill-Istati Membri biex tiġi trasposta direttiva intiża sabiex tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjonijiet ibbażati fuq l-età, b'mod partikolari, għal dak li jikkonċerna l-organizzazzjoni tal-mezzi ta' rikors xierqa, l-oneru tal-provi, il-protezzjoni kontra r-ritorsjonijiet, id-djalogu soċjali, l-azzjonijiet pożittivi u miżuri oħra speċifiċi għall-implimentazzjoni ta' tali direttiva.

77     F'dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti nazzjonali li qed tisma' l-kawża dwar il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni minħabba l-età, li għandha tassigura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni ġuridika tal-partijiet li tirriżulta mid-dritt Komunitarju u li tiggarantixxi l-effett totali tiegħu billi ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jmorru kontra d-dritt Komunitarju (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta' Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, Ġabra p. 629, punt 21, u tal-5 ta' Marzu 1998, Solred, C-347/96, Ġabra p. I-937, punt 30).

78     Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal preċedentement, ir-risposti għat-tieni u t-tielet domandi għandhom ikunu li d-dritt Komunitarju u, b'mod partikolari, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali li tawtorizza l-konklużjoni ta' kuntratti ta' xogħol għal żmien determinat, mingħajr restrizzjonijiet, ħlief jekk teżisti rabta stretta ma' kuntratt ta' xogħol għal żmien mhux determinat preċedentement konkluż ma' l-istess persuna li timpjega, meta l-ħaddiem ikun għalaq l-età ta' 52 sena.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tassigura l-effett totali tal-prinċipju ġenerali ta' non-diskriminazzjoni minħabba l-età filwaqt li ma tapplika ebda dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li hija kuntrarja għad-dritt Komunitarju, u dan anki jekk it-terminu ta' traspożizzjoni ta' l-imsemmija direttiva jkun għadu ma skadiex.

 Fuq l-ispejjeż

79     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Il-klawsola 8(3) tal-ftehim-qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, implimentat permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta' Ġunju 1999, dwar il-ftehim-qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss [determinat] konkluż minn KETU, UKIIE u ĊEIP għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali li, għal motivi marbuta mal-bżonn li jiġi promoss l-impjieg u independentement mill-implimentazzjoni ta' l-imsemmi ftehim, naqqset l-età li minnha 'l fuq jistgħu jiġu konklużi kuntratti ta' xogħol għal żmien determinat mingħajr restrizzjonijiet.

2)      Id-dritt Komunitarju u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta' Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali li tawtorizza l-konklużjoni ta' kuntratti ta' xogħol għal żmien determinat, mingħajr restrizzjonijiet, ħlief jekk teżisti rabta stretta ma' kuntratt ta' xogħol għal żmien mhux determinat preċedenti konkluż ma' l-istess persuna li timpjega, meta l-ħaddiem ikun għalaqa l-età ta' 52 sena.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tassigura l-effett totali tal-prinċipju ġenerali ta' non-diskriminazzjoni minħabba l-età filwaqt li ma tapplika ebda dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li hija kuntrarja għad-dritt Komunitarju, u dan anki jekk it-terminu ta' traspożizzjoni ta' l-imsemmija direttiva jkun għadu ma skadiex.

Firem


** Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.