62004J0140



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-140/04

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mil-le hof van beroep te Antwerpen (Il-Belġju), permezz ta' deċiżjoni tal-11 ta' Marzu 2004, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta' Marzu 2004, fil-proċedura

United Antwerp Maritime Agencies NV

vs

Belgische Staat,

u

Seaport Terminals NV

vs

Belgische Staat,

United Antwerp Maritime Agencies NV,

IL-QORTI (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Lenaerts, J.N. Cunha Rodrigues (Relatur), E. Juhász u Ilei, Imħallfin

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: M. M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta' April 2005,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

- għal United Antwerp Maritime Agencies NV, minn E. Gevers, advocaat,

- għal Seaport Terminals NV, minn P. Hoogmartens u G. Huyghe, advocaten,

- għall-Gvern Belġjan, minn D. Haven, bħala aġent,

- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn X. Lewis, bħala aġent, assistit minn F. Tuytschaever, advocaat,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali magħmula fis-seduta tas-26 ta' April 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-raba' inċiż ta' l-Artikolu 203(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1, iktar 'il quddiem "il-Kodiċi Doganali").

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn IL-Belgische Staat u, il-kumpannija ta' trasport marittimu United Antwerp Maritime Agencies NV (iktar 'il quddiem "Unamar") u l-kumpannija ta' burdnara Seaport Terminals NV, li saret Katoen Natie Terminals NV, (iktar 'il quddiem "Seaport Terminals"), rigward il-ħlas ta' dejn doganali li ġie inkors b'riżultat tat-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta' merkanziji suġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni.

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

Il-Kodiċi Doganali

3. Skond l-Artikolu 37 tal-Kodiċi Doganali:

"1. Merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità għandha, mill-ħin tad-dħul tagħha, tkun soġġetta għal sorveljanza doganali. Tista' tkun soġġetta għal kontroll mill-awtorità doganali skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ.

2. Għandha tibqa' taħt dik is-sorveljanza għaż-żmien neċessarju biex jiġi stabbilit l-istatus doganali tagħha, jekk ikun xieraq [...]."

4. L-Artikolu 38 ta' l-imsemmi Kodiċi jiddisponi:

"1. Merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità għandha titwassal mill-persuna li ddaħħalha fil-Komunità mingħajr dewmien, mir-rotta speċifikata mill-awtoritajiet doganali u skond l-istruzzjonijiet tagħhom, jekk ikun hemm:

(a) fl-uffiċċju doganali nominat mill-awtoritajiet doganali jew f'xi post ieħor nominat jew approvat minn dawk l-awtoritajiet;

[...]"

2. Kull persuna li tassumi r-responsabbilità għall-ġarr tal-merkanzija wara li tkun ddaħħlet fit-territorju doganali tal-Komunità, fost oħrajn bħala riżultat ta' trasbord, għandha tidħol responsabbli għall-konformità ma' l-obbligazzjoni stipulata fil-paragrafu 1.

[...]"

5. Skond l-Artikolu 40 ta' l-istess Kodiċi:

"Merkanzija li, skond l-Artikolu 38(1)(a), tasal fl-uffiċċju doganali jew post ieħor nominat jew approvat mill-awtoritajiet doganali għandha tkun preżentata lid-dwana mill-persuna li daħħlet il-merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità jew, jekk ikun xieraq, mill-persuna li tassumi responsabbilità għall-ġarr tal-merkanzija wara dak id-dħul."

6. Skond l-Artikolu 43 tal-Kodiċi Doganali:

"Bla ħsara għall-Artikolu 45, merkanzija preżentata lid-dwana fit-tifsira ta' l-Artikolu 40 għandha tkun koperta b'dikjarazzjoni sommarja.

Id-dikjarazzjoni sommarja għandha tkun preżentata meta l-merkanzija tkun ġiet preżentata lid-dwana. L-awtoritajiet doganali jistgħu, madankollu, jikkonċedu perjodu għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni li m'għandux jestendi aktar mill-ewwel jum ta' xogħol wara l-jum li fih il-merkanzija tiġi ppreżentata lid-dwana."

7. L-Artikolu 44(2) ta' l-imsemmi Kodiċi jgħid:

"Id-dikjarazzjoni sommarja għandha tiġi pprezentata minn:

(a) il-persuna li daħħlet il-merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità jew minn kull persuna li tassumi r-responsabbilità għall-ġarr tal-merkanzija wara dak id-dħul; jew

(b) il-persuna li f'isimha aġixxew il-persuni li ssir referenza għalihom fis-subparagrafu (a)."

8. L-Artikolu 46(1) ta' l-istess Kodiċi jgħid:

"Il-merkanzija għandha tinħatt jew tiġi trasbordata mill-mezzi ta' trasport li jkunu qed iġorruha biss bil-permess ta' l-awtoritajiet doganali f'postijiet nominati jew approvati minn dawk l-awtoritajiet doganali.

[...]"

9. L-Artikolu 50 tal-Kodiċi Doganali jiddisponi:

"Sakemm tkun assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana, merkanzija preżentata lid-dwana għandha, wara dik il-preżentazzjoni, ikollha l-istatus ta' merkanzija f'ħażna temporanja. Dik il-merkanzija ser tkun deskritta aktar 'l isfel bħala "merkanzija f'ħażna temporanja"."

10. Skond l-Artikolu 51 ta' l-imsemmi Kodiċi:

"1. Il-merkanzija f'ħażna temporanja għandha tinħażen biss f'postijiet approvati mill-awtoritajiet doganali taħt il-kondizzjonijiet stipulati minn dawk l-awtoritajiet.

2. L-awtoritajiet doganali jistgħu jesiġu li l-persuna li tkun qed iżżomm il-merkanzija tipprovdi garanzija bil-għan li jiġi żgurat il-ħlas ta' kull dejn doganali li jista' jinqala' taħt l-Artikoli 203 jew 204."

11. Skond l-Artikolu 53(2) ta' l-istess Kodiċi:

"L-awtoritajiet doganali jistgħu, b'riskju u b'ispejjeż tal-persuna li tkun qed iżżommha, jittrasferixxu l-merkanzija partikolari lejn post speċjali, li jkun taħt is-sorveljanza tagħhom, sakemm is-sitwazzjoni tal-merkanzija tiġi regolarizzata."

12. L-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali jgħid:

- "1. Dejn doganali fuq l-importazzjoni għandu jiġi inkors permezz:

- tat-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta' merkanziji soġġetti għal dazji fuq l-importazzjoni.

- 2. Id-dejn doganali għandu jiġi inkors fil-mument meta l-merkanziji jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali.

- 3. Id-debituri għandhom ikunu:

- il-persuna li tkun neħħiet il-merkanziji minn taħt is-sorveljanza doganali,

- kull persuna li tkun ipparteċipat f'dik it-tneħħija u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf li l-merkanziji kienu qed jitneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali, u

- kull persuna li akkwistat jew żammet il-merkanziji konċernati u li kienet taf jew raġonevolment kellha tkun taf fil-ħin li akkwistat jew irċeviet il-merkanziji li kienu tneħħew minn taħt is-sorveljanza doganali, u

- fejn ikun xieraq, il-persuna li tkun meħtieġa li tissodisfa l-obbligazzjonijiet li jinqalgħu mill-ħażna temporanja tal-merkanziji jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha kienu tqiegħdu dawk il-merkanziji."

Ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93

13. Skond l-Artikolu 183(1) u (2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta' Lulju 1993, li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92 (ĠU L 253, p. 1, u - rettifika - ĠU 1994, L 268, p. 321, iktar 'il quddiem "Regolament ta' implementazzjoni"):

"1. Id-dikjarazzjoni sommarja għandha tiġi ffirmata mill-persuna li tagħmilha.

2. Id-dikjarazzjoni sommarja għandha tiġi approvata mill-awtoritajiet doganali u miżmuma minnhom sabiex jiġi vverifikat li l-merkanzija msemmija fid-dikjarazzjoni tiġi assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana fiż-żmien previst fl-Artikolu 49 tal-Kodiċi."(Traduzzjoni mhux Uffiċjali)

14. L-Artikolu 184 tar-Regolament ta' implementazzjoni jiddisponi:

"1. Sakemm il-merkanzija tiġi assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana, il-persuna msemmija fl-Artikolu 183(1) għandha l-obbligu li tippreżenta l-merkanzija li kienet s-suġġett ta' dikjarazzjoni sommarja u li ma ġietx imħottija mill-mezz ta' trasport li fuqu tinsab, fit-totalità tagħha fuq kull talba ta' l-awtoritajiet doganali.

2. Kull persuna li, wara l-ħatt, iżżomm il-merkanzija biex tassigura l-ġarr jew il-ħażna tagħha, issir responsabbli għall-eżekuzzjoni ta' l-obbligu li tippreżenta l-merkanzija fit-totalità tagħha fuq kull talba ta' l-awtoritajiet doganali."(Traduzzjoni mhux Uffiċjali)

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15. Skond id-deċiżjoni tar-rinviju, Unamar għamlet dikjarazzjoni sommarja ta' lott ta' sigaretti bħala merkanzija mhux tal-Komunità fl-uffiċċju tad-dwana ta' Anvers, li ġiet ikkonfermata fid-9 ta' Ġunju 1996. Fit-18 ta' Ġunju sussegwenti, Seaport Terminals ħattet il-kontejner li kien fih il-lott in kwistjoni mill-bastiment M/S Cap Trafalgar, li bih il-merkanzija kkonċernata kienet ġiet ittrasportata minn Paranagua (il-Brażil) lejn Anversa. Seaport Terminals qiegħdet l-imsemmi kontejner fl-irmiġġ, mingħajr ma kien ġie assenjat trattament jew użu approvat mid-dwana. Fid-19 ta' Ġunju 1996, ġie kkonstatat li l-kontejner kien insteraq il-jum ta' qabel, b'tali mod li ma setax jiġi ppreżentat lid-Dipartiment tad-dwana.

16. L-amministrazzjoni Belġjana tad-dwana u s-sisa kkonkludiet li l-kontejner in kwistjoni kien ġie mdaħħal fit-territorju doganali ta' l-Unjoni Ewropea b'mod irregolari u li, minħabba f'hekk, dejn doganali kien ġie inkors.

17. Għaldaqstant, l-imsemmija amministrazzjoni stabbiliet u ppreżentat, fit-13 ta' Marzu 1998, inġunżjoni kontra, rispettivament, Unamar u Seaport Terminals, li biha kull waħda ġiet mitluba tħallas ammont ta' 785 555,04 EUR, miżjud bl-imgħax u l-ispejjeż, bħala dazji fuq l-importazzjoni u s-sisa.

18. Jirriżulta ukoll mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-imsemmija amministrazzjoni hi bbażata fid-dritt fuq l-Artikolu 202(1) u (3), u l-Artikolu 203 tal-Kodiċi Doganali, kif ukoll, f'dak li jikkonċerna Seaport Terminals, fuq l-Artikolu 184(2) tar-Regolament ta' implementazzjoni.

19. Unamar u Seaport Terminals ressqu oppożizzjoni kontra l-inġunzjoni ppreżentata kontrihom. Permezz ta' sentenza tad-9 ta' Settembru 2002, ir-rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen għaqqad l-imsemmija oppożizzjonijiet, imbagħad ċaħadhom bħala infondati.

20. Fl-14 ta' Ottubru 2002 u fid-9 ta' Jannar rispettivament, Unamar u Seaport Terminals ressqu appell kontra din is-sentenza quddiem il-hof van beroep te Antwerpen, li ddeċieda li jissospendi d-deċiżjoni u li jressaq quddiem il-Qorti d-domandi preliminari li ġejjin:

"1) Jista' wieħed jikkunsidra bħala persuna li hi meħtieġa tissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mill-ħażna temporanja tal-merkanziji (hekk kif deskritta fl-aħħar inċiż ta' l-Artikolu 203(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, mwaqqaf mir-Regolament [...] Nru 2913/92 [...], iktar 'il quddiem 'KDK' fil-qosor) il-persuna li għandha tippreżenta l-merkanzija lid-dwana (Artikolu 40 tal-KDK), b'konsegwenza li hu jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jippreżenta d-dikjarazzjoni sommarja (Artikolu 44(2) tal-KDK) u jiffirmaha (Artikolu 183(1) tad-dispożizzjonijiet ta' implementazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, stabbiliti permezz tar-Regolament [...] Nru 2454/93 [...], iktar 'il quddiem fil-qosor 'CTW') u jippreżenta l-merkanziji lill-awtoritajiet tad-dwana kemm-il darba l-merkanziji jkunu għadhom ma nħattux mill-mezz ta' trasport li fuqu kienu jinstabu fil-ħin tad-dħul tagħhom fil-Komunità sal-waqt li fih jiġu assenjati trattament jew użu approvat mid-dwana?

2) Jista' wieħed jikkunsidra bħala persuna li hi meħtieġa tissodisfa l-obbligi li jinqalgħu mill-ħażna temporanja tal-merkanzija (hekk kif deskritta fl-aħħar inċiż ta' l-Artikolu 203(3) tal-KDK) il-persuna li, wara l-ħatt, iżżomm l-merkanzija biex tiżgura l-ġarr jew il-ħażna tagħha, b'konsegwenza li din il-persuna tista' tiġi kkunsidrata, skond l-Artikoli 51(2), u 53(2), tal-KDK, bħala d-detentur tal-merkanziji, obbligat għalhekk, skond l-Artikolu 184(2), tal-CTW, li jippreżentahom fit-totalità tagħhom fuq kull talba ta' l-awtoritajiet doganali?

3) Fil-każ ta' tweġiba affermattiva għall-ewwel u t-tieni domanda, il-persuni li għalihom jirreferu dawn id-domandi jistgħu jiġu kkunsidrati simultanjament, u għalhekk solidalment, bħala debituri tad-dejn doganali, fil-każ li ma jkunux l-istess persuni (f'din il-kawża, rispettivament, ir-rappreżentant tal-kumpannija marittima li daħħlet il-merkanziji fil-Komunità u l-burdnar responsabbli għall-ħażna u l-ġarr tal-merkanziji fuq il-post tal-ġarr/l-irmiġġ indikat mill-awtoritajiet doganali)?

4) Fil-każ ta' tweġiba affermattiva għat-tielet domanda, il-persuna msemmija fl-ewwel domanda tibqa' debitriċi sal-waqt meta trattament jew użu approvat mid-dwana jkun ġie assenjat lill-merkanziji, bla ħsara għall-fatt li, wara l-ħatt tal-merkanziji mill-mezz ta' trasport li bih ġew imdaħħla fil-Komunità, il-merkanziji ġew maħżuna jew inġarru mill-persuna msemmija fit-tieni domanda?

5) Fil-każ ta' tweġiba negattiva għat-tielet domanda, għandu jiġi meqjus li l-persuna msemmija fl-ewwel domanda tibqa' debitriċi għad-dejn doganali sal-waqt meta l-merkanziji jittieħdu lura mill-persuna msemmija fit-tieni domanda u l-persuna msemmija fit-tieni domanda ssir debitur biss hekk kif tieħu f'idejha l-ħażna u l-ġarr tal-merkanziji?

6) Fil-każ ta' tweġiba affermattiva għall-ewwel domanda u tweġiba negattiva għat-tieni domanda, il-persuna msemmija fl-ewwel domanda għandha tiġi meqjusa bħala debitriċi sal-waqt meta l-merkanziji jittieħdu lura mill-persuna msemmija fit-tieni domanda jew sal-waqt meta l-merkanziji jiġu assenjati użu jew trattament approvat mid-dwana?"

Fuq id-domandi preliminari

21. B'dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati f'daqqa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fis-sustanza jekk ir-raba' inċiż ta' l-Artikolu 203(3), tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li "persuna li tkun meħtieġa li tissodisfa l-obbligazzjonijiet li jinqalgħu mill-ħażna temporanja tal-merkanziji" tista' tirreferi kemm għall-persuna li għandha tippreżenta l-merkanzija lid-dwana skond l-Artikolu 40 ta' l-istess Kodiċi, kif ukoll għall-persuna li, wara l-ħatt ta' l-imsemmija merkanzija, iżżomm din il-merkanzija biex tiżgura l-ġarr jew il-ħażna tagħha. Fil-każ ta' tweġiba affermattiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-imsemmijin persuni jistgħux, fiċ-ċirkustanzi hekk kif inhuma fil-kawża prinċipali, jiġu meqjusa bħala solidalment responsabbli għall-ħlas tad-dejn doganali.

22. Sabiex twieġeb dawn id-domandi, jaqbel li jiġu eżaminati d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali u tar-Regolament ta' implementazzjoni dwar is-sistema applikabbli għall-merkanziji mdaħħlin fit-territorju doganali tal-Komunità li ma jkunux għadhom ġew assenjati użu jew trattament approvat mid-dwana.

23. Skond l-Artikolu 38(1)a u (2), il-merkanzija mdaħħla fit-territorju doganali tal-Komunità għandha titwassal mill-persuna li ddaħħalha fil-Komunità mingħajr dewmien, jew, jekk ikun il-każ, mill-persuna li tassumi r-responsabbiltà għall-ġarr tal-merkanzija wara li tkun iddaħħlet fl-imsemmi territorju, fl-uffiċċju doganali nnominat mill-awtoritajiet doganali jew f'xi post ieħor innominat jew approvat minn dawk l-awtoritajiet. Skond l-Artikolu 40 ta' l-istess Kodiċi, din il-merkanzija għandha tiġi ppreżentata lid-dwana minn dawn l-istess persuni.

24. Skond l-Artikolu 43 ta' l-istess Kodiċi, il-merkanzija ppreżentata lid-dwana fit-tifsira ta' l-Artikolu 40 għandha tkun koperta b'dikjarazzjoni sommarja li, bħala regola, għandha tkun ppreżentata meta l-merkanzija tkun ġiet ippreżentata lid-dwana. Jirriżulta mit-tieni paragrafu, punti (a) u (b) ta' l-Artikolu 44, tal-Kodiċi Doganali li l-preżentata ta' din id-dikjarazzjoni għandha ssir jew mill-persuna li daħħlet il-merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità jew, jekk ikun il-każ, mill-persuna li tassumi r-responsabbiltà għall-ġarr tal-merkanzija wara dak id-dħul, jew mill-persuna li f'isimha aġixxew l-ewwel żewġ persuni.

25. L-Artikolu 50 tal-Kodiċi Doganali jgħid li, sakemm tkun assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana, merkanzija ppreżentata lid-dwana għandha, wara dik il-preżentazzjoni, ikollha l-istatus ta' merkanzija f'ħażna temporanja.

26. L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 46, ta' l-istess Kodiċi, jiddisponi li din il-merkanzija għandha tinħatt mill-mezz ta' trasport li jkun qed iġorrha biss bil-permess ta' l-awtoritajiet doganali f'postijiet innominati jew approvati minn dawk l-awtoritajiet doganali.

27. Skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 51, ta' dan il-Kodiċi, l-awtoritajiet doganali jistgħu jeżiġu li l-persuna li tkun qed iżżomm il-merkanzija tipprovdi garanzija bil-għan li jiġi żgurat il-ħlas ta' kull dejn doganali li jista' jinqala' taħt l-Artikolu 203 ta' l-istess Kodiċi.

28. Mill-Artikolu 203(1) tal-Kodiċi Doganali jirriżulta li t-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali ta' merkanzija suġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni tagħti lok, fil-mument stess ta' l-imsemmija tneħħija, għal dejn doganali fuq l-importazzjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-20 ta' Jannar 2005, Honeywell Aerospace, C-300/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 18). Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti, it-tneħħija kontra l-liġi mis-sorveljanza doganali tinkludi kull att jew omissjoni li għandha bħala riżultat li twaqqaf, anke jekk biss temporanjament, l-awtorità doganali kompetenti milli jkollha aċċess għal merkanzija taħt sorveljanza doganali u li teffetwa l-kontrolli previsti fl-Artikolu 37(1), tal-Kodiċi Doganali (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Honeywell Aerospace, iċċitata iktar 'il fuq, punt 19).

29. Skond l-Artikolu 203(3), ir-raba' inċiż, ta' l-imsemmi Kodiċi, f'tali każ, id-dejn doganali hu dovut minn diversi kategoriji ta' persuni, jiġifieri, minbarra, inter alia , il-persuni li jkunu neħħew il-merkanziji minn taħt is-sorveljanza doganali, fejn ikun xieraq, "il-persuna li tkun meħtieġa li tissodisfa l-obbligazzjonijiet li jinqalgħu mill-ħażna temporanja tal-merkanziji jew mill-użu tal-proċedura doganali li taħtha kienu tqiegħdu dawk il-merkanziji".

30. Bħal ma ddeċidiet il-Qorti, il-leġiżlatur tal-Komunità kien bi ħsiebu, sa mid-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Doganali, jistabbilixxi b'mod komplet il-kundizzjonijiet biex jiġu ddeterminati l-persuni debituri tad-dejn doganali (is-sentenzi tat-23 ta' Settembru 2004, Spedition Ulustrans, C-414/02, Ġabra. p. I-8633, punt 39 u tat-3 ta' Marzu 2005, Papismedov et, C-195/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 38).

31. Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-merkanziji li kienu s-suġġett tal-kawża prinċipali ġew ippreżentati l-uffiċċju kompetenti tad-dwana, kienu koperti b'dikjarazzjoni sommarja sakemm kienu qed jistennew li jiġu assenjati trattament jew użu approvat mid-dwana u, mat-tluq, ġew assenjati l-istatus ta' merkanzija f'ħażna temporanja. Barra minn hekk, huwa ppruvat li l-merkanziji ġew imneħħija mis-sorveljanza doganali minħabba serq li seħħ waqt li l-merkanziji kienu qed jinħattu mill-bastiment u mqiegħda fl-irmiġġ minn Seaport Terminals.

32. Il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk, f'tali każ, il-persuna li ppreżentat il-merkanzija in kwistjoni fl-uffiċċju tad-dwana skond l-Artikolu 40 tal-Kodiċi Doganali, kif ukoll il-persuna li, wara l-ħatt, iżżomm il-merkanzija sabiex tiżgura l-ġarr jew il-ħażna jistgħux jiġu meqjusa bħala debituri tad-dejn doganali inkwantu persuni li huma meħtieġa "jissodisfaw l-obbligazzjonijiet li jinqalgħu mill-ħażna temporanja tal-merkanziji" skond l-Artikolu 203(3), ir-raba' inċiż tal-Kodiċi Doganali.

33. Kif sostnew ġustament Unamar u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ladarba l-merkanzija f'ħażna temporanja tkun inħattet mill-mezz ta' trasport li fuqu kienet tinsab maħżuna u sakemm tiġi assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana, hija l-persuna li żżomm effettivament l-imsemmija merkanzija li hija debitur tad-dejn doganali taħt l-imsemmi Artikolu 203(3), ir-raba' inċiż, fil-waqt tat-tneħħija ta' din il-merkanzija mis-sorveljanza doganali.

34. Minħabba li l-obbligi in kwistjoni huma "obbligazzjonijiet li jinqalgħu mill-ħażna temporanja tal-merkanziji" fis-sens tad-dispożizzjoni hawn fuq imsemmija, l-Artikolu 184(1) tar-Regolament ta' implementazzjoni jiddisponi li l-persuna msemmija fl-Artikolu 183(1), ta' l-istess regolament, jiġifieri dik li ffirmat id-dikjarazzjoni sommarja, hi meħtieġa tippreżenta l-merkanzija li kienet is-suġġett ta' dikjarazzjoni sommarja u li ma ġietx imħottija mill-mezz ta' trasport li fuqu tinsab, fit-totalità tagħha fuq kull talba ta' l-awtoritajiet doganali. Min-naħa l-oħra, skond it-tieni paragrafu ta' l-istess Artikolu, "[k]ull persuna li, wara l-ħatt, iżżomm il-merkanzija biex tassigura l-ġarr jew il-ħażna tagħha, issir responsabbli għall-eżekuzzjoni" ta' l-imsemmi obbligu.

35. Jirriżulta mill-kliem stess ta' l-Artikolu 184 tar-Regolament ta' implementazzjoni li l-kriterju deċiżiv sabiex tiġi ddeterminata l-persuna li għandha l-obbligu li tippreżenta l-merkanzija f'ħażna temporanja fuq kull talba ta' l-awtoritajiet doganali huwa, għall-perjodu wara l-ħatt ta' l-imsemmija merkanzija, iż-żamma ta' din il-merkanzija. Huwa d-detentur li għandu fil-kustodja tiegħu din il-merkanzija u li huwa kapaċi jippreżentaha ma' kull talba, ladarba l-persuna li ffirmat id-dikjarazzjoni sommarja ma tibqax teżerċita, f'dan il-mument, il-kontroll materjal fuq l-imsemmijin merkanziji.

36. L-imsemmi obbligu għandu bħala għan li jiggarantixxi bl-aħjar mod, permezz tal-kriterju tad-detenzjoni, il-kontroll mill-awtoritajiet doganali tal-merkanziji f'ħażna temporanja, li huwa previst fl-Artikolu 37(1), tal-Kodiċi Doganali.

37. Din l-interpretazzjoni hija korroborata mill-Artikolu 51(2), ta' l-imsemmi Kodiċi, li jipprevedi li l-awtoritajiet doganali jistgħu jeżiġu mill-persuna li "tkun qed iżżomm" il-merkanziji, garanzija bil-għan li tiżgura l-ħlas ta' kull dejn doganali li jista' jirriżulta taħt l-Artikolu 203 ta' l-istess Kodiċi.

38. Rigward l-obbligu li jiġi assenjat trattament jew użu approvat mid-dwana lill-merkanziji f'ħażna temporanja fiż-żmien stipulat fl-Artikolu 49 tal-Kodiċi Doganali, liema obbligazzjoni jmiss, skond il-każ, lid-dikjarant, hija ma taqax taħt il-provvedimenti ta' l-Artikolu 203(3), ir-raba' inċiż, ta' l-istess Kodiċi, li jipprovdi biss għall-obbligi li jirriżultaw mill-"ħażna" temporanja tal-merkanziji.

39. Jirriżulta għaldaqstant, li l-"persuna li tkun meħtieġa li tissodisfa l-obbligazzjoniijiet li jinqalgħu mill-ħażna temporanja" fit-tifsira ta' l-Artikolu 203(3), ir-raba' inċiż, tal-Kodiċi Doganali tirreferi, wara l-ħatt tal-merkanziji in kwistjoni, għal dik il-persuna li tiżgura ż-żamma ta' dawn il-merkanziji.

40. L-Artikolu 213 tal-Kodiċi Doganali, li jistabbilixxi li fejn hemm diversi debituri għall-istess dejn doganali, dawn għandhom ikunu responsabbli solidalment għal dak id-dejn, ma jqajjimx dubju dwar l-imsemmija interpretazzjoni, inkwantu, f'sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, il-persuna li ffirmat id-dikjarazzjoni sommarja, mhux bħal dik li, wara l-ħatt tal-merkanzija, iżżommha, mhijiex aktar responsabbli li tippreżenta din il-merkanzija fuq kull talba ta' l-awtoritajiet doganali.

41. Rigward il-kunsiderazzjonijiet imsemmija aktar 'il fuq, ir-risposta għad-domandi li ġew imqajjma għandha tkun li l-Artikolu 203(3), ir-raba' inċiż, tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-"persuna li tkun meħtieġa li tissodisfa l-obbligazzjonijiet li jinqalgħu mill-ħażna temporanja tal-merkanziji" tirreferi għall-persuna li, wara l-ħatt ta' l-imsemmija merkanzija, iżżomm din il-merkanzija biex tiżgura l-ġarr jew il-ħażna tagħha.

Dwar l-ispejjeż

42. Peress illi dawn il-proċedimenti huma, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, riżultat ta' kwistjoni li tqajmet quddiem il-Qorti tar-rinviju, hija din il-Qorti li għandha l-kompetenza li tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż għall-preżentata ta' l-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti, ħlief dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

L-Artikolu 203(3), ir-raba' inċiż, tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-"persuna li tkun meħtieġa li tissodisfa l-obbligazzjonijiet li jinqalgħu mill-ħażna temporanja tal-merkanziji" tirreferi għall-persuna li, wara l-ħatt ta' l-imsemmija merkanzija, iżżomm din il-merkanzija biex tiżgura l-ġarr jew il-ħażna tagħha.