SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (il-Ħames Awla)

24 ta' Novembru 2005(*)

"Rifużjoni ta' l-esportazzjoni – Regolamenti (KEE) Nri 804/68, 1706/89 u 3445/89 – Ġobon intiż biex jiġi pproċessat f'pajjiż terz"

Fil-kawża C-136/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tat-3 ta' Frar 2004, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta' Marzu 2004, fil-kawża

Deutsches Milch-Kontor GmbH

vs

Hauptzollamt Hamburg-Jonas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (il-Ħames Awla),

komposta minn J. Makarczyk, President ta' l-Awla, R. Schintgen u R. Silva de Lapuerta (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta' Settembru 2005,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       għal Deutsches Milch-Kontor GmbH, minn U. Schrömbges u O. Wenzlaff, Rechtsanwälte,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Braun, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li nstema' l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1706/89, tal-15 ta' Ġunju 1989, li jistabbilixxi r-rifużjoni ta' l-esportazzjoni fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 166, p. 36) u (KEE) Nru 3445/89, tal-15 ta' Novembru 1989, li jistabbilixxi l-verżjoni kompleta tan-nomenklatura tal-prodotti agrikoli għar-rifużjoni ta' l-esportazzjoni, applikabbli mill-1 ta' Jannar 1990 (ĠU L 336, p. 1).

2       Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija Deutsches Milch-Kontor GmbH (iktar 'il quddiem "Milch-Kontor") u Hauptzollamt Hamburg-Jonas (uffiċċju prinċipali tad-dwana ta' Hambourg-Jonas, iktar 'il quddiem "il-Hauptzollamt") dwar id-dritt għall-għoti ta' rifużjoni ta' l-esportazzjoni fir-rigward ta' ġobon intiż biex jiġi pproċessat.

 Il-kuntest ġuridiku

3       Skond l-Artikolu 17(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 804/68, tas-27 ta' Ġunju 1969, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU L 148, p. 13), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3904/87 tat-22 ta' Diċembru 1987 (ĠU L 370, p. 1, iktar 'il quddiem "ir-Regolament Nru 804/68"), id-differenza bejn il-prezzijiet fil-kummerċ internazzjonali ta' ċerti prodotti elenkati fl-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament u l-prezzijiet ta' dawn il-prodotti fil-Komunità Ewropea tista' tiġi koperta minn rifużjoni ta' l-esportazzjoni.

4       Ir-Regolament Nru 1706/89 jistabbilixxi, fir-rigward tal-prodotti tal-ħalib, l-ammonti tar-rifużjonijiet ta' l-esportazzjoni previsti fl-imsemmi Artikolu 17.

5       Id-disa' premessa ta' dan ir-Regolament jipprovdi s-segwenti:

"billi r-rata tar-rifużjoni fir-rigward tal-ġobon hija kkalkulata fir-rigward ta' prodotti intiżi biex jiġu kkonsmati direttament; u billi l-qoxra tal-ġobon u l-partijiet li jintremew mhumiex prodotti li jikkorrispondu għal dan l-użu; billi, sabiex jiġu evitati inċertezzi dwar l-interpretazzjoni, għandu jiġi speċifikat li ma tingħatax rifużjoni fir-rigward ta' ġobon ta' valur ħieles fil-fruntiera ta' inqas minn 140 ECU/100 kg". (traduzzjoni mhux uffiċjali)

6       Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta' Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni ta' Dwana [Doganali Komuni], kif emendat mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2886/89, tat-2 ta' Awwissu 1989 (ĠU L 282, p. 1), jistabbilixxi l-verżjoni tan-nomenklatura magħquda għall-merkanzija (iktar 'il quddiem "in-nomenklatura magħquda") applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali.

7       L-intestatura 0406 90 tan-nomenklatura magħquda hija intitolata "ġobon ieħor". Hija tinkludi s-subintestatura 0406 90 11 "ġobon ieħor intiż biex jiġi pproċessat".

8       Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3846/87, tas-17 ta' Diċembru 1987, li jistabbilixxi nomenklatura ta' prodotti agrikoli għar-rifużjoni ta' l-esportazzjoni (ĠU L 366, p. 1) jistabbilixxi, fuq il-bażi tan-nomenklatura magħquda, in-nomenklatura tal-prodotti agrikoli li għandha tintuża għar-rifużjonijiet ta' l-esportazzjoni (iktar 'il quddiem "in-nomenklatura tar-rifużjoni").

9       Skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 1 ta' dak ir-Regolament, in-nomenklatura tar-rifużjoni għandha tinkludi s-subdiviżjonijiet addizzjonali għal dawk tan-nomenklatura magħquda, meħtieġa għad-deskrizzjoni tal-merkanzija li għaliha jingħataw ir-rifużjonijiet ta' l-esportazzjoni.

10     Il-verżjoni tan-nomenklatura tar-rifużjoni applikabbli fiż-żmien meta ġraw il-fatti in kwistjoni fil-kawża prinċipali kienet dik tar-Regolament Nru 3445/89.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11     F'Jannar ta' l-1990, Milch-Kontor esportat xi ġobon lejn il-Jugożlavja u, fuq talba tagħha, kienet ingħatat rifużjoni ta' l-esportazzjoni. Il-merkanzija esportata kienet ġiet iddikjarata bħala "gouda".

12     Permezz ta' deċiżjoni ta' l-14 ta' Awwissu 1995, il-Hauptzollamt kien talab li r-rifużjoni ta' l-esportazzjoni, li kienet ingħatat, titħallas lura, peress illi l-merkanzija esportata ma kinitx tikkonsisti f'gouda, kif dan il-ġobon jinbiegħ normalment, iżda f'materja prima intiża biex tiġi pproċessata.

13     Il-Finanzgericht ċaħdet ir-rikors ta' Milch-Kontor kontra din id-deċiżjoni billi rrilevat li r-rifużjoni ta' l-esportazzjoni kienet inkisbet b'mod illegali peress illi, għall-kuntrarju tan-nomenklatura magħquda, in-nomenklatura tar-rifużjoni ma tinkludix subintestaturi fir-rigward tal-ġobon intiż biex jiġi pproċessat.

14     Milch-Kontor ressqet rikors għal "Reviżjoni" kontra d-deċiżjoni tal-Finanzgericht quddiem il-Bundesfinanzhof.

15     Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Bundesfinanzhof tistaqsi jekk in-nomenklatura tar-rifużjoni tikkostitwixxix sistema awtonoma ta' tariffi, distinta min-nomenklatura magħquda, jew jekk hijiex parti min-nomenklatura magħquda, li sempliċement tirriproduċi s-subintestaturi tal-prodotti li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-għoti tar-rifużjoni ta' l-esportazzjoni.

16     F'dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva, fl-ewwel lok, li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 3846/87 jidhru li jindikaw li n-nomenklatura tar-rifużjoni tikkostitwixxi sempliċement riproduzzjoni ta' l-intestaturi u tas-subintestaturi relevanti tan-nomenklatura magħquda.

17     Fit-tieni lok, hija tirrileva li, skond il-kliem ta' l-ewwel frażi tad-disa' premessa tar-Regolament Nru 1706/89, ir-rata tar-rifużjoni fir-rigward tal-ġobon hija kkalkulata fir-rigward ta' prodotti intiżi biex jiġu kkonsmati direttament. Dan jista' jfisser li fir-rigward tal-ġobon intiż biex jiġi pproċessat, ma tistax tingħata rifużjoni ta' l-esportazzjoni.

18     Fl-aħħar lok, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, safejn l-ammissjoni tan-nomenklatura magħquda fis-subintestatura 0406 90 11 tikkonċerna biss il-klassifikazzjoni tat-tariffi fuq il-merkanzija għal raġunijiet ta' l-intaxxar tad-dazji fuq l-importazzjoni, m'għandux jiġi eskluż li merkanzija partikolari, għalkemm tkun ġiet ikklassifikata taħt l-imsemmija subintestatura meta ġew intaxxati d-dazji fuq l-importazzjoni, tista' madankollu tagħti lok għall-għoti ta' rifużjoni ta' l-esportazzjoni.

19     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel is-segwenti domanda għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"Ir-Regolament (KEE) Nru 3445/89 u r-Regolament (KEE) Nru 1706/89 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ġobon taħt is-subintestatura 0406 90 tan-nomenklatura magħquda, li, min-natura tiegħu, hu intiż biex jiġi pproċessat f'pajjiż terz, u li għalhekk għandu jiġu kklassifikat taħt is-subintestatura 0406 90 11 tan-nomenklatura magħquda, kif previst mir-Regolament (KEE) Nru 2886/89, hu eskluż mir-rifużjoni ta' l-esportazzjoni?"

 Fuq id-domanda preliminari

20     Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-esportazzjoni lejn pajjiż terz ta' merkanzija ddefinita bħala ġobon intiż biex jiġi pproċessat fl-imsemmi pajjiż terz u li taqa' taħt is-subintestatura 0406 90 11 tan-nomenklatura magħquda, tistax tagħti lok għal rifużjoni ta' l-esportazzjoni skond ir-Regolamenti Nri 3445/89 u 1706/89.

21     Milch-Kontor u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu li jekk is-subintestatura 0406 90 11 tan-nomenklatura magħquda mhijiex inkluża fin-nomenklatura tar-rifużjoni, ir-raġuni għal dan hi li din hi applikabbli biss għall-intaxxar tad-dazji fuq l-importazzjoni.

22     Madankollu, huma mhumiex tal-fehma li dan għandu jwassal għall-konklużjoni li l-merkanzija esportata hija eskluża mill-benefiċċju tar-rifużjoni ta' l-esportazzjoni.

23     Skond Milch-Kontor, in-nomenklatura tar-rifużjoni tikkostitwixxi sistema awtonoma ta' tariffi, distinta min-nomenklatura magħquda. B'hekk merkanzija partikolari li, għal raġunijiet marbuta mat-tariffi, hija kklassifikata taħt subintestatura li mhijiex inkluża fin-nomenklatura tar-rifużjonij tista' tiġi awtomatikament ikklassifikata, skond il-kompożizzjoni tagħha, taħt il-kodiċi tal-prodott rilevanti ta' l-imsemmija nomenklatura. Minħabba fin-natura tiegħu, ċertu ġobon intiż biex jiġi pproċessat, li jaqa' taħt is-subintestatura 0406 90 11 tan-nomenklatura magħquda, għandu għalhekk jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi rilevanti tan-nomenklatura tar-rifużjoni, jiġifieri l-kodiċi tal-prodott 0406 90 89 979. Fi kwalunkwe każ, billi dan ta' l-aħħar hu iktar preċiż mis-subintestatura 0406 90 11, għandu jiġi ppreferut.

24     Skond il-Kummissjoni, peress illi s-subintestatura 0406 90 11 tan-nomenklatura magħquda hija rriżervata esklużivament għall-importazzjonijiet, il-ġobon intiż biex jiġi pproċessat f'pajjiż terz għandu jiġi kklassifikat taħt subintestatura differenti mill-intestatura 0406 90 ta' l-imsemmija nomenklatura, skond it-tip jew il-kompożizzjoni tiegħu.

25     Konsegwentement, skond il-Kummissjoni, jekk il-merkanzija ma tista' tiġi kklassifikata taħt ebda waħda mill-kodiċijiet tal-prodott imsemmi fl-anness tar-Regolament Nru 1706/89 u jekk hija ma tissodisfax il-kundizzjonijet Komunitarji relatati b'mod partikolari mal-kwalità u mal-prezz, il-merkanzija esportata għandha tiġi eskluża mill-għoti ta' rifużjoni ta' l-esportazzjoni.

26     Għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-ewwel frażi tad-disa' premessa tar-Regolament Nru 1706/89, din ma tistax tiġi mifruda mill-analiżi ta' l-imsemmija premessa kollha kemm hi. Il-premessa tagħmel distinzjoni, fir-rigward tal-kalkolu tar-rati tar-rifużjoni għall-ġobon, bejn, min-naħa l-waħda, il-prodotti intiżi biex jiġu kkonsmati direttament u, min-naħa l-oħra, il-qoxra tal-ġobon u l-partijiet li jintremew. Sabiex jiġu evitati inċertezzi, ma tingħata ebda rifużjoni fir-rigward ta' esportazzjoni ta' ġobon ta' valur ħieles fil-fruntiera ta' inqas minn 140 ECU għal kull 100 kg. Jekk dan il-valur jinqabeż, tkun ħaġa loġika li tingħata rifużjoni anki jekk il-prodott ikun intiż biex jiġi pproċessat. Konsegwentement, il-Kummissjoni ssostni li għaldaqstant, f'dan il-każ, l-għoti tar-rifużjoni ta' l-esportazzjoni jiddependi għallinqas mill-kwistjoni jekk il-prezz ħieles fil-fruntiera tal-ġobon esportat u intiż biex jiġi pproċessat f'pajjiż terz kienx għola minn dan il-valur.

27     Kif irrilevaw il-qorti tar-rinviju, Milch-Kontor u l-Kummissjoni, is-subintestatura 0406 90 11 tan-nomenklatura magħquda li tirrigwarda l-ġobon intiż biex jiġi pproċessat, tapplika biss għal raġunijiet ta' l-intaxxar tad-dażji fuq l-importazzjoni.

28     Għaldaqstant, huwa loġiku li din mhijiex inkluża fost is-subintestaturi tan-nomenklatura tar-rifużjoni li jelenkaw il-merkanzija li taqa' taħt is-sistema tar-rifużjoni ta' l-esportazzjoni.

29     Madankollu, minn dan ma jirriżultax li l-ġobon esportat fl-1990 u intiż biex jiġi pproċessat f'pajjiż terz hu eskluż minn din is-sistema.

30     Fil-fatt, jekk l-imsemmija merkanzija, meta jitqiesu it-tip u l-kompożizzjoni tagħha, tista' tiġi kklassifikata taħt subintestatura differenti mill-intestatura 0406 90 tan-nomenklatura magħquda li lilha hu assenjat wieħed mill-kodiċijiet tal-prodotti inklużi fl-Anness tar-Regolament Nru 1706/89, rifużjoni ta' l-esportazzjoni skond l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 804/68 hija għalhekk possibbli.

31     Fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq din il-verifika.

32     Għal dak li jikkonċerna d-disa' premessa tar-Regolament Nru 1706/89, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-preambolu ta' att Komunitarju m'għandux forza legali vinkolanti u ma jista' jiġi invokat la biex jidderoga mid-dispożizzjonijiet stess ta' l-att ikkonċernat u lanqas biex id-dispożizzjonjiet tiegħu jiġu interpretati b'mod manifestament oppost għall-kliem użat fihom (sentenzi tad-19 ta' Novembru 1998, Nilsson et, C-162/97, Ġabra p. I‑7477, punt 54, u tal-25 ta' Novembru 1998, Manfredi, C-308/97, Ġabra p. I‑7685, punt 30).

33     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tweġiba għad-domanda magħmula għandha tkun li ġobon esportat fl-1990 u li, min-natura tiegħu, huwa intiż biex jiġi pproċessat f'pajjiż terz, jista' jkun kopert minn rifużjoni ta' l-esportazzjoni skond l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 804/68 bil-kundizzjoni li jkun ikklassifikat, meta jitqiesu t-tip u l-kompożizzjoni tiegħu, taħt wieħed mill-kodiċijiet tal-prodotti inklużi fl-anness tar-Regolament Nru 1706/89, kif iddefiniti min-nomenklatura tal-prodotti agrikoli għar-rifużjoni ta' l-esportazzjoni annessa mar-Regolament Nru 3445/89.

 Fuq l-ispejjeż

34     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (il-Ħames Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

Ġobon esportat fl-1990 u li, min-natura tiegħu, huwa intiż biex jiġi pproċessat f'pajjiż terz, jista' jkun kopert minn rifużjoni ta' l-esportazzjoni skond l-Artikolu 17(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 804/68, tas-27 ta' Ġunju 1968, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3904/87, tat-22 ta' Diċembru 1987, bil-kundizzjoni li jkun ikklassifikat, meta jitqiesu t-tip u l-kompożizzjoni tiegħu, taħt wieħed mill-kodiċijiet tal-prodotti inklużi fl-anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1706/89, tal-15 ta' Ġunju 1989, li jistabbilixxi r-rifużjoni ta' l-esportazzjoni fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib, kif iddefiniti min-nomenklatura tal-prodotti agrikoli għar-rifużjoni ta' l-esportazzjoni annessa mar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3445/89, tal-15 ta' Novembru 1989, li jistabbilixxi l-verżjoni kompleta tan-nomenklatura tal-prodotti agrikoli għar-rifużjoni ta' l-esportazzjoni, applikabbli mill-1 ta' Jannar 1990 .

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.