SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

18 ta' Lulju 2006 (*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta' twettiq ta' obbligu – Nuqqas ta' eżekuzzjoni – Artikolu 228 KE – Sanzjonijiet pekunjarji - Rikonoxximent tad-drittijiet miksuba ta' l-ex assistenti ta' lingwa barranija"

Fil-kawża C-119/04

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 228 KE, imressaq fl-4 ta' Marzu 2004,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. Traversa u L. Pignataro, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M. Fiorilli, avvocato dello Stato, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u J. Malenovský, Presidenti ta' Awla, J.-P. Puissochet, R. Schintgen, N. Colneric, S. von Bahr, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), J. Klučka, U. Lõhmus u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta' Novembru 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta' Jannar 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–       tikkonstata li, billi ma adottatx il-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tas-26 ta' Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-212/99, Ġabra p. I-4923), ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi li hija għandha skond l-Artikolu 228 KE;

–       tikkundanna lir-Repubblika Taljana tħallas lill-Kummissjoni, fil-kont "Riżorsi proprji tal-Komunità Ewropea", pagament ta' penalità ta' 309750 EUR għal kull ġurnata ta' dewmien fl-adozzjoni ta' miżuri sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, u dan mid-data ta' meta tingħata din is-sentenza sa l-eżekuzzjoni ta' l-imsemmija sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja;

–       tikkundanna lir-Repubblika Taljana tbati l-ispejjeż.

 Il-kuntest ġuridiku

  Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2       L-Artikolu 39(1) KE jipprovdi:

"Għandu jkun żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan il-Komunità"

3       Skond l-Artikolu 39 (2) KE l-moviment liberu tal-ħaddiema jimplika l-abolizzjoni ta' kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema ta’ l-Istati Membri dwar l-impjieg, il-paga u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

4       Fl-14 ta' Jannar 2004, il-Gvern Taljan adotta d-digriet leġiżlattiv Nru 2 dwar dispożizzjonijiet urġenti relatati mat-trattament ekonomiku tal-kollaboraturi lingwistiċi f'ċerti universitajiet u dwar titoli ekwivalenti (GURI Nru 11 tal-15 ta' Jannar 2004, p.4, iktar 'il quddiem id-"digriet leġiżlattiv Nru2/2004").

5       L-Artikolu 1(1) tad-digriet leġiżlattiv Nru 2/2004 jipprovdi:

"In eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja […] tas-26 ta' Ġunju 2001 fil-kawża C-212/99, qiegħed hawnhekk jingħata lill-kollaboraturi lingwistiċi, l-ex assistenti ta' lingwa barranija ta' l-Universitajiet tal-Basilicata, ta' Milan, ta' Palermo, ta' Pisa, "La Sapienza" ta' Ruma u l'Orientale ta' Napli [iktar 'il quddiem l-"universitajiet ikkonċernati"], […] proporzjonalment man-numru ta' sigħat ta' xogħol mogħtija, fid-dawl tal-fatt li l-impjieg sħiħ jikkorrispondi għal 500 siegħa, trattament ekonomiku li jikkorrispondi għal dak ta' riċerkaturi kkonfermati b'kuntratt iddefinit b'effett mid-data ta' l-ewwel impjieg, ħlief għal trattamenti eventwali iktar favorevoli; […]"

6       Skond l-Artikolu 1 tad-digriet leġiżlattiv Nru 57 tat-2 ta' Marzu 1987, li iktar tard sar il-liġi Nru 158 tat-22 ta' April 1987 (GURI Nru 51, tat-3 ta' Marzu 1987, serje ġenerali), li jemenda l-Artikolu 32 tad-digriet tal-President tar-Repubblika Nru 382 tal-11 ta' Lulju 1980 (supplement ordinarju, GURI Nru 209 tal-31 ta' Lulju 1980), in-numru massimu ta' sigħat li riċerkaturi kkonfermati ta' kull sena għandhom jagħtu bħala tagħlim huwa ta' 350 siegħa għas-sistema b'ħin sħiħ (full time) u ta' 200 siegħa għas-sistema b'ħin parzjali (part time). Il-paga ta' riċerkaturi kkonfermati b'ħin parzjali hija somma li titħallas f'daqqa u li tinkludi l-ħlas għall-eżerċizzju tat-tagħlim ta' 200 siegħa u ta' attività ta' riċerka li t-tul ta' żmien tagħha mhuwiex stabbilit.

7       L-Artikolu 51 tal-ftehim kollettiv nazzjonali tax-xogħol għall-persunal tas-settur universitarju (iktar 'il quddiem "CCNL"), li kien ġie konkluż għall-perijodu 1994-1997, kien jipprovdi għal 500 siegħa effettivi ta' xogħol kull sena għall-kollaboraturi u l-esperti lingwistiċi tal-lingwa omm. Dan il-qafas ġenerali ta' referenza kien jippermetti derogi.

 Is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja

8       Fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja qatgħet u ddeċidiet:

"Peress li ma żguratx ir-rikonoxximent tad-drittijet miksuba mill-ex assistenti ta' lingwa barranija, li iktar tard saru kollaboraturi u esperti lingwistiċi tal-lingwa omm, filwaqt li tali rikonoxximent huwa mogħti lill-ħaddiema nazzjonali kollha, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond l-Artikolu [39 KE]."

 Il-proċedura prekontenzjuża

9       Permezz ta' ittra tal-31 ta' Jannar 2002, il-Kummissjoni fakkret lill-awtoritajiet Taljani bil-ħtieġa li jikkonformaw ruħhom ma l-obbligi li jirriżultaw mis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italia, iċċitata iktar 'il fuq.

10     Permezz ta' ittri ta' l-10 ta' April, tat-8 ta' Ġunju u tas-16 ta' Ottubru 2002, l-imsemmija awtoritajiet irrispondew għall-ittra tal-Kummissjoni billi bagħtulha l-elementi li ġejjin:

–       kopja ta' ittra, tas-27 ta' Marzu 2002, li permezz tagħha l-Ministru Taljan ta' l-edukazzjoni, ta' l-universitajiet u tar-riċerka xjentifika stieden lill-universitajiet ikkonċernati jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijet tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italia, iċċitata iktar 'il fuq, fit-terminu ta' 45 ġurnata;

–       informazzjoni dwar l-atti adottati mill-imsemmija universitajiet "sabiex jiżguraw ir-rikonoxximent ta' l-anzjanità tas-servizzi mogħtija mill-ex assistenti ta' lingwa barranija, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja";

–       spjegazzjonijiet fuq il-kontenut u fuq l-effetti tad-deċiżjonijiet meħuda minn kull waħda mill-imsemmija universitajiet.

11     Wara li rċeviet din l-informazzjoni, il-Kummissjoni, permezz ta' ittra tal-11 ta' Diċembru 2002, talbet lill-awtoritajiet Taljani iktar dettalji fuq il-metodu u l-kriterji li l-universitajiet ikkonċernati applikaw sabiex jikkalkulaw l-ammont ta' żidiet fil-ħlas mogħti lill-ex assistenti ta' lingwa barranija (iktar il-quddiem l-"ex assistenti") li wara l-1994 ġew inkorporati fil-korpi, li kienu għadhom kif ġew stabbiliti, tal-kollaboraturi u ta' l-esperti lingwistiċi tal-lingwa omm (iktar 'il quddiem il-"kollaboraturi u esperti lingwistiċi").

12     Il-Gvern Taljan irrisponda għal din it-talba, permezz ta' ittra ta' l-24 ta' Jannar 2003, billi informa lill-Kummissjoni b'abbozz ta' ftehim li jirrigwarda ċ-CCNL – it-tieni perijodu ekonomiku ta' sentejn 2000-2001, iffirmat fit-18 ta' Diċembru 2002 mill-aġenzija governattiva inkarigata min-negozjati tal-kuntratti tax-xogħol tas-settur pubbliku (ARAN) u mis-sindakat tal-persunal universitarju. Dan l-abbozz kien jinkludi regoli speċifiċi li jirrigwardaw il-kollaboraturi u l-esperti lingwistiċi (ex assistenti), sabiex "tiġi rrispettata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta' Ġunju 2001 fil-kawża C-212/99".

13     Billi qieset li dawn il-miżuri ma kinux juru li n-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu kien intemm, il-Kummissjoni bagħtet, fit-30 ta' April 2003, opinjoni motivata lir-Repubblika Taljana li fiha kkonkludiet li, peress li ma adottax il-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italia, iċċitata iktar 'il fuq, dan l-Istat Membru kien naqas milli jwettaq l-obbligi li huwa għandu skond l-Artikolu 39 KE. Il-Kummissjoni fakkret lil dan l-Istat Membru li, jekk il-kwistjoni tispiċċa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija titlob li dan ta' l-aħħar jiġi kkundannat għall-pagamenti ta' penalità. Barra minn dan, l-imsemmija opinjoni motivata kienet tipprovdi li r-Repubblika Taljana kellha tadotta l-miżuri meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha ma din l-opinjoni fit-terminu ta' xahrejn li jibda jiddekorri minn meta tiġi nnotifikata.

14     B'risposta għal din l-opinjoni motivata, il-Gvern Taljan bagħat lill-Kummissjoni diversi dokumenti, li fosthom kien hemm b'mod partikolari l-ittri tas-16 ta' Ġunju u tat-12 ta' Novembru 2003, li kienu jinfurmaw lil din ta' l-aħħar, rispettivament, bil-verżjoni finali taċ-CCNL, konkluża fit-13 ta' Mejju 2003, u bil-miżuri li l-amministrazzjonijiet kompetenti kien biħsiebhom jadottaw fi żmien qasir. Fit-28 ta' Jannar 2004, dan il-Gvern bagħat lill-Kummissjoni kopja tad-digriet leġiżlattiv Nru 2/2004.

15     Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni, peress li qieset li r-Repubblika Taljana ma kinitx eżegwiet kompletament is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, iddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

 Fuq in-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu

 L-argumenti tal-partijiet

16     Il-Kummissjoni tosserva li, skond l-Artikolu 22(3) tal-verżjoni finali taċ-CCNL, "fil-mument tan-negozjati supplementari għandha tingħata applikazzjoni għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja […] tas-26 ta' Jannar 2001 fil-kawża C-212/99 […], billi tiġi ddefinita tabella ta' ħlas li tieħu in kunsiderazzjoni l-esperjenza miksuba għall-kategoriji tal-[kollaboraturi u esperti lingwistici]". F'għajnejn il-Kummissjoni l-imsemmija verżjoni finali ma tidentifikax kategorija ta' ħaddiema li għandha funzjonijiet ikkunsidrati bħala ekwivalenti għal dawk ta' l-ex assistenti.

17     Barra minn dan, il-Kummissjoni tosserva li d-digriet leġiżlattiv Nru 2/2004 assimila l-kategorija ta' l-ex assistenti ma dik tar-riċerkaturi kkonfermati b'ħin parzjali. Madankollu, qarrej tal-lingwa barrani li jaħdem b'ħin sħiħ għandu jibbenefika minn trattament ekwivalenti għal dak ta' riċerkatur ikkonfermat b'ħin sħiħ, jew inkella jiġi ppenalizzat f'dak li jirrigwarda l-arretrati u d-dritt tiegħu għall-pensjoni. Il-fatt li, sa minn ċerta data, l-ex assistenti ngħataw żidiet fil-pagi ma jfissirx, minnu nnifsu, li ġiet eliminata d-diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità.

18     Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Taljana ma ġabitx il-prova li l-universitajiet kienu ħallsu l-arretrati u ż-żidiet fil-pagi kollha dovuti kif ukoll l-ammonti li jikkorrispondu mal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li għalihom kellhom dritt l-ex assistenti minħabba s-sigħat ta' tagħlim li dawn kienu effettivament ħadmu.

19     Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-inizjattivi li ttieħdu għandhom ikunu evalwati fid-dawl tas-sistema Taljana li tirregola r-relazzjoni ta' l-impjieg, li hija bbażata fuq ftehim kollettiv.

20     Skond l-imsemmi Stat Membru, l-adozzjoni tad-digriet leġiżlattiv Nru 2/2004 kienet intiża preċiżament sabiex tagħmel tajjeb għan-nuqqas ta' ftehim dwar il-ftehim kollettiv fl-universitajiet. Għal dan il-għan, dan id-digriet leġiżlattiv kien impona fuq l-universitajiet ikkonċernati l-obbligu li jirrikostitwixxu l-karriera ta' l-ex assistenti billi jieħdu bħala riferiment il-ħlas tar-riċerkaturi kkonfermati b'ħin parzjali.

21     L-awtoritajiet Taljani jsostnu li l-għażla ta' din il-kategorija ta' ħaddiema nazzjonali hija ġġustifikata peress li ma kienx possibbli li l-funzjonijiet ta' l-ex assistenti jiġu assimilati ma dawk tar-riċerkaturi kkonfermati b'ħin sħiħ.

22     Fil-fatt, minn naħa, ir-responsabbiltà ewlenija tar-riċerkaturi hija dik tar-riċerka xjentifika, peress li l-attività ta' tagħlim għandha biss, fil-kuntest ta' l-attivitajiet tagħhom, natura sekondarju u marġinali. Kull soluzzjoni oħra kien ikollha l-effett li tnaqqas l-importanza ta' dik il-parti tal-ħlas tar-riċerkaturi li hija rriżervata għall-attività ta' riċerka xjentifika.

23     Minn naħa l-oħra, l-analoġija li ġiet stabbilita bejn il-professjoni ta' l-ex assistenti u dik tar-riċerkaturi kkonfermati b'ħin parzjali hija ġġustifikata min-nuqqas ta' esklużività tar-relazzjoni ta' l-impjieg li dawn ta' l-aħħar għandhom ma min jimpjegahom, li jippermettilhom jeżerċitaw ukoll attività li taqa' taħt il-kategorija tal-professjonijiet ħielsa.

24     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, teżiġi biss li fil-ftehim kollettiv milħuq ma' l-universitajiet ikkonċernati tiżdied klawżola li tipprovdi l-kriterji li jippermettu li tiġi żgurata ż-żamma tad-drittijiet li l-ex assistenti kisbu fil-kuntest tar-relazzjoni ta' imjieg preċedenti tagħhom.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

25     Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li Stat Membru ma jistax juża dispożizzjonijiet, prattiċi jew ċirkustanzi ta' l-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta' twettiq ta' obbligi li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 34, u Il-Kummissjoni vs Spanja tad-9 ta' Settembru 2004, C-195/05, Ġabra p. I-7857, punt 82).

26     Għalhekk ma jistax jiġi aċċettat l-argument tar-Repubblika Taljana li jgħid li l-problema tar-rikonoxximent tad-drittijiet miksuba mill-ex assistenti għandha tiġi evalwata fid-dawl tas-sistema Taljana li tirregola r-relazzjoni ta' l-impjieg, li hija bbażata fuq il-ftehim kollettiv.

27     Barra minn hekk, skond ġurisprudenza kostanti, id-data ta' riferiment li biha trid tiġi evalwata l-eżistenza ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 228 KE hija dik ta' meta jiskadi t-terminu preskritt fl-opinjoni motivata maħruġa skond din id-dispożizzjoni (ara s-sentenzi tat-12 ta' Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C-304/02, Ġabra p. I-6263, punt 30, u ta' l-14 ta' Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, C-177/04, li għadha ma ġiet ippubblikata fil-Ġabra, punt 20).

28     F'dan il-każ, huwa kostanti li, fid-data ta' meta skada t-terminu preskritt fl-opinjoni motivata tat-30 ta' April 2003, ir-Repubblika Taljana kienet għadha ma adottatx il-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq.

29     Kif jirriżulta mill-punti 21 u 22 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs l-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, il-prinċipju ta' ugwaljanza ta' trattament previst mill-Artikolu 39 KE kien jeżiġi li l-ex assistenti, li kienu marbutin b'kuntratt ta' impjieg għal żmien determinat, iżommu, meta dan l-aħħar kuntratt jiġi ssostitwit minn kuntratt ieħor għal żmien indeterminat, id-drittijiet kollha li kienu akkwistaw mid-data ta' l-ewwel impjieg tagħhom. Din il-garanzija għandha konsegwenzi mhux biss f'dak li jirrigwarda ż-żidiet fil-pagi iżda wkoll fir-riġward ta' l-anzjanità u tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa minn min iħaddem.

30     Mill-atti jirriżulta li fl-ewwel fażi r-Repubblika Taljana bdiet tadotta l-miżuri li ġejjin:

–       fl-Università ta' Milan, ftehim kollettiv dwar il-kollaboraturi u l-esperti lingwistiċi, iffirmat fis-27 ta' Novembru 1999, kien jipprovdi li l-attività li dawn kienu wettqu bħala ex assistenti ta' lingwa barranija għandha tittieħed in kunsiderazzjoni meta jiġi ddeterminat il-ħlas tagħhom, sussegwentement, permezz ta' ittra tas-7 ta' Mejju 2002, din l-università informat lill-Gvern Taljan li l-ħlasijiet tal-kollaboraturi u l-esperti lingwistiċi kienet ġiet miżjuda u li l-arretrati kienu ġew ikkalkulati fuq il-bażi ta' limitu massimu ta' 450 siegħa ta' tagħlim kull sena;

–       fl-Università ta' Pisa, permezz tad-deċiżjoni tad-direttur amministrattiv tat-13 ta' Marzu 2002, l-ex assistenti kienu jibbenefikaw minn arretrati skond tliet skali ta' anzjanità;

–       deċiżjoni tad-direttur amministrattiv ta' l-Università "La Sapienza" ta' Ruma tas-17 ta' Mejju 2002, stabbiliet li l-anzjanità ta' l-ex assistenti kienet ġiet ikkalkulata fuq il-bażi ta' 400 siegħa ta' tagħlim kull sena;

–       l-Università ta' Palermo permezz ta' ittra tas-27 ta' Mejju 2002 ħabbret li hija kienet ser tagħti r-remunerazzjoni ta' l-ex assistenti fuq il-bażi ta' kalkolu kurrenti;

–       permezz tad-deċiżjoni tar-rettur ta' l-Università l'Orientale ta' Napli ta' l-20 ta' Mejju 2002, il-kollaboraturi u l-esperti lingwistiċi jibbenefikaw minn arretrati kkalkulati fuq il-bażi ta' 318-il siegħa ta' tagħlim kull sena;

–       deċiżjoni tad-direttur amministrattiv ta' l-Universita tal-Basilicata, tat-22 ta' Mejju 2002, stabbiliet l-anzjanità tal-kollaboraturi u l-esperti lingwistiċi skond ħames skali u fuq bażi kkalkulata f'daqqa ta' 400 siegħa ta' tagħlim kull sena.

31     Dawn il-miżuri la setgħu jiġu kkunsidrati bħala suffiċjenti u lanqas bħala definittivi, għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, u lanqas l-istess Gvern Taljan ma kkunsidrahom b'dan il-mod.

32     Għandu għalhekk jiġi kkonstatat li, minkejja l-miżuri msemmija fil-punti iktar 'il fuq, in-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu baqa' għaddej sad-data ta' meta skada t-terminu preskritt fl-opinjoni motivata.

33     Peress li l-Kummissjoni talbet li r-Repubblika Taljana tiġi kkundannata għal pagamenti ta' penalità, għandu jiġi stabbilit jekk l-imsemmi nuqqas ta' twettiq ta' obbligu baqax għaddej sa meta l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat il-fatti (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq tat-12 ta' Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, punt 31, u ta' l-14 ta' Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Franza, punt 21).

34     Fl-14 ta' Jannar 2004, ir-Repubblika Taljana adottat id-digriet leġiżlattiv Nru 2/2004 li kien intiż li jipprovdi l-kuntest legali u finanzjarju meħtieġ sabiex kull waħda mill-universitajiet ikkonċernati tkun tista' tipproċedi għar-rikostituzzjoni eżatta tal-karriera ta' l-ex assistenti.

35     Il-kuntest legali stabbilit mid-digriet leġiżlattiv Nru 2/2004 huwa bbażat fuq żewġ prinċipji li jgħidu li:

–       ir-rikostituzzjoni tal-karriera ta' l-ex assistenti ssir billi jittieħed bħala paramentru ta' riferiment il-ħlas tar-riċerkaturi kkonfermati b'ħin parzjali;

–       dan il-ħlas jingħata lill-ex assistenti proporzjonalment skond in-numru ta' sigħat ta' xogħol mogħtija, meta wieħed jikkunsidra li l-impjieg b'ħin sħiħ jikkorrispondi għal 500 siegħa ta' tagħlim kull sena,

ħlief għal trattamenti eventwalment iktar favorevoli

36     Il-kriterju ta' 500 siegħa kull sena huwa bbażat fuq in-numru ta' sigħat żgurati mill-kollaboraturi u l-esperti lingwistiċi (l-ex assistenti), hekk kif previst miċ-CCNL għall-perijodu 1994-1997. Dan jidher li huwa kriterju oġġettiv, li jippermetti li jiġu affaċċjati d-diffikultajiet inerenti ta' evalwazzjoni każ b'każ tal-karriera ta' l-ex assistenti kollha. F'dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-ebda waħda mill-universitajiet ma ġabet il-prova ta' l-eżistenza ta' ftehim kollettiv li jistabbilixxi l-kriterji meħtieġa.

37     F'dak li jirrigwarda l-għażla tal-karriera ta' riċerkaturi kkonfermati b'ħin parzjali bħala l-kategorija ta' ħaddiema nazzjonali li għandha tintuża bħala riferiment għar-rikostituzzjoni tal-karriera ta' l-ex assistenti, għandu jiġi kkonstatat li tali għażla taqa' taħt il-kompetenza ta' l-awtoritajiet nazzjonali. Mis-sentenza Il-Kummissjoni vs l-Italja lanqas ma jirriżulta li r-Repubblika Taljana kienet obbligata tidentifika kategorija ta' ħaddiema li tkun tixbah lil dik ta' l-ex assistenti u tassimila kompletament it-trattament riżervat għal dawn ta' l-aħħar ma dak li minnu jibbenefikaw dawk ta' l-ewwel.

38     Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex f'pożizzjoni li, fuq il-bażi ta' l-elementi pprovduti mill-Kummissjoni, tikkonstata n-natura inadegwata tal-parametri indikati fil-punti 36 u 37 ta' din is-sentenza, iktar u iktar meta jidher li l-applikazzjoni tagħhom ma tipprekludix li, f'każijiet partikolari, ir-rikostituzzjoni tal-karriera ta' l-ex assistenti tkun tista' ssir fuq il-bażi ta' trattamenti iktar favorevoli.

39     Id-digriet leġiżlattiv Nru 2/2004 għalhekk ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li pprovda kuntest legali żbaljat safejn kull waħda mill-universitajiet ikkonċernati hija fil-pożizzjoni li twettaq ir-rikostituzzjoni preċiża tal-karriera ta' l-ex assistenti.

40     Jibqa' li jiġi vverifikat jekk l-azzjonijiet li l-universitajiet kkonċernati ħadu wara l-adozzjoni tad-digriet leġiżlattiv Nru 2/2004 laħqux l-għan mixtieq.

41     Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-Kummissjoni li għandha, fil-kuntest ta' din il-kawża, tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat l-istat ta' eżekuzzjoni, minn Stat Membru, ta' sentenza li tikkonstata nuqqas ta' twettiq ta' obbligu (sentenza ta' l-4 ta' Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-387/97, Ġabra p. I-5047, punt 73). Barra minn dan, fil-mument li l-Kummissjoni tipprovdi biżżejjed elementi li juru l-persistenza tan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu, huwa l-Istat Membru interessat li għandu jikkonstata b'mod sostanzjali u dettaljat l-informazzjoni ppreżentata u l-konsegwenzi tagħha (sentenza tat-12 ta' Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar 'il fuq, punt 56).

42     Għandu jiġi kkonstatat li, minbarra d-dikjarazzjonijet ta' l-universitajiet ikkonċernati li jaffermaw li kien hemm rikonoxximent sħiħ tad-drittijiet miksuba mill-ex assistenti, il-Gvern Taljan ressaq tabelli dettaljati dwar l-implementazzjoni ta' dan ir-rikonoxximent f'kull waħda mill-imsemmija universitajiet.

43     Huwa minnu li d-dikjarazzjonijiet ta' ħlas li jidhru fl-atti ġew ippreżentati mill-universitajiet u mhux mill-kredituri u li, fil-każ ta' l-Università l'Orientale di Napoli, il-ħlas ġie stabbilit għal data ulterjuri fl-istess xahar ta' meta saret id-dikjarazzjoni (Ottubru 2004).

44     Madankollu, l-informazzjoni pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex ta' natura li tqiegħed fid-dubju l-informazzjoni msemmija fil-punt 42 ta' din is-sentenza.

45     F'dawn iċ-ċirkustanzi, ma jeżistux biżżejjed elementi sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista' tikkonkludi li, fid-data ta' l-eżami tal-fatti, kien għad hemm nuqqas ta' twettiq ta' obbligu.

46     Għalhekk l-impożizzjoni ta' pagamenti ta' penalita mhijiex iġġustifikata.

47     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru iktar 'il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, peress li ma żguratx, sad-data ta' meta skada t-terminu preskritt fl-opinjoni motivata, ir-rikonoxximent tad-drittijiet akkwistati mill-ex assistenti, li iktar tard saru kollaboraturi u esperti lingwistiċi, filwaqt li tali rikonoxximent kien iggarantit għall-ħaddiema nazzjonali kollha, ir-Repubblika Taljana ma implementatx il-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italia, iċċitata iktar 'il fuq, u minħabba f'hekk naqset mill-obbligi li hija għandha skond l-Artikolu 228 KE.

 Fuq l-ispejjeż

48     Peress li ġie kkonstatat li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq obbligu, din għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż kif mitluba mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi

1)      Peress li ma żguratx, sad-data ta' meta skada t-terminu preskritt fl-opinjoni motivata, ir-rikonoxximent tad-drittijiet akkwistati mill-ex assistenti, li iktar tard saru kollaboraturi u esperti lingwistiċi tal-lingwa omm, filwaqt li tali rikonoxximent kien iggarantit għall-ħaddiema nazzjonali kollha, ir-Repubblika Taljana ma implementatx il-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tas-26 ta' Ġunju 2001 Il-Kummissjoni vs L-Italia (C-212/99), u minħabba f'hekk naqset mill-obbligi li hija għandha skond l-Artikolu 228 KE.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-Repubblika Taljana hija ordnata tbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.