SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

17 ta' Marzu 2005 (*)

"Artikolu 48 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 39 KE) – Moviment liberu tal-ħaddiema – Impjegat tas-servizz pubblku li jwettaq stage preparatorja – Stage mwettqa fi Stat membru ieħor – Rimbors ta’ ispejjeż ta’ trasferiment limitat għal dik il-parti tat-traġitt magħmula fit-territorju nazzjonali"

Fil-kawża C-109/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz ta' deċiżjoni tas-17 ta' Diċembru 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta' Marzu 2004, fil-proċedura

Karl Robert Kranemann

vs

Land Nordrhein-Westfalen 

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn  P. Jann, President ta' l-Awla, K. Lenaerts (Relatur),  N. Colneric,  K. Schiemann u E. Levits, Imħallfin

Avukat Ġenerali: L. A. Geelhoed,

Reġistratur:  R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

·għal K. R. Kranemann, minnu stess,

·għal-Land Nordrhein-Westfalen, minn M. Statthalter, bħala aġent,

·għal Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Rozet u H. Kreppel, bħala aġenti,

wara li semgħet  il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Jannar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 39 KE). It-talba kienet ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ rikors imressaq minn K.R. Kranemann, staġista fil-liġi u li kien wettaq parti mill-istage tiegħu fir-Renju Unit, kontra r-rifjut tal-Land Nordrhein-Westfalen li tirrimborsalu l-ispejjeż tat-trasferiment relattivi għat-traġitt magħmul barra mit-territorju Ġermaniż biex jasal għall-post ta’ l-istage tiegħu.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

2       Ir-raba’ u l-ħames inċiżi ta' l-Artikolu 7(4) tar-regolament relattiv għall-għoti ta’ l-allowance għat-tluq (Verordnung über die Gewährung von Trennungsentschädigung, iktar ’il quddiem it-“TEVO”) tal-Land Nordrhein-Westfalen tad-29 ta’ April 1988, fil-verżjoni tagħha tas-27 ta’ Ġunju 1994 applikabbli għall-każ odjern (GVB1. NW 1994, p. 444), jiddisponi li għall-impjegati temporanji tas-servizz pubbliku li jkunu fuq stage f’post li jkunu għażlu huma barra minn pajjiżhom, l-allowances ta’ kuljum u l-allowances għas-soġġorn jiġu kkalkulati biss abbażi tat-tariffi applikabbli għat-trasferimenti fuq it-territorju nazzjonali. L-ispejjeż ta’ trasferiment inkorsi mhumiex rimborsabbli ħlief għal dawk l-ammonti meħtieġa għat-traġitt, b’mezzi ta’ trasport regolari u fil-klassi l-iktar ekonomika, sal-fruntiera Ġermaniża u lura.

3       Regola simili għal din tapplika, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien ta’ l-Artikoli 5(4) u 7(7) tat-TEVO, għall-allowances għat-trasferimenti lura d-dar matul il-perijodu ta’ l-istage.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

4       Matul l-istage ġuridiku preparatorju li jippreċedi b’mod obbligatorju t-tieni eżami ta’ l-Istat fil-kors tal-liġi, is-sur Kranemann qatta’ żmien ta’ formazzjoni mill-1 ta’ Awwissu sat-30 ta’ Novembru 1995, bħala impjegat tas-servizz pubbliku, ma’ ditta ta’ avukati f’Londra (ir-Renju Unit).

5       Matul dan il-perijodu, huwa kiseb mingħand il-Land Nordrhein-Wetsfalen, barra mir-remunerazzjoni ta’ staġista, allowance għat-tluq ammontanti għal 1,686.68 DEM. It-talba tiegħu għar-rimbors ta’ l-ispejjeż ta’ trasferiment relattivi għat-traġitt ’l hemm u lura mid-domiċilju tiegħu f’Aix-la-Chapelle (fil-Ġermanja) sal-lok ta’ l-istage, kif ukoll għar-ritorn tiegħu lejn id-dar għal tmiem il-ġimgħa, ma kinitx ġiet aċċettata ħlief għall-ammont ta’ 83.25 DEM, korrispondenti għall-allowances ta’ kuljum għat-trasferimenti ta’ diversi jiem u għall-allowance tas-soġġorn. Bil-kuntrarju, minħabba l-fatt li t-TEVO tillimita r-rimbors ta’ l-ispejjeż ta’ l-ivjaġġar għall-ammonti neċessarji għat-traġitt ’l hemm u lura mid-domiċilju sal-fruntiera Ġermaniża u li l-villaġġ ta’ Aix-la-Chapelle huwa kkunsidrat bħala tali, is-sur Kranemann ma kisibx ir-rimbors ta’ l-ispejjeż l-oħra tiegħu għat-trasferimenti, li huwa jikkwantifika f’539.60 DEM.

6       Peress li r-rikors tiegħu kontra r-rifjut tar-rimbors kien ġie miċħud fl-ewwel istanza u fl-appell, huwa ppreżenta appell ieħor għar-“Reviżjoni” quddiem il- Bundesverwaltungsgericht.

7       Fid-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha, din il-qorti osservat li l-ġurisprudenza tal-Qorti kienet għadha ma ċċaratx il-punt dwar jekk l-impjegati temporanji tas-servizz pubbliku li jkunu qegħdin iwettqu stage ġuridiku preparatorju (“Rechtsreferendare” jew “staġisti li jkunu qegħdin jagħmlu l-prattika fil-liġi) jaqgħux taħt il-kunċett ta’ ħaddiem fis-sens ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat.

8       Barra minn hekk, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk ir-rifjut għar-rimbors ta’ l-ispejjeż ta' trasferiment marbutin mat-traġitt magħmul barra mit-territorju nazzjonali jikkostitwixxix, waħdu, ostaklu li huwa suffiċjentement dirett għall-moviment liberu tal-persuni u jekk, imbagħad, l-Artikolu 48 tat-Trattat jimponix, barra mir-rimbors ta’ l-ispejjeż għat-trasferimenti ’l hemm u lura lejn il-post ta’ l-istage barra mill-pajjiż, l-obbligu tar-rimbors ta’ l-ispejjeż tat-traġitt lura lejn id-dar matul iż-żmien ta’ l-istage.

9       Fl-aħħar nett, il-Qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-restrizzjoni eventwali għall-moviment liberu tal-peruni huwiex iġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet finanzjarji u jekk tali kunsiderazzjonijiet jistgħux iwasslu għar-rifjut, b'mod ġenerali, tal-benefiċċju ta’ l-allowance għat-tluq u r-rimbors ta’ l-ispejjeż ta' trasferiment ta’ l-istaġisti.

10     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi d-deċiżjoni u li tistaqsi lill-Qorti d-domanda preliminari segwenti:

“Dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li ma tagħtix id-dritt għal rimbors ta’ l-ispejjeż ta' trasferiment lil staġista fil-liġi li jwettaq parti mill-prattika obbligatorja tiegħu f’post ta’ l-għażla tiegħu fi Stat membru ieħor, ħlief għall-ammont ta’ dik il-parti tat-traġitt magħmula fuq it-territorju nazzjonali, hija kompatibbli ma’ l-Artikolu 48 tat-Trattat?”

 Dwar id-domanda preliminari

11     Jeħtieġ li jiġi stabbilit, preliminarjament, jekk is-sitwazzjoni ta’ staġista fil-liġi li jagħmel parti mill-istage ġuridiku preparatorju fi Stat membru ieħor li mhuwiex l-Istat membru li tiegħu huwa ċittadin, jaqax taħt l-Artikolu 48 tat-Trattat.

 Dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat KE

12     Skond ġurisprudenza kostanti, il-kunċett ta’ “ħaddiem”, fis-sens ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat, għandu portata komunitarja u m’għandux jiġi interpretat b’mod restrittiv. Għandha tiġi kkunsidrata bħala “ħaddiem” kull persuna li teżerċita xi attività reali u effettiva, barra mill-attivitajiet daqshekk ridotti li jidhru bħala purament marġinali u aċċessorji. Il-karatteristika tar-relazzjoni ta’ impjieg hija, skond l-imsemmija ġurisprudenza, iċ-ċirkustanza meta persuna teżegwixxi f’ċertu żmien, favur xi ħaddieħor u taħt id-direzzjoni ta’ l-istess, xi xogħol in kunsiderazzjoni ta’ remunerazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1986, Lawrie-Blum, 66/85, Ġabra p. 2121, punti 16 u 17; tas-26 ta’ Frar 1992, Bernini, C-3/90, Ġabra p. I-1071, punt 14, u tas-7 ta’ Settembru 2004, Trojani, C-456/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 15).

13     Fir-rigward ta’ persuni li jkunu qegħdin iwettqu stage preparatorja, il-Qorti ddeċidiet li, jekk l-istage ikun qed isir taħt kundizzjonijiet ta’ attività b'paga reali u effettiva, il-fatt li dak l-istage jista’ jiġi kkunsidrat bħala preparazzjoni prattika marbuta ma’ l-eżerċizzju nnifsu tal-professjoni, ma jimpedixxix l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat (ara s-sentenzi Lawrie-Blum, punt 19, u Bernini, punt 15).

14     Kif ikkonstatat il-Qorti fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Diċembru 2000, Schnorbus (C-79/99, Ġabra p. I-10997, punt 28), l-istage ġuridiku preparatorju previst fil-Ġermanja jikkostitwixxi perijodu ta’ formazzjoni u prerekwiżit meħtieġ sabiex wieħed isib xogħol fis-servizz ġudizzjarju jew f’kariga għolja fis-servizz pubbliku.

15     Fir-rigward ta’ l-attivitajiet imwettqa minn staġisti fil-liġi, jirriżulta mid-deċiżjoni ta’ rinviju illi, minn banda, l-imsemmija staġisti huma marbuta jużaw fil-prattika, fl-ambitu ta’ l-istage tagħhom, l-għerf miksub minnhom matul l-istudji tagħhom u b’hekk jikkontribwixxu, taħt id-direzzjoni ta’ l-għalliem tagħhom fl-istage, għall-attivitajiet imwettqa minn dan ta’ l-aħħar u, mill-banda l-oħra l-istaġisti fil-liġi jaqilgħu, waqt il-perijodu ta’ formazzjoni tagħhom, remunerazzjoni taħt il-forma ta’ allowance għall-manteniment.

16     Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Land Nordrhein-Westfalen, relazzjoni ta’ impjieg bħal din ma taqax barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat minħabba l-fatt biss li, minn banda, l-allowance mogħti lill-istaġisti mhuwiex ħlief għajnuna li tippermettilhom li jlaħħqu mal-bżonnijiet tagħhom u li, mill-banda l-oħra, l-għoti ta’ dan l-allowance mill-Istat ma jistax jiġi kkunsidrat, fir-rigward ta’ l-istaġisti li jkunu qegħdin iwettqu stage barra mis-settur pubbliku, bħala korrispettiv għas-servizzi pprovduti mill-istaġista.

17     Fil-fatt, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li la l-livell limitat ta’ remunerazzjoni u lanqas l-oriġini tal-fondi li minnhom titħallas l-imsemmija remunerazzjoni ma jistgħu jkollhom xi konsegwenza fuq il-kwalifika ta’ ħaddiem fis-sens tad-dritt komunitarju (ara s-sentenzi tat-23 ta’ Marzu 1982, Levin, 53/81, Ġabra p. 1035, punt 16; tal-31 ta’ Mejju 1989, Bettray, 344/87, Ġabra p. 1621, punt 16, u Trojani, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 16).

18     Sakemm l-istaġisti fil-liġi jeżerċitaw attività bil-paga reali u effettiva, dawn għandhom għaldaqstant jiġu kkunsidrati bħala ħaddiema fis-sens ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat.

19     L-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat ma jistax jiġi eskluż abbażi ta’ l-eċċezzjoni prevista fil-paragrafu 4 ta’ l-imsemmija dispożizzjoni għall-“impjieg ma’ l-awtoritajiet pubbliċi”. In kwantu l-istaġista jwettaq, bħal fil-każ preżenti, parti mill-istage tiegħu mhux mas-settur pubbliku, huwa suffiċjenti li wieħed jiftakar illi l-kunċett ta’ “impjieg ma’ l-awtoritajiet pubbliċi” ma tinkludix l-impjiegi ma’ persuna oħra jew ma’ persuna morali tad-dritt privat, huma x’inhuma d-dmirijiet mistennija mill-impjegat (ara s-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja, Ġabra C-283/99, Ġabra p. I-4363, punt 25).

20     Peress li din tirrigwarda staġista fil-liġi li telaq mill-Istat membru ta’ l-oriġni tiegħu biex iwettaq parti mill-istage fi Stat membru ieħor, is-sitwazzjoni tiegħu m'għandhiex taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat bħala sitwazzjoni purament interna għall-Istat membru.

21     Fid-dawl tas-suespost, jeħtieġ li jitqies li staġista fil-liġi li huwa ċittadin ta’ Stat membru u li jagħmel parti mill-istage tiegħu fi Stat membru ieħor filwaqt li jeżerċita attività bil-paga reali u effettiva huwa ħaddiem fis-sens ta’ l-Artikolu 48 tat-Trattat.

22     Jeħtieġ li wara jiġi eżaminat jekk ir-regoli relattivi għar-rimbors ta’ l-ispejjeż ta’ trasferiment, bħal dawk applikabbli fil-kawża prinċipali, jikkostitwixxux ostaklu għad-dritt tal-moviment liberu li l-Artikolu 48 jagħti lill-ħaddiema.

 Dwar l-ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema

23     Jeħtieġ li jiġi rrilevat li, bil-fatt li wieħed jissuġġetta r-rimbors ta’ l-ispejjeż inkorsi minn staġista fil-liġi li jkun qiegħed iwettaq parti mill-istage tiegħu barra mill-Ġermanja, għat-tariffi applikabbli għat-trasferiment fuq servizz fit-territorju nazzjonali, l-Artikolu 7 tat-TEVO jeskludi r-rimbors ta’ l-ispejjeż ta’ trasferiment inkorsi minn tali staġista barra mit-territorju Ġermaniż.

24     Minn dan jirriżulta li, filwaqt li l-istaġisti li jkunu qegħdin iwettqu l-istage tagħhom f’post tax-xogħol li jkun sitwat fit-territorju Ġermaniż għandhom dritt għar-rimbors tat-totalità ta’ l-ispejjeż tagħhom kollha, tkun xi tkun id-distanza bejn id-domiċilju tagħhom u l-post ta’ l-istage, dawk l-istaġisti li jkunu għażlu li jwettqu parti mill-istage tagħhom ġewwa Stat membru ieħor ghandhom iħallsu minn buthom dik il-parti mill-ispejjeż ta' trasferiment korrispondenti għat-traġitt magħmul barra mit-territorju Ġermaniż.

25     F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-Qorti kemm-il darba ddikjarat li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat relattivi għall-moviment liberu tal-persuni huma intiżi li jaffiċilitaw, għaċ-ċittadini komunitarji, l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet professjonali ta’ kull xorta fit-territorju kollu tal-Komunità u jipprekludu miżuri oħra li jistgħu jisfavorixxu dawk iċ-ċittadini meta huma jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività ekonomika fit-territorju ta’ Stat membru ieħor (ara s-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1988, Wolf et, 154/87 u 155/87, Ġabra p. 3897, punt 13; tal-15 ta’ diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 94; tas-26 ta’ Jannar 1999, Terhoeve, C-18/95, Ġabra p. I-345, putn 37, u tas-27 ta’ Jannar 2000, Graf, C-190/98, Ġabra p. I-493, punt 21).

26     Dispożizzjonijiet nazzjonali li jimpedixxu jew jiskoraġġixxu lill-ħaddiem ċittadin ta’ Stat membru li jitlaq l-Istat ta’ oriġni tiegħu biex jeżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu jikkostitwixxu, għalhekk, ostakli għal din il-libertà anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli indipendentement min-nazzjonalità tal-ħaddiema konċernati (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il quddiem, Bosman, punt 96; Terhoeve, punt 39, u Graf, punt 23; is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler, C-224/01, Ġabra I-10239, punt 74, u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Van Lent, C-232/01, Ġabra p. I-11525, punt 16).

27     Minn dan jirriżulta li, jekk Stat membru jipprovdi sistema ta’ aċċess għal ċerti impjiegi bbażata fuq stage preparatorja li matulha l-istaġisti jeżerċitaw attività bil-paga reali u effettiva u jekk dak l-Istat jippermetti, barra minn hekk, li staġista jkun jista’ jwettaq l-istage tiegħu fi Stat membru ieħor, huwa għandu jieħu ħsieb li l-modalitajiet ta’ organizzazzjoni ta’ dak l-istage ma joħolqux ostakli għal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat.

28     Issa, in kwantu l-leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija t-TEVO teżiġi li l-istaġisti li jwettqu l-istage tagħhom fi Stat membru ieħor għandhom iħallsu minn buthom l-ispejjeż ta’ trasferiment relattivi għat-traġitti magħmulin barra mit-territorju nazzjonali, inklużi dawk marbutin ma’ xi mawra lura d-dar waqt il-perijodu ta’ l-istage, l-istaġista li jkun qiegħed iwettaq l-istage tiegħu ġewwa Stat membru ieħor isib ruħu f’sitwazzjoni iktar sfavorevoli minn dik illi kien ikollu kieku wettaq fl-Istat membru ta’ oriġini tiegħu peress li huwa, f’dak il-każ, kien jibbenefika minn rimbors ta’ l-ispejjeż għat-trasferiment tiegħu.

29     Ghaldaqstant, leġiżlazzjoni bħal dik toħloq ostaklu finanzjarju li jista’ jiddisswadi lill-istaġisti fil-liġi, partikolarment dawk li għandhom riżorsi finanzjarji limitati, li jwettqu xi stage fi Stat membru ieħor, indipendentement mill-fatt jekk id-deċiżjoni li jwettaq dan l-istage tkunx ispirata, in generali, kif jirrileva l-Land Nordrhein-Westfalen, minn motivi marbutin ma’ l-ispeċjalizzazzjoni ta’ l-istaġista jew minn motivi personali, bħalma hija x-xewqa li wieħed jieħu esperjenza f’kultura ġuridika oħra.

30     Konsegwentement, miżura bħal dik ikkontemplata fl-Artikolu 7 tat-TEVO tista' tostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema, fatt li, bħala prinċipju, huwa pprojbit mill-Artikolu 48 tat-Trattat.

31     Il-Qorti ta’ rinviju tistaqsi madankollu jekk tali ostaklu jistax jiġi ġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet finanzjarji.

32     Skond K.R. Kranemann, ir-rifjut tar-rimbors ta’ l-ispejjeż ta’ trasferiment dawk l-istaġisti biss li jkunu wettqu l-istage tagħhom barra mill-pajjiż ma jistax jiġi ġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet finanzjarji jekk jirriżulta li dawk l-ispejjeż mhumiex neċessarjament iktar minn dawk li jistgħu jiġu inkorsi minn staġisti li jkunu għażlu l-post ta’ l-istage tagħhom fil-Ġermanja. Kunsiderazzjonijiet finanzjarji jistgħu, l-iktar l-iktar, iwasslu għall-iffissar ta’ l-ogħla limitu ta’ flus rimborsabbli.

33     Jeħtieġ li f’dan ir-rigward jiġi rrilevat li miżura li tostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema ma tistax tiġi aċċettata sakemm ma jkollhiex xi obbjettiv leġittimu kumpatibbli mat-Trattat u tkun ġustifikabbli b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Però f’każ bħal dan, ikun jinħtieġ li l-applikazzjoni ta’ tali miżura tkun adatta sabiex tiggarantixxi r-realizzazzjoni ta’ l-obbjettiv in kwistjoni u ma teċċedix dak li hu neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-obbjettiv (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1993, Kraus, C-19/92, Ġabra p. I-1663, punt 32, u kif ukoll is-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq, Bosman, punt 104, u Köbler, punt 77).

34     Jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li l-motivi ta’ natura purament ekonomika ma jistgħux jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali tali li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni għal-libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (ara s-sentenzi tas-26 ta’ April 1988, Bond van Adverteerders et, 352/85, Ġabra p. 2085, punt 34; tal-25 ta’ Lulju 1991, Collectieve Antennevoorziening Gouda, C-288/89, Ġabra p. I-4007, punt 11; tal-5 ta’ Ġunju 1997, SETTG, C-398/95, Ġabra p. I-4071, punt 48, u tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-388/01, Ġabra p. I-721, punt 22).

35     F’kull każ, kif irrilevaw K.R. Kranemann u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, mhuwiex eskluż li, f’ċerti każijiet, l-ispejjeż marbutin mat-traġitt magħmul ġewwa t-territorju Ġermaniż ikunu ogħla minn dawk marbutin ma’ traġitti magħmulin għal Stat membru ieħor.

36     Jeħtieġ għalhekk li tingħata risposta għad-domanda preliminari fis-sens li l-Artikolu 48 tat-Trattat jipprekludi miżuri nazzjonali li, fir-rigward ta’ persuna li tkun wettqet, fl-ambitu ta’ stage preparatorju, attività bil-paga reali u effettiva fi Stat membru ieħor li mhuwiex l-Istat ta’ oriġini tagħha, ma jagħtux id-dritt għar-rimbors ta’ l-ispejjeż ta’ trasferiment ta’ l-imsemmija persuna ħlief għall-dawk l-ammonti relattivi għal dik il-parti tat-traġitt magħmula fuq it-territorju nazzjonali, filwaqt li jipprovdu li, kieku attività bħal dik tiġi magħmula fit-territorju nazzjonali, ikunu rimborsabbli l-ispejjeż kollha ta’ trasferiment.

 Fuq l-ispejjeż

37     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

L-Artikolu 48 tat-Trattat (li sar, wara emenda, l-Artikolu 39 KE,) jipprekludi miżuri nazzjonali li, fir-rigward ta’ persuna li tkun wettqet, fl-ambitu ta’ stage preparatorju, attività bil-paga reali u effettiva fi Stat membru ieħor li mhuwiex l-Istat membru ta’ oriġini tagħha, ma jagħtux id-dritt għar-rimbors ta’ l-ispejjeż ta’ trasferiment ta’ l-imsemmija persuna ħlief għall-dawk l-ammonti relattivi għal dik il-parti tat-traġitt magħmula fuq it-territorju nazzjonali, filwaqt li jipprovdu li, kieku attività bħal dik tkun ġiet magħmula fit-territorju nazzjonali, ikunu rimborsabbli l-ispejjeż kollha ta’ trasferiment.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.