SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
5 ta’ Diċembru 2006 (*)
""Regoli Komunitarji fil-qasam tal-kompetizzjoni – Sistemi nazzjonali dwar it-tariffa tad-drittijiet ta’ avukat – Iffissar tat-tariffi professjonali – Libertà li jiġu pprovduti servizzi"
Fil-kawżi magħquda C‑94/04 u C‑202/04
li għandha bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Corte d’appello di Torino (l-Italja), permezz ta’ Deċiżjonijiet ta’ l-4 ta’ Frar u l-5 ta’ Mejju 2004, minn naħa, u tas-7 ta’ April 2004, min-naħa l-oħra, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fil-25 ta’ Frar u t-18 ta’ Mejju 2004 kif ukoll fis-6 ta’ Mejju 2004, fil-proċedura
Federico Cipolla (C‑94/04)
vs
Rosaria Portolese, xebba Fazari,
u
Stefano Macrino,
Claudia Capodarte (C‑202/04)
vs
Roberto Meloni,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, R. Schintgen, J. Klučka, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, U. Lỡhmus (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Ottubru 2005,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal F. Cipolla, minn G. Cipolla, avvocatessa,
– għal R. Meloni, minn S. Sabbatini, D. Condello, G. Scassellati Sforzolini u G. Rizza, avvocati,
– għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn P. Gentili, avvocato dello Stato,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Dittrich, C.‑D. Quassowski u M. Lumma, bħala aġenti,
– għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Traversa, R. Wainwright u F. Amato kif ukoll minn K. Mojzesowicz, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-1 ta’ Frar 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 10 KE, 49 KE, 81 KE u 82 KE.
2 Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawża bejn żewġ avukati u l-klijenti rispettivi tagħhom għall-irkupru ta’ drittijiet.
Kuntest ġuridiku
3 Skond id-Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 1578, tas-27 ta’ Novembru 1933 (GURI Nru 281, tal-5 ta’ Diċembru 1933), li saret il-Liġi Nru 36, tat-22 ta’ Jannar 1934 (GURI Nru 24, tat-30 ta’ Jannar 1934), kif emendata sussegwentement (iktar ‘il quddiem id-"Digriet Leġiżlattiv Irjali"), il-Consiglio nazionale forense (il-Kunsill nazzjonali tal-Kamra ta’ l-avukati, iktar ’il quddiem il-"KNA"), imwaqqaf taħt il-patroċinju tal-Ministeru tal-Ġustizzja, huwa kompost minn avukati eletti mill-kullegi tagħhom, b’elett għal kull qorti ta’ l-appell.
4 L-Artikolu 57 tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali jipprovdi li l-kriterji li jiddeterminaw id-drittijiet u kumpens dovut lill-avukati u lill-"procuratori" fil-qasam ċivili, kriminali u barra mill-qrati huma stabbiliti kull sentejn b’deċiżjoni tal-KNA. Wara li tkun is-suġġett tad-deċiżjoni tal-KNA, it-tariffa tad-drittijiet ta’ avukat (iktar ‘il quddiem it-"tariffa") għandha, skond il-leġiżlazzjoni Taljana, tiġi approvata mill-Ministru tal-Ġustizzja wara opinjoni tal-Comitato interministeriale dei prezzi (il-Kumitat interministerjali tal-prezzijiet, iktar ‘il quddiem il-"KIP") u konsultazzjoni mal-Consiglio di Stato (il-Kunsill ta’ l-Istat).
5 Skond l-Artikolu 58 tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali, dawn il-kriterji jiġu stabbiliti b’relazzjoni mal-valur tal-kawżi u l-grad tal-qorti li għandha tiddeċiedi fuq il-kawża kif ukoll, għall-proċeduri kriminali, b’relazzjoni mat-tul tagħhom. Għal kull att jew serje ta’ atti, it-tariffa tiffissa limitu massimu u limitu minimu tad-drittijiet.
6 L-Artikolu 60 tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali jiddisponi li l-likwidazzjoni tad-drittijiet titwettaq mill-qorti abbażi ta’ dawn il-kriterji, li tikkunsidra wkoll il-gravità u n-numru tal-kwistjonijiet ittrattati. Din id-deċiżjoni għandha sseħħ fil-limiti massimi u minimi stabbiliti minn qabel. Madankollu, fil-każ ta’ importanza eċċezzjonali, għandha tiġi kkunsidrata n-natura speċjali tal-kontroversja u meta l-valur intrinsiku tas-servizz jiġġustifikah, il-qorti tista’ taqbeż il-limitu massimu ffissat mit-tariffa. Kuntrarjament, jista’, meta l-kawża tkun iktar faċli biex tittratta, tiffissa drittijiet inferjuri għal-limitu minimu. Fiż-żewġ każijiet, id-deċiżjoni tal-qorti għandha tkun motivata.
7 Skond l-Artikolu 2233 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, b’mod ġenerali, il-ħlas taħt kuntratt ta’ għoti ta’ servizzi, jekk dan ma jkunx miftiehem mill-partijiet u ma jistax jiġi stabbilit skond it-tariffi jew il-prattika fis-seħħ, jiġi stabbilit mill-qorti, wara li tkun semgħet l-opinjoni ta’ l-assoċjazzjoni professjonali li l-fornitur huwa parti minnha. Madankollu, fir-rigward tal-professjoni ta’ avukat, l-Artikolu 24 tal-Liġi Nru 794, tat-13 ta’ Ġunju 1942 (GURI Nru 172, tat-23 ta’ Lulju 1942), tipprovdi li ma jistgħux ikunu dderogati d-drittijiet minimi stabbiliti mit-tariffa għal servizzi ta’ avukat, taħt piena ta’ nullità għal kull ftehim kuntrarju. Skond ġurisprudenza tal-Corte suprema di cassazione (il-qorti ta’ kassazzjoni), din ir-regola hija applikabbli wkoll għal servizzi barra mill-qrati ta’ l-avukati.
8 It-tariffa in kwistjoni fil-kawża C‑202/04 ġiet stabbilita bid-deċiżjoni tal-KNA tat-12 ta’ Ġunju 1993, kif emendata fid-29 ta’ Settembru 1994, u ġiet approvata bid-digriet ministerjali Nru 585, tal-5 ta’ Ottubru 1994 (GURI Nru 247, tal-21 ta’ Ottubru 1994). L-Artikolu 2 ta’ dan l-aħħar digriet jiddisponi li "ż-żidiet previsti fit-tabelli annessi huma applikabbli sa 50% mill-1 ta’ Ottubru 1994 u għal 50% li jibqgħu mill-1 ta’April 1995". Din iż-żieda gradwali fiż-żmien toħroġ mir-rimarki magħmula mill-KIP, peress li dan il-kumitat ħa in kunsiderazzjoni b’mod partikolari ż-żieda fl-inflazzjoni. Qabel ma approva t-tariffa, il-Ministru tal-Ġustizzja kkonsulta għal darb’oħra l-KNA, li, fil-laqgħa tad-29 ta’ Settembru 1994, aċċetta l-proposta li jipposponi l-applikazzjoni tat-tariffa.
9 It-tariffa tkopri tliet kategoriji ta’ ħlas, jiġifieri d-drittijiet, drittijiet u kumpens għal servizzi legali fil-qasam ċivili u amministrattiv, id-drittijiet għal servizzi legali fil-qasam kriminali kif ukoll id-drittijiet u kumpens għal servizzi barra mill-qrati.
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Kawża C-94/04
10 R. Portolese, xebba Fazari, u żewġ sidien oħra ta’ art konfinanti fil-komun ta’ Moncalieri talbu lil avukat, F. Cipolla, jibda proċeduri kontra dan il-komun sabiex jiksbu l-ħlas ta’ kumpens għall-okkupazzjoni b’urġenza ta’ dawn l-artijiet ordnata b’deċiżjoni unika tas-sindku ta’ Moncalieri li ma ġietx segwita minn ordni ta’ esproprjazzjoni. F. Cipolla ħejja tliet ċitazzjonijiet distinti u rreġistra mat-Tribunale di Torino tliet proċeduri kontra dan il-komun.
11 Sussegwentement, il-kwistjoni ġiet solvuta permezz ta’ tranżazzjoni li seħħet bl-inizjattiva diretta ta’ wieħed mill-proprjetarji kkonċernati, iżda mingħajr l-intervent ta’ F. Cipolla.
12 Dan ta’ l-aħħar, li rċieva, qabel l-ifformular u n-notifika ta’ tliet ċitazzjonijiet, somma ta’ 1850000 ITL minn kull wieħed mit-tliet konvenuti fil-kawża prinċipali, apparentement bħala ħlas bil-quddiem għas-servizzi professjonali tiegħu, ħareġ fir-rigward ta’ R. Portolese kont bl-ammont totali ta’ 4125000 ITL li jkopru d-drittijiet tiegħu u spejjeż varji. R. Portolese rrifjutat li tħallas din is-somma. It-Tribunale di Torino, li kellu jiddeċiedi fuq il-kawża li tressqet, permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ġunju 2003, ikkonferma l-ħlas tas-somma ta’ 1850000 ITL u ċaħad it-talba ta’ F. Cipolla fuq il-ħlas tas-somma ta’ 4125000 ITL. F. Cipolla appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Corte d’appello di Torino fejn talab, b’mod partikolari, l-applikazzjoni tat-tariffa.
13 Jirriżulta mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju li, fil-kuntest tal-kawża li din ta’ l-aħħar għandha tiddeċiedi dwarha, hemm bżonn li jkun magħruf jekk, fl-ipoteżi fejn l-eżistenza ta’ ftehim bejn il-partijiet dwar il-ħlas totali ta’ l-avukat huwa ppruvat, li l-allegat ftehim jirrigwarda s-somma totali ta’ 1850000 ITL, ftehim bħal dan għandux, minkejja l-leġiżlazzjoni Taljana, jitqies li huwa validu għaliex il-bdil tiegħu ex officio b’kalkolu ta’ ħlas ta’ l-avukat fuq il-bażi ta’ tariffa mhijiex konformi mar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kompetizzjoni.
14 Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fil-każ fejn professjonist mhux residenti fl-Italja jipprovdi servizzi legali lil residenti f’dan l-Istat Membru u li l-ftehim li jirrigwardah ikun suġġett għal-liġi Taljana, il-provvista ta’ servizzi legali tkun suġġetta għall-interdizzjoni assoluta li tidderoga l-ammonti ta’ ħlas stabbiliti mit-tariffa. Hekk ukoll, f’dan il-każ, għandu jkun applikabbli l-ammont minimu obbligatorju. Din il-projbizzjoni għalhekk għandha l-effett li tostakola l-aċċess ta’ avukati oħra għas-suq tas-servizzi Taljani.
15 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Corte d’appello di Torino ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
"1) Il-prinċipju tal-kompetizzjoni tad-dritt Komunitarju, skond l-Artikoli 10 KE, 81 KE u 82 KE, huwa applikabbli wkoll għall-provvista ta’ servizzi legali?
2) Dan il-prinċipju jimplika jew le l-possibbiltà ta’ ftehim bejn il-partijiet għall-ħlas ta’ l-avukat b’effett vinkolanti?
3) F’kull ipoteżi, dan il-prinċipju huwa ostaklu jew le għall-projbizzjoni assoluta ta’ deroga għall-ħlasijiet ta’ l-avukati?
4) Il-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, skond l-Artikoli 10 KE u 49 KE, huwa applikabbli wkoll għall-provvista ta’ servizzi legali?
5) Fil-każ ta’ risposta pożittiva, dan il-prinċipju huwa jew le kompatibbli mal-prinċipju ta’ projbizzjoni assoluta ta’ deroga għad-drittijiet ta’ avukat?"
Kawża C‑202/04
16 Abbażi ta’ opinjoni ta’ l-assoċjazzjoni ta’ avukati u b’applikazzjoni tat-tariffa, R. Meloni, avukat, talab u kiseb, mingħand C. Capodarte u S. Macrino, inġunzjoni ta’ ħlas tad-drittijiet dwar ċertu servizzi barra mill-qrati li wettaq għalihom, fuq il-qasam tad-drittijiet ta’ l-awtur, li f’numru minnhom kien hemm inklużi b’mod partikolari opinjonijiet espressi oralment u ittri indirizzati lill-avukat tal-parti avversarja.
17 C. Capodarte u S. Macrino kkontestaw din l-inġunzjoni quddiem it-Tribunale di Roma fejn invokaw, b’mod partikolari, in-natura sproporzjonata tad-drittijiet mitluba minn R. Meloni fir-rigward ta’ l-importanza tal-kawża ttrattata u għas-servizzi effettivament mwettqa minn dan ta’ l-aħħar.
18 Sabiex tiddetermina l-ammont tad-drittijiet dovuti lil R. Meloni għal dawn is-servizzi, it-Tribunale di Roma kkunsidrat li għandu jiġi evalwat jekk it-tariffa, billi applikabbli għall-avukati f’oqsma barra mill-qrati, hijiex kompatibbli mar-regoli tat-Trattat KE, b’mod partikolari billi jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li l-interessati, biex jiksbu s-servizzi ta’ assistenza barra mill-qrati in kwistjoni, ma kinux marbuta jirrikorru għal avukat.
19 Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale di Roma ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
"L-Artikoli 5 u 85 tat-Trattat KE (li wara saru l-Artikoli 10 KE u 81 KE) jipprekludu li Stat Membru jadotta miżura leġiżlattiva jew leġiżlazzjoni li tapprova, abbażi ta’ abbozz stabbilit minn assoċjazzjoni professjonali ta’ avukati, tariffa li tiffissa minimi u massimi għad-drittijiet ta’ membri tal-professjoni, fir-rigward tas-servizzi li għandhom bħala suġġett attivitajiet (imsejħa ‘barra mill-qrati’) li mhumiex irriżervati għall-membri ta’ l-assoċjazzjoni professjonali ta’ avukati, iżda li jistgħu jitwettqu minn kulħadd?"
20 Minħabba l-konnessjoni ta’ dawn iż-żewġ kawżi prinċipali, huma għandhom, skond l-Artikolu 43 tar-Regoli tal-Proċedura, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 103 ta’ dan l-istess Regolament, jiġu magħquda għall-finijiet tas-sentenza.
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
Kawża C-94/04
– Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja
21 Skond F. Cipolla, id-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju huma inammissibbli għaliex, minn naħa, mhumiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, huma jippreżentaw natura ipotetika.
22 Fir-rigward ta’ l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, F. Cipolla jsostni li d-dritt nazzjonali applikabbli ma jirrikjedix li l-qorti nazzjonali tiddeċiedi dwar l-eżistenza u l-legalità ta’ ftehim bejn l-avukat u l-klijent tiegħu, kuntrarjament għal dak li huwa sostnut fid-deċiżjoni tar-rinviju. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ ftehim bejn dawn ta’ l-aħħar kif ukoll il-kwalifika ta’ "parti" tas-somma mħallsa mill-klijent għas-servizzi bi ħlas għandhom l-awtorità ta’ res judicata billi ma jistgħux jiġu kkontestati f’appell.
23 Fir-rigward tat-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, F. Cipolla jqis li l-validità tal-ftehim bejn l-avukat u l-klijent tiegħu għandu jiġi evalwat biss jekk jintwera li jeżisti ftehim bħal dan. Dan mhuwiex il-każ f’din il-kawża. Għalhekk, id-domandi mqegħda mill-Corte d’appello di Torino jistgħu jitqiesu bl-istess mod ta’ talba għal opinjoni.
24 Il-Gvern Ġermaniż iqis li billi l-fatti fil-kawża prinċipali ma fihom l-ebda element barrani, l-Artikolu 49 KE mhuwiex applikabbli. Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew, bis-sostenn tal-ġurisprudenza l-iktar reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, tqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari, billi tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE, hija ammissibbli.
– Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
25 F’dak li jikkonċerna l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma minn F. Cipolla, għandu jiġi mfakkar li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-imħallef nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li huwa jiddefinixxi fuq ir-responsabbiltà tiegħu, u li mhuwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza (ara s-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2003, Salzmann, C‑300/01, Ġabra p. I‑4899, punti 29 u 31). Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda ppreżentata minn qorti nazzjonali mhijiex possibbli ħlief meta jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba m’għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma’ jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, Ġabra p. I‑2099, punt 39, u tal-15 ta’ Ġunju 2006, Acereda Herrera, C‑466/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 48).
26 Din il-preżunzjoni ta’ ta’ rilevanza ma tistax titneħħa mis-sempliċi ċirkustanza li waħda mill-partijiet tal-kawża prinċipali tikkontesta ċertu fatti, bħal dawk fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, li mhuwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom u li minnhom tiddependi d-definizzjoni tas-suġġett fil-kawża.
27 Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju, li l-l-kawża prinċipali tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk il-ftehim milħuq bejn klijent u l-avukat tiegħu, dwar il-ħlas totali ta’ dan ta’ l-aħħar, jeżistix u għandux jitqies li huwa validu, għaliex il-bdil tiegħu ex officio b’kalkolu ta’ ħlas ta’ l-avukat fuq il-bażi ta’ tariffa mhijiex konformi mar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kompetizzjoni.
28 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba mill-qorti tar-rinviju m’għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, u l lanqas li d-domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dawn ir-regoli huma ipotetiċi.
29 Għaldaqstant, anki jekk l-eżistenza tal-ftehim fil-kawża prinċipali mhijiex stabbilita, mhuwiex eskluż li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitlub mill-qorti tar-rinviju, li jista’ jippermetti lil din ta’ l-aħħar tevalwa l-kompatibbiltà tat-tariffa, fir-rigward tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti mit-trattat, ikun utli lil din il-qorti biex tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Fil-fatt, dan prinċipalment jirrigwarda l-ħlas tad-drittijiet ta’ avukat li, hekk kif huwa indikat fil-punt 6 ta’ din is-sentenza, huwa mwettaq mill-qorti u, ħlief għal xi eċċezzjonijiet, fil-limiti massimi u minimi ffissati minn qabel mill-Ministru tal-Ġustizzja.
30 Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna iktar speċifikament id-domandi dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE, minkejja li huwa paċifiku li l-elementi kollha tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju huma kkonfinati għal Stat Membru wieħed, risposta tista’ madankollu tkun utli għall-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari fl-ipoteżi fejn id-dritt nazzjonali tagħha jimponi, fi proċedura bħal dik f’dan il-każ, li ċittadini Taljani jibbenefikaw mill-istess drittijiet li jgawdi minnhom ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li mhijiex ir-Repubblika ta’ l-Italja abbażi tad-dritt Komunitarju fl-istess sitwazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C‑451/03, Ġabra p. I‑2941, punt 29).
31 Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li l-interpretazzjoni tagħhom huwa mitlub minn din il-qorti, jipprekludux l-applikazzjoni ta’ liġi nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali sa fejn din hija applikabbli għal persuni residenti fi Stati Membri oħra li mhumiex ir-Repubblika ta’ l-Italja.
32 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ‘il fuq, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.
Kawża C‑202/04
– Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja
33 R. Meloni jeċċepixxi l-inammissibbiltà tad-domanda mqegħda mit-Tribunale di Roma minħabba li ma hemm l-ebda rabta bejn din id-domanda u s-soluzzjoni tal-kawża quddiem din il-qorti, billi din għandha bħala suġġett l-applikazzjoni tat-tariffa għall-provvista ta’ servizzi barra mill-qrati magħmula minn avukat miktub fl-avukatura.
34 Barra minn dan, il-qorti tar-rinviju ma indikatx ir-raġunijiet preċiżi li wassluha tistaqsi fuq l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju.
35 Il-Gvern Taljan isostni li, meta l-partijiet ma jkunux iffissaw, bi ftehim, id-drittijiet u l-klijent jikkontesta dawn il-kontijiet unilaterali tal-professjonist, bħal fil-kawża prinċipali, skond il-liġi Taljana, hija l-qorti li għandha tiddeċiedi dwar dan il-każ li tiddetermina dan liberament. Għalhekk, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tat-tariffa għas-servizzi barra mill-qrati ta’ l-avukati ma’ l-Artikoli 10 KE u 81 KE mhijiex rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.
36 Dan il-Gvern jikkontesta wkoll ir-rilevanza tad-domanda mqegħda mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-fatt li l-ebda prassi antikompetittiva ma hija preżenti fil-kawża prinċipali, la waqt it-tħejjija tat-tariffa la minħabba fl-imġiba ta’ l-operaturi.
– Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
37 Fir-rigward ta’ l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata minn R. Meloni, għandu jiġi mfakkar li l-kawża tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ tariffa għal provvista ta’ servizzi barra mill-qrati mwettqa minn avukat miktub fl-avukatura. Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti nazzjonali titlob jekk ir-regoli tal-kompetizzjoni jipprekludux applikazzjoni bħal din billi din l-istess tariffa mhijiex applikabbli għal provvista ta’ servizzi barra mill-qrati magħmula minn persuna li mhijiex miktuba fl-avukatura. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preżunzjoni ta’ rilevanza li jgawdu minnha d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mqegħda mill-qorti nazzjonali ma tistax titneħħa.
38 Fir-rigward ta’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li tirriżulta mill-fatt li l-qorti tar-rinviju ma indikatx ir-raġunijiet preċiżi li wassluha ssaqsi fuq l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, ma tistax tintlaqa’. Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti minimu ta’ spjegazzjoni fuq ir-raġunijiet ta’ l-għażla tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li tagħhom hija titlob l-interpretazzjoni u fuq il-konnessjoni li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża (ara, b’mod partikolari, id-Digriet tat-28 ta’ Ġunju 2000, Laguillaumie, C‑116/00, Ġabra p. I‑4979, punt 16). Id-deċiżjoni tar-rinviju tissodisfa bis-sħiħ dawn ir-rekwiżiti, hekk kif ukoll qies l-Avukat Ġenerali fil-punt 24 tal-konklużjonijiet tiegħu.
39 F’dak li jikkonċerna l-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-gvern Taljan, għandu jitqies li l-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li tgħid li fil-kuntest tal-kawża li dwarha trid tiddeċiedi, hija għandha, skond il-liġi Taljana, tiddetermina d-drittijiet dovuti lill-avukat billi tirreferi għat-tariffa applikabbli għall-avukati fil-qasam barra mill-qrati.
40 Hekk kif huwa mfakkar fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, mhuwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tal-kuntest leġiżlattiv u fattwali ddefinit mill-qorti tar-rinviju u li fihom huma inklużi d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li ppreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja.
41 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preżunzjoni ta’ rilevanza li tgawdi minnha d-domanda mqegħda lill-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax titneħħa.
42 Fir-rigward tat-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Taljan, għandu jiġi mfakkar li, hekk kif intqal fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, permezz tad-domanda tagħha, jekk ir-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti mit-trattat jipprekludux l-applikazzjoni tat-tariffa fil-kawża li dwarha trid tiddeċiedi. Għalhekk, li jsir magħruf jekk hemmx prassi antikompetittiva fil-kawża prinċipali taqa’ taħt l-istess suġġett tad-domanda ta’ interpretazzjoni mqegħda mill-qorti tar-rinviju u m’għandhiex, f’dan il-każ, titqies li hija nieqsa minn rilevanza.
43 Għalhekk jirriżulta li d-domanda preliminari tat-Tribunale di Roma hija ammissibbli.
Fuq il-mertu
Fuq l-ewwel tliet domandi mqegħda fil-kawża C‑94/04 u d-domanda mqegħda fil-kawża C‑202/04
44 Permezz tad-domandi tagħhom, li jaqbel li jiġu ttrattati flimkien skond ifformular mill-ġdid li jikkunsidra l-elementi rilevanti taż-żewġ kawżi, u b’mod partikolari tal-fatt li, fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, huma in kwistjoni d-drittijiet minimi, il-qrati tar-rinviju sostanzjalment jistaqsu jekk l-Artikoli 10 KE, 81 KE u 82 KE jipprekludux li Stat Membru jadotta miżura leġiżlattiva li tapprova, abbażi ta’ abbozz stabbilit minn assoċjazzjoni professjonali ta’ avukati bħall-KNA, tariffa li tiffissa limiti minimi għad-drittijiet ta’ membri tal-professjoni ta’ avukat, tariffa li minnha, fil-prinċipju, ma tistax issir deroga fir-rigward tas-servizzi rriżervati għall-membri tagħha, bħall-provvista ta’ servizzi barra mill-qrati, li jistgħu jitwettqu wkoll minn kull operatur ekonomiku li mhux suġġett għal din it-tariffa.
45 Preliminarjament, skond ġurisprudenza kostanti, għandu jiġi mfakkar li billi tirrigwarda t-territorju kollu ta’ Stat Membru, din it-tariffa tista’ teffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri skond l-Artikoli 81(1) KE u 82 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1972, Vereeniging van Cementhandelaren vs Il-Kummissjoni, 8/72, Ġabra p. 977, punt 29; ta’ l-10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali porto di Genova, C‑179/90, Ġabra p. I‑5889, punti 14 u 15, kif ukoll tad-19 ta’ Frar 2002, Arduino, C‑35/99, Ġabra p. I‑1529, punt 33).
46 Skond ġurisprudenza kostanti, jekk huwa minnu li, minnhom stess, l-Artikoli 81 KE u 82 KE jikkonċernaw biss l-imġiba ta’ l-impriżi u ma jirrigwardawx miżuri leġiżlattivi jew regolamentari ta’ l-Istati Membri, dawn l-Artikoli, madankollu, moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 10 KE, li jistabbilixxi dmir ta’ kooperazzjoni, jimponu fuq l-Istati Membri li ma jiħdux jew li jżommu fis-seħħ miżuri, anki ta’ natura leġiżlattiva jew regolamentari, li jkunu jistgħu jeliminaw l-effett utli tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi (ara, b’mod partikolari, id-digriet tas-17 ta’ Frar 2005, Mauri, C‑250/03, Ġabra p. I‑1267, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
47 B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jkun hemm ksur ta’ l-Artikoli 10 KE u 81 KE kemm meta Stat Membru jimponi jew jiffavorixxi l-konklużjoni ta’ ftehim kuntrarju għall-Artikolu 81 KE jew isaħħaħ l-effetti ta’ ftehim bħal dan, kemm meta jneħħi mil-leġiżlazzjoni tiegħu n-natura pubblika tagħha billi jiddelega lill-operaturi privati r-responabbiltà li jintervjenu biex jieħdu deċiżjonijiet ta’ interess ekonomiku (digriet Mauri, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).
48 F’dan ir-rigward, il-fatt li Stat Membru jitlob organizzazzjoni professjonali komposta minn avukati, bħal KNA, li tħejji abbozz ta’ tariffa tad-drittijiet, fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali, mhuwiex ta’ natura li jistabbilixxi li dan l-Istat neħħa mit-tariffa definittivament adottata n-natura leġiżlattiva tagħha billi ddelega lill-avukati r-responsabbiltà li jieħdu deċiżjonijiet f’dan il-qasam.
49 Fil-fatt, minkejja li l-liġi nazzjonali fil-kawża prinċipali ma fiha la metodi ta’ proċedura u lanqas regoli li jkunu jistgħu jiżguraw, bi probabbiltà raġjonevoli, li l-KNA ma ġġibx ruħha, fit-tħejjija ta’ l-abbozz ta’ tariffa, b’mod li tiżmembra l-awtorità leġiżlattiva fl-azzjoni tagħha fl-interess ġenerali, ma jidhirx li l-Istat Taljan irrinunzja milli jeżerċita fl-aħħar il-poter tiegħu ta’ deċiżjoni jew li jikkontrolla l-implementazzjoni ta’ din it-tariffa (ara s-sentenza Arduino, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 39 u 40).
50 Minn naħa, il-KNA hija biss responsabbli li tistabbilixxi abbozz ta’ tariffa li, bħala tali, mhuwiex vinkolanti. Fin-nuqqas ta’ approvazzjoni mill-Ministru tal-Ġustizzja, l-abbozz ta’ tariffa ma tidħolx fis-seħħ, u t-tariffa approvata qabel tibqa’ applikabbli. Minn dan il-fatt, dan il-Ministru għandu s-setgħa jemenda l-abbozz tal-KNA. Barra minn dan, dan il-Ministru huwa ssekondat minn żewġ awtoritajiet pubbliċi, il-Consiglio di Stato u l-KIP, li qabel japprova kull tariffa għandu l-ewwel jisma’ l-opinjoni tagħhom (ara s-sentenza Arduino, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 41).
51 Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 60 tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali jipprovdi li l-ħlas tad-drittijiet huwa magħmul mill-qrati abbażi tal-kriterji taħt l-Artikolu 57 ta’ l-istess Digriet Leġiżlattiv Irjali, billi jikkunsidra l-gravità u n-numru tal-kwistjonijiet ittrattati. Barra minn dan, f’ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali, il-qorti tista’, permezz ta’ deċiżjoni motivata biżżejjed, tidderoga mil-limiti minimi ffissati b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 58 tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Arduino, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 42).
52 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-Istat Taljan irrinunzja li jeżerċita s-setgħa tiegħu billi ddelega lil operaturi privati r-responsabbiltà li jintervjenu fil-qasam ekonomiku billi jieħdu deċiżjonijiet, ħaġa li jkollha bħala konsegwenza li jneħħi lil-leġiżlazzjoni fil-kawża prinċipali n-natura leġiżlattiva tagħha (ara s-sentenza Arduino, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 43, u d-digriet Mauri, iċċitat iktar ‘il fuq, punt 36).
53 Għall-motivi esposti fil-punti 50 u 51 ta’ din is-sentenza, lanqas jista’ jiġi kkontestat lil dan l-Istat jimponi jew jiffavorixxi l-konklużjoni, mill-KNA, ta’ ftehim kuntrarju għall-Artikolu 81 KE jew li jsaħħaħlu l-effetti, jew ukoll li jimponi jew li jiffavorixxi abbużi ta’ pożizzjoni dominanti kuntrarji għall-Artikolu 82 KE, jew li jsaħħaħ l-effetti ta’ tali abbużi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Arduino, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 43, u d-digriet Mauri, iċċitat iktar ‘il fuq, punt 37).
54 Għalhekk, hemm lok li r-risposta għall-ewwel tliet domandi mqegħda fil-kawża C‑94/04 u għad-domanda mqegħda fil-kawża C‑202/04 li l-Artikoli 10 KE, 81 KE u 82 KE ma jipprekludux li Stat Membru jadotta miżura leġiżlattiva li tapprova, abbażi ta’ abbozz stabbilit minn assoċjazzjoni professjonali ta’ avukati bħall-KNA, tariffa li tiffissa limiti minimi għad-drittijiet ta’ membri tal-professjoni ta’ avukat, tariffa li minnha, fil-prinċipju, ma tistax issir deroga fir-rigward tas-servizzi rriżervati għall-membri tagħha, bħall-provvista ta’ servizzi barra mill-qrati, li jistgħu jitwettqu wkoll minn kull operatur ekonomiku li mhux suġġett għal din it-tariffa.
Fuq ir-raba’ u l-ħames domandi mqegħda fil-kuntest tal-kawża C‑94/04
55 Permezz taż-żewġ domandi tagħha, il-Corte d’appello di Torino sostanzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 49 KE jipprekludix leġiżlazzjoni li tipprojbixxi b’mod assolut li tidderoga, bi ftehim, id-drittijiet minimi ffissati b’tariffa, bħal dik fil-kawża prinċipali, għal servizzi li huma, minn naħa, ta’ natura ġuridika u, min-naħa l-oħra, irriżervati għall-avukati.
56 Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 49 KE jeżiġi mhux biss it-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni fil-konfront ta’ dak li jipprovdi servizzi u li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba n-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll l-abolizzjoni ta’ kull restrizzjoni, ukoll jekk hija applikabbli indistintament għal dawk li jipprovdu servizzi nazzjonali u għal dawk ta’ Stati Membri oħrajn, meta tkun ta’ natura li tipprojbixxi jew li tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet ta’ min jipprovdi servizz fi Stat membru ieħor, fejn hu legalment jagħti servizzi simili (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2001, De Coster, C‑17/00, Ġabra p. I‑9445, punt 29, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2005, Mobistar u Belgacom Mobile, C‑544/03 u C‑545/03, Ġabra p. I‑7723, punt 29).
57 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-imsemmi Artikolu 49 jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kull leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha bħala effett li tirrendi l-provvista ta’ servizzi bejn l-Istati Membri aktar diffiċli minn provvista ta’ servizzi purament interni fi Stat Membru (ara s-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq De Coster, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Mobistar u Belgacom Mobile, punt 30).
58 Il-projbizzjoni ta’ deroga, bi ftehim, mid-drittijiet minimi ffissati b’tariffa, bħal dik ipprovduta mil-leġiżlazzjoni Taljana, hija ta’ natura li tirrendi iktar diffiċli l-aċċess ta’ l-avukati stabbiliti fi Stat Membru ieħor li mhuwiex ir-Repubblika ta’ l-Italja fis-suq tas-servizzi legali Taljani u, għalhekk, hija tirrestrinġi l-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet tagħhom ta’ provvista ta’ servizzi f’dan l-aħħar Stat Membru. Għaldaqstant, din l-interdizzjoni hija analizzata bħala restrizzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 49 KE.
59 Fil-fatt, din il-projbizzjoni ċċaħħad l-avukati stabbiliti fi Stat Membru li mhuwiex ir-Repubblika ta’ l-Italja mill-possibbiltà li jipprovdu, billi jitolbu drittijiet anqas minn dawk iffissati mit-tariffa, kompetizzjoni iktar effikaċji lill-avukati stabbiliti b’mod stabbli fl-Istat Membru kkonċernat u li jiddisponu, minn dan il-fatt, minn faċilitajiet akbar mill-avukati stabbiliti barra l-pajjiż biex ikollu klijentela (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, CaixaBank France, C‑442/02, Ġabra p. I‑8961, punt 13).
60 Bl-istess mod, il-projbizzjoni għalhekk tipprovdi limiti ta’ għażla lid-destinatarji tas-servizzi fl-Italja, billi dawn ta’ l-aħħar ma jistgħux jirrikorru għas-servizzi ta’ avukati stabbiliti fi Stati Membri oħra li joffru fl-Italja s-servizzi tagħhom għal prezz anqas minn dak li jirriżulta mid-drittijiet minimi ffissati mit-tariffa.
61 Madankollu, restrizzjoni bħal din tista’ tiġi ġġustifikata jekk tissodisfa raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, kif ukoll tkun adatta għall-kisba ta’ l-għan li tfittex tilħaq, u ma tmurx lil hinn minn dak meħtieġ sabiex tikseb dan (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, SETTG, C‑398/95, Ġabra p. I‑3091, punt 21, u Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 37).
62 Sabiex tiġġustifika r-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li tirriżulta mill-projbizzjoni kkontestata, il-Gvern Taljan iqis li kompetizzjoni eċċessiva bejn avukati tirriskja li twassal għal kompetizzjoni fil-prezzijiet li jkollha deterjorament tal-kwalità tas-servizzi pprovduti, u dan b’detriment tal-konsumaturi, b’mod partikolari inkwantu jkunu partijiet f’kawża jkollhom bżonn ta’ pariri ta’ kwalità quddiem il-qrati.
63 Skond il-Kummissjoni, l-ebda ness kawżali ma huwa stabbilit bejn l-iffissar tal-livelli minimi tad-drittijiet u livell għoli tal-kwalità tas-servizzi professjonali pprovduti mill-avukati. Fir-realtà, miżuri statali alternattivi, bħal, b’mod partikolari, ir-regoli ta’ aċċess għall-professjoni ta’ avukat, ir-regoli dixxiplinari li jippermettu li jiġi rrispettat il-kodiċi ta’ kondotta professjonali u r-regoli f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà ċivili, għandhom, biż-żamma ta’ livell għoli ta’ kwalità għas-servizzi pprovduti minn dawn il-professjonisti li dawn il-miżuri jiggarantixxu, relazzjoni diretta ta’ kawża u effett mal-protezzjoni tal-klijenti ta’ avukati u t-tħaddim tajjeb ta’ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
64 F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-protezzjoni, minn naħa, tal-konsumaturi, b’mod partikolari tad-destinatarji ta’ servizzi legali pprovduti minn professjonisti legali, u, min-naħa l-oħra, ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja huma finijiet inklużi fost dawk li jistgħu jitqiesu li huma raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1996, Reisebüro Broede, C‑3/95, Ġabra p. I‑6511, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 1999, Läärä et, C‑124/97, Ġabra p. I‑6067, punt 33), bil-kundizzjoni doppja li l-miżura nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ l-iskop li jrid jintlaħaq u li ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-iskop.
65 Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi jekk, fil-kawża prinċipali, ir-restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tirrispettax dawn il-kundizzjonijiet. Għal dan il-għan, hija għandha tikkunsidra l-elementi ppreċiżati fil-punti li ġejjin.
66 B’hekk, għandu jiġi vverifikat, b’mod partikolari, jekk jeżistix ness bejn il-livell tad-drittijiet u l-kwalità tas-servizzi pprovduti mill-avukati u jekk, b’mod partikolari, l-iffissar ta’ drittijiet minimi bħal dawn jikkostitwixxix miżura xierqa li tippermetti li jinkiseb l-għan imfittex, jiġifieri l-protezzjoni tal-konsumaturi u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.
67 Jekk huwa minnu li tariffa li timponi drittijiet minimi ma żżommx membri tal-professjoni milli joffru servizzi ta’ kwalità medjokri, ma jistax jiġi eskluż a priori li tariffa bħal din tippermetti li jiġi evitat li l-avukati jkollhom, f’kuntest bħal dak tas-suq Taljan, li, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa kkaratterizzat minn preżenza ta’ numru estremament għoli ta’ avukati miktuba u li jipprattikaw, jaslu f’kompetizzjoni li tista’ tirriżulta f’offerta ta’ servizzi irħas, bir-riskju ta’ deterjorazzjoni tal-kwalità tas-servizzi pprovduti.
68 Għandhom wkoll jiġu kkunsidrati partikolaritajiet speċifiċi kemm tas-suq in kwistjoni, bħal dawk imfakkra fil-punt ta’ qabel, kif ukoll tas-servizzi in kwistjoni u, b’mod partikolari, tal-fatt li, fil-qasam tal-provvista ta’ servizzi ta’ avukat, normalment teżisti nuqqas ta’ simmetrija ta’ informazzjoni bejn il-"klijenti konsumaturi" u l-avukati. Fil-fatt, l-avukati jiddisponu minn livell għoli ta’ kompetenza teknika li l-konsumaturi mhux bilfors ikollhom, b’mod li dawn ta’ l-aħħar isibuha diffiċli jevalwaw il-kwalità tas-servizzi pprovduti lilhom (ara, b’mod partikolari, ir-rapport fuq il-kompetizzjoni fis-settur tal-professjonijiet liberi skond il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, tad-9 ta’ Frar 2004 [COM(2004) 83 finali, p. 10]).
69 Madankollu, hemm lok, għall-qorti tar-rinviju, li tivverifika jekk regoli professjonali dwar l-avukati, b’mod partikolari regoli ta’ organizzazzjoni, ta’ kwalifika, ta’ kondotta, ta’ kontroll u ta’ responsabbiltà, humiex minnhom infushom suffiċjenti sabiex jinkisbu l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.
70 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ‘il fuq, hemm lok li r-risposta għar-raba’ u l-ħames domanda mqegħda fil-kawża C‑94/04 tkun li leġiżlazzjoni li tipprojbixxi b’mod assolut li ssir deroga, bi ftehim, mid-drittijiet minimi ffissati b’tariffa għad-drittijiet ta’ avukat bħal dik fil-kawża prinċipali għal servizzi li huma, minn naħa, ta’ natura legali u, min-naħa l-oħra, irriżervati għall-avukati, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif jipprovdi l-Artikolu 49 KE. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk liġi bħal din, fir-rigward tal-metodi ta’ applikazzjoni tagħha, tissodisfax verament l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li jistgħu jiġġustifikawha u jekk ir-restrizzjonijiet li timponi mhumiex sproporzjonati fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet.
Fuq l-ispejjeż
71 Peress li l-proċeduri għandhom, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjonijiet imqajma quddiem il-qrati tar-rinviju, huma dawn il-qrati li jiddeċiedu fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi li:
1) L-Artikoli 10 KE, 81 KE u 82 KE ma jipprekludux li Stat Membru jadotta miżura leġiżlattiva li tapprova, abbażi ta’ abbozz stabbilit minn assoċjazzjoni professjonali ta’ avukati bħall-Consiglio nazionale forense (il-Kunsill nazzjonali tal-Kamra ta’ l-avukati), tariffa li tiffissa limiti minimi għad-drittijiet ta’ membri tal-professjoni ta’ avukat, tariffa li minnha, fil-prinċipju, ma tistax issir deroga fir-rigward tas-servizzi rriżervati għall-membri tagħha, bħall-provvista ta’ servizzi barra mill-qrati, li jistgħu jitwettqu minn kull operatur ekonomiku li mhux suġġett għal din it-tariffa.
2) Leġiżlazzjoni li tipprojbixxi b’mod assolut li ssir deroga, bi ftehim, mid-drittijiet minimi ffissati b’tariffa għad-drittijiet ta’ avukat bħal dik fil-kawża prinċipali, għal servizzi li huma, minn naħa, ta’ natura legali u, min-naħa l-oħra, irriżervati għall-avukati tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif jipprovdi l-Artikolu 49 KE. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk liġi bħal din, fir-rigward tal-metodi ta’ applikazzjoni tagħha, tissodisfa verament l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li jistgħu jiġġustifikawha u jekk ir-restrizzjonijiet li timponi mhumiex sproporzjonati fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet.
Firem
*Lingwa tal-kawża: it-Taljan.