62004J0089



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-89/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-Raad van State (l-Olanda), permezz ta' Deċiżjoni tat-18 ta' Frar 2004, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta' Frar 2004, fil-kawża

Mediakabel BV

vs

Commissariaat voor de Media,

IL-QORTI (it-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President, A. Borg Barthet, J.P. Puissochet (Relatur), S. von Bahr u J. Malenovsk, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: M. M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-20 ta' Jannar 2005,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

- għal Mediakabel BV, minn M. Geus u E. Steyger, advocaten,

- għall-Commissariaat voor de Media, minn G. Weesing, advocaat,

- għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u C. Wissels, bħala aġenti,

- għall-Gvern Belġjan, minn A. Goldman, bħala aġent, assistit minn A. Berenboom u A. Joachimowicz, avocats,

- għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u S. Ramet, bħala aġenti,

- għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Jackson, bħala aġent,

- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn W. Wils, bħala aġent,

wara li semgħet il-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-10 ta' Marzu 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/552/KEE tal-Kunsill tat-3 ta' Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettieq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni (ĠU L 298, p.23), kif emendata mid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 Ġunju 1997 (ĠU L 202, p. 60, iktar 'il quddiem "id-Direttiva 89/552"), u ta' l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l- istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika (ĠU L 204, p. 37), kif emendata mid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Lulju 1998 (ĠU L 217, p. 18, iktar 'il quddiem "id-Direttiva 98/34").

2. Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta' proċedimenti ppreżentati minn Mediakabel BV (iktar 'il quddiem "Mediakabel") kontra deċiżjoni tal-Commissariaat voor de Media (Awtorità tal-medja), fejn ġie deċiż minn din ta' l-aħħar li s-servizz "Filmtime" offrut minn Mediakabel lill-klijenti tagħha kien servizz tax-xandir bit-televiżjoni li kien soġġett għall-proċedura ta' awtorizzazzjoni applikabbli għal dawn is-serivzzi fl-Olanda.

Il-Kuntest Ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni komunitarja

3. Id-Direttiva 89/552 timponi inter alia, fl-Artikolu 4(1) tagħha, obbligu fuq ix-xandara li jirriżervaw proporzjon ta' maġġoranza tal-ħin ta' trasmissjoni tagħhom għal xogħolijiet Ewropej.

4. L-Artikolu 1 ta' din id-Direttiva jiddisponi:

"Għall-iskop ta' din id-Direttiva:

(a) 'xandir bit-televiżjoni' tfisser it-trasmissjoni inizjali permezz tal-wajer jew fl-arja, inkluża dik bis-satellita, fil-forma bla code jew bil- code , ta' programmi tat-televiżjoni maħsuba għar-riċezzjoni mill-pubbliku. Tinkludi l-komunikazzjoni ta' programmi bejn intrapriżi bl-iskop li dawn jiġu trasmessi lill-pubbliku. Ma tinkludix servizzi ta' komunikazzjoni li jipprovdu bċejjeċ ta' informazzjoni jew messaġġi oħrajn dwar talba individwali bħal telecopying , banek ta' informazzjoni elettronika u servizzi simili oħrajn;

[...]"

5. Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta' l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern ("Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku") (ĠU L 178, p. 1), tistabbilixxi l-qafas legali tal-Komunità applikabbli għas-servizzi minn soċjetà ta' l-informatika. Skond l-Artikolu 2(a) ta' din id-Direttiva, it-terminu "servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni" ifisser "servizzi fil-qofol ta' dak li jfisser l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE".

6. Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34:

"Għall-għanijiet ta' din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin:

[...]

2. "servizz", kull servizz tas-Soċjetà ta' l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment provdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b'mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta' riċevitur ta' servizzi.

Għall-għanijiet ta' din id-definizzjoni:

- "mill-bogħod" tfisser illi servizz jiġi pprovdut mingħajr ma l-partijiet ikunu preżenti simultanjament,

- "b'mezzi elettroniċi" tfisser illi fil-bidu s-servizz jintbagħat u jiġi rċevut fid-destinazzjoni tiegħu permezz ta' tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u l-ħażna ta' data , u dan jiġi trasmess, imwassal u rċevut għal kollox permezz ta' wires , bir-radjo, b'mezzi ottiċi jew b'mezzi oħra elettro-manjetiċi,

- "fuq it-talba individwali ta' riċevitur tas-servizzi" tfisser illi s-servizz jiġi pprovdut permezz tat-trasmissjoni ta' data fuq talba individwali.

Lista indikattiva tas-servizzi mhux koperti b'din id-definizzjoni hija mogħtija fl-Anness V.

Din id-Direttiva ma għandiex tapplika għal:

- servizz tax-xandir bir-radjo,

- servizzi tax-xandir bit-televiżjoni koperti bil-punt (a) ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/552/KEE.

[...]"

7. L-anness V tad-Direttiva 98/34, intitolat "Lista indikattiva tas-servizzi mhux koperti bit-tieni subparagrafu tal-punt 2 ta' l-Artikolu 1", jinkludi l-punt 3 li jikkonċerna "Servizzi mhux ipprovduti 'fuq it-talba individwali ta' riċevitur tas-servizzi'", li jkopri "Servizzi pprovduti bit-trasmissjoni ta' data mingħajr it-talba individwali li tiġi riċevuta simultanjament min-numru illimitat ta' riċevituri individwali (trażmissjoni minn punt għal diversi punti)". Dan il-punt 3(a) jsemmi s-"servizzi tax-xandir bit-televiżjoni (inklużi servizzi ta' near-video on-demand ) koperti bil-punt (a) ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/552/KEE".

8. Skond il-sitt u s-seba' frażi tal-premessa 18 tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku:

"xandir televiżiv fil-qofol ta' dak li tfisser id-Direttiva KEE/89/552 u xandir bir-radju ma humiex servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni minħabba li dawn ma humiex ipprovduti fuq talba individwali. B'kuntrast, servizzi trasmessi minn punt għal punt, bħal ma huma video fuq rikjesta jew il-provvediment ta' komunikazzjonijiet kummerċjali bil-posta elettronika huma servizz minn soċjetà ta' l-informazzjoni".

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9. Skond l-Artikolu 1(f) tal-liġi dwar il-medja (Mediawet), "programm" tfisser "prodott elettroniku li għandu kontenut viżiv jew ta' awdjo maħsub biex jiġi mxandar u rċevut mill-pubbliku ġenerali jew minn parti minnu, bl-eċċezzjoni tas-servizzi ta' data li mhumiex disponibbli ħlief fuq talba individwali, u ta' servizzi interattivi oħra". L-istess Artikolu 1(1) jiddefinixxi "programm għal trasmissjoni speċjali" bħala "programm li jiġi trażmess b'kodiċi maħsub biex jiġi rċevut minn dak is-sehem tal-pubbliku kompost minn persuni li jkunu ffirma kuntratt dwar ir-riċezzjoni tal-programm, max-xandar li jmexxi l-programm".

10. L-Artikolu 71a(1) ta' l-imsemmija liġi jistipula li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar it-telekomunikazzjoni (Telecommunicatiewet), xandar jista' jitrasmetti jew jippermetti t-trasmissjoni ta' programm żviluppat minnu biss jekk ikun kiseb l-awtorizzazzjoni tal-Commissariaat voor de Media.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11. Mediakabel ilha minn għeluq is-sena 1999, toffri lill-abbonati tagħha, min-naħa l-waħa, is-servizz "Mr. Zap" permezz ta' ċerti netwerks ta' trażmissjoni immexxija minn terzi. Dan is-servizz, awtorizzat mill-Commissariaat voor de Media, skond il-liġi dwar il-medja, jipperemetti, b'abbonament ta' kull xahar, li jiġu rċevuti, permezz ta' dekowder u ta' tessera b'ċipp [ smart card ], programmi tat-televiżjoni li jikkompletaw dawk trasmessi mill-fornitur tan-netwerk. Min-naħa l-oħra, Mediakabel toffri lill-abbonati tas-servizz "Mr. Zap" servizz tat-tip hallas li tara [ pay per view ], li jagħti aċċess għal programmi supplimentari, li hu inkluż f'servizz li jismu "Filmtime". Jekk abbonat ta' "Mr. Zap" ikun jixtieq jordna film mill-katalgu "Filmtime", jista' jordnah separatament permezz ta' ordni mill-bogħod jew bit-telefon u, wara li jkun identifika ruħu permezz ta' kodiċi personali u wara li jkun ħallas bi tranżazzjoni elettronika, jirċievi ċavetta individwali li tħallih jara, fil-ħinijiet indikati fuq l-iskrin tat-televiżjoni jew fil-gwida tal-programmi, wieħed jew aktar mis-60 film proposti kull xahar.

12. Permezz ta' deċiżjoni tal-15 ta' Marzu 2001, il-Commissariaat voor de Media informat lil Mediakabel li hi kienet tikkunsidra s-servizz "Filmtime" bħala programm għal trażmissjoni speċjali skond l-Artikolu 1 tal-liġi dwar il-medja, u li għalhekk kellha ssir talba bil-miktub għall-awtorizzazzjoni, skond l-Artikolu 71a(1) ta' l-imsemmija liġi. Mediakabel ressqet din it-talba lill-Commissariaat voor de Media, iżda fiha indikat li fil-fehma tagħha, il-proċedura segwita ma kinitx applikabbli għas-servizz in kwistjoni, li, fl-opinjoni tagħha, kien jikkostitwixxi servizz interattiv li jaqa' taħt il-kategorija tas-servizzi tas-soċjetà ta' l-informatika u li għalhekk ma kienx soġġett għall-kontroll tal-konvenuta fil-kawża prinċipali. Permezz ta' deċiżjoni tad-19 ta' Ġunju 2001, din ta' l-aħħar awtorizzat it-trażmissjoni tal-programm tat-televiżjoni għal trażmissjoni speċjali "Filmtime" għal perijodu ta' ħames snin, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar it-telekomunikazzjoni.

13. Mediakabel ressqet appell kontra din id-deċiżjoni, li ġie miċħud mill-Commissariaat voor de Media fl-20 ta' Novembru 2001. Ir-rikors ta' Mediakabel ippreżentat quddiem ir-Rechtbank te Rotterdam ukoll ġie miċħud permezz ta' deċiżjoni tas-27 ta' Settembru 2002.

14. Konsegwentement, Mediakabel ressqet istanza quddiem ir-Raad van State, li biha sostniet li s-servizz tagħha "Filmtime" ma kienx programm skond l-Artikolu 1 tal-liġi dwar il-medja. Hija argumentat li dan is-servizz kien aċċessibbli biss fuq talba individwali u li għalhekk ma kellux jiġi meqjus bħala servizz ta' xandir bit-televiżjoni, iżda bħala servizz ta' telekomunikazzjoni pprovdut fuq talba individwali, skond it-tielet frażi ta' l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/552, u konsegwentement ma kienx jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmija Direttiva. Peress illi jikkonċerna films li mhux dejjem ikunu disponibili immedjatament meta jintalbu, dan is-servizz jikkostitwixxi, skond Mediakabel, servizz ta' near-video on-demand li, preċiżament għax hu aċċessibbli fuq talba individwali ta' l-abbonati, ma jistgħux jiġu imposti fuqu l-kundizzjonijiet tad-Direttiva 89/552, b'mod partikolari l-obbligu li ċertu persentaġġ tal-ħin tax-xandir għandu jiġi allokat għal xogħolijiet Ewropej.

15. Ir-Raad van State indikat li l-kunċett ta' "programm" skond l-Artikolu 1(f) tal-liġi dwar il-medja għandu jiġi interpretat bħall-kunċett ta' "servizz tax-xandir bit-televiżjoni" li għalih japplika l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/552. Hija rrilevat li d-Direttiva 98/34, b'mod partikolari l-punt 3(a) ta' l-Anness V, li jinkludi n- near-video on-demand fost is-servizzi tax-xandir bit-televiżjoni, jidher li tagħti definizzjoni aktar preċiża tal-kunċett ta' "servizz tax-xandir bit-televiżjoni" minn dik li tingħata fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/552, u b'hekk, id-determinazzjoni tal-kampijiet ta' applikazzjoni rispettivi ta' din id-Direttiva u tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku issir kwistjoni aktar delikata. Il-qorti tar-rinviju kkonstatat ukoll li s-servizz "Filmtime" għandu karatteristiċi kemm ta' servizz tas-soċjetà ta' l-informatika, b'mod partikolari l-fatt li huwa aċċessibbli fuq talba individwali ta' l-abbonat, kif ukoll ta' servizz ta' xandir bit-televiżjoni, peress illi Mediakabel tagħżel il-films disponibbli u tiddetermina l-frekwenza u l-ħinijiet ta' meta jiġu trażmessi.

16. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel id-domandi segwenti għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

1) a) Il-kunċett ta' "xandir bit-televiżjoni", skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/552/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri, mhux tant "is-servizz tas-soċjetà ta' l-informatika" li għalih japplika l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE, kif emendata mid-Direttiva 98/48/KE, iżda għall-kuntrarju, li jkopri s-servizzi deskritti fil-lista indikattiva inkluża fl-Anness V tad-Direttiva 98/34/KE u li tikkonċerna s-servizzi mhux koperti mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE, u b'mod partikolari dawk deskritti fil-punt 3 ta' l-imsemmija lista, li jsemmi n- near-video on-demand , li għalhekk mhumiex "servizzi tas-soċjetà ta' l-informatika"?

b) F'każ ta' tweġiba negattiva għad-domanda 1 a), kif għandu wieħed jiddistingwi l-kunċett ta' "xandir bit-televiżjoni" skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/552/KEE u l-kunċett, imsemmi fl-istess artikolu, ta' "servizzi ta' komunikazzjoni li jipprovdu bċejjeċ ta' informazzzjoni ... [fuq] talba individwali"?

2) a) Fuq il-bażi ta' liema kriterji għandu jiġi determinat jekk servizz bħal dak in kwistjoni, li għalih sinjali ta' films magħżula minn min ikun qed joffri s-servizz, sinjali li jkunu kkodifikati u li jiġu trażmessi fuq netwerk, jistgħu, wara li jsir ħlas separat għal kull film, jiġu ddekodifikati mill-abbonat permezz ta' ċavetta mibgħuta, minn min joffri s-servizz, fuq talba individwali u l-abbonat ikun jista' jarahom f'żewġ ħinijiet differenti li jiġu stabbiliti minn min joffri s-servizz - li għalhekk hu servizz li għandu aspetti speċifiċi ta' servizz (individwali) tas-soċjetà ta' l-informatika u li fl-istess ħin għandu elementi karatteristiċi ta' servizz tax-xandir bit-televiżjoni -, huwiex servizz tax-xandir bit-televiżjoni jew servizz tas-soċjetà ta' l-informatika?

b) Min għandu jiġi pprivileġġat: l-abbonat jew min joffri s-servizz? Huma relevanti għal din il-kwistjoni s-servizzi li jikkompetu mas-servizz in kwistjoni?

3) F'dan il-każ, għandha tingħata importanza lill-fatt li

- min-naħa l-waħda, jekk is-servizz in kwistjoni jiġi kkwalifikat bħala "servizz tas-soċjetà ta' l-informatika" li ma jkunx kopert mid-Direttiva 89/552/KEE, din il-kwalifika tista' ddgħajjef l-effikaċja ta' din id-Direttiva, meta titqies b'mod partikolari r-raġuni għall-eżistenza ta' l-obbligu li timponi li ċertu persentaġġ tal-ħin tax-xandir għandu jiġi allokat għal xogħolijiet Ewropej, u

- min-naħa l-oħra, jekk id-Direttiva 89/552/KEE tkun applikabbli, l-obbligu li timponi li ċertu persentaġġ tal-ħin tax-xandir jiġi allokat għal xogħolijiet Ewropej ftit jagħmel sens ġaladarba l-abbonati jħallsu għal kull film u jistgħu jaraw biss il-film li jkunu ħallsu għalih?" .

Fuq id-domandi preliminari

Fuq id-domanda 1 a)

17. Permezz tad-domanda 1 a), il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk il-kunċett ta' "xandir bit-televiżjoni" skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/552/KEE ikoprix is-servizzi li ma jaqgħux taħt il-kunċett ta' "servizz tas-soċjetà ta' l-informatika" skond l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34 u li huma koperti mill-punt 3 ta' l-Anness V tad-Direttiva 98/34.

18. Kif ġustament isostni l-Gvern Belġjan, il-kamp ta' applikazzjoni tal-kunċett ta' "servizz tax-xandir bit-televiżjoni" hu ddeterminat b'mod awtonomu mill-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/552, li jinkludi l-elementi kollha li huma rilevanti f'dan ir-rigward. B'hekk dan il-kunċett jinkludi kull servizz li jikkonsisti fit-trażmissjoni inizjali permezz tal-wajer jew fl-arja, inkluża dik bis-satellita, fil-forma bla kodiċi jew bil-kodiċi, ta' programmi tat-televiżjoni maħsuba għar-riċezzjoni mill-pubbliku.

19. Id-Direttiva 98/34 u d-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku ikopru suġġett differenti minn dak kopert mid-Direttiva 89/552. Huma jistabbilixxu l-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli biss għas-servizzi tas-soċjetà ta' l-informatika, imsemmija fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34, jiġifieri kull servizz fornut mill-bogħod, b'mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta' riċevitur ta' servizzi. Id-Direttiva 98/34 tipprovdi espressament, fl-imsemmija dispożizzjoni, li hija "ma għandiex tapplika għal [...] servizzi tax-xandir bit-televiżjoni koperti bil-punt (a) ta' l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/552". Għaldaqstant, fir-rigward ta' dan il-punt, id-Direttiva 98/34 tagħmel biss riferiment għad-Direttiva 89/552 u, bħad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, ma fiha l-ebda definizzjoni tal-kunċett ta' servizzi tax-xandir bit-televiżjoni.

20. Ċertament, l-Anness V tad-Direttiva 98/34, dwar is-servizzi li mhumiex koperti mid-definizzjoni ta' servizz tas-soċjetà ta' l-informatika, jidher li fih elementi ta' definizzjoni tal-kunċett ta' "servizzi tax-xandir bit-televiżjoni" aktar preċiżi minn dawk imsemmija fid-Direttiva 89/552. Min-naħa waħda, dan l-Anness jinkludi, fil-punt 3, is-servizzi tax-xandir bit-televiżjoni fost is-servizzi "pprovduti bit-trażmissjoni ta' data mingħajr it-talba individwali li tiġi rċevuta simultanjament minn numru illimitat ta' riċevituri individwali (trażmissjoni minn punt għal diversi punti)". Min-naħa l-oħra, fl-istess punt 3(a), huwa indikat li s-servizzi tax-xandir bit-televiżjoni jinkludu in-" near-video on-demand ".

21. Madankollu, l-imsemmi Anness, konformement mat-titolu tiegħu u ma' l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34, għandu biss valur indikattiv u hu biss intiż biex jiddefinixxi bl-esklużjoni tal-kunċett ta' "servizzi tas-soċjetà ta' l-informatika". Għaldaqstant, dan l-Anness la għandu l-għan u lanqas l-effett li jippreċiża l-parametri tal-kunċett ta' "servizz tax-xandir bit-televiżjoni", u d-definizzjoni tiegħu isserraħ biss fuq il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/552.

22. Minbarra dan, il-kamp ta' applikazzjoni tal-kunċett ta' "xandir bit-televiżjoni" ma jista' bl-ebda mod jiġi dedott bl-esklużjoni mill-kamp ta' applikazzjoni tal-kunċett ta' "servizzi tas-soċjetà ta' l-informatika". Id-Direttiva 98/34 issemmi, kemm fl-Artikolu 1(2), kif ukoll fl-Anness V, servizzi li mhumiex koperti mill-kunċett ta' "servizz tas-soċjetà ta' l-informatika" u li għalhekk, ma jikkostitwixxux servizzi tax-xandir bit-televiżjoni. Dan hu l-każ għal dak li jirrigwarda, inter alia , is-servizzi tax-xandir bir-radjo. Bl-istess mod ukoll, is-servizzi tax-xandir bit-televiżjoni ma jistgħux jiġu limitati għas-servizzi "pprovduti bit-trażmissjoni ta' data mingħajr it-talba individwali li tiġi riċevuta simultanjament min-numru illimitat ta' riċevituri individwali", imsemmija fil-punt 3 ta' l-Anness V tad-Direttiva 98/34. Jekk din l-interpretazzjoni tiġi aċċettata, servizzi bħal dawk tat-televiżjoni bl-abbonament, li jiġu trażmessi lil numru limitat ta' riċevituri, ma jkunux koperti mill-kunċett ta' "servizzi tax-xandir bit-televiżjoni", meta fil-fatt huma jaqgħu taħt dan il-kunċett, skond kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/552.

23. Fl-aħħarnett, ma kinitx l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju, meta ġew adottati d-Direttivi 98/34 u 98/48, li jemenda d-Direttiva 89/552, li kienet ġiet emendata anqas minn sena qabel permezz tad-Direttiva 97/36. Kien b'dan il-ħsieb li l-premessa (20) tad-Direttiva 98/48, li emendat id-Direttiva 98/34, tistipula li d-Direttiva 98/48 "hija mingħajr preġudizzju għall-firxa ta applikazzjoni tad-Direttiva 89/552/KEE".

24. Għaldaqstant, id-Direttiva 98/34 m'għandiex effett fuq il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 89/552.

25. Fid-dawl ta' dak li ntqal aktar 'il fuq, it-tweġiba għad-domanda 1 a) għandha tkun li l-kunċett ta' "xandir bit-televiżjoni" msemmi fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/552 hu definit minn din id-dispożizzjoni b'mod awtonomu. Mhuwiex definit billi jiġi pparagunat mal-kunċett ta' "servizzi tas-soċjetà ta' l-informatika" skond l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34 u għalhekk mhux bilfors ikopri s-servizzi li mhumiex koperti minn dan l-aħħar imsemmi kunċett.

Fuq id-domanda 1 b)

26. Permezz tad-domanda 1 b), il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, x'inhuma l-kriterji li jippermettu li jiġi determinat jekk servizz jaqax taħt il-kunċett ta' "xandir bit-televiżjoni", skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/552, jew jekk jaqax taħt il-kunċett, imsemmi fl-istess artikolu, ta' "sevizzi ta' komunikazzjoni li jipprovdu bċejjeċ ta' informazzzjoni ... [fuq] talba individwali".

27. Il-kriterji għal din id-distinzjoni huma indikati b'mod espliċitu fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/552.

28. Servizz jaqa' taħt il-kunċett ta' "xandir bit-televiżjoni" jekk jikkonsisti fit-trażmissjoni inizjali ta' programmi tat-televiżjoni maħsuba għar-riċezzjoni mill-pubbliku.

29. Għandu jiġi rrilevat mill-bidu li t-teknika tat-trażmissjoni ta' l-immaġini mhijiex element determinanti għal din il-valutazzjoni, kif juri l-użu, fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/552, tat-termini "permezz tal-wajer jew fl-arja, inkluża dik bis-satellita, fil-forma bla kodiċi jew bil-kodiċi". B'hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-trażmissjoni bil-kejbil tidħol fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmija Direttiva, minkejja li din it-teknika ma tantx kienet imxerrda fiż-żmien meta ġiet adottata din id-Direttiva (ara s-sentenza ta' l-10 ta' Settembru 1996, il-Kummissjoni vs il-Belġju, C-11/95, Ġabra p. I-4155, punti 15 sa 25).

30. Is-servizz ikkonċernat għandu jikkonsisti fit-trażmissjoni ta' programmi tat-televiżjoni maħsuba għar-riċezzjoni mill-pubbliku, jiġifieri minn numru ta' telespettaturi potenzjali, li lilhom jiġu trasmessi simultanjament l-istess immaġini.

31. Fl-aħħarnett, għandu jiġi dedott a contrario sensu ta' l-esklużjoni tas-"servizzi ta' komunikazzjoni [provduti] ... [fuq] talba individwali" mill-kunċett ta' "xandir bit-televiżjoni" li dan il-kunċett ikopri s-servizzi li mhumiex ipprovduti fuq talba individwali. Il-kriterju li jgħid li, sabiex jaqgħu taħt l-imsemmi kunċett, il-programmi tat-televiżjoni għandhom ikunu "maħsuba għar-riċezzjoni mill-pubbliku" issaħħaħ din l-analiżi.

32. B'dan il-mod, servizz ta' televiżjoni bil-ħlas, anke jekk ikun aċċessibbli għal numru ristrett ta' abbonati, iżda li joffri biss programmi magħżulin mid-distributur u trażmessi f'ħinijiet li jiġu ddeterminati minnu, ma jistax jitqies bħala li jkun ipprovdut fuq talba individwali. Konsegwentement, jaqa' taħt il-kunċett ta' "xandir bit-televiżjoni". Din il-konklużjoni mhijiex affettwata mill-fatt li l-immaġini huma, f'servizz bħal dan, aċċessibbli permezz ta' kodiċi personali, peress illi l-pubbliku ta' l-abbonati jirċievi t-trażmissjonijiet fl-istess ħin.

33. Għaldaqstant, it-tweġiba għad-domanda 1 b) għandha tkun li servizz jaqa' taħt il-kunċett ta' "xandir bit-televiżjoni" imsemmi fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/552 jekk jikkonsisti fit-trażmissjoni inizjali ta' programmi tat-televiżjoni maħsuba għar-riċezzjoni mill-pubbliku, jiġifieri minn numru ta' telespettaturi potenzjali, li lilhom jiġu trażmessi simultanjament l-istess immaġini. It-teknika tat-trasmissjoni ta' l-immaġini mhijiex element determinanti għal din il-valutazzjoni.

Fuq id-domandi 2 a) u b)

34. Permezz tad-domandi 2 a) u b), li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk servizz bħal "Filmtime", in kwistjoni fil-kawża prinċipali, huwiex servizz tax-xandir bit-televiżjoni, li jidħol fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 89/552 jew servizz tas-soċjetà ta' l-informatika li jaqa' taħt id-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku u x'inhuma l-kriterji li għandhom jitqiesu f'tali analiżi.

35. Kif ġustament isostnu l-Commissariaat voor de Media, il-gvernijiet ta' l-Olanda, tal-Belġju, ta' Franza u tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni, jirriżulta mill-elementi indikati fid-deċiżjoni tar-rinviju li servizz bħas-servizz "Filmtime" jissodisfa l-kriterji tal-kunċett ta' "servizz tax-xandir bit-televiżjoni", li ssemmew fir-risposta għad-domanda 1 b).

36. Tali servizz jikkonsisti fit-trażmissjoni ta' films maħsuba għar-riċezzjoni minn pubbliku ta' telespettaturi. Għaldaqstant, jikkonċerna programmi tat-televiżjoni, trasmessi lil numru indeterminat ta' telespettaturi potenzjali.

37. L-argument ta' Mediakabel, li tgħid li dan it-tip ta' servizz, li hu aċċessibbli biss fuq talba individwali, permezz ta' ċavetta speċifika mogħtija personalment lil kull abbonat, jikkostitwixxi għalhekk servizz tas-soċjetà ta' l-informatika "pprovdut fuq talba individwali", ma jistax jiġi aċċettat.

38. Fil-fatt, filwaqt li tali servizz jissodisfa l-ewwel żewġ kriterji tal-kunċett ta' "servizz tas-soċjetà ta' l-informatika", skond l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34, jiġifieri li hu pprovdut mill-bogħod u trażmess in parti permezz ta' tagħmir elettroniku, ma jissodisfax it-tielet kriterju ta' l-imsemmi kunċett, li jgħid li s-servizz ikkonċernat għandu jiġi provdut "fuq it-talba individwali ta' riċevitur ta' servizzi". Il-lista tal-films proposti fi ħdan servizz bħal "Filmtime" tiġi stabbilita minn min joffri s-servizz. Din l-għażla ta' films tiġi proposta lill-abbonati kollha bl-istess kundizzjonijiet, kemm permezz ta' ġurnali, kif ukoll permezz ta' informazzjoni trażmessa fuq l-iskrin tat-televiżjoni, u l-imsemmija films ikunu aċċessibbli fil-ħinijiet ta' trażmissjoni stabbiliti minn min joffri s-servizz. Iċ-ċavetta personali li tippermetti l-aċċess għall-films hija biss mezz ta' deċifrazzjoni ta' l-immaġini u s-sinjali tagħhom huma mibgħuta simultanjament lill-abbonati kollha.

39. Għaldaqstant, tali servizz ma jiġix ordnat individwalment minn riċevitur wieħed li jista' jagħżel il-programmi tiegħu liberament f'kuntest interattiv. Dan is-servizz għandu jitqies bħala servizz ta' near-video on-demand , ipprovdut "minn punt għal diversi punti" u mhux "fuq it-talba individwali ta' riċevitur tas-servizzi".

40. Mediakabel indikat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, quddiem ir-Raad van State, hija qatt ma semmiet il-kwalifika ta' servizz ta' near-video on-demand għal servizz bħal "Filmtime". Madankollu, din l-allegazzjoni ma taffettwax l-imsemmija kwalifika, li tirriżulta minn valutazzjoni tal-karatteristiċi oġġettivi tat-tip ta' servizz ikkonċernat.

41. Barra minn hekk, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta' Mediakabel, il-leġiżlatur Komunitarju jaf x'inhu l-kunċett ta' near-video on-demand . Anke jekk hu veru li mhuwiex definit b'mod preċiż fid-dritt Komunitarju, dan il-kunċett hu msemmi fil-lista indikattiva ta' l-Anness V tad-Direttiva 98/34, fejn hu indikat fost is-servizzi tax-xandir bit-televiżjoni. Bl-istess mod, jirriżulta mill-punti 83 u 84 tar-rapport ta' spjegazzjoni mehmuż mal-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni tul il-Fruntieri tal-5 ta' Mejju 1989, li saret fl-istess żmien tad-Direttiva 89/552 u li għalih din ta' l-aħħar tagħmel riferiment fir-raba' premessa tagħha, li n- near-video on-demand mhuwiex "servizz ta' komunikazzjoni li jopera fuq talba individwali", kunċett li jikkorrispondi għal dak imsemmi fl-Artikolu 1 a) tad-Direttiva 89/552, u għalhekk jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' l-imsemmija Konvenzjoni (ara f'dan is-sens, fir-rigward ta' punti oħra tar-rapport ta' spjegazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea dwar it-Televiżjoni tul il-Fruntieri, is-sentenzi tat-12 ta' Diċembru 1996, RTI e.a., C-320/94, C-328/94, C-329/94 u C-337/94 sa C-339/94, Ġabra p. I-6471, punt 33, u tat-23 ta' Ottubru 2003, RTL Television, C-245/01, Ġabra p. I12489, punt 63).

42. Għaldaqstant, il-kriterju determinanti għall-kunċett ta' "servizz tax-xandir bit-televiżjoni" hu dak ta' trażmissjoni ta' programmi tat-televiżjoni "maħsuba għar-riċezzjoni mill-pubbliku". Konsegwentement, huwa dak li joffri s-servizz li għandu jiġi pprivileġġat fl-analiżi.

43. Min-naħa l-oħra, kif intqal fit-tweġiba għad-domanda 1 b), it-teknika tat-trażmissjoni ta' l-immaġini, mhijiex element determinanti għal din il-valutazzjoni.

44. Għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni tas-servizzi li magħhom jikkompeti s-servizz in kwistjoni, din m'għandiex titqies, peress illi kull wieħed minn dawn is-servizzi hu regolat minn qafas regolamentari speċifiku u l-ebda prinċipju ma jimponi li għandha tiġi stabbilita l-istess regolamentazzjoni ġuridika għal servizzi li għandhom karatteristiċi differenti.

45. Għaldaqstant, it-tweġiba għad-domandi 2 a) u b) għandha tkun li servizz bħal "Filmtime", li jikkonsisti fit-trażmissjoni ta' programmi tat-televiżjoni maħsuba għar-riċezzjoni mill-pubbliku u li mhuwiex ipprovdut fuq it-talba individwali ta' riċevitur ta' servizzi, hu servizz tax-xandir bit-televiżjoni, skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/552. Dak li joffri s-servizz għandu jiġi pprivileġġat fl-analiżi tal-kunċett ta' "servizz tax-xandir bit-televiżjoni". Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni tas-servizzi li magħhom jikkompeti s-servizz in kwistjoni ma taffettwax din il-valutazzjoni.

Fuq it-tielet domanda

46. Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-diffikultà għal min joffri servizz bħal "Filmtime" li jwettaq l-obbligu, imsemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/552, li jalloka ċertu persentaġġ tal-ħin tax-xandir għal xogħolijiet Ewropej tistax telimina l-kwalifika ta' dan is-servizz bħala servizz tax-xandir bit-televiżjoni.

47. Din id-domanda għandha tingħata tweġiba negattiva, għal żewġ raġunijiet.

48. Min-naħa waħda, ġaladarba s-servizz ikkonċernat jissodisfa l-kriterji li jippermettu li jiġi kkwalifikat bħala servizz tax-xandir bit-televiżjoni, m'hemmx lok li jiġu kkunsidrati l-konsegwenzi ta' din il-kwalifika għal min joffri s-servizz.

49. Fil-fatt, il-kamp ta' applikazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni ma jiddependix minn jekk il-konsegwenzi tagħha jistgħux ikunu ta' preġudizzju għall-operaturi ekonomiċi li għalihom tapplika din il-leġiżlazzjoni skond ir-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju. Barra minn hekk, interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta' "servizz tax-xandir bit-televiżjoni", li ġġarrab il-konsegwenza li servizz bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali jiġi eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva, tmur kontra l-għanijiet tad-Direttiva u, għaldaqstant, ma tistax tiġi aċċettata.

50. Min-naħa l-oħra, m'huwiex impossibbli għal min joffri servizz bħal "Filmtime" li jirrispetta l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/552.

51. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi kwota ta' xogħolijiet Ewropej fil-ħin ta' "trażmissjoni" tax-xandar ikkonċernat iżda m'għandiex bħala għan li timponi fuq it-telespettaturi l-obbligu li effettivament jaraw l-imsemmija xogħolijiet. Għalkemm ma jistax jiġi miċħud li min joffri servizz bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jiddeterminax ix-xogħolijiet li l-abbonati effettivament jagħżlu u jaraw, jibqa' l-fatt li min joffri s-servizz, bħal kull operatur li jittrażmetti programmi tat-televiżjoni maħsuba għar-riċezzjoni mill-pubbliku, jikkontrolla l-għażla tax-xogħolijiet li jittrażmetti. Il-films fil-lista li huwa joffri lill-abbonati tas-servizz, kollha jagħtu lok għat-trażmissjoni ta' sinjali, li jiġu trażmessi lill-abbonati taħt kundizzjonijiet identiċi, u dawn ta' l-aħħar għandhom l-għażla li jiddeċifraw l-immaġini hekk trażmessi jew li ma jiddeċifrawhomx. Min joffri s-servizz jaf x'inhu l-ħin totali ta' trażmissjoni u b'hekk jista' jwettaq l-obbligu tiegħu li "jirriżerva proporzjon ta' maġġoranza tal-ħin ta' trażmissjoni [tiegħu] għal xogħolijiet Ewropej."

52. Fid-dawl ta' dak li ntqal aktar 'il quddiem, it-tweġiba għat-tielet domanda għandha tkun li l-kundizzjonijiet li taħthom min joffri servizz bħal "Filmtime" iwettaq l-obbligu, imsemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/552, li jirriżerva proporzjon ta' maġġoranza tal-ħin ta' trażmissjoni tiegħu għal xogħolijiet Ewropej ma jaffettwawx il-kwalifika ta' dan is-servizz bħala servizz tax-xandir bit-televiżjoni.

Fuq l-ispejjeż

Peress illi l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħalsu lura.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1) Il-kunċett ta' "xandir bit-televiżjoni" msemmi fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/552/KEE tal-Kunsill tat-3 ta' Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta' attivitajiet ta' xandir bit-televiżjoni, kif emendata mid-Direttiva 97/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 Ġunju 1997, hu ddefinit minn din id-dispożizzjoni b'mod awtonomu. Mhuwiex iddefinit billi jiġi pparagunat mal-kunċett ta' "servizzi tas-soċjetà ta' l-informatika" skond l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta' informazzjoni fil-qasam ta' l- istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta' l-Informatika, kif emendata mid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-20 ta' Lulju 1998, u għalhekk mhux bilfors ikopri s-servizzi li mhumiex koperti minn dan l-aħħar imsemmi kunċett.

2) Serivzz jaqa' taħt il-kunċett ta' "xandir bit-televiżjoni" imsemmi fl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/552, kif emendata mid-Direttiva 97/36, jekk jikkonsisti fit-trażmissjoni inizjali ta' programmi tat-televiżjoni maħsuba għar-riċezzjoni mill-pubbliku, jiġifieri minn numru ta' telespettaturi potenzjali, li lilhom jiġu trażmessi simultanjament l-istess immaġini. It-teknika tat-trażmissjoni ta' l-immaġini mhijiex element determinanti għal din il-valutazzjoni.

3) Servizz bħal "Filmtime", li jikkonsisti fit-trażmissjoni ta' programmi tat-televiżjoni maħsuba għar-riċezzjoni mill-pubbliku u li mhuwiex ipprovdut fuq it-talba individwali ta' riċevitur ta' servizzi, hu servizz tax-xandir bit-televiżjoni, skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 89/552, kif emendata mid-Direttiva 97/36. Dak li joffri s-servizz għandu jiġi pprivileġġat fl-analiżi tal-kunċett ta' "servizz tax-xandir bit-televiżjoni". Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni tas-servizzi li magħhom jikkompeti s-servizz in kwistjoni ma taffettwax din il-valutazzjoni.

4) Il-kundizzjonijiet li taħthom min joffri servizz bħal "Filmtime" iwettaq l-obbligu, imsemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 89/552, kif emendata mid-Direttiva 97/36, li jirriżerva proporzjon ta' maġġoranza tal-ħin ta' trażmissjoni tiegħu għal xogħolijiet Ewropej ma jaffettwawx il-kwalifika ta' dan is-servizz bħala servizz tax-xandir bit-televiżjoni.