SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

8 ta’ Diċembru 2005 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Telekomunikazzjonijiet – Direttiva 97/33/KE – Artikolu 7(5) – Obbligu li tiġi vverifikata l-konformità tas-sistemi ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż minn organu indipendenti kompetenti u li tiġi ppubblikata dikjarazzjoni ta’ konformità – Direttiva 98/10/KE – Artikolu 18(1) u (2) – Nuqqas li jiġu applikati b’mod korrett il-miżuri adottati f’dak li jikkonċerna l-kontroll ta’ konformità tas-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż mill-awtorità regolatorja nazzjonali u l-pubblikazzjoni annwali ta’ dikjarazzjoni ta’ konformità – Ammissibbiltà – Interess li tittieħed azzjoni – Proċedura prekontenzjuża – Drittijiet tad-difiża – Direttivi 2002/19/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE – Dispożizzjonijiet tranżitorji – Astensjoni mill-Istati membri milli jieħdu dispożizzjonijiet ta’ natura li tikkomprometti b’mod serju r-riżultat preskritt minn direttiva waqt it-terminmu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva – Offerti ta’ interkonnessjoni ta’ referenza”

Fil-kawża C-33/04

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2004,

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn W. Wils u M. Shotter, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, irrappreżentat minn MM. Thill u S. Schreiner, bħala aġenti, assistiti minn A. Verheyden u F. Bimont, avukati,

konvenut

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, R. Silva de Lapuerta, P. Kūris, G. Arestis (Relatur) u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Marzu 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-2 ta’ Ġunju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:,

–       billi ma ssoddisfatx l-obbligi li tivverifika l-konformità tas-sistemi ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż minn organu indipendenti kompetenti u li tippubblika dikjarazzjoni ta’ konformità għas-snin 1998 u 1999, kif meħtieġ mill-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 97/33/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 1997 dwar l-interkonnessjoni fit-telekomunikazzjonijiet fir-rigward ta’ li jkunu żgurati s-servizz universali u interoperabilità permezz ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-forniment ta’ network miftuħ (ONP) (ĠU L 199, p. 32), u

–       billi ma applikatx b’mod korrett, fil-prattika, il-miżuri adottati sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18 (1) u (2) tad-Direttiva 98/10/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 1998 dwar l-applikazzjoni tal-forniment ta’ netwerk miftuħ (ONP) għat-telefonija bil-leħen u servizz universali għat-telekomunikazzjonijiet f’ambjent kompetittiv (ĠU L 101, p. 24), f’dak li jikkonċerna l-kontroll tal-konformità tas-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż mill-awtorità regolatorja nazzjonali jew minn organu ieħor kompetenti, indipendenti mill-organu ta’ telekomunikazzjonijiet u approvata minn dinl l-awtorità regolatorja, kif ukoll f’dak li jikkonċerna l-pubblikazzjoni annwali ta’ dikjarazzjoni ta’ konformità,

il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-imsemmija dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi.

 Il-qafas ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni komunitarja

 Il-qafas leġiżlattiv preċedenti

–       Id-Direttiva 97/33

2       Id-direttiva 97/33 tistabbilixxi, skond l-ewwel Artikolu tagħha, qafas leġiżlattiv li jiżgura l-interkonnessjoni tan-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet u b’mod partikulari, l-interoperabbiltà tas-servizzi kif ukoll il-provvista ta’ servizz universali f’ambjent ta’ swieq miftuħa u kompetittivi fil-Komunità Ewropea. Skond l-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva, b’“interkonnessjoni” wieħed għandu jifhem il-konnessjoni fiżika u loġika tan-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet użati mill-istess organu jew minn wieħed differenti sabiex tippermetti lill-utenti ta’ organu li jikkomunikaw ma’ utenti ta’ l-istess organu jew ieħor, jew li jkollhom aċċess għas-servizzi pprovduti minn organu ieħor.

3       L-Artikolu 7 ta’ l-imsemmija direttiva intitolat: “Prinċipji sabiex jiġu stabbiliti t-tariffi għall-interkonnessjoni u sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż”, tgħid li ġej:

“1. L-Istati membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet fil-paragrafi 2 u 6 japplikaw għall-organi li jagħmlu użu min-netwerks pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet u/jew is-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet li huma aċċessibbli għall-pubbliku […] li kienu ġew innotifikati mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali bħala organi li għandhom setgħa fuq dan is-suq.

2. Il-ħlasijiet għall-interkonnessjoni għandhom jirrispettaw il-prinċipji tat- trasparenza u ta’ l-orjentazzjoni ta’ l-ispejjeż. Ir-responsabbiltà li jiġi ppruvat li l-ħlasijiet huma stabbiliti skond l-ispejjeż attwali, inkluż dħul raġonevoli mill-investimenti, taqa’ fuq l-organu li tipprovdi l-interkonnessjoni ma’ l-installazzjonijiet tagħha. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jitolbu lil organu sabiex jiġġustifika totalment il-ħlasijiet ta’ interkonnessjoni u, jekk jinħass il-bżonn, jeżiġi l-aġġustament tagħhom. […]

3. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni […] ta’ offerta ta’ interkonnessjoni ta’ referenza. L-offerta ta’ interkonnessjoni ta’ referenza għandha tinkludi deskrizzjoni ta’ l-offerti ta’ interkonnessjoni maqsumin f’elementi differenti skond il-bżonnijiet tas-suq u l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet korrispondenti, inklużi l-prezzijiet.

Jistgħu jiġu stabbiliti numru ta’ prezzijiet, modalitajiet u kundizzjonijiet ta’ interkonneejoni differenti għal kategoriji differenti ta’ organi li huma awtorizzati li jipprovdu netwerks u servizzi, meta dawn id-differenzi jistgħu oġġettivament jiġu ġġustifikati abbażi tat-tip ta’ interkonnessjoni pprovduta u/jew il-kundizzjonijiet li taħthom huma mogħtija l-liċenzji nazzjonali kkonċernati. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li dawn id-differenzi ma jwasslux għal distorsjonijiet fil-qasam tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, li l-organu japplika l-prezzijiet kif ukoll il-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta’ interkonnessjoni korrispondenti meta jipprovdi interkonnessjoni għas-servizzi tiegħu jew għal dawk tal-fergħat tiegħu jew ta’ l-assoċjati tiegħu […]

L-awtorità regolatorja nazzjonali tista timponi emendi ta’ l-offerta ta’ interkonnessjoni ta’ referenza, meta dawn ikunu ġustifikati.

[…]

5. Il-Kummissjoni għandha telabora […] rakkomandazzjonijiet dwar is-sistemi ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż u tas-separazzjoni tal-kontabbiltà fil-qasam ta’ l-interkonnessjoni. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li s-sistemi ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż użati mill-organi kkonċernati huma adattati għall-implimentazzjoni ta’ l-eżiġenzi ta’ l-imsemmi Artikolu u li huma bbażati fuq dokumenti dettaljati biżżejjed, bħal dawk indikati fl-Anness V.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li deskrizzjoni tas-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż, li turi l-kategoriji prinċipali li fihom l-ispejjeż huma miġbura u r-regoli applikati fil-qasam tat-tqassim ta’ l-ispejjeż allokati għall-interkonnessjoni, tkun disponibbli fuq talba. Ir-rispett tas-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż għandha tiġi vverifikata mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew organu kompetenti ieħor li huwa indipendenti mill-organu tat-telekomunikazzjonijiet u approvat mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Ċertifikazzjoni ta’ konformità għandha tiġi ppubblikata annwalment.

[…]”

4       L-Anness V tad-Direttiva 97/33 tindika, bħala eżempju, xi elementi li jistgħu jidħlu fis-sistema ta’ kontabbiltà msemmija iktar ’il fuq, l-ispiża jiġifieri standard użat, l-elementi ta’ spiża integrati fit-tariffa ta’ interkonnessjoni, il-livelli u l-metodi tat-tqassim ta’ l-ispejjeż, partikolarment ipproċessar ta’ spejjeż assoċjati u komuni kif ukoll il-klawżoli ta’ kontabbiltà.

5       Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 23(1), ta’ l-imsemmija direttiva, l-Istati Membri kellhom ipoġġu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi li huma neċessarji sabiex jikkonformaw rwieħhom magħha sal-31 ta’ Diċembru 1997 u kellhom jinfurmaw lill-Kummissjoni immedjatament.

6       Fit-8 ta’ April 1998, il-Kummissjoni adottat, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 97/33, ir-Rakkomandazzjoni 98/322/KE dwar l-interkonnessjoni f’suq tat-telekomunikazzjonijiet liberalizzat (Taqsima 2 – separazzjoni tal-kontabbiltà u kontabbiltà ta’ l-ispejjeż) (ĠU L 141, P. 6).

–       Id-Direttiva 98/10

7       Id-Direttiva 98/10 għandha bħala għan, skond l-Artikolu 1 tagħha, l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet li jiżguraw aċċess miftuħ u effikaċi għan-netwerks pubbliċi fissi tat-telefon u għas-servizzi pubbliċi fissi tat-telefon, kif ukoll l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-użu tagħhom f’ambjent ta’ swieq miftuħa u kompetittivi, skond il-prinċipji ta’ provvista ta’ netwerk miftuħ.

8       L-Artikolu 17 ta’ l-imsemmija Direttiva, intitolat, “Prinċipji sabiex jiġu stabbiliti t-tariffi”, jipprovdi li:

“1. Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari ta’ l-Artikolu 3 dwar il-karattru ta’ prezz raġonevoli tat-tariffi jew tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 6, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li hemm l-organi li jipprovdu s-servizzi ta’ telefonija bil-vuċi li jkollhom is-setgħa fuq is-suq u kemm dawk li ġew magħżula skond l-Artikolu 5 u għandhom is-setgħa fuq is-suq jikkonformaw irwieħhom mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

2. It-tariffi għall-użu ta’ netwerk pubbliku fiss tat-telefon u tas-servizzi pubbliċi fissi tat-telefon għandhom jirrispettaw il-prinċipji fundamentali ta’ l-orjentazzjoni skond l-ispejjeż […]

3. Bla ħsara Mingħajr għall-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 97/33/KE dwar l-interkonnessjoni, it-tariffi għall-aċċess għan-netwerk pubbliku fiss tat-telefon u għall-użu tiegħu, huma indipendenti mit-tip ta’ applikazzjoni li l-utenti jimplimentaw, ħlief u safejn wieħed jeħtieġ servizzi jew komplementi ta’ servizzi differenti.

4. It-tariffi tal-komplementi ta’ servizzi li jingħaddu mal-provvista tal-konnessjoni man-netwerk pubbliku fiss tat-telefon u mas-servizzi pubbliċi fissi tat-telefon huma, skond il-liġi komunitarja, suffiċjentement mhux amalgamati b’mod li min jużahom mhuwiex marbut li jħallas għal dawk il-komplementi ta’ servizzi komplimentari li mhumiex bżonnjużi għas-servizz mitlub.

5. Il-bdil fit-tariffi jiġu biss fis-seħħ wara perjodu xieraq ta’ pre-avviż lill-pubbliku stabbilit mill-awtorità regolatorja nazzjonali.

6. Bla ħsara għall-Artikolu 3 dwar il-prezzijiet raġonevoli, Stat Membru jista’ jawtorizza lill-awtorità regolatorja nazzjonali tiegħu sabiex ma tapplikax il-paragrafi 1, 2, 3, 4 jew 5 ta’ dan l-Artikolu f’żona ġeografika partikolari meta jkun stabbilit li hemm kompetizzjoni effettiva fis-suq tas-servizzi pubbliċi fissi tat-telefon.”

9       L-Artikolu 18(1) u (2) tad-Direttiva 98/10 li ġġib l-isem ta’ “Prinċipji ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż” jipprovdi li:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta xi organi huma marbutin li jirrispettaw il-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi skond l-ispejjeż konformement ma’ l-Artikolu 17, is-sistemi ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż li jiġu applikati minn dawn l-organi ikunu adattati għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 17 u li l-konformità ta’ dawn is-sistemi tiġi kkontrollata minn organu kompetenti, indipendenti minn dawn l-organi. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li kull sena tiġi ppublikata dikjarazzjoni ta’ konformità.

2. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiżguraw li deskrizzjoni tas-sistemi ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 1, turi l-kategoriji ewlenin li fihom huma miġbura l-ispejjeż, kif ukoll ir-regoli dwar kif jiġu maqsuma l-ispejjeż għas-servizzi tat-telefonija vokali, jitqiegħdu għall-użu tagħhom jekk huma jitolbuhom. Huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, fuq talba, informazzjoni fuq is-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż li tkun ġiet applikata mill-organi kkonċernati.”

10     Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 32(1), ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw irwieħhom ma’ din id-Direttiva qabel it-30 ta’ Ġunju 1998 u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom b’mod immedjat.

 Il-kuntest leġiżlattiv ġdid applikabbli għall-komunikazzjoni (KLĠ)

11     Fis-7 ta’ Marzu 2002, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea adottaw erba’ direttivi dwar il-kuntest leġiżlattiv ġdid applikabbli għall-komunikazzjoni (iktar ’il quddiem l-“KLĠ”), li huma d-Direttiva 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta’ l-Aċċess) (ĠU L 108, p. 7), id-Direttiva 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU L 108, p. 21), id-Direttiva 2002/21/KE dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, p. 33), u d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU L 108, p. 51).

12     L-Artikolu 26 u t-tieni sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2002/21, iħassru, b’mod partikolari, id-Direttivi 97/33 u 98/10, b’effett mill-25 ta’ Lulju 2003.

13     Bħala miżuri tranżitorji, l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 27, tad-Direttiva 2002/21 tgħid li l-Istati Membri għandhom iżommu l-obbligi kollha taħt il-liġi nazzjonali li huma msemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/19/KE u fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/22/KE sa dak iż-żmien meta ssir determinazzjoni fir-rigward ta’ dawk l-obbligi mill-awtorità nazzjonali regolatorja.

14     L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 18(1), tad-Direttiva 2002/19, l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 28(1), tad-Direttiva 2002/21 u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 38(1), tad-Direttiva 2002/22 jippreċiżaw li l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa l-24 ta’ Lulju 2003 u li għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan minnufih.

15     Skond l-Artikoli 19 tad-Direttiva 2002/19, 29 tad-Direttiva 2002/21 u 39 tad-Direttiva 2002/22, l-imsemmija Direttivi għandhom jidħlu fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, f’dan il-każ fl-24 ta’ April 2002.

–       Id-Direttiva 2002/19

16     Id-direttiva 2002/19 tgħid Fl-Artikolu 7 tagħha intitolat, “Reviżjoni ta’ l-obbligi ta’ qabel għall-aċċess u l-interkonnessjoni”, id-Direttiva 2002/19 tgħid li:

“1.      L-Istati Membri għandhom iżommu fis-seħħ l-obbligi kollha fuq l-impriżi li jfornu netwerks u/jew servizzi ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi jikkonċernaw l-aċċess u l-interkonnessjoni li kienu fis-seħħ qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva taħt Artikoli 4, 6, 7, 8, 11, 12, u 14 tad-Direttiva 97/33/KE, Artikolu 16 tad-Direttiva 98/10/KE, u Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 92/44/KE, [tal-Kunsill, tal-5 ta’ Ġunju 1992, dwar l-applikazzjoni tal-provvista ta’ netwerk miftuh għall-linji mikrija] sa dak iż-żmien li dawk l-obbligi jkunu ġew riveduti u determinazzjoni magħmul skond il-paragrafu 3.

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, u perjodikament wara, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jwettqu analiżi tas-suq skond l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/21/KE biex jiġi stabbilit jekk iżommux fis-seħħ, jemendawx jew jirtirawx dawn l-obbligi. Perjodu adatt ta’ avviż għandu jingħata lill-partijiet affettwati minn dak l-emendar jew dak l-irtirar ta’ l-obbligi.

–       Id-Direttiva 2002/22

17     L-Artikolu 16 ta’ l-imsemmija Direttiva, li ġġib it-titolu “Reviżjoni ta’ l-obbligi”, jgħid li:

“1.      L-Istati Membri għandhom iżommu l-obbligi kollha li jirrelataw ma’:

a)      tariffi bl-imnut għall-forniment ta’ aċċess għal u l-użu tan-netwerk pubbliku tat-telefon, imposti taħt l-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/10/KE […]

b)      għażla jew għażla minn qabel tal-carrier, imposta taħt id-Direttiva 97/33/KE […]

[…]

sakemm titwettaq reviżjoni u determinazzjoni magħmula skond il-proċedura tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

[…]

3.      L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, kemm jista’ jkun malajr wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, u kull tant żmien wara dan, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jwettqu analiżi tas-suq, […] biex jistabbilixxu jekk iżommux, jemendawx jew jirtirawx l-obbligi li jirrelataw mas-swieq bl-imnut. […]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

18     L-Artikoli 16(4) tar-Regolament Gran-Dukali tat-22 ta’ Diċembru 1997, li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet sabiex jiġu stabbiliti u użati n-netwerks fissi ta’ telekomunikazzjonijiet (Mém. A 1997, p. 3308), 22(5) tar-Regolament Gran-Dukali tat-22 ta’ Diċembru 1997, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet sabiex jiġu stabbiliti u użati n-netwerks fissi ta’ telekomunikazzjonijiet u ta’ servizzi telefoniċi (Mém. A 1997, p. 3313), u 16(3), tar-Regolament Gran-Dukali tat-2 ta’ Lulju 1998, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet sabiex jiġu użati s-servizzi telefoniċi (Mém. A 1998, p. 976), kif emendati mir-Regolament Gran-Dukali tat-18 ta’ April 2001 (Mém. A 2001, p. 1114, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Gran-Dukali tat-18 ta’ April 2001”), fihom dispożizzjoni identika miktuba kif ġej:

“Il-konformità tas-sistemi hija kkontrollata u ċċertifikata minn organu kompetenti indipendenti minn dak li qed jisfruttahom. Iċ-ċertifikat huwa s-suġġett ta’ pubblikazzjoni annwali dwar l-attività ta’ min qed jużaha.”

 Il-proċedura prekontenzjuża

19     Wara li kkomunikat lill-Kummissjoni l-liġi tal-21 ta’ Marzu fuq it-telekomunikazzjonijiet (Mém. A, 1997, p. 761), dwar b’mod partikolari il-ħolqien ta’ awtorità regolatorja tat-telekomunikazjonijiet mit-2 ta’ Ġunju 1997, imsemmija “Institut luxembourgeois des télécommunications” [Istitut Lussemburgiż tat-Telekomunikazzjonijiet] (iktar ’il quddiem l-“ILT”), li wara sar l-“Institut luxembourgeois de régulation” [Isitut Lussemburgiż ta’ Regolazzjoni] (iktar ’il quddiem l-“ILR”), l-awtoritajiet Lussemburgiżi, permezz ta’ ittri datati t-23 ta’ Jannar u l-10 ta’ Lulju 1998, innotifikaw it-tliet Regolamenti Gran-Dukali msemmija iktar ’il fuq tat-22 ta’ Diċembru 1997 u tat-2 ta’ Lulju 1998. Skond dawn l-awtoritajiet, l-imsemmija Regolamenti kienu ntiżi, b’mod partikolari, sabiex jittransponu d-Direttivi 97/33 u 98/10.

20     Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Marzu 2000, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet għall-eżiġenzi tal-kuntest regolatorju komunitarju li japplika fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, u, b’mod partikolari l-prinċipji għall- orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż u ta’ trasparenza tat-tariffi ta’ telekomunikazzjonijiet. F’dan ir-rigward, hija talbet b’mod partikolari, informazzjonijiet dwar is-sistemi ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż meħtieġa mill-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 97/33 u mill-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 98/10, dwar l-identità, jekk ikun il-każ, ta’ l-organu kompetenti taħt l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 97/33 u l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 98/10, kif ukoll kopja taċ-ċertifikazzjoni ta’ konformità annwali ppubblikata fir-rigward [tal-kontabbiltà] ta’ l-1998 u, jekk huma disponibbli, ukoll fir-rigward ta’ l-1999.

21     Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Ġunju 2000, l-awtoritajiet Lussemburgiżi wieġbu l-ittra msemmija iktar ’l fuq.

 Id-Direttiva 97/33

22     Fit-30 ta’ April 2001, il-Kummissjoni indirizzat lill-Gvern Lussemburgiż ittra ta’ intimazzjoni, li fiha hija indikat li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu kien naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu bis-saħħa ta’ l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 97/33 f’dak li jirrigwarda l-verifika tal-konformità tas-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż mill-awtorità regolatorja nazzjonali jew minn organu kompetenti indipendenti ieħor. Barra minn dan, skond il-Kummissjoni, il-miżuri li ġew ikkomunikati ma kienux ċari biżżejjed f’dak li jirrigwarda l-pubblikazzjoni annwali ta’ ċertifikazzjoni ta’ konformità u, f’kull każ, il-pubblikazzjoni annwali ta’ din iċ-ċertifikazzjoni ma kinitx kif suppost.

23     Fit-tweġiba tagħhom tat-13 ta’ Lulju 2001, l-awtoritajiet Lussemburgiżi kkomunikaw ir-Regolament Gran-Dukali tat-18 ta’ April 2001, u ċċaraw li billi d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament kienu jikkonċernaw iċ-ċertifikazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-konformità tas-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż li ġew introdotti b’effett mis-6 ta’ Mejju 2001, l-ewwel ċertifikati ta’ konformità kienu ser jiġu ppubblikati mar-rapporti annwali ta’ l-operaturi notifikati għas-sena finanzjarja 2000, l-aktar kmieni u għas-sena finanzjarja 2001 l-aktar tard.

24     Wara li eżaminat l-imsemmi regolament, il-Kummissjoni, fil-21 ta’ Marzu 2002, ħarġet opinjoni motivata (iktar ’il quddiem l-“opinjoni motivata tal-21 ta’ Marzu 2002”) li sabet li l-Gran-Dukat tal-Lussemburgu kien naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 97/33 għal dak li jikkonċerna, min-naħa, il-verifika tal-konformità tas-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż mill-awtorità regolatorja nazzjonali jew minn organu kompetenti indipendenti ieħor u, min-naħa l-oħra, il-pubblikazzjoni annwali ta’ ċertifikazzjoni ta’ konformità għas-snin 1998 u 1999. Il-Kummissjoni stiednet ukoll dan l-Istat Membru biex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ l-imsemmija opinjoni motivata f’ terminu ta’ xaharejn minn meta jirċievi din l-opinjoni.

25     Fit-tweġiba tagħhom tas-17 ta’ Mejju 2002, l-awtoritajiet Lussemburgiżi żammew il-pożizzjoni tagħhom li l-obbligu ta’ ċertifikazzjoni u ta’ pubblikazzjoni taħt l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 97/33 ġie soddisfatt permezz tar-Regolament Gran-Dukali tat-18 ta’ April 2001. F’din l-istess ittra, ġie mfakkar li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ma kellhomx effett retroattiv.

 Id-Direttiva 98/10

26     Fil-21 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni indirizzat lill-Gvern Lussemburgiż ittra ta’ intimazzjoni, fejn hija indikat li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu kienet naqas milli jwettaq l-obbligi li kellu taħt l-Artikoli 7(5) tad-Direttiva 97/33 u 18(1) tad-Direttiva 98/10. Fil-fehma tagħha, ma kien għadu sar l-ebda kontroll ta’ konformità tas-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż u ma kienet ġiet ippubblikata ebda dikjarazzjoni jew ċertifikazzjoni fir-rigward tas-sena finanzjarja 2000.

27     Fl-ittra ta’ tweġiba tagħhom tat-28 ta’ Mejju 2002, l-awtoritajiet Lussemburgiżi fakkru għal darb’oħra li r-Regolament Gran-Dukali tat-18 ta’ April 2001 kien issa jipprevedi l-kontroll ta’ konformità tas-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż minn awtorità regolatorja nazzjonali jew minn awtorità indipendenti kompetenti, u l-pubblikazzjoni annwali tad-dikkjarazzjoni ta’ konformità.

28     Peress li dawn l-informazzjonijiet ma ssoddisfawx il-Kummissjoni, fil-11 ta’ Lulju 2003, din ħarġet opinjoni motivata (iktar ’il quddiem l-“opinjoni motivata tal-11 ta’ Lulju 2003”) li biha hija ċanfret lill-Gran-Dukat tal-Lussemburgu talli ma applikatx b’mod korrett, fil-prattika, il-miżuri li ġew adottati sabiex jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18(1) u (2) tad-Direttiva 98/10 għal dak li jikkonċerna, min-naħa, il-kontroll tal-konformità tas-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż mill-awtorità regolatorja nazzjonali, jew minn organu kompetenti ieħor, indipendenti mill-organu ta’ telekomunikazzjonijiet u approvat mill-awtorità regolatorja nazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-pubblikazzjoni annwali ta’ dikjarazzjoni ta’ konformità. Il-Kummissjoni stiednet ukoll dan l-Istat Membru sabiex jaddotta l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu ma’ l-imsemmija opinjoni motivata f’terminu ta’ xaharejn minn meta jkun irċieva din l-opinjoni.

29     Fit-tweġiba taghħom ta’ l-1 ta’ Ottubru 2003, l-awtoritajiet Lussemburgiżi insistew fuq il-fatt li r-Regolament Gran-Dukali tat-18 ta’ April 2001 jittransponi d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 7(5) tad-Direttiva 97/33 u 18(1) u (2) tad-Direttiva 98/10. Barra minn dan, huma kkomunikaw ir-rapport fuq il-prinċipji gwida prinċipali ta’ separazzjoni tal-kontabbiltà ppreparat mill-ILR u ppubblikat fis-6 ta’ Mejju 2002. Dawn l-awtoritajiet ikkonkludew it-tweġiba tagħhom kif ġej:

“Fil-qari tar-rapport reċenti ta’ l-attivitajiet ta’ l-impriża ta’ posta u telekomunikazzjonijiet [EPT], ir-regolatur ikkonstata li ċ-ċertifikat mitlub mil-leġiżlazzjoni mhuwiex suffiċjenti. [L-ILR] għadha kemm indirizzat għalhekk intimazzjoni lill-impriża u tirrikorri, jekk ikun il-każ, għal sanzjonijiet amministrattivi għal nuqqas ta’ rispett ta’ l-obbligi regolamentari kkonċernati.”

30     Peress li ma kinitx soddisfatta b’din it-tweġiba u lanqas bil-kontenut ta’ l-ittra tas-17 ta’ Mejju 2002, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

31     Fis-sentenza ta’ l-10 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni vs il-Lussemburgu (C-236/04, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra), il-Qorti kkonstatat li, billi ma ħax id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma mad-Direttivi 2002/19 sa 2002/22, il-Gran-Dukat tal-Lussemburgu naqas mill-obbligi imposti fuqu bis-saħħa ta’ dawn id-Direttivi.

 It-talbiet tal-partijiet

32     Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tara sabiex:

–       tikkonstata li, billi ma ssoddisfax l-obbligi li jivverifika l-konformità tas-sistemi ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż minn organu kompetenti indipendenti u jippubblika dikjarazzjoni ta’ konformità għas-snin 1998 u 1999, skond l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 97/33, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas mill-obbligi imposti fuqu bis-saħħa ta’ din id-Direttiva;

–       tikkonstata li billi fil-prattika, ma applikatx b’mod korrett il-miżuri dwar il-kontroll tal-konformità tas-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż mill-awtorità regolatorja nazzjonali jew minn organu kompetenti, indipendenti mill-organu tat-telekomunikazzjonijiet u approvat mill-awtorità regolatorja nazzjonali, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18(1) u (2) tad-Direttiva 98/10, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas mill-obbligi imposti fuqu bis-saħħa ta’ din id-Direttiva.

33     Il-Gvern Lussemburgiż jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

–       prinċipalment, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–       alternattivament, tiċħad ir-rikors bħala mhux fondata;

–       tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

 Fuq ir-rikors

 Fuq l-ammissibbiltà

34     Il-Gvern Lussemburgiż iqajjem, żewġ raġunijiet għall-inammissibbiltà, fis-sottomissjonijiet tad-difiża tagħha. L-ewwel waħda hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ interess li l-Kummissjoni għandha li taġixxi, u t-tieni waħda, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża.

35     Qabel ma tiddeċiedi fuq l-imsemmija raġunijiet ta’ inammissibbiltà, hemm lok li l-Qorti tippronunċja ruħha b’mod preliminari, dwar is-suġġett tar-rikors preżenti.

36     Skond ġurisprudenza kostanti, is-suġġett ta’ rikors dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, skond l-Artikolu 226 KE, hija ddefinita mill-proċedura prekontenzjuża prevista f’din id-dispożizzjoni b’mod li r-rikors ikollu jkun ibbażat fuq l-istess raġunijiet u motivi ta’ l-opinjoni motivata (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni vs l-Italja, C-456/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 35, u l-ġurisprudenza ċitata).

37     Madankollu, il-ħtieġa li s-suġġett tar-rikors ippreżentat taħt l-Artikolu 226 KE huwa ddefinit mill-proċedura prekontenzjuża prevista għal din id-dispożizzjoni ma tistax f’kull tmur ’l hinn milli timponi koinċidenza perfetta bejn id-deskrizzjoni ta’ l-ilmenti fl-ittra ta’ intimazzjoni, id-dispożittiv ta’ l-opinjoni motivata u t-talbiet fir-rikors, sakemm is-suġġett tal-kawża ma ġiex estiż jew emendat (ara s-sentenzi il-Kummissjoni vs l-Italja, ċitata iktar ’il fuq, punt 39 u ta’ l-14 ta’ Lulju 2005, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, C-433/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 28).

38     Għal dak li jikkonċerna d-Direttiva 97/33, fl-opinjoni motivata tal-21 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni tilmenta li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi li għandu taħt l-Artikolu 7(5) ta’ din id-Direttiva, għas-snin 1998 u 1999. Dan l-ilment huwa identiku għall-ewwel ilment fir-rikors li introduċa l-istanza.

39     Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu relatat mad-Direttiva 97/33 jikkonċerna l-ksur ta’ l-obbligi li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu għandu taħt l-Artikolu 7(5) ta’ din id-Direttiva għas-snin 1998 u 1999.

40     Għal dak li joħroġ mid-Direttiva 98/10, fl-opinjoni motivata tal-11 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni lmentat li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas mill-obbligi li għandu taħt l-Artikolu 18(1) u (2) ta’ din id-Direttiva, mingħajr ma ppreċiżat il-perijodu ta’ riferenza. Fl-imsemmija opinjoni, kien ġie ukoll indikat li “s’issa, l-ebda kontroll ta’ konformità ma ġie mwettaq”. Fir-rikors tagħha, il-Kumissjoni ssemmi dan l-istess ilment mingħajr ma tistabbilixxi hawn ukoll il-perijodu li għalih hija qiegħda ċċanfar lil dan l-Istat Membru li naqas mill-obbligi tiegħu taħt id-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmi Artikolu.

41     Hemm lok li jiġi ppreċiżat li minkejja it-tħabbir ta’ l-ilmenti fl-opinjoni motivata u fir-rikors tal-Kummissjoni ma jippermettix li jiġi konkluż li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat ikopri l-perijodu kollu mill-1998 – is-sena li fiha ġiet fis-seħħ id-Direttiva 98/10 – sa l-2002 – l-aħħar sena qabel l-opinjoni motivata. Fil-fatt, mill-proċedura prekontenzjuża, u partikolarment mill-ittra ta’ intimazzjoni tal-21 ta’ Marzu 2002, jirriżulta b’mod ċar in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat li jikkonċerna s-sena 2000. Taħt dawn il-kundizzjonijiet, u fin-nuqqas ta’ indikazzjoni oħra dwar dan is-suġġett, l-għan tar-rikors li jikkonċerna d-Direttiva 98/10 ma jistax imur ’l hinn minn dak li ġie stabbilit fl-imsemmija ittra ta’ intimazzjoni.

 Fuq in-nuqqas ta’ interess li tittieħed azzjoni

42     Il-Gvern Lussemburgiż isostni, l-ewwelnett, li dan ir-rikors huwa inammissibbli, għaliex, fid-data ta’ l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tal-11 ta’ Lulju 2003, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li ġie indikat ma kienx għadu jeżisti billi d-Direttiva 98/10 ma kinitx għadha fis-seħħ. Fir-rigward tad-Direttiva 97/33, il-leġiżlatur komunitarju kien diġà addotta l-KLĠ qabel ma ntbagħtet l-opinjoni motivata tal-21 ta’ Marzu 2002. Barra minn dan, fil-ġurnata li ġie ppreżentat ir-rikors, in-nuqqas ta’ twettiq ta´obbligu li ġie indikat, kien diġà mitmum għaliex, f’din id-data, t-terminu previst għat-traspożizzjoni tal-KLĠ kien skada. F’dak li jirrigwarda l-ġurisprudenza li tgħid li meta jseħħ bdil fid-dritt komunitarju matul il-proċedura prekontenzjuża, il-Kummissjoni tista tirrikjedi konstatazzjoni ta’ twettiq ta’ obbligi li joriġinaw fil-verżjoni inizjali ta’ att komunitarju, li sussegwentement ikun ġie emendat jew imħassar, u li jkunu nżammu fid-dispożizzjonijiet il-ġodda (sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni vs l-Italja, C-363/00, Ġabra p. I-5767, punt 22), il-Gvern Lussemburgiż sostna qal li din mhijiex applikabbli f’din il-kawża.

43     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-kuntest ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 226 KE għandu jiġi evalwat fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Komunitarja li kienet fis-seħħ meta skada t-terminu li l-Kummissjoni tat lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jikkonforma ruħu ma’ l-opinjoni motivata tagħha (ara s-sentenzi ta’ l-10 ta’ Settembru 1996, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, C-61/94, Ġabra p. I-3989, punt 42; tad-9 ta’ Novembru 1999, il-Kummissjoni vs l-Italja, C-365/97, Ġabra p. I-7773, punt 32, u tat-12 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni vs l-Italja, ċitata iktar ’il fuq, punt 21).

44     Fir-rigward tad-Direttiva 97/33, fl-opinjoni motivata tal-21 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni stiednet lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu sabiex jikkonforma ruħu f’terminu ta’ xaharejn minn meta jirċievi din l-opinjoni, ma’ l-obbligi li għandu taħt l-Artikolu 7(5) ta’ din id-Direttiva u, b’mod partikolari, ma’ dawk dwar il-verifika tal-konformità tas-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż mill-awtorità regolatorja nazzjonali jew minn organu kompetenti indipendenti ieħor u dwar il-pubblikazzjoni annwali ta’ ċertifikazzjoni ta’ konformità għas-snin 1998 u 1999.

45     Billi d-Direttiva 97/33 ġiet imħassra mid-Direttiva 2002/21, b’effett mill-25 ta’ Lulju 2003, huwa ċar li l-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura jikkonċernaw leġiżlazzjoni komunitarja li kienet għadha fis-seħħ meta skada t-terminu stipulat fl-opinjoni motivata tal-21 ta’ Marzu 2002.

46     B’hekk, l-argumenti mressqa f’din il-kawża mill-konvenut ma jistgħux jibbażaw l-inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors f’dak li jikkonċerna nuqqas ta’ twettiq ta’ l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 97/33 li ma ġietx transposta mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu sa l-iskadenza tat-terminu stipulat fl-imsemmija opinjoni motivata.

47     Fir-rigward tad-Direttiva 98/10, fl-opinjoni motivata tal-11 ta’ Lulju 2003, il-Kummissjoni stiednet lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu sabiex jikkonforma ruħu, f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċievi din l-opinjoni, ma l-obbligi li għandu taħt id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18(1) u (2) ta’ din id-Direttiva u, b’mod partikolari, ma dawk relatati, min-naħa, mal-kontroll tal-konformità tas-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż mill-awtorità regolatorja nazzjonali jew minn organu kompetenti ieħor, indipendenti mill-organu ta’ telekomunikazzjonijiet u approvat mill-awtorità regolatorja nazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-pubblikazzjoni annwali ta’ dikjarazzjoni ta’ konformità. Kif ġie wkoll indikat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li ġie allegat imur lura għas-sena 2000.

48     Huwa ċar li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu marbut mad-Direttiva 98/10 ma jikkonċernax id-dispożizzjonijiet li kienu fis-seħħ fl-iskadenza tat-terminu stipulat fl-opinjoni motivata tal-11 ta’ Lulju 2003. Fil-fatt, din id-Direttiva ġiet imħassra mid-Direttiva 2002/21 b’effett mil-25 ta’ Lulju 2003, jiġifieri erbatax-il jum wara li l-Kummissjoni kienet ħarġet din l-opinjoni motivata. Dan it-tħassir ġie għalhekk fis-seħħ matul it-terminu ta’ xahrejn mogħti lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu sabiex jikkonforma ruħu ma’ l-obbligi tiegħu li joħorġu mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18(1) u (2) ta’ l-imsemmija Direttiva.

49     Madankollu hemm lok li jiġi nnotat li skond il-ġurisprudenza, jekk it-talbiet li jinstabu fir-rikors ma jistgħux, fil-prinċipju jiġu estiżi ’l hinn minn nuqqasijiet tat-twettiq ta’ obbligi allegati fl-ittra ta’ intimazzjoni kif ukoll fid-dispożittiv ta’ l-opinjoni motivata, il-fatt jibqa li, meta bidla fid-dritt Komunitarju isseħħ matul il-proċedura prekontenzjuża, il-Kummissjoni tista’ tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jsibu l-oriġini tagħhom fil-verżjoni inizjali ta’ att komunitarju, li jkun ġie sussegwentement emendat jew imħassar, u li jkunu nżammu mid-dispożizzjonijiet il-ġodda. Min-naħa l-oħra, is-suġġett tal-kontroversja ma jistax jiġi estiż għall-obbligi li joħorġu mid-dispożizzjonijiet il-ġodda li ma jsibux l-ekwivalenti tagħhom fil-verżjoni inizjali ta’ l-att ikkonċernat, taħt il-piena li jkun hemm ksur tal-forom sostanzjali tar-regolarità tal-proċedura li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni vs l-Italja, ċitat iktar ’il fuq, punt 22).

50     Billi l-adozzjoni tal-KLĠ seħħet matul il-proċedura prekontenzjuża, hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-obbligi li jikkonċernaw ir-rispett tas-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż u l-pubblikazzjoni annwali ta’ ċertifikazzjoni ta’ konformità li jinsabu fl-Artikolu 18(1) u (2) tad-Direttiva 98/10, li kienet ġiet imħassra, ġewx miżmuma mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-KLĠ.

51     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, kif mitlub mill-Artikolu 26 u t-tieni sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 28(1), tad-Direttiva 2002/21, id-Direttiva 98/10 ġiet imħassra b’effett mill-25 ta’ Lulju 2003. Madankollu, skond l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2002/21, l-Istati Membri għandhom iżommu l-obbligi kollha taħt il-liġi nazzjonali tagħhom imsemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/19 u fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/22 sa dak iż-żmien meta ssir determinazzjoni fir-rigward ta’ dawk l-obbligi mill-awtorità nazzjonali regolatorja.

52     F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2002/19, dan jipprovdi li l-Istati Membri għandhom iżommu fis-seħħ l-obbligi kollha li kienu fiss-seħħ qabel b’mod partikolari bis-saħħa ta’ l-Artikolu 16 tad-Direttiva 98/10 dwar l-aċċess speċjali għan-netwerk.

53     Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2002/22, dan jipprovdi min-naħa tiegħu li l-Istati Membri għandhom iżommu l-obbligi kollha li jirrelataw, b’mod partikolari, mat-tariffi bl-imnut għall-forniment ta’ aċċess għal u l-użu tan-netwerk pubbliku tat-telefon, imsemmija fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/10. Dan l-aħħar Artikolu jikkonċerna l-prinċipju ta’ l-orjentazzjoni tat-tariffi skond l-ispiża.

54     Minn dan isegwi li l-Artikolu 18(1) u (2) tad-Direttiva 98/10 dwar il-prinċipji ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż, li huwa s-suġġett tat-tieni parti tat-talbiet fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, mhuwiex imsemmi b’mod formali mid-dispożizzjonijiet msemmija iktar ’il fuq mill-KLĠ.

55     Iżda n-nuqqas ta’ riferenza, f’din il-kawża, għall-Artikolu 18 tad-Direttiva 98/10 fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/22, xorta mhijiex ta’ natura li teżenta lill-Istati Membri mill-obbligi imposti fuqhom taħt dan l-Artikolu 18.

56     F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi osservat li fil-fatt ma jirriżultax mid-Direttiva 2002/22 li l-leġiżlatur komunitarju xtaq, bħala miżuri tranżitorji, li ma jżommx biss fis-seħħ l-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/10 dwar l-orjentazzjoni tat-tariffi skond l-ispiża, u mhux dawk li jirrelataw mas-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż.

57     Għall-kuntrarju, u kif ukoll jirriżulta mir-referenzi espressi għall-Artikolu 17 tad-Direttiva 98/10 magħmula permezz ta’ l-Artikolu 18, l-obbligi li jirriżultaw minn dawn iż-żewġ artikoli għandhom jiġu kkunsidrati flimkien, billi l-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi skond l-ispejjeż hija marbuta mill-qrib mas-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż.

58     Minn dak li jippreċedi, jirriżulta li l-obbligi li jorbtu lill-Istati Membri u li jirriżultaw mill-Artikolu 18(1) u (2) tad-Direttiva 98/10 għandhom jiġu kkunsidrati bħala li huma miżmuma fis-seħħ permezz tad-dispożizzjonijiet rilevanti mal-KLĠ.

59     F’dan ir-rigward, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu sostna, waqt is-seduta, li s-sistema tranżitorja prevista fil-KLĠ tikkonċerna l-obbligi li joħorġu mill-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u mhux mid-dispożizzjonijiet kontenzjużi tad-Direttiva 98/10. F’dawn il-kundizzjonijiet, dan l-Istat Membru jikkunsidra li, fin-nuqqas ta’ miżuri nazzjonali li jittransponu l-obbligi ta’ l-Artikolu 18(1) u (2) tad-Direttiva 98/10 għas-sena kkonċernata, jiġifieri s-sena 2000, il-miżuri tranżitorji previsti mill-KLĠ mhumiex rilevanti sabiex tiġi evalwata l-ammissibbiltà tat-tieni parti tat-talbiet f’dan ir-rikors.

60     Din l-allegazzjoni għandha tiġi miċħuda. Billi jirrikonoxxi, fis-sustanza, li ma ttransponiex l-Artikolu 18(1) u (2) tad-Direttiva 98/10 għas-sena 2000, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma jistax jinvoka n-nuqqas tiegħu stess ta’ twettiq ta’ obbligu li għandu bis-saħħa tal-kuntest leġiżlattiv preċedenti fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet sabiex ikun jista’ joħroġ minn dawn l-istess obbligi minħabba miżuri tranżitorji previsti mill-KLĠ.

61     F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li l-ilment magħmul dwar id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18(1) u (2) tad-Direttiva 98/10 fl-opinjoni motivata u fit-tieni parti tal-konklużjonijiet ta’ dan ir-rikors ma għandux jiġi kkunsidrat li jestendi s-suġġett tal-kontroversja għall-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li mhumiex miżmuma fis-seħħ mill-KLĠ.

62     Għalhekk, għal dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ l-imsemmija Direttiva, is-suġġett tal-kontroversja ma ġiex estiż sal-punt li jeffettwa r-regolarità ta’ din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

63     Minn dan isegwi li r-rikors għandu wkoll jiġi ddikjarat ammissibbli safejn huwa jikkonċerna n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jorbtu lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18(1) u (2) tad-Direttiva 98/10.

64     It-tieni nett, dan l-Istat Membru jsostni li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li bih huwa akkużat mhuwiex ħlief nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu purament formali bil-għan li tingħata kundanna kontrih fil-prinċipju. Barra minn dan, l-introduzzjoni tar-rikors fil-kawża il-Kummissjoni vs il-Lussemburgu, ċitat iktar ’il fuq, tagħmel iż-żamma ta’ dan ir-rikors iżjed inutili u turi li l-imġiba tal-Kummissjoni f’din il-kawża hija motivata biss mix-xewqa li jkun hemm kundanna ta’ prinċipju mill-Qorti għal nuqqas li huwa prattikament mitmum.

65     Dawn l-argumenti ma jistgħux jiġu aċċettati. Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li, fil-kuntest tal-kompetenzi li hija għandha taħt l-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni m’għandiex bżonn turi l-eżistenza ta’ interess li tittieħed azzjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha l-inkarigu li tiżgura ex officio, u kif ukoll fl-interess ġenerali, l-applikazzjoni tad-dritt komunitarju mill-Istati Membri u li tara, bil-ħsieb li dawn jintemmu, l-eżistenza ta’ nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi possibbli li jista jkun hemm (ara s-sentenzi ta’ l-1 ta’ Frar 2001, il-Kummissjoni vs Franza, C-333/99, Ġabra p. I-1025, punt 23 u tat-2 ta’ Ġunju 2005, il-Kummissjoni vs il-Greċja, C-394/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 14 u 15, kif ukoll il-ġurisprudenza ċitata).

66     Barra minn dan, hija l-Kummissjoni li hija responsabbli li tevalwa l-opportunità li tittieħed azzjoni kontra Stat Membru, li tivverifika d-dispożizzjonijiet li dan ikun kisser u li tagħżel il-mument meta hija tibda l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontrih, u l-kunsiderazzjonijiet li jiddeterminaw din l-għażla ma jistgħux jeffetwaw l-ammissibbiltà ta’ l-azzjoni (sentenzi ta’ l-1 ta’ Ġunju 1994, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, C-317/92, Ġabra p. I -2039, punt 4; tat-18 ta’ Ġunju 1998, il-Kummissjoni vs l-Italja, C-35/96, Ġabra p. I -3851, punt 27, u, Il-Kummissjoni vs Franza, ċitata iktar ’il fuq, punt 24).

67     Fl-aħħar nett għandu jiġi mfakkar li, billi l-Kummissjoni biss tikkunsidra l-opportunità li jiġi introdott u li jinżamm rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti hija marbuta li teżamina jekk in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkuntestat jeżistix jew le, mingħajr ma tista’ tiddeċiedi fuq l-użu mill-Kummissjoni tad-diskrezzjoni tagħha (ara s-sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni vs Spanja, C-474/99, Ġabra p. I-5293, punt 25).

68     Għaldaqstant minn dak li jippreċedi jirriżulta li hemm lok li tiġi miċħuda l-ewwel raġuni ta’ inammissibbiltà ibbażat fuq in-nuqqas ta’ interess tal-Kummissjoni li tittieħed azzjoni.

 Fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża

69     Il-Gvern Lussemburgiż isostni l-ewwelnett, li l-Kummissjoni rreferiet għall-ewwel darba għad-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-KLĠ fir-rikors li bih introduċiet l-istanza u li dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu bażi ġuridika ġdida għan-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi allegati. Fil-fatt, min-naħa, jeżistu differenzi sostanzjali bejn il-kuntest leġiżlattiv preċedenti u l-KLĠ u, min-naħa l-oħra, id-dispożizzjonijiet tranżitorji ma joħorġux mill-kuntest leġiżlattiv preċedenti u ma jistgħux, f’kull każ, iservu sabiex jimponu obbligi ġodda barra minn dawk li diġà jeżistu fuq l-operaturi. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet ikkonċernati kellhom jiġu invokati waqt il-fażi prekontenzjuża bil-għan li jippermettu lil dan il-Gvern li jippreżenta l-osservazżzjonijiet tiegħu fit-termini u forom preskritti mill-ittri ta’ intimazzjoni u l-opinjonijiet motivati. Fin-nuqqas ta’ rispett ta’ dawn il-ħtiġijiet minimi, il-Kummissjoni tkun estendiet b’mod illegali s-suġġett ta’ din il-kontroversja għal elementi ġodda ta’ dritt, bi ksur tad-drittijiet tad-difiża, u, għaldaqstant, ir-rikors irid jiġi ddikjarat inammissibbli kollu kemm hu.

70     Għandu jiġi mfakkar li l-għan tal-proċedura prekontenzjuża hu li tingħata l-possibbiltà lill-Istat Membru kkonċernat sabiex ikun konformi ma’ l-obbligi li joħorġu mid-dritt komunitarju jew sabiex isostni utilment il-motivi tad-difiża kontra l-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni. Ir-regolarità ta’ din il-proċedura tikkostitwixxi wkoll garanzija essenzjali meħtieġa mit-Trattat KE sabiex tassigura l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-Istat Membru fil-kawża. Hu biss meta din il-garanzija hija rrispettata li l-proċedura kontradittorja quddiem il-Qorti tippermettilha sabiex tiddeċiedi jekk dan l-Istat effettivament naqas milli jwettaq l-obbligi li l-Kummissjoni tallega l-ksur tagħhom (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2003, il-Kummissjoni vs l-Italja, C-145/01, Ġabra p. I-5581, punt 17 u l-ġurisprudenza ċitata).

71     Sabiex l-argumenti magħmula mill-Gvern Lussemburgiż ikunu rilevanti fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, in-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi allegati mill-Kummissjoni għandhom ikunu bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-KLĠ li jimponu obbligi ġodda fuq l-Istati Membri. Issa, dan manifestament mhuwiex il-każ f’din il-kawża.

72     Fil-fatt, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kif idher mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 97/33, l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jikkonċerna s-snin 1998 u 1999, jiġifieri qabel ma ġie adottat il-KLĠ.

73     F’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18(1) u (2) tad-Direttiva 98/10, għandu jiġi mfakkar li t-tħassir ta’ din id-Direttiva b’effett mill-25 ta’ Lulju 2003 ma teħlisx il-Gran Dukat tal-Lussemburgu mill-obbligi li għandu taħt l-imsemmija dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva hekk kif ġie indikat fil-punti 55 sa 61 ta’ din is-sentenza.

74     It-tieni nett, il-Gvern Lussemburgiż isostni li l-Kummissjoni ma ħaditx azzjoni fiż-żmien meħtieġ biex jiġi kkonstatat li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas mill-obbligu tiegħu li jittransponi d-Direttivi 97/33 u 98/10 qabel mad-dispożizzjonijiet tagħhom ġew imħassra mill-KLĠ u li hi ma invokatx l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li kienu jwaqqfuha milli tibda b’mod utili l-fażi prekontenzjuża.

75     L-imsemmi Gvern għalhekk sostanzjalment jilmenta kontra l-Kummissjoni għad-dewmien eċċessiv tal-fażi prekontenzjuża li effettwat id-drittijiet tad-difiża tagħha.

76     Jekk huwa veru minnu li d-dewmien eċċessiv tal-proċedura prekontenzjuża jista’ jikkostitwixxi vizzju li jwassal għall-inammissibbiltà ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li konklużjoni bħal din tirriżulta biss fil-każijiet fejn l-imġiba tal-Kummissjoni irrendiet iċ-ċaħda ta’ l-argumenti tagħha diffiċli, u b’hekk kisret id-drittijiet tad-difiża, u huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu jressaq il-provi li juru diffikultà bħal din (ara s-sentenza il-Kummissjoni vs il-Belġju, C-287/03, Ġabra p. I-3761, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77     Għandu jiġi kkonstatat, f’dan il-każ, jekk il-Gran Dukat tal-Lussemburgu invokax xi argument speċifiku li jista’ juri li d-dewmien eċċessiv tal-fażi prekontenzjuża, u, b’mod partikolari, iż-żmien li għadda bejn ir-risposti tiegħu lill-opinjonijiet motivati u l-introduzzjoni tar-rikors quddiem il-Qorti, effetwax l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu tad-difiża. Fil-fatt, fis-sottomissjonijiet tad-difiża tiegħu, il-Gvern Lussemburgiż jillimita ruħu sabiex jikkontesta l-opportunità tal-Kummissjoni li tintroduċi u żżomm rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

78     Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, għandu jiġi wkoll miċħud it-tieni argument ta’ inammissibbiltà bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża u, għalhekk, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.

 Fuq is-sustanza

79     Il-Kummissjoni tilmenta li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 7(5) tad-Direttiva 97/33 u 18(1) u (2) tad-Direttiva 98/10.

80     Il-Gvern Lussemburgiż isostni, l-ewwelnett, li l-applikazzjoni f’din il-kawża, tas-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-EnvironnementWallonie, (C-129/96, Ġabra p. I-7411) tippermetti li jiġu miċħuda l-ilmenti tal-Kummissjoni. Fil-fatt, it-traspożizzjoni ta’ l-obbligi li jirriżultaw mid-Direttivi 97/33 u 98/10 kienet ta’ natura li tikkomprometti b’mod serju l-applikazzjoni tal-KLĠ, meta wieħed jikkunsidra d-differenzi kbar li jeżistu bejn dawn id-Direttivi min-naħa, u l-KLĠ min-naħa l-oħra.

81     Dan l-argument huwa bbażat fuq premessa żbaljata. Fil-fatt, l-ilmenti invokati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża preżenti jikkonċernaw perjodu anterjuri u mhux posterjuri għad-data ta’ l-adozzjoni tal-KLĠ, jiġifieri l-24 ta’ April 2002. Fil-fatt, il-Kummissjoni ċanfret lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu talli naqas milli jwettaq l-obbligi li għandu taħt l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 97/33 għas-snin 1998 u 1999 min-naħa, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 18(1) u (2) tad-Direttiva 98/10 għas-sena 2000.

82     F’dawn iċ-ċirkostanzi, ir-rispett ta’ l-obbligi li dan l-Istat Membru għandu taħt id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, m’għandu ebda effett fuq it-traspożizzjoni tal-KLĠ, billi dan jirreferi manifestament għal perjodu posterjuri ħafna għal dak ikkonċernat f’din il-kawża. Għalhekk, il-ġurisprudenza ċitata iktar ’il fuq ma tistax tiġi invokata biex jiġu miċħuda l-ilmenti tal-Kummissjoni.

83     It-tieni nett, il-Gvern Lussemburgiż isostni li l-Kummissjoni ma tistax, b’mod validu tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-KLĠ biex turi li, fid-data ta’ skadenza tat-termini previsti mill-opinjonijiet motivati tagħha, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu kien marbut li jirrispetta l-obbligi imposti mid-Direttivi 97/33 u 98/10.

84     Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt għal dak li jikkonċerna d-Direttiva 97/33, għandu jiġi mfakkar li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat mhuwiex ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-KLĠ, iżda fuq id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar perjodu anterjuri għall-adozzjoni tal-KLĠ.

85     F’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jikkonċerna d-Direttiva 98/10, għandu jiġi mfakkar li dan huwa bbażat fuq id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li, hekk kif ġie rilevat fil-punti 55 sa 61 ta’ din is-sentenza, ġew miżmuma fis-seħħ permezz tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-KLĠ.

86     F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-ebda argument ma jista jiġi bbażat fuq id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-KLĠ sabiex tiġi kkontestata, fiċ-ċirkostanzi ta’ din il-kawża, il-fondatezza ta’ dan ir-rikors.

87     Fl-aħħarnett, il-Gvern Lussemburgiż isostni li l-Kummissjoni ma stabbilietx li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu kiser l-obbligi ta’ verifika tiegħu fil-qasam tal-konformità tas-sistema u ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż u tal-pubblikazzjoni ta’ ċertifikati ta’ konformità previsti mid-Direttivi 97/33 u 98/10. Fil-fatt, l-ILT u l-ILR approvaw l-offerti ta’ interkonnessjoni ta’ riferenza (iktar ’il quddiem ir-“RIO”) ta’ l-EPT għal kull sena mill-1998. Din l-approvazzjoni tinkludi, b’mod partikolari, il-verifika mill-ILT u l-ILR tar-rispett ta’ l-EPT ta’ l-obbligu tagħha ta’ orjentazzjoni skond l-ispejjeż. B’hekk, minn dan jirriżulta li billi r-RIO ta’ l-EPT dejjem kienu s-suġġett ta’ approvazzjonijiet u pubblikazzjonijiet regolari, anki fl-1998 u fl-1999, il-Kummissjoni ma tistax iċċanfar l-awtoritajiet Lussemburgiżi talli naqsu mill-obbligi li huma għandhom bis-saħħa ta’ l-Artikoli 7(5) tad-Direttiva 97/33 u 18(1) u (2) tad-Direttiva 98/10.

88     Dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud. Hemm lok li jiġi nnutat li r-rispett tal-prinċipji tat-trasparenza u ta’ l-orjentazzjoni tat-tariffi skond l-ispejjeż ma jimplikax ipso facto r-rispett tas-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż u ta’ separazzjoni tal-kontabbiltà fil-qasam ta’ l-interkonnessjoni. Għalhekk, l-allegazzjoni ta’ l-imsemmi Gvern, anki jekk wieħed jissupponi li hija fondata, ma tippermettix li wieħed jikkonkludi li l-obbligi ta’ verifika u ta’ pubblikazzjoni bħal dawk li huma meħtieġa mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ta’ l-imsemmija direttivi huma rrispettati f’din il-kawża.

89     Minn dan isegwi li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Gvern Lussemburgiż ma jressaq l-ebda argument li jippermetti li tiġi miċħuda l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li dan ma rrispettax l-obbligi li għandu taħt l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 97/33 għas-snin 1998 u 1999 min-naħa, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 18(1) u (2) tad-Direttiva 98/10 għas-sena 2000.

90     Barra minn dan, anki jekk wieħed jissupponi li r-Regolament Gran-Dukali tat-18 ta’ April 2001 jittrasponi ta’ l-imsemmija Direttivi fid-dritt Lussemburgiż, hemm lok li jiġi rilevat li fil-korrispondenza indirizzata lill-Kummissjoni dwar dan ir-Regolament, kien espressivament imsemmi illi dan ma kellux effett retroattiv, meta l-ilmenti tal-Kummissjoni kienu jikkonċernaw il-perijodi ta’ qabel id-data ta’ l-adozzjoni tiegħu.

91     Fid-dawl ta’ dak kollu li jippreċedi, hemm lok li dan ir-rikors jintlaqa’.

92     Konsegwentement għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ssoddisfax l-obbligi li tivverifika l-konformità tas-sistemi ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż minn organu indipendenti kompetenti, u li tippubblika dikjarazzjoni ta’ konformità għas-snin 1998 u 1999, skond l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 97/33 u, billi ma applikatx b’mod korrett, fil-prattika, il-miżuri relatati mal-kontroll tal-konformità tas-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż minn din l-awtorità regolatorja jew minn organu kompetenti ieħor, indipendenti mill-organu tat-telekomunikazzjonijiet u approvat mill-awtorità regolatorja nazzjonali, għas-sena 2000, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18(1) u (2) tad-Direttiva 98/10, hekk kif inżammu mill-Artikolu 27 tad-Direttiva 2002/21 moqri flimkien ma’ l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/22, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi li għandu fis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

 Fuq l-ispejjeż

93     Taħt l-Artikolu 69(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk tkun saret talba f’dan is-sens. Hawnhekk, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu tilef il-kawża. Madankollu l-Kummissjoni m’għamlitx it-talbiet dwar l-ispejjeż. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Qorti tqis li hemm lok li tordna lil kull parti tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta’ u tiddeciedi:

1)      Billi ma ssoddisfatx l-obbligi li tivverifika l-konformità tas-sistemi ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż minn organu indipendenti kompetenti u li tippubblika dikjarazzjoni ta’ konformità għas-snin 1998 u 1999, kif mitlub mill-Artikolu 7(5) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/33/KE tat-30 ta’ Ġunju 1997, dwar l-interkonnessjoni fit-telekomunikazzjonijiet fir-rigward ta’ li jkunu żgurati s-servizz universali u interoperabilità permezz ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ forniment ta’ network miftuħ (ONP) u, billi ma applikatx b’mod korrett, fil-prattika, il-miżuri relatati mal-kontroll tal-konformità tas-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeżmill-awtorità regolatorja nazzjonali jew minn organu kompetenti ieħor, indipendenti mill-organu tat-telekomunikazzjonijiet u approvat minn din l-awtorità regolatorja, għas-sena 2000, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 18(1) u (2) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/10/KE tas-26 ta’ Frar 1998 dwar l-applikazzjoni tal-forniment ta’ netwerk miftuħ (ONP) għat-telefonija bil-leħen u servizz universali għat-telekomunikazzjonijiet f’ambjent kompetittiv, hekk kif inżammu mill-Artikolu 27 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru), moqri flimkien ma’ l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali), il-Gran-Dukat tal-Lussemburgu naqas milli jwettaq l-obbligi li għandu bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Gran-Dukat tal-Lussemburgu jbatu l-ispejjeż tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.