SENTENZA TAL-QORTI (Seduta plenarja)

13 ta' Lulju 2004 (*)

"Rikors għall-annullament – Artikolu 104 KE – Regolament (KE) Nru 1467/97 – Patt ta' Stabbiltà u Żvilupp – Żbilanċi pubbliċi eċċessivi – Deċiżjonijiet tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(8) u (9) KE – Maġġoranza kwalifikata li ma ntlaħqitx – Deċiżjonijiet mhux adottati – Rikors kontra 'deċiżjonijiet li ma jiġux adottati strumenti formali li jinsabu fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni' – Inammissibbiltà – Rikors kontra 'konklużjonijiet tal-Kunsill'"

Fil-kawża C-27/04

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn M. Petite, A. van Solinge u P. Aalto, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,  

rikorrent

vs.

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-C. Piris, T. Middleton u J. Monteiro, bħala aġenti,

konvenut

li għandu bħala għan talbiet għall-annullament tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2003, jiġifieri: deċiżjonijiet biex ma jiġux adottati l-istrumenti formali li jinsabu fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 104 (8) u (9), KE, kontra r-Repubblika ta' Franza u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja; konklużjonijiet adottati fil-konfront ta' dawn iż-żewġ Stati membri, msejħa "konklużjonijiet tal-Kunsill fuq l-evalwazzjoni ta' l-azzjonijiet li ttieħdu minn [rispettivament ir-Repubblika ta' Franza u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja] b'risposta għar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u l-eżami tal-miżuri ġodda ntiżi għat-tnaqqis ta' l-iżbilanċ sabiex jirrimedjaw għas-sitwazzjoni ta' żbilanċ eċċessiv" f'dak li dawn il-konklużjonijiet jimplikaw is-sospensjoni tal-proċedura dwar l-iżbilanċi eċċessivi, l-użu ta' strument li mhuwiex previst mit-Trattat u l-emenda tar-rakkomandazzjonijiet deċiżi mill-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) KE,

IL-QORTI (seduta plenarja),

magħmula minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, C. Gulmann (relatur), J.-P. Puissochet u J. N. Cunha Rodrigues, Presidenti ta' Sezzjonijiet, R. Schintgen, F. Macken, N, Colneric, S. von Bahr, R. Silva de Lapuerta u K. Lenaerts, mħallfin,

Avukat Ġenerali: M.A. Tizzano,

Reġistratur:

wara li rat id-deċiżjoni tal-President tal-Qorti tat-13 ta' Frar 2004 li jissottometti l-każ għall-proċedura mħaffa skond l-Artikolu 62a tar-Regoli tal-Proċedura,

wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet fis-smigħ tat-28 ta' April 2004,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti fis-27 ta' Jannar 2004, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej talbet, skond l-Artikolu 230 KE, l-annullament ta' atti tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea tal-25 ta' Novembru 2003, jiġifieri:

–       deċiżjonijiet biex ma jiġux adottati l-istrumenti formali li jinsabu fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 104(8) u (9), KE, kontra r-Repubblika ta' Franza u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja;

–       konklużjonijiet adottati fil-konfront ta' kull wieħed minn dawn iż-żewġ Stati membri, intitolati "konklużjonijiet tal-Kunsill fuq l-evalwazzjoni ta' l-azzjonijiet li ttieħdu minn [rispettivament ir-Repubblika ta' Franza u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja] b'risposta għar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea u l-eżami tal-miżuri ġodda ntiżi li jnaqqsu ta' l-iżbilanċ sabiex jagħtu rimedju għas-sitwazzjoni ta' żbilanċ eċċessiv" (aktar 'l isfel il-"konklużjonijiet tal-Kunsill") safejn dawn il-konklużjonijiet jimplikaw is-sospensjoni tal-proċedura dwar l-iżbilanċi eċċessivi (aktar 'l isfel il-"proċedura ta' żbilanċ eċċessiv"), l-użu ta' strument li mhuwiex previst mit-Trattat u l-emenda tar-rakkomandazzjonijiet deċiżi mill-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) KE.

 Il-Kuntest Legali

2       L-Artikolu 104 KE jipprovdi illi:

"1. L-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi tal-Gvern.

2. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-iżvilupp tas-sitwazzjoniet ta' l-estimi u ta' kull stock tad-dejn tal-gvern fl-Istati Membri bl-iskop illi tidentifika żbalji kbar. B'mod partikolari għandha teżamina l-konformità mad-dixxiplina ta' l-estimi […]

[…]

5. Jekk il-Kummissjoni jidhrilha illi jkun hemm jew jista' jkun hemm fi Stat Membru żbilanċ eċċessiv, il-Kummissjoni għandha tagħti l-opinjoni tagħha dwar dan lill-Kunsill.

6. Il-Kunsill jista’, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, u wara li jkun ikkunsidra kull osservazzjoni li l-Istat Membru interessat ikun jixtieq jagħmel, jiddeċiedi wara stima komplessiva jekk jeżistix żbilanċ eċċessiv.

7. Meta l-eżistenza ta’ deficit eċċessiv tiġi deċiża skond il-paragrafu 6, il-Kunsill għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istat Membru interessat, bl-iskop illi dik is-sitwazzjoni tiġi mitmuma fi żmien li determinat. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet tal-paragrafu 8, dawn ir-rakkomandazzjonijiet m’għandhomx jiġu pubblikati.

8. Meta l-Kunsill jistabbilixxi illi ma’ kien hemm ebda azzjoni effettiva bi tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu fil-perjodu stipulat, huwa jista' jippubblika dawn ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

9. Jekk Stat Membru jippersisti filli ma jieħux passi biex iwettaq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, il-Kunsill jista' jiddeċiedi illi javża lill-Istat Membru sabiex, fi żmien speċifiku stipulat, jieħu l-miżuri biex inaqqas id-deficit kif meqjus neċessarju mill-Kunsill biex tiġi rrimedjata is-sitwazzjoni.

F’dak il-każ, il-Kunsill jista' jitlob lill-Istat Membru interessat biex jippreżenta rapporti skond programm speċifiku sabiex jiġi eżaminat kull sforz ta’ aġġustament ta' dak l-Istat Membru.

10. Il-jedd li jinbdew il-proċeduri li hemm provdut dwarhom fl-Artikoli 226 u 227 ma jistax jiġi eżerċitat fil-kuntest ta' dak li hemm fil-paragrafi 1 sa 9 ta’ dan l-Artikolu.

11. Sakemm Stat Membru jibqa' ma jikkonformax ruħu ma' deċiżjoni li tkun ittieħdet skond il-paragrafu 9, il-Kunsill jista' jiddeċiedi li japplika jew, skond il-każ, jintensifika xi wieħed jew aktar minn dawn il-miżuri li ġejjin:

-      jeżiġi li l-Istat Membru interessat jippubblika informazzjoni addizzjonali, kif speċifikata mill-Kunsill, qabel il-ħruġ ta’ bonds u titoli;

-      jistieden lill-Bank Ewropew ta' l-Investiment biex jerġa' jikkunsidra l-politika tas-self tiegħu lejn l-Istat Membru interessat;

-      jeżiġi mingħand l-Istat Membru interessat li jagħmel kontijiet ta’ depożitu mingħajr imgħax ta’ ammont xieraq, mal-Komunità sakemm l-iżbilanċ eċċessiv ikun ġie, fil-fehma tal-Kunsill, korrett.

-      jimponi multi ta’ ammont adattat.

Il-President tal-Kunsill għandu jinforma lill-Parlament Ewropew b’ deċiżjonijiet lijkunu ttieħdu.

12. Il-Kunsill għandu jabroga x'uħud jew id-deċiżjonijiet kollha msemmijja fil-paragrafi 6 sa 9 u 11 sakemml-iżbilanċ eċċessiv fl-Istat Membru interessat, ikun ġie, fil-fehma tal-Kunsill, korrett. Jekk il-Kunsill ikun għamel rakkomandazzjonijiet pubbliċi, huwa għandu, hekk kif id-deċiżjoni taħt il-paragrafu 8 tkun ġiet abrogata, jagħmel dikjarazzjoni pubblika li l-iżbilanċ eċċessiv fl-Istat Membru interessat ma jkunx għadu jeżisti.

13. Meta jieħu d-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafi 7 sa 9, 11 u 12, il-Kunsill għandu jimxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti tal-membri tiegħu, peżati skond l-Artikolu 205, bl-esklużjoni tal-voti tar-rappreżentant ta' l-Istat Membru nteressat.

14. Disposizzjonijiet ulterjuri rigward l-implimentazzjoni tal-proċedura deskritta f’dan l-Artikolu huma indikati fil-Protokoll fuq il-proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv anness ma' dan it-Trattat.

Il-Kunsill għandu, filwaqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-BĊE, jadotta d-disposizzjonijiet approprijati li mbagħad għandhom jieħdu post il- Protokoll imsemmi.

[...]"

3       Skond l-Artikolu 104(9) u (13), moqri flimkien ma' l-Artikolu 122 (3) u (5), KE, meta l-Kunsill jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu skond il-paragrafu (9), id-drittijiet ta' vot ta' l-Istati Membri li ma jkunux adottaw il-munita unika jiġu sospiżi.

4       Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-Patt ta' Stabbiltà u Żvilupp, adottata fis-17 ta' Ġunju 1997 f'Amsterdam (ĠU C 236, pġ 1, aktar 'l isfel ir-"Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 1997"), il-Kunsill Ewropew, wara li fakkar li kien ta' importanza essenzjali li tiġi garantita d-dixxiplina fl-estimi matul it-tielet stadju ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (aktar 'l isfel l-"EMU"), iddetermina l-punti ta' gwida għall-Istati Membri, għall-Kummissjoni u għall-Kunsill.

5       Fil-każ tal-punti ta' gwida li jirrigwardaw il-Kunsill, din ir-riżoluzzjoni tgħid li dan:

"1.      jintrabat li jdaħħal fis-seħħ b'mod rigoruż u rapidu l-elementi kollha tal-Patt ta' Stabbiltà u Żvilupp li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu; huwa għandu jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji taħt l-Artikoli 103 u 104 [...] tat-Trattat mill-aktar fis possibbli;

[...]

3.      huwa mistieden sabiex jiddeċiedi b'mod sistematiku li jimponi sanzjonijiet f'każ li Stat Membru parteċipanti ma jieħux il-miżuri neċessarji sabiex itemm sitwazzjoni ta' żbilanċ eċċessiv skond ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni,

[...]

6.      huwa mistieden sabiex jesponi b'mod sistematiku u bil-miktub ir-raġunijiet li jiġġustifikaw deċiżjoni li ma jieħux azzjoni jekk, fi kwalunkwe mument tal-proċedura dwar l-iżbilanċi eċċessivi jew tal-proċedura ta' sorveljanza tal-pożizzjonijiet li jirrigwardaw il-baġit, il-Kunsill ma jiddeċidix fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u, f'dan il-każ, li jagħmel il-vot ta' kull wieħed mill-Istati Membri pubbliku."

(Traduzzjoni mhux uffiċjali)

6       Fit-Taqsimiet 2 u 3 tiegħu, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (żbilanċi eċċessivi) (ĠU L 209 pġ. 6) jipprovdi illi:

"TAQSIMA 2

TĦAFFIF TAL-PROĊEDURA TA' L-IŻBILANĊ EĊĊESSIV

Artikolu 3

[...]

3.       Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv skond l-Artikolu 104[...] (6), fi żmien tlett xhur mid-data tar-rapporti stabbiliti fl-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 3605/93. Meta jiddeċiedi, skond l-Artikolu 104[...] (6), li jeżisti żbilanċ eċċessiv, il-Kunsill għandu fl-istess waqt jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istat Membru konċernat skond l-Artikolu 104 [...] (7).

4.       Ir-rakkomandazzjoni magħmula skond l-Artikolu 104[...] (7) għandha tistabbilixxi limitu ta' żmien ta' erba' xhur l-aktar għal azzjoni effettiva li għandha tittieħed mill-Istat Membru konċernat. Ir-rakkommandazzjoni tal-Kunsill għandha tistabbilixxi wkoll limitu ta' żmien għall-korrezzjoni ta' l-iżbilanċ eċċessiv, li għandu jkun ikkompletat fis-sena ta' wara l-identifikazzjoni tiegħu sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi speċjali.

Artikolu 4

1. Kull deċiżjoni tal-Kunsill li jagħmel pubbliku r-rakkomandazzjonijiet tiegħu, fejn ikun stabbilit li ma ttieħdet l-ebda azzjoni effettiva skond l-Artikolu 104[...] (8), għandha tittieħed fil-pront wara li jiskadi l-limitu ta' żmien iffissat skond l-Artikolu 3(4) ta' dan ir-Regolament.

 [...]

Artikolu 5

Kull deċiżjoni tal-Kunsill sabiex jagħti avviż lill-Istat Membru li jipparteċipa ikkonċernat biex jieħu miżuri li jnaqqas l-iżbilanċ skond l-Artikolu 104[...] (9) għandha tittieħed fi żmien xahar mid-deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi li l-ebda azzjoni effettiva ma tkun ittieħdet skond l-Artikolu 104[...] (8).

Artikolu 6

Fejn il-kondizzjonijiet li jiġi applikat l-Artikolu 104[...] (11) huma mħarsa, il-Kunsill għandu jimponi sanzjonijiet skond l-Artikolu 104[...] (11). Kull deċiżjoni bħal dik għandha tittieħed mhux aktar tard minn xahrejn wara d-deċiżjoni tal-Kunsill li jagħti avviż lill-Istat Membru li jipparteċipa konċernat sabiex jieħu miżuri skond l-Artikolu 104[...] (9).

Artikolu 7

Jekk l-Istat Membru li jipparteċipa ma jieħux azzjoni f'konformità mad-deċiżjonijiet suċċessivi tal-Kunsill skond l-Artikolu 104[...] (7) u (9), id-deċiżjoni tal-Kunsill li jimponi sanzjonijiet skond il-paragrafu 11 ta' l-Artikolu 104[...], għandha tittieħed fi żmien għaxar xhur mid-dati tar-rapporti skond ir-Regolament (KE) Nru 3605/93 kif imsemmi fl-Artikolu 3(3) ta' dan ir-Regolament. Għandha tiġi wżata proċedura xierqa fil-każ ta' żbilanċ ippjanat deliberatament li l-Kunsill jiddeċiedi li hu eċċessiv.

[...]

TAQSIMA 3

TWAQQIF U KONTROLLI

Artikolu 9

1. Il-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv għandha tinżamm sospiża:

–       jekk l-Istat Membru konċernat jaġixxi f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet magħmula skond l-Artikolu 104`(7),

–       jekk l-Istat Membru li jipparteċipa konċernat jaġixxi f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet magħmula skond l-Artikolu 104[...] (7),

2. Il-perjodu li matulu l-proċedura tinżamm sospiża m'għandux jkun inkluż la fil-perjodu ta' għaxar xhur li għalih hemm referenza fl-Artikolu 7 u lanqas fil-perjodu ta' xahrejn li għalih hemm referenza fl-Artikolu 6 ta' dan ir-Regolament.

[…]"

 Il-kuntest ta' fatt

 Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill skond l-Artikolu 104 (6) u (7)

7       Matul ix-xahar ta' Novembru 2002, inbdiet proċedura ta' żbilanċ eċċessiv kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Permezz tad-Deċiżjoni 2003/89/KE tal-21 ta' Jannar 2003 dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv fil-Ġermanja – Applikazzjoni ta' l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 34, pġ 16), il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, iddeċieda li f'dan l-Istat Membru kien hemm żbilanċ eċċessiv. Skond l-Artikolu 104(7) KE u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru. 1467/97, huwa irrakkomanda lill-Gvern Ġermaniż li jtemm dan l-iżbilanċ mill-aktar fis possibli, billi japplika diversi miżuri. Il-miżuri li ġew irrakkomandati kellhom jittieħdu sal-21 ta' Mejju 2003. Peress li, f'din id-data, il-miżuri li ttieħdu mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ġew ikkunsidrati li effettivament ittieħdu, il-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv ġiet impliċitament sospiża.

8       Matul ix-xahar ta' April 2003, inbdiet proċedura ta' żbilanċ eċċessiv kontra r-Repubblika ta' Franza. Permezz tad-Deċiżjoni 2003/487/KE tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar l-eżistenza ta' żbilanċ eċċessiv fi Franza – Applikazzjoni ta' l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU L 34, pġ 16), il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, iddeċieda li f'dan l-Istat Membru kien hemm żbilanċ eċċessiv. Skond l-Artikolu 104(7) KE u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru. 1467/97, huwa irrakkomanda lill-Gvern Franċiż li jtemm dan l-iżbilanċ mill-aktar fis possibli, permezz ta' diversi miżuri. Il-miżuri neċessarji kellhom jittieħdu sat-3 ta' Ottubru 2003.

 Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 104(8) u (9) KE

9       Fit-8 ta' Ottubru 2003, il-Kummissjoni għamlet lill-Kunsill rakkomandazzjoni ta' deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 104(8) KE u intiża sabiex dan jikkonstata li r-Repubblika ta' Franza ma kienet wettqet ebda azzjoni effettiva b'risposta għar-rakkomandazzjoni magħmula mill-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) KE.

10     Fil-21 ta' Ottubru 2003, il-Kummissjoni irrakkomandat lill-Kunsill sabiex jiddeċiedi li javża lir-Repubblika ta' Franza tieħu xi miżuri biex tnaqqas l-iżbilanċ tagħha, skond l-Artikolu 104(9) KE. Hija rrakkomandat lill-Kunsill sabiex, b'mod partikolari, iwissi lil dan l-Istat Membru biex itemm is-sitwazzjoni ta' żbilanċ eċċessiv tiegħu mhux aktar tard mis-sena 2005 u biex, fl-2004, iwettaq tnaqqis annwali ta' l-iżbilanċ fil-baġit tiegħu, korrett b'varjazzjonijiet kontinġenzjali ugwali għal 1% tal-prodott intern domestiku (aktar 'l isfel "GDP") tiegħu.

11     F'dak li jikkonċerna r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Kummissjoni kkunsidrat li, wara kollox, il-miżuri adottati b'risposta għar-rakkomandazzjoni indirizzata mill-Kunsill skond l-Artikolu 104(7)KE, ma kinux adatti. Konsegwentement, fit-18 ta' Novembru 2003, hija indirizzat lill-Kunsill rakkomandazzjoni ta' deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 104(8) KE u intiża sabiex dan jikkonstata li l-azzjoni li ttieħdet mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni ta' żbilanċ eċċessiv kienet irriżultat bħala inadegwata.

12     Fl-istess jum, hija rrakkomandat lill-Kunsill sabiex javża lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, skond l-Artikolu 104(9) KE, ħalli tieħu xi miżuri sabiex tnaqqas l-iżbilanċ tagħha. Hija rrakkomandat lill-Kunsill sabiex, b'mod partikolari, javża lil dan l-Istat Membru biex itemm is-sitwazzjoni ta' żbilanċ eċċessiv mhux aktar tard milli fis-sena 2005 u biex, fl-2004, iwettaq tnaqqis annwali tal-bilanċ fil-baġit tiegħu korrett b'varjazzjonijiet kontinġenzjali ta' 0.8% tal-GDP tiegħu.

 Is-sessjoni tal-Kunsill (Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji) tal-25 ta' Novembru 2003

13     Matul is-sessjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2003, il-Kunsill ipproċeda għal xi votazzjonijiet fuq ir-rakkommandazzjonijiet ta' deċiżjonijiet tal-Kunsill rigward ir-Repubblika ta' Franza u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ippreżentati mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 104(8) KE. Skond l-Artikolu 104(13) KE, l-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni ta' l-Istat Membru ikkonċernat, ħadu sehem f'dawn iż-żewġ votazzjonijiet. Peress li l-maġġoranza meħtieġa ma ntlaħqetx, id-deċiżjonijiet ma ġewx adottati.

14     Il-Kunsill ipproċeda wkoll għal xi votazzjonijiet fuq ir-rakkomandazzjonijiet ta' deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-istess Stati Membri, ippreżentati mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 104(9). Skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 104(13) u l-Artikolu 122(3) u (5) KE, f'dawn iż-żewġ votazzjonijiet ipparteċipaw biss dawk l-Istati Membri li addottaw il-munita unika, bl-eċċezzjoni ta' l-Istat Membru kkonċernat. Peress li l-maġġoranza meħtieġa ma ntlaħqetx, id-deċiżjonijiet ma ġewx adottati.

15     Fl-istess jum, permezz ta' l-applikazzjoni tar-regoli ta' votazzjoni li jirrigwardaw deċiżjonijiet taħt l-Artikolu 104(9) KE, il-Kunsill adotta konklużjonijiet li huma sostanzjalment simili fil-konfront taż-żewġ Stati Membri kkonċernati.

16     Fil-punt 1 ta' dawn il-konklużjonijiet, il-Kunsill jindika l-elementi li ħa in kunsiderazzjoni sabiex jevalwa s-sitwazzjoni tal-baġit ta' l-Istat Membru kkonċernat.

17     Fil-punt 2 ta' l-istess konklużjonijiet, huwa jinnota li, wara r-rakkomandazzjoni li kienet indirizzata lilu skond l-Artikolu 104(7) KE, l-Istat Membru kkonċernat kien ħa numru ta' miżuri.

18     Fil-punt 3, il-Kunsill "jifraħ bl-impenn meħud mill-[Istat Membru kkonċernat] ħalli jdaħħal fis-seħħ il-miżuri kollha neċessarji sabiex l-iżbilanċ jitniżżel taħt it-3% tal-GDP sa mhux aktar tard mill-2005" [Traduzzjoni mhux uffiċjali].

19     Fil-punt 4, il-Kunsill jagħmel xi rakkomandazzjonijiet għall-Istat Membru ikkonċernat "[f]id-dawl tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u l-impenji li ttieħdu mill-[imsemmi Stat Membru]" [Traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ir-rakkomandazzjonijiet jikkonċernaw, b'mod partikolari, it-tnaqqis annwali ta' l-iżbilanċ għall-2004 u l-2005 u fl-isforzi sabiex jirranġaw il-baġit wara l-2005. Il-Kunsill irrakkomanda wkoll li "tintemm is-sitwazzjoni attwali ta' żbilanċ eċċessiv mill-aktar fis possibli u mhux aktar tard mill-2005". [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

20     Il-punti 5 u 6 jipprovdu li:

"5.      Fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet msemmija aktar 'il fuq u l-impenji li ttieħdu mill-[Istat Membru kkonċernat], il-Kunsill iddeċieda li, f'dan l-istadju, ma jiddeċidix abbażi tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(9).

6.      Il-Kunsill jiddeċiedi li għall-mument iżomm il-proċedura dwar l-iżbilanċi eċċessivi fil-konfront ta' [l-Istat Membru kkonċernat] sospiża. Il-Kunsill jinstab lest li jieħu deċiżjoni skond l-Artikolu 104(9), abbażi tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni jekk [l-Istat Membru kkonċernat] ma jimxix skond l-impenji msemmija f'dawn il-konklużjonijiet, kemm-il darba dan jirriżulta mill-evalwazzjoni msemmija f'punt 7 aktar 'l isfel"

[Traduzzjoni mhux uffiċjali]

21     Fil-punt 7, il-Kunsill jistieden lill-Istat Membru kkonċernat jippreżenta xi rapporti mingħajr ma jistabilixxi dati u jiipproponi evalwazzjoni mill-Kunsill u mill-Kummissjoni tal-progress magħmul minn dan l-Istat.

 It-talbiet tal-partijiet

22     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti sabiex:

–       tannulla, minn naħa, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill li ma jadottax l-istrumenti formali li jinsabu fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 104 (8) u (9), KE u, min-naħa l-oħra, il-konklużjonijiet tal-Kunsill safejn dawn il-konklużjonijiet jimplikaw is-sospensjoni tal-proċedura dwar l-iżbilanċ eċċessiv, l-użu ta' strument li mhuwiex previst mit-Trattat u l-emenda tar-rakkomandazzjonijiet deċiżi mill-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) KE;

–       tikkundanna il-Kunsill għall-ispejjeż.

23     Il-Kunsill jitlob lill-Qorti sabiex:

–       tiddikjara r-rikors inammissibbli;

–       alternattivament, li tiċħdu;

–       tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Dwar l-ammissibilità tar-rikors

24     Il-Kunsill jeċepixxi l-inammissibbiltà tar-rikors tal-Kummissjoni safejn dan ir-rikors huwa ntiż li jannulla kemm in-nuqqas ta' l-adozzjoni mill-Kunsill ta' l-istrumenti formali li jinsabu fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 104 (8) u (9), KE u, min-naħa l-oħra, il-konklużjonijiet tal-Kunsill li jirrigwardaw lir-Repubblika ta' Franza u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja rispettivament.

 Dwar it-talba għall-annullament tan-nuqqas ta' l-adozzjoni mill-Kunsill ta' l-istrumenti formali li jinsabu fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 104 (8) u (9), KE

 Is-sottomissjonijiet tal-partijiet

25     Il-Kunsill isostni li meta ma adottax ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, huwa ma ħa - lanqas impliċitament - ebda deċiżjoni li tista' tkun soġġetta għal rikors. Huwa jfakkar li, skond it-Trattat, il-proċedura sabiex istituzzjoni tiġi mġiegħla tieħu azzjoni huwa r-rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni, previst mill-Artikolu 232 KE. Permezz ta' din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni jkollha d-dritt li tressaq kawża quddiem il-Qorti sabiex din tikkonstata li l-Kunsill, meta naqas li jiddeċiedi, kiser id-dispożizzjonijiet tat-Trattat. Madankollu, il-kundizzjonijiet li jippermettu l-użu ta' din il-proċedura legali ma jissosstitwixxux f'dan il-każ. Fil-fatt, minn naħa tiegħu, il-Kunsill ma ġiex l-ewwel avżat sabiex jieħu azzjoni mill-Kummissjoni. Minn naħa l-oħra, huwa ma kienx marbut legalment li jieħu d-deċiżjonijiet msemmija fl-Artikolu 104(8) u (9) KE. F'kull każ, huwa ma jistax jiġi akkużat ta' nuqqas għaliex ipproċeda għal vot fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni.

26     Il-Kunsill isostni li s-sentenza tat-30 ta' Settembru 2003, Eurocoton et. vs Kunsill (C-76/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), li biha l-Qorti kkonkludiet li n-nuqqas ta' adozzjoni, mill-Kunsill, ta' proposta għal regolament li jistabbilixxi tariffi definittivi kontra d-dumping, li kienet ġiet sottomessa lilu mill-Kummissjoni, kellha effetti ġuridiċi fuq id-drittijiet ta' l-individwi u kienet tikkostitwixxi att kontestabbli, mhijiex rilevanti għall-każ preżenti. Huwa jinnota, f'dan ir-rigward, li, b'differenza mill-proċedura dwar żbilanċ eċċessiv, il-proċedura kontra d-dumping għandha effett dirett fuq ċerti operaturi ekonomiċi, li lilhom għandha tiġi garantita l-effettività tal-garanziji proċedurali li s-sistema komunitarja tagħtihom. Wara kollox, fil-kuntest tal-proċedura kontra d-dumping, il-Kunsill jitlef id-dritt li jadotta l-proposta tal-Kummissjoni meta jiskadi t-terminu previst għal dan il-għan. Il-każ tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni lill-Kunsill skond l-Artikolu 104(8) u (9) KE huwa differenti. Peress li ebda terminu obbligatorju u definittiv ma skada, il-Kunsill jibqa' bid-dritt li jadotta dawn ir-rakkomandazzjonijiet u l-Kummissjoni tibqa' fid-dritt li jew titlob l-adozzjoni tat-rakkomandazzjonijiet, jew tagħmel rakkomandazzjonijiet ġodda.

27     Il-Kummissjoni twieġeb li, fis-sistema stabbilita mill-Artikolu 104 KE, il-vot li bih il-Kunsill jieħu pożizzjoni dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-adozzjoni tal-konstatazzjoni prevista mill-Artikolu 104(8) jew ta' l-avviż previst fl-Artikolu 104(9), jikkostitwixxi, f'kull każ, deċiżjoni pożittiva jew negattiva, skond ir-riżultat tal-vot, u għaldaqstant att kontestabbli skond il-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Eurocoton et vs. Kunsill, li ġiet ċitata aktar 'il fuq.

28     Finalment, billi rrifjuta li jsib li r-Repubblika ta' Franza u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kienu adottaw ebda miżura effikaċi, il-Kunsill kien iddeċieda, anki jekk b'mod impliċitu, li, kuntrarjament għall-opinjoni tal-Kummissjoni, dawn iż-żewġ pajjiżi kienu fil-fatt adottaw miżuri effikaċi.

 Evalwazzjoni tal-Qorti

29     Jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 104(13)KE u bla ħsara għall-Artikolu 122(3) u (4) KE, meta l-Kunsill jieħu d-deċiżjonijiet msemmija fil-paragrafi 7 sa 9 ta' l-istess Artikolu, huwa jiddeċiedi fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti tal-membri tiegħu, peżati skond l-Artikolu 205(2) KE u bil-voti tar-rappreżentant ta' l-Istat ikkonċernat li huma esklużi.

30     Fil-fatt, id-deċiżjoni tal-Kunsill skond l-Artikolu 104(8) KE li, meta jsib li ebda azzjoni effettiva ma ttieħdet b'risposta għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu, jagħmel tali rakkomandazzjonijiet pubbliċi, tista' tittieħed biss jekk hija tiġi adottata mill-maġġoranza msemmija fil-paragrafu preċedenti ta' din is-sentenza. Il-każ tad-deċiżjoni tal-Kunsill taħt l-Artikolu 104(9) KE, fejn tingħata twissija lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jieħu dawk il-miżuri li l-Kunsill jidhirlu li huma neċessarji għat-tnaqqis ta' l-iżbilanċ eċċessiv, huwa l-istess.

31     Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Kunsill li jadotta deċiżjonijiet skond l-Artikolu 104(8) u (9) KE u l-maġġoranza neċessarja fil-Kunsill ma tintlaħaqx, ma tittieħed ebda deċiżjoni skond dawn id-dispożizzjonijiet.

32     Barra minn dan, ma teżisti ebda dispożizzjoni tad-dritt komunitarju li tistabbilixxi terminu li ma' l-iskadenza tiegħu tiġi kkunsidrata li sseħħ deċiżjoni skond l-Artikolu 104(8) u (9) KE, u li tiddefinixxi l-kontenut ta' tali deċiżjoni.

33     Jekk huwa veru, hekk kif jirriżulta mis-sittax-il kunsiderazzjoni tar-Regolament Nru. 1467/97, li d-dehra ta' żbilanċ eċċessiv matul it-tielet stadju huwa fatt serju li jeħtieġ azzjoni immedjata minn kull min huwa interessat u li l-imsemmi Regolament jistabbilixxi termini li għandhom ikunu rrispettati, xorta jibqa' l-fatt li l-iskadenza ta' dawn it-termini ma jmurx kontra l-fatt li l-Kunsill jadotta l-atti rakkomandati mill-Kummissjoni. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mit-tnax-il kunsiderazzjoni tar-Regolament Nru 1467/97, it-termini stabbiliti f'dan ir-Regolament huma intiżi sabiex jiggarantixxu dħul fis-seħħ rapidu u effikaċi tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv. Ikun hemm kontradizzjoni ma' dan il-għan jekk, mill-iskadenza ta' dawn it-termini, ikollha tirriżulta ċ-ċaħda tal-poter tal-Kunsill li jadotta l-atti rrakkomandati mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' din il-proċedura. Ċaħda bħal din tfisser li, jekk ikun neċessarju, ikollha terġa' tinbeda' l-proċedura.

34     Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li n-nuqqas ta' l-adozzjoni mill-Kunsill ta' atti previsti mill-Artikolu 104(8) u (9) KE u li huma rrakkomandati mill-Kummissjoni ma tistax tiġi kkunsidrata li tagħti lok għal atti konstestabbli skond l-Artikolu 230 KE.

35     Huwa importanti li jiġi mfakkar li, fil-każ tan-nuqqas ta' l-adozzjoni mill-Kunsill ta' l-istrumenti formali rakkomandati mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 104(8) u (9), il-Kummissjoni tista' tirrikorri għall-proċedura legali prevista mill-Artikolu 232 KE, fil-limiti tal-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

36     Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, ir-rikors huwa inammissibbli f'dak li huwa intiż sabiex jannulla n-nuqqas ta' adozzjoni mill-Kunsill ta' strumenti formali li jinsabu fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 104 (8) u (9), KE.

 Dwar it-talba għall-annullament tal-konklużjonijiet tal-Kunsill li jikkonċernaw rispettivament ir-Repubblika ta' Franza u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja

 Is-sottomissjonijiet tal-partijiet

37     Il-Kunsill isostni li l-konklużjonijiet tiegħu jikkostitwixxu dokumenti ta' natura politika u mhux atti li jimplikaw effetti ġuridiċi. Dawn il-konklużjonijiet ma jdgħajfux il-prerogattivi tal-Kummissjoni. Huwa għandhom bħala uniku għan u uniku effett li jikkonstataw is-sitwazzjoni tal-proċeduri attwali ta' żbilanċ eċċessiv wara l-eżami mill-Kunsill u n-nuqqas, minn naħa tiegħu, li jadotta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni.

38     F'dak li jirrigwarda s-sospensjoni tal-proċeduri ta' żbilanċ eċċessiv li saru kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika ta' Franza, tali sospensjoni lanqas ma tirriżulta mill-konklużjonijiet infushom. Hija tirriżulta awtomatikament mill-fatt li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ma ġewx adottati mill-Kunsill, mingħajr ma dan kellu bżonn jadotta, f'dan ir-rigward, deċiżjoni espliċita u legalment vinkolanti.

39     F'dan ir-rigward, il-Kunsill ifakkar li l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1467/97 biss jipprovdi għal sospensjoni tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv. Din id-dispożizzjoni tillimita ruħha li tikkontempla sospensjoni f'żewġ każi determinati, mingħajr ma tindika f'liema ċirkostanzi oħra sospensjoni hija possibli jew projbita u mingħajr ma tistabilixxi ebda mekkaniżmu biex tiġi kkonstatata jew iddikjarata s-sospensjoni tal-proċedura. Is-sospensjoni ta' proċedura attwali hija impliċita. Hija toħroġ mill-iskadenza tat-terminu stabbilit min att adottat abbażi ta' l-Artikolu 104(7) jew (9) KE.

40     F'kull każ, il-fatt li l-Kunsill għamel din is-sospensjoni espliċita fil-konklużjonijiet politiċi tiegħu ma jbiddel bl-ebda mod in-nuqqas ta' effetti ġuridiċi ta' tali konklużjonijiet. Minn dan joħroġ li l-annullament eventwali tagħhom ma jbiddel la s-sitwazzjoni ta' fatt u lanqas dik ta' dritt tal-proċeduri attwali ta' żbilanċ eċċessiv.

41     Il-Kummissjoni ssostni li, kieku s-sospensjoni tal-proċeduri fis-seħħ kontra r-Repubblika ta' Franza u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha tkun il-konsegwenza awtomatika tan-nuqqas ta' adozzjoni tad-deċiżjonijiet rakkomandati mill-Kummissjoni, il-Kunsill setgħa jillimita lilu nnifsu għall-konstatazzjoni ta' tali sospensjoni, mingħajr ma jiddeċiedi dwarha formalment filwaqt li jżid magħha rakkomandazzjonijiet ġodda.

42     Is-sospensjoni tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv hija effettivament possibbli biss fiż-żewġ ipotesi definiti fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1467/97. Fil-fatt, fil-miżura li l-Kunsill jirrifjuta li jikkonstata li l-Istati Membri kkonċernati ma kinux ħadu miżuri effettivi u għaldaqstant iddeċieda li huma kienu rrispettaw ir-rakkomandazzjonijiet adottati skond l-Artikolu 104(7) KE, huwa setgħa biss jissospendi l-proċeduri ta' żbilanċ eċċessiv fis-seħħ permezz ta' deċiżjonijiet meħuda skond ir-Regoli tal-Proċedura u ta' votazzjoni li huma applikabbli fil-kuntest ta' din l-aħħar disposizzjoni. Il-Kummissjoni għalhekk tinnota li l-konklużjonijiet tal-Kunsill ġew adottati skond ir-Regoli tal-Proċedura u ta' votazzjoni applikabbli fil-kuntest ta' l-Artikolu 104(9) KE.

43     Il-konklużjonijiet tal-Kunsill jikkostitwixxu atti sui generis li għandhom bħala effett legali prinċipali l-eżenzjoni tal-Kunsill u ta' l-Istati Membri kkonċernati mill-qafas ġuridiku vinkolanti stabbilit mill-Artikolu 104 KE u mir-Regolament Nru 1467/97, billi ssostitwewh b'punti ta' gwida ġodda ta' evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 104(9) KE u b'qafas ġdid ta' sorveljanza ta' l-iżbilanċi eċċessivi ta' l-Istati Membri kkonċernati.

 Evalwazzjoni tal-Qorti

44     Skond ġurisprudenza kostanti, ir-rikors għal annullament għandu jkun possibbli fil-konfront tad-dispożizzjonijiet kollha meħuda mill-istituzzjonijiet, hi x'inhi n-natura jew il-forma tagħhom, li huma intiżi sabiex ikollhom effetti ġuridiċi (ara s-sentenzi tal-31 ta' Marzu 1971, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, magħrufa bħala "Ftehim Ewropew dwar it-Trasport fuq it-Toroq", 22/70, Ġabra pġ. 263, paragrafu 42 u tat-2 ta' Marzu 1994, il-Parlament vs il-Kunsill, C-316/91, Ġabra, pġ. I-625, paragrafu 8).

45     Fil-każ preżenti jeħtieġ li jiġi aċċertat jekk il-konklużjonijiet tal-Kunsill humiex ntiżi li jipproduċu effetti bħal dawn.

46     Fil-punt 6 ta' dawn il-konklużjonijiet, il-Kunsill iħabbar li huwa qiegħed jiddeċiedi li, għall-mument, iżomm sospiżi l-proċeduri ta' żbilanċ eċċessiv u huwa jiddikjara li, jekk jidher li l-Istat Membru kkonċernat ma jirrispettax l-impenji li daħal għalihom u li huma msemmija fl-istess konklużjonijiet, huwa lest li jieħu deċiżjoni skond l-Artikolu 104(9) KE.

47     F'dan ir-rigward, jeħtieġ li qabel kollox jiġi nnutat li, għall-kuntrarju ta' dak li jsostni l-Kunsill, safejn id-deċiżjonijiet ta' sospensjoni tal-proċeduri ta' żbilanċ eċċessiv attwali huma sottomessi għar-rispett ta' l-impenji meħuda mill-Istati Membri kkonċernati, huma ma jillimitawx ruħhom għall-konferma ta' sospensjoni de facto b'riżultat ta' l-adozzjoni ta' l-atti rakkomandati mill-Kummissjoni, fil-kuntest ta' l-Artikolu 104(8) u (9) KE.

48     Jeħtieġ li mbagħad jiġi rilevat li l-impenji in kwistjoni huma impenji unilaterali, meħuda miż-żewġ Stati Membri kkonċernati barra mill-kuntest tar-rakkomandazzjonijiet deċiżi qabel skond l-Artikolu 104(7) KE. Għaldaqstant, il-Kunsill qed jissottometti deċiżjoni eventwali ta' intervent skond l-Artikolu 104(9) KE għal evalwazzjoni li ma jkollhiex aktar il-kontenut tar-rakkomandazzjonijiet adottati skond l-Artikolu 104(7) KE bħala parametru ta' riferiment iżda l-impenji unilaterali ta' l-Istat Membru kkonċernat.

49     Fl-aħħarnett, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, billi pproċeda b'dan il-mod, il-Kunsill, fil-fatt, emenda wkoll ir-rakkomandazzjonijiet adottati preċedentement skond l-Artikolu 104(7) KE, b'mod partikolari f'dak li, fl-istess konklużjonijiet, huwa jirreferi għat-terminu sabiex l-iżbilanċ pubbliku jerġa' lura għal taħt il-limitu tat-3% tal-GDP u, konsegwentement, biddel l-entità tal-miżuri mitluba sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni.

50     Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-konklużjonijiet tal-Kunsill huma ntiżi li joħolqu effetti ġuridiċi, ta' l-anqas safejn jissospendu l-proċeduri ta' żbilanċ eċċessiv fis-seħħ u li jemendaw fil-fatt ir-rakkomandazzjonijiet preċedentement adottati mill-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) KE.

51     Minn dan jirriżulta li r-rikors, f'dak li huwa dirett kontra dawn il-konklużjonijiet, huwa ammissibbli.

 Dwar il-mertu

52     Il-Kummissjoni qiegħda titlob l-annullament tal-konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fir-rigward ta' kull wieħed mill-Istati Membri kkonċernati safejn huma jimplikaw is-sospensjoni tal-proċedura dwar l-iżbilanċi eċċessivi, l-użu ta' strument li mhuwiex previst mit-Trattat u l-emenda tar-rakkomandazzjonijiet deċiżi mill-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) KE.

 Sottomissjonijiet tal-Partijiet

53     Il-Kummissjoni ssostni li, wara li ngħata r-rakkomandazzjonijiet għal deċiżjonijiet skond l-Artikolu 104(8) u (9) KE, il-Kunsill adotta «konklużjonijiet», att li mhuwiex previst mit-Trattat u, b'mod partikolari, mill-Artikolu 104 KE. Skond il-Kummissjoni, il-Kunsill ma setax jadotta strumenti għajr dawk li huma previsti minn din l-aħħar disposizzjoni, jiġifieri deċiżjonijiet, li huma atti vinkolanti. Il-Kummissjoni żiedet li l-Kunsill ma setax jadotta dawn il-konklużjonijiet għaliex kienu jinkludu elementi ta' deċiżjoni bħas-sospensjoni tal-proċeduri kif ukoll rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri kkonċernati.

54     Safejn jissospendu l-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv, il-konklużjonijiet tal-Kunsill jiksru d-dispożizzjonijiet ta' l-ewwel subinċiż ta' Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1467/97, li jipprovdi li din il-proċedura għandha tiġi sospiża kemm-il darba l-Istat Membru kkonċernat jadotta miżuri b'risposta għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, adottati skond l-Artikolu 104(7) KE. Fil-fatt, mid-deċiżjonijiet ta' sospensjoni ma jirriżultax li din il-kundizzjoni ġiet sodisfatta. Għall-kuntrarju, mill-konklużjonijiet tal-Kunsill jirriżulta li huwa kien jaqbel ma' l-analiżi tal-Kummissjoni li jwassal neċessarjament għall-konklużjoni li din il-kundizzjoni ma ġietx sodisfatta. Barra minn dan, id-deċiżjonijiet ta' sospensjoni ma ġewx adottati skond ir-regoli ta' votazzjoni previsti mill-Artikolu 104(13) KE, peress li ttieħdu mill-Istati Membri fiż-żona ta' l-Euro, bl-eċċezzjoni ta' l-Istat Membru kkonċernat u mhux mill-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni ta' l-Istat Membru kkonċernat. Safejn sospensjoni eventwali setgħet legalment isseħħ biss fl-istadju ta' l-Artikolu 104(7) KE, minħabba paralleliżmu fil-forom, ir-regoli ta' votazzjoni kellhom ikunu dawk applikabbli f'dak l-istadju.

55     Fil-każ tad-deċiżjonijiet ta' emenda tar-rakkomandazzjonijiet, magħmula mill-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) KE, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fondatezza mill-lat ekonomiku tagħhom, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna l-proroga tat-terminu li fih l-iżbilanċi eċċessivi għandhom jiġu eliminati. Madanakollu, hija tikkunsidra li l-Kunsill ma setgħax jadotta rakkomandazzjonjiet li jmorru kontra dawk adottati preċedentement mingħajr ma jirrispetta l-proċeduri previsti mit-Trattat.

56     Il-Kunsill ifakkar l-osservazzjonijiet li għamel fil-kuntest ta' l-eċċezzjoni tiegħu dwar l-inammissibbiltà rigward in-natura politika u mhux ġuridika tal-konklużjonjiet tiegħu u, b'mod partikolari, l-osservazzjoni li s-sospensjoni tal-proċeduri fattwali wasslet awtomatikament għan-nuqqas ta' l-adozzjoni ta' l-atti rakkomandati mill-Kummissjoni.

57     Skond il-Kunsill, l-annullament eventwali tal-konklużjonijiet tiegħu ma tbiddilx is-sitwazzjoni ta' fatt jew ta' dritt fil-każ tal-proċeduri attwali ta' żbilanċ eċċessiv. Dan kien ġie kkonfermat mill-konstatazzjoni, li ġiet aċċettata mill-Kummissjoni, li dawn il-proċeduri mhumiex magħluqa u li l-Kummissjoni tibqa' libera li, f'kull ħin, fl-eżerċizzju tad-dritt tagħha ta' inizjattiva, tippreżenta lill-Kunsill rakkomandazzjonijiet skond l-Artikolu 104 (7), (8) jew (9) KE in funzjoni ta' l-analiżi li hija twettaq fuq is-sitwazzjoni f'dak iż-żmien.

58     Barra minn dan, il-Kunsill isostni li r-rakkomandazzjonijiet li huwa adotta fil-bidu abbażi ta' l-Artikolu 104(7) KE kienu saru, almenu parzjalment, obsoleti. Huma kienu ġew issuperati mill-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika. Fatturi differenti, b'mod partikolari evoluzzjoni anqas favorevoli fis-sitwazzjoni ekonomika mill-previżjonijiet disponibbli meta r-rakkomandazzjonijiet ġew adottati, kienu wasslu għall-impossibbiltà għall-Istati Membri kkonċernati biex jirrimedjaw l-iżbilanċi tagħhom fit-termini stabbiliti.

59     Soluzzjoni alternattiva setgħet kienet l-adozzjoni mill-Kunsill ta' rakkomandazzjonijiet ġodda skond l-Artikolu 104(7) KE. Madankollu, soluzzjoni bħal din kienet tkun impossibbli għaliex il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li ma tippreżentax rakkomandazzjonijiet ġodda bbażati fuq din l-aħħar dispożizzjoni lill-Kunsill.

60     Għaldaqstant, il-Kunsill ħass li kien utli li jadotta l-konklużjonijiet ikkontestati li, filwaqt li ħadu in kunsiderazzjoni l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika kif ukoll il-miżuri u l-impenji li ttieħdu minn kull wieħed miż-żewġ Stati Membri kkonċernati, kienu jindikaw lil dawn l-Istati Membri dak li, fl-opinjoni tal-Kunsill, huma kellhom jagħmlu sabiex jirranġaw is-sitwazzjoni tagħhom ta' żbilanċ eċċessiv.

61     Din is soluzzjoni kienet tippreżenta numru ta' vantaġġi:

–       kienet tiċċara l-fatt li l-proċeduri ta' żbilanċ eċċessiv ma kinux ġew magħluqa, imma kienu sempliċement sospiżi wara n-nuqqas ta' adozzjoni tad-deċiżjonijiet rakkomandati mill-Kummissjoni;

–       kienet tinnota l-miżuri li r-Repubblika ta' Franza u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienu impenjaw rwieħhom li jwettqu u l-għanijiet li kienu impenjaw rwieħhom li jilħqu;

–       kienet terġa' tafferma l-volontà tal-Kunsill li, fil-futur, jaġixxi fil-kuntest ta' l-Artikolu 104(9) KE fil-każ li l-Istati Membri kkonċernati ma jirrispettawx l-impenji tagħhom;

–       kienet tiċċara r-rabta tal-Kunsill mal-prinċipji u r-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Żvilupp.

62     Din is-soluzzjoni kienet tevita li, wara n-nuqqas ta' l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet rakkomandati mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 104(8) u (9) KE, is-silenzju minn naħa tal-Kunsill ma kienx idaħħal in kwistjoni l-kredibbiltà tal-Patt ta' Stabbiltà u Żvilupp u ma kienx iħalli kemm l-operaturi ekonomiċi kif ukoll is-swieq tal-kambju f'sitwazzjoni ta' inċertezza b'konsegwenzi serji ħafna.

63     Il-Kunsill jikkunsidra li mhemm ebda dispożizzjoni fit-Trattat li tipprojbixxi milli tipproċedi b'dan il-mod.

64     Huwa jżid li r-rakkomandazzjonijiet adottati, skond l-Artikolu 104(7) KE, fil-21 ta' Jannar 2003 fir-konfront tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u fit-3 ta' Ġunju 2003 fir-rigward tar-Repubblika ta' Franza, għadhom fis-seħħ.

 Evalwazzjoni tal-Qorti

65     Jeħtieġ li jiġi osservat li, sostanzjalment, minkejja t-termini tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni mhijiex qed titlob l-annullament tal-konklużjonijiet tal-Kunsill safejn dawn jinkludu deċiżjoni tiġi sospiża proċedura ta' żbilanċ eċċessiv u deċiżjoni li temenda r-rakkomandazzjonijiet li kienu saru qabel lill-Istat Membru kkonċernat.

66     It-talba formali tagħha għall-annullament ta' l-imsemmija konklużjonijiet, safejn huma jinkludu wkoll l-użu ta' strument li mhuwiex previst mit-Trattat ma tikkostitwixxix, fi-verità talba awtonoma iżda pjuttost argumentazzjoni formulata b'mod li ssostni t-talba għall-annullament mfakkra fil-paragrafu preċedenti ta' din is-sentenza.

67     Hemm lok li din l-aħħar talba tiġi eżaminata, wara li, b'mod preliminari, tiġi ċċarata l-istruttura tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv.

 L-Istruttura tal-Proċedura ta' Żbilanċ Eċċessiv

68     Skond l-Artikolu 4(1) u (2) KE, l-azzjoni ta' l-Istati Membri u tal-Komunità għandha tinkludi l-adozzjoni ta’ politika ekonomika li tkun ibbażata fuq il-koordinazzjoni mill-qrib tal-politika ekonomika ta’ l-Istati Membri u parallelment it-twaqqif ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Skond l-Artikolu 4(3), din l-azzjoni timplika li l-prinċipji gwida li ġejjin jiġu mħarsa: prezzijiet stabbli, finanzi pubbliċi u kundizzjonijiet monetarji sodi u bilanċ tal-pagamenti stabbli

69     L-Artikolu 104(1) KE jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jevitaw żbilanċi eċċessivi tal-Gvern.

70     L-għan tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv prevista fl-Artikolu 104 (2) sa (13) KE hija li tħeġġeġ u, jekk meħtieġ, iġġiegħel l-Istat Membru kkonċernat li jnaqqas żbilanċ li eventwalment jiġi kkonstatat.

71     Ir-regoli magħmula mill-Artikolu 104 KE huma preċiżati u msaħħa mill-Patt ta' Stabbiltà u Żvilupp, li ġie adottat, b'mod partikolari, permezz tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 1997 u tar-Regolament Nru 1467/97.

72     Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta' Ġunju 1997 tenfasizza li l-assigurazzjoni tad-dixxiplina fil-baġit matul it-tielet stadju ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, hija ta' importanza essenzjali. Fid-dawl ta' din il-konstatazzjoni, hija tistieden solennement lill-Kunsill sabiex jintrabat li jdaħħal fis-seħħ, b'mod rigoruż u rapidu, l-elementi kollha tal-Patt ta' Stabbiltà u Żvilupp li jaqgħu fil-kompetenza tiegħu kif ukoll sabiex jikkunsidra t-termini previsti għall-applikazzjoni tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv bħala termini massimi.

73     It-tmien kunsiderazzjoni tar-Regolament Nru 1467/97 tgħid li, matul it-tielet stadju ta' l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, id-dixxiplina fil-baġit hija neċessarja sabiex tissalvagwardja l-istabbiltà tal-prezzijiet. Is-sittax-il kunsiderazzjoni ta' l-istess Regolament jgħid li d-dehra ta' żbilanċ eċċessiv matul dan it-tielet stadju huwa fatt gravi li jeżiġi azzjoni urġenti minn dawk kollha involuti.

74     F'dan il-kuntest, li huwa karatterizzat mill-importanza li l-awturi tat-Trattat jagħtu lir-rispett tad-dixxiplina fl-estimi u mill-iskop tar-regoli previsti għad-dħul fis-seħħ ta' din is-sistema, jeħtieġ li l-interpretazzjoni li tingħata lill-imsemmija regoli tkun waħda li tiggarantixxi l-effett utli tagħhom.

75     Jeħtieġ li jiġi nnutat li, skond l-Artikolu 104(10) KE, id-dritt tal-Kummissjoni u ta' l-Istati Membri, skond l-Artikoli 226 KE u 227 KE, li jressqu rikors kontra Stat Membru għal nuqqas li jitwettaq obbligu, ma jistax jiġi eżerċitat fil-kuntest ta' l-Artikolu 104 (1) sa (9).

76     Hekk kif tenfasizza l-Kummissjoni, huwa essenzjalment il-Kunsill li għandu r-responsabbiltà li jassigura li l-Istati membri jirrispettaw id-dixxiplina fil-baġit.

77     Il-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv hija proċedura bi stadji li tista' twassal għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet skond l-Artikolu 104(11) KE.

78     L-Artikolu 104 KE jindika l-kundizzjonijiet għall-iżvolġiment ta' kull stadju kif ukoll ir-rwoli u l-poteri rispettivi ta' l-istituzzjonijiet involuti. Ir-Regolament Nru 1467/97, li ġie adottat unanimament abbażi tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 104(14) KE, jistabbilixxi qafas riġidu ta' termini li għandhom jiġu rispettati fl-iżvolġiment tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv sabiex, skond it-tnax-il kunsiderazzjoni ta' dan l-istess Regolament, jiggarantixxi l-implimentazzjoni effettiva u rapida ta' din il-proċedura. L-Artikolu 9 tar-Regolament jipprovdi għas-sospensjoni tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv meta l-Istat Membru kkonċernat jieħu l-miżuri b'risposta għar-rakkomandazzjonijiet jew l-avviż magħmula fl-applikazzjoni tal-paragrafi 7 u 9, rispettivament, ta' l-Artikolu 104 KE. Fl-Artikolu 10, ir-Regolament jipprovdi wkoll għal moniteraġġ tal-miżuri meħuda mill-Istat Membru kkonċernat.

79     Għal kull wieħed mill-istadji tal-proċedura li jimplika r-referenza lill-Kunsill jikkorrispondi att li l-Kummissjoni tirrakkomanda l-adozzjoni tiegħu mill-istess Kunsill. Kull stadju jimplika li l-Kunsill jeżamina jekk l-Istat Membru irrispettax l-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 104 KE u, b'mod partikolari, dawk li jirriżultaw mir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet preċedentement adottati mill-Kunsill.

80     Hekk kif tammetti l-Kummissjoni, il-Kunsill għandu poter ta' evalwazzjoni. Meta jirċievi rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni – flok proposti skond l-Artikolu 250 KE -, huwa jista', b'mod partikolari abbażi ta' evalwazzjoni differenti tad-data ekonomika rilevanti, tal-miżuri li għandhom jittieħdu u tat-time-table li l-Istat Membru kkonċernat għandu jsegwi, jemenda l-att rakkomandat mill-Kummissjoni bil-maġġoranza meħtieġa għall-adozzjoni ta' dan il-att.

81     Madankollu, mill-kliem użat u mill-istruttura tas-sistema stabbilita mit-Trattat, jirriżulta li l-Kunsill ma jistax jeżenta lilu nnifsu mir-regoli ta' l-Artikolu 104 KE u minn dawk ir-regoli li huwa impona fuqu nnifsu fir-Regolament Nru 1467/97. Għaldaqstant, huwa ma jistax juża proċedura alternattiva sabiex, per eżempju, jadotta att li ma jkunx dik id-deċiżjoni prevista għal stadju determinat, jew li jiġi adottat f'kundizzjonijiet differenti minn dawk rikjesti mid-dispożizzjonijiet applikabbli.

82     Fid-dawl ta' din il-konstatazzjoni, hemm lok li wieħed jeżamina jekk il-konklużjonijiet tal-Kunsill għandhomx jiġu annullati għaliex jinkludu deċiżjoni ta' sospensjoni tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv u deċiżjoni li temenda r-rakkomandazzjonijiet adottati qabel mill-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) KE.

 Sospensjoni tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv

83     Is-sbatax-il kunsiderazzjoni tar-Regolament Nru 1467/97 jgħid li l-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv għandha tiġi sospiża jekk l-Istat Membru kkonċernat jieħu l-miżuri adatti b'risposta għal rakkomandazzjoni skond l-Artikolu 104(7) KE jew ta' avviż maħruġ taħt l-Artikolu 104(9) KE sabiex tipprovdi inċentiv għall-Istati Membri biex jieħdu tali miżuri.

84     L-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1467/97 jipprovdi li l-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv tiġi sospiża meta l-Istat Membru jieħu l-miżuri b'risposta għal rakkomandazzjoni magħmula jew avviż mogħti mill-Kunsill.

85     La l-Artikolu 104 KE u l-anqas ir-Regolament Nru 1467/97 ma jipprovdu għall-possibbiltà li jkun hemm deċiżjoni għal sospensjoni f'każijiet oħra.

86     Hekk kif isostni l-Kunsill, tista' tirriżulta sospensjoni de facto fiċ-ċirkustanza meta l-Kunsill, wara li ssirlu rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, ma jasalx li jadotta deċiżjoni, għaliex ma jkunx hemm il-maġġoranza rikjesta.

87     Madanakollu, fil-każ preżenti, il-konklużjonijiet ikkontestati jiddikjaraw espressament li l-Kunsill "jiddeċiedi li [...] iżomm il-proċedura dwar l-iżbilanċi eċċessivi fil-konfront ta' [l-Istat Membru kkonċernat] sospira" u li huwa "jinsab lest li jieħu deċiżjoni skond l-Artikolu 104(9), abbażi tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni jekk [l-Istat Membru kkonċernat] ma jimxix skond l-impenji msemmija f'dawn il-konklużjonijiet [...]" [Traduzzjoni mhux uffiċjali].

88     B'dawn id-dikjarazzjonijiet, il-Kunsill ma jillimitax ruħu għall-konstatazzjoni ta' sospensjoni de facto tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv li tirriżulta mill-impossibbiltà li jieħu deċiżjoni rakkomandata mill-Kummissjoni, impossibbiltà li tista' tiġi rimedjata f'kull ħin. Safejn l-konklużjonijiet tal-Kunsill jissottomettu s-sospensjoni għar-rispett ta' l-Istat Membru kkonċernat ta' l-impenji tiegħu, huma jillimitaw il-poter tal-Kunsill li jipproċedi għal avviż skond l-Artikolu 104(9) KE abbażi tar-rakkomandazzjoni preċedenti tal-Kummissjoni, kemm-il darba dawn l-impenji jkunu kkunsidrati bħala rispettati. B'dan, u barra minn hekk, ir-rakkomandazzjonijiet jipprovdu li l-evalwazzjoni tal-Kunsill, għall-finijiet ta' deċiżjoni li biha jingħata avviż, jiġifieri għall-finijiet tal-prosegwiment tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv, ma jibqalhiex, bħala parametru ta' riferiment għall-Istat ikkonċernat, il-kontenut tar-rakkomandazzjonijiet li kienu ġew indirizzati skond l-Artikolu 104(7) KE iżda l-impenji unilaterali meħuda mill-istess Stat.

89     Deċiżjoni ta' sospensjoni bħal din tikser id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 104 KE u l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1467/97.

90     Jeħtieġ li jintqal ukoll illi, billi tammetti li tista' tirriżulta sospensjoni de facto mis-sempliċi ċirkostanza li l-Kunsill ma rnexxilux jadotta deċiżjoni rakkomandata mill-Kummissjoni, il-Qorti mhijiex qed tadotta pożizzjoni dwar il-kwistjoni li tiddetermina jekk, fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 104(9) KE, il-Kunsill jistax jinżamm marbut li jadotta deċiżjoni meta Stat Membru jippersisti li ma jimplimentax ir-rakkomandazzjonijiet ta' l-istess Kunsill skond l-Artikolu 104(7) KE, kwistjoni li l-Qorti mhijiex qed tiġi mitluba li twieġeb fil-kuntest ta' din il-proċedura.

 Emenda lir-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) KE

91     Skond l-Artikolu 104(13) KE, rakkomandazzjonijiet li jsiru skond l-Artikolu 104(7) KE jistgħu jiġu adottati biss fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. Hekk kif ġie mfakkar, il-Kunsill għandu l-poter li jadotta deċiżjoni differenti minn dik rakkomandata mill-Kummissjoni.

92     Madankollu, meta l-Kunsill ikun adotta rakkomandazzjonijiet skond l-Artikolu 104(7) KE, huwa ma jistax jerġa' jemendahom mingħajr rakkomandazzjoni ġdida tal-Kummissjoni li, kif jirrikonoxxi l-Kunsill, għandha dritt ta' inizjattiva fil-kuntest tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv.

93     Fil-każ preżenti, il-Kunsill adotta rakkomandazzjonijiet bħal dawn fil-konfront tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, fil-21 ta' Jannar 2003 u, fil-konfront tar-Repubblika ta' Franza, fit-3 ta' Ġunju 2003.

94     Il-konklużjonijiet tal-Kunsill ma ġewx preċeduti minn rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni intiżi għall-adozzjoni, abbażi ta' l-Artikolu 104(7) KE, ta' rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill differenti minn dawk adottati qabel.

95     Barra minn dan, ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu f'dawn il-konklużjonijet tal-Kunsill ma ġewx adottati skond il-proċedura ta' votazzjoni prevista għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill taħt l-Artikolu 104(7) KE, iżda skond il-proċedura prevista għal deċiżjoni taħt l-Artikolu 104(9) KE, jiġifieri permezz tal-partiċipazzjoni fil-votazzjoni ta' l-Istati Membri taż-Żona Euro biss.

96     Id-deċiżjoni dwar l-adozzjoni ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill, kontra d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 104(7) u (13) KE hija għaldaqstant vizzjata minħabba din l-illegalità.

97     Konsegwentement, il-konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fil-konfront tar-Repubblika ta' Franza u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja rispettivament għandhom jiġu annullati safejn jinkludu deċiżjoni ta' sospensjoni tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv u deċiżjoni li temenda r-rakkomandazzjonijiet adottati preċedentement mill-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) KE.

 Fuq l-ispejjeż

98     Skond l-Artikolu 69(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tista' tqassam l-ispejjeż jew tista' tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu rispettivament telliefa fuq kap wieħed jew aktar jew għal raġunijiet eċċezzjonali. Peress li l-partijiet sfaw telliefa parzjalment fuq il-kapi rispettivi tagħhom, huma għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI TAL-GUSTIZZJA (Seduta Plenarja)

taqta' u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej huwa inammissibbli f'dak li huwa ntiż sabiex jannulla n-nuqqas ta' adozzjoni mill-Kunsill ta' strumenti formali li jinsabu fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni skond l-Artikolu 104 (8) u (9), KE.

2)      Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2003, adottati fil-konfront tar-Repubblika ta' Franza u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja rispettivament għandhom jiġu annullati safejn jinkludu deċiżjoni ta' sospensjoni tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv u deċiżjoni li temenda r-rakkomandazzjonijiet adottati preċedentement mill-Kunsill skond l-Artikolu 104(7) KE.

3)      Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Skouris

Jann

Timmermans

Rosas

Gulmann

Puissochet

Cunha Rodrigues

Schintgen

Macken

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu 13 ta' Lulju 2004.

Reġistratur

 

il-President

R. Grass

 

V. Skouris


* Lingwa tal-kawża:il-Franċiż.