SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

9 ta' Frar 2006 (*)

"Ftehim ta' Assoċjazzjoni KEE-Ungerija – Obbligu ta' għajnuna reċiproka ta' l-awtoritajiet doganali – Ġbir sussegwenti tad-dazji fuq l-importazzjoni wara r-revoka fl-Istat ta' esportazzjoni taċ-ċertifikati ta' moviment tal-prodotti importati"

Fil-kawżi magħquda C-23/04 sa C-25/04,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mid-Dioikitiko Protodikeio Athinon (Il-Greċja), permezz ta' deċiżjonijiet tat-30 ta' Settembru 2003, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta' Jannar 2004, fil-proċeduri

Sfakianakis AEVE

vs

Elliniko Dimosio,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J. Makarczyk, R. Silva de Lapuerta (Relatur), P. Kūris u G. Arestis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta' Settembru 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Sfakianakis AEVE, minn S. Maratos u G. Katrinakis, dikigori,

–       għall-Gvern Grieg, minn M. Apessos, I. Bakopoulos u M. Tassopoulou, u sussegwentement minn dawn l-aħħar tnejn u S. Spyropoulos, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Ungeriż, minn A. Müller u T. Számadó, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn X. Lewis u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-20 ta' Ottubru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika ta' l-Ungerija, min-naħa l-oħra, konkluż u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tat-13 ta' Diċembru 1993 (ĠU L 347, p. 1, iktar 'il quddiem il-"Ftehim ta' Assoċjazzjoni"), u b'mod aktar partikolari ta' l-Artikoli 31(2) u 32 tal-Protokoll Nru 4 ta' dan il-Ftehim, kif emendat permezz tad-Deċiżjoni Nru 3/96 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika ta' l-Ungerija, min-naħa l-oħra, tat-28 ta' Diċembru 1996 (ĠU 1997, L 92, p. 1, iktar 'il quddiem il-"Protokoll"), kif ukoll ta' l-Artikolu 220(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1, iktar 'il quddiem il-"Kodiċi Doganali tal-Komunità").

2       Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta' kawża bejn Sfakianakis AEVE (iktar 'il quddiem "Sfakianakis") u l-Elliniko Dimosio (l-Istat Elleniku), dwar tassazzjoni addizzjonali imposta wara li sar kontroll sussegwenti ta' l-oriġini tal-vetturi importati fil-Greċja mill-imsemmija kumpannija.

 Il-kuntest ġuridiku Komunitarju

3       L-Artikolu 16(1) tal-Protokoll jgħid:

"Il-prodotti li joriġinaw mill-Komunità jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-ftehim għall-importazzjoni fl-Ungerija, bl-istess mod bħall-prodotti li joriġinaw mill-Ungerija għall-importazzjoni fil-Komunità, meta jiġi ppreżentat:

a) jew ċertifikat ta' moviment tal-merkanzija EUR. 1 […];

[…]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4       Skond l-Artikolu 17 ta' dan il-Protokoll:

"1. Iċ-ċertifikat ta' moviment tal-merkanzija EUR. 1 jinħareġ mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta' esportazzjoni fuq talba bil-miktub magħmula mill-esportatur jew, taħt ir-responsabbiltà tiegħu, mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu.

[…]

5. L-awtoritajiet doganali li joħorġu ċ-ċertifikati EUR. 1 għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jivverifikaw in-natura oriġinarja tal-prodotti u jekk il-kundizzjonijiet l-oħra kollha previsti minn dan il-Protokoll humiex sodisfatti. Għal dan il-għan, huma awtorizzati sabiex jitolbu kull dokument ta' appoġġ u sabiex jipproċedu għal kull spezzjoni tal-kontijiet ta' l-esportatur jew għal kull kontroll ieħor li jikkunsidraw utli.

[…]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5       L-Artikolu 31(2) ta' l-istess Protokoll jipprovdi:

"Sabiex tiġi assigurata applikazzjoni korretta ta' dan il-Protokoll, il-Kumunità u l-Ungerija għandhom jgħinu lil xulxin, permezz ta' l-amministrazzjonijiet doganali rispettivi tagħhom, fil-kontroll ta' l-awtentiċità taċ-ċertifikati EUR. 1 jew tad-dikjarazzjonijiet tal-fatturi u ta' l-eżattezza ta' l-informazzjoni mogħtija f'dawn id-dokumenti." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6       Barra minn hekk, l-Artikolu 32 tal-Protokoll jipprovdi:

"1.      Il-kontroll sussegwenti tal-provi ta' l-oriġini jsir permezz ta' sondaġġ jew kull darba li l-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' importazzjoni jkollhom dubji fondati għal dak li jikkonċerna l-awtentiċità ta' dawn id-dokumenti, in-natura oriġinarja tal-prodotti kkonċernati jew l-osservanza tal-kundizzjonijiet l-oħra previsti minn dan il-Protokoll.

[…]

3.       Il-kontroll isir mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta' esportazzjoni. Għal dan il-għan, huma jkollhom is-setgħa li jeżiġu l-provi kollha u li jagħmlu l-kontrolli kollha tal-kontijiet ta' l-esportatur jew kull kontroll ieħor li jikkunsidraw utli.

4.      Jekk l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż ta' importazzjoni jiddeċiedu li jisspospendu l-għoti tat-trattament preferenzjali lill-prodott ikkonċernat sakemm ikollhom ir-riżultati tal-kontroll, huma għandhom joffru lill-importatur li l-prodotti jiġu rilaxxati, taħt il-miżuri kawtelatorji li jitqiesu neċessarji.

5.      L-awtoritajiet doganali li jitolbu l-kontroll għandhom jiġu informati bir-riżultati tagħhom fl-iqsar żmien. Dawn ir-riżultati għandhom jindikaw b'mod ċar jekk id-dokumenti humiex awtentiċi u jekk il-prodotti kkonċernati jistgħux jiġu kkunsidrati bħala prodotti li joriġinaw mill-Komunità, mill-Ungerija jew minn wieħed mill-pajjiżi l-oħra msemmija fl-Artikolu 4, u jissodisfawx il-kundizzjonijiet l-oħra previsti minn dan il-Protokoll.

6.      F'każ ta' dubji fondati u fin-nuqqas ta' risposta wara l-iskadenza ta' terminu ta' għaxar xhur wara d-data tat-talba għal kontroll jew jekk ir-risposta ma tinkludix informazzjoni biżżejjed sabiex tiddetermina l-awtentiċità tad-dokument in kwistjoni jew l-oriġini reali tal-prodotti, l-awtoritajiet doganali li jitolbu l-kontroll għandhom, ħlief f'każijiet eċċezzjonali, jirrifjutaw il-benefiċċju tal-preferenzi." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7       Skond l-Artikolu 33 ta' dan il-Protokoll:

"Meta xi tilwima li tinqala' fir-rigward tal-kontrolli msemmija fl-Artikolu 32 ma tistax tiġi riżolta bejn l-awtoritajiet doganali li jkunu talbu l-kontroll u l-awtoritajiet doganali responsabbli għat-twettiq tiegħu jew tqajjem punt ta' interpretazzjoni ta' dan il-Protokoll, din għandha titressaq quddiem il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni.

[…]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8       L-Artikolu 220(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità huwa mitkub kif ġej:

"Ħlief fil-każijiet li ssir riferenza għalihom fit-tieni u t-tielet subparagrafi ta' l-Artikolu 217(1), daħliet sussegwenti fil-kontijiet m'għandhomx isiru fejn:

[…]

b)      l-ammont ta' dazju legalment dovut ma jkunx iddaħħal fil-kontijiet bħala riżultat ta' żball min-naħa ta' l-awtoritajiet doganali li ma setgħ[et]x raġonevolment [t]induna bih il-persuna responsabbli għall-ħlas, waqt li din ta' l-aħħar tkun aġixxiet bil-bona fidi u ħarset id-dispożizzjonijiet kollha stipulati mill-leġiżlazzjoni fis-seħħ fir-rigward tad-dikjarazzjoni doganali;

[…]"

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9       Fl-1995, Sfakianakis, rappreżentanta esklużiva għall-Greċja tal-produttur ta' karozzi Ġappuniżi Suzuki Motor Corporation, importat ċertu numru ta' vetturi tal-marka Suzuki mill-Ungerija. Dawn l-importazzjonijiet saru fil-kuntest tas-sistema doganali preferenzjali, stabbilita permezz tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (iktar 'il quddiem is-"sistema preferenzjali"), mal-preżentazzjoni ta' ċertifikati ta' moviment EUR.1 li jikkonfermaw l-oriġini Ungeriża tal-prodotti. F'dan il-kuntest, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali bbenefikat mid-dispożizzjonijiet ta' l-imsemmija sistema.

10     Matul is-snin 1996 sa 1998, fuq talba ta' l-Unità għall-Koordinament tal-Prevenzjoni tal-Frodi (UCLAF) tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, l-awtoritajiet kompetenti Ungeriżi wettqu kontroll sussegwenti fuq l-impriża ta' produzzjoni Ungeriża Magyar Suzuki Corporation, sabiex jivverifikaw l-oriġini u l-valur tal-vetturi ta' din il-kumpannija li kienu ġew importati fil-Komunità mill-31 ta' Diċembru 1994 sal-31 ta' Diċembru 1997, bl-eżenzjoni mid-dazji doganali u koperti minn ċertifikati ta' moviment EUR.1 Ungeriżi. Fil-kuntest ta' dan il-kontroll, l-UCLAF talbet lill-awtoritajiet kompetenti Griegi li jipprovdulha ċ-ċertifikati ta' oriġini kollha, kif ukoll il-fatturi ta' importazzjoni korrispondenti, li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta' karrozzi tal-marka Suzuki mill-Ungerija matul is-snin in kwistjoni.

11     Sussegwentement għal dan il-kontroll, li twettaq bil-kollaborazzjoni ta' delegazzjoni Komunitarja, l-awtoritajiet kompetenti Ungeriżi kkomunikaw dan lir-riżultati ta' dan il-kontroll lill-awtoritajiet doganali Griegi b'ittra datata 3 ta' Novembru 1998. Mehmuża ma' din l-ittra kien hemm lista tad-dokumenti kollha li l-awtoritajiet Griegi kienu bagħtu għall-kontroll sussegwenti. Din il-lista kienet komposta minn tliet partijiet. L-ewwel parti kienet tinkludi l-elementi ta' identifikazzjoni tal-vetturi kollha li l-oriġini Ungeriża tagħhom kienet ġiet stabbilita kemm mill-produttur kif ukoll mill-awtoritajiet Ungeriżi ta' kontroll; it-tieni parti kienet telenka l-vetturi li l-awtoritajiet kienu stabbilixxew li kienu ta' oriġini barranija, ħaġa li l-produttur kien irrikonoxxa formalment; it-tielet parti kienet tikkonċerna l-vetturi li l-istatus tagħhom kien is-suġġett ta' proċeduri ġudizzjarji. Fir-rigward tat-tielet parti, li fiha jinsabu l-vetturi li l-kwistjoni tat-tassazzjoni addizzjonali tagħhom hija pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, l-awtoritajiet Ungeriżi ta' kontroll iddikjaraw li huma ma setgħux jipprovdu informazzjoni relattiva għall-eżitu tal-proċeduri ġudizzjarji mressqa, sakemm dawn jintemmu; dawn l-istess awtoritajiet talbu lill-awtoritajiet kompetenti Griegi li jistennew qabel ma jipproċedu għall-ġbir tad-dazji doganali fil-kawża prinċipali. Fl-aħħar nett, huma informaw lill-awtoritajiet Griegi li ċ-ċertifikati ta' moviment EUR.1 li kienu jikkonċernaw esklużivament il-vetturi ta' oriġini mhux nazzjonali kienu diġà ġew revokati.

12     Barra minn hekk, l-awtoritajiet Griegi rċevew mill-UCLAF il-listi li jiġbru l-importazzjonijiet kollha ta' karrozzi fil-Greċja mill-Ungerija, u li fihom kienu indikati l-importazzjonijiet li kienu bbenefikaw indebitament mis-sistema preferenzjali.

13     Fil-każ fejn, skond il-listi kkomunikati mill-UCLAF, il-vetturi in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jibbenefikaw mis-sistema preferenzjali, l-awtoritajiet Griegi pproċedew, permezz ta' l-att in kwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, għall-impożizzjoni addizzjonali tad-dazji doganali fuq l-importazzjoni, għall-applikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud li tikkorrispondi għal dawn id-dazji doganali, kif ukoll għaż-żieda prevista fl-Artikolu 33 tal-Kodiċi Doganali Grieg.

14     Madankollu, fuq talba tal-produttur ta' l-imsemmija vetturi, il-qrati Ungeriżi annullaw b'mod definittiv id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet doganali Ungeriżi meta sar il-kontroll sussegwenti ta' l-oriġini tal-vetturi esportati u ordnaw lil dawn l-istess awtoritajiet li jerġgħu jwettqu l-proċedura ta' verifika taċ-ċertifikati EUR.1, skond id-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija.

15     B'ittra tas-26 ta' Lulju 1999, l-awtoritajiet kompetenti Ungeriżi informaw lid-Direttorat Ġenerali tad-Dwana Griega b'dan it-tibdil u bagħtulu anness li jelenka l-vetturi li għalihom il-ħruġ taċ-ċertifikati ta' moviment EUR.1 kien ġie finalment iddikjarat illegali, kif ukoll anness ieħor li jelenka l-vetturi li għalihom iċ-ċertifikati in kwistjoni kienu nħarġu legalment, u li fosthom kien hemm il-vetturi tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Wara li rċieva din l-informazzjoni, il-konvenut fil-kawża prinċipali madankollu ma ħa ebda deċiżjoni oħra.

16     Sfakianakis ressqet tliet proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju fejn talbet l-annullament tad-deċiżjoni ta' tassazzjoni addizzjonali imposta mill-awtoritajiet Griegi. Kien fil-kuntest ta' dawn il-proċeduri li d-Dioikitiko Protodikeio Athinon (Qorti Amministrattiva tal-Prim'Istanza ta' Ateni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"1)      Meta jitqies li:

–       l-awtoritajiet Ungeriżi kienu informaw uffiċjalment lill-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' importazzjoni bir-riżultati tal-kontroll inizjali li kien stabbilixxa n-natura żbaljata ta' ċerti ċertifikati ta' esportazzjoni, filwaqt li enfasizzaw madankollu li l-kwistjoni tal-validità tal-kontroll kienet is-suġġett ta' proċeduri pendenti quddiem il-qrati Ungeriżi,

–       l-awtoritajiet Ungeriżi bagħtu uffiċjalment lill-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' importazzjoni r-riżultati ta' dawn il-proċeduri, jiġifieri d-deċiżjonijiet tal-qrati msemmija iktar 'il fuq, li finalment ikkonfermaw l-eżattezza ta' wħud miċ-ċertifikati,

l-obbligu ta' għajnuna reċiproka impost fuq l-awtoritajiet doganali ta' l-Istat Membru ta' importazzjoni bl-Artikolu 31(2) tal-Protokoll […] jitlob li dawn l-awtoritajiet doganali għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet tal-qrati Ungeriżi rigward il-validità tal-kontrolli ta' l-eżattezza taċ-ċertifikat ta' esportazzjoni EUR.1 imwettqa mill-awtoritajiet ta' l-Istat ta' esportazzjoni?

2)      L-Artikolu 32 tal-Protokoll […] ifisser li l-awtoritajiet doganali ta' l-Istat Membru ta' importazzjoni għandhom l-obbligu li jieħdu in kunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet tal-qrati ta' l-Istat ta' esportazzjoni, li jannullaw ir-riżultati ta' kontrolli ordnati u mwettqa mill-awtoritajiet Ungeriżi wara l-esportazzjoni, fid-dawl tal-fatt li:

–       l-awtoritajiet ta' l-Istat ta' importazzjoni kienu ġew informati uffiċjalment kemm dwar il-lis pendens quddiem il-qrati Ungeriżi, kemm dwar l-eżitu tal-proċeduri relattivi,

–       huma stess qatt ma kienu talbu li jitwettaq il-kontroll?

3)      F'każ ta' risposta affermattiva għal waħda mid-domandi preċedenti, l-effett utli tal-projbizzjoni tad-dazji doganali prevista mill-Ftehim […] ta' Assoċjazzjoni […] jitlob li d-dispożizzjonijiet Komunitarji msemmija iktar 'il fuq għandhom jiġu interpretati bħala li jipprekludu d-deċiżjonijiet amministrattivi li jimponu dazji doganali, taxxi u penali addizzjonali, deċiżjonijiet li l-awtoritajiet nazzjonali ta' l-Istat ta' importazzjoni ħadu wara li kienu rċevew ir-riżultat tal-kontroll mill-awtoritajiet Ungeriżi, iżda qabel ma tħabbru d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li annullaw ir-riżultati ta' dan il-kontroll, meta jitqies li, wara kollox, iċ-ċertifikati EUR.1 li nħarġu kienu eżatti?

4)      Barra minn hekk, tista' r-risposta għad-domandi preċedenti tiġi affettwata mill-fatt li la l-awtoritajiet Griegi u lanqas l-awtoritajiet Ungeriżi ma kienu talbu li jiltaqa' l-Kumitat ta' Assoċjazzjoni ta' l-Artikolu 33 tal-Protokoll […], sabiex jippronunzja ruħu fuq il-kwistjoni, ħaġa li tidher li tindika li ebda waħda miż-żewġ amministrazzjonijiet ma kkunsidrat li l-għoti tad-deċiżjonijiet Ungeriżi kien is-suġġett ta' tilwima li kellha tkun suġġetta għad-deċiżjoni ta' dan il-[Kumitat]?

5)      Sussidjarjament, jekk ir-risposta għad-domandi preċedenti tkun negattiva, jiġifieri jekk l-awtoritajiet doganali Griegi ma jkunux kisru d-dispożizzjonijiet Komunitarji msemmija iktar 'il fuq meta imponew żieda fid-dazji doganali, VAT u penali, jista' jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 220(2) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità ma jippermettix id-dħul sussegwenti fil-kontijiet ta' dazji doganali a karigu ta' l-importatur, peress li dan il-każ jirrigwarda żball min-naħa ta' l-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' importazzjoni jew ta' esportazzjoni, meta jitqies, b'mod partikolari, il-fatt li l-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' esportazzjoni kellhom l-informazzjoni kollha relattiva għall-oriġini tal-vetturi, li abbażi tagħha ċ-ċertifikat EUR.1 ma kellux jinħareġ, b'mod li kien jippermetti lill-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' importazzjoni li jimponu mill-bidu d-dazji doganali legalment dovuti?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel żewġ domandi

17     Permezz ta' l-ewwel żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju titlob, fis-sustanza, jekk il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-Artikoli 31(2) u 32 tal-Protokoll għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' importazzjoni għandhom l-obbligu li jieħdu in kunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fl-Istat ta' esportazzjoni fil-proċeduri mressqa kontra r-riżultati tal-kontroll tal-validità taċ-ċertifikati ta' moviment tal-merkanzija mwettaq mill-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' esportazzjoni, fid-dawl tal-fatt li dawn l-awtoritajiet ta' l-Istat ta' importazzjoni kienu ġew informati bl-eżistenza ta' l-imsemmija proċeduri kif ukoll bil-kontenut ta' dawn id-deċiżjonijiet u li mhux huma stess talbu li jitwettaq il-kontroll.

18     Fis-sottomissjonijiet tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni jsostnu li l-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' importazzjoni għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-pożizzjoni finali ta' l-Istat ta' esportazzjoni, anki jekk din il-pożizzjoni hija r-riżultat ta' azzjoni simultanja tal-poter eżekuttiv u tal-poter ġudizzjarju, u b'mod partikolari meta l-awtoritajiet ta' l-Istat ta' esportazzjoni jkunu pprovdew informazzjoni fuq il-proċeduri pendenti. F'dan ir-rigward, huma jinvokaw il-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni amministrattiva stabbilit mill-Protokoll li huwa fondat fuq il-prinċipju tal-kompetenza ġenerali u esklużiva ta' l-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' esportazzjoni sabiex jevalwa n-natura oriġinarja tal-prodotti sabiex jibbenefikaw mis-sistema preferenzjali.

19     Min-naħa l-oħra, il-Gvern Grieg jindika li huma l-awtoritajiet doganali, u mhux l-awtorità ġudizzjarja, ta' l-Istat ta' esportazzjoni li huma kompetenti sabiex jeżerċitaw il-kontroll sussegwenti taċ-ċertifikati ta' oriġini. Stabbilita din il-premessa, u fid-dawl tar-rekwiżit li l-kontroll għandu jiġi tterminat fl-iqsar żmien possibbli, fil-kawżi prinċipali, l-amministrazzjoni Ungeriża ġustament irrevokat iċ-ċertifikati EUR.1 permezz ta' deċiżjonijiet li saru definittivi. F'każ bħal dan, xejn fil-Protokoll ma jobbliga lill-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' importazzjoni li jikkonstataw l-eżattezza tar-riżultati tal-kontroll jew l-oriġini reali tal-merkanzija u lanqas, a fortiori, li jistennew l-eżitu ta' proċeduri ġudizzjarji li r-riżultat tiegħu ma jikkonċernax id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll dwar il-kooperazzjoni amministrattiva.

20     Il-pożizzjoni kif esposta mill-Gvern Grieg madankollu ma tistax tiġi aċċettata.

21     Kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sistema ta' kooperazzjoni amministrattiva prevista fil-Protokoll tistrieħ fuq qsim tar-responsabbiltajiet u fl-istess ħin fuq fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru kkonċernat u dawk tar-Repubblika ta' l-Ungerija.

22     F'dan il-qsim, il-Protokoll jagħti l-kompetenzi tal-kontroll tan-natura oriġinarja tal-prodotti li ġejjin mill-Ungerija lill-awtoritajiet doganali ta' dan l-Istat. Għaldaqstant, l-Artikolu 17(4) u (5) tal-Protokoll jistabbilixxi l-obbligu għall-awtoritajiet doganali li joħorġu ċ-ċertifikati EUR.1 li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jivverifikaw in-natura oriġinarja tal-prodotti. Minbarra dan, skond l-Artikolu 32(3) ta' l-istess Protokoll, il-kontroll sussegwenti tal-provi ta' l-oriġini jsir mill-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' esportazzjoni, li, għal dan il-għan, ikollhom is-setgħa li jeżiġu l-provi kollha u sabiex jeffettwaw il-kontrolli kollha li jikkunsidraw utli.

23     Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-protokolli relattivi għad-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti li joriġinaw" u għal metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva paragunabbli ma' dawk tal-Protokoll, tali qsim ta' responsabbiltajiet huwa ġġustifikat mill-fatt li l-awtoritajiet ta' l-Istat ta' esportazzjoni jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jivverifikaw direttament il-fatti li jiddeterminaw l-oriġini tal-prodott ikkonċernat. Għaldaqstant, din is-sistema tista' taħdem biss jekk l-amministrazzjoni doganali ta' l-Istat ta' importazzjoni jirrikonoxxi l-evalwazzjonijiet magħmula legalment mill-awtoritajiet ta' l-Istat ta' esportazzjoni (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta' Lulju 1984, Les Rapides Savoyards et, 218/83, Ġabra p. 3105, punti 26 u 27).

24     Dan ir-rekwiżit ta' rikonoxximent ikun assigurat biss jekk l-awtoritajiet ta' l-Istat ta' importazzjoni jirrispettaw u jaċċettaw ukoll id-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fil-proċeduri mressqa kontra r-riżultati inizjali tal-kontroll sussegwenti ta' l-oriġini tal-merkanzija.

25     Fil-fatt, il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni huwa intiż sabiex jiggarantixxi li l-merkanzija li tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex tkun tista' tiġi kkunsidrata bħala li toriġina mill-Ungerija jew minn Stat Membru tiġi importata fil-Komunità jew fl-Ungerija taħt is-sistema preferenzjali. Dan jimplika li l-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' importazzjoni għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni r-riżultati tal-kontroll ta' l-oriġini tal-merkanzija li jkun sar permezz ta' proċeduri ġudizzjarji sabiex jiggarantixxu li l-merkanzija kollha li tissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti fir-rigward ta' l-oriġini tagħhom, u din il-merkanzija biss, tibbenefika mis-sistema preferenzjali.

26     Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li, sabiex tkun assigurata l-applikazzjoni korretta tal-Protokoll, l-obbligu ta' rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet ta' l-Istati kkonċernati fir-rigward tan-natura oriġinarja ta' ċerti prodotti għandu neċessarjament ikopri d-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati ta' kull Stat fil-kuntest tal-funzjoni tagħhom ta' stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet ta' l-awtoritajiet doganali.

27     Barra minn hekk, ir-rifjut li jittieħdu in kunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati nazzjonali fil-kuntest tal-funzjoni tagħhom ta' stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet amministrattivi, bħalma ġara fil-kawżi prinċipali, imur kontra d-dritt ta' l-esportatur għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

28     Kif diġà ddeċidiet bosta drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li jinsab fil-bażi tad-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta' Mejju 1986, Johnston, 222/84, Ġabra p. 1651, punt 18), Billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jagħmel parti integrali mill-ordni ġuridiku Komunitarju, huwa għalhekk l-obbligu ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri li, f'dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tas-sistema doganali prevista minn dan il-ftehim, jirrispettaw id-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta' Settembru 1987, Demirel, 12/86, Ġabra p. 3719, punti 7 u 28).

29     Fir-rigward taċ-ċirkustanza deskritta fl-ewwel inċiż ta' l-ewwel domanda, għandu jiġi osservat li, peress li l-awtoritajiet Griegi kienu ġew informati uffiċjalment bl-eżistenza ta' proċeduri ġudizzjarji li l-eżitu tagħhom seta' jwassal għal kostatazzjoni ta' l-irregolarità tal-kontrolli sussegwenti mwettqa mill-awtoritajiet doganali Ungeriżi, huma ma setgħux jinjoraw li ċ-ċertifikati EUR. 1 in kwistjoni ma kinux ġew definittivament revokati.

30     Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li ċ-ċirkustanza deskritta fit-tieni inċiż tat-tieni domanda fis-sens li ma kinux l-awtoritajiet Griegi stess li talbu li jitwettaq il-kontroll b'ebda mod ma jaffettwa l-obbligu ta' l-awtoritajiet ta' l-Istat ta' importazzjoni li joqogħdu għar-riżultat finali ta' l-imsemmi kontroll.

31     F'dan ir-rigward, jirriżulta mill-Artikolu 32(1) tal-Protokoll li l-kontroll sussegwenti jista' jitwettaq mill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istat ta' esportazzjoni ex officio jew fuq talba ta' l-awtoritajiet ta' l-Istat ta' importazzjoni. Dan il-kontroll jista' wkoll jitwettaq, kif ġara fil-kawża prinċipali, fuq talba tas-servizzi tal-Kummissjoni, li, skond l-Artikolu 211KE, għandha l-obbligu li tissorvelja l-applikazzjoni korretta tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u tal-Protokolli tiegħu (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-14 ta' Novembru 2002, Ilumitrónica, C-251/00, Ġabra p. I-10433, punt 60).

32     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li l-Artikoli 31(2) u 32 tal-Protokoll għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' importazzjoni għandhom l-obbligu li jieħdu in kunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fl-Istat ta' esportazzjoni fil-proċeduri mressqa fir-rigward tar-riżultati tal-kontroll tal-validità taċ-ċertifikati ta' moviment tal-merkanzija mwettaq mill-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' esportazzjoni, ġaladarba jkunu ġew informati bl-eżistenza ta' dawn il-proċeduri u bil-kontenut ta' dawn id-deċiżjonijiet, u dan indipendentement mill-fatt jekk il-kontroll tal-validità taċ-ċertifikati ta' moviment ikunx twettaq fuq talba ta' l-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' importazzjoni jew le.

 Fuq it-tielet domanda

33     Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, fis-sustanza, jekk l-effett utli tat-tneħħija tad-dazji doganali prevista mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jipprekludix id-deċiżjonijiet amministrattivi li jimponu l-ħlas ta' dazji doganali, miżjuda b'taxxi u b'penali, meħuda mill-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' importazzjoni qabel ma jiġi kkomunikat lilhom l-eżitu definittiv tal-proċeduri mressqa kontra l-konklużjonijiet tal-kontroll sussegwenti.

34     Skond ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni, jirriżulta mir-risposti li ngħataw għall-ewwel żewġ domandi li l-awtoritajiet ta' l-Istat ta' importazzjoni għandhom l-obbligu li jieħdu in kunsiderazzjoni r-riżultat tal-proċeduri meħuda mill-awtoritajiet ta' l-Istat ta' esportazzjoni, mingħajr ma jistgħu jemendawh unilateralment. Id-dispożizzjonijiet applikabbli għandhom għalhekk jiġu interpetati fis-sens li ma jawtorizzawx lill-awtoritajiet ta' l-Istat ta' importazzjoni li jadotta atti amministrattivi li jimponu dazji doganali jew taxxi supplimentari qabel it-tmiem definittiv tal-proċeduri relattivi għall-kontroll sussegwenti.

35     Peress li rrisponda fin-negattiv għall-ewwel żewġ domandi, il-Gvern Grieg ma tax risposta għat-tielet domanda mressqa.

36     Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, għandhom jiġu mtennija l-premessi esposti fil-punti 21 sa 24 ta' din is-sentenza. Skond dawn il-premessi, il-kompetenza fir-rigward tad-determinazzjoni ta' l-oriġini tal-prodotti li ġejjin mill-Ungerija hija mogħtija, bħala regola, lill-awtoritajiet doganali ta' dan l-Istat, u l-amministrazzjoni doganali ta' dan l-Istat ta' importazzjoni hija marbuta bl-evalwazzjonijiet magħmula legalment mill-imsemmija awtoritajiet (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Les Rapides Savoyards et, iċċitata iktar 'il fuq, punti 26 u 27).

37     L-ewwel konsegwenza li toħroġ minn dawn il-premessi hija li huma l-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' esportazzjoni li huma responsabbli għall-ħruġ taċ-ċertifikati EUR 1, li jikkonfermaw l-oriġini Ungeriża tal-prodotti manufatturati fl-Ungerija. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet ta' l-Istat ta' importazzjoni għandhom jaċċettaw il-validità ta' tali ċertifikati.

38     Huwa biss fiċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 32(6) tal-Protokoll, jiġifieri f'każ ta' dubji fondati u fin-nuqqas ta' risposta wara l-iskadenza ta' terminu ta' għaxar xhur wara d-data tat-talba ta' kontroll jew jekk ir-risposta ma tinkludix informazzjoni biżżejjed, li l-awtoritajiet doganali li jkunu talbu l-kontroll sussegwenti jistgħu jirrifjutaw il-benefiċċju tas-sistema preferenzjali. Barra minn dawn iċ-ċirkustanzi, il-Protokoll ma jipprovdix il-possibbiltà għal Stat kontraenti li jirrevoka unilateralment iċ-ċertifikati maħruġin mill-awtoritajiet doganali ta' Stat kontraenti ieħor.

39     Minn dan isegwi li ċ-ċertifikati maħruġa b'mod regolari mill-awtoritajiet ta' l-Istat ta' esportazzjoni jibqgħu validi u jkollhom l-effetti previsti mill-Protokoll, sakemm dawn ma jkunux ġew revokati jew annullati mill-awtoritajiet kompetenti, amministrattivi jew ġudizzjarji, ta' l-imsemmi Stat.

40     Fil-kawżi prinċipali, ma jirriżultax mill-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju li l-awtoritajiet Ungeriżi pproċedew għal tali revoka li kienet tippermetti lill-awtoritajiet Greigi li jissospendu l-applikazzjoni tas-sistema preferenzjali għall-prodotti in kwistjoni.

41     Fil-fatt, l-awtoritajiet doganali Ungeriżi bagħtu ittra lill-awtoritajiet doganali Griegi datata 3 ta' Novembru 1998, li fiha huma indikaw li kien hemm kawżi pendenti fir-rigward taċ-ċertifikati li taw lok għall-kawżi prinċipali, filwaqt li indikaw b'mod partikolari li kienu biss iċ-ċertifikati EUR.1 li jikkonċernaw vetturi, li l-oriġini barranija tagħhom kienet ġiet formalment rikonoxxuta mill-prodottur, li kienu s-suġġett ta' revoka. Mandankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-awtoritajiet Griegi kellhomx informazzjoni biżżejjed sabiex jikkunsidraw li ċ-ċertifikati EUR.1 in kwistjoni ma kinux ġew revokati u li, għaldaqstant, baqgħu fis-seħħ.

42     Barra minnn hekk, il-protezzjoni effettiva ta' l-interessi finanzjarji tal-Komunità hija garantita mill-Artikolu 32(4) tal-Protokoll, li jippermetti lill-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' importazzjoni li jadottaw il-miżuri kawtelatorji kkunsidrati neċessarji meta jinħeles il-prodott, fil-każ fejn jiddeċiedu li jissospendu l-għoti tat-trattament preferenzjali lill-prodott ikkonċernat sakemm joħorġu r-riżultati tal-kontroll.

43     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-effett utli tat-tneħħija tad-dazji doganali prevista fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jipprekludi d-deċiżjonijiet amministrativi li jimponu l-ħlas ta' dazji doganali, miżjuda b'taxxi u b'penali, meħuda mill-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' importazzjoni qabel ma jiġi kkomunikat lilhom l-eżitu definittiv tal-proċeduri mressqa kontra l-konklużjonijiet tal-kontroll sussegwenti u meta d-deċiżjonijiet ta' l-awtoritajiet ta' l-Istat ta' esportazzjoni li jkunu inizjalment ħarġu ċ-ċertifikati EUR.1 ma jkunux ġew revokati jew annullati.

 Fuq ir-raba' domanda

44     Permezz tar-raba' domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, fis-sustanza, jekk ir-risposta għall-ewwel tliet domandi tistax tiġi affettwata mill-fatt li la l-awtoritajiet doganali Griegi u lanqas l-awtoritajiet doganali Ungeriżi ma talbu li jiltaqa' l-Kumitat ta' Assoċjazzjoni msemmi fl-Artikolu 33 tal-Protokoll.

45     Fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tindika li l-possibbiltà li tinbeda proċedura ta' soluzzjoni ta' tilwim prevista mill-Protokoll hija suġġetta għall-kundizzjoni li wieħed ikollu dubji "fondati" u li tkun eskluża kull soluzzjoni "bonarja" għat-tilwima ma' l-awtoritajiet doganali kompetenti ta' l-Istat ta' esportazzjoni. L-imsemmija rikorrenti tesprimi dubji dwar jekk jistax ikun hemm xi marġni ta' diskrezzjoni sabiex titressaq oppożizzjoni "fondata" meta l-kwistjoni ġiet riżolta permezz ta' deċiżjonijiet definittivi u irrevokabbli tal-qrati kompetenti ta' l-Istat ta' esportazzjoni.

46     Min-naħa tiegħu, il-Gvern Grieg jikkunsidra li l-awtoritajiet doganali kompetenti Griegi u Ungeriżi ma kellhom ebda diverġenza ta' evalwazzjoni li setgħet titressaq quddiem il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni.

47     Skond il-Kummissjoni, il-fatt li la l-amministrazzjoni ta' l-Istat ta' importazzjoni u lanqas dik ta' l-Istat ta' esportazzjoni ma bdiet il-proċedura prevista fl-Artikolu 33 tal-Protokoll sabiex jiġi riżolt in-nuqqas ta' qbil bejniethom b'ebda mod ma jaffettwa r-risposta mogħtija għall-ewwel tliet domandi, billi l-laqgħa tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni hija biss possibbiltà mogħtija lill-awtoritajiet doganali kompetenti.

48     Il-Gvern Ungeriż isostni li, anki jekk quddiem il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni ma tressqitx kwistjoni dwar id-deċiżjoni tal-qorti Ungeriża u dwar l-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati fil-kuntest tal-proċeduri ġodda li nfetħu wara din id-deċiżjoni ġudizzjarja, il-poter ta' dan il-Kumitat li jirregola t-tilwim ma jistax ikollu l-konsegwenza li jillimita d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata fil-kawżi prinċipali, b'mod partikolari d-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

49     F'dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, preliminarjament, li l-Protokoll huwa bbażat fuq sistema ta' kooperazzjoni amminstrattiva li tistrieħ fuq qsim tar-responsabbiltajiet u fl-istess ħin fuq fiduċja reċiproka bejn l-Istati kkonċernati. Skond din is-sistema, u bla ħsara għall-ipoteżi msemmija fl-Artikolu 32(6) tal-Protokoll, l-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' importazzjoni ma jistgħux, unilateralment, jiddikjaraw invalidu ċertifikat EUR.1 maħruġ regolarment mill-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' esportazzjoni. Bl-istess mod, fil-każ ta' kontroll sussegwenti, dawn l-istess awtoritajiet huma marbuta bir-riżultati ta' tali kontroll.

50     Barra minn hekk, skond l-Artikolu 33 tal-Protokoll, jekk, fil-kuntest ta' l-imsemmi kontroll, l-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' importazzjoni ma jaqblux ma' l-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' esportazzjoni, huma għandhom ifittxu soluzzjoni bonarja ma' dawn ta' l-aħħar. F'każ li soluzzjoni bonarja ma tkunx possibbli, huma għandhom għaldaqstant iressqu t-tilwima quddiem il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni.

51     Dawn id-dispożizzjonijiet iwasslu sabiex isaħħu l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni bejn l-Istati kontraenti u b'hekk jassiguraw li l-kompetenzi ta' kull Stat fir-rigward tal-kontroll tan-natura oriġinarja tal-prodotti jiġu debitament rispettati.

52     F'din il-perspettiva, il-fatt li ma tressqitx tilwima quddiem il-Kumitat ta' Assoċjazzjoni ma jistax jintuża bħala ġustifikazzjoni għal deroga mis-sistema ta' kooperazzjoni u mir-rispett tal-kompetenzi li jirriżultaw mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni.

53     Minbarra dan, jirriżulta mill-osservazzjonijiet imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-awtoritajiet Griegi ma kkontestawx ir-riżultati tal-proċedura ta' kontroll mal-awtoritajiet Ungeriżi jew fl-okkażjoni ta' laqgħa tal-Kumitat ta' Assoċjazzjoni u li, konsegwentement, ma kienet teżisti ebda tilwima li setgħet titressaq quddiem l-imsemmi Kumitat.

54     Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba' domanda mressqa għandha tkun li r-risposta għall-ewwel tliet domandi mressqa ma tistax tiġi affettwata mill-fatt li la l-awtoritajiet doganali Griegi u lanqas l-awtoritajiet doganali Ungeriżi ma talbu li jiltaqa' l-Kumitat ta' Assoċjazzjoni skond l-Artikolu 33 tal-Protokoll.

 Fuq il-ħames domanda

55     Il-ħames domanda tressqet biss f'każ ta' risposta negattiva għall-ewwel żewġ domandi. Peress li ngħatat risposta affermattiva għal dawn l-ewwel żewg domandi, mhemmx lok li din il-ħames domanda tiġi eżaminata.

 Fuq l-ispejjeż

56     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 31(2) u 32 tal-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa, u r-Repubblika ta' l-Ungerija, min-naħa l-oħra, kif emendat permezz tad-Deċiżjoni Nru 3/96 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa, u r-Repubblika ta' l-Ungerija, min-naħa l-oħra, tat-28 ta' Diċembru 1996, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' importazzjoni għandhom l-obbligu li jieħdu in kunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet ġudizzjarji mogħtija fl-Istat ta' esportazzjoni fil-proċeduri mressqa fir-rigward tar-riżultati tal-kontroll tal-validità taċ-ċertifikati ta' moviment tal-merkanzija mwettaq mill-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' esportazzjoni, ġaladarba jkunu ġew informati bl-eżistenza ta' dawn il-proċeduri u bil-kontenut ta' dawn id-deċiżjonijiet, u dan indipendentement mill-fatt jekk il-kontroll tal-validità taċ-ċertifikati ta' moviment ikunx twettaq fuq talba ta' l-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' importazzjoni jew le.

2)      L-effett utli tat-tneħħija tad-dazji doganali prevista fil-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika ta' l-Ungerija, min-naħa l-oħra, konkluż u approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tat-13 ta' Diċembru 1993, jipprekludi d-deċiżjonijiet amministrattivi li jimponu l-ħlas ta' dazji doganali, miżjuda b'taxxi u b'penali, meħuda mill-awtoritajiet doganali ta' l-Istat ta' importazzjoni qabel ma jiġi kkomunikat lilhom l-eżitu definittiv tal-proċeduri mressqa kontra l-konklużjonijiet tal-kontroll sussegwenti u meta d-deċiżjonijiet ta' l-awtoritajiet ta' l-Istat ta' esportazzjoni li jkunu inizjalment ħarġu ċ-ċertifikati EUR.1 ma jkunux ġew revokati jew annullati.

3)      Ir-risposta għall-ewwel tliet domandi mressqa ma tistax tiġi affettwata mill-fatt li la l-awtoritajiet doganali Griegi u lanqas l-awtoritajiet doganali Ungeriżi ma talbu li jiltaqa' l-Kumitat ta' Assoċjazzjoni skond l-Artikolu 33 ta' l-imsemmi Protokoll Nru 4, kif emendat permezz tad-Deċiżjoni Nru 3/96.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.