SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

2 ta’ Ġunju 2005 (*)

"Kuntratti pubbliċi – Direttiva 89/665/KEE – Proċedura ta' appell fil-qasam ta' għoti ta' kuntratti pubbliċi – Deċiżjoni ta' revoka ta' sejħa għal offerti wara l-ftuħ ta' l-offerti– Stħarriġ ġudizzjarju – Portata – Prinċipju ta' effettività"

Fil-kawża C-15/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesvergabeamt (l-Awstrija), permezz ta’ Deċiżjoni tat-12 ta’ Jannar 2004, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Jannar 2004, fil-proċedura

 Koppensteiner GmbH

vs

Bundesimmobiliengesellschaft mbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, R. Silva de Lapuerta, C. Gulmann (Relatur), P. Kūris u G. Arestis, Imħallfin

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċeduri bil-miktub,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       Għal Koppensteiner GmbH, minn D. Benko u T. Anker, Rechtsanwälte,

–       Għal Bundesimmobiliengesellschaft mbH, minn O. Sturm, Rechtsanwalt,

–       Għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

–       Għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Wiedner, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 1 u ta' l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta' Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta' reviżjoni għall-għoti ta' kuntratti ta' provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU L 395, p. 33), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta' Ġunju 1992, dwar il-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1, iktar 'il quddiem id-"Direttiva 89/665").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn il-kumpannija Koppensteiner GmbH (iktar 'il quddiem "Koppensteiner") u l-kumpannija Bundesimmobiliengesellschaft mbH (iktar 'il quddiem "BIG"), dwar id-deċiżjoni li ttieħdet minn din ta' l-aħħar li tirtira sejħa għal kuntratt ta' servizzi pubbliċi wara l-iskadenza tat-terminu mogħti għas-sottomissjoni ta' l-offerti.

 Il-Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665 jipprovdi:

"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti li jaqgħu fl-iskop tad-Direttivi 71/305/KEE, 77/62/KEE u 92/50/KEE [...], id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kuntrattwali jistgħu jiġu riveduti effettivament, u b’mod partikolari, malajr kemm jista’ jkun skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli li ġejjin, u, b’mod partikolari, l-Artikolu 2(7) fuq il-bażi li dawn id-deċiżjonijiet kisru l-liġi tal-Komunità fil-qasam ta’ l-akkwist pubbliku jew tar-regoli nazzjonali li jimplementaw dik il-liġi."

4       Skond l-Artikolu 2(1) u (6) tad-Direttiva 89/665:

"1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri meħuda li jikkonċernaw il-proċeduri ta’ reviżjoni speċifikati fl-Artikolu 1 jinkludi dispożizzjoni għall-poteri biex:

a)      jieħdu, ma’ l-ewwel opportunità u permezz ta’ proċeduri interlokutorji, miżuri interim bl-iskop li jikkoreġu l-ksur allegat jew jipprevjenu aktar ħsara għall-interessi kkonċernati, […];

b)      jew iwarrbu jew jiżguraw it-twarrib ta’ deċiżjonijiet meħuda illegalment, inkluża t-tneħħija ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi, ekonomiċi jew finanzjarji diskriminatorji fl-invit għal offerta, fid-dokumenti tal-kuntratt jew f’kull dokument ieħor li jirrelata għall-proċedura ta’ l-għoti tal-kuntratt;


      

c)       jagħtu kumpens lill-persuni milquta minn ksur.

[…]

6.       L-effetti ta’ l-eżerċizzju tal-poteri msemmija fil-paragrafu 1 dwar kuntratt konkluż sussegwentement għall-għoti tiegħu għandhom jiġu stabbiliti bil-liġi nazzjonali.

Barra minn hekk, ħlief meta deċiżjoni għandha titwarrab qabel ma jingħataw id-danni, Stat Membru jista’ jipprovdi li, wara l-konklużjoni ta’ kuntratt wara l-għoti tiegħu, il-poteri tal-korp responsabbli għall-proċeduri ta’ reviżjoni għandhom jiġu limitati għall-għoti ta’ danni lil kull persuna li ssofri minn ksur.

[...]"

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5       Il-Liġi Federali ta’ l-2002 dwar l-għoti ta' kuntratti (Bundesvergabegesetz 2002, BGBl. I, 99/2002, iktar 'il quddiem il-"BvergG"), tipprevedi b'mod partikolari distinzjoni bejn id-deċiżjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati separatament u dawk li ma jistgħux jiġu kkontestati separatament.

6       Skond l-Artikolu 20(13)(a) tal-BVergG, fil-proċedura ta' għoti ta' kuntratt pubbliku, id-deċiżjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati separatament huma s-sejħa għal offerti, diversi konstatazzjonijiet li jsaħħu matul dan it-terminu għall-offerti u d-deċiżjoni ta' l-għoti.

7       L-Artikolu 20(13)(b) tal-BVergG, jiddisponi:

"Id-deċiżjonijiet li ma jistgħux jiġu kkontestati separatament huma dawk id-deċiżjonijiet kollha li jippreċedu b'mod kronoloġiku d-deċiżjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati separatament. Id-deċiżjonijiet li ma jistgħux jiġu kkontestati separatament jistgħu jiġu kkontestati biss flimkien mad-deċiżjonijiet li jistgħu jiġu kkontestati separatament u li jiġu sussegwentement."

8       Skond l-Artikolu 166(2)(1) tal-BVergG, appell li jitressaq kontra deċiżjoni li ma tistax tiġi kkontestata separatament huwa inammissibbli.

9       Mill-Artikolu 162(5) tal-BVergG, jirriżulta li wara r-revoka ta' sejħa għal offerti, il-leġittimità ta' din ir-revoka taqa' taħt il-kompetenza esklużiva tal-Bundesvergabeamt.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10     BIG, kumpannija inkarigata mill-ġestjoni ta' bini u ta' beni immobbli ta' l-Istat Federali Awstrijak, u li tagħha dan ta' l-aħħar għandu 100% ta' l-ishma, hija l-awtorità kontraenti fil-kawża prinċipali. Fis-26 ta' Settembru 2003, hija ħarġet sejħa għal offerti permezz ta' invit miftuħ għal-lott "xogħlijiet ta' twaqqigħ" fl-ambitu tal-bini ta' skola primarja u tliet skejjel sekondarji. Il-prezz tal-proġett kollu ġie stmat għal EUR 8600000. Ix-xogħlijiet ta' twaqqigħ msemmija fil-kawża prinċipali kienu stmati għal EUR 95000.

11     Koppensteiner ippreżentat offerta f'dan il-lott ta' din is-sejħa għal offerti.

12     Permezz ta' ittra tad-29 ta' Ottubru 2003, BIG infurmat lill-Koppensteiner li s-sejħa għal offerti ġiet revokata wara l-iskadenza tat-terminu mogħti għall-preżentazzjoni ta’ l-offerti, minħabba raġunijiet gravi skond l-Artikolu 105 tal-BVergG.

13     Fis-6 ta’ Novembru 2003, BIG stiednet lil Koppensteiner tipparteċipa fi trattattiva mingħajr sejħa għal offerti għal xogħlijiet ta’ twaqqigħ. Dawn ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu, sostanzjalment, fl-istess servizzi previsti fl-ewwel proċediment. F’dan it-tieni proċediment, il-valur tal-kuntratt pubbliku relattiv għal dan il-lott kien stmat għal EUR 90000.

14     Koppensteiner ippreżentat offerta f’dan it-tieni proċediment ukoll.

15     Fit-13 ta’ Novembru 2003, Koppensteiner ressqet appell quddiem il-Bundesvergabeamt li fih talbet, fir-rigward ta’ l-ewwel proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt, l-annullament tar-revoka tas-sejħa għal offerti u l-projbizzjoni milli ssir sejħa oħra għal offerti fl-ambitu ta’ proċediment ġdid ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, kif ukoll, sussidjarjament, il-konstatazzjoni tan-natura illegali tar-revoka. Fl-istess ħin, hija talbet l-annullament tat-tieni proċediment ta’ għoti ta’ kuntratti.

16     Permezz tad-deċiżjoni tal-Bundesvergabeamt ta’ l-20 ta’ Novembru 2003, BIG ma tħallietx tiftaħ l-offerti tat-tieni proċediment ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku għall-perjodu tal-proċediment ta’ l-appell, mhux qabel it-13 ta’ Jannar 2004.

17     Fit-28 ta’ Jannar 2004, BIG tat il-kuntratt pubbliku lil impriża oħra fl-ambitu tat-tieni proċediment ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku, u minn dak il-mument 'il quddiem, ix-xogħlijiet ta’ twaqqigħ saru minn din ta’ l-aħħar.

18     Quddiem il-Bundesvergabeamt, bħala raġuni għar-revoka, BIG sostniet, li l-offerti kollha rriżultaw għola mill-valur stmat tal-kuntratt pubbliku. Fil-fatt, il-lott “xogħlijiet ta’ twaqqigħ” għall-ewwel proċediment ta’ għoti ta’ kuntratt kien ġie stmat għal EUR 95000. Issa, peress li l-aktar offerta rħisa kienet ekwivalenti għal EUR 304150, il-prezz deher għoli wisq.

19     B’mod partikolari, Koppensteiner sostniet li, skond is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 2002, Kawża C-92/00, HI (Ġabra p. I-5553), deċiżjoni ta’ l-awtorità kontraenti li tirrevoka sejħa għal offerti għal kuntratt ta’ servizzi pubbliċi għandha tkun appellabbli u tista’ tiġi eventwalment annullata minħabba li tikser id-Dritt Komunitarju fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi.

20     Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Bundesvergabeamt tfakkar kif is-sistema implementata mill-BvergG ma tippermettix li tiġi eżaminata u eventwalment annullata, fl-ambitu ta’ appell, ir-revoka ta’ sejħa għal offerti wara l-ftuħ ta’ l-offerti ta’ invit miftuħ. Din il-qorti għandha l-kompetenza li tivverifika, wara r-revoka tas-seħja għal offerti, jekk din ir-revoka kinitx illegali minħabba vjolazzjoni tal-BVergG, u din il-konstatazzjoni tippermetti lill-parteċipanti esklużi li jippreżentaw azzjoni għall-ħlas ta’ kumpens għad-danni kontra l-amministrazzjoni kontraenti.

21     Skond il-Bundesvergabeamt, l-Artikoli 1(1) u l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 89/665, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza HI fuq iċċitata, jeħtieġu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi għall-possibbiltà ta' annullament ta' revoka li ssir wara l-ftuħ ta’ l-offerti fi proċediment ta’ għoti. Għalhekk il-kompetenza ta’ l-organu ta’ kontroll li dan jikkonstata l-illegalità ta’ revoka bil-possibbiltà suċċessiva li jintalab il-ħlas ta’ kumpens għad-danni mhijiex biżżejjed.

22     Għaldaqstant, il-Bundesvergabeamt iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1, flimkien ma’ l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 89/665/KEE [...] huma daqshekk assoluti u preċiżi biżżejjed li individwu, fil-każ ta’ revoka ta’ avviż ta’ offerti wara l-ftuħ ta’ l-offerti, jista’ jinvokahom direttament quddiem il-qrati nazzjonali u jressaq appell kontra din ir-revoka?

2)      Fil-każ li l-ewwel domanda tingħatalha risposta negattiva: id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1 flimkien ma l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 89/665 [...], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri huma marbuta li jipprovdu f'kull każ, kontra deċiżjoni ta' l-amministrazzjoni kontraenti ta’ revoka ta' sejħa għal offerti, qabel ir-revoka stess u l-għoti tal-kuntratt (peress li d-deċiżjoni ta' revoka hija assimilabbli għal deċiżjoni ta' għoti), proċedura li fiha l-parti fil-kawża, indipendentement mill-possibbiltà li jitlob id-danni wara r-revoka, jista’ jikseb l-annullament tad-deċiżjoni jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha f’dan is-sens?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibilità

23     Il-Gvern Awstrijak isostni b'mod partikolari li wara t-tieni proċediment ta' għoti, il-kuntratt pubbliku msemmi fil-kawża prinċipali ngħata lil impriża differenti minn Koppensteiner u li x-xogħlijiet ta' twaqqigħ kienu diġà spiċċaw. Bħala konsegwenza, ir-risposta għal dawn id-domandi m'għadhiex rilevanti minħabba li Koppensteiner issa tista' tikseb biss id-danni, ħaġa li hija prevista mill-BVergG. Barra minn hekk, l-istess Gvern jippreċiża li l-qorti tar-rinviju m'għandhiex il-kompetenza li tannulla d-deċiżjoni tar-revoka u li r-risposta għal dawn id-domandi mhux ser tkunilha utili għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

24     BIG tqis li t-tieni domanda hija purament ipotetika u għalhekk inammissibbli. Fl-opinjoni tagħha, minħabba li l-imsemmi kuntratt pubbliku ngħata, il-kwistjoni tneħħitielha r-rilevanza għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, minħabba li l-amministrazzjoni kontraenti ma tistax tadotta, a posteriori, deċiżjoni li tirrevoka din is-sejħa għal offerti.

25     Wieħed għandu jfakkar, f'dan ir-rigward, li huma l-qrati nazzjonali biss, li quddiemhom jitressqu l-kontroversji u li jassumu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li jivvalutaw, fid-dawl tal-partikolaritjiet ta' kull kawża, kemm il-bżonn li ssir domanda preliminari sabiex dawn ikunu jistgħu jiddeċiedu fuq il-mertu, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, minħabba li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja bħala regola hija marbuta li tagħti deċiżjoni (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta' Frar 2003, C-373/00, Adolf Truley, Ġabra p. I‑1931, punt 21).

26     Jekk minn naħa waħda l-Gvern Awstrijak u BIG ġustament fakkru li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari meta jirriżulta manifestament li l-interpretazzjoni tad-Dritt Komunitarju mitluba m'għandha l-ebda relazzjoni ma' l-effettività jew ma' l-oġġett tal-kawża prinċipali jew fejn il-problema hija ta' natura ipotetika (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Adolf Truley, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 22), min-naħa l-oħra d-domandi mqajma fil-kawża in eżami ma għandhomx manifestament dawn il-karatteristiċi.

27     Fil-fatt, fil-każ in kwistjoni, il-qorti tar-rinviju esponiet fid-deċiżjoni tagħha li d-domandi tqajmu biex jippermettulha tieħu pożizzjoni fuq il-kwistjoni li ssir taf jekk id-domanda għall-annullament tar-revoka ta' l-ewwel sejħa għal offerti hijiex ammissibbli jew le u, fil-każ, liema huma l-kawżi ta' tali inammissibbiltà eventwali.

28     Konsegwentement, d-domanda preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

29     Qabel ma jiġu eżaminati d-domandi, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, jeħtieġ li jitfakkar li fis-sentenza tagħha HI, iċċitata iktar ‘il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li:

–       id-deċiżjoni ta' revoka ta' sejħa għal offerti għal kuntratt ta' servizz pubbliku tidħol fid-deċiżjonijiet li fir-rigward tagħhom, l-Istati Membri huma mitluba, skond id-Direttiva 89/665, jistitwixxu proċedura ta' appell għal annullament, sabiex jiġi ggarantit ir-rispett kemm tar-regoli tad-Dritt Komunitarju dwar kuntratti pubbliċi, kif ukoll ir-regoli nazzjonali li jadottaw dan id-Dritt (punt 54);

–       it-twettiq komplet ta' l-għan ta' l-istess Direttiva jiġi kompromess jekk l-amministrazzjonijiet kontraenti jitħallew jipproċedu għar-revoka ta' sejħa għal offerti għal kuntratt ta' servizzi pubbliċi mingħajr ma dawn jiġu suġġetti għal proċedura ta' stħarriġ ġudizzjarju, li għandu l-għan li jiggarantixxi taħt kull profil, ir-rispett effettiv kemm tad-Direttivi li jistabbilixxu regoli sostanzjali relattivi għall-kuntratti pubbliċi, kif ukoll tal-prinċipji li huma bbażati fuqhom (punt 53).

30     Għaldaqstant, f’din l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-Artikoli 1(1) u 2(1)(b) tad-Direttiva 89/665 jeżiġu li d-deċiżjoni ta' l-amministrazzjoni kontraenti li tirrevoka s-sejħa għal offerti għal kuntratt ta' servizzi pubbliku tista' tkun appellabbli u tista' tiġi eventwalment annullata, jekk ikun il-każ, minħabba li tkun kisret id-Dritt Komunitarju dwar kuntratti pubbliċi jew ir-regoli nazzjonali li jimplementaw dan id-Dritt.

31     Minn dan li ntqal, sa fejn, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali, anki jekk huwa interpretat skond il-ħtiġijiet tad-Dritt Komunitarju, mhuwiex possibbli għal offerent li jikkontesta deċiżjoni ta' revoka ta' sejħa għal offerti li tmur kontra d-Dritt Komunitarju u għalhekk jitlob l-annullament tagħha, id-dritt nazzjonali ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta' l-Artikoli 1(1) u 2(1)(b) tad-Direttiva 89/665.

32     Il-Qorti Nazzjonali, li quddiemha offerent jitlob l-annullament ta' deċiżjoni ta' revoka ta' sejħa għal offerti għaliex tmur kontra d-Dritt Komunitarju u li d-dritt nazzjonali li jirregolaha ma jippermettix sentenza dwarha, għandha għalhekk tikkunsidra l-kwistjoni li ssir taf jekk u, jekk ikun il-każ, f’liema kundizzjonijiet hija marbuta, bis-saħħa tad-Dritt Komunitarju, li tiddikjara ammissibbli tali appell għal annullament.

33     F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu ta' l-Istati Membri, li joħroġ minn Direttiva, li jilħqu r-riżultati previsti minnha, kif ukoll id-dmir tagħhom, taħt l-Artikolu 10 KE, li jadottaw il-provvedimenti ġenerali jew partikolari kollha sabiex jiggarantixxu l-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu, jaqgħu fuq l-organi kollha ta' l-Istati Membri, inklużi dawk ġudizzjarji, fl-ambitu tal-kompetenzi tagħhom (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-4 ta' Marzu 1999, HI, C-258/87, Ġabra p. I-1405, punt 25).

34     Jekk huwa veru li huwa l-ordinament ġuridiku ta' kull Stat Membru li għandu jindika l-possibbiltajiet ta’ appell ta' l-Istati Membri kompetenti fil-qasam ta' għoti ta' kuntratti pubbliċi għas-soluzzjoni ta' kontroversji li jikkontestaw drittijiet individwali li jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku Komunitarju (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-24 ta' Settembru 1998, C-76/97, Tögel, Ġabra p. I‑5357, punt 28, u tat-28 ta' Ottubru 1999, C-81/98 Alcatel Austria et, Ġabra p. I‑7671, punt 49), fil-każ in kwistjoni, ma jidhirx li titqajjem problema ta' kompetenza ġudizzjarja ta' din in-natura.

35     Fil-fatt, fil-każ in kwistjoni, huwa kostanti li skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, il-Bundesvergabeamt hija kompetenti li tieħu konjizzjoni ta’ l-appelli li jirrigwardaw “deċiżjonijiet” skond l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/665, meħuda mill-awtoritajiet kontraenti fi proċedimenti ta’ għoti ta’ kuntratti ta’ servizzi pubbliċi.

36     Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva (ara l-punt 20 ta' din is-sentenza) li fl-ambitu ta' appell quddiem il-Bundesvergabeamt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli teskludi l-eżami u, eventwalment, l-annullament ta' deċiżjoni ta’ revoka ta' sejħa għal offerti wara l-ftuħ ta' l-offerti fi proċediment ta' għoti li diġà nbeda .

37     Kif imfakkar fil-punt 30 ta' din is-Sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li l-Artikoli 1(1) u 2(1)(b) tad-Direttiva 89/665 jipprekludu tali esklużjoni.

38     L-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/665 huma assoluti u preċiżi biżżejjed biex jagħtu dritt lil individwu li, jekk ikun il-każ, ikun jista’ jinvokah eventwalment kontra amministrazzjoni kontraenti bħal BIG.

39     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti kompetenti m’għandhiex tapplika r-regoli nazzjonali li jżommuha milli tirrispetta l-obbligu li joħroġ mill-Artikoli 1(1) u 2(1)(b) tad-Direttiva 89/665.

 Fuq l-ispejjeż

40     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, n-natura tal-kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-Qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi:

Il-Qorti kompetenti m’għandhiex tapplika r-regoli nazzjonali li jżommuha milli tirrispetta l-obbligu li joħroġ mill-Artikoli 1(1) u 2(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta' reviżjoni ta’ l-għoti ta' kuntratti ta' provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta' Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.