KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

PHILIPPE LÉGER

ippreżentati fis-6 ta’ April 2006 1(1)

Kawża C‑351/04

Ikea Wholesale Ltd

vs

Commissioners of Customs & Excise

[talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division]

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan – GATT ta’ l-1994 – Rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet tal-korp ta’ Risoluzzjoni ta’ Tilwim ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) – Effetti ġuridiċi – Valur normali – Ammonti korrispondenti għall-ispejjeż tal-bejgħ, spejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħrajn kif ukoll għall-profitti – Marġni ta’ dumping – Prassi tar-‘riduzzjoni għal żero’ – Eżistenza tad-dannu – Fatturi u indiċi ekonomiċi rilevanti – Rifużjoni ta’ dazji mħallsa”





1.        Il-proċedura preliminari preżenti hija bbażata fuq kwistjoni dwar ir-rifużjoni ta’ dazji antidumping dovuti fuq l-importazzjoni, fil-Komunità, ta’ lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Indja u mill-Pakistan. L-applikazzjoni ta’ dawn id-dazji wasslet għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ soluzzjoni ta’ kontroversji quddiem l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (iktar ’il quddiem l-WTO) li kkonstatat l-inkompatibbiltà ta’ dawn id-dazji mal-ftehim fuq l-implementazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali fuq it-tariffi u l-Kummerċ ta’ l-1994 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping”)(2).

2.        Fil-kawża preżenti, il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (Renju Unit) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex, fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet tal-korp ta’ Risoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO (iktar ’il quddiem id-“DSB”), tiddeċiedi fuq il-validità tal-liġijiet li jistabbilixxu d-dazji antidumping in kwistjoni fir-rigward tad-dritt Komunitarju. Fil-każ li jiġi deċiż li xi wħud minn dawn ir-regolamenti huma invalidi, l-istess qorti ta’ rinviju tistaqsi wkoll fuq il-modalitajiet għar-rifużjoni eventwali ta’ dawn id-dazji.

3.        L-eżami ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari ser jeħodna b’mod iktar partikolari biex nanalizzaw jekk huwiex f’loku li, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni fuq il-validità, għandhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet magħmulin mid-DSB. Dan jistedinna wkoll sabiex nanalizzaw il-validità tar-regoli tad-dritt li jiffissaw il-metodu ta’ l-analiżi ekonomika adottat mill-Awtoritajiet Komunitarji għall-finijiet tat-teħid tal-miżuri antidumping in kwistjoni.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-Ftehim internazzjonali multilaterali fl-Urugwaj

4.        Fil-15 ta’ April 1994, il-Komunità Ewropea ffirmat l-att finali li kkonkluda n-negozjati kummerċjali multilaterali fl-Urugway, il-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO, kif ukoll il-ftehim kollha u memoranda li jidhru fl-annessi 1 sa 4 (iktar ’il quddiem “il-ftehim WTO”).

5.        Fost dawn l-annessi hemm, b’mod partikolari, il-Ftehim Ġenerali fuq it-Tariffi u l-Kummerċ ta’ l-1994 (iktar ’il quddiem il-“GATT ta’ l-1994”) kif ukoll il-memorandum tal-Ftehim fuq ir-Regoli u l-Proċeduri li jirregolaw is-Soluzzjoni tal-Kontroversji (iktar ’il quddiem, il-“ftehim ta’ soluzzjoni”)(3).

6.        In segiwtu għal dan l-iffirmar, il-Kunsill adotta d-deċiżjoni Nru 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, f’dak li jirrigwarda oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha, tal-ftehim milħuq fil-laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994)(4).

1.      Il-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO

7.        Kif jirriżulta mill-preambolu tal-Ftehim li jistabbilixxi l-WTO, il-partijiet kontraenti għandhom “jidħlu f’arranġamenti[,] reċiproċi u vantaġġużi reċiprokament[,] diretti lejn tnaqqis sostanzjali tat-tariffi u ostakoli oħra għall-kummerċ u [sa]biex jeliminaw it-trattament diskriminatorju fir-relazzjonijiet tal-kummerċ internazzjonali”.

8.        Skond l-Artikolu III(2) ta’ l-imsemmi ftehim, il-WTO tikkostitwixxi “forum għal iktar negozjati fost il-Membri tagħha li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet kummerċjali multilaterali tagħhom”.

9.        L-Artikolu II(2) ta’ l-imsemmi ftehim jippreċiża li “[i]l-ftehim u l-istrumenti legali assoċjati inklużi fl-Annessi 1, 2 u 3 […] jorbtu lill-Membri kollha”(5).

2.      Il-GATT ta’ l-1994

10.      Dan il-ftehim jinsab fl-anness 1A tal-ftehim li jistabbilixxi l-WTO u jikkostitwixxi ftehim multilaterali fuq il-kummerċ tal-merkanzija.

11.      Skond l-Artikolu VI(1) tal-GATT ta’ l-1994, id-dumping, “li jippermetti l-introduzzjoni ta’ prodotti ta’ xi pajjiż fuq is-suq ta’ pajjiż ieħor bi prezz irħas mill-valur normali tagħhom, huwa kundannabbli jekk dan jikkawża jew jhedded li jikkawża dannu materjali għal xi fergħa mill-produzzjoni stabbilita ta’ parti kontraenti jew jekk tittardja b’mod sostanzjali l-ħolqien ta’ fergħa mill-produzzjoni nazzjonali”.

12.      Din id-dispożizzjoni hija implementata bil-ftehim antidumping li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom jistgħu jiġu implementati xi miżuri antidumping.

13.      L-Artikolu 2 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Determinazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ dumping” jipprovdi, fil-paragafu 1, li “prodott għandu jiġi meqjus bħala li huwa l-oġġett ta’ dumping, jiġifieri li ġie introdott fis-suq ta’ pajjiż ieħor bi prezz irħas mill-valur normali tiegħu, jekk il-prezz ta’ l-esportazzjoni ta’ dak il-prodott, meta dan jiġi esportat minn pajjiż għal ieħor, ikun inqas mill-prezz paragunabbli miżmum f’operazzjonijiet kummerċjali normali għall-prodotti simili destinati għall-konsum fil-pajjiż esportatur”.

14.      Id-determinazjoni ta’ l-eżistenza ta’ dumping teħtieġ għalhekk li jiġu stabbiliti l-valur normali ta’ prodott simili fis-suq intern tal-pajjiż ta’ l-oriġni tiegħu (Artikolu 2.2), kif ukoll il-prezz tal-prodott konċernat meta dan jiġi esportat (Artikolu 2.3), bil-għan li jiġi stabbilit il-marġni ta’ dumping (Artikolu 2.4)(6).

15.      Apparti d-determinazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ dumping, jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk din il-prassi tikkawżax dannu kunsiderevoli lill-fergħa ta’ produzzjoni nazzjonali tal-pajjiż ta’ l-importazzjoni. Għal dan l-iskop, l-Artikolu 3(4) tal-ftehim antidumping jelenka l-fatturi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-eżami ta’ l-impatt ta’ l-importazzjonijiet li jkunu l-oġġett ta’ dumping fil-fergħa ta’ produzzjoni nazzjonali kkonċernata.

16.      Fl-aħħar nett, skond l-Artikolu 18(4), dan il-ftehim jimponi li kull parti kontraenti għandha tieħu “l-miżuri kollha neċessarji, ta’ natura ġenerali jew partikolari, sabiex tassigura […] il-konformità tal-liġijiet, regolamenti u proċeduri amministrattivi tagħha mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim preżenti […]”.

3.      Il-ftehim ta’ soluzzjoni

17.      Il-ftehim ta’ soluzzjoni jinsab fl-anness 2 tal-ftehim li jistabbilixxi l-WTO. L-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet adottati abbażi tiegħu huma kompetenza tad-DSB(7).

18.      Skond l-Artikolu 3(2), dan il-ftehim ta’ soluzzjoni għandu l-għan li “[j]ippreserva d-drittijiet u l-obbligi tal-Membri taħt il-ftehim koperti, u biex [j]iċċara d-dispożizzjonijiet ta’ dawk il-ftehim skond [id-drawwiet u l-prattiki] ta’ l-interpretazzjoni tal-liġi pubblika internazzjonali”.

19.      Fil-każ li ma tinstabx soluzjoni miftehma reċiprokament bejn il-partijiet, il-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ kontroversji mwaqqaf b’dan il-ftehim għandu l-għan, skond l-Artikolu 3(7) ta’ l-istess ftehim, li “jassigura l-irtirar tal-miżuri konċernati jekk dawn jinstabu li huma inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim koperti”.

20.      Meta l-irtirar immedjat tal-miżura li tkun meqjusa bħala inkompatibbli jkun impossibbli, il-membru kkonċernat jista’ jingħatalu terminu raġjonevoli skond l-Artikolu 21(3) tal-ftehim ta’ soluzzjoni.

21.      Ma’ l-iskadenza ta’ dan it-terminu u fin-nuqqas ta’ ottempranza, l-Artikolu 22(2) ta’ dan il-ftehim jippermetti wkoll li l-membru kkonċernat jiftaħ negozjati mal-partijiet kollha fil-kwistjoni li jkunu temporanji sabiex jiġi miftiehem kumpens aċċettabbli reċiprokament. Fin-nuqqas, kull parti tista’ titlob lill-WTO biex tissospendi temporanjament l-applikazzjoni tal-konċessjonijiet jew ta’ obbligi oħra fir-rigward ta’ dan il-membru.

B –    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

1.      Is-sistema dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li jkunu l-oġġett ta’ dumping min-naħa tal-pajjiżi barra mill-Komunità Ewropea.

22.      Din is-sistema, fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, kienet irregolat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96(8).

23.      Dan ir-regolament ġie adottat mill-Komunità abbażi ta’ l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 18(4) tal-ftehim antidumping u għandu l-iskop li jittrasponi, safejn ikun possibbli, it-termini ta’ dan il-ftehim sabiex jassigura li l-istess ftehim jiġi applikat bl-iktar mod xieraq u trasparenti(9).

24.      Skond dan ir-regolament, l-investigazzjoni u l-impożizzjoni ta’ dazju provviżorju antidumping jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni. L-adozzjoni ta’ dazju definittiv taqa', min-naħa tagħha, taħt il-kompetenza tal-Kunsill(10). Dawn id-dazji jiġu imposti permezz ta’ regolament u jiġu miġbura mill-Istati membri fil-forma u r-rata ffissata mir-regolament li jimponihom(11).

25.      Sabiex tiġi implementata miżura antidumping, l-Awtoritajiet Komunitarji għandhom l-ewwel isibu l-eżistenza tad-dumping u ta’ dannu kunsiderevoli li jiġi kkaġunata lill-“industrija Komunitarja” li tirriżulta minnha(12). Huma għandhom jaraw ukoll jekk ikunx fl-interess tal-Komunità li jiġi impost id-dazju antidumping.

26.      Skond l-Artikolu 1(1) tar-Regolament bażiku, “[d]azju kontra xiri taħt il-prezz jista’ jiġi applikat għal kwalunkwe prodott mixtri taħt il-prezz li l-liberazzjoni tiegħu għal ċirkulazzjoni ħielsa fil-Komunità tikkawża ħsara”.

27.      Skond l-Artikolu 1(2), prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala li huwa l-oġġett ta’ dumping “jekk il-prezz ta’ l-esportazzjoni tiegħu għall-Komunità ikun inqas minn prezz paragonabbli għal prodott simili[(13)], fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur [(14)]”.

28.      Il-valur normali tal-prodott simili għandu jiġi stabbilit skond il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 tar-Regolament imsemmi. In prinċipju, dan għandu jiġi stabbilit skond il-prezz reali mħallas fil-pajjiż ta’ l-oriġni. Madankollu, meta ma jkun hemm l-ebda bejgħ tal-prodott simili fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, l-Artikolu 2(3) tar-regolament bażiku jippermetti li wieħed iħares lejn il-valur normali kkalkolat b’mod partikolari fuq il-bażi ta’ l-ispiża tal-produzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini flimkien ma’ ammont raġjonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi u spejjeż oħra ġenerali (iktar ’il quddiem l-“ispejjeż BAG”) u għal profitti.

29.      L-Artikolu 2(10) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi sussegwentement il-kriterji li fuqhom l-Istituzzjonijiet jipproċedu b’paragun "xieraq" bejn il-prezz ta’ l-esportazzjoni tal-prodott konċernat u l-valur normali ta’ prodott simili. Dan il-paragun, li jista’ jsir skond it-tliet metodi esposti fl-Artikolu 2(11) ta’ l-istess regolament, iwassal biex ikun jista’ jiġi stabbilit il-marġni ta’ dumping. Dan huwa “l-ammont li permezz tiegħu l-valur normali jaqbeż il-prezz ta’ l-esportazzjoni”(15).

30.      Fir-rigward ta’ l-Artikolu 3 tar-regolament bażiku, dan jipprovdi l-każijiet fejn għandu jiġi stabbilit li hemm dannu kkaġunat lill-industrija tal-Komunità.

31.      Meta jiġi stabbilit li l-importazzjonijiet fil-Komunità huma l-oġġett ta’ dumping li jikkaġunaw dannu materjali, l-Awtoritajiet Komunitarji għandhom fl-aħħar jistabbilixxu, skond l-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, jekk fl-interess tal-Komunità għandhomx jittieħdu xi miżuri antidumping(16).

32.      F’kull każ, l-Artikolu 9(4) ta’ l-imsemmi Regolament jippreċiża li l-ammont tad-dazju definittiv antidumping “ma għandux jaqbeż il-marġini tal-bejgħ taħt il-prezz stabbilit, iżda għandu jkun inqas mill-marġini jekk dazju inqas kien ikun xieraq biex ineħħi d-dannu lill-industrija Komunitarja”(17).

33.      Fin-nuqqas, l-Artikolu 11(8) tar-regolament bażiku jipprovdi li “importatur jista’ jitlob li jerġgħu jitħallsu lura d-dazji miġbura fejn jintwera li l-marġini tal-bejgħ taħt il-prezz, fuq il-bażi li fuqu kienu mħallsa d-dazji, jkun ġie eliminat, jew imnaqqas għal livell li huwa inqas mill-livell tad-dazju infurzat”.

2.      Id-dazji antidumping in kwistjoni li jikkonċernaw l-importazzjonijiet tal-lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan

a)      L-impożizzjoni tad-dazji antidumping ikkontestati

34.      Wara l-impożizzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ta’ dazju provviżorju antidumping fuq l-importazzjonijiet, fil-Komunità, ta’ lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan(18), il-Kunsill, abbazi tar-regolament bażiku, adotta r-regolament (KE) Nru 2398/97(19).

35.      Ir-regolament ikkontestat jikkonferma l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li jgħidu li dawn l-importazzjonijiet huma l-oġġett ta’ dumping li jikkawża dannu materjali lill-industrija tal-Komunità u, fl-interess tal-Komunità, jintroduċi dazju definittiv antidumping.

b)      Il-kontestazzjoni min-naħa tad-DSB tad-dazji antidumping in kwistjoni

36.      Wara li r-regolament ikkontestat introduċa d-dazji definittivi antidumping fuq l-esportazzjonijiet tal-lożor u mħaded, ir-Repubblika ta’ l-Indja interpellat lid-DSB fit-3 ta’ Awwissu 1998 u talbet il-ftuħ ta’ konsultazzjonijiet mal-Komunità Ewropea(20). Peress li l-konsultazzjonijiet ma wasslux għal soluzzjoni miftiehma reċiprokament, ir-Repubblika ta’ l-Indja talbet lid-DSB, skond l-Artikolu 4(7) tal-ftehim ta’ soluzzjoni, sabiex jiġi mwaqqaf grupp speċjali inkarigat b’li jeżamina l-kompatibbiltà ta’ l-imsemmi regolament mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-WTO.

37.      Skond ir-rapport tiegħu ppubblikat fit-30 ta’ Ottubru 2000(21), il-grupp speċjali tad-DSB, minn naħa, sab li l-Komunità kienet kisret l-Artikolu 2.4.2 tal-ftehim antidumping, meta applikat il-metodu tar-“riduzzjoni għal żero” tal-marġni ta’ dumping negattiv meta hija kienet qiegħda tistabbilixxi l-marġni medju peżat ta’ dumping. Min-naħa l-oħra, il-grupp ikkonstata li l-Komunità kienet aġixxiet b’mod li mhux kompatibbli ma’ l-Artikolu 3.4 ta’ dan il-ftehim, għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ l-eżistenza tad-dannu kkaġunat lill-industrija tal-Komunità, meta hija ħadet in kunsiderazzjoni informazzjoni dwar il-produtturi li ma kinux jiffurmaw parti mill-produzzjoni nazzjonali bħalma kienet ġiet definita mill-awtoritajiet inkarigati mill-investigazzjoni u meta hija ma evalwatx il-fatturi kollha rilevanti li jeffettwaw is-sitwazzjoni ta’ dawn il-produtturi.

38.      Adit bir-rikors ippreżentat mill-Komunità, il-korp permanenti ta’ l-appell tad-DSB, fir-rapport tiegħu ta’ 1 ta’ Marzu 2001(22), ikkonferma l-konstatazzjoni tal-grupp speċjali li jgħid li l-użu tal-metodu tar-“riduzzjoni għal żero” mill-Komunità, fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni antidumping in kwistjoni, kien inkompatibbli ma’ l-Artikolu 2.4.2 tal-ftehim antidumping. Barra minn hekk, il-korp permanenti ta’ l-appell ikkonstata li l-Komunità kienet ukoll aġixxiet b’mod li huwa inkompatibbli ma’ l-Artikolu 2.2.2(ii) ta’ l-istess ftehim matul il-kalkolu tal-valur normali “kostrutt” tal-prodott u partikolarment ta’ l-ammonti relatati mal-profitti.

39.      Fit-12 ta’ Marzu 2001, id-DSB adottat ir-rapporti tal-grupp speċjali u ta’ l-korp permanenti ta’ l-appell u talbet lill-Komunità sabiex, skond l-Artikolu 19(1) tal-ftehim ta’ soluzzjoni, tikkonforma l-miżuri tagħha mal-ftehim antidumping.

40.      Skond l-Artikolu 21(3)(b) tal-ftehim ta’ soluzzjoni, ir-Repubblika ta’ l-Indja u l-Komunità ftehmu fuq terminu raġjonevoli għall-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u tad-deċiżjonijiet tad-DSB, li skada fl-14 ta’ Awwissu 2001.

c)      Ir-reviżjoni tad-dazji antidumping in kwistjoni mill-Komunità wara r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB

41.      Fit-23 ta’ Lulju 2001, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1515/2001 fuq il-miżuri li jistgħu jittieħdu mill-Komunità wara rapport adottat mill-Korp ta’ Risoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO dwar kwistjonijiet fuq antidumping u antisussidji(23).

42.      Dan ir-regolament għandu l-iskop li, skond ir-raba' premessa tiegħu, fejn tqis li huwa xieraq, jippermetti lill-Komunità li tikkonforma miżura, adottata b’mod partikolari fil-kuntest tar-Regolament bażiku, mar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet li jkunu jinsabu f’rapport adottat mid-DSB.

43.      Għal dan il-għan, l-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 1515/2001 jipprovdi li l-Kunsill jista’ jħassar jew ibiddel il-miżura kkontestata.

44.      Barra minn hekk, skond l-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, “[i]l-Kunsill jista’ wkoll jadotta kwalunkwe mill-miżuri msemmija fl-Artikolu 1(1) sabiex jieħu konsiderazzjoni ta’ l-interpretazzjonijiet legali magħmula fir-rapport adottat mid-DSB dwar miżura mhux kontestata, jekk tqis li dan ikun xieraq.”

45.      L-Artikolu 3 tar-regolament imsemmi jippreċiża, fl-aħħar nett, li “Kwalunkwe miżura adottata skond dan ir-Regolament, kemm-il darba ma jiġix indikat mod ieħor, jibda jkolla effett mid-data li din tidħol fis-seħħ u ma tipprovdix l-ebda bażi għar-rimborż tad-dazju li nġabar qabel dik id-data għandha.”

46.      Huwa abbażi ta’ l-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 1515/2001 li l-Kunsill adotta, fis-7 ta’ Awwissu 2001, ir-Regolament (KE) Nru 1644/2001(24) li jemenda, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tad-DSB, il-konklużjonijiet relattivi għall-importazzjonijiet provenjenti mill-Indja stabbiliti fil-kuntest tar-regolament ikkontestat.

47.      Din l-emenda tikkonċerna d-determinazzjoni tal-valur normali “kostrutt” ta’ prodott simili, il-kalkolu tal-marġni medju peżat tad-dumping (ebda ‘riduzzjoni għal żero’ ma ġiet applikata) u fl-aħħar nett, id-determinazzjoni ta’ l-eżistenza tad-dannu.

48.      Fid-dawl tar-reviżjoni, il-Kunsill ikkonferma l-eżistenza ta’ dumping li jikkaġuna dannu lill-industrija tal-Komunità minħabba l-importazzjonijiet provenjenti mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan. Huwa kkonstata madankollu l-eżistenza ta’ dumping inferjuri u naqqas ir-rata tad-dazji antidumping introdotti mir-regolament ikkontestat f’dak li jirrigwarda l-esportazzjonijiet magħmulin mill-Indja(25). Il-Kunsill, iddeċieda, barra minn hekk, li jissospendi l-applikazzjoni tal-miżuri antidumping(26).

49.      Sussegwentement, abbażi ta’ l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1515/2001, il-Kunsill deherlu li jkun xieraq li, billi jadotta r-Regolament Nru 160/2002(27), jerġa jirrevedi l-miżuri relattivi għall-importazzjonijiet provenjenti mill-Eġittu u mill-Pakistan (li ma kinux is-suġġetti ta’ kontestazzjoni quddiem id-DSB).

50.      L-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament jissospendi l-applikazzjoni tad-dazji antidumping introdotti mir-regolament ikkontestat f’dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet provenjenti mill-Eġittu u jiffissa d-data ta’ l-iskadenza ta’ dawn id-dazji għat-28 ta’ Frar 2002(28).

51.      F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 2 tar-Regolament imsemmi, dan jagħlaq il-proċedura relattiva għall-importazzjonijiet provenjenti mill-Pakistan safejn il-kalkolu l-ġdid wera li ma kien hemm ebda dumping għall-esportazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat min-naħa ta’ xi waħda mill-kumpanniji tal-Pakistan.

52.      Fid-dawl tat-tħassir tal-miżuri li jirrigwardaw l-importazzjonijiet provenjenti mill-Pakistan u ta’ l-iskadenza tal-miżuri li jirrigwardaw l-importazzjonijiet provenjenti mill-Eġittu, il-Kunsill għamel reviżjoni tal-konklużjonijiet li jirrigwardaw l-importazzjonijiet provenjenti mill-Indja. Wara din l-analiżi, ibbażata fuq l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku(29), il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 696/2002(30) li jikkonferma d-dazju definittiv antidumping introdott fuq l-importazzjonijiet Indjani, kif emendat bir-regolament Nru 1644/2001.

II – Il-kwistjoni u l-proċedura fil-kawża prinċipali

53.      B’ittra ta’ l-10 ta’ Ġunju 2002, Ikea Wholesale Ltd (iktar ’il quddiem “Ikea” jew “ir-rikorrenti”) talbet lill-Commissioners of Csutoms and Excise (iktar ’il quddiem il-“Commissioners”) rifużjoni tad-dazji antidumping imħallsin fuq importazzjonijiet ta’ lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Indja u mill-Pakistan. Ikea talbet ir-rifużjoni ta’ GBP 230 301,74, korrispondenti għad-dazji miġbura fuq l-importazzjonijiet tagħha provenjenti mill-Pakistan matul il-perijodu bejn Marzu 2000 u Jannar 2002, u ta’ GBP 69 902,29, korrispondenti għall-parti mid-dazji miġbura fuq l-importazzjonijiet tagħha provenjenti mill-Indja matul il-perijodu ta’ bejn Marzu 2000 u Awwissu 2001.

54.      Din it-talba għal rifużjoni saret abbażi ta’ l-Artikoli 236 u 239 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità(31). Sabiex issostni t-talba tagħha, Ikea invokat l-illegalità tar-Regolament ikkontestat u partikolarment ta’ l-analiżi magħmula mill-Awtoritajiet Komunitarji għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dawn id-dazji. Ir-rikorrenti bbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-konklużjonijiet tar-rapport tad-DSB.

55.      Il-Commissioners ċaħdu din it-talba u kkonfermaw din id-deċiżjoni wara proċedura formali ta’ reviżjoni amministrattiva fejn ikkunsidraw, minn naħa, li r-regolament ikkontestat kien jimponi dazju definittiv antidumping fuq dawn l-importazzjonijiet matul il-perijodu in kwistjoni u min-naħa l-oħra, li r-Regolamenti Nri 1644/2001 u 160/2002 ma kinux jipprovdu għal ebda rifużjoni retrospettiv tad-dazji miġbura diġà.

56.      Konsegwentement Ikea ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-VAT and Duties Tribunal (Londra). B’deċiżjoni tat-8 ta’ Settembru 2003, dan l-istess Tribunal ċaħad ir-rikors abbażi tal-fatt, b’mod partikolari, li fin-nuqqas ta rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, ir-regolamenti in kwistjoni kienu saru definittivi fir-rigward tar-rikorrenti.

57.      Fil-31 ta’ Ottubru 2003, Ikea ppreżentat appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division. Hija sostniet, minn naħa, li hija ma kinitx ikkonċernata direttament u individwalment mir-regolamenti in kwistjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 230 KE. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti kienet tikkunsidra li dawn ir-regolamenti kienu illegali.

58.      Din il-qorti annullat id-deċiżjoni tal-VAT and Duties Tribunal fejn qalet li Ikea ma kellhiex locus standi sabiex direttament tniedi azzjoni għal annullament quddiem il-qorti Komunitarja skond l-Artikolu 230 KE, safejn la r-regolament ikkontestat u lanqas ir-Regolamenti Nri 1644/2001 u 160/2002 ma kienu jikkonċernawha direttament u individwalment. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija kkunsidrat li r-rikorrenti setgħet tikkontesta dawn ir-regolamenti fil-kuntest tar-rikors ippreżentat quddiema kontra r-rifjut għar-rifużjoni tad-dazji u li kien l-istess qorti ta’ rinviju li kellha tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’domanda preliminari fuq il-validità tar-regolamenti in kwistjoni.

III – Id-domandi preliminari

59.      Peress li kellha dubji fir-rigward tal-validità tar-regolament ikkontestat kif ukoll tar-Regolamenti Nri 1644/2001, 160/2002 u 696/2002 (iktar ’il quddiem ir-“regolamenti sussegwenti”), il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja l-mistoqsijiet preliminari segwenti:

“1)      Fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-grupp speċjali tal-Korp ta’ Risoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO fir-rapport tiegħu tat-30 ta’ Ottubru 2000, punt 7.2(g) u (h), WT/DS1412/R, u tal-Korp permanenti ta’ l-appell tal-Korp ta’ Risoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO fid-deċiżjoni tiegħu ta’ l-1 ta’ Marzu 2002, punti 86 u 87, WT/DS1141/AB/R, għandu jitqies li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2398/97 tat-28 ta’ Novembru 1997, li jintroduċi dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan […] huwa, in toto jew in parte inkompatibbli mad-dritt Komunitarji safejn dan:

a)      jissuġġetta l-kalkolu ta’ l-ammont ta’ l-ispejjeż tal-bejgħ, spejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħrajn, kif ukoll il-profitti, għal metodu żbaljat, li jmur kontra l-Artikolu 2(6)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif emendat, u kontra l-Artikolu 2.2.2(ii) tal-ftehim antidumping,

b)      japplika metodu żbaljat billi jagħmel użu mill-prassi tar-‘riduzzjoni għal żero’ biex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ marġni ta’ dumping meta jqabbel il-valur normali mal-prezz ta’ l-esportazzjoni, u dan kontra l-Artikolu 2(11) tar-Regolament Nru 384/96 u l-Artikolu 2.4.2 tal-ftehim antidumping, u/jew

ċ)      jonqos milli jevalwa l-fatturi kollha rilevanti li jikkawżaw dannu u li jeffettwaw is-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità, u huwa żbaljat meta, biex jistabbilixxi d-dannu, jistrieħ fuq fatturi li jikkonċernaw kumpanniji li ma jagħmlux parti mill-industrija tal-Komunità, u dan bi ksur ta’ l-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 384/96 u ta’ l-Artikolu 3.4 tal-ftehim antidumping?

2)      Wieħed jew iktar minn dawn ir-regolamenti:

a)      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1644/2001, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2398/97, li jintroduċi dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan u li jissospendi l-applikazzjoni ta’ l-istess fejn tiegħu f’dak li jikkonċerna l-importazzjonijiet provejenti mill-Indja,

b)      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 160/2002, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2398/97, li jimponi dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan, u li jagħlaq il-proċedura f’dak li għandhom x’jaqsmu l-importazzjonijiet provenjenti mill-Pakistan, u/jew

ċ)      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 696/2002, li jikkonferma d-dazju definittiv antidumping impost fuq l-importazzjonijiet ta’ lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Indja mir-Regolament 2398/97, emendat u sospiż mir-Regolament (KE) Nru 1644/2001,

huwa inkompatibbli mad-dritt Komunitarji (inklużi l-Artikoli 1, 7(1), u 9(4) tar-Regolament Nru 384/96, meta moqrija fid-dawl ta’ l-Artikoli 1, 7.1, u 9 tal-ftehim antidumping), safejn i) dawn ġew adottati abbażi ta’ evalwazzjoni mill-ġdid ta’ l-informazzjoni miġbura matul il-perijodu ta’ l-investigazzjoni inizjali, evalwazzjoni mill-ġdid li minnha rriżulta li ma kien hemm ebda dumping u li l-istess dumping kien ta’ livell iktar baxx matul il-perijodu msemmi, iżda ii) li dawn ma kinux jipprovdu għar-rifużjoni ta’ l-ammonti mħallsin diġà skond ir-Regolament Nru 2398/97?

3)      Ir-Regolamenti Nru 1644/2001, 160/2002 u 696/2002 huma, barra minn hekk, inkompatibbli ma’ l-Artikoli 7(2) u 9(4) tar-Regolament Nru 384/96 u mal-prinċipju tal-proporzjonalità, safejn jipprovdu livell ta’ dazju antidumping li mhuwiex strettament proporzjonat ma’ l-ammont ta’ dumping jew mad-dannu li dan id-dazju huwa maħsub li jikkompensa?

4)      Ir-risposti għad-domandi ta’ hawn fuq għandhom ikunu differenti f’dak li jikkonċerna l-esportazzjonijiet provenjenti mill-Indja meta mqabbla ma’ dawk provenjenti mill-Pakistan, fid-dawl:

a)       tal-proċeduri segwiti quddiem il-Korp ta’ Risoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO, u/jew

b)      tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fir-Regolamenti Nri 1644/2001, 160/2002 u 696/2002?

5)      Fid-dawl tar-risposti għall-mistoqsijiet ta’ hawn fuq:

a)      awtorità doganali nazzjonali għandha tirrifondi in toto jew in parte d-dazji antidumping li hija tkun ġabret b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 2398/97, u

b)      jekk iva, min għandu jibbenefika minn din ir-rifużjoni, u taħt liema kundizzjonijiet għandha sseħħ l-istess rifużjoni?”

IV – Is-suġġett tad-domandi preliminari

60.      Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti ta’ rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa l-validità tar-regolament ikkontestat. Minn naħa, din tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet magħmulin mid-DSB fil-kuntest tar-rapporti fuq l-importazzjonijiet tal-lożor u mħaded jistgħux jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-evalwazzjoni tagħha tal-validità tar-regolament imsemmi fid-dawl tad-dritt Komunitarju, u min-naħa l-oħra, il-validità ta’ l-analiżi magħmula mill-Awtoritajiet Komunitarji fil-kuntest ta’ l-impożizzjoni tad-dazji definittivi antidumping in kwistjoni.

61.      Permezz tat-tieni u t-tielet domandi, il-qorti tar-rinvjiu tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-validità tar-regolamenti sussegwenti. Il-problema tirrigwarda l-punt dwar jekk, peress li ma pprovdewx għar-rifużjoni tad-dazji antidumping miġburin skond ir-regolament ikkontestat, dawn ir-regolamenti jmorrux kontra r-regolament bażiku (meta moqri fid-dawl tal-ftehim antidumping) u partikolarment, kontra l-prinċipju tal-proporzjonalità.

62.      F’dan il-kuntest, il-qorti ta’ rinviju, permezz tar-raba' domanda tagħha, tistaqsi jekk ir-risposti għall-mistoqsijiet preċedenti jkunux differenti skond jekk l-importazzjonijiet ikunux ġejjin mill-Indja jew mill-Pakistan.

63.      Fl-aħħar nett, hija tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tal-ħames domanda tagħha, sabiex tippreċiża, jekk ikun il-każ, il-mod kif għandha ssir ir-rifużjoni eventwali tad-dazji miġburin skond ir-regolament ikkontestat.

64.      Jiena ser neżamina l-mistoqsijiet magħmulin fl-ordni indikata hawn fuq.

V –    Fuq il-validità tar-regolament ikkontestat

65.      Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti ta’ rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huwiex meħtieġ li tiġi ddikjarata l-inkompatibbiltà tar-regolament ikkontestat mar-regolament bażiku safejn id-DSB ikkonstata li l-ewwel regolament kien inkompatibbli mal-ftehim antidumping.

66.      Il-domanda tqum, fil-fatt, minħabba li, kif nixtieq infakkar, ir-regolament bażiku għandu l-iskop (kif deskritt fil-ħames premessa tiegħu) li jittrasponi, fid-dritt Komunitarju, ir-regoli tal-ftehim antidumping, bil-għan li jassigura applikazzjoni xierqa u trasparenti.

67.      Fost dawn ir-regoli hemm, b’mod partikolari, dawk dwar id-determinazzjoni ta’ l-eżistenza tad-dumping u tad-dannu. B’hekk, il-metodi ta’ kalkolu li jinsabu fl-Artikoli 2.2.2(ii) u 2.4.2 tal-ftehim antidumping, kif ukoll l-elementi li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza tad-dannu msemmi fl-Artikolu 3.4 tal-ftehim imsemmi jinsabu trasposti f’termini kważi identiċi fir-regolament bażiku.

68.      Fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill(32), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, bl-adozzjoni tar-regolament bażiku, il-Komunità kellha l-intenzjoni li tissodisfa l-obbligi internazzjonali tagħha li jirriżultaw mill-ftehim antidumping. F’dan ir-rigward, hija nnutat li, permezz ta’ l-Artikolu 2(11) ta’ dan ir-regolament, l-Awtoritajiet Komunitarji kellhom l-intenzjoni li jwettqu l-obbligi partikolari li hemm fl-Artikolu 2.4.2 tal-ftehim imsemmi(33).

69.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, skond il-ġurisprudenza tagħha li tirriżulta mis-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill(34), hija kellha l-obbligu li tistħarreġ il-legalità ta’ regolament tal-Kunsill li jimponi dazji definittivi antidumping abbażi tar-regolament bażiku – bħar-regolament ikkontestat – fid-dawl mhux biss tad-dritt Komunitarju, iżda wkoll tal-ftehim antidumping.

70.      Fl-opinjoni tiegħi, din il-konklużjoni għandha tapplika, fl-istess termini, għall-kawża preżenti. Fil-fatt, permezz ta’ l-Artikoli 2(6)(a) u 3(5) tar-regolament bażiku, il-Komunità kellha l-intenzjoni twettaq l-obbligi partikolari li kienu jinkludu rispettivament l-Artikoli 2.2.2(ii) u 3.4 tal-ftehim antidumping.

71.      F’dawn iċ-ċirkustanzi u skond il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, jiena ta’ l-opinjoni li l-validità tar-regolament ikkontestat m'għandha tiġi analizzata biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-regolament bażiku iżda wkoll fid-dawl tar-regoli korrispondenti tal-ftehim antidumping.

72.      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li mhemm ebda differenza notevoli fil-kliem użat bejn id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolament bażiku u r-regoli korrispondenti li jinsabu fil-ftehim antidumping.

73.      Effettivament, l-oriġni ta’ din il-kawża tinsab fil-fatt li d-DSB interpreta r-regoli rilevanti tal-ftehim antidumping b’mod differenti mill-interpretazzjoni mogħtija mill-Istituzzjonijiet Komunitarji tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-regolament bażiku waqt l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

74.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni hija dwar jekk l-interpretazzjoni tar-regoli rilevanti tal-ftehim antidumping li jagħti d-DSB tistax torbot lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-interpretazzjoni tagħha tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-regolament bażiku u, konsegwentement, fl-istħarriġ tagħha tal-legalità tar-regolament ikkontestat fid-dawl ta’ dan il-ftehim.

75.      Fi kliem ieħor jekk il-Komunità, peress li ttraspożizzjoni fid-dritt Komunitarju tat-termini tal-ftehim antidumping, hijiex marbuta bl-interpretazzjonijiet tad-DSB?

76.      Qabel ma nipproċedu għall-eżami tal-validità tar-regolament ikkontestat, jeħtieġ għalhekk li tiġi analizzata l-kwistjoni dwar jekk ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB, li jinterpretaw it-termini tal-ftehim antidumping, humiex, fil-każ preżenti, tali li jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja.

A –    Fuq l-effett tar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-validità tar-regolament ikkontestat

77.      Bl-istess mod bħall-Kunsill u l-Kummissjoni, jiena ta’ l-opinjoni li l-interpretazzjonijiet tal-ftehim antidumping adottati mid-DSB fil-kuntest tar-rapporti fuq l-importazzjonijiet tal-lożor u mħaded ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-evalwazzjoni tagħha tal-validità tar-regolament ikkontestat.

78.      Fil-fatt, li kieku dawn kellhom ikunu applikabbli, dawn l-interpretazzjonijiet jiddeterminaw inevitabbilment l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti tar-regoli korrispondenti tad-dritt Komunitarju.

79.      Din is-soluzzjoni tippreġudika l-awtonomija ta’ l-ordni ġuridiku Komunitarju fil-persegwiment ta’ l-għanijiet tiegħu.

80.      Fil-fatt, trattat internazzjonali għandu jiġi interpretat mhux biss skond it-termini li bihom jiġi miktub, iżda wkoll fid-dawl ta’ l-għanijiet tiegħu. L-Artikolu 31(1) tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-liġi tat-trattati tat-23 ta’ Mejju 1969(35) jippreċiża, f’dan ir-rigward, li “trattat għandu jiġi interpretat bi buona fede skond is-sens ordinarju li għandu jingħata lit-termini [tiegħu] […] fil-kuntest tagħhom u fid-dawl ta’ l-għan u l-iskop tiegħu”(36).

81.      B’hekk, l-identiċità ta’ bejn it-termini tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim antidumping u tad-dispożizzjonijiet Komunitarji korrispondenti ma tfissirx, fl-opinjoni tiegħi, li huma għandhom neċessarjament jiġu interpretati bl-istess mod.

82.      Fil-fatt, l-interpretazzjonijiet li għalihom jirrikorri d-DSB huma kkundizzjonati min-natura u l-obbjettivi proprji persegwiti mill-WTO. Dawn ta’ l-aħħar huma differenti ħafna minn dawk persegwiti mid-dritt Komunitarju.

83.      Għalkemm il-ftehim li jistabbilixxi l-WTO fih diversi regoli vinkolanti għall-partijiet kontraenti(37), dan jikkostitwixxi prinċipalment forum fejn il-membri jinnegozjaw fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali multilaterali tagħhom.

84.      L-għan tas-sistema kummerċjali internazzjonali mhuwiex li tinħoloq komunità bbażata fuq id-dritt u lanqas suq uniku bħal dak persegwit fi ħdan il-Komunità Ewropea(38). Imma iktar modestament, jikkostitwixxi qafas istituzzjonali komuni li fih il-partijiet kontraenti jinnegozjaw “abbażi ta’ reċiproċità u benefiċċju reċiproku”(39) drittijiet u obbligi bil-għan, b’mod partikolari, li jitnaqqsu l-ostakli għall-kummerċ u jeliminaw id-diskriminazzjoni fir-relazzjonijiet kummerċjali internazzjonali(40).

85.      Fil-persegwiment ta’ dawn l-għanijiet, id-dispożizzjonijiet tal-ftehim WTO jiġu interpretati skond approċċi u metodi differenti minn dawk li jistgħu jiġu kkunsidrati mill-qorti Komunitarja.

86.      B’hekk, skond l-Artikolu 3(2) tal-ftehim ta’ soluzzjoni, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu kkjarifikati “skond ir-regoli normali ta’ interpretazzjoni tad-dritt pubbliku internazzjonali”(41). Barra minn hekk, l-interpretazzjonijiet uffiċjali ta’ dawn il-ftehim jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ l-organi politiċi tal-WTO, jiġifieri l-konferenza ministerjali(42) u l-kunsill ġenerali tal-WTO(43).

87.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tan-natura u l-għanijiet persegwiti mill-WTO u l-Komunità, jiena ta’ l-opinjoni li l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tkun marbuta bl-interpretazzjonijiet mogħtija mid-DSB jirrappreżenta periklu għall-awtonomija ta’ l-ordni ġuridiku Komunitarju.

88.      Jekk jiġi aċċettat il-kuntrarju ta’ dan ikun ifisser ukoll li tkun qiegħda tiġi kkontestata l-kompetenza ġurisdizzjonali esklużiva mogħtija lill-qorti Komunitarja, skond l-Artikolu 220 KE, fl-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt Komunitarju.

89.      Huwa minnu li, fl-opinjoni tagħha 1/91(44), il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li, “meta ftehim internazzjonali jipprevedi sistema ġurisdizzjonali proprju li jinkludi qorti kompetenti biex tirregola l-kontroversji bejn il-partijiet kontraenti f’dak l-akkordju u, konsegwentement, biex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tiegħu, id-deċiżjonijiet ta’ dik il-qorti jorbtu lill-Istituzzjonijiet tal-Komunità, inkluża l-Qorti tal-Ġustizzja”(45). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li “[f]tehim internazzjonali li jipprevedi tali sistema ġurisdizzjonali huwa, fil-prinċipju, kompatibbli mad-dritt Komunitarju [u li] l-kompetenza tal-Komunità fil-qasam tar-relazzjonijiet internazzjonali u l-kapaċità tagħha li tikkonkludi ftehim internazzjonali jinvolvu neċessarjament il-fakultà li tassoġġetta ruħha għad-deċiżjonijiet ta’ korp ġudizzjarju maħluq jew kontemplat bis-saħħa ta’ dawn il-ftehim, f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħhom”(46).

90.      Madankollu, f’din l-opinjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-ftehim in kwistjoni kellu l-effett li fl-ordni ġuridiku Komunitarju jdaħħal numru vast ta’ regoli ġuridiċi flimkien ma grupp ta’ regoli Komunitarji li l-kliem tagħhom kien identiku(47). Hija kkonstatat b’hekk li l-għan tal-ftehim in kwistjoni “[kien] jeżiġi mhux biss l-interpretazzjoni tar-regoli proprji ta’ dan il-ftehim, iżda wkoll dik tar-regoli korrispondenti tad-dritt Komunitarju"(48).

91.      Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, “peress li jikkundizzjona l-interpretazzjoni futura tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-moviment liberu u tal-kompetizzjoni, il-mekkaniżmu ġudizzjarju previst mill-ftehim jippreġudika l-Artikolu 164 tat-Trattat KEE [li sar l-Artikolu 220 KE] u, b’mod aktar ġenerali, il-fundamenti stess tal-Komunità”(49).

92.      F’dawn iċ-ċirkustanzi u anke jekk l-interpożizzjoni tar-regoli tal-ftehim antidumping u tad-dritt Komunitarju mhijiex daqshekk vasta daqs dik identifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-opinjoni msemmija, nikkunsidra li l-konstatazzjonijiet magħmulin mill-qorti Komunitarja japplikaw, a fortiori, għall-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ kontroversji stabbilit mill-ftehim tal-WTO.

93.      Fil-fatt, minkejja t-titjib kunsiderevoli li akkompanja l-passaġġ mill-GATT għall-WTO(50) - b’mod partikolari dawk relatati mat-tisħiħ tal-mekkaniżmu ta’ soluzzjoni ta’ kontroversji – dan ta’ l-aħħar ma jipprovdix, fil-fehma tiegħi, għall-ħolqien ta’ korp ta’ natura ġudizzjarja.

94.      Għalhekk, skond l-Artikolu 19 tal-ftehim ta’ soluzzjoni, ir-rapporti stabbiliti mill-gruppi speċjali u l-organi ta’ appell mhumiex ħlief rakkomandazzjonijiet(51). Fir-rigward tad-deċiżjonijiet, dawn mhumiex, fil-fehma tiegħi, atti ġudizzjarji vinkolanti la fil-forma u lanqas fil-mertu. Fil-fatt, dawn id-deċiżjonijiet jiġu adottati mill-kunsill ġenerali tal-WTO li, minkejja li huwa jiddeċiedi bħala korp ta’ Risoluzzjoni ta’ Tilwim, huwa biss korp politiku.

95.      Barra minn hekk, minkejja l-eżistenza ta’ deċiżjoni tad-DSB, il-ftehim ta’ soluzzjoni jirriżerva post importanti għan-negozjar bejn il-partijiet fil-kontroversja.

96.      Bħalma indikajna, dan il-ftehim ta’ soluzzjoni jikkontempla qabel kollox “soluzzjoni pożittiva tal-kontroversji”(52). Għalhekk, minkejja l-obbligu tal-partijiet kontraenti biex iwettqu “fl-iqsar żmien” ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB(53), dawn jistgħu madankollu jiftehmu fuq terminu raġjonevoli sabiex jirtiraw l-att ikkontestat. Fin-nuqqas, il-partijiet imsemmijin jistgħu jinnegozjaw “miżuri provviżorji”(54), bħalma huwa kumpens “aċċettabbli reċiprokament” jew is-sospensjoni tal-konċessjonijiet jew ta’ obbligi oħrajn(55). Minkejja s-sorveljanza eżerċitata mid-DSB fuq l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet adottati(56), m'hemm xejn fit-test tal-ftehim ta’ soluzzjoni li jippermetti li jiġi eskluż li dawn il-miżuri negozjati, bħala prinċipju, b’mod provviżorju, ma jibqgħux jeżistu.

97.      Huwa minħabba r-rwol importanti li għandhom in-negozjati fil-ftehim ta’ soluzzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra, b’mod kostanti, “li wieħed jimponi fuq l-organi ġudizzjarji l-obbligu li jiskartaw l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt intern li jkunu inkompatibbli mal-ftehim WTO jista’ jkollu bħala effett li tiddgħajjef il-pożizzjoni ta’ l-organi leġiżlattivi jew eżekuttivi fit-tama li tinsab soluzzjoni għall-kontroversja li hija reċiprokament sodisfaċenti u skond ir-regoli tal-WTO”(57).

98.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, nikkunsidra għalhekk li, biex tevalwa l-validità tar-regolament ikkontestat, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tkun marbuta ma’ l-interpretazzjonijiet magħmulin mid-DSB fir-rapporti tagħha fuq l-importazzjonijiet tal-lożor u mħaded.

B –    Fuq il-validità tar-regolament ikkontestat fid-dawl tar-regolament bażiku u l-ftehim antidumping

99.      Permezz ta’ dawn id-domandi preliminari, il-qorti ta’ rinviju tistaqsi jekk l-Awtoritajiet Komunitarji aġixxewx b’mod inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-regolament bażiku u tal-ftehim antidumping, l-ewwel nett, meta stabbilixxew il-valur normali kostrutt tal-prodott, it-tieni nett, meta applikaw il-metodi tar-‘riduzzjoni għal żero’ waqt l-istabbiliment tal-marġni globali ta’ dumping u, it-tielet nett, meta evalwaw l-eżistenza u l-importanza tad-dannu kkaġunat lill-industrija tal-Komunità.

100. Jidhrilna li hemm bżonn isiru żewġ osservazzjonijiet preliminari.

101. L-ewwel osservazzjoni tirrigwarda l-portata ta’ l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja fil-kuntest ta’ l-introduzzjoni, mill-Kunsill, ta’ miżuri antidumping.

102. Għandu jiġi mfakkar li, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni u, b’mod partikolari, fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-Istituzzjonijiet Komunitarji jgawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa' minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom janalizzaw(58).

103. Din id-diskrezzjoni tkopri mhux biss l-adozzjoni tar-regolament bażiku – fil-limiti indikati mill-ftehim antidumping -, iżda wkoll l-azzjonijiet konkreti ta’ protezzjoni antidumping adottati abbażi ta’ l-istess regolament(59).

104. Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament iddeċidiet li l-għażla bejn id-diversi metodi ta’ kalkolu tal-marġni ta’ dumping indikati f’regolament bażiku kif ukoll l-evalwazzjoni tal-valur normali ta’ prodott (60) jew ukoll id-determinazzjoni ta’ l-eżistenza tad-dannu(61) jippresupponu l-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.

105. Skond ġurisprudenza stabbilita l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ evalwazzjoni bħal din għandu għalhekk jiġi limitat għall-verifika ta’ l-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-korrettezza materjali tal-fatti kkonstatati sabiex issir l-għażla kontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter(62). Min-naħa l-oħra, mhuwiex l-obbligu tal-qorti Komunitarja li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha flok dik ta’ l-Istituzzjonijiet kompetenti sabiex jagħmlu din l-għażla.

106. Barra minn hekk, dan l-istħarriġ għandu jirrigwarda biss l-elementi li l-Istituzzjonijiet jkollhom waqt l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat(63).

107. It-tieni osservazzjoni tirrigwarda l-portata ta’ l-obbligu tal-motivazzjoni li għandhom l-Istituzzjonijiet Komunitarji skond l-Artikolu 253 KE, meta huma jadottaw miżuri antidumping.

108. Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament ta’ l-istituzzjoni, li tkun adottat l-att, b’mod li tippermetti lill-interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u sabiex il-qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Skond din il-ġurisprudenza, ma jistax madankollu jiġi mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi ta’ fatt u tad-dritt kollha rilevanti. Il-portata ta’ l-obbligu tal-motivazzjoni għandha, fil-fatt, tiġi evalwata skond il-kuntest u l-proċedura fil-kuntest li fih ġie adottat ir-regolament ikkontestat, kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-materja kkonċernata(64).

109. F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda r-regolament li jintroduċi dazju definittiv antidumping, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Awtoritajiet Komunitarji mhumiex obbligati li jippreċiżaw id-dettalji kollha tar-raġunament tagħhom, sakemm l-impriżi interessati ma jkunux qajjmu oġġezzjonijiet matul il-proċedura amministrattiva(65).

110. Wara li ngħad dan, għandu jiġi vverifikat jekk dawn l-Awtoritajiet wettqux, għall-finijiet ta’ l-introduzzjoni tad-dazji antidumping in kwistjoni, żball manifest ta’ evalwazzjoni, l-ewwel nett, meta stabbilew il-valur normali kostrutt tal-prodott, it-tieni nett, meta applikaw il-metodu tar-‘riduzzjoni għal żero’ waqt l-istabbiliment tal-marġni globali ta’ dumping, u t-tielet nett, meta evalwaw l-eżistenza u l-importanza tad-dannu kkaġunat lill-industrija tal-Komunità.

1.      Fuq il-kalkolu tal-valur normali kostrutt tal-prodott

111. Il-qorti ta’ rinviju tistaqsi l-ewwel nett lill-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-kompatibbiltà tal-metodu użat mill-Istituzzjonijiet Komunitarji bil-għan li jibnu l-valur normali tal-prodotti esportati mis-soċjetajiet Indjani u Pakistani fid-dawl ta’ l-Artikoli 2(6)(a) tar-regolament bażiku u 2.2.2(ii) tal-ftehim antidumping.

112. Infakkru li skond l-Artikolu 1(2) tar-Regolament bażiku, “[p]rodott għandu jiġi kkunsidrat bħala li huwa l-oġġett ta’ dumping jekk il-prezz ta’ l-esportazzjoni tiegħu għall-Komunità jkun inqas minn prezz paragonabbli għal prodott simili[ ], fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur”(66). Id-determinazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ dumping timplika għalhekk paragun bejn, minn naħa, il-prezz għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat mill-investigazzjoni, u min-naħa l-oħra, il-valur normali ta’ prodott simili fuq is-suq intern tal-pajjiż ta’ oriġini(67).

113. Id-determinazzjoni tal-valur normali ta’ prodott simili tikkostitwixxi għalhekk fażi essenzjali li tippermetti lill-Awtoritajiet inkarigati mill-investigazzjoni sabiex jistabbilixxu l-eżistenza tad-dumping eventwali.

114. Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2(1) tar-regolament bażiku, il-valur normali tal-prodott simili “għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti mill-pajjiż esportatur”(68).

115.  Meta ma jkun hemm l-ebda bejgħ jew meta ma jkunx hemm biżżejjed(69) bejgħ tal-prodott simili fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, il-valur normali ta’ prodott simili għandu jiġi “kkalkolat”, skond l-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament, fuq il-bażi ta’ l-ispiża tal-produzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini flimkien ma’ ammont raġjonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi u għal profitti. Skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-metodu huwa maħsub biex jistabbilixxi l-prezz tal-bejgħ ta’ prodott kieku dan il-prodott kien mibjugħ fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew ta’ l-esportazzjoni(70).

116. Id-determinazzjoni ta’ l-ammonti korrispondenti għall-ispejjeż VAG u għall-profitti tista’ tiġi stabbilita skond erba' metodi ta’ kalkolu li jinsabu fl-Artikolu 2(6) tar-regolament imsemmi.

117. Bħala prinċipju, dawn l-ammonti jiġu stabbiliti fuq informazzjoni reali li tirrigwarda l-produzzjoni u l-bejgħ, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, tal-prodott simili mill-esportatur jew il-produttur taħt investigazzjoni.

118.  Meta ammonti bħal dawn ma jistgħux jiġu stabbiliti fuq din il-bażi, l-ammonti jistgħu jiġu stabbiliti fuq il-bażi tal-“medja peżata ta’ l-ammonti attwali stabbilita għal esportaturi jew produtturi oħra soġġetti għal investigazzjoni fejn għandhom x’jaqsmu mal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodott ta’ l-istess tip fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini” [inċiż a)].

119. Dawn jistgħu jiġu stabbiliti wkoll fuq il-bażi ta’ “l-ammonti attwali applikabbli għall-produzzjoni u l-bejgħ, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ ta’ l-istess kategorija ġenerali ta’ prodotti għall-esportatur jew il-produttur in kwistjoni fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ orġini” [inċiż b)] jew ta’ kwalunkwe “metodu raġjonevoli ieħor” [inċiż ċ)].

120. Il-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li dawn il-metodi ta’ kalkolu għandhom jiġu kkontemplati fl-ordni tal-preżentazzjoni tagħhom, fejn kull metodu għandu jiġi applikat b’mod li jippriserva n-natura raġjonevoli ta’ l-istess kalkolu(71).

121. L-Artikolu 2(6)(a) tar-regolament bażiku jirripproduċi, f’termini kważi simili, il-metodu ta’ kalkolu li jinsab fl-Artikolu 2.2.2(ii), tal-ftehim antidumping(72).

122. Fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti tikkunsidra li la l-Artikolu 2(6)(a) tar-regolament bażiku u lanqas l-Artikolu 2.2.2(ii) tal-ftehim antidumping ma kienu jippermettu lill-Awtoritajiet Komunitarji li, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ l-ammonti korrispondenti ma’ l-ispejjeż VAG u l-profitti, jikkunsidraw id-data relatata ma’ esportatur jew produttur wieħed u jeskludu l-bejgħ ta’ esportaturi jew produtturi oħrajn li ma seħħewx fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ(73).

123. L-ewwel nett, għandu jiġi verifikat jekk, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet msemmija iktar ’il fuq, l-Istituzzjonijiet Komunitarji setgħux, fil-kalkolu ta’ l-ammonti ta’ l-ispejjeż VAG u tal-profitti, leġittimament jikkunsidraw biss id-data relatata ma’ esportatur wieħed.

124. Għandu l-ewwel nett jiġi osservat li, minħabba n-numru kbir ta’ produtturi u esportaturi fil-pajjiżi ta’ oriġini kkonċernati, il-Kummissjoni ddeċidiet li tipproċedi bit-teħid ta’ kampjuni, skond l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku(74). Għalhekk hija ħadet kampjun tal-kumpanniji għal kull pajjiż esportatur(75).

125. Wara li kkonstatat li l-prezzijiet interni mitlubin fuq is-swieq ta’ l-oriġini ma kinux jikkostitwixxu bażi xierqa għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali, l-Awtoritajiet Komunitarji ddeċidew li jibnu dan il-valur normali skond l-Artikolu 2(3) tar-regolament bażiku, għal kull tip ta’ lożor u mħaded esportati lejn il-Komunità minn kumpanniji Indjani, Pakistani u Eġizzjani.

126. Dan il-valur normali ġie stabbilit għalhekk billi, ma’ l-ispiża ta’ produzzjoni tal-prodott esportat minn kull kumpannija, ġie miżjud ammont raġjonevoli korrispondenti, minn naħa, ma’ l-ispejjeż VAG inkorsi, u min-naħa l-oħra, mal-profitti magħmulin.

127. F’dak li jirrigwarda l-importazzjonijiet provenjenti mill-Indja, jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Awtoritajiet Komunitarji li kien hemm kumpannija waħda biss, inkluża fit-teħid tal-kampjuni, li ġiet misjuba bħala li effettwat bejgħ rappreżentattiv tal-prodott simili fuq is-suq intern matul il-perijodu ta’ l-investigazzjoni(76). Ġie stabbilit ukoll li dan il-bejgħ seta’ jiġi kkunsidrat bħala li ġie effettwat matul it-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, peress li dawn ipproduċew profitt.

128. L-istess konstatazzjoni saret fuq l-importazzjonijiet provenjenti mill-Pakistan(77).

129. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ammont għall-ispejjeż VAG u għall-profitti, użat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali 'kostrutt' ta’ prodott simili fl-Indja u fil-Pakistan, jikkorrispondi ma’ l-ammonti ta’ l-ispejjeż VAG inkorsi u l-profitti magħmulin minn kumpannija Indjana u kumpannija Pakistana.

130. Fl-osservazzjonijiet tagħha, Ikea ssostni li minn interpretazzjoni purament letterali tat-termini ta’ l-Artikolu 2(6)(a) tar-Regolament bażiku u 2.2.2(ii) tal-ftehim antidumping, jirriżulta li dawn jipprojbixxu b’mod ċar l-użu ta’ data li tikkonċerna esportatur wieħed biss(78).

131. Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, jiena mhinix ta’ l-opinjoni li tali analiżi tirriżulta, fil-każ preżenti, minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

132. Fil-fatt, nikkunsidra li l-użu tal-plural fl-Artikolu 2(6)(a) tar-regolament bażiku fl-espressjoni “esportaturi jew produtturi oħra”, ma jippermettix li jiġi eskluż it-teħid in kunsiderazzjoni tad-data ta’ impriża waħda. Din il-konklużjoni tapplika iktar u iktar fil-każ fejn din l-impriża tkun l-unika, fost impriżi oħrajn taħt investigazzjoni, li teffettwa bejgħ rappreżentattiv ta’ prodott simili matul il-perijodu ta’ investigazzjoni fis-suq intern tal-pajjiż ta’ oriġini.

133. Fir-rigward ta’ l-użu, f’din id-dispożizzjoni, tal-kunċett ta’ “medja peżata” jiena ta’ l-opinjoni, l-istess bħall-Kunsill, li dan jista’ japplika wkoll għall-medja peżata tat-tranżazzjonijiet ta’ produttur jew esportatur wieħed(79). Dan kien il-każ fil-kawża preżenti(80).

134. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena ta’ l-opinjoni li, meta, bħal f’dan il-każ, hija kumpannija waħda biss li tkun effettwat bejgħ rappreżentattiv ta’ prodott simili fil-pajjiż ta’ l-oriġini kkonċernat, l-Awtoritajiet Komunitarji jistgħu, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, jikkunsidraw biss id-data relatata ma’ dik l-impriża.

135. It-tieni nett, għandu jiġi verifikat jekk il-fatt li mid-determinazzjoni tal-marġni ta’ profitt jiġi mnaqqsa l-bejgħ ta’ esportaturi jew produturi oħrajn li ma seħħx matul it-tmexxija ordinarja tal-kummerċ jikkostitwixxix metodu adegwat ta’ kif jinbena l-valur normali.

136. Fil-kawża preżenti, l-Awtoritajiet Komunitarji kkonstataw li peress li l-bejgħ ta’ prodott simili fuq is-suq intern sar bi prezzijiet irħas mill-ispiża għall-produzzjoni, dan il-bejgħ ma kienx sar matul it-tmnexxija ordinarja tal-kummerċ u ma setgħax għaldaqstant jikkostitwixxi bażi xierqa għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-valur normali.

137. B’kuntrast ma’ l-osservazzjonijiet magħmulin mir-rikorrenti(81), jiena ta’ l-opinjoni li l-metodu ta’ kalkolu użat mill-Istituzzjonijiet Komunitarji fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni in kwistjoni ma jiksirx la l-kliem u lanqas l-ispirtu ta’ l-Artikoli 2(6) tar-Regolament bażiku u 2.2.2 tal-ftehim antidumping.

138. Minn naħa, dan il-metodu huwa konformi mal-prinċipju, stabbilit mir-regolament bażiku u mill-ftehim antidumping, li jgħid li l-valur normali għandu, bħala prinċipju, ikun ibbażat fuq data relattiva għall-bejgħ magħmul fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ. Dan il-prinċipju jirriżulta b’mod ċar, fil-fehma tiegħi, mit-termini ta’ l-Artikoli 1(2) u 2(1) tar-regolament bażiku(82), kif ukoll mill-Artikolu 2.1 tal-ftehim antidumping.

139. Anke fil-każ fejn il-valur normali għandu jiġi kostrutt, l-Artikoli 2(6) ta’ l-imsemmi regolament u 2.2.2 tal-ftehim antidumping jipprovdu espressament li l-ammonti korrispondenti ma’ l-ispejjeż VAG u l-profitti għandhom ikunu bbażati fuq data attwali relattiva għall-produzzjoni u l-bjegħ ta’ prodott simili magħmul fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ.

140. Dan il-prinċipju ġie rrikonoxxut, barra minn hekk, mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-13 ta’ Frar 1992, Goldstar vs Il-Kunsill(83). F’din il-kawża, il-qorti Komunitarja kkunsidrat li l-kunċett ta’ tmexxija ordinarja tal-kummerċ “huwa maħsub biex jeskludi, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-valur normali, is-sitwazzjonijiet li fihom il-bejgħ fis-suq intern ma jiġix konkluż taħt kundizzjonijiet kummerċjali normali, partikolarment meta prodott jiġi mibjugħ bi prezz irħas mill-ispiża tal-produzzjoni”(84).

141. Min-naħa l-oħra, skond l-Artikoli 2(6)(a) tar-regolament bażiku u 2.2.2(ii) tal-ftehim antidumping, l-esklużjoni tal-bejgħ li ma seħħx matul it-tmexxija ordinarja tal-kummerċ mhijiex projbita espressament. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet jippreċiżaw sempliċiment li l-bejgħ li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni huwa dak tal-prodott simili fuq is-suq intern tal-pajjiż ta’ l-oriġini.

142. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-opinjoni tiegħi, l-Istituzzjonijiet Komunitarji ma kinux żbaljati meta ddeċidew li jeskludu, fil-kalkolu tal-valur normali kostrutt tal-prodott, il-bejgħ ta’ l-esportaturi u tal-produtturi li ma kienx ġie konkluż taħt kundizzjonijiet kummerċjali normali(85).

143. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, fl-opinjoni tiegħi l-valur normali kostrutt ta’ prodott simili, għall-importazzjonijiet provenjenti mill-Indja u mill-Pakistan, ġie stabbilit korrettament.

2.      Fuq id-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping

144. Il-qorti ta’ rinviju wara dan tistaqsi jekk il-metodu tar-‘riduzzjoni għal żero’ użat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping globali, bħal dak li ġie applikat fil-kuntest ta’ l-investigazzjoni antidumping in kwistjoni, huwiex kompatibbli ma’ l-Artikoli 2(11) tar-regolament bażiku u 2.4.2 tal-ftehim antidumping.

145. Skond l-Artikolu 2(12) tar-Regolament bażiku, il-marġni ta’ dumping huwa, “l-ammont li permezz tiegħu []l-valur normali jaqbeż il-prezz ta’ l-esportazzjoni”. Dan il-marġni huwa b’hekk stabbilit mill-awtoritajiet responsabbli għall-investigazzjoni billi jsir paragun, b’mod “xieraq”(86), bejn il-valur normali ta’ prodott simili u l-prezz ta’ l-esportazzjoni lejn il-Komunità.

146. Skond l-Artikolu 2(11) ta’ dan ir-regolament, jeżistu tliet metodi ta’ paragun. L-ewwel tnejn huma msejħa “simmetriċi” u jippermettu li jsir paragun bejn il-valur normali medja peżata u l-medja peżata tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjonijiet kollha lejn il-Komunità jew bejn il-valuri normali individwali u l-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni individwali lejn il-Komunità, tranżazzjoni bi tranżazzjoni.

147. Madankollu, hemm ukoll it-tielet metodu ta’ kalkolu msejjaħ “asimmetriku” fejn il-konfigurazzjoni tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni hija differenti ħafna bejn id-diversi xerrejja, reġjuni jew perijodi (wieħed jitkellem hawnhekk fuq “dumping selettiv” jew “dumping speċifiku”) u li l-metodi simmetriċi ma jippermettux li jkun hemm riflessjoni tal-portata reali tad-dumping li jkun qiegħed jiġi pprattikat(87). F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa possibbli li l-eżistenza tal-marġni ta’ dumping tiġi stabbilita billi jsir paragun bejn il-valur normali stabbilit fuq il-bażi tal-medja peżata u l-prezzijiet ta’ l-esportazzjonijiet individwali kollha lejn il-Komunità.

148. L-Artikolu 2.4 tal-ftehim antidumping jeżiġi wkoll li l-paragun bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni jkun “xieraq”. Barra minn hekk, l-Artikolu 2.4.2 ta’ dan il-ftehim jippreċiża, f’dak li jikkonċerna l-ewwel metodu simmetriku, li għandu jsir paragun bejn il-valur normali medja peżata u l-medja peżata tal-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet kollha ta’ esportazzjoni “paragunabbli”(88).

149. Fil-każ preżenti, jirriżulta mis-sitta u erbgħin premessa tar-regolament provviżorju li l-marġni ta’ dumping ġie kkalkolat, b’mod ġenerali, billi sar paragun bejn il-valur normali kostrutt medja peżata ta’ kull tip mal-prezz ta’ l-esportazzjoni medja peżata ta’ kull tip. Dan il-metodu ta’ kalkolu ġie kkonfermat fid-disgħa u għoxrin premessa tar-regolament ikkontestat.

150. Mill-fajl jirriżulta madankollu li, fil-kalkolu tal-marġni globali ta’ dumping, l-Awtoritajiet Komunitarji użaw il-metodu tar-‘riduzzjoni għal żero’ tal-marġni ta’ dumping negattivi(89).

151. Għalkemm hija ħasra li fir-regolament provviżorju u fir-regolament ikkontestat hemm nuqqas ta’ spjegazzjoni dwar dan il-metodu(90), jidher li l-istess metodu kien, fiż-żmien ta’ meta ġraw il-fatti, jikkostitwixxi prassi kostanti. Barra minn hekk, ebda parti m'għamlet xi kontestazzjoni speċifika matul il-proċedura amministrattiva li setgħet, jekk ikun il-każ, tagħmel neċessarju l-għoti ta’ motivazzjoni iktar dettaljata tal-kalkolu tal-marġni globali ta’ dumping(91).

152. Fid-dawl ta’ l-elementi pprovduti mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, dan il-metodu, kif ġie applikat fil-kuntest tal-kawża preżenti, jista’ jiġi deskritt fil-qosor skond kif ġej. L-Awtoritajiet Komunitarji stabbilixxew l-ewwel nett li l-prodott taħt investigazzjoni – il-lożor u mħaded - kien jinkludi numru ta’ mudelli u ta’ tipi differenti. Għal kull wieħed minn dawn il-mudelli, huma kkalkulaw valur normali medja peżata kif ukoll il-prezz ta’ l-esportazzjoni medja peżata u mbagħad qabbluhom għal kull mudell. Għal ċerti mudelli, peress li l-valur normali kien ogħla mill-prezz ta’ l-esportazzjoni, kienet ġiet stabbilita l-eżistenza tad-dumping (marġni ta’ dumping “pożittiv”). Għal oħrajn, peress li l-valur normali kien iktar baxx mill-prezz ta’ l-esportazzjoni, ma ġie stabbilit l-ebda dumping u l-Istituzzjonijiet stabbilew marġni ta’ dumping “negattiv”(92). L-Awtoritajiet Komunitarji żiedu mbagħad l-ammont ta’ dumping għall-mudelli kollha li fir-rigward tagħhom kien ġie stabbilit id-dumping bil-għan li jikkalkolaw l-ammont globali ta’ dumping għall-prodott ikkonċernat mill-investigazzjoni. Għal kull mudell li għalih ma kienx ġie stabbilit id-dumping, l-Istituzzjonijiet naqqsu għal żero l-marġni kollha ta’ dumping negattivi. L-ammont globali ta’ dumping ġie espress imbagħad f’perċentwali tal-valur magħqud tat-tranżazzjonijiet kollha ta’ l-esportazzjoni tal-mudelli kollha, kemm jekk kienu jew ma kinux is-suġġett ta’ dumping.

153. Ir-rikorrenti ssostni li dan il-metodu wassal għal “distorsjoni” tal-marġni ta’ dumping negattivi(93). Hija tosserva wkoll li l-Awtoritajiet Komunitarji llum jirrikonoxxu l-illegalità ta’ din il-prassi fibilli tibbaża l-argumenti tagħha fuq il-kontenzjuż li l-Komunità ressqet kontra l-Istati Uniti ta’ l-Amerka quddiem l-WTO(94).

154. Fl-opinjoni tiegħi li l-metodu tar-‘riduzzjoni għal żero’ tal-marġni ta’ dumping negattivi, kif ġie applikat fil-kawża preżenti, jista’ jiġi kkontestat. Fil-fatt, anke jekk l-awtoritajiet responsabbli mill-investigazzjoni huma liberi li jagħżlu l-metodi ta’ kalkolu l-iktar approprjati, dawn għandhom madankollu jirriflettu l-portata reali tad-dumping ipprattikat(95).

155. Għalkemm huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet l-użu ta’ dan il-metodu fil-kawża Toyo vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il quddiem, din kienet tirrigwarda każ li huwa differenti minn dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

156. F’dik il-kawża, il-marġni ta’ dumping kien ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ paragun bejn il-valur normali medja peżata u l-prezz ta’ l-esportazzjoni kkalkulat skond il-metodu tranżazzjoni bi trażazzjoni. Fil-kuntest ta’ dan il-kalkolu, il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni ogħla mill-valur normali kien ġie ekwiparat “fittizzjament” mal-valur normali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dan il-metodu tranżazzjoni bi tranżazzjoni, kif ġie applikat mill-Awtoritajiet Komunitarji, kien l-uniku metodu li seta’ “jostakola ċerti manuvri li jikkonsistu fis-simulazzjoni tad-dumping grazzi għall-prezzijiet differenti, kultant ogħla u kultant iktar baxxi mill-valur normali”(96).

157. Ma jidhrilniex li din l-analiżi tista’ madankollu tiġi applikata għall-każ preżenti.

158. Minn naħa, mhux qegħdin nikkunsidra paragun tranżazzjoni bi tranżazzjoni, iżda pjuttost paragun “medja peżata b’medja peżata”.

159. Min-naħa l-oħra, dan il-metodu kien ġie applikat għall-mudelli ta’ lożor u mħaded li fir-rigward tagħhom kien ġie kkonstatat marġni ta’ dumping negattiv, filwaqt li l-Awtoritajiet Komunitarji kienu jikkalkolaw il-marġni ta’ dumping għall-prodott fit-totalità tiegħu(97).

160. Fl-opinjoni tiegħi, fil-kawża preżenti ma kienx hemm metodu xieraq ta’ kalkolu tal-marġni globali ta’ dumping.

161. Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, meta marġni ta’ dumping jiġi kkalkulat fuq il-bażi ta’ medji multipli stabbiliti skond mudelli, il-marġni ta’ dumping għall-prodott ikkonċernat mill-investigazzjoni għandu jirrifletti r-riżultati tal-paraguni kollha, inklużi dawk fejn il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni medji peżati huma ogħla mill-valur normali medja peżata għal ċerti mudelli.

162. Madankollu, il-metodu tar-‘riduzzjoni għal żero’, kif ġie applikat fil-kawża preżenti, ma jippermettix li jiġu, bis-sħieħ u debitament, meħudin in kunsiderazzjoni l-prezzijiet reali tat-tranżazzjonijiet ta’ l-esportazzjoni li jkunu seħħew matul il-perijodu ta’ l-investigazzjoni fuq ċerti mudelli. Kif indikajna, peress li naqqsu ċerti marġni għal żero, l-Awtoritajiet taw valur null lill-marġni ta’ dumping li jirrigwarda l-mudelli li l-marġni ta’ dumping tagħhom kien negattiv. Huma kkunsidraw għalhekk li l-medja peżata tal-prezz ta’ l-esportazzjoni kienet ugwali għall-medja peżata tal-valur normali minkejja li hija kienet fil-fatt iktar għolja.

163. L-użu ta’ dan il-metodu kellu l-effett għalhekk li jbiddel, b’mod artifiċjali, ir-riżultati tal-paraguni magħmulin u li jonfoħ il-marġni ta’ dumping għall-prodott fl-assjem tiegħu.

164. Eżempju sempliċi bbażat fuq figuri konkreti (għalkemm totalment fittizji) juri l-effett tar-‘riduzzjoni għal żero’. Dan l-eżempju jista’ jaffettwa produttur f’pajjiż terz li jesporta żewġ mudelli ta’ lożor u mħaded lejn il-Komunità, il-mudell A u l-mudell B.

Għal kull wieħed minn dawn il-mudelli, il-valur normali medju peżat huwa kkalkulat fuq il-bażi ta’ ċertu numru ta’ tranżazzjonijiet nazzjonali u l-prezz ta’ l-esportazzjoni medju peżat huwa kkalkulat fuq il-bażi ta’ ċertu numru ta’ tranżazzjonijiet għall-esportazzjoni.

 

Valur normali medju peżat

Prezz ta’ l-esportazzjoni medju peżat

Marġni ta’ dumping

Marġni ta’ dumping (bl-applikazzjoni tar-‘riduzzjoni għal żero’)

Mudell A

100

75

+ 25

+25

Mudell B

125

150

- 25

0

Prodott (mudell A + mudell B)

0

+25


Għall-mudell A, il-paragun tal-valur normali medju peżat u tal-prezz ta’ l-esportazzjoni medju peżat juri l-eżistenza ta’ marġni ta’ dumping “pożittiv” ta’ 25(98).

Għall-mudell B, l-istess paragun juri l-eżistenza ta’ marġni ta’ dumping “negattiv” ta’ -25.

Għalkemm il-marġni globali huwa kkalkulat għall-prodott fl-assjem tiegħu abbażi tal-marġni stabbiliti għal dawn iż-żewġ mudelli, il-marġni ta’ dumping pożittiv ikkonstatat għall-mudell A (+25) jiġi kkompensat mill-marġni ta’ dumping negattiv li huwa kkonstatat għall-mudell B (-25) b’mod li ebda dumping ma jiġi misjub.

Bir-riduzzjoni għal żero tal-marġni ta’ dumping negattiv ikkonstatat għall-mudell B, il-marġni globali ta’ dumping stabbilit għall-prodott fl-assjem tiegħu huwa ogħla (+25).

Espress f’perċentwali tal-valur magħqud tat-tranżazzjonijiet kollha ta’ l-esportazzjoni li jirrigwardaw il-mudelli kollha tal-prodott, dan il-marġni huwa ugwali għal:

25 / 225 x 100 =  11,1  %

Għalhekk, il-mudell B li għalih ma nstab l-ebda dumping huwa suġġett, l-istess bħall-mudell A, għal dazju antidumping.

165. L-użu tal-metodu tar-‘riduzzjoni għal żero’, jista’ għalhekk jiddistorċi mhux biss l-importanza tal-marġni ta’ dumping, iżda jista’ wkoll juri, għal xi mudell partikolari, prassi ta’ dumping li ma tkunx teżisti.

166. Nixtieq barra minn hekk nosserva li, skond l-Artikoli 2(10) u 2(11) tar-regolament bażiku u 2.4 tal-ftehim antidumping, il-paragun għandu jkun “xieraq”. L-Artikolu 2.4.2 ta’ dan il-ftehim jippreċiża wkoll li l-valur normali medja peżata għandu jiġi pparagunat mal-“medja peżata tal-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet kollha ta’ l-esportazzjoni paragunabbli”(99).

167. Bir-‘riduzzjoni għal żero’ tal-marġni ta’ dumping negattivi li ġew ikkonstatati għal ċerti mudelli, l-Awtoritajiet responsabbli mill-investigazzjoni ma stabbilixxewx l-eżistenza ta’ marġni ta’ dumping għall-prodott fl-assjem tiegħu abbażi ta’ paragun bejn il-valur normali medja peżata u l-medja peżata tal-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet kollha ta’ l-esportazzjoni paragunabbli, jiġifieri t-tranżazzjonijiet kollha li jirrigwardaw il-mudelli kollha tal-prodott taħt investigazzjoni. Barra minn hekk, paragun bħal dan ma jidhirx li huwa “xieraq” fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

168. Fl-osservazzjonijiet tiegħu(100), il-Kunsill isostni li l-użu tal-metodu “riduzzjoni għal żero” skond il-mudelli ppermetta lill-Awtoritajiet Komunitarji li jittrattaw korrettament il-każijiet fejn l-esportaturi kienu jimmiraw id-dumping fuq ċerti tipi jew mudelli tal-prodott taħt investigazzjoni. Jekk dan kien il-każ, insostni li kien l-obbligu ta’ l-Istituzzjonijiet Komunitarji li jiddefinixxu dan il-prodott b’mod iktar strett.

169. Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li ċerti tranżazzjonijiet jirriżultaw f’marġni negattiv mhux bilfors ifisser li dawn kienu s-suġġett ta’ dumping immirat.

170. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fl-opinjoni tiegħi, bl-użu tar-‘riduzzjoni għal żero’ tal-marġni ta’ dumping negattivi stabbiliti għal ċerti mudelli ta’ lożor u mħaded, l-Istituzzjonijiet Komunitarji ma stabbilixxewx korrettament il-marġni ta’ dumping għal-lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-indja, mill-Eġittu u mill-Pakistan.

3.      Fuq id-determinazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ dannu

171. Il-Qorti ta’ rinviju titlob, fl-aħħar nett, lill-Qorti tal-Ġsutizzja tanalizza l-validità tar-regolament ikkontestat fid-dawl ta’ l-Artikoli 3(5) tar-regolament bażiku u 3.4 tal-ftehim antidumping, peress li, għall-finijiet ta’ l-eżami tad-dannu, huwa ħa in kunsiderazzjoni informazzjoni li tirrigwarda produtturi li mhumiex inklużi fid-definizzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità. L-Awtoritajiet Komunitarji huma wkoll ikkritikat talli ma evalwawx l-assjem tal-fatturi rilevanti li għandhom impatt fuq is-sitwazzjoni ta’ din l-industrija.

172. Skond l-Artikolu 1(1) tar-regolament bażiku, mhuwiex biżżejjed li l-prodott ikun is-suġġett ta’ dumping sabiex tittieħed miżura antidumping. L-importazzjoni fil-Komunità ta’ prodott li huwa s-suġġett ta’ dumping għandha, barra minn hekk, tikkawża dannu jew thedded li tikkawża dannu materjali lill-industrija tal-Komunità(101) jew dewmien materjali fil-ħolqien ta’ industrija bħal din(102).

173. Skond l-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, id-determinazzjoni tad-dannu għandha tiġi stabbilita fuq elementi ta’ prova pożittivi u għandha tinvolvi eżami oġġettiv, b’mod partikolari, ta’ l-impatt ta’ l-importazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta’ dumping fuq l-industrija Komunitarja.

174. Dan l-eżami jimplika, skond l-Artikolu 3(5) tar-regolament imsemmi, studju tal-fatturi u indiċi ekonomiċi kollha rilevanti li jeffettwaw is-sitwazzjoni ta’ din l-industrija Komunitarja(103) u fuq il-prezzijiet mitluba fil-Komunità(104).

175. Nixtieq infakkar li din l-aħħar dispożizzjoni tikkorrispondi ma’ l-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 3.4 tal-ftehim antidumping(105).

176. L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk l-Awtoritajiet Komunitarji wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni li jinvolvi evalwazzjoni żbaljata dwar l-eżistenza tad-dannu meta huma kkunsidraw informazzjoni dwar kumpanniji li mhumiex inklużi fid-definizzjoni ta’ l-industrija Komunitarja.

177. Fil-kawża preżenti, l-industrija Komunitarja ġiet definita, skond l-Artikolu 4(1) tar-regolament bażiku, bħala li tirreferi għall-35 kumpannija li kkooperaw fl-investigazzjoni u li jirrappreżentaw l-parti l-kbira tal-produzzjoni totali Komunitarja ta’ lożor u mħaded tal-qoton matul il-perijodu ta’ investigazzjoni(106).

178. Skond l-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament(107), l-Awtoritajiet Komunitarji ddeċidew li jieħdu kampjun ta’ 17-il produttur, rappreżentattiv ta’ l-industrija tal-Komunità(108).

179. Mil-premessa tnejn u sittin tar-regolament provviżorju jirriżulta li l-informazzjoni meħtieġa għall-eżami tad-dannu kkaġunat lill-industrija tal-Komunità ma ġietx analizzata biss fuq il-livell ta’ l-industrija tal-Komunità, u b’mod partikolari, fuq il-livell tal-produtturi Komunitarji inklużi fil-kampjun. Din l-analiżi saret ukoll fuq informazzjoni dwar il-Komunità fl-assjem tagħha. Din ġiet provduta minn sorsi rikonoxxuti fl-industrija (b’mod partikolari Eurocoton) u kienet tikkonċerna l-iżvilupp fil-Komunità tal-produzzjoni, tal-konsum, ta’ l-importazzjonijiet, ta’ l-esportazzjonijiet u tas-suq.

180. L-analiżi ta’ din l-informazzjoni kollha ppermettiet lill-Kummissjoni li tikkonstata, fil-kuntest ta’ l-introduzzjoni tad-dazju provviżorju antidumping, li l-konfigurazzjoni osservata fir-rigward tal-Komunità fit-totalità tagħha ma kinitx riprodotta fuq il-livell tal-35 produttur li jiffurmaw l-industrija tal-Komunità. Minn dan hija kkonkludiet li l-industrija tal-Komunità kienet magħmula biss minn kumpanniji eżistenti, fil-ġurnata ta’ meta ġie rreġistrat l-ilment, u ma kinitx tieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ l-impriżi li waqqfu l-produzzjoni tagħhom matul il-perijodu ta’ evalwazzjoni (jiġifieri fil-mument tar-reġistrazzjoni ta’ l-ilment)(109).

181. Matul il-proċedura amministrattiva, l-esportaturi sostnew li l-informazzjoni li tirrigwarda kumpanniji li mhumiex inklużi fid-definizzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità ma setgħetx tiġi użata biex tiddetermina l-eżistenza tad-dannu.

182. Wara din il-kontestazzjoni, il-Kunsill ippreċiża, b’mod dettaljat, l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni. Għalkemm ammetta li l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ l-industrija kkonċernata mill-ilment hija bbażata, normalment, fuq analiżi ta’ l-industrija tal-Komunità, din l-evalwazzjoni għandha, skond il-Kunsill, tieħu in kunsiderazzjoni l-istruttura u n-natura ta’ l-industrija kkunsidrata(110).

183. Fil-kawża preżenti, mill-informazzjoni li tirrigwarda l-Komunità irriżulta li l-industrija kienet ikkaratterizzata minn kompetizzjoni qawwija bejn numru kbir ta’ operaturi. Il-Kunsill, għaldaqstant, ikkunsidra li l-effetti ta’ l-importazzjonijiet in kwistjoni kienu probabbilment sarrfu fl-għajbien ta’ operaturi ekonomiċi matul il-perijodu ta’ evalwazzjoni. Għalhekk huwa ma xtaqx li l-evalwazzjoni tad-dannu tiġi limitata biss għall-kumpanniji li kienu għadhom attivi fi tmiem il-perijodu ta’ evalwazzjoni u li jiffurmaw l-industrija tal-Komunità.

184. Fl-opinjoni tiegħi, f’dan il-każ tali analiżi mhijiex ir-riżultat ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

185. Huwa minnu li, skond l-Artikolu 3(5) tar-regolament bażiku, għandu jsir eżami ta’ l-impatt ta’ l-importazzonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fl-industrija tal-Komunità. Madankollu, mill-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li d-determinazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ dannu tinvolvi eżami oġġettiv.

186. Fil-kawża preżenti, jidher li l-industrija tal-Komunità, kif definita, ma kinitx tippermetti li jiġu riflessi l-kundizzjonijiet reali tas-suq fil-Komunità. L-istudju ta’ l-informazzjoni miġbura turi, fil-fatt, li t-tendenzi rreġistrati fuq livell Komunitarju kienu, f’ċerti każijiet, differenti ħafna minn dawk ikkonstatati għall-industrija tal-Komunità(111).

187. F’dawn iċ-ċirkustanzi u bil-għan li jiġi determinat, bl-iktar mod oġġettiv possibbli, l-eżami ta’ l-impatt ta’ l-importazzjonijiet in kwistjoni, fl-opinjoni tiegħi l-Awtoritajiet Komunitarji kienu ġġustifikati li jagħmlu evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni tas-suq ikkonċernat. Analiżi kompleta ta’ l-informazzjoni, inkluża dik li tirrigwarda l-Komunità fit-totalità tagħha, tista’ biss issaħħaħ il-validità ta’ l-evalwazzjoni li dawn l-Awtoritajiet għandhom jagħmlu skond l-Artikolu 3 tar-regolament bażiku.

188. Barra minn hekk, mill-fajl jirriżulta li l-informazzjoni li tirrigwarda l-Komunità ġiet ikkunsidrata biss sa ċertu punt(112). Jidher, fil-fatt, li l-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ dannu materjali kienet essenzjalment ibbażata fuq il-konfigurazzjoni tal-prezzijiet ta’ l-industrija tal-Komunità fir-rigward tal-kumpanniji inklużi fit-teħid tal-kampjun. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-esklużjoni ta’ l-informazzjoni kkontestata, fil-kuntest tar-Regolament Nru 1644/2001, ma kellhiex effett fuq id-determinazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ dannu materjali(113).

189. F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed ma jistax jikklassifika bħala manifestament żbaljata l-kunsiderazzjoni ta’ l-Awtoritajiet Komunitarji li tgħid li kien rilevanti, għall-finijiet ta’ l-eżami tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Komunità, li tittieħed in kunsiderazzjoni l-informazzjoni li tirrigwarda l-produzzjoni Komunitarja fit-totalità tagħha.

190. It-tieni nett, għandu jiġi kkunsidrat jekk l-Awtoritajiet Komunitarji wettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma evalwawx il-fatturi rilevanti kollha li għandhom impatt fuq is-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità, kif esposti fl-Artikoli 3(5) tar-regolament bażiku u 3.4 tal-ftehim antidumping.

191. Fil-każ preżenti, bil-għan li jistabbilixxu jekk l-industrija tal-Komunità kinitx sofriet dannu materjali, l-Awtoritajiet Komunitarji ħadu in kunsiderazzjoni ċerti fatturi elenkati fl-Artikoli 3(5) tar-regolament bażiku u 3.4 tal-ftehim antidumping. Huma ħadu in kunsiderazzjoni b’mod partikolari l-indiċi li jirrigwardaw il-produttività ta’ l-impriżi, bħalma huma l-vijabbiltà u l-impjieg, u ħadu in kunisderazzjoni l-livell tal-prezzijiet, tal-bejgħ u ta’ l-ishma tas-suq (f’volum u f’valur)(114).

192. Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha(115), fl-opinjoni tiegħi d-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq fuq jeżiġu l-eżami tal-fatturi elenkati kollha. Fil-fatt, jidhirli li mill-kliem użat jirriżulta b’mod ċar li dawn jagħtu setgħa diskrezzjonali lill-Awtoritajiet Komunitarji fl-eżami u fl-evalwazzjoni ta’ dawn l-indiċi.

193. Minn naħa, dawn id-dispożizzjonijiet jeżiġu biss li jiġu eżaminati l-fatturi u l-indiċi ekonomiċi “rilevanti li jeffetwaw is-sitwazzjoni ta’ [l-industrija tal-Komunità]”(116).

194. Min-naħa l-oħra, mill-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 3(5) tar-regolament bażiku u mill-Artikolu 3.4 tal-ftehim antidumping, jirriżulta li l-lista ta’ fatturi u indiċi ekonomiċi esposti “mhijiex eżawrjenti”. Skond dawn id-dispożizzjonijiet, fattur wieħed jew iktar ma jikkostitwixxux bilfors bażi għal ġudizzju determinanti.

195. Jidher għalhekk li din il-lista hija purament indikattiva.

196. Fl-opinjoni tiegħi, l-Awtoritajiet Komunitarji huma obbligati li jeżaminaw, abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, biss il-fatturi li jistgħu jkunu rilevanti għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tad-dannu sofrut. Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni esponiet, b’mod dettaljat, il-fatturi ta’ dannu kkunsidrati(117) u ebda waħda mill-partijiet ma jidher li għamlet xi kontestazzjoni fir-rigward ta’ din l-evalwazzjoni.

197. Fir-rigward ta’ l-eżami li jirrigwarda r-rilevanza ta’ dawn il-fatturi, dan jaqa' taħt, fl-opinjoni tiegħi, evalwazzjoni ekonomika kumplessa li fiha l-Istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa'. L-Awtoritajiet inkarigati mill-investigazzjoni kienu intitolati għalhekk li jikkunsidraw li l-elementi kkonstatati kienu diġà jikkostitwixxu bażi għal ġudizzju determinanti u suffiċjenti.

198. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li dawn l-Istituzzjonijiet, billi evalwaw, għall-finijiet ta’ l-eżami ta’ l-impatt ta’ l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, biss il-fatturi rilevanti li jeffettwaw is-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità, ma marrux lil hinn mil-marġni ta’ diskrezzjoni li huma għandhom fl-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.

199. F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Istituzzjonijiet Komunitarji ma wettqu l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta, l-ewwel nett, stabbilixxew il-valur normali kostrutt tal-prodott, u t-tieni nett, meta evalwaw l-eżistenza u l-portata tad-dannu kkaġunata lill-industrija tal-Komunità.

200. Din il-konklużjoni tapplika mhux biss għall-importazzjonijiet provenjenti mill-Indja iżda wkoll għal dawk provenjenti mill-Pakistan.

201. Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-valur normali kostrutt ta’ prodott simili, osservajt li l-Awtoritajiet Komunitarji adottaw metodoloġija identika għall-Indja u l-Pakistan(118).

202. Dwar id-determinazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ dannu, l-Istituzzjonijiet Komunitarji għamlu eżami kumulattiv ta’ l-impatt, fuq l-industrija tal-Komunità, ta’ l-importazzjoniijiet provenjenti mill-Indja u mil-Pakistan(119). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konklużjonijiet li waslu għalihom l-Awtoritajiet Komunitarji japplikaw, fl-opinjoni tiegħi, mhux biss għall-importazzjonijiet provenjenti mill-Indja, iżda wkoll għall-prodotti provenjenti mill-Pakistan.

203. Min-naħa l-oħra, nikkunsidra li dawn l-Awtoritajiet aġixxew b’mod li huwa inkompatibbli ma’ l-Artikoli 2(11) tar-regolament bażiku u 2.4.2 tal-ftehim antidumping meta applikaw, fil-kuntest tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping għall-prodott taħt investigazzjoni, il-metodu tar-“riduzzjoni għal żero” tal-marġni ta’ dumping negattivi skond il-mudelli. L-illegalità ta’ dan il-metodu ta’ kalkolu jaffettwa l-validità ta’ l-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat li jiffissa r-rata ta’ dazju definittiv antidumping għall-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Indja, mill-Eġittu u mill-Pakistan.

204. Għal dawn ir-raġunijiet, jeħtieġ li l-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat jiġi dikjarat invalidu safejn, il-Kunsill, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping għall-importazzjonijiet in kwistjoni fil-kawża preżenti, applika l-metodu tar-“riduzzjoni għal żero” tal-marġni ta’ dumping negattivi skond il-mudelli.

VI – Fuq il-validità tar-regolamenti sussegwenti

205. Permezz tat-tieni u tielet domandi preliminari, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti ta’ rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tanalizza l-validità, fid-dawl tad-dritt Komunitarju, tar-regolamenti sussegwenti. F’dawn id-domandi, il-kwistjoni tirrigwarda l-punt dwar jekk, peress li ma pprovdietx għar-rifużjoni tad-dazji antidumping miġburin in applikazzjoni tar-regolament ikkontestat, dawn ir-regolamenti sussegwenti jmorrux kontra, minn naħa, l-Artikoli 1, 7(1) u 9(4) tar-Regolament bażiku (moqrija flimkien ma’ l-Artikoli 1, 7.1 u 9 tal-ftehim antidumping), u, min-naħa l-oħra, kontra l-prinċipju tal-proporzjonalità kif deskritt fl-Artikoli 7(2) u 9(4) ta’ l-istess regolament.

206. Għalkemm l-Artikolu 7 tar-regolament bażiku jippreskrivi l-kundizzjonijiet li fihom il-Kummissjoni tista’ timponi dazju provviżorju antidumping, l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament jippreċiża l-modalitajiet għall-impożizzjoni tad-dazju definittiv.

207. Skond l-Artikoli 7(1) u 9(4) tar-regolament imsemmi, dawn id-dazji jistgħu jiġu imposti biss jekk eżami preliminari (dazju proviżjonali) jew konklużjoni definittiva (dazju definittiv) jistabbilixxu l-eżistenza ta’ dumping u ta’ dannu li dan id-dumping jikkawża lill-industrija tal-Komunità u jekk l-interess tal-Komunità jeħtieġx li titteħed xi azzjoni bil-għan li tipprevjeni tali dannu.

208. Skond l-Artikolu 7(2) u l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 9(4) tar-regolament bażiku, l-ammont ta’ dawn id-dazji ma jistax jaqbeż il-marġni ta’ dumping stabbilit u għandu jkun inqas minn dan il-marġni jekk dazju inqas ikun biżżejjed sabiex jelimina d-dannu kkaġunat lill-industrija tal-Komunità.

209. Dawn id-dispożizzjonijiet ittrasponew, essenzjalment, il-kliem użat fl-Artikoli 7.1, 7.2, u 9.1 tal-ftehim antidumping.

210. Fl-osservazzjonijiet tagħha(120), ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill, fir-Regolament Nru 1644/2001, ikkonstata l-eżistenza ta’ livell inqas ta’ dumping f’dak li jikkonċerna l-importazzjonijiet provenjenti mill-Indja. Hija ssostni wkoll li, fir-Regolament Nru 160/2002, il-Kunsill stabbilixxa n-nuqqas ta’ dumping f’dak li jikkonċerna l-importazzjonijiet provenjenti mill-Pakistan. Fil-fehma tagħha, il-kundizzjonijiet meħtieġa mir-Regolament bażiku ma kinux, għalhekk, sodisfatti meta ġie impost id-dazju definittiv antidumping fil-kuntest tar-regolament ikkontestat. Konsegwentement, Ikea tikkunsidra li l-Awtoritajiet Komunitarji kellhom jagħtu portata retroattiva lil dawn ir-regolamenti u jipprovdu għar-rifużjoni tad-dazji antidumping imħallsin skond ir-regolament ikkontestat. Fin-nuqqas ta’ din ir-rifużjoni, hija ssostni li r-regolamenti sussegwenti jiksru l-prinċipju tal-proporzjonalità safejn l-industrija tal-Komunità kienet ibbenefikat minn protezzjoni ikbar milli meħtieġ.

211. Għalhekk għandu jiġi vverifikat jekk, peress li ma pprovdewx għar-rifużjoni ta’ l-ammonti mħallsin in applikazzjoni tar-regolament ikkontestat, l-Awtoritajiet Komunitarji aġixxew b’mod li huwa inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-regolament bażiku u tal-ftehim antidumping. Għal dan il-għan, ser nagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, ir-Regolamenti Nri 1644/2001 u 160/2002, u min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 696/2002 peress li dawn ġew adottati fuq bażi ġuridika differenti.

A –    Fuq il-validità tar-Regolamenti Nri 1644/2001 u 160/2002

212. Ir-Regolamenti Nri 1644/2001 u 160/2002 ġew adottati abbażi tar-Regolament Nru 1515/2001. Dan l-aħħar regolament jippermetti lill-Komunità li tagħmel miżura meħuda fil-kuntest tar-regolament bażiku konformi mar-rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet tad-DSB li jikkonċernaw miżuri antidumping.

213. Ir-Regolament Nru 1644/2001, jemenda, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tad-DSB, il-konklużjonijiet li jirrigwardaw l-importazzjonijiet provenjenti mill-Indja stabbiliti fl-ambitu tar-regolament ikkontestat. Fid-dawl ta’ din ir-reviżjoni, il-Kunsill ikkonstata l-eżistenza ta’ dumping inqas fir-rigward ta’ dawn l-importazzjonijiet u biddel, konsegwentement, ir-rata ta’ dazju antidumping impost mir-regolament ikkontestat.

214. Fir-rigward tar-Regolament Nru 160/2002, dan jagħlaq il-proċedura li tirrigwarda l-importazzjonijiet provenjenti mill-Pakistan safejn il-kalkolu l-ġdid wera li ma kien jeżisti ebda dumping fir-rigward ta’ l-esportazzjonijiet tal-prodott konċernat minn xi kumpannija Pakistana.

215. Ebda wieħed minn dawn iż-żewġ regolamenti ma jipprovdi għar-rifużjoni tad-dazji antidumping imħallsin in applikazzjoni tar-regolament ikkontestat. Madankollu, b’kuntrast ma’ dak li ssostni r-rikorrenti, mhinix ta’ l-opinjoni li l-Istituzzjonijiet Komunitarji kienu marbutin, fil-każ preżenti, li jipprovdu għal tali rifużjoni.

216. Fil-fatt, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1515/2001 jipprovdi espressament li “[k]walunkwe miżura adottata skond dan ir-Regolament, kemm-il darba ma jiġix indikat mod ieħor, jibda jkolla effett mid-data li din tidħol fis-seħħ u ma tipprovdix l-ebda bażi għar-rimborż tad-dazju li nġabar qabel dik id-data”(121). Kif tispjega s-sitt premessa ta’ dan ir-regolament, ir-raġuni għal dan hija li r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB għandhom biss effett prospettiv. Il-ftehim ta’ soluzzjoni jirrikjedi biss li l-membru kkonċernat jikkonforma ruħu ma’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet, kemm jekk immedjatament, u kif ukoll ma’ l-iskadenza ta’ terminu raġjonevoli(122).

217. Għalhekk il-Kunsill kien obbligat biss, abbażi ta’ l-obbligi li huwa għandu skond il-ftehim li jistabbilixxi l-WTO, li jikkonforma r-regolament ikkontestat mal-konklużjonijiet tad-DSB. Huwa, għalhekk, ma kellu l-ebda obbligu li jagħti effett retroattiv lill-kalkolu l-ġdid tad-dazji antidumping li jirrigwardaw l-importazzjonijiet provenjenti mill-Indja u mill-Pakistan.

B –    Fuq il-validità tar-Regolament Nru 696/2002

218. Bil-kontra tar-Regolamenti Nri 1644/2001 u 160/2002, ir-Regolament Nru 696/2002 ma ġiex adottat bl-iskop li jemenda r-regolament ikkontestat fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB. Dan ir-regolament jikkonferma biss id-dazju definittiv antidumping impost fuq l-importazzjonijiet Indjani, kif emendat mir-Regolament Nru 1644/2001. Din ir-reviżjoni, li hija bbażata fuq l-Artikolu 11(3) tar-regolament bażiku, kellha l-għan waħdieni li, għall-futur, tadatta d-dazji antidumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ lożor u mħaded wara l-abrogazzjoni tal-miżuri li jirrigwardaw l-importazzjonijiet provenjenti mill-Pakistan u wara l-iskadenza tal-miżuri li jirrigwardaw l-importazzjonijiet provenjenti mill-Eġittu(123). Konsegwentement, fl-opinjoni tiegħi l-Kunsill ma kien bl-ebda mod obbligat, fil-kuntest tar-reviżjoni, jipprovdi għar-rifużjoni tad-dazji mħallsin in applikazzjoni tar-regolament ikkontestat.

219. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, nikkunsidra għalhekk li l-Awtoritajiet Komunitarji ma aġixxewx b’mod li huwa inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-regolament bażiku u tal-ftehim antidumping meta ma pprovdewx, fil-kuntest tar-regolamenti sussegwenti, għar-rifużjoni tad-dazji antidumping miġburin in applikazzjoni tar-regolament ikkontestat.

VII – Fuq il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-invalidità tar-regolament ikkontestat

220. permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti ta’ rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tindika l-modalitajiet għar-rifużjoni tad-dazji antidumping imħallsin in applikazzjoni tar-regolament ikkontestat.

221. F’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni ta’ l-ammont ta’ dazji antidumping li għandhom jiġu rifużi, fl-opinjoni tiegħi, huma l-Istituzzjonijiet kompetenti tal-Komunità li, skond l-Artikolu 233 KE, għandhom jiddeterminaw dan. Skond ġurisprudenza stabbilita, l-istess Istituzzjonijiet huma obbligati, fil-fatt, li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-eżekuzzjoni tas-sentenza preliminari(124).

222. Peress li kkonstatajt l-invalidità ta’ l-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat, safejn dan japplika metodu ta’ kalkolu żbaljat tal-marġni ta’ dumping, jiena ta’ l-opinjoni li l-Awtoritajiet Komunitarji kompetenti għandhom jirrevedu r-regolament ikkontestat u jerġgħu jikkalkolaw, abbażi ta’ l-informazzjoni miġbura waqt l-investigazzjoni inizjali, il-marġni ta’ dumping għall-importazzjonijiet provenjenti mill-Indja, mill-Eġittu u mill-Pakistan.

223. Jekk jiġi kkonstatat li l-marġni effettiv ta’ dumping li fuq il-bażi tiegħu ġew imħallsin id-dazji definittivi għandu jiġi eliminat jew imnaqqas għal-livell inqas mil-livell tad-dazju antidumping imħallas, għandhom ikunu l-awtoritajiet kompetenti li jbiddlu, konsegwentement, ir-rata ta’ dazju antidumping imposta mir-regolament ikkontestat u jindikaw l-ammont ta dazju antidumping li għandu jiġi rifuż lill-awtorità nazzjonali kompetenti.

224. F’dak li jirrigwarda l-persuni li jistgħu jiksbu rifużjoni, fl-opinjoni tiegħi, kull importatur li ħallas xi dazji skond ir-regolament ikkontestat għandu jkun jista’ japplika għar-rifużjoni, skond l-Artikolu 11(8) tar-regolament bażiku, jekk jiġi stabbilit li, fil-mument ta’ meta tħallsu, id-dazji antidumping in kwistjoni ma kinux dovuti legalment.

225. Fil-fatt, l-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Id-dewmien, ir-reviżjonijiet u r-rifużjonijiet”, fil-paragrafu 8 tiegħu jipprovdi li “importatur jista’ jitlob li jerġgħu jitħallsu lura d-dazji miġbura fejn jintwera li l-marġini tal-bejgħ taħt il-prezz, fuq il-bażi li fuqu kienu mħallsa d-dazji, jkun ġie eliminat, jew imnaqqas għal livell li huwa inqas mill-livell tad-dazju infurzat”.

226. Fl-opinjoni tiegħi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mhuwiex limitat biss għall-każijiet ta’ proċeduri ta’ reviżjoni li jsiru mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 11(2) sa (7) ta’ l-imsemmi regolament. Għalhekk nikkunsidra li din id-dispożizzjoni għandha tkun tista’ tkopri l-każijiet fejn, wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata l-invalidità tal-metodu użat għall-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, jiġi kkonstatat li dan ġie eliminat jew imnaqqas għal-livell iktar baxx.

VIII – Konklużjoni

227. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domandi magħmulin mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division kif ġej:

“1)      L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2398/97 tat-28 ta’ Novembru 1997 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ lożor u mħaded tal-qoton provejenti mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan, huwa invalidu safejn il-Kunsill, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping għall-prodott taħt investigazzjoni, applika l-metodu tar-‘riduzzjoni għal żero’ tal-marġni ta’ dumping negattivi skond il-mudelli.

2)      Huma l-Istituzzjonijiet kompetenti tal-Komunità Ewropea li għandhom jieħdu l-miżuri li jwasslu għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni preliminari preżenti.

3)      L-importaturi li ħallsu dazji skond ir-Regolament Nru 2398/97 għandhom ikunu jistgħu japplikaw għar-rifużjoni, skond l-Artikolu 11(8) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea”.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 - ĠU L 336, p. 103.


3 - ĠU L 336, 1994, p. 234.


4 - ĠU L 336, p. 1.


5 – Ara wkoll l-Artikolu XVI ta’ dan l-istess ftehim li jipprovdi, fil-paragrafu 4, li “kull membru għandu jiżgura l-konformità mal-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri amminisrattivi tiegħu rigward l-obbligi tiegħu kif ipprovvdut fil-Ftehim annessi”.


6 - It-talba għal deċiżjoni preliminari tirreferi b’mod partikolari għall-Artikoli 2.2.2(ii), 2.4.2 u 3.4 tal-ftehim antidumping. Sabiex niftehmu, aħna ser nippreċiżaw il-kontenut ta’ dawn id-dispożizzjonijiet matul l-analiżi tiegħi.


7 - Skond il-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu IV tal-ftehim li jistabbilixxi l-WTO, huwa l-Kunsill ġenerali tal-WTO, kompost minn rappreżentanti tal-membri kollha, li għandu dawn il-funzjonijiet.


8 - Regolament tat-22 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 56, 1996, p. 1, iktar ’il quddiem “ir-regolament bażiku”).


9 - Ara l-ħames premessa.


10 - Ara l-Artikoli 6, 7 u 9 tar-regolament bażiku. Għal konvenjenza, aħna ser nirreferu għall-Kummissjoni u l-Kunsill, fit-twettiq tal-funzjonijiet rispettivi tagħhom, bl-isem komuni ta’ “Awtoritajiet Komunitarji” jew Istituzzjonijiet Komunitarji”.


11 - Ara l-Artikolu 14(1) tar-Regolament bażiku.


12 - Skond l-Artikolu 4(1) tar-regolament bażiku, b’“industrija Komunitarja” wieħed għandu jifhem il-“produtturi Komunitarji kollha tal-prodotti simili jew […] dawk minnhom li l-output kollettiv tal-prodotti jikkostitwixxi proporzjon kbir, […] tal-produzzjoni Komunitarja totali ta’ dawk il-prodotti […]”. Skond l-Artikolu 5(4) ta’ l-istess regolament, il-produzzjoni kollettiva tagħhom tikkostitwixxi iktar minn 50 % tal-produzzjoni totali ta’ l-istess prodott.


13 - Skond l-Artikolu 1(4) tar-regolament bażiku, b’“prodott simili” wieħed għandu jifhem prodott li jkun identiku prodott ieħor li għalkemm ma jkunx l-istess f’kull lat, “ikollu karatteristiċi li jixbhu mill-qrib dawk tal-prodott ikkunsidrat”.


14 - Skond l-Artikolu 1(3) tar-regolament bażiku, il-pajjiż esportatur huwa, in prinċipju, il-pajjiż ta’ l-oriġni tal-prodott in kwistjoni.


15 - Ara l-Artikolu 2(12) ta’ l-istess regolament.


16 - Qabel ma jimponu dazji antidumping, l-Istituzzjonijiet Komunitarji għandhom jibbilanċjaw l-interessi diverġenti u jieħdu in kunsiderazzjoni mhux biss l-interessi ta’ l-esportaturi u ta’ l-importaturi li jkunu qegħdin jiġu investigati, iżda wkoll l-interessi ta’ l-industrija tal-Komunità, ta’ min juża u tal-konsumaturi. L-ibbilanċjar ta’ dawn l-interessi jinsab espost fl-Artikolu 9(4) tar-regolament imsemmi li jipprovdi li l-ammont ta’ dazju antidumping ma jistax jaqbeż dak li jkun xieraq biex ineħħi l-ħsara lill-industrija Komunitarja. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Settembru 2000, International Potash Company vs Il-Kunsill (T-87/98, Ġabra p. II-3179, punt 42) u tat-8 ta’ Lulju 2003, Euroalliages et vs Il-Kummissjoni (T-132/01, Ġabra p. II-2359, punt 45).


17 - Skond l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, dan il-prinċipju japplika wkoll għad-dazju provviżorju antidumping impost mill-Kummissjoni.


18 - Regolament (KE) Nru 1069/97 tat-12 ta’ Ġunju 1997 (ĠU L 156, p. 11, iktar ’il quddiem ir-“regolament provviżorju”).


19 - Regolament tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 1997 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan (ĠU L 332, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).


20 - Dawn il-konsultazzjonijiet ġew mitluba skond l-Artikoli 4 tal-ftehim ta’ soluzzjoni, XXIII tal-GATT ta’ l-1994 u 17 tal-ftehim antidumping.


21 - Ara r-rapport “Komunitajiet Ewropej – Dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Indja” li jista’ jinstab fuq is-sit internet tal-WTO (http://www.wto.org, taħt ir-referenza WT/DS141/R).


22 - Ara r-rapport “Komunitajiet Ewropej – Dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Indja” li jista’ jinstab fuq is-sit internet tal-WTO (http:..www.wto.org, taħt ir-referenza WT/DS141/AB/R).


23 - ĠU L 201, p. 10.


24 - Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2398/97 li jintroduċi dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan u li jissospendi l-applikazzjoni tiegħu f’dak li jikkonċerna l-importazzjonijiet provejenti mill-Indja (ĠU L 219, p. 1).


25 - L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1644/2001.


26 - L-Artikolu 2 ta’ l-istess regolament.


27 - Regolament tat-28 ta’ Jannar 2002, li jemenda Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2398/97 tat-28 ta’ Novembru 1997 li jimponi dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan, u li jagħlaq il-proċedura f’dak li għandhom x’jaqsmu l-importazzjonijiet provenjenti mill-Pakistan (ĠU L 26, p. 1).


28 - Skond l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 160/2002, id-dazju antidumping introdott fuq l-importazzjonijiet tal-lożor u mħaded provenjenti mill-Eġittu skada effettivament fit-28 ta’ Frar 2002, u ebda talba għar-reviżjoni ma ntbagħtet lill-Kummissjoni fit-terminu previst minn dan ir-Regolament.


29 - Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Awtoritajiet Komunitarji li jeżaminaw mill-ġdid il-ħtieġa li jinżammu l-miżuri jekk dan ikun iġġustifikat (per eżempju, meta ċ-ċirkustanzi konċernanti d-dumping u d-dannu jkunu tbiddlu mhux hażin).


30 - Regolament tat-22 ta’ April 2002 li jikkonferma d-dazju definittiv antidumping impost fuq l-importazzjonijiet ta’ lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Indja mir-Regolament Nru 2398/97, emendat u sospiż mir-Regolament Nru 1644/2001 (ĠU L 109, p. 3).


31 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p.1)


32 - C-76/00, P, Ġabra p. I-79.


33 - Punt 56.


34 - C-69/89, Ġabra p. I-2069. F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kienet hija li kellha tistħarreġ il-legalità tal-komportament ta’ l-Istituzzjonijiet Komunitarji fid-dawl tar-regoli tal-GATT ta’ l-1947, peress li l-Komunità riedet teżegwixxi l-obbligu partikolari li assumiet fil-kuntest tal-WTO. Din kienet waħda miż-żewġ eċċezzjonijiet għall-ġurisprudenza klassika tagħha li tgħid li, fid-dawl tan-natura u l-istruttura tagħhom, il-ftehim WTO ma jidhrux, bħala prinċipju, fost ir-regoli li l-Qorti tanalizza biex tistħarreġ il-legalità ta’ l-atti ta’ l-Istituzzjonijiet Komunitarji (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Novembru 1999, Il-Portugall vs Il-Kunsill, C-149/96, Ġabra, p. I-8395, punt 47; tat-12 ta’ Marzu 2002, Omega Air et, C-27/00 u C-122/00, Ġabra p. I-2569, punt 93; Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53; tat-30 ta’ Settembru 2003, Biret International vs Il-Kunsill, C‑93/02 P, Ġabra p. I‑10497, punt 52, u ta’ l-1 ta’ Marzu 2005, Van Parys, C‑377/02, Ġabra p. I‑1465, punt 39; kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2005, Laboratoire du Bain vs Il-Kunsill u L-Kummissjoni, T‑151/00, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 102). It-tieni eċċezzjoni, stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-22 ta’ Ġunju 1989, Fediol vs Il-Kummissjoni, 70/87, Ġabra p. 1781, punti 19 sa 22, tapplika meta l-att Komunitarju in kwistjoni jirreferi espressament għad-dispożizzjonijiet preċiżi tal-ftehim WTO, ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Portugall vs Il-Kunsill, punt 49, u Biret International vs Il-Kunsill, punt 53.


35 - Konvenzjoni li hija disponibbli fis-sit internet:


http://untreaty.un.org/ilc/texts/instruments/francais/traites/1_1_1969_francais.pdf


36 - Enfażi tiegħi.


37 - Ara, f’dan ir-rigward, l-Artikoli II(2), u XVI(4) tal-ftehim li jistabbilixxi l-WTO.


38 - Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 1963, Van Gend & Loos (26/62, Ġabra p. 1).


39 - Preambolu, pargrafu 3, tal-ftehim li jistabbilixxi l-WTO (enfażi tiegħi).


40 - Ara l-ewwel u t-tielet premessa tal-ftehim li jistabbilixxi l-WTO kif ukoll il-preambolu tal-GATT ta’ l-1994.


41 - Ara wkoll l-Artikolu 17, paragrafu 6(ii) tal-ftehim antidumping (enfażi tiegħi).


42 - Skond l-Artikolu IV, paragrafu 1, tal-ftehim li jistabbilixxi l-WTO, il-konferenza ministerjal hija komposta minn rappreżentanti tal-membri kollha tal-WTO. Hija għandha l-poter li tieħu deċiżjonijiet fuq il-kwistjonijiet kollha li jaqgħu taħt il-ftehim kummerċjali multilaterali u tistabbilixxi l-orjenatzzjoni politika tal-WTO.


43 - Skond l-Artikolu IV, paragrafi 2, 3 u 4, tal-ftehim li jistabbilixxi l-WTO, il-Kunsill ġenerali huwa kompost minn rappreżentanti tal-membri kollha tal-WTO. Dan huwa l-organu li janalizza l-politika kummerċjali u jassumi, b’mod partikolari, il-funzjonijiet ta’ l-organu għas-soluzzjoni tal-kwistjonijiet.


44 - Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Diċembru 1991, Artikoludwar “[a]bbozz ta’ ftehim bejn il-Komunità, min-naħa, u l-pajjiżi ta’ l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, min-naħa l-oħra, fuq il-ħolqien taż-Żona Ekonomika Ewropea", (Ġabra p. I-6079). Din l-opinjoni kienet tirrigwarda partikolarment il-kompatibbiltà tas-sistema ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju li l-ftehim kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi flimkien mat-Trattat KEE.


45 - Punt 39.


46 - Punt 40.


47 - Punt 42.


48 - Punt 45.


49 - Punt 46.


50 - Għall-espożizzjoni tat-titjib magħmul fil-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tal-kontroversji tal-WTO, ara, b’mod partikolari, l-artikoli ta’ Cottier, T., “Dispute settlement in the World Trade Organization: characteristics and structural implications for the European Union”, Common Market Law Review, 1998, p. 325; ta’ Eeckout, P., “The domestic legal status of the WTO agreement: interconnecting legal systems”, Common Market Law Review, 1997, p. 37, u ta’ Paemen, H., “The significance of the Uruguay Round”, f’Bourgeois J.H.J., Berrod, F. u Gippini Fournier, E., The Uruguay Round Results, European Interuniversity Press, Brussell, 1995, p. 33, speċjalment p. 39.


51 - Huwa interessanti li jiġi osservat li, fil-kuntest tar-rapport stabbilit, fil-31 ta’ Ottubru 2005, mill-grupp speċjali, “États-Unis – Lois, regoli u metodu ta’ kalkolu tal-marġni ta’ dumping (riduzzjoni għal żero)”, disponibbli fuq is-sit internet tal-WTO, (http://www.wto.org, taħt ir-riferenza WT/DS294/R), din ta’ l-aħħar ikkunsidrat li hija ma kinitx marbuta bir-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-korp ta’ appell (punt 7.30).


52 - Ara l-Artikolu 3(7) tal-ftehim ta’ soluzzjoni.


53 - Ara l-Artikolu 21(1).


54 - Ara l-Artikolu 22(1).


55 - Ara l-Artikoli 3(7) u 22(1).


56 - Ara l-Artikolu 21(6)


57 - Ara b’mod partikolari, is-sentenza Van Parys, iċċitata iktar ’il fuq (punti 48 u 51).


58 - Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ġunju 1996, NMB France et vs Il-Kummissjoni (T-162/94, Ġabra p. II-427, punt 72); tad-29 ta’ Jannar 1998, Sinochem vs Il-Kunsill (T-97/95, Ġabra p. II-85, punt 51); tas-17 ta’ Lulju 1998, Thai Bicycle vs Il-Kunsill (T-118/96, Ġabra p. II-2991, punt 32), u ta’ l-4 ta’ Lulju 2002, Arne Mathisen vs Il-Kunsill (T-340/99, Ġabra p. II-2905, punt 53).


59 - Ara, per eżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza Arne Mathisen vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 114).


60 - Ara b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1987, Toyo vs Il-Kunsill, (240/84, Ġabra p. 1809, punt 19), u Nachi Fujikoshi vs Il-Kunsill (255/84, Ġabra p. 1861, punt 21).


61 - Ara b’mod partikolari s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Marzu 1990, Gestetner Holdings vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni (C‑156/87, Ġabra p. I‑781, punt 43), tal-11 ta’ Lulju 1990, Neotype Techmashexport vs Il-Kummissjoni u l-Kunsill (C‑305/86 u C‑160/87,Ġabra p. I‑2945, punti 48 et seq.), u Stanko France vs Il-Kummissjoni u l-Kunsill (C‑320/86 u C‑188/87,Ġabra p. I‑3013), kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Settembru 1995, Ferchimex vs Il-Kunsill (T‑164/94, Ġabra p. II‑2681).


62 - Ara per eżempju, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Toyo vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, (punt 19), kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Thai Bicycle vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 33); tal-15 ta’ Ottubru 1998, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill (T‑2/95, Ġabra p. II‑3939, punt 292), Euroalliages et vs il-Kummissjoni, iċċitata aktar ’il fuq (punt 49), u Arne Mathisen vs Il-Kunsill, iċċitata aktar ’il fuq (punt 54).


63 - Sentenza Industrie des poudres sphériques, iċċitata iktar ’il fuq (punt 306).


64 - Ara, per eżempju, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, International Potash Company vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 65) u tas-27 ta’ Settembru 2005, Common Market Fertilizers vs Il-Kunsill (T‑134/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 156).


65 - Skond l-Artikolu 20 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-partijiet ikkonċernati, fuq talba ta’ dawn ta’ l-aħħar, bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuqhom ikunu ġew meħudin xi miżuri, sakemm il-kunfidenzjalità tibqa' assigurata.


66 - Enfażi tiegħi.


67 - Infakkar li, skond l-Artikolu 2.1 tal-ftehim antidumping, “prodott għandu jiġi meqjus bħala li hu l-oġġett ta’ dumping, […] jekk il-prezz ta’ l-esportazzjoni ta’ dak il-prodott, meta dan jiġi esportat minn pajjiż għal ieħor, ikun inqas mill-prezz paragunabbli mitlub matul it-tmexxija ordinarja tal-kummerċ għal prodott simili destinat għall-konsum fil-pajjiż esportatur” (enfażi tiegħi).


68 - Enfażi tiegħi.


69 - Skond it-termini ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 2(2) tar-regolament bażiku, il-valur normali huwa fil-prinċipju stabbilit fuq il-bażi tal-bejgħ ta’ prodott simili destinat għall-konsum fuq is-suq intern tal-pajjiż esportatur meta l-volum ta’ dan il-bejgħ jirrappreżenta 5 % jew iktar mill-volum tal-bejgħ tal-prodott ikkunsidrat fil-Komunità. Dan il-bejgħ huwa msejjaħ “rappreżentattiv”.


70 - Ara, b’mod partikolari, is-sentenza ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, Matsushita Electric vs Il-Kunsill  (C-175/87, Ġabra p. I-1409, punt 32).


71 - Ara s-sentenza Nakajima vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punti 35 u 61).


72 - Din id-dispożizzjoni tippreċiża:


“[…] l-ammonti għall-ispejjeż amministrattivi, tal-bejgħ u dawk ġenerali, kif ukoll għall-profitti għandhom ikunu bbażati fuq data li tirreferi għall-produzzjoni u għall-bejgħ fid-direzzjoni ordinarja tal-kummerċ tal-prodott simili mill-esportatur jew mill-persuni li qed jipproduċi matul l-investigazzjoni. Meta dawn l-ammonti ma’ jistgħux ikunu stabbiliti fuq bażi ta’ dan, l-ammonti jistgħu jiġu determinati fuq bażi ta’:


[…]


ii) il-medja stabbilita ta’ l-ammonti proprji li ntefqu u li ġew realizzati minn esportaturi jew produtturi oħra li huma soġġetti għal investigazzjoni fir-rigward tal-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti simili fis-suq domestiku tal-pajjiż ta’ oriġini;


[…]” (enfażi tiegħi).


73 - Ara l-punti 8 sa 17.


74 - Din id-dispożizzjoni tawtorizza lill-awtoritajiet responsabbli mill-investigazzjoni biex jipproċedu bit-teħid ta’ kampjuni meta n-numru ta’ lmentaturi, esportaturi jew importaturi tat-tip ta’ prodott jew ta’ tranżazzjonijiet huwa kbir. L-investigazzjoni tista’ għalhekk tiġi limitata ħal numru raġjonevoli ta’ partijiet, ta’ prodotti jew ta’ tranżazzjonijiet billi jintużaw kampjuni li statistikament huma rappreżentattivi.


75 - Ara l-ħames premessa et seq tar-regolament provviżorju.


76 - Ara t-tlieta u għoxrin premessa et seq tar-regolament provviżorju, u t-tmintax-il premessa tar-regolament ikkontestat li tippreċiża li l-maġġoranza vasta tal-kumpanniji Indjani li kkooperaw fl-investigazzjoni kienu kumpanniji ta’ l-esportazzjoni li ma kinux ibiegħu prodotti simili fuq is-suq intern. Kienu biss żewġ produtturi/esportaturi Indjani li ddikjaraw, fil-mument tas-selezzjoni, li huma kienu biegħu xi prodotti simili fuq is-suq intern tagħhom. L-investigazzjoni żvelat madanakollu li kienet waħda biss minnhom li kienet effettwat bejgħ rappreżentattiv.


77 - Ara t-tlieta u tletin premessa et seq tar-regolament provviżorju.


78 - Ara l-punt 11 ta’ l-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti. Din tagħmel riferenza b’mod partikolari għall-użu fil-plural tat-termini “ammonti” u “esportaturi u produtturi oħrajn” kif ukoll il-kunċett ta’ “medja peżata” ta’ “l-ammonti”.


79 - Ara l-punt 61 ta’ l-osservazzjonijiet tagħha.


80 - Mit-tmintax-il premessa tar-regolament ikkontestat jirriżulta fil-fatt li l-marġni ta’ profitt użata għall-finijiet tal-bini tal-valur normali korrispondenti mal-medja peżata tal-profitti magħmulin mill-kumpannija Indjana fuq il-benefiċċjarji magħmulin mill-kumpannija Indjana fuq il-bjegħ intern.


81 - Ara l-punt 12.


82 - Ara wkoll is-sitt premessa tar-regolament bażiku li jippreċiża li l-“[valur normali] għandu jiġiu bbażat fil-każijiet kollha fuq il-bejgħ arppreżentattiv fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ.[…]” Enfażi tiegħi.


83 – C‑105/90, Ġabra p. I‑677.


84 - Ara l-punt 13. Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim Istanza Thai Bicycle vs Il-Kunsill, iċċitata aktar ’il fuq (punt 47) (enfażi tiegħi).


85 - Fl-erba’ u sebgħin premessa tar-Regolament Nru 1644/2001, il-Kunsill irrikonoxxa li dan il-metodu ma kienx xieraq għall-investigazzjoni preżenti. Fil-fehma tiegħu, fil-fatt, dan jimplika trattament diskriminatorju bejn, minn naħa, l-esportaturi li l-marġni ta’ profitt tagħhom, fit-tmexxija ordinarja tal-kummerċ, huwa użat u, min-naħa l-oħra, l-esportaturi li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(6)(a) tar-regolament bażiku li għalihom tittieħed medja peżata ta’ l-ispejjeż VAG u l-profitti magħmulin matul il-bejgħ kollu.


86 - Biex tkun “xieraq”, dan il-paragun għandu jsir, skond l-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku,fl-istess stadju kummerċjali, fir-rigward ta’ bejgħ magħmul kemm jista’ jkun kważi fl-istess ħin u fid-dawl ta’ differenzi oħra li jaffettwaw il-paragun tal-prezz, bħalma huma l-kundizzjonijiet tal-bejgħ u ta’ intaxxar tal-prodott, il-karatteristiċi fiżiċi tiegħu, jew ukoll il-konverżjoni tal-flus.


87 - Ara s-sentenza Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq (punt 49).


88 - L-Artikolu 2.4.2 tal-ftehim antidumping huwa redatt kif ġej:


“[…] l-eżistenza ta’ marġini ta’ d-damping waqt il-fażi ta’ l-investigazzjoni għandha normalment tiġi stabbilita fuq bażi tal-paragun bejn il-medja stabbilita tal-valur normali u l-medja stabbilita tal-prezzijiet ta’ transazzjonijiet ta’ esportazzjoni komparabbli jew permezz ta’ paragun bejn il-valur normali u l-prezzijet ta’ l-esportazzjoni fuq bażi ta’ żewġ transazzjonijiet bejn xulxin. Valur normali stabbilit fuq bażi tal-medja stabbilita tista titqabbel mal-prezzijiet ta’ transazzjonijiet ta’ esportazzjoni individwali jekk l-awtoritajiet isibu disinn fost il-prezzjiet ta’ l-esportazzjoni li huma sinifikament differenti fost il-varji xerrejja, reġjuni jew termini ta’ żmien, u jekk ikun hemm spjegazzjoni dwar għalfejn dawn id-differenzi ma jistgħux jitqiesu kif suppost permezz ta’ l-użu tal-paragun bejn zewġ transazzjonijiet ta’ medji stabbilitimedja peżata”


89 - Ara b’mod partikolari, il-punti 63 ta’ l-osservazzjonijiet tal-Kunsill, u 21 ta’ l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti.


90 - Din il-kwistjoni, barra minn hekk, hija preċiżament is-suġġett tad-domanda preliminari dwar il-validità tar-regolament ikkontestat, magħmula mill-Finanzgericht Düsseldorf (Ġermanja) f’kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Metro International GmbH u l-Hauptzollamt Düsseldorf (C‑245/05).


91 - Ara l-punti 108 u 109 tal-konklużjonijiet preżenti.


92 - Għalhekk wieħed jikseb marġni ta’ dumping pożittiv meta jkun hemm id-dumping, u marġni ta’ dumping negattiv meta ma jkunx hemm dumping. Il-valuri pożittivi u negattivi ta’ l-ammonti li jidħlu f’dan il-kalkolu jindikaw preċiżament safejn il-prezz ta’ l-esportazzjoni huwa ogħla jew irħas mill-valur normali.


93 - Ara l-punt 22 ta’ l-osservazzjonijiet tagħha.


94 - Ara r-rapport iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 49 tal-konklużjonijiet preżenti.


95 - Ara t-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 2(11), tar-regolament bażiku kif ukoll il-punt 11 (inċiż 110) tas-sentenza Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq.


96 - Ara l-punt 23 tas-sentenza.


97– Aħna nfakkru li l-prodott taħt investigazzjoni kien kompost minn diversi mudelli ta’ lożor u mħaded, li huma kkunsidrati mill-awtoritajiet responsabbli għall-investigazzjoni, li huma sostitwibbli (ara t-tieni premessa tar-regolament provviżorju).


98 -       Aħna ser inħallu l-marġni ta’ dumping f’ċifri assoluti, minkejja li huma jiġu normalment espressi f’perċentwali tal-prezz ħieles fil-fruntiera li għalih aħna nagħmlu riferenza f’dawn l-eżempji.


99 - Enfażi tiegħi.


100 - Punt 65.


101 - Infakkar li, skond l-Artikolu 4(1) tar-regolament bażiku, il-kunċett ta’ “industrija tal-Komunità” tirreferi għall-produtturi Komunitarji kollha tal-prodotti simili jew għal dawk minnhom li l-output kollettiv tal-prodotti jikkostitwixxi proporzjon ikbar mill-produzzjoni Komunitarja totali ta’ dawn il-prodotti.


102 - Ara l-Artikolu 3(1) tar-Regolament bażiku.


103 - Fost dawn il-fatturi u indiċi ekonomiċi hemm “il-fatt li l-industrija għadha fi proċess ta’ rkuprar mill-effetti ta’ xiri taħt il-prezz jew sussidju fil-passat, il-kobor tal-marġini attwali tax-xiri taħt il-prezz, it-tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, il-profitti, il-produzzjoni, is-sehem fis-suq, il-produttività, ir-redditu fuq l-investimenti, l-utilizzazzjoni tal-volum”.


104– Fost dawn il-fatturi hemm “effetti negattivi attwali u potenzjali fuq iċ-ċirkolazzjoni tal-flus, l-inventarji, il-pagi, it-tkabbir, l-abilità li l-kapital jew investimenti jiġu mgħollija”.


105– Skond it-termini ta’ l-Artikolu 3.4 tal-ftehim antidumping, “L-eżaminazzjoni ta’ l-impatt ta’ l-importazzjoni ddampjata fuq l-industrija domestika kkonċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi relevanti kollha u indiċi li jistgħu jkunu influwenti fuq l-istat ta’ l-industrija, li jkunu jinkludu tnaqqis fil-bejgħ, qligħ, xejriet imgħoddija, ishma tas-suq, produttività, dħul ta’ l-investimenti, jew utilizzazzjoni tal-kapaċità bħala effett ta’ natura attwali u potenzali; fatturi li jaffetwaw l-prezzijiet domestiċi; il-kobor tal-marġini ta’ d-damping; l-effetti negattivi attwali u potenzali fuq id-dħul tal-flus, inventorji, impjieg, kapaċità biex iżżid il-kapital jew l-investimenti. Il-lista mhix waħda eżawrjenti, u lanqas wieħed jew ħafna minn dawn il-fatturi neċessarjament jista jagħti gwida deċisiva”.


106 - Ara l-premessi tnejn u ħamsin sa seba’ u ħamsin tar-regolament provviżorju.


107 - Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 74.


108 - Ara l-premessa wieħed u sittin tar-regolament provviżorju.


109 - Ara l-premessa wieħed u tmenin tar-regolament provviżorju.


110 - Ara l-premessa erbgħin et seq tar-regolament provviżorju.


111 - Bħala eżempju, ara l-premessa tnejn u erbgħin tar-regolament provviżorju li tindika li l-bejgħ f’volum fil-Komunità naqas bis-17 % matul il-perijodu ta’ investigazzjoni filwaqt li dak tal-produtturi li jiffurmaw l-industrija tal-Komunità u inkluż fil-kampjun naqas biss bil-1,5 %.


112 - Ara l-premessa erbgħin tar-regolament ikkontestat kif ukoll il-punt 69 ta’ l-osservazzjonijiet tal-Kunsill.


113 - Ara l-premessa wieħed u ħamsin tar-regolament imsemmi.


114 - Ara l-premessi wieħed u tmenin sa erba’ u disgħin tar-regolament provviżorju.


115 - Ara l-punti 27 sa 30.


116 - Enfażi tiegħi.


117 - Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 115 tal-konklużjonijiet preżenti.


118 - Ara l-punti 128 u 129 tal-konklużjonijiet preżenti.


119 - Ara l-premessa erbgħa u sittin et seq tar-regolament provviżorju.


120– Ara l-punt 47 et seq.


121 - Enfażi tiegħi.


122 - Ara b’mod partikolari, l-Artikolu 21(3) tal-ftehim ta’ soluzzjoni.


123 - Dan l-eżami mill-ġdid huwa meħtieġa safejn id-determinazzjoni tad-dannu u tan-ness ta’ kawżalità, stabbilita fil-kuntest tar-regolament ikkontestat, kienet ibbażata fuq eżami ta’ l-impatt konġunt ta’ l-importazzjonijiet mill-Indja, mill-Eġittu u mill-Pakistan (ara t-tielet premessa tar-Regolament Nru 696/2002).


124 - Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Mejju 1999, H & R Ecroyd vs Il-Kummissjoni (T-220/97, Ġabra p. II-1677, punt 49).