Opinion of the Advocate-General
I – Introduzzjoni
1. Dan ir-rikors tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ġie ppreżentat għal darb’oħra kontra Stat Membru minħabba klassifikazzjoni insuffiċjenti ta’ żoni ta’ protezzjoni speċjali (iktar ‘il quddiem “ŻPS”) ta’ l-għasafar, skond id-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi (2) (iktar ‘il quddiem id-“Direttiva dwar l-għasafar”). Għal ksur simili, il-Kummissjoni diġà kisbet il-kundanna tar-Renju ta’ l-Olanda(3), tar-Repubblika Franċiża(4), tar-Repubblika tal-Finlandja(5) u tar-Repubblika Taljana(6) . Jinsabu għaddejjin ukoll proċeduri kontra r-Repubblika Ellenika(7) u l-Irlanda(8) . Il-Kummissjoni qed tħejji wkoll rikors ieħor kontra r-Repubblika Portugiża(9) .
2. Il-punt kruċjali f’dawn il-kawżi huwa dejjem il-prova li Stat Membru għadu ma kklassifikax bħala ŻPS iż-żoni kollha li kellhom jiġu kklassifikati. Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq inventarju taż-żoni ornitoloġiċi importanti fi Spanja, li ġie ppubblikat fl-1998 mill-assoċjazzjoni ornitoloġika Spanjola – Sociedad Española de Ornitología, iktar ‘il quddiem is-“SEO/BirdLife” – [inventarju li jissejjaħ iktar ‘il quddiem l-“IBA 98”, IBA fil-qosor għal Important Bird Area (żona importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar) jew Important Bird Areas (żoni importanti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar)] (10) . Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta l-kwalità ta’ dan l-inventarju.
II – Il-kuntest ġuridiku
3. L-Artikolu 4(1) u 2 tad-Direttiva dwar l-għasafar jirregola ż-żoni li l-Istati Membri għandhom jikklassifikaw bħala ŻPS, waqt li l-paragrafu 3 ta’ l-istess Artikolu jispeċifika l-informazzjoni li trid tingħata dwar il-klassifikazzjoni:
“1. L-ispeċi msemmija fl-anness i għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzoni li jikonċernaw il-habitats tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.
F’konnessjoni ma’ dan, għandu jittieħed kont ta’ l-:
(a) ispeċi fil-perikolu ta’ l-estinzjoni;
(b) ispeċi vulnerabbli għat-tibdil speċifiku fil-habitats tagħhom;
(ċ) ispeċi kkunsidrati rari minħabba popolazzjonijiet żgħar jew distribuzzjoni lokali ristretta;
(d) ispeċi oħra li jkollhom bżonn attenzjoni partikolari għar-raġunijiet tan-natura speċifika tal-habitats tagħhom.
Drawwiet u varjazzjonijiet fil-livelli tal-populazzjoni għandhom ikunu meħuda in kunsiderazzjoni bħala sfond għal evalwazzjonijiet.
L-istati membri għandhom jikklassifikaw partikolarment l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs bħala żoni speċjali tal-protezzjoni għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi, b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom ta’ protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-direttiva.
2. L-istati membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-anness i, billi jżommu f’moħħom il-bżonn tagħhom għal protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-direttiva, rigward iż-żoni ta’ tagħmmir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu ix-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom. Għal dan il-għan, l-istati membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni fl-artijiet mistagħdra u partikolarment għall-artijiet mistagħdra ta’ importanza internazzjonali.
3. L-istati membri għandhom jibgħatu lill-kummissjoni l-informazzjoni kollha rilevanti sabiex din tkun tista tieħu inizjattivi xierqa bil-għan li tikkordina b’mod xieraq biex tassigura li ż-żoni li hemm provvduti fil-paragrafi 1 u 2 fuq jiffurmaw koerenza sħiħa li tkun konformi mal-ħtiġiet ta’ protezzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żona ġeografika tal-baħar u ta’ l-art fejn tapplika din id-direttiva.”
4. Id-disa’ premessa tispjega dawn id-dispożizzjonijiet:
“Billi l-preservazzjoni, l-manutenzzoni jew ir-restawrazzjoni tad-diversità suffiċjenti u ż-żoni ta’ habitat huma essenzjali għall-konservazzjoni ta’ l-ispeċi kollha ta’ l-għasafar; billi ċerti speċi ta’ l-għasafar għandhom ikunu suġġetti għal miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-habitat tagħhom bil-għan li jassiguraw is-sopravvivenza tagħhom u r-riproduzzjoni fiż-żoni tad-distribuzzjoni tagħhom; billi miżuri simili għandhom jieħdu ukoll in kunsiderazzjoni l-ispeċi li jemigraw u għandhom ikunu koordinati bil-għan li jirriżultaw f’ koerenza sħiħa”.
5. L-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar l-għasafar jeżiġi li l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu r-riċerka ornitoloġika:
“1. L-istati membri għandhom jinkoraġġixu r-riċerka u kull operat meħtieġ bħala bażi tal-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-użu tal-popolazzjoni ta’ l-ispeċi kollha ta’ l-għasafar imsemmija fl-artikolu 1.
2. Attenzjoni partikolari għandha tkun mogħtija għar-riċerka u l-operat fuq is-suġġetti elenkati fl-anness v. L-istati membri għandhom jibgħatu lill-kummissjoni kull informazzjoni meħtieġa biex jgħinuha tieħu l-miżuri xierqa għall-kordinazzjoni tar-riċerka u l-operat imsemmi f’dan l-artikolu.”
6. L-Anness V jsemmi ċerti oqsma ta’ riċerka li jistħoqqilhom attenzjoni partikolari.
7. Skond it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (11) (iktar ‘il quddiem id-“Direttiva dwar il-habitat”), in-netwerk Natura 2000, imwaqqfa taħt din id-direttiva, tinkludi wkoll iż-ŻPS ikklassifikati mill-Istati Membri skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-għasafar.
III – Il-proċedura ta’ qabel il-kawża u t-talbiet tal-partijiet
8. Fis-26 ta’ Jannar 2000, il-Kummissjoni talbet lill-Gvern Spanjol jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu skond l-Artikolu 226 KE (ittra ta’ intimazzjoni). Il-Kummissjoni allegat li r-Renju ta’ Spanja kien naqas milli jikklassifika numru suffiċjenti ta’ ŻPS skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-għasafar. Sa din id-data, ir-Renju ta’ Spanja kien ikklassifika, skond l-indikazzjonijiet tal-Kummissjoni, 175 żona għal superfiċji ta’ 33 582 km 2 .
9. Biex turi li din il-klassifikazzjoni ta’ ŻPS ma kinitx suffiċjenti, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-IBA 98. F’dan l-inventarju jissemmew 391 sit, b’superfiċji ta’ 15,862,567 ettaru, li jirrappreżentaw 31,5 % tat-territorju nazzjonali Spanjol.
10. Matul is-sena 2000, ir-Renju ta’ Spanja ċaħad l-ilment tal-Kummissjoni, waqt li kklassifika ŻPS ġodda.
11. L-opinjoni motivata, tal-31 ta’ Jannar 2001, b’hekk semmiet għar-Renju ta’ Spanja 262 ŻPS b’superfiċji ta’ 53,674 km 2 . F’din l-opinjoni motivata, il-Kummissjoni kkonċediet lir-Renju ta’ Spanja terminu finali ta’ xahrejn biex iwettaq il-klassifikazzjonijiet addizzjonali meħtieġa. Fuq talba tal-Gvern Spanjol, il-Kummissjoni pprorogat dan it-terminu sat-3 ta’ Mejju 2001. F’Marzu 2001, ir-Renju ta’ Spanja nnotifika lill-Kummissjoni bi 13-il ŻPS ġdida, b’superfiċji ta’ 402 272 ettaru.
12. Matul is-snin ta’ wara, ir-Renju ta’ Spanja żied f’diversi stadji n-numri ta’ ŻPS għal 427, biex b’hekk kopra żona ta’ madwar 79 778 km 2 , jew 15,8 % tat-territorju Spanjol.
13. Iżda dan il-progress ma kienx biżżejjed għall-Kummissjoni, li b’hekk ippreżentat rikors fl-4 ta’ Ġunju 2004.
14. Il-Kummissjoni talbet li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
1) tikkonstata li, billi ma kklassifikax bħala ŻPS għall-għasafar biżżejjed territorji, kemm bħala numru kif ukoll bħala superfiċji, biex tingħata protezzjoni lill-ispeċijiet ta’ l-għasafar kollha msemmija fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar, kif ukoll lill-ispeċijiet migratorji mhux imsemmija fl-istess Anness, ir-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-direttiva;
2) tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja jbati l-ispejjeż.
15. Ir-Renju ta’ Spanja talab li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
1) tiċħad dan ir-rikors;
2) tikkundanna lill-istituzzjoni rikorrenti tbati l-ispejjeż.
16. Għalkemm it-talbiet tar-rikors jirrigwardaw ir-Renju ta’ Spanja kollu, il-motivi tiegħu huma limitati għall-komunitajiet awtonomi ta’ Andalusija, tal-Gżejjer Baleariċi, tal-Gżejjer Kanarji, ta’ Kastilja-La-Mancha, tal-Katalonja, ta’ Estremadura, ta’ Galizja u ta’ Valenzja.
17. Wara l-preżentata tar-rikors, in-numru ta’ ŻPS Spanjoli żdied għal 512, b’kopertura ta’ madwar 91 803 km 2 . Iż-ŻPS fuq l-art b’hekk huma ekwivalenti għal 18, 2 % tat-territorju Spanjol. Barra minn hekk, 20 ŻPS ikopru żoni marittimi b’superfiċji ta’ 574 km 2 (12) .
18. Matul il-proċedura orali, il-Kummissjoni rtirat ir-rikors tagħha fir-rigward tal-komunità awtonoma ta’ Estremadura.
IV – Evalwazzjoni
19. Il-Kummissjoni takkuża lir-Renju ta’ Spanja li ma kklassifikax biżżejjed ŻPS. Madankollu, l-obbjettiv tar-rikors huwa limitat għal sebgħa mill-komunitajiet awtonomi Spanjoli (13) .
A – Fuq il-bażi ġuridika ta’ l-obbligu ta’ klassifikazzjoni
20. Il-bażi ġuridika ta’ l-obbligu ta’ klassifikazzjoni mhijiex ikkontestata bejn il-partijiet.
21. Skond l-aħħar inċiż ta’ l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar l-għasafar, l-Istati Membri għandhom jikklassifikaw bħala ŻPS l-aktar territorji tajbin, fir-rigward tan-numru u ż-żona tagħhom, għall-konservazzjoni ta’ l-ispeċijiet ta’ l-Anness I fiż-żona ġeografika marittima u fuq l-art fejn tapplika din id-direttiva. Dan l-obbligu ma jistax jiġi ssostitwit bl-adozzjoni ta’ miżuri oħra ta’ konservazzjoni speċjali (14) .
22. L-Istati Membri għandhom jadottaw, skond l-Artikolu 4(2), miżuri simili fir-rigward ta’ l-ispeċijiet migratorji li ma jissemmewx fl-Anness I, li jagħmlu dan regolarment, f’dak li jirrigwarda ż-żoni tagħhom ta’ tgħammir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu x-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jagħtu importanza partikolari għall-protezzjoni ta’ artijiet mistagħdra, u b’mod partikolari dawk ta’ importanza internazzjonali.
23. Jirriżulta mill-Artikolu 4(3) u mid-disa’ premessa tad-Direttiva dwar l-għasafar li ż-ŻPS għandhom jikkostitwixxu koerenza sħiħa li tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ protezzjoni ta’ l-ispeċijiet fiż-żona ġeografika marittima u fuq l-art fejn tapplika d-direttiva.
24. Skond ġurisprudenza kostanti, għalkemm l-Istati Membri għandhom ċerta diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda l-għażla taż-ŻPS, il-klassifikazzjoni u d-determinazzjoni ta’ dawn iż-żoni għandhom jikkonformaw esklużivament mal-kriterji ornitoloġiċi stabbiliti mid-direttiva. Kunsiderazzjonijiet oħra, b’mod partikolari ta’ natura ekonomika jew soċjali, ma jistax ikollhom effett għall-finijiet tal-klassifikazzjoni (15) .
25. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li r-Renju ta’ Spanja kellu jimplementa b’mod sħiħ l-obbligu tiegħu ta’ klassifikazzjoni ta’ ŻPS fil-mument ta’ l-adeżjoni tiegħu, jiġifieri fl-1 ta’ Jannar 1986 (16) . Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, id-data li għandha tiġi kkunsidrata għall-evalwazzjoni ta’ dan in-nuqqas hija, kif ġie osservat, it-terminu ffissat mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha(17) . Peress li l-Kummissjoni sussegwentement ipprorogat dan it-terminu sat-3 ta’ Mejju 2003, għandu jiġi eżaminat jekk ir-Renju ta’ Spanja kklassifikax sa din id-data biżżejjed ŻPS.
B – Fuq ir-rikonoxximent parzjali ta’ l-ilment ifformulat fir-rikors
26. Huwa minnu li r-Renju ta’ Spanja jikkontesta bis-sod l-ilment imressaq kontrih, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-rilevanza ta’ l-inventarju IBA 98 għall-evalwazzjoni ta’ l-obbligu ta’ klassifikazzjoni. Madankollu, wara t-3 ta’ Mejju 2003, huwa kklassifika ŻPS ġodda jew estenda ŻPS eżistenti fl-Andalusija, fil-Gżejjer Baleariċi, f’Kastilja-La-Mancha, fil-Katalonja, f’Galizja u fil-komunità ta’ Valenzja. Fir-rigward tal-Gżejjer Kanarji, ir-Renju ta’ Spanja ma nnotifikax klassifikazzjonijiet ġodda wara dik id-data, minkejja li kkonferma fin-noti tiegħu li l-klassifikazzjoni ta’ mill-inqas sittax-il ŻPS ġodda u l-estensjoni ta’ ħdax-il ŻPS eżistenti huma meħtieġa f’dan l-arċipelagu. Klassifikazzjonijiet ġodda jew estensjonijiet ta’ ŻPS għandhom isiru wkoll fl-Andalusija, fil-Katalonja, f’Galizja u fil-komunità ta’ Valenzja.
27. F’xi każijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq ċirkustanzi simili biex tikkonstata klassifikazzjoni insuffiċjenti ta’ siti fid-data ta’ riferiment(18) . Fil-fatt, meta Stat Membru jikklassifika ŻPS, Stat Membru jkun qed jirrikonoxxi li dan is-sit jagħmel parti mit-territorji l-aktar adatti għall-protezzjoni ta’ l-għasafar(19) . Għaldaqstant, jista’ jitqies li peress li kklassifika żoni ġodda ta’ protezzjoni ta’ l-għasafar wara l-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata, ir-Renju ta’ Spanja rrikonoxxa li kellu l-obbligu li jwettaq din il-klassifikazzjoni.
28. Madankollu, f’dawn il-każijiet kollha, kien hemm ċirkustanzi oħrajn li aggravaw dan in-nuqqas. Fil-każ ta’ Franza, ebda sit ma kien ġie kklassifikat bħala ŻPS għal sitt speċijiet ta’ l-Anness I (20) ; fil-każ tal-Finlandja, kienu ġew ikklassifikati biss ħmistax-il ŻPS b’kollox, liema ċifra kienet irrikonoxxuta bħala insuffiċjenti miż-żewġ partijiet (21) ; fl-aħħar nett, fil-każ tar-Repubblika Taljana, dan l-Istat Membru kien ammetta li kien ikkunsidra raġunijiet ekonomiċi u rikreattivi fl-għażla tas-siti (22) . Kien stabbilit ukoll li l-klassifikazzjonijiet Taljani kienu ampjament taħt il-livelli stabbiliti fl-IBA 89 (23) . Għaldaqstant, jekk ir-Renju ta’ Spanja jiġi kkundannat sempliċement fuq il-bażi taż-ŻPS li ġew ikklassifikati wara, din b’paragun tkun bażi dgħajfa.
29. Iżda, fuq kollox, sentenza mogħtija fuq din il-bażi mhijiex iġġustifikata fir-rigward tal-kawża bejn il-partijiet. Fil-fatt, ir-rikors ma tilifx l-obbjettiv tiegħu minħabba l-klassifikazzjonijiet u n-notifiki li saru wara. Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta li huwa obbligat jagħmel klassifikazzjonijiet ġodda fuq il-bażi ta’ l-IBA 98 u l-Kummissjoni għadha mhijiex sodisfatta bl-iżviluppi li seħħu sal-preżent. Fil-każ ta’ kundanna tar-Renju ta’ Spanja fuq il-bażi ta’ dawn il-klassifikazzjonijiet u notifiki, il-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ l-obbligu ta’ klassifikazzjoni ta’ siti ulterjuri tibqa’ mhux riżolta, u b’hekk tgħaddi għall-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 228 KE u tista’, jekk ikun il-każ, terġa’ titressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-kuntest (24) .
30. Din l-inċertezza tkun ta’ ħsara kunsiderevoli għar-Renju ta’ Spanja, peress li dan jibqa’ fi stat ta’ dubju dwar il-portata ta’ l-obbligi tiegħu taħt sentenza li tista’ tingħata, waqt li tibqa’ l-possibbiltà li jiġi kkundannat iħallas multa u/jew penali. Dan l-inkonvenjent huwa sproporzjonat, inġustifikat u mhux xieraq, peress li kundanna bbażata fuq il-klassifikazzjonijiet u n-notifiki ta’ klassifikazzjonijiet li saru wara tkun ibbażata biss fuq il-fatt li r-Renju ta’ Spanja għamel sforz, matul il-proċedura għal nuqqas ta‘ twettiq ta’ obbligu, li jwettaq l-obbligi tiegħu.
31. Għaldaqstant, għandha tittieħed deċiżjoni wkoll dwar il-kumplament tal-kawża bejn il-partijiet (25) .
C – Fuq il-kumplament tal-kawża bejn il-partijiet
32. Il-Kummissjoni tibbaża prinċipalment, biex issostni l-ilment tagħha, fuq il-fatt li l-klassifikazzjonijiet Spanoli fil-komunitajiet awtonomi msemmija fir-rikors iħallu barra partijiet kbar tas-siti msemmija fl-IBA 98, iżda wkoll fuq il-fatt li r-Renju ta’ Spanja ma kklassifikax iż-żoni kollha ta’ artijiet mistagħdra li kien irrikonoxxa bħala rilevanti għall-finijiet tal-Konvenzjoni ta’ Ramsar (Iran) dwar artijiet mistagħdra ta’ importanza internazzjonali (26) ; il-Kummissjoni ssemmi l-kopertura insuffiċjenti ta’ ċerti speċijiet li jistħoqqilhom protezzjoni partikolari, skond l-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar.
33. Il-Kummissjoni tirreferi kontinwament għal din il-protezzjoni insuffiċjenti ta’ speċijiet li jistħoqqilhom protezzjoni partikolari, iżda kważi f’ebda każ ma’ tagħti motivazzjoni espressa. Fi kwalunkwe każ, la l-elenkar – li tinsab għall-komunitajiet awtonomi kollha – ta’ l-ispeċijiet ikkonċernati u lanqas l-indikazzjoni parzjali ta’ l-ambjenti kkonċernati (steppa, artijiet mistagħdra jew muntanji) mhuma biżżejjed biex tiġi stabbilita prova ta’ protezzjoni insuffiċjenti. L-unika motivazzjoni, impliċita, ta’ dan l-ilment tinsab fl-IBA 98, li ssemmi siti li għadhom ma ġewx ikklassifikati li huma l-aktar adatti għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċijiet. Konsegwentement, dan l-ilment ma jressaq ebda argument ġdid fir-rigward ta’ l-invokazzjoni ta’ l-IBA 98, iżda sempliċement juri l-forza probatorja ta’ dan l-inventarju sabiex jiġi stabbilit li l-klassifikazzjoni hija insuffiċjenti. Għaldaqstant mhuwiex neċessarju li dan l-argument jiġi evalwat separatament.
34. F’dak li jirrigwarda ż-“żoni Ramsar”, il-Kummissjoni ssemmi f’rikors tagħha żewġ siti fl-Andalusija u f’Galizja, li kien għadhom ma ġewx ikklassifikati bħala ŻPS fid-data ta’ riferiment. Ir-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax dan il-punt, u għalhekk dan ser jitqies li huma ammess.
35. Konsegwentement, l-eżami jista’ jiġi limitat għall-valur probatorju ta’ l-IBA 98.
36. Il-Kummissjoni tissottometti li l-IBA 98 hija, fost is-sorsi disponibbli, l-aktar dokument ta’ riferiment ddokumentat b’mod tajjeb u preċiż għad-definizzjoni tas-siti l-aktar adatti għall-konservazzjoni u għas-sopravivenza u r-riproduzzjoni ta’ l-ispeċijiet importanti. Skond il-Kummissjoni, dan l-inventarju huwa bbażat fuq kriterji ornitoloġiċi bbilanċjati li jippermettu li jiġu indikati l-aktar siti adatti għall-konservazzjoni ta’ l-ispeċijiet kollha msemmija fl-Anness I u ta’ speċijiet oħrajn migratorji; din telenka wkoll ż-żoni ta’ protezzjoni ta’ l-għasafar li għandhom jiġu kklassifikati bħala prijorità fi Spanja.
37. Tqabbil bejn l-informazzjoni mogħtija fl-IBA 98 u ż-ŻPS ta’ l-għasafar ikklassifikati mir-Renju ta’ Spanja jwassal għall-konklużjoni, kemm fir-rigward tat-territorju Spanjol kollu kif ukoll fir-rigward tad-diversi komunitajiet awtonomi, li n-numru u ż-żoni tas-siti kklassifikati bħala ŻPS huma ferm inqas minn dawk li, skond l-għarfien xjentifiku disponibbli, huma l-aktar adatti biex tkun tista’ ssir konservazzjoni adegwata ta’ l-għasafar imsemmija fl-Artikolu 4 tad-direttiva.
38. Ir-Renju ta’ Spanja joġġezzjona, fil-prinċipju, għar-riferiment għall-IBA 98, fuq il-bażi li d-definizzjoni ta’ netwerk ta’ ŻPS għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-awtoritajiet kompetenti. Hija ssostni li l-IBA 98 ma jikkostitwixxix riferiment ta’ dan it-tip.
39. Dan l-argument huwa biss parzjalment korrett. Il-klassifikazzjoni ta’ ŻPS taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva ta’ l-Istati Membri. Dawn ma jistgħux iċedu r-responsabbiltajiet tagħhom billi sempliċement jaċċettaw u jittrasponu konklużjonijiet ta’ entitajiet oħrajn, fosthom dawk ta’ l-organizzazzjonijiet għall-ħarsien ta’ l-għasafar. Għall-kuntrarju, kull klassifikazzjoni tippreżupponi li, fil-fehma ta’ l-awtoritajiet kompetenti li jibbażaw ruħhom fuq l-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli(27), is-sit huwa fost dawk l-aktar adatti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar.
40. Madankollu ma jirriżultax li, b’mod ġenerali, l-obbligu ta’ klassifikazzjoni jonqos meta l-awtoritajiet kompetenti ma jkunux eżaminaw u vverifikaw għarfien xjentifiku ġdid. Għall-kuntrarju għandu jiġi mfakkar li l-obbligu ta’ klassifikazzjoni jeżisti wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożiżżjoni tad-Direttiva dwar l-għasafar, jew, fil-każ tar-Renju ta’ Spanja, sa mill-1 ta’ Jannar 1986 (28) . L-obbligu ta’ klassifikazzjoni lanqas mhuwa limitat mill-istat ta’ għarfien xjentifiku f’data determinata (29) .
41. Minbarra dan l-obbligu hemm obbligu ieħor, jiġifieri dak li jiġu identifikati l-aktar żoni adatti. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 10 tad-Direttiva dwar l-għasafar flimkien ma’ l-Anness V tagħha jeżiġu li l-Istati Membri jinkoraġġixu r-riċerka u l-operat meħtieġ. Konsegwentement, ir-Renju ta’ Spanja stess kellu jipproċedi, qabel l-1986, għal studju xjentifiku sħiħ dwar il-preżenza ta’ għasafar fit-territorju tiegħu u jikklassifika ż-ŻPS li jirriżultaw minn dan l-istudju. Kieku dan l-obbligu twettaq, jew kieku l-IBA 98 kien fih biss ŻPS, ir-Renju ta’ Spanja faċilment kien ikun jista’ jirrifjuta r-rekwiżiti supplementari għall-klassifikazzjoni ta’ ŻPS. F’dak il-każ, obbligi ġodda kienu jistgħu jinqalgħu biss fil-każ ta’ bidla fil-preżenza ta’ għasafar, li ebda mill-partijiet ma ssostni fil-każ preżenti.
42. Dan il-kuntest jispjega r-rilevanza ta’ l-inventarju IBA 98 għall-każ preżenti. Bħall-opinjoni tal-Kummissjoni, dan ma jiddeskrivix b’mod assolut u definittiv in-netwerk ta’ ŻPS li għandhom jiġu kklassifikati. Din ma tippretendix li r-Renju ta’ Spanja jikklassifika bħala ŻPS kull sit elenkat fl-inventarju. Konsegwentement, il-Kummissjoni rrinunzjat għall-ilment dwar klassifikazzjonijeit insuffiċjenti kontra ċerti komunitajiet awtonomi, minkejja li dawn il-klassifikazzjonijiet kienu taħt il-livelli indikati fl-IBA 98(30), u aċċettat ukoll delimitazzjoni, fuq bażi xjentifika, ta’ ŻPS fi ħdan l-IBA, minkejja li ż-żona tagħhom kienet ferm inqas mill-indikazzjonijiet ta’ l-IBA 98 (31) . Għall-kuntrarju, l-IBA hija sempliċement indikazzjoni li turi li l-klassifikazzjonijiet li saru sal-preżent jinsabu nettament taħt il-livelli meħtieġa skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-għasafar.
43. Fil-prinċipju huwa possibbli li jintuża b’dan il-mod inventarju ta’ siti. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fir-rigward ta’ l-inventarju aktar qadim IBA 89, li, meta titqies in-natura xjentifika ta’ dan ta’ l-aħħar u n-nuqqas ta’ provi xjentifiċi li juru li l-obbligi taħt l-Artikolu 4(1) u (2) setgħu jiġu sodisfatti bil-klassifikazzjoni bħala ŻPS ta’ siti differenti minn dawk li jirriżultaw mill-imsemmi inventarju u li jkopru żona iżgħar minn dik ta’ l-inventarju, minkejja li dan legalment ma jorbotx lill-Istat Membru in kwistjoni, jista’ jintuża mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala element ta’ riferiment sabiex jiġi evalwat jekk dak l-Istat Membru kklassifikax numru u superfiċji suffiċjenti ta’ territorji bħala ŻPS fis-sens tad-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija tad-direttiva (32) .
44. Il-Kummissjoni mhijiex qed tinvoka dan l-inventarju aktar qadim, li kien ġie rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda l-IBA 98. Hija ssostni li dan ta’ l-aħħar preżentement jipprovdi l-aħjar informazzjoni xjentifika disponibbli dwar l-aktar siti adatti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar.
45. Ir-Renju ta’ Spanja jista’ jirribatti din l-indikazzjoni billi jipprovdi informazzjoni xjentifika aħjar li turi li ż-ŻPS ikklassifikati jissodisfaw l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-għasafar(33) . Jidher li l-komunitajiet awtonomi li m’għadhomx suġġetti għal din il-proċedura ppreżentaw din il-prova b’mod sodisfaċenti għall-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, ir-Renju ta’ Spanja jiddikjara li, fir-rigward tad-diversi komunitajiet awtonomi l-oħrajn, teżisti informazzjoni ta’ dan it-tip jew qed tiġi mħejjija. Madankollu, b’mod ġenerali (34) din l-affermazzjoni ma ġietx issostanzjata b’mod suffiċjenti biex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżamina jekk, f’dan ir-rigward, l-IBA 98 għandux jiġi rrifjutat.
46. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, ir-Renju ta’ Spanja għall-kuntrarju qed isegwi strateġija differenti. L-ewwel nett huwa jikkontesta l-valur xjentifiku ta’ l-inventarju IBA 98, u b’hekk isostni li dan m’għandux jintuża bħala element ta’ prova dwar klassifikazzjoni insuffiċjenti. Għal dan l-iskop, huwa jissottometti għadd ta’ oġġezzjonijiet kritiċi dwar il-prinċipju, jikkontesta l-kwalità ta’ l-informazzjoni użata u jikkontesta wħud mill-kriterji għall-klassifikazzjoni tas-siti l-aktar adatti bħall-konservazzjoni ta’ l-għasafar.
1. Fuq il-kritika ta’ l-IBA 98 fuq il-bażi ta’ prinċipju
47. Il-Gvern Spanjol l-ewwel nett jikkritika fuq il-bażi ta’ prinċipju l-IBA 98. Huwa jsostni li dan l-inventarju huwa ta’ kwalità radikalment differenti mill-IBA 89, li kien ġie stabbilit fuq talba tal-Kummissjoni mill-Kunsill Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ l-Għasafar, waqt li l-IBA 98 ġie stabbilit sempliċement minn organizzazzjoni Spanjola tal-protezzjoni ta’ l-għasafar, SEO/BirdLife. Skond il-Gvern Spanjol, BirdLife International, l-organizzazzjoni suċċessura tal-Kunsill Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ l-Għasafar, ċaħdet espressament kull responsabbiltà għall-kontenut ta’ l-IBA 98.
48. Il-Gvern Spanjol jgħid li huwa inkonċepibbli kif, disa’ snin biss wara l-IBA 89, l-IBA 98 seta’ jinkludi 16-il miljun ettaru, minnflok 9,5 miljun, u jgħid ukoll li skond il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja, l-IBA 89 diġà kien rigoruż, preċiż u eżawrjenti. Huwa jallega li SEO/BirdLife kellha l-intenzjoni, wara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda (35), iżżid unilateralment is-superfiċji tas-siti importanti mill-perspettiva ornitoloġika, sabiex toħloq argumenti favur proċedura għal nuqqas ta’ azzjoni. Il-Gvern Spanjol ifakkar li l-IBA 98 ġie ppubblikat fil-bidu ta’ l-1999, jiġifieri aktar minn sena wara li kienet ġiet introdotta din il-proċedura għal nuqqas ta’ azzjoni.
49. Madankollu, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, l-IBA 98 ġie elaborat mill-istess organizzazzjoni li kienet stabbilixxiet il-parti Spanjola ta’ l-IBA 89: SEO/BirdLife. Huwa minnu li fl-IBA 98 saret riżerva minn BirdLife International, il-federazzjoni internazzjonali li tiġbor fi ħdanha l-organizzazzjonijiet tal-protezzjoni ta’ l-għasafar, fejn hija tiċħad kull responsabbiltà; madankollu jibqa’ l-fatt li din l-organizzazzjoni sussegwentement inkorporat l-IBA 98 fl-IBA 2000, l-inventarju Ewropew tas-siti importanti għall-protezzjoni ta’ l-għasafar, li ġie stabbilit taħt ir-responsabbiltà tagħha (36) .
50. SEO/BirdLife hija awtorità rikonoxxuta għall-kwistjonijiet ornitoloġiċi li jikkonċernaw lil Spanja. Ir-Renju ta’ Spanja jammetti dan il-fatt espressament. Il-perizji rreġistrati mill-Kummissjoni, li ġew fdati mill-awtoritajiet Spanjoli lil din l-organizzazzjoni, il-parteċipazzjoni ta’ awtoritajiet statali Spanjoli fl-IBA 98 (37), kif ukoll il-klassifikazzjonijiet supplementari li saru fuq il-bażi ta’ l-IBA 98 f’ċerti komunitajiet awtonomi ta’ Spanja jikkonfermaw l-awtorità ta’ SEO/BirdLife fil-qasam xjentifiku. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja stess ibbażat ruħha espressament, f’sentenza reċenti, fuq rapport ta’ SEO/BirdLife dwar il-kaċċa ta’ l-għasafar bil-kolla(38) .
51. Fir-rigward tal-metodu użat u l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni, l-inventarju l-ġdid jikkorrispondi wkoll ħafna ma’ dak preċedenti. Bħall-IBA 89, l-inventarju IBA 98 japplika serje ta’ kriterji ornitoloġiċi għall-identifikazzjoni tas-siti l-aktar adatti għall-preżenza ta’ l-għasafar.
52. Fir-rigward tal-kriterji għall-għażla tas-siti, l-IBA 89 u l-IBA 98 fil-parti l-kbira tagħhom jaqblu(39) . Il-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fl-IBA 89, li ssemmiet mir-Renju ta’ Spanja, kienet essenzjalment limitata għal assistenza fl-operat ta’ l-esperti ornitoloġiċi dwar il-kriterji. Peress li dawn il-kriterji baqgħu jiġu applikati sa grad għoli, il-Kummissjoni tassumi wkoll responsabbiltà, għalkemm indirettament, għall-IBA 98. Min-naħa l-oħra, anki fir-rigward ta’ l-IBA 89, il-Kummissjoni ma setgħetx tissorvelja r-rilevanza ta’ l-informazzjoni, peress li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tivverifika l-eżistenza u l-importanza ta’ kull preżenza ta’ għasafar. Għaldaqstant, anki minn din il-perspettiva, mhemmx differenza sinjifikattiva bejn l-IBA 89 u l-IBA 98.
53. Fil-bqija, l-oġġezzjonijiet ta’ prinċipju mqajma mill-Gvern Spanjol kontra l-IBA 98 jikkostitwixxu sempliċement preżunzjonijiet – kważi suspetti – u b’hekk mhumiex ta’ natura, meta meqjusa waħdehom, li jistgħu jpoġġu f’dubju l-awtorità ta’ l-inventarju. Huwa plawżibbli li ż-żieda fl-għarfien xjentifiku dwar il-preżenza ta’ l-għasafar tippermetti li jiġu identifikati siti ġodda li huma l-aktar adatti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar. Bl-istess mod, il-fatt li organizzazzjoni ddedikata għall-protezzjoni ta’ l-għasafar, bħal SEO/BirdLife, tkompli taġġorna u żżid ma’ l-inventarju tas-siti importanti wara li l-Qorti tal-Ġustizzja għarfet il-valur tiegħu bħala mezz ta’ prova għal klassifikazzjoni insuffiċjenti ta’ ŻPS, jikkostitwixxi strateġija raġonevoli. BirdLife International ukoll segwiet, b’kollaborazzjoni ma’ l-imsieħba l-oħrajn tagħha fil-pajjiżi ta’ l-Ewropa, strateġija simili, kif jirriżulta mill-inventarju Ewropew li ġie ppubblikat fis-sena 2000 (40) .
54. Fl-aħħar nett, l-oġġezzjoni tar-Renju ta’ Spanja li bih jgħid li diġà pprovda kontribuzzjoni aktar għolja min-normal ta’ ŻPS ikklassifikati fil-Komunità ma tistax tiġi milqugħa. Huwa minnu li l-porzjoni ta’ ŻPS meta mqabbel maż-żona kienet l-aktar sostanzjali fi Spanja fid-data meta ġie ppreżentat ir-rikors: ir-Renju ta’ Spanja kellu f’dak il-mument 35 % taż-żoni kklassifikati bħala ŻPS fil-Komunità, minkejja li għandu biss 16 % tat-territorju tal-Komunità.
55. Dan l-argument madankollu mhuwiex rilevanti ġuridikament. L-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-għasafar ma jeżiġix li kull Stat Membru jikklassifika ż-ŻPS skond id-daqs tiegħu, iżda li l-Istati Membri jikklassifikaw is-siti l-aktar adatti. Skond is-sitwazzjoni ġeografika u bijoloġika tagħhom, l-Istati Membri għandhom siti ta’ din ix-xorta fi proporzjonijiet differenti. Huwa għalhekk li, fl-istess ħin, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka kklassifikaw partijiet ħafna akbar tat-territorju tagħhom bħala ŻPS (41) . Jekk Stat Membru għandu, minħabba l-klassifikazzjoni ta’ ŻPS, jikkontribwixxi proporzjon ogħla min-normal għall-istabbiliment ta’ Natura 2000, il-Komunità tkun obbligata, skond il-prinċipju ta’ lealtà Komunitarja, tagħti appoġġ Komunitarju aktar favorevoli fir-rigward ta’ dan l-Istat fil-kuntest ta’ l-għajnuna Komunitarja fin-netwerk(42) .
56. L-oġġezzjonijiet fil-prinċipju tar-Renju ta’ Spanja kontra l-IBA 98 b’hekk ma jistgħux ipoġġu f’dubju l-kwalità xjentifika ta’ dan l-inventarju. B’mod loġiku, l-inventarju l-aktar reċenti għandu jiġi rrikonoxxut, fuq il-bażi ta’ l-oriġini tiegħu, bħala li għandu kwalità xjentifika kumparabbli ma’ dik ta’ l-istrument preċedenti.
2. Fuq l-informazzjoni użata
57. Oġġezzjonijiet oħrajn tar-Renju ta’ Spanja huma relatati mal-kwalità intrinsika ta’ l-IBA 98. Dawn jeħtieġu diskussjoni dwar ir-rilevanza ta’ l-informazzjoni ta’ dan l-inventarju u l-kwalità tagħha.
58. Ir-Renju ta’ Spanja jilmenta li l-inventarju ma jinkludix sorsi għall-evalwazzjoni tad-diversi siti elenkati. Huwa jsostni li l-informazzjoni li fuqha huwa bbażat u l-firxa tas-siti b’hekk ma jistgħux jiġu vverifikati. Permezz ta’ din il-kontestazzjoni, il-Gvern Spanjol ma jikkunsidrax li l-eżamijiet xjentifiċi li saru fil-post, fid-diversi IBA, jistgħu jintużaw biex tiġi vverifikata f’kull ħin il-preżenza ta’ għasafar u ż-żoni stabbiliti. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ l-inventarju aktar qadim, jiġifieri l-IBA 89, is-sitwazzjoni ma kinitx aħjar f’dak li jirrigwarda s-sorsi. Madankollu dan ma waqqafx lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tirrikonoxxi r-rilevanza ta’ dan l-inventarju.
59. Ir-Renju ta’ Spanja jsemmi wkoll il-fatt li SEO/BirdLife rrifjutat li tagħti lill-komunitajiet awtonomi, li huma esklużivament kompetenti għall-klassifikazzjoni ta’ ŻPS, aċċess mingħajr limitu għall-bażi ta’ data ta’ l-IBA. Huwa jsostni li din il-bażi ta’ data jista’ jkun fiha għal kull IBA informazzjoni differenti, mhux inkluża fl-inventarju, b’mod partikolari riferiment għall-kotba u indikazzjonijiet dwar il-kwalità ta’ l-informazzjoni fir-rigward tad-delimitazzjoni tas-siti(43) .
60. Skond dak li hu magħruf, strumenti simili, li setgħu jiffaċilitaw għall-Istati Membri l-klassifikazzjoni ta’ ŻPS, ma kinux jeżistu għall-IBA 89. Huwa deplorabbli, jekk preżentement is-sitwazzjoni hija differenti, li l-awtoritajiet kompetenti ma jingħatawx aċċess għal dawn l-istrumenti. Dan joħloq l-impressjoni li SEO/BirdLife ma appoġġatx fl-isforzi tagħha kollha l-obbjettiv tagħha, jiġifieri l-klassifikazzjoni sħiħa taż-ŻPS. Madankollu għandu jiġi osservat fl-istess ħin li SEO/BirdLife sempliċement irrifjutat l-aċċess b’xejn għall-bażi ta’ data tagħha, waqt li kienet lesta tinnegozja l-kundizzjonijiet ta’ aċċess.
61. Fi kwalunkwe każ, ir-rifjut ta’ aċċess ma jpoġġix f’dubju l-kwalità xjentifika ta’ l-inventarju ppubblikat. Fil-fatt, l-inventarju mhuwiex limitat għal evalwazzjoni tal-kotba ċċitata f’din il-bażi ta’ data, iżda huwa bbażat essenzjalment fuq l-osservazzjonijiet u l-esperjenzi, li ma ġewx ippubblikati, tal-gruppi lokali ta’ SEO/BirdLife, l-amministrazzjonijiet reġjonali, il-bijoloġisti, il-gruppi tal-protezzjoni tan-natura, l-ornitoloġiċi, ir-riċerkaturi, l-ambjentalisti, il-professuri universitarji, l-uffiċjali ta’ l-amministrazzjoni tal-foresti u oħrajn (44) . L-informazzjoni rilevanti għall-għażla ta’ l-IBA b’hekk tinsab fil-pubblikazzjoni, waqt li r-referenzi għal-kotba li jinsabu fil-bażi ta’ data huma ta’ importanza iżgħar għall-identifikazzjoni ta’ dawn is-siti.
62. Għaldaqstant huwa utli li jiġu identifikati l-persuni responsabbli għall-ġbir ta’ l-informazzjoni fid-diversi IBA. Dawn jistgħu, meta wieħed iqis il-kompetenza tagħhom, jagħtu għajnuna lill-awtoritajiet kompetenti għad-delimitazzjoni u l-klassifikazzjoni ta’ ŻPS. Il-Kummissjoni madankollu ġustament irrimarkat, matul il-proċedura orali, li dawn il-persuni kellhom id-dritt li jiġu ttrattati b’kunfidenzjalità min-naħa ta’ SEO/BirdLife minħabba biża’ ta’ ritaljazzjoni għar-rwol tagħhom fil-klassifikazzjoni ta’ ŻPS. Dan ma jistax jiġi eskluż meta huma jkunu jaħdmu professjonalment għall-awtoritajiet li jkollhom attitudni negattiva fil-konfront tal-klassifikazzjoni ta’ ŻPS. Jistgħu jinqalgħu wkoll problemi fuq livell lokali fil-każ ta’ IBA kontenzjużi.
63. Il-Gvern Spanjol b’hekk ma jistax jallega kontra r-rikors ksur tad-drittijiet tad-difiża tiegħu fir-rigward ta’ l-informazzjoni li tinsab fil-bażi ta’ data. Fil-fatt, ir-rikors mhuwiex ibbażat fuq din l-informazzjoni, iżda sempliċement fuq l-inventarju IBA 98 kif ippubblikat.
64. Ir-Renju ta’ Spanja lanqas ma jista’ jallega nuqqas ta’ appoġġ min-naħa tal-Kummissjoni. Huwa minnu li l-Kummissjoni hija obbligata li tappoġġa lill-Istati Membri b’kull mod possibbli għall-klassifikazzjoni taż-ŻPS; madankollu dan ma jippermettilhiex tpoġġi għad-dispożizzjoni tagħhom informazzjoni li tkun proprjetà ta’ persuni privati, kif fil-fatt hi din il-bażi ta’ data .
65. Fi kwalunkwe każ, indipendentement mir-rilevanza ta’ dan ir-rifjut ta’ aċċess, xejn ma jwaqqaf mill-Gvern Spanjol milli jieħu l-miżuri meħtieġa biex jissodisfa għall-kollox l-obbligu tiegħu ta’ klassifikazzjoni. SEO/BirdLife għall-kuntrarju ffaċilitat kunsiderevolment il-klassifikazzjonijiet supplementari, permess tal-pubblikazzjoni ta’ l-inventarju. L-awtoritajiet Spanjoli b’hekk m’għandhomx l-obbligu li jeżaminaw it-territorju nazzjonali kollu, iżda jistgħu jiffokaw fuq l-IBA.
66. Il-Gvern Spanjol barra minn hekk jikkontesta l-kwalità ta’ l-informazzjoni użata. SEO/BirdLife tiddefinixxi l-kwalità ta’ l-informazzjoni bħala għolja għal 38 %, medja għal 44 % u baxxa għal 18 %(45) . Għal kull element ta’ protezzjoni ornitoloġika tad-diversi siti, l-IBA 98 tikklassifika l-kwalità ta’ l-informazzjoni fil-kategoriji A, B, C jew U. U tfisser mhux magħruf, C tfisser informazzjoni dgħajfa, B tfisser informazzjoni mhux kompluta, waqt li l-kategorija A biss fiha informazzjoni preċiża(46) .
67. Ir-Renju ta’ Spanja huwa tal-fehma li l-informazzjoni tal-kategorija A biss tista’ tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-proċedura għal nuqqas li tittieħed azzjoni. Din l-oġġezzjoni b’hekk issostni li r-Renju ta’ Spanja seta’ jibqa’ ma jieħux azzjoni sakemm il-Kummissjoni jew organizzazzjonijiet privati janalizzaw b’mod sistematiku u fuq l-ogħla livell xjentifiku l-preżenza ta’ għasafar fit-territorju nazzjonali kollu. Skond id-Direttiva dwar l-għasafar, madankollu, dan l-obbligu jaqa’ fuq ir-Renju ta’ Spanja. Sakemm ma jkunx hemm disponibbli għal żmien twil l-aqwa informazzjoni, informazzjoni ta’ kwalità medja jew dgħajfa wkoll setgħu jintużaw bħala indikazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ siti li huma l-aktar adatti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar.
68. L-oġġezzjonijiet tal-Gvern Spanjol fir-rigward tal-kwalità ta’ l-informazzjoni ta’ l-IBA 98 b’hekk għandhom ukoll jiġu miċħuda.
3. Fuq il-kriterji għad-definizzjoni tas-siti l-aktar adatti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar
69. Il-Gvern Spanjol jikkritika wkoll ċerti kriterji użati għad-definizzjoni tas-siti l-aktar adatti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar, kif ukoll l-applikazzjoni tagħhom minn SEO/BirdLife.
70. Il-kriterji huma deskritti fl-inventarji IBA 98 u IBA 2000 (47) . L-IBA jikludu bħala regola ġenerali numru sostanzjali ta’ għasafar ta’ speċijiet li huma mhedda globalment (C.1) (48) jew ta’ mill-inqas 1 % tal-popolazzjoni totali rilevanti ta’ speċijiet mhedda fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri speċijiet imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva dwar l-għasafar (C.2)(49) jew ta’ speċijiet migratorji oħrajn (C.3)(50) . L-IBA jinkludu wkoll għadd kbir ta’ aktar minn 20 000 għasfur akwatiku jew aktar minn 10 000 koppja ta’ għasafar tal-baħar (C.4), kif ukoll żoni migratorji dojoq minn fejn jgħaddu regolarment aktar minn 5 000 ċikonja jew aktar minn 3 000 għasfur tal-priża jew grewwa (C.5)(51) . Fl-aħħar nett, skond il-kriterju C.6, il-ħames siti l-aktar importanti għall-ispeċijiet ta’ l-Anness I għandhom jitqiesu li huma l-aktar siti importanti mill-perspettiva ornitoloġika fir-reġjun Ewropew in kwistjoni (magħruf bħala l-kriterju “top 5”)(52) . Il-kriterju C.7 jinkludi ż-ŻPS ikklassifikati jew siti previsti għall-klassifikazzjoni li ġew magħżula fuq il-bażi ta’ kriterji oħrajn.
71. Barra minn hekk, BirdLife tibbaża ruħha wkoll fuq prinċipji ġenerali għad-delimitazzjoni tas-siti. IBA huwa identifikat jew b’mod ċar mill-ambjent tiegħu – jekk ikun jikkonsisti f’sit diġà delimitat għall-finijiet tal-ħarsien ambjentali – , jew jekk ikun jissodisfa waħdu jew flimkien ma’ IBA oħrajn ir-rekwiżiti kollha ta’ l-ispeċijiet ikkonċernati fil-ħin tal-preżenza tagħhom(53) .
72. Peress li l-kriterji ta’ l-IBA 89 u l-IBA 98 fil-parti l-kbira tagħhom jaqblu dwar id-definizzjoni tas-siti l-aktar adatti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiethom fil-prinċipju meta kkonstatat, għall-inventarju l-aktar qadim IBA 89, li dan kien jikkostitwixxi (fid-data rilevanti għal kull proċedura) l- uniku dokument li jinkludi l-mezzi ta’ prova xjentifiċi biex tiġi evalwata l-kwistjoni jekk l-Istat konvenut issodisfax l-obbligu tiegħu li jikklassifika bħala ŻPS is-siti li, bħala numru u bħala żona, kienu l-aktar adatti għall-konservazzjoni ta’ l-ispeċijiet protetti (54) .
73. Madankollu xejn ma jwaqqaf lill-Istati Membri milli jiżviluppaw huma stess kriterji għall-identifikazzjoni tas-siti l-aktar adatti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar u li jikklassifikaw iż-ŻPS tagħhom fuq din il-bażi(55) . Dawn il-kriterji madankollu għandhom ikunu ta’ mill-inqas ekwivalenti, mill-perspettiva ornitoloġika, għal dawk ta’ l-inventarji IBA.
74. Ir-Renju ta’ Spanja madankollu ma żviluppax il-kriterji tiegħu stess, waqt li oppona l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ għażla C.1 u C.6 fil-kuntest ta’ l-IBA 98 kif ukoll id-delimitazzjoni ta’ għadd kbir ta’ siti identifikati.
a) Fuq il-kriterju C.1
75. Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li SEO/BirdLife għażlet, f’ċerti każijiet, għall-kuntrarju tad-definizzjoni tal-kriterju C.1, siti li fihom ħafna inqas minn 1 % tal-popolazzjoni li tgħammar ta’ l-ispeċijiet protetti. Dan jgħodd b’mod partikolari għall-pitarrun. Ir-Renju ta’ Spanja jargumenta li billi għandu madwar 23 000 għasfur, il-limitu għandu jkun ta’ 230 għasfur. Madankollu, SEO/BirdLife użat limitu ta’ 50 għasfur.
76. Permezz ta’ din il-kritika, il-Gvern Spanjol mhux qed jagħraf korrettament id-definizzjoni ta’ dan il-kriterju. F’dak li jirrigwarda l-ispeċijiet mhedda globalment, huwa biżżejjed li s-sit in kwistjoni jkollu numru sinjifikattiv ta’ għasafar. Dan in-numru sinjifikattiv jista’ jkun raġonevolment inqas mill-1 % previst mill-kriterju C.2, għall-ispeċijiet li jkunu mhedda biss fl-Unjoni Ewropea, iżda mhux globalment.
77. Għall-ispeċijiet li huma mhedda fuq livell dinji, BirdLife International tuża, biex tilqa’ kontra din it-theddida, limiti ħafna inqas għolja, per eżempju dak ta’ 30 għasfur għall-pitarrun, imsemmi mir-Renju ta’ Spanja(56) . Iżda – kif tirrimarka l-Kummissjoni –, minħabba l-preżenza relattivament aktar sostanzjali ta’ din l-ispeċi fi Spanja, SEO/BirdLife ffissat il-limitu minimu ta’ l-IBA 98 għal livell aktar għoli minn BirdLife International għall-inventarju Ewropew.
78. Barra minn hekk, dan il-kriterju ma sarx aktar strett, iżda għall-kuntrarju aktar flessibbli, meta mqabbel ma’ l-inventarju IBA 89 irikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-kriterju 5 ta’ l-IBA 89 kien jinkludi wkoll iż-żoni kollha ta’ riproduzzjoni ta’ l-ispeċijiet rari jew mhedda.
79. Għaldaqstant, din l-oġġezzjoni tar-Renju ta’ Spanja għandha tiġi miċħuda.
b) Fuq il-kriterju C.6
80. Ir-Renju ta’ Spanja barra minn hekk jikkritika l-applikazzjoni tal-kriterju C.6, jiġifieri tal-kriterju “top 5”. Skond dan il-kriterju, l-aħjar ħames siti ta’ kull reġjun jitqiesu, għall kull speċi, bħala l-aktar adatti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar. Fi ħdan kull Stat Membru, ir-reġjuni jiġu kklassifikati skond in-nomenklatura ta’ l-unitajiet territorjali statistiċi (NUTS) stabbiliti mill-Eurostat. BirdLife għażlet, f’diversi Stati Membri, livelli differenti ta’ din in-nomenklatura bil-għan li tikseb reġjuni Ewropej ta’ daqs kumparabbli(57) . Fi Spanja, intgħażel il-livell 2, li jikkorrispondi għall-komunitajiet awtonomi u li jirriżulta wkoll fi tqas sim fi 17-il reġjun.
81. Ir-Renju ta’ Spanja jirrifjuta li jirrikonoxxi l-komunitajiet awtonomi bħala reġjuni Ewropej fis-sens ta’ dan il-kriterju. Huwa jsostni li l-komunitajiet awtonomi mhumiex delimitati skond kriterji ornitoloġiċi, iżda jikkostitwixxu taqsimiet amministrattivi. Jeżistu 17-il reġjun ta’ dan it-tip fi Spanja, 20 fl-Italja u 95 fi Franza (58) . Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li għall-kuntrarju wieħed għandu jibbaża fuq ir-“reġjuni bioġeografiċi” li jintużaw fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-habitat.
82. Għall-finijiet tad-Direttiva dwar il-habitat, it-territorju kollu tal-Komunità ġie mqassam f’reġjuni bijoġeografiċi, preżentement sebgħa: ir-reġuni Kontinentali, Mediterranji, Alpini, Atlantiċi, Makaroneżjani, Boreali u Pannoniċi. Spanja għandha partijiet minn erbgħa minn dawn ir-reġuni, jiġifieri partijiet mir-reġjuni bioġeografiċi Atlantiċi, Mediterranji, Alpini u Makaroneżjani.
83. Waqt li l-partijiet Spanjoli biss tar-reġjuni bijoġeografiċi kienu rrikonoxxuti bħala “reġjuni Ewropej” fis-sens tal-kriterju C.6, in-numru ta’ siti li jikkorrispondu għal dan il-kriterju kien ferm inqas għoli. Minflok massimu ta’ 85 l-aħjar sit għal kull speċi protetta, Spanja kella biss massimu ta’ 20 l-aħjar sit għal kull waħda minn dawn l-ispeċijiet.
84. Din l-oġġezzjoni tar-Renju ta’ Spanja ma tistax tiġi miċħuda mingħajr ebda forma ta’ proċess ieħor. Mhemmx lok li jiġi aċċettat, f’dan il-kuntest, l-argument tal-Kummissjoni li r-Renju ta’ Spanja dejjem insista, sal-preżent, li t-twettiq ta’ l-obbligi ta’ klassifikazzjoni għandu jiġi evalwat separatament fuq livell tal-komunitajiet awtonomi li huma unikament kompetenti. Il-kompetenzi tal-komunitajiet awtonomi ma jistgħux fil-fatt ikunu determinanti għad-definizzjoni tas-siti li għandhom jiġu kklassifikati. Kif huwa magħruf, l-għażla ta’ dawn is-siti għandha tkun ibbażata fuq kriterji xjentifiċi (59) .
85. Argument ieħor tal-Kummissjoni huwa b’mod aktar ċar ibbażat fuq l-ornitoloġija, iżda mingħajr ma huwa deċiżiv: ir-reġuni bioġeografiċi tad-Direttiva dwar il-habitat mhumiex skond il-popolazzjonijiet ta’ għasafar, iżda prinċipalment imqassma skond it-tip ta’ ambjent naturali. B’hekk mhuwiex possibbli li jiġu mqabbla l-għasafar u l-ispeċijiet u t-tipi ta’ ambjenti naturali protetti mid-Direttiva dwar il-habitat. Madankollu, għalkemm ir-reġjuni bioġeografiċi mhumiex relatati speċifikament mal-konservazzjoni ta’ l-għasafar, dawn jirrappreżentaw mingħajr ebda dubju konnessjoni aktar mill-qrib ma’ din ta’ l-aħħar milli s-sottodiviżjonijiet territorjali, amministrattivi u statistiċi.
86. BirdLife International stess tammetti li r-riferiment għal NUTS mhuwiex ideali għal finijiet ornitoloġiċi, peress li għadd kbir ta’ speċijiet ta’ għasafar jippreferu reġjuni inqas popolati, waqt li NUTS hija bbażata fuq il-popolazzjoni. Meta d-densità tal-popolazzjoni tkun inqas, ir-reġuni jkunu ikbar. Skond BirdLife International, sabiex tiġi assigurata l-ekwivalenza tar-reġjuni b’hekk intagħżlu livelli differenti ta’ NUTS għal kull Stat Membru.
87. Din il-motivazzjoni turi l-valur effettiv tar-riferiment li sar għal NUTS, li huwa indifferenti mill-perspettiva ornitoloġika. B’dan il-mod wieħed jikseb firxa ta’ riferiment kumparabbli fl-Istati Membri kollha għall-applikazzjoni tal-kriterju top 5. Dan jiggarantixxi tqassim bejn wieħed u ieħor uniformi taż-ŻPS fil-Komunità. Dan it-tqassim huwa kundizzjoni sabiex iż-ŻPS ma jikkonċentrawx fuq ċerti setturi, iżda jikkostitwixxu flimkien netwerk li tkopri l-Komunità b’mod kemm jista’ jkun uniformi.
88. Din il-kopertura uniformi hija meħtieġa b’mod partikolari għal raġunijiet ornitoloġiċi, għaliex din tiggarantixxi l-protezzjoni ta’ l-ispeċijiet għaż-żona ta’ distribuzzjoni tagħhom. L-importanza tat-tqassim ġeografiku ta’ l-ispeċi tirriżulta mid-definizzjoni ta’ l-istat ta’ konservazzjoni ta’ l-ispeċijiet imsemmija fl-Artikolu 1(i) tad-Direttiva dwar il-habitat. L-istat ta’ konservazzjoni jiddeskrivi l-effett tal-fatturi kollha li jaffettwaw lill-ispeċijiet u li jistgħu jaffettwaw fuq medda ta’ żmien twil it- tqassim u d-daqs ta’ dawn il-popolazzjonijiet. Din id-definizzjoni mhijiex direttament applikabbli għad-Direttiva dwar l-għasafar, iżda turi l-konsensus xjentifiku li għandu jintlaħaq kemm fil-kuntest ta’ l-għażla tas-siti skond din id-direttiva, li għandu jkun ibbażat fuq kriterji ornitoloġiċi.
89. Kieku min-naħa l-oħra kellhom jintgħażlu bħala firxa ta’ riferiment reġuni akbar, per eżempju r-reġjuni bijoġeografiċi proposti mir-Renju ta’ Spanja, jinkiseb, numru iżgħar ta’ ŻPS għal numru identiku ta’ siti li għandhom jintgħażlu għal kull reġjun. In-netwerk b’hekk ikun ta’ densità inqas. Barra minn hekk, ikun hemm ir-riskju li dawn iż-ŻPS jiġu mqassma b’mod inqas unformi milli fuq il-bażi ta’ reġjuni iżgħar. Barra minn hekk dan ir-riskju jkun jeżisti wkoll jekk, għar-reġjuni akbar, in-numru ta’ siti magħżula jiżdied. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż f’dawn iż-żewġ każijiet li l-aħjar siti jkunu kkonċentrati f’ċerti setturi, waqt li setturi oħrajn, li jkunu jistgħu joffru ħames siti kull wieħed bħala reġjuni awtonomi, ma jiġux inklużi.
90. Barra minn hekk, kieku kellhom jintużaw, minflok in-NUTS, reġjuni oħrajn ta’ riferiment, il-kriterju li jirriżulta jkollu jkun b’tali mod li jwassal għal netwerk ta’ ŻPS daqstant irfinata. Dan it-tqassim tat-territorju Spanjol fuq bażi ornitoloġika ċertament jista’ jsir, u sussegwentement użat għall-identifikazzjoni ta’ ŻPS, permezz ta’ l-isforzi xjentifiċi meħtieġa (60) . Madankollu, ir-Renju ta’ Spanja m’għamilx dan l-isforz, u llimita ruħu li jsemmi r-reġuni bijoġeografiċi, li ma jikkostitwixxux bażi kumparabbli għall-komunitajiet awtonomi għall-kisba ta’ netwerk uniformi.
91. Barra minn hekk, ir-Renju ta’ Spanja lanqas ma wera, f’dak li jirrigwarda l-kriterju C.6, li l-inventarju IBA 98 ma jikkostitwixxix l-aħjar dokument xjentifiku għall-identifikazzjoni tas-siti li huma l-aktar adatti għall-konservazzjoni ta’ l-għasafar.
c) Fuq id-delimitazzjoni ta’ l-IBA
92. Ir-Renju ta’ Spanja, fl-aħħar nett, jiddikjara li mhuwiex sodisfatt bid-delimitazzjoni ta’ l-IBA. Huwa jsostni li dan huwa spiss żbaljat, peress li jinkludi territorji li manifestament mhumiex adatti, per eżempju żoni urbani. Barra minn hekk, huwa jsostni li nkisbu IBA wisq kbar, li bħala medja huma ferm akbar minn dawk ta’ Stati Membri oħrajn.
93. Bħal fil-każ ta’ l-għażla taż-żoni ta’ protezzjoni ta’ l-għasafar, id-delimitazzjoni tagħhom għandha tkun ibbażata fuq il-kriterji ornitoloġiċi li jinsabu fl-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar(61) . Ir-Renju ta’ Spanja jikkritika d-delimitazzjoni ta’ l-IBA, iżda mhux il-kriterji użati għal din id-delimitazzjoni. B’hekk, huwa jopponi biss l-applikazzjoni tagħhom, kif ukoll ta’ l-informazzjoni użata għal dan l-iskop. Madankollu, l-affermazzjonijiet globali, per eżempju fir-rigward taż-żoni urbani, mhumiex biżżejjed biex ikun jista’ jsir eżami konkret ta’ dawn l-oġġezzjonijiet. Il-preżenza ta’ ċerti speċijiet ta’ għasafar ġiet stabbilita wkoll, f’ċerti kundizzjonijiet, f’ambjenti naturali ta’ dan it-tip. B’hekk, mhuwiex ikkontestat li l-kolonji ta’ l-ispanjuletti (falco naumanni), li huma mhedda fuq livell dinji, jinsabu wkoll f’żoni urbani.
94. Ir-Renju ta’ Spanja madankollu ġustament jirrimarka li l-Kummissjoni tinsab f’kontradizzjoni, f’dak li jirrigwarda l-IBA li huma koperti biss parzjalment miż-ŻPS, ma’ l-argumenti li hija qajmet f’parti oħra tar-rikors(62) . F’dik il-parti hija ddikjarat li kienet aċċettat l-argumenti xjentifiċi tal-komunitajiet awtonomi tal-Katalonja, ta’ Valenzja, ta’ Galizja u ta’ Kastilja-La-Mancha li jgħidu li d-delimitazzjoni taż-ŻPS tagħhom kienet adatta, għal kull waħda (“ cada una ”) mill-IBA tagħhom, biex tiggarantixxi l-ħarsien tad-Direttiva dwar l-għasafar. Il-Kummissjoni tirreferi għal dan l-argument tar-Renju ta’ Spanja fir-replika tagħha(63), iżda ma ċċaratx din il-kontradizzjoni la f’din ir-replika u lanqas bi tweġiba għal domanda matul il-proċedura orali.
95. Din l-espożizzjoni ta’ motivi ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 38(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura. Id-dikjarazzjoni tal-motivi, li hija meħtieġa għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, għandha tkun biżżejjed ċara u preċiża biex tippermetti lill-parti konvenuta tipprepara d-difiża tagħha u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minn dan jirriżulta li l-elementi essenzjali fil-fatt u fid-dritt li fuqhom ikun ibbażat rikors għandhom jirriżultaw b’mod koerenti u li jiftiehem mit-test tar-rikors innifsu(64) . Fir-rigward taż-ŻPS fi ħdan l-IBA fil-komunitajiet awtonomi hawn fuq imsemmija, mhuwiex magħruf eżattament, fir-rigward ta’ din il-kontradizzjoni fir-rikors, jekk il-Kummissjoni tagħmilx effettivament dan l-ilment. Dan jirrendi impossibbli kemm difiża xierqa kif ukoll evalwazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.
96. Għaldaqstant, fuq dan il-punt, ir-rikors huwa inammissibbli. Dan il-vizzju jaffettwa ż-ŻPS ikklassifikati u nnotifikati lill-Kummissjoni fid-data tal-preżentata tar-rikors fil-komunitajiet awtonomi ta’ Kastilja-La-Mancha, tal-Katalonja, ta’ Valenzja u ta’ Galizja.
97. L-eżami ta’ l-ilment li ċerti siti ma ġewx ikklassifikati bħala ŻPS ħlief għal żona wisq żgħira m’għandhiex tissokta ħlief fir-rigward ta’ l-Andalusija, tal-Gżejjer Baleariċi u tal-Gżejjer Kanarji.
D – Fuq id-diversi komunitajiet awtonomi
98. L-argumentazzjoni tal-partijiet fl-aħħar nett tirrigwarda d-diversi komunitajiet awtonomi. Din għandha tiġi eżaminata fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn ir-reġjuni.
1. Fuq l-Andalusija
99. Fuq il-bażi ta’ tqabbil bejn l-IBA 98 u l-klassifikazzjonijiet fl-Andalusija, il-Kummissjoni tissottometti li, fil-mument ta’ l-iskadenza tat-terminu mogħti mill-opinjoni motivata, 37 IBA minn 60 ma kinux koperti għal kollox miż-ŻPS, li t-22 ŻPS ikklassifikati kienu jikkorrispondu biss parzjalment mat-23 IBA u li d-diversi speċijiet ma kinux koperti b’mod suffiċjenti, b’mod partikolari l-ajkla rjali ta’ Spanja ( aquila adalberti ), iċ-ċikonja sewda ( ciconia nigra ), it-tiġieġa bit-toppu ( fulica cristata ), is-sarsella mnaqqxa ( marmaronetta angustirostris ), l-ispanjulett, il-gallozz prim vjola ( porphyrio porphyrio ), il-gawwija geddumha aħmar ( larus audouinii ), il-pitarra ( tetrax tetrax ), il-pitarrun ( otis tarda ), il-bagħdan griż ( circus pygargus ) u l-ajkla ta’ Bonelli ( hieraaetus fasciatus ). Skond il-Kummissjoni, iż-żona kklassifikata ta’ madwar miljun ettaru tikkorrispondi biss għal terz taż-żoni koperti mill-IBA.
100. Ir-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax dan l-ilment. B’hekk dan għandu jiġi kkunsidrat bħala ammess. Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi milqugħ fl-intier tiegħu f’dak li jirrigwarda l-Andalusija.
2. Fuq il-Gżejjer Baleariċi
101. Fid-data ta’ riferiment, il-Gżejjer Baleariċi kienu jammontaw għal 40 ŻPS ikklassifikati, b’superfiċji ta’ 121 015 ettaru. Madankollu, l-20 IBA, b’superfiċji ta’ 131 243 ettaru, kienu biss koperti sa rata ta’ 54 %. Il-Kummissjoni b’mod partikolari ressqet l-ilment li l-astun aħmar ( milvus milvus ) ma kienx kopert b’mod suffiċjenti.
102. Ir-Renju ta’ Spanja joġġezzjona li s-siti identifikati fl-IBA 98 ma setgħux jintużaw, minħabba l-iskala ta’ 1: 2,500,000, u li dawn diġà kienu skaduti. Huwa jirrikonoxxi madankollu li l-astun aħmar għandu jkun kopert b’mod aħjar fiż-ŻPS; għal dan l-iskop, huwa wettaq, fil-kuntest ta’ pjan ta’ konservazzjoni ta’ din l-ispeċi, il-klassifikazzjoni ta’ ŻPS ġodda u delimitazzjoni ġdida ta’ ŻPS eżistenti, b’mod illi kopra 70 % ta’ l-ispeċi.
103. Ir-Renju ta’ Spanja b’hekk ammetta wkoll fil-prinċipju l-ilmenti tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Gżejjer Baleariċi. Mhuwiex possibbli li jiġi evalwat jekk il-konstatazzjonijiet ġodda ta’ l-awtoritajiet kompetenti jpoġġux effettivament f’dubju l-valur probatorju ta’ l-IBA 98, peress li dawn ma ġewx ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
104. Għaldaqstant, ir-rikors fir-rigward tal-Gżejjer Baleariċi għandu jiġi milqugħ fl-intier tiegħu.
3. Fuq il-Gżejjer Kanarji
105. Fid-data ta’ riferiment – u ċertament fil-preżent –, il-Gżejjer Kanarji għandhom 28 ŻPS ikklassifikata, b’superfiċji ta’ 211 598 ettaru. Dan ikopri madwar 59,5 % tal-65 IBA, ta’ superfiċji ta’ 133 443 ettaru. 23 IBA huma għal kollox mhux koperti, waqt li parti mill-oħrajn huma koperti biss parzjalment. Il-Kummissjoni tosserva b’mod partikolari l-kopertura insuffiċjenti ta’ dawn l-ispeċi: l-għubara ( chlamydotis undulata ), l-avultun ta’ l-Eġittu ( neophron percnopterus ), il-buċaqq tal-Gżejjer Kanarji ( saxicola dacotiae ), il-korjun ta’ lewn ċar ( cursorius cursor ) u l-kanġu ta’ Bulwer ( bulweria bulwerii ).
106. Ir-Renju ta’ Spanja jirrikonoxxi li għandha ssir klassifikazzjoni ta’ ŻPS ġodda u l-estensjoni ta’ ŻPS eżistenti. Huwa jiddikjara madankollu li, fuq bażi xjentifika, l-awtoritajiet kompetenti ma japprovawx l-IBA kollha fl-intier tagħhom. Biex jissostanzja din id-dikjarazzjoni, il-Gvern Spanjol ippreżenta, in sostenn tad-difiża tiegħu, studju ddettaljat dwar l-IBA kollha fil-Gżejjer Kanarji li għadhom ma ġewx koperti għal kollox; dan l-istudju jispjega l-kunsiderazzjonijiet ornitoloġiċi li fuq il-bażi tagħhom l-IBA għandhom jiġu kklassifikati jew mhux ikklassifikati bħala ŻPS (65) . Peress li dan ma ġiex ikkontestat mill-Kummissjoni, il-kontenut tiegħu għandu jitqies bħala ammess u jikkostitwixxi, għan-nuqqas ta’ klassifikazzjonijiet li jissussistu, mezz ta’ prova aktar attwali u preċiż mill-IBA 98. L-ilment ta’ klassifikazzjoni insuffiċjenti b’hekk ma jissussistix ħlief f’każijiet fejn iż-ŻPS għandhom jiġu kklassifikati jew estiżi skond dan l-istudju.
107. B’hekk hemm lok, suġġett għal din ir-riżerva, li r-rikors jiġi milqugħ ukoll fir-rigward tal-Gżejjer Kanarji.
4. Fuq Kastilja-La-Mancha
108. Fil-każ tal-komunità awtonoma ta’ Kastilja-La-Mancha, il-Kummissjoni tqabbel ukoll iż-ŻPS ikklassifikati ma’ l-indikazzjonijiet mogħtija fl-IBA 98. Hija tallega li għaxar IBA minn 39, b’superfiċji ta’ 261 000 ettaru, ma ġewx koperti għal kollox, waqt li l-oħrajn kienu koperti biss sar-rata ta’ 32,3 %. B’mod partikolari, l-ispanjulett u l-pitarra għadhom mhux koperti b’mod suffiċjenti.
109. Kif diġà ġie kkonstatat, l-ilment dwar id-delimitazzjoni taż-ŻPS fi ħdan l-IBA huma ammissibbli(66) . Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ l-għaxar IBA li mhumiex koperti għal kollox miż-ŻPS, ir-Renju ta’ Spanja rrikonoxxa fl-istess ħin li fi tliet każijiet kienet meħtieġa klassifikazzjoni u jidher li wettaqhom sussegwentement(67) . Il-kwistjoni dwar jekk, f’kull każ, id-differenza tad-delimitazzjoni meta mqabbla ma’ l-IBA 98 hijiex ibbażata fuq kriterji ornitoloġiċi ma tistax tiġi evalwata, minħabba nuqqas ta’ preċiżjonijiet mir-Renju ta’ Spanja. Min-naħa l-oħra, seba’ IBA jibqgħu kontenzjużi.
110. Fir-rigward ta’ ħamsa minn dawn l-IBA, ir-Renju ta’ Spanja jirrifjuta li jikklassifika ŻPS, fuq il-bażi li t-territorju ta’ Kastilja-La-Mancha għandu biss partijiet żgħar. Huwa jsostni li dawn il-partijiet m’għandhomx sinjifikat ornitoloġiku awtonomu u b’hekk ma jeħtieġux li jiġu kklassifikati.
111. Dan l-argument madankollu ma jistax jiġi aċċettat. Il-fatt li sit li jkun l-aktar adatt għall-konservazzjoni ta’ ċerti speċijiet jkun jestendi fit-territorju ta’ diversi reġjuni ma jiġġustifikax l-eklużjoni ta’ ċerti partijiet. Jekk dawn il-partijiet ikunu jikkostitwixxu parti integrali mis-sit kollu, dawn għandhom jiġu kklassifikati, għax inkella jkunu jistgħu jittieħdu miżuri mhux ikkontrollati fiż-żoni in kwistjoni li jaffettwaw lis-sit kollu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tissottometti, mingħajr ma ġiet ikkontestata, li speċijiet ta’ l-Anness I jinsabu f’ta’ mill-inqas żewġ partijiet tas-siti hawn fuq imsemmija, jiġifieri l-ajkla imperjali, li hija mhedda fuq livell dinji, iċ-ċikonja sewda, l-ajkla ta’ Bonelli, l-ajkla irjali ( aquila chrysaetos ), il-grifun Ewrasjatiku ( gyps fulvus ), l-avultun Eġizzjan u l-bies ( falco peregrinus ).
112. F’dak li jirrigwarda l-IBA Nru 185, “ San Clemente‑Villarrobledo ”, ir-Renju ta’ Spanja joġġezzjona li s-superfiċji tiegħu ta’ 103 000 ettaru tagħmlu wisq kbir. Il-popolazzjonijiet imsemmija ta’ l-ispanjuletti, tal-ħaġla sidirha aħmar denbha bil-ponta ( pterocles alchata ) u tal-pitarra huma, bħala proporzjon, relattivament inqas.
113. Din l-argumentazzjoni ma tistax tiġi aċċettata, u dan għaliex dan is-sit ġie inkluż fl-IBA 98 mhux biss għaliex huwa wieħed mill-aħjar ħames siti, iżda wkoll għax jilqa’ popolazzjonijiet sinjifikattivi ta’ speċijiet mhedda fuq livell dinji u fl-Ewropa. Għaldaqstant, dawn l-oġġezzjonijiet jistgħu jiġġustifikaw, jekk ikun il-każ, delimitazzjoni oħra, iżda mhux l-abbandun totali tal-klassifikazzjoni.
114. Tant hu minnu li r-Renju ta’ Spanja, matul il-proċedura kontenzjuża, ikklassifikat ŻPS bl-istess isem, li jinkludi ta’ mill-inqas 10 677,81 ettaru; huwa b’hekk irrikonoxxa li dan is-sit kellu jiġi kklassifikat ukoll. Mhuwiex possibbli li jiġi evalwat jekk id-delimitazzjoni li saret hijiex korretta mill-perspettiva ornitoloġika, peress li r-Renju ta’ Spanja ma tax raġunijiet biex jappoġġa din id-delimitazzjoni.
115. Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja jirrifjuta li jikklassifika l-IBA Nru 199, “Torrijos”, b’superfiċji ta’ 28 600 ettaru, fuq il-bażi li l-popolazzjoni ta’ 150 sa 200 pitarruni hija negliġibbli meta mqabbla mal-popolazzjoni totali tal-komunità awtonoma, li tammonta għal 3 000 għasfur. Madankollu għandu jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, is-sinjifikat Ewropew ta’ din il-preżenza ta’ speċijiet li hija mhedda fuq livell dinji. Din hija kemm-il darba ogħla mil-limitu minimu ta’ popolazzjoni sinjifikattiva, jiġifieri 50 għasfur, li diġà ġie stabbilit għal Spanja. Barra minn hekk, fl-IBA 98 hija osservata wkoll preżenza sinjifikattiva ta’ pitarri, li wkoll huma mhedda fuq livell mondjali; din il-preżenza hija ta’ 1 200 għasfur, għal limitu minimu ta’ 200 għasfur. Il-klassifikazzjoni ta’ din is-sit b’hekk tidher li hija obbligatorja.
116. Rigward l-ilment tal-Kummissjoni dwar in-nuqqasijiet, fir-rigward ta’ l-IBA 98, fil-protezzjoni ta l-ispanjulett u l-pitarra, l-elementi preċedenti jwasslu fihom infushom għall-konklużjoni li huwa meħtieġ li jiġu kklassifikati ŻPS supplementari għal dawn iż-żewġt ispeċi.
117. F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, it-theddida kontra l-pitarra, ir-Renju ta’ Spanja ma jistax jinvoka favur tiegħu d-diffikultajiet li jirriżultaw mill-mobbiltà kbira ta’ din l-ispeċi, mal-konnessjoni dgħajfa tiegħu ma’ diversi siti, il-varjazzjoni tal-bżonnijiet tiegħu f’ambjenti naturali skond iż-żmien tas-sena u n-nuqqas ta’ evalwazzjoni preċiża tal-popolazzjoni. Ir-Renju ta’ Spanja b’hekk għandu jiffaċċja dawn id-diffikultajiet permezz ta’ riċerki supplementari u l-klassifikazzjoni ta’ siti li jkunu kbar biżżejjed, bi flessibbiltà adegwata fil-ġestjoni, li mingħajrhom tinħoloq il-biża ta’ l-estinzjoni ta’ din l-ispeċi.
118. Lanqas ma jista’ jiġi aċċettat l-argument li l-kolonji ta’ spanjuletti li jinsabu f’żoni urbani ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala ŻPS. Jekk il-preżenza ta’ l-ispanjuletti ġiet irreġistrata f’dawn l-ambjenti, il-protezzjoni permezz ta’ klassifikazzjoni hija għaldaqstant meħtieġa. Dan huwa l-uniku mod kif jista’ jiġi ggarantit li, per eżempju, il-miżuri ta’ ġestjoni urbana ma jwasslux għat-tkeċċija ta’ din l-ispeċi. L-interessi marbuta ma l-iżvilupp urban ma jistgħux jippermettu rinunzja tal-klassifikazzjoni, għaliex, kif huwa magħruf, ma tistax issir oppożizzjoni għal klassifikazjoni għal raġunijiet ta’ natura ekonomika jew soċjali. Kieku dawn il-kunsiderazzjonijiet kellhom jieħdu prijorità fuq l-interessi tal-protezzjoni ta’ l-ispanjulett, dawn għandhom jiġu implementati fil-kuntest ta’ l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva dwar il-habitat, jiġifieri fin-nuqqas tas-soluzzjonijiet alternattivi u permezz ta’ l-adozzjoni tal-miżuri ta’ kumpens meħtieġa.
119. Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom l-oġġezzjonijiet imqajma mir-Renju ta’ Spanja kontra l-IBA f’Kastilja-La-Mancha li għadhom mhux koperti minn ŻPS. B’hekk għandu jintlaqa’ r-rikors tal-Kummissjoni f’dawn it-termini.
5. Fuq il-Katalonja
120. Fir-rigward tal-Katalonja wkoll, il-Kummissjoni tqabbel l-IBA 98 mal-klassifikazzjonijiet li saru effettivament u tasal għall-konklużjoni li 10 IBA minn 21 ma ġew koperti b’ebda mod, li l-oħrajn ġew koperti biss parzjalment u li, għaldaqstant, għal 62 speċi ta’ għasafar li jgħammru ta’ l-Anness I fil-Katalonja, xi wħud mhumiex protetti b’mod suffiċjenti fil-kuntest taż-ŻPS: l-averla ċenerina ( lanius minor ), is-serduq selvaġġ ( tetrao urogallus ), il-kormoran żgħir ( phalacrocorax aristotelis ), il-pitarra, l-alwetta Kalandra ( melanocorypha calandra ), l-alwetta ta’ Dupont ( chersophilus duponti ), il-farruġ ( coracias garrulus ), il-bilbla ( calandrella brachydactyla ) u l-perniċjotta ( glareola pratincola ).
121. Kif ġie kkonstatat qabel, l-ilment dwar id-delimitazzjoni ta’ ŻPS fi ħdan l-IBA hija inammissibbli(68) . F’dak li jirrigwarda l-10 IBA li fadal, li mhumiex għal kollox koperti minn ŻPS, l-IBA 98 la ssemmi l-averla ċenerina, is-serduq selvaġġ, l-alwetta ta’ Dupont u lanqas il-perniċjotta. Fir-rigward ta’ dawn l-ispeċi, b’hekk ma ġiex stabbilit li l-klassifikazzjonijiet li saru mhumiex suffiċjenti.
122. Ir-Renju ta’ Spanja jikkontesta wkoll l-ammissibbiltà tar-rikors f’dak li jirrigwarda l-ispeċijiet ta’ l-għasafar indikati, fuq il-bażi li mhuwiex magħruf eżattament liema huma l-ispeċijiet li kellhom ikunu suġġetti għall-klassifikazzjonijiet supplementari taż-ŻPS. Skond ir-Renju ta’ Spanja, il-Kummissjoni tindika 62 speċi fl-Anness I, waqt li l-liġi Katalana tipprevedi l-protezzjoni ta’ 73 speċi. Huwa jsostni li matul il-proċedura ta’ qabel il-kawża, il-Kummissjoni ma rreferietx dejjem għall-istess speċi.
123. Din l-oġġezzjoni madankollu ma tistax tiġi aċċettata. L-ewwel nett, ir-Renju ta’ Spanja jinterpreta b’mod żbaljat ir-riferiment għall-ispeċi ta’ għasafar: il-Kummissjoni ssemmi n-numru ta’ 62 speċi fl-Anness I għall-Katalonja, iżda hija ma tiġġustifikax in-nuqqas ta’ klassifikazzjoni ħlief fir-rigward ta’ l-ispeċijiet imsemmija espressament hawn isfel. B’mod impliċitu, huma dawn l-ispeċijiet li kienu suġġetti għall-proċedura ta’ qabel il-kawża, waqt li l-Kummissjoni dejjem ibbażat ruħha fuq l-IBA 98 u l-ispeċijiet hawn fuq imsemmija jirriżultaw mid-differenzi bejn l-IBA 98 u ż-ŻPS fil-Katalonja.
124. Ir-Renju ta’ Spanja jsostni wkoll li parti mill-IBA diġà ġiet proposta bħala sit ta’ importanza Komunitarja fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-habitat. Madankollu, dawn il-proposti ma jistgħux ġuridikament jikkumpensaw in-nuqqasijiet fil-klassifikazzjoni ta’ ŻPS, peress li din il-klassifikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar l-għasafar, waqt li l-proposta tas-sit hija bbażata fuq l-Artikolu 4 tad-Direttiva dwar il-habitat; dawn huma sistemi differenti b’effetti ġuridiċi differenti.
125. Fir-replika tiegħu, ir-Renju ta’ Spanja jsemmi l-fatt li l-parti l-kbira tal-habitat li għadhom ma ġewx ikklassifikati bħala ŻPS huma protetti taħt il-liġi nazzjonali fil-kuntest tal-pjan ta’ siti ta’ interess għan-natura jew bħala siti naturali partikolarment protetti. Indipendentement mill-kwistjoni jekk din il-protezzjoni tissodisfax ir-rekwiżiti għall-protezzjoni miż-ŻPS, din ma tiġġustifikax l-abbandun tal-klassifikazzjoni bħala ŻPS. L-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva dwar l-għasafar jeħtieġ il-klassifikazzjoni sabiex dawn is-siti jiġu inkorporati f’netwerk Ewropew skond il-paragrafu 3. Fi ħdan dan in-netwerk, il-kwalità tal-protezzjoni hija ggarantita minn standards Ewropej. Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ma kienx possibbli li l-klassifikazzjoni ta’ ŻPS tiġi ssostitwita bl-adozzjoni ta’ miżuri oħrajn(69) . Barra minn hekk, kategoriji ta’ protezzjoni purament nazzjonali jitqiesu wkoll li huma miżuri oħrajn li ma jistgħux jissostitwixxu l-klassifikazzjoni(70) .
126. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-Katalonja, ir-Renju ta’ Spanja jagħti għall-ewwel darba fir-replika tiegħu analiżi xjentifika ta’ l-IBA 98. Fil-fatt, huwa jqabbel l-indikazzjonijiet ta’ l-IBA 98 dwar il-preżenza ta’ speċi fis-siti ma’ l-indikazzjonijiet relatati mal-popolazzjoni totali korrispondenti fil-Katalonja mogħtija minn atlas ta’ għasafar li jbejtu, li huwa bbażat fuq l-osservazzjonijiet tas-snin 1999 sa 2002. Dawn iċ-ċifri madankollu huma kumparabbli biss sa grad limitat, peress li l-popolazzjonijiet totali ta’ dawn l-ispeċijiet huma b’mod ġenerali aktar sostanzjali fil-Katalonja kollha mill-popolazzjonijiet fl-IBA.
127. Barra minn hekk, jirriżulta minn ċifri reċenti li l-indikazzjonijiet ta’ l-IBA 98 mhumiex ogħla mill-osservazzjonijiet ulterjuri ħlief għal erba’ speċijiet rilevanti għal IBA li għadhom kontenzjużi, jiġifieri għall-kanġu ta’ Filfla ( hydrobates pelagicus ) (0 sa 10 koppji għal 5 sa 15), il-kappun imperjali ( botaurus stellaris ) (1 sa 5 koppji għal 8 sa 11), il-bagħdan griż (5 sa 10 koppji għal 15 sa 20), il-ħaġla sidirha iswed ( pterocles orientalis ) (5 sa 10 koppji għal 10). Wieħed ma jistax jikkonkludi li l-informazzjoni li ntużat bħala bażi għall-IBA 98 kienet difettuża, iżda l-aktar illi dawn l-ispeċi, li diġà huma ferm rari fil-Katalonja, waslu fix-xifer ta’ l-estinzjoni u li b’hekk jeħtieġu protezzjoni partikolari.
128. Għall-kumplament, il-popolazzjonijiet totali ta’ speċijiet preżenti fl-10 IBA li għadhom kontenzjużi huma superjuri għal dawk indikati fl-IBA 98. Għal ċerti speċi, porzjon biss tal-popolazzjoni totali hija inkluża fl-IBA, per eżempju l-għasfur ta’ San Martin ( alcedo atthis ), li jinsab fl-IBA b’20 sa 30 koppja, iżda li l-popolazzjoni totali tiegħu hija ta’ 1 009 sa 1 420 koppja, jew għall-alwetta Tekla ( galerida Theklae ), li 100 sa 200 koppja minnu jinsabu fi ħdan l-IBA għal popolazzjoni ta’ 7 300 sa 18 400 koppja. Dan it-tqabbil b’hekk ma jippruvax li jeżisti bżonn ta’ klassifikazzjoni ulterjuri, iżda jindika għall-kuntrarju li xi siti għandhom jiġu kklassifikati ‘l fuq mill-IBA 98.
129. Ir-Renju ta’ Spanja ppreżenta wkoll tabella li tippreżenta l-ispeċijiet li jaqgħu taħt iż-ŻPS. Huwa jenfasizza li, fil-Katalonja, iż-ŻPS ċertament jinkludi partijiet aktar sostanzjali tal-popolazzjoni mill-IBA 98. Madankollu jiddikjara wkoll li, għal 16-il speċi, huwa jinsab taħt in-numru msemmi fl-IBA 98. Dawn l-ispeċijiet huma barra minn hekk ippreżentati f’9 IBA mill-10 li għadhom kontenzjużi. L-aħħar IBA (Nru 138, “ Islas Medas ”) jippermetti barra minn hekk il-protezzjoni ta’ mill-inqas żewġ speċijiet ferm rari, li s’issa mhumiex preżenti fiż-ŻPS tal-Katalonja, jiġifieri l-kanġu ta’ Filfla u l-kormoran żgħir. Dan l-argument b’hekk ma jistax jirribatti l-argument tal-Kummissjoni.
130. Ir-Renju ta’ Spanja b’hekk ma kienx f’pożizzjoni li jirribatti l-ilmenti tal-Kummissjoni dwar l-IBA li għadhom ma ġewx ikklassifikati għal kollox bħala ŻPS fil-Katalonja. Għaldaqstant għandu jiġi milqugħ ir-rikors tal-Kummissjoni fuq dan il-punt.
6. Fuq Galizja
131. Fir-rigward ta’ Galizja, il-Kummissjoni tikkonstata li tliet IBA minn ħdax ma ġewx ikklassifikati bħala ŻPS u li xi wħud mill-oħrajn ġew ikklassifikati biss parzjalment. B’kollox, 10 % biss taż-żoni li jaqgħu taħt l-IBA huma ŻPS. Il-kappun imperjali, il-bagħdan griż, l-ajkla ta’ Bonelli, is-serduq selvaġġ, il-pitarra, il-kuċċarda ( pernis apivorus ) u s-sotto speċi Spanjola tal-perniċi griża ( perdix perdix hispaniensis ) mhumiex protetti b’mod suffiċjenti.
132. Kif diġà ġie kkonstatat, l-ilment dwar id-delimitazzjoni taż-ŻPS fi ħdan l-IBA huwa ammissibbli(71) . Għat-tliet IBA li fadal, li b’ebda mod ma huma koperti minn ŻPS, l-IBA 98 la jsemmi l-kappun imperjali u lanqas l-ajkla ta’ Bonelli jew il-kuċċarda. Fir-rigward ta’ dawn l-ispeċi, mhemmx prova ta’ klassifikazzjonijiet insuffiċjenti.
133. Waħda mit-tliet IBA rimanenti fl-istess ħin ġiet ikklassifikata b’rata ta’ 86 % bħala ŻPS, waqt li t-tnejn l-oħrajn għandhom jiġu kklassifikati parzjalment bħala ŻPS fuq il-bażi ta’ studji li saru sadanittant. Għaldaqstant, ir-Renju ta’ Spanja ammetta fil-prinċipju l-kumplament ta’ l-ilment tal-Kummissjoni u ma kkontestax, ta’ mill-inqas mhux fil-mertu, il-limiti ta’ l-IBA. Ir-rikors b’hekk għandu jiġi milqugħ fir-rigward ta’ l-IBA li għadhom ma ġewx ikklassifikati b’ebda mod bħala ŻPS f’Galizja.
7. Fuq il-komunità ta’ Valenzja
134. Fir-rigward tal-komunità ta’ Valenzja, il-Kummissjoni ssemmi 5 IBA minn 21 li b’ebda mod mhuma koperti minn ŻPS; xi oħrajn ġew ikklassifikati biss parzjalment. Barra minn hekk, hija tallega li l-kappun imperjali, l-agrett isfar ( ardeola ralloides ), is-sarsella mnaqqxa, il-papra tax-xitwa ( oxyura leucocephala ), il-gawwija geddumha aħmar, il-bagħdan griż u l-ajkla ta’ Bonelli ma ġewx protetti b’mod suffiċjenti fiż-ŻPS.
135. Kif diġà ġie kkonstatat, l-ilment dwar il-klassifikazzjoni ta’ ŻPS fi ħdan l-IBA huwa inammissibbli (72) . Għall-5 IBA l-oħra, li mhumiex koperti għal kollox miż-ŻPS, l-IBA 98 isemmi biss l-ajkla ta’ Bonelli. Fir-rigward ta’ l-ispeċijiet l-oħrajn, ma ngħatatx prova ta’ klassifikazzjoni insuffiċjenti.
136. Fir-rigward tal-komunità ta’ Valenzja, ir-Renju ta’ Spanja ma jikkontestax ir-rikors, iżda jħabbar klassifikazzjonijiet ġodda. B’hekk ir-rikors għandu jiġi milqugħ fir-rigward ta’ l-IBA li għadhom ma ġewx ikklassifikati għal kollox bħala ŻPS fil-komunità ta’ Valenzja.
E – Konklużjoni
137. Fil-komunitajiet awtonomi ta’ l-Andalusija, tal-Gżejjer Baleariċi, tal-Gżejjer Kanarji, ta’ Kastilja-La-Mancha, tal-Katalonja, ta’ Galizja u ta’ Valenzja, ir-Renju ta’ Spanja ma kklassifikax b’mod suffiċjenti siti bħala ŻPS ta’ l-għasafar; fil-komunitajiet awtonomi ta’ l-Andalusija, tal-Gżejjer Baleariċi u tal-Gżejjer Kanarji, huwa kklassifika ċerti siti bħala ŻPS iżda b’superfiċji wisq żgħira.
V – Fuq l-ispejjeż
138. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni rtirat ir-rikors tagħha fir-rigward ta’ komunità awtonoma wara li r-Renju ta’ Spanja kkonforma ruħu mar-rekwiżiti tagħha. Fir-rigward tat-tliet komunitajiet awtonomi li dwarhom il-Kummissjoni rebħet totalment, ir-Renju ta’ Spanja għandu jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż.
139. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ erba’ komunitajiet awtonomi oħrajn, parti sostanzjali tar-rikors għandu jiġi miċħud. Għaldaqstant, l-ispejjeż għandhom jinqasmu f’dan ir-rigward.
140. Konsegwentement, ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati tliet kwarti ta’ l-ispejjeż tiegħu kif ukoll ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni u l-Kummissjoni kwart ta’ l-ispejjeż tar-Renju ta’ Spanja u kwart ta’ l-ispejjeż tagħha.
VI – Konklużjoni
141. B’hekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
1) tikkonstata li:
– billi ma kklassifikax bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali għall-għasafar territorji suffiċjenti fil-komunitajiet awtonomi ta’ Andalusija, tal-Gżejjer Baleariċi, tal-Gżejjer Kanarji, ta’ Castilla‑La Mancha, tal-Katalonja, ta’ Galizja u ta’ Valenzja,
– u billi kklassifika bħala żoni ta’ protezzjoni speċjali għall-għasafar ċerti siti b’superfiċji wisq żgħira fil-komunitajiet awtonomi ta’ l-Andalusija, tal-Gżejjer Baleariċi u tal-Gżejjer Kanarji,
għall-finijiet ta’ protezzjoni ta’ l-ispeċijiet kollha msemmija fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni ta’ l-għasafar selvaġġi, kif ukoll l-ispeċijiet migratorji mhux imsemmija fl-imsemmi anness, ir-Renju ta’ Spanja naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-direttiva;
2) tiċħad il-bqija tar-rikors;
3) tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja jbati tliet kwarti ta’ l-ispejjeż tiegħu kif ukoll tliet kwarti ta’ l-ispejjeż tal-Kummissjoni tal-Komunitarjiet Ewropej u li l-Kummissjoni tbati kwart ta’ l-ispejjeż tagħha u kwart ta’ l-ispejjeż tar-Renju ta’ Spanja.
(1) .
(2) – ĠU L 103, p. 1
(3) – Sentenza tad-19 ta’ Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (C-3/96, Ġabra p. I-3031).
(4) – Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Franza (C-202/01, Ġabra p. I-11019).
(5) – Sentenza tas-6 ta’ Marzu 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C-240/00, Ġabra p. I-2187).
(6) – Sentenza ta’ l-20 ta’ Marzu 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-378/01, Ġabra p. I-2857).
(7) – Ara l-konklużjonijiet tiegħi ta’ din id-data fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-334/04, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).
(8) – Ara l-konklużjonijiet tiegħi ta’ din id-data fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-418/04, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).
(9) – Komunikat stampa IP/05/45 tal-Kummissjoni ta’ l-14 ta’ Jannar 2005.
(10) – Carlota Viada (edizzjoni ta’), Áreas importantes para las aves en España, Madrid, 1998.
(11) – ĠU L 206, p. 7.
(12) – Indikazzjonijiet meħuda mill-barometru Natura tal-Kummisjoni, ediżzzjoni ta’ Ġunju 2006, ec.europa.eu/environnement/nature/nature_conservation/useful_info/barometer/barometer.htm.
(13) – Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja, per eżempju, irrestrinġiet għal Ġibiltà r-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni kontra r-Renju Unit fit-totalità tiegħu (ara s-sentenza ta’ l-20 ta’ Ottubru 2005, C‑6/04, Ġabra p. I‑9017, punt 79, u r-raba’ inċiż tal-punt 4 tal-parti operattiva).
(14) – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 55 et seq ).
(15) – Sentenzi tat-2 ta’ Awissu 1993, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑355/90, Ġabra p. I-4221, punt 26, iktar ‘il quddiem is-“sentenza bassasa ta’ Santoña”); tal-11 ta’ Lulju 1996, Royal Society for the Protection of Birds (C-44/95, Ġabra p. I-3805, punt 26, iktar ‘il quddiem is-“sentenza ta’ Lappel Bank”), u l-Kummissjoni vs L-Olanda (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 59 et seq ).
(16) – Sentenza Bassasa ta’ Santoña (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 11).
(17) – Sentenzi ta’ l-4 ta’ Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑173/01, Ġabra p. I‑6129, punt 7); ta’ l-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑114/02, Ġabra p. I‑3783, punt 9), u tat-18 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑221/04, Ġabra p. I‑4515, punt 23, iktar ‘il quddiem is-“sentenza dwar kaċċa bin-nases bil-molla”).
(18) – Sentenzi tal-21 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 19 et seq ); Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 28 et seq ), u Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 26).
(19) – Sentenza tat-28 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑57/89, Ġabra p. I‑883, punt 20, iktar ‘il quddiem is-“sentenza Leybucht”).
(20) – Sentenza tas-26 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 20).
(21) – Sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 31).
(22) – Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 17).
(23) – Idem, punt 18.
(24) – Il-proċeduri kontra r-Repubblika Franċiża u kontra r-Repubblika Taljana jinsabu wara aktar minn sena fl-istadju ta’ opinjoni motivata skond l-Artikolu 228 KE (Komunikati stampa IP/05/09 tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Jannar 2005 fir-rigward tar-Repubblika Franċiża u IP/05/56 tat-18 ta’ Jannar 2005 fir-rigward tar-Repubblika Taljana). Madankollu, il-Kummissjoni tinsab fil-proċess li teżamina jekk ir-Repubblika Franċiża fl-istess ħin wettqitx l-obbligi tagħha permezz ta’ klassifikazzjonijiet ġodda (Komunikat stampa IP/06/907 tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Lulju 2006).
(25) – Ara l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Alber tas-27 ta’ Ġunju 2002 li ġew ippreżentati fil-kawża tas-26 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 25).
(26) – Konvenzjoni tat-2 ta’ Frar 1971, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti Nru 14583.
(27) – Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 1991, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑157/89, Ġabra p. I‑57, punt 15), dwar il-perijodi tal-kaċċa, u tat-8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et (C‑60/05, Ġabra p. I‑5083, punt 27).
(28) – Sentenza Bassasa ta’ Santoña (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 11).
(29) – Sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-209/04, Ġabra p. I-2755, punt 44, iktar ‘il quddiem is-“sentenza Lauteracher Ried”).
(30) – Punt 38 tar-replika.
(31) – Punt 183 tar-rikors; ara f’dan ir-rigward, il-punti 94 et seq iktar ‘il quddiem.
(32) – Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Olanda (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punti 68 sa 70) u ta’ l-20 ta’ Marzu 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 18).
(33) – Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Olanda (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 66) u ta’ l-20 ta’ Marzu 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 18), li jirreferu għall-IBA 89, kif ukoll il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna ta’ qiegħ il-paġna 5), punt 42.
(34) – Il-komunità awtonoma tal-Katalonja u l-Gżejjer Kanarji biss iressqu argument sostanzjat xjentifikament; ara, f’dan ir-rigward, il-punti 106 u 126 et seq iktar ‘il quddiem.
(35) – Iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.
(36) – Heath, M. F., u Evans, M. I., Important Bird Areas in Europe. Priority sites for conservation. Volume 2: Southern Europe , BirdLife Conservation Series, Nru 8, Volum II, Cambridge, 2000, p. 515 et seq.
(37) – Ara l-lista, p. 14 ta’ l-IBA 98.
(38) – Sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑79/03, Ġabra p. I‑11619, punt 19).
(39) – Ara iktar ‘il quddiem, il-punti 70 et seq.
(40) – L-IBA 2000, iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36.
(41) – Skond il-barometru Natura tal-Kummissjoni, edizzjoni Ġunju 2006 (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12), 23 % tat-territorju Sloven u 25,2 % tat-territorju Slovakk.
(42) – Għalkemm huwa minnu li l-arranġament finanzjarju ta’ l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar il-ħabitat ma jirreferix għal ŻPS fis-sens tad-Direttiva dwar l-għasafar; is-sitt programm għall-ambjent jikkwalifika bħala azzjoni prijoritarja “l-istabbiliment tan-netwerk Natura 2000 u [li] jimplimenta l-istrumenti u l-miżuri tekniċi u finanzjarji neċessarji […] għall-implimentazzjoni totali tiegħu u għall-protezzjoni, barra miż-żoni Natura 2000, ta’ l-ispeċijiet protetti skond id-Direttivi dwar l-Ambjent Naturali u dwar l-Għasafar” [is-seba’ inċiż ta’ l-Artikolu 6(2)(a), tad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru1600/2002/KE tat-22 ta’ Lulju 2002, li [tistabbilixxi s]-Sitt Programm ta’ Azzjoni tal-Komunità Ambjentali (ĠU L 242, p. 1)].
(43) – IBA 98, p. 363 et seq.
(44) – IBA 98, p. 39.
(45) – IBA 98, p. 43, numru 5.
(46) – IBA 98, p. 364 et seq.
(47) – L-IBA 2000 jiddeskrivi, fil-volum 2 tiegħu, p. 776 et seq , il-kriterji bażilari ta’ l-IBA 89 u jpoġġihom fir-rigward tal-kriterji użati għall-inventarji l-ġodda, ara wkoll l-IBA 98, p. 368.
(48) – Dan il-kriterju jikkorrispondi għall-kriterju Nru 5 ta’ l-IBA 89.
(49) – Dan il-kriterju jikkorrispondi għall-kriterju Nru 1 ta’ l-IBA 89.
(50) – Dan il-kriterju ma jinsabx fl-IBA 89.
(51) – Il-kriterji C.4 u C.5 jiżviluppaw il-kriterju Nru 9 ta’ l-IBA 89. Dan jinkludi ż-żoni ta’ waqfien ta’ aktar minn 20 000 għasfur tal-baħar jew ta’ aktar minn 5 000 għasfur predatur.
(52) – Il-kriterju C.6 ma kienx imsemmi espressament fil-lista ta’ kriterji ta’ l-IBA 89, iżda fl-ispjegazzjonijiet mogħtija [ara l-Anness 7, p. 2, tar-rikors fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Olanda u l-Anness 16 tar-rikors fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja (sentenza ta’ l-20 ta’ Marzu 2003)]. Dan il-kriterju sussegwentement ġie żviluppat u applikat fil-kuntest tal-proġett ta’ bijotipi CORINE.
(53) – IBA 2000, p. 13.
(54) – Sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Olanda (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 69) u ta’ l-20 ta’ Marzu 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 18).
(55) – Ara r-referenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33.
(56) – IBA 2000, p. 13.
(57) – IBA 2000, volum 2, p. 18. Jirriżulta wkoll mill-p. 778 li, għar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ellenika u l-Irlanda, intgħażel livell superjuri għal dak ta’ l-IBA 89, li kellu l-effett li naqqas in-numru ta’ reġjuni.
(58) – Il-Gvern Spanjol huwa żbaljat fuq dan il-punt: skond l-IBA 2000, volum 2, p. 778, għar-Repubblika Franċiża ntuża wkoll it-tieni livell ta’ NUTS, li jinkludi 22 reġjun.
(59) – Ara r-referenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15.
(60) – Huwa għalhekk li fil-Ġermanja, għall-identifikazzjoni tal-proposti ta’ siti fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-ħabitat, jintużaw “entitajiet prinċipali tat-territorju naturali” għall-finijiet tas-sottodiviżjoni tal-partijiet Ġermaniżi tar-reġjuni bijoġeografiċi.
(61) – Sentenzi ta’ Lappel Bank (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 26) u tat-13 ta’ Lulju 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C‑191/05, Ġabra p. I‑6853, punt 10, iktar ‘il quddiem is-“sentenza Moura, Mourão, Barrancos”).
(62) – Punt 183 tar-rikors.
(63) – Punt 33 tar-replika.
(64) – Sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, L-Italja vs Il-Kummissjoni (C‑178/00, Ġabra p. I‑303, punt 6); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi tal-15 ta’ Diċembru 2005 fil-kawża tal-kaċċa bin-nases bil-molla (sentenza ċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17), punt 25.
(65) – Anness 11 tad-difiża.
(66) – Ara iktar ‘il fuq, il-punti 94 et seq.
(67) – Dan jirrigwarda l-IBA Nru 78, “ Puebla de Beleña ”, l-IBA Nru 183, “ Hoces del río Mundo y del río Segura ” u l-IBA Nru 189, “ Parameras de Embid‑Molina ”.
(68) – Ara iktar ‘il fuq, punti 94 et seq.
(69) – Ara iktar ‘il fuq, punt 21.
(70) – Ara s-sentenza Lauteracher Ried (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 48).
(71) – Ara iktar ‘il fuq, punti 94 et seq.
(72) – Ara iktar ‘il fuq, punti 94 et seq.