European Court reports 2004 Page 00000
Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-kawża T-131/03,
Gerolsteiner Brunnen GmbH & Co., stabbilita f'Gerolstein (il-Ġermanja), rappreżentata minn A. Ebert-Weidenfeller, avocat,
rikorrent
vs
L'Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern ( trade marks u diżinji) (OHIM) rappreżentat minn U. Pfleghar u G. Schneider, bħala aġenti,
konvenut
il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem l-Bord ta' l-Appell ta' l-OHIM, intervenjenti quddiem il-Qorti tal- Prim'Istanza, li hija
Kerry Group plc , stabbilita fi Tralee (l-Irlanda), rappreżentata minn P. Neuwald, avocat,
li għandu bħala għan rikors mressaq kontra d-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell ta' l-OHIM tat-13 ta' Frar 2003 (Kawża R275/2002-1), dwar proċedura ta' opposizzjoni bejn Gerolsteiner Brunnen GmbH & Co. u Kerry Group plc,
IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tieni Sezzjoni) ,
magħmula minn J. Pirrung, President, A. W. H. Meij u S. S. Papasavvas, Mħallfin,
Reġistratur : H. Jung,
tagħti l-preżenti
Ordni
1. Fit-3 ta' Jannar 1997, Kerry Group plc (iktar 'l isfel l-intervenjent ) ippreżentat, skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it- Trade Mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, pġ. 1), kif emendat, talba għal trade mark komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern ( trade marks u diżinji) (OHIM).
2. Fit-12 ta' Ġunju 1998, Gerolsteiner Brunnen GmbH & Co. ressaq opposizzjoni għar-reġistrazzjoni tat- trade mark mitluba. B'deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Opposizzjoni ta' l-OHIM tad-29 ta' Jannar 2002, l-opposizzjoni ġiet miċħuda, u b'deċiżjoni tal-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-OHIM fit- 13 ta' Frar 2003, l-appell imressaq kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud wkoll.
3. B' rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-17 ta' April 2003, Gerolsteiner Brunnen GmbH & Co. (iktar 'l isfel ir-rikorrent jew Gerolsteiner Brunnen ) talab lill-Qorti tal-Prim'Istanza tannulla d-deċiżjoni ta' l-aħħar u tikkundanna l-OHIM iħallas l-ispejjeż.
4. B'ittra depożitata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-5 ta' Diċembru 2003, ir-rappreżentant tar-rikorrent informa lill-Qorti tal-Prim'Istanza li kien ittrasferixxa lil Sinziger Mineralbrunnen GmbH it- trade mark li fuqha qabel kienet ġiet ibbażata l-opposizzjoni. Huwa indika wkoll li din il-kumpanija kienet awtorizzatu jirrappreżentaha quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u li, bħhala l-proprjetarja l-ġdida tat- trade mark , kienet qed titlob li tiġi awtorizzata tassumi l-atti tal-kawża minflok Gerolsteiner Brunnen bħala parti rikorrenti fil-Kawża preżenti.
5. B'ittra tal-10 ta' Dicembru 2003, il-partijiet fil-kawża ġew mitluba jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq it-talba ta' Sinziger Mineralbrunnen.
6. B'ittri depożitati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza rispettivament fis-17 u fit-23 ta' Dicembru 2003, il-konvenut u l-intervenjent indikaw li ma kellhom l-ebda oġġezzjoni li tiġi awtorizzata l-assunzjoni ta' l-atti tal-kawża tar-rikorrent minn Sinziger Mineralbrunnen.
7. B'ittra depożitata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-8 ta' Jannar 2004, ir-rikorrent wera li jaqbel li hu jiġi sostitwit minn Sinziger Mineralbrunnen.
8. Kif deċiż mill-Qorti tal-Prim'Istanza fl-Ordni tagħha tal-5 ta' Marzu 2004, Boss vs OHIM - Delta Holding (BOSS) (T-94/02, li għadu mhux ippubblikat fil-Ġabra), f'każ ta' ċessjoni ta' titolu ta' proprjeta' intellettwali involuta fil-kawża, il-proprjetarju l-ġdid ta' dan it-titolu, li huwa parti fil-kawża quddiem il-Bord ta' l-Appell, jista' permezz ta' ordni jiġi awtoriżżat jassumi l-atti tal-kawża minflok min kien hemm qablu fi ħdan il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, sakemm il-proprjetarju preċedenti ma jsibx oġġezzjoni u l-Qorti tal-Prim'Istanza, wara li tkun semgħet il-partijiet l-oħra fil-kawża, jidhrilha li dan huwa opportun.
9. Fl-assenza ta' disposizzjonijiet fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u fir-Regolamenti ta' Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li jirregolaw espliċitament l-assunzjoni ta' l-atti fil-kawża minflok parti oħra, wieħed għandu japplika, b'analoġija, id-disposizzjonijiet proċedurali ta' l-Artikoli 115 u 116 tar-Regolamenti ta' Proċedura. B'mod partikolari, l-intitolat għandu jaċċetta l-kawża fl-istat li din tinsab fil-mument ta' l-assunzjoni ta' l-atti.
10. Fil-kawża preżenti, Gerolsteiner Brunnen, il-proprjetarju preċedenti tat-titolu ta' proprjeta' intellettwali li hija l-bażi ta' l-opposizzjoni għat-talba tat- trade mark komunitarja, iddikjara li jaqbel mas-sostituzzjoni u la l-OHIM u lanqas l-intervenjent ma qajjmu oġġezzjonijiet f'dan ir-rigward. F'din iċ-ċirkostanza, hemm lok li Sinziger Mineralbrunnen tiġi awtoriżżata tassumi l-atti tal-kawża minflok Gerolsteiner Brunnen bħala parti rikorrenti fil-kawża preżenti.
Għal dawn ir-raġunijiet,
IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
tordna:
1) S inziger Mineralbrunnen GmbH hija awtorizzata tassumi l-atti tal-kawża minflok Gerolsteiner Brunnen GmbH & Co. bħala parti rikorrenti.
2) L'ispejjez jiġu deċiżi fi stadju ulterjuri.