62003A0130



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża T-130/03

Alcon Inc., stabbilita f'Hünenberg (l-Iżvizzera), irrappreżentata minn G. Breen, solicitor, u J. Gleeson, barrister,

rikorrenti

vs

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern ( Trademark s u Disinni) (UASI) , irrappreżentat minn S. Palmero Cabezas u S. Laitinen, bħala aġenti,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, li qed tintervjeni quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, li hija

Biofarma SA, stabbilita f'Neuilly-sur-Seine (Franza), irrappreżentata minn V. Gil Vega, A. Ruiz Lopez, u D. González Maroto, avocats,

li għandha bħala suġġett rikors magħmul kontra d-deċiżjoni tat-Tielet Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tat-30 ta' Jannar 2003 (kawża R968/2001-3), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn Alcon Inc. u Biofarma SA,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (it-Tielet Awla)

komposta minn M. Jaeger, President, V. Tiili u O. Czúcz, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fil-Qorti tal-Prim'Istanza fis-17 ta' April 2003,

wara li rat ir-risposta ta' l-UASI ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-17 ta' Ottubru 2003,

wara li rat ir-risposta ta' l-intervenjenti ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-6 ta' Ottubru 2003,

wara s-seduta ta' l-14 ta' April 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


Il-fatti li wasslu għall-kawża

1. Fil-11 ta' Ġunju 1998, Alcon Inc. ippreżentat applikazzjoni għal trademark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern ( Trademark s u Disinni), (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it- trademark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2. It- trademark li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hi s-sinjal verbali TRAVATAN.

3. Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trademark jaqgħu taħt il-klassi 5 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trademark s, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: "Prodotti farmaċewtiċi għall-għajnejn".

4. Din l-applikazzjoni ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat- Trademark s Komunitarji Nru 23/99, tat-22 ta' Marzu 1999.

5. Fit-22 ta' Ġunju 1999, Biofarma SA ressqet oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni ta' din l-imsemmija trademark Komunitarja. Il-motiv invokat in sostenn ta' din l-oppożizzjoni kien dak imsemmi fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq l-eżistenza tat- trademark verbali nazzjonali TRIVASTAN, irreġistrata fl-Italja, fis-27 ta' Jannar 1986, bin-numru 394980.

6. L-oppożizzjoni kienet imressqa kontra l-prodotti kollha msemmija fl-applikazzjoni għal trademark . Din kienet ibbażata fuq il-prodotti kollha koperti mit- trademark preċedenti, jiġifieri l-"preparazzjonijiet farmaċewtiċi, veterinarji u sanitarji; preparazzjonijiet dijetetiċi għat-tfal jew għall-morda; plasters, materjal għall-ilbies ta' feriti, materjal biex jinżammu s-snien, xama' dentali; diżinfettanti; preparazzjonijiet għall-qirda tal-ħaxxix ħażin u tal-vermin" li jaqgħu taħt il-klassi 5.

7. Permezz ta' ittra tal-5 ta' Mejju 2000, ir-rikorrenti talbet li l-intervenjenti tressaq il-prova, skond l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, li t- trademark preċedenti kienet is-suġġett, għall-prodotti kollha li fuqhom l-oppożizzjoni kienet ibbażata, waqt il-ħames snin qabel il-pubblikazzjoni ta' l-applikazzjoni għal trademark Komunitarja, ta' użu ġenwin fl-Istat Membru li fih din it- trademark hija protetta. Permezz ta' komunikazzjoni tad-29 ta' Mejju 2000, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni stiednet lill-intervenjenti tressaq din il-prova fi żmien xahrejn.

8. Fit-28 ta' Lulju 2000, l-intervenjenti infurmat lill-UASI bid-dokumenti intiżi sabiex juru użu ġenwin tat- trademark preċedenti fl-Italja. Fost dawn id-dokumenti dehru, b'mod partikolari, fatturi, in-nota ta' spjegazzjoni dwar il-prodott mediċinali ta' l-intervenjenti, estratt mid-Direttorju Taljan L'Informatore Farmaceutico u estratt mill- Pharmaceutical Trade Mark Directory .

9. Permezz ta' deċiżjoni tas-26 ta' Settembru 2001, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kkunsidrat li l-użu tat- trademark preċedenti kien ġie muri għal prodott farmaċewtiku speċifiku, jiġifieri "prodott li jwessa' l-arterji periferiċi intiż sabiex jikkura problemi vaskulari periferiċi u ċelebrali u mard vaskulari ta' l-għajnejn u tal-widnejn", u laqgħat l-oppożizzjoni għall-prodotti kollha indikati. Konsegwentement, hija rrifjutat ir-reġistrazzjoni tat- trademark li għaliha saret applikazzjoni peress illi fl-Italja kienet teżisti probabbiltà ta' konfużjoni, inkluża probabbiltà li ssir assoċjazzjoni [mat- trademark preċedenti], minħabba l-fatt li t- trademark s kienu simili mill-aspett viżwali u fonetiku u kien hemm ċertu xebħ bejn il-prodotti.

10. Fit-13 ta' Novembru 2001, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni quddiem l-UASI, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94.

11. Permezz ta' deċiżjoni tat-30 ta' Jannar 2003 (iktar 'il quddiem "id-deċiżjoni kkontestata"), it-Tielet Bord ta' l-Appell ċaħad l-appell. Essenzjalment, huwa kkunsidra li peress illi l-prodotti identifikati mit- trademark s in kwistjoni kienu jippreżentaw livell għoli ta' xebħ u peress illi dawn ta' l-aħħar kienu jixtibħu ħafna mill-aspett viżwali u fonetiku, kienet teżisti probabbiltà ta' konfużjoni, inkluża probabbiltà ta' assoċjazzjoni, bejn it- trademark s in kwistjoni.

It-talbiet tal-partijiet

12. Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

- tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

- tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż.

13. L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

- tiċħad ir-rikors;

- tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

14. L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

- tiċħad ir-rikors ;

- tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

Id-dritt

15. Sabiex issostni r-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, żewġ raġunijiet fir-rikors tagħha. L-ewwel raġuni hija bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, f'dak illi l-prova ta' użu ġenwin imressqa mill-intervenjenti ma turix li t- trademark preċedenti fil-fatt intużat għall-prodotti għall-għajnejn. It-tieni raġuni hija bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) ta' l-istess regolament.

16. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti ukoll qajjmet raġuni oħra bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament 40/94, f'dak illi l-kundizzjonijiet ta' użu ġenwin tat- trademark preċedenti ma kinux sodisfatti.

Fuq l-ammissibbiltà tar-raġuni ppreżentata waqt is-seduta

17. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti rreferiet għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-8 ta' Lulju 2004, MFE Marienfelde vs l-UASI - Vétoquinol (HIPOVITON) (T334/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), sabiex issostni li l-kundizzjonijiet ta' użu ġenwin ma kinux ġew sodisfatti, partikolarment minħabba l-volum kummerċjali żgħir tat- trademark preċedenti.

18. L-UASI u l-intervenjenti kkunsidraw li r-raġuni jew l-argument ippreżentat waqt is-seduta ma kienx ammissibbli, peress illi dan kien ġie ppreżentat għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

19. Skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza ebda raġuni ġdida ma tista' tiġi ppreżentata matul il-kawża sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq elementi ta' fatt u ta' dritt li joħorġu matul il-proċedura.

20. Preliminarjament, hemm lok li jiġi kkonstatat li fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti ma takkużax lill-Bord ta' l-Appell li kiser l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament 40/94 f'dak illi l-kundizzjonijiet ta' użu ġenwin tat- trademark preċedenti ma ġewx sodisfatti, iżda biss f'dak illi l-prova ta' l-użu ġenwin imressqa mill-intervenjenti ma turix li t- trademark preċedenti kienet effettivament ġiet użata għall-prodotti għall-għajnejn.

21. Wara, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti bl-ebda mod ma stabbilit l-eżistenza ta' element ta' fatt jew ta' dritt ġdid skond l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 48 (2) tar-Regoli tal-Proċedura.

22. Għaldaqstant, ir-raġuni ppreżentata waqt is-seduta għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

23. F'kull każ, anki jekk din ir-raġuni jkollha tiġi interpretata bħala argument konness ma' l-ewwel raġuni ppreżentata fir-rikors, għandu jiġi mfakkar li r-rikors preżenti huwa intiż sabiex jeżamina l-legalità tad-deċiżjoni meħuda mill-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-6 ta' Marzu 2003, DaimlerChrysler vs l-UASI (Calandre), T128/01, Ġabra p. II701, punt 18, u tat-3 ta' Lulju 2003, Alejandro vs l-UASI - Anheuser-Busch (BUDMEN), T129/01, Ġabra p. II2251, punt 67]. Għaldaqstant, l-eżami li sar mill-Qorti tal-Prim'Istanza ma jistax jmur lil hinn mill-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kwistjoni kif tressqet quddiem il-Bord ta' l-Appell [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-5 ta' Marzu 2003, Unilever vs l-UASI (Tablette ovoïde), T194/01, Ġabra p. II383, punt 16, u tat-22 ta' Ġunju 2004, " Drie Mollen sinds 1818 " vs l-UASI - Nabeiro Silveira (Galáxia), T66/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 45].

24. F'dan il-każ, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni kkonstatat li l-kundizzjonijiet ta' użu ġenwin tat- trademark preċedenti ġew sodisfatti. Issa, mill-proċess jirrużulta li, matul il-proċedura quddiem l-UASI, ir-rikorrenti ma kkontestatx il-fatt li l-prova mressqa mill-intervenjenti turi użu ġenwin tat- trademark preċedenti għal ċertu prodott, la quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u lanqas quddiem il-Bord ta' l-Appell. Fil-fatt, quddiem id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, ir-rikorrenti stess iddikjarat li "ħadet nota tad-dokumentazzjoni mressqa sabiex jiġi ppruvat l-użu ġenwin tat- trademark TRIVASTAN fl-Italja" u li hija ma kellhiex l-intenzjoni " tikkontesta dan il-punt". Min-naħa l-oħra, hija sostniet li d-dokumenti mressqa mill-intervenjenti ma jindikawx li l-prodott in kwistjoni, kopert mit- trademark preċedenti, kien użat bħala prodott għall-għajnejn, iżda biss li dan seta' jintuża għal dan il-għan.

25. Minn dak kollu li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda. Għaldaqstant, ir-raġunijiet imqajjma quddiem l-UASI biss, kif indikati fil-punt 15 iktar 'il fuq, ser ikunu s-suġġett ta' eżami fil-fond.

Fuq l-ewwel raġuni, bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 43 (2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94

L-argumenti tal-partijiet

26. Skond ir-rikorrenti, il-Bord ta' l-Appell inkorrettament iddeċieda li l-prova ta' l-użu tat- trademark preċedenti kienet turi li din kienet verament użata fl-Italja għall-prodotti għall-għajnejn. Fil-fatt, id-dokumenti ppreżentati mill-intervenjenti indikaw biss li l-prodott seta' jintuża fil-kuntest ta' kura għall-għajnejn.

27. L-UASI josserva li, skond l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, l-intervenjenti ma kinitx obbligata tipprova l-użu speċifiku tat- trademark tagħha biex tindika l-prodotti li kienu s-suġġett ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trademark . L-użu ta' trademark bħala trademark kummerċjali jimplika li s-sinjal intuża sabiex jaqdi funzjoni ta' rabta' bejn il-prodotti u s-servizzi koperti mit- trademark u l-persuna jew il-kumpanniji responsabbli għall-kummerċjalizzazzjoni tagħhom, jiġifieri biex jindika l-oriġini. Issa, ir-rikorrenti ma tikkontestax li d-dokumenti ppreżentati juru l-użu tat- trademark preċedenti bħala trademark kummerċjali li tidentifika prodott li jista' jintuża fil-kuntest ta' kura għall-għajnejn.

28. L-intervenjenti ssostni li hija forniet provi intiżi sabiex juru li l-kura għall-għajnejn kienet tifforma parti mill-indikazzjonijiet terapewtiċi tal-prodott kopert mit- trademark preċedenti approvati mill-awtoritatajiet mediċi Taljani u li l-prodott mediċinali kien ġie mibjugħ għal diversi snin (jiġifieri bejn l-1995 u l-1999). Wieħed ma jistax jiġi mitlub jipprova li l-prodott mediċinali verament ittieħed minn pazjenti li jsofru minn mard vaskulari ta' l-għajnejn.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

29. Preliminarjament, hemm lok li jiġi mfakkar li, anki jek k ir-rikorrenti ma tinvokax espliċitament l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94, l-argument tagħha għandu jiġi interpretat bħala li jinvoka raġuni bbażata fuq il-ksur ta' din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, peress illi hija ssostni, essenzjalment, li l-prova ta' l-użu mressqa mill-intervenjenti ma turix li din użat it- trademark għall-prodotti għall-għajnejn, dan l-argument jimplika li l-ewwel għandu jiġi eżaminat l-eventwali ksur ta' din id-dispożizzjoni u, biss wara dan, l-eventwali paragun żbaljat tal-prodotti, fil-kuntest ta' l-Artikolu 8 (1)(b) ta' l-istess regolament

30. Ma ġiex ikkontestat, quddiem l-UASI li t- trademark preċedenti kienet ġiet użata biex tindika prodott mediċinali. Fil-fatt mill-proċess, u b'mod partikolari min-nota ta' spjegazzjoni dwar il-mediċina ta' l-intervenjenti u minn estratt tad-Direttorju Taljan L'Informatore Farmaceutico jirriżulta li t- trademark TRIVASTAN tindika prodott li jwessa' l-arterji periferiċi użat fin-newroloġija, fl-otorinolarinġoloġija, fl-oftalmoloġija, fl-anġioloġija u fil-ġerjatrija u b'mod aktar preċiż, li huwa indikat biex jikkura "problemi vaskulari periferiċi u ċelebrali u mard vaskulari ta' l-għajnejn u tal-widnejn".

31. Għandu jiġi kkonstatat li, jekk waħda mill-indikazzjonijiet terapewtiċi ta' prodott mediċinali hija li jikkura mard vaskulari ta' l-għajnejn u jekk huwa ppruvat li dan ġie mibjugħ għal bosta snin, li mhux qiegħed jiġi kkonstatat, dan seta' jintuża għall-kura ta' dan il-mard. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ikun superfluwu, u anki diffiċli, li tintalab prova li dan il-prodott mediċinali verament ittieħed minn pazjenti li jsofru minn mard vaskulari ta' l-għajnejn.

32. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Bord ta' l-Appell ma kisirx l-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 meta kkonkluda li l-prova mressqa mill-intervenjenti kienet turi l-użu ġenwin tat-trademark preċedenti għal "prodott li jwessa' l-arterji periferiċi intiż sabiex jikkura problemi vaskulari periferiċi u ċelebrali u mard vaskulari ta' l-għajnejn u tal-widnejn".

33. Għaldaqstant, l-ewwel raġuni tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-tieni raġuni, ibbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94

L-argumenti tal-partijiet

34. Ir-rikorrenti ssostni li, l-prodotti in kwistjoni ma jixtibħux biżżejjed sabiex tiġi fondata l-konklużjoni ta' l-UASI, li t- trademark s kunfliġġenti ma jixtibħux meta jiġu kkunsidrati d-differenzi viżwali u fonetiċi tagħhom, u li, għaldaqstant, mhemm ebda probabbiltà ta' konfużjoni jew ta' assoċjazzjoni bejn it- trademark s.

35. F'dak li jikkonċerna x-xebħ bejn il-prodotti, ir-rikorrenti ssostni li l-UASI ma kkunsidrax korrettament il-forma tal-prodotti. Fil-fatt, il-prodott ta' l-intervenjenti huwa pillola kkompressata li tittieħed mill-ħalq filwaqt illi l-prodott tar-rikorrenti jinstab f'forma ta' qtar għall-għajnejn.

36. Barra minn hekk, peress illi dawn il-prodotti huma disponibbli biss fl-ispiżeriji u jeħtieġu riċetta tat-tabib, il-konsumatur jixtri prodott li diġa jkun ġie magħżul u identifikat għalih minn tabib. Skond ir-rikorrenti, peress illi t- trademark TRAVATAN hija użata għal prodott ta' l-għajnejn użat għall-kura tal-glawkoma, il-kura adatta hija preskritta minn tabib ta' l-għajnejn, filwaqt illi l-prodott mediċinali TRIVASTAN hija preskritta minn speċjalista fil-qasam ta' problemi vaskulari. Dawn iż-żewġ prodotti huma għaldaqstant preskritti minn tobba speċjalizzati u r-riċetti tat-tabib rispettivi huma mwettqa u mogħtija minn spiżjara. Huwa improbabbli ħafna li spiżjar ifixxkel il-forma tal-prodotti jew l-indikazzjonijiet tagħhom (jiġifieri jfixxkel il-qtar ta' l-għajnejn intiżi għall-kura tal-glawkoma ma' prodott li jwessa' l-arterji taħt forma ta' pillola użat ġeneralment fil-kura ta' problemi tal-vini). Ir-rikorrenti tenfasizza li l-prodott ta' l-intervenjenti jidher li huwa prodott intiż għall-kura ġenerali ta' problemi vaskulari.

37. Barra minn hekk, billi r-rikorrenti deliberatament illimitat l-ispeċifikazzjoni tal-prodott tagħha għal "prodotti farmaċewtiċi għall-għajnejn għall-kura tal-glawkoma", hija naqqset iktar ix-xebħ bejn il-prodotti. Il-Bord ta' l-Appell ma evalwax korrettament dan l-element.

38. F'dak li jikkonċerna x-xebħ bejn is-sinjali, ir-rikorrenti tenfasizza illi, f'dak li jikkonċerna x-xebħ viżwali, l-impressjoni kumplessiva mogħtija hija li x-xebħ, anki jekk jeżisti, mhuwiex biżżejjed sabiex jagħmel is-sinjali simili. Għal kuntrarju ta' dak li jikkonstata l-Bord ta' l-Appell, l-ewwel żewġ ittri ta' kull kelma, "t" u "r", ma jikkostitwixxux il-parti prinċipali tal-prefiss ta' kull trademark , peress illi l-prefiss "tr" jitlef kull sinjifikat mingħajr il-vokali li magħha huwa marbut u hija preċiżament din il-vokali li tippermetti lill-konsumatur jippronunċja din is-sillaba. Għaldaqstant, il-paragun korrett għandu jsir fuq il-bażi ta' kull sillaba fit-totalità tagħha, jiġifieri l-prefiss "tra" u l-prefiss "tri".

39. F'dak li jikkonċerna x-xebħ fonetiku, ir-rikorrenti tenfassizza li d-differenzi huma biżżejjed sabiex it- trademarks ikunu distingwibbli, iktar u iktar peress illi dawn id-differenzi huma marbuta mad-differenzi viżwali. Fil-fatt, teżisti differenza ċara ħafna fil-pronunċja Taljana ta' "tri" u ta' "tra". Barra minn hekk, iż-żieda tal-konsonanta "s" tagħti lil TRIVASTAN partikolarità fonetika maġġuri.

40. F'dak li jikkonċerna x-xebħ konċettwali, ir-rikorrenti ssostni li t- trademark s huma differenti. Il-prefiss "tri" tat- trademark preċedenti tfisser "tripla" jew "tliet darbiet", u s-sillaba "vas" tirreferi għal "vaskulari". Għaldaqstant, is-sinjifikat tat- trademark preċedenti TRIVASTAN huwa faċilment notat mill-professjonisti bħat-tobba u l-ispiżjara minħabba li dan ifisser illi l-prodott għandu azzjoni tripla u huwa użat għall-problemi vaskulari. Is-suffiss "tan" m'għandu ebda sinjifikat u mhuwiex distintiv, u għalkemm jinstab fiż-żewġ trademark s, dan jinstab ukoll f'bosta trademark s ta' prodotti tal-klassi 5. It- trademark li għaliha saret applikazzjoni TRAVATAN m'għandha ebda sinjifikat, peress illi din tkun tikkonsisti f'kelma inventata, anki jekk l-ewwel erba' ittri jirriżultaw mill-kelma "Travopost", li huwa l-isem komuni internazzjonali tal-prodott tar-rikorrenti.

41. Għaldaqstant, anki jekk wieħed għandu jikkunsidra li jeżisti ċertu xebħ viżwali u fonetiku bejn is-sinjali, l-effett ta' dan ix-xebħ m'għandux jiġi esaġerat, b'mod partikolari b'rigward għad-differenza bejn il-forom taż-żewġ prodotti kif ukoll għall-kuntest medikali li fihom dawn huma mibjugħin.

42. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li t- trademark preċedenti m'għandhiex karattru intrinsikament distintiv u li ebda prova tar-reputazzjoni jew tan-notorjetà tagħha ma tressqet. Fil-fatt, meta trademark preċedenti ma tkunx tgawdi minn notorjetà partikolari fost il-pubbliku u tikkonsisti f'imaġini li toffri ftit elementi ta' imaġinazzjoni, xebħ sempliċi bejn it- trademark s mhuwiex biżżejjed sabiex joħloq probabbiltà ta' konfużjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta' Novembru 1997, SABEL, C251/95, Ġabra p. I6191, punt 25).

43. Barra minn hekk, l-Aġenzija Ewropea tal-Valutazzjoni tal-Prodotti Mediċinali tat awtorizzazzjoni għall-kummerċalizzazzjoni, fit-territorju kollu ta' l-Unjoni Ewropea, tal-prodott tar-rikorrenti li għandu t- trademark TRAVATAN

44. L-UASI u l-intervenjenti jsostnu l-kunsiderazzjonijiet tal-Bord ta' l-Appell.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

45. Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fuq oppożizzjoni minn proprjetarju ta' trademark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trademark mhijiex milqugħa meta, minħabba l-identiċità jew ix-xebħ tagħha ma' trademark preċedenti u minħabba l-identiċità jew ix-xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti miż-żewġ trademark s, teżisti probabbiltà ta' konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it- trademark preċedenti hija protetta. Il-probabbiltà ta' konfużjoni tinkludi l-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat- trademark preċedenti. Għaldaqstant, skond l-Artikolu 8(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 40/94, trademark s preċedenti huma, b'mod partikolari, it- trademark s irreġistrati fi Stat Membru, li d-data ta' applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tagħhom tiġi qabel dik ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trademark Komunitarja.

46. Skond ġurisprudenza kostanti, il-probabbiltà li l-pubbliku jista' jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew, skond il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament, tikkostitwixxi probabbiltà ta' konfużjoni.

47. Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi evalwata b'mod globali, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku kkonċernat għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi in kwistjoni, u billi jitqiesu l-fatturi kollha rilevanti tal-każ speċifiku, b'mod partikolari l-interdipendenza bejn ix-xebħ tas-sinjali u dak tal-prodotti jew servizzi indikati [senenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs l-UASI - Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T162/01,Ġabra p. II2821, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza iċċitata].

48. F'dan il-każ, it- trademark preċedenti TRIVASTAN hija rreġistrata fl-Italja, li għaldaqstant tikkostitwixxi t-territorju rilevanti għall-finijiet ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 70/94.

49. Huwa kostanti li l-prodotti in kwistjoni huma prodotti mediċinali li jeħtieġu riċetta tat-tabib qabel ma jinbigħu fl-ispiżeriji lill-konsumaturi finali. Għaldaqstant, il-pubbliku kkonċernat huwa magħmul mhux biss minn dawn il-konsumaturi, iżda ukoll minn professjonisti, jiġifieri t-tobba li jippreskrivu dan il-prodott mediċinali kif ukoll mill-ispiżjara li jbigħu l-prodott mediċinali preskritt.

50. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jsir paragun, min-naħa, tal-prodotti kkonċernati u, min-naħa l-oħra, tas-sinjali konfliġġenti.

- Fuq il-paragun tal-prodotti

51. Preliminarjament, hemm lok li tittieħed deċiżjoni fuq l-eventwali restrizzjoni tal-lista ta' prodotti indikati bħala "prodotti farmaċewtiċi ta' l-għajnejn għall-kura tal-glawkoma" li r-rikorrenti jallega li għamel. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi valutata fir-rigward tal-prodotti kollha li l-applikazzjoni għal trademark tindika. Sabiex tkun tista' tittieħed in kunsiderazzjoni, restrizzjoni tal-lista ta' prodotti jew servizzi indikati fl-applikazzjoni għal trademark Komunitarja għandha ssir skond ċerti modi partikolari, fuq talba għal emenda ta' applikazzjoni ppreżentata skond l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 40/94 u r-regola 13 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta' Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU L 303, p. 1) [sentenza Tablette ovoïde, iċċitata iktar 'il fuq, punt 13, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-25 ta' Novembru 2003, Oriental Kitchen vs l-UASI - Mou Dybfrost (KIAP MOU), T286/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 30]. Barra minn hekk, ir-restrizzjoni tal-prodotti li jinsabu f'applikazzjoni għal trademark Komunitarja għandha ssir espressament u mhux kondizzjonalment [ara, f'dan ir-rigward, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-27 ta' Frar 2002, Ellos vs l-UASI (ELLOS), T219/00, Ġabra p. II753, punti 61 u 62, u ta' l-10 ta' Novembru 2004, Storck vs l-UASI (Forma ta' ħelwa), T396/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 20].

52. F'dan il-każ, fis-sottomissjonijiet li jesponu r-raġunijijiet għar-rikors tat-28 ta' Jannar 2002, ir-rikorrenti kkonstatat, dan li ġej:

" Sabiex jiġi ffaċilitat ix-xogħol [tal-Bord ta' l-Appell], l-applikanti jikkonfermaw li huma lesti jillimitaw l-indikazzjoni tal-merkanzija li hija s-suġġett ta' l-applikazzjoni Nru 847590 [għall-] prodotti farmaċewtiċi għall-għajnejn għall-kura tal-glwakoma'."

53. Għandu jiġi rrilevat li dawn il-kliem "jikkonfermaw li huma lesti" ma jirrispettawx il-metodi għar-restrizzjoni, peress illi r-rikorrenti ma ppreżentatx f'dan ir-rigward talba sabiex tiġi emendata l-applikazzjoni għal trademark , skond id-dispożizzjonijiet iċċitati iktar 'il fuq.

54. F'dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed ma jistax jakkuża lill-Bord ta' l-Appell li ma kkunsidrax l-allegata restrizzjoni tal-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal trademark Komunitarja.

55. Għaldaqstant, il-prodotti li għandhom jiġu pparagunati huma "l-prodotti farmaċewtiċi għall-għajnejn" u l-prodott "li jwessa' l-arterji intiż sabiex jikkura problemi vaskulari periferiċi u ċelebrali u mard ta' l-arterji ta' l-għajnejn u tal-widnejn".

56. Sabiex issir evalwazzjoni tax-xebħ bejn il-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni, hemm lok li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti li jikkaratterizzaw ir-rabta bejn il-prodotti jew is-servizzi. Dawn il-fatturi jinkludu, b'mod partikolari, in-natura tagħhom, l-iskop tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll il-kompetittività jew in-natura komplimentari tagħhom (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998, Canon, C39/97, Ġabra p. I5507, punt 23).

57. F'dan il-każ, kif ġustament isostni l-UASI, il-prodotti huma ta' l-istess natura (prodotti farmaċewtiċi), għandhom l-istess użu jew skop (il-kura ta' mard ta' l-għajnejn kemm vaskulari kif ukoll le), huma intiżi għall-istess konsumaturi (il-professjonisti, inklużi t-tobba u l-ispiżjara, u l-persuni li fir-realtà jużaw il-prodotti, jiġifieri l-pazjenti li jkollhom problemi ta' l-għajnejn), jużaw l-istess mezzi ta' distribuzzjoni (bħala regola ġenerali, l-ispiżeriji) u għandhom natura komplimentari. Għaldaqstant mhemmx dubju li dawn jistgħu jkunu manifatturati jew ikkumerċjalizzati mill-istess operaturi ekonomiċi.

58. L-argument tar-rikorrenti li l-prodotti ma jixtibħux, peress illi l-prodott ta' l-intervenjenti huwa pillola kkompressata meħuda mill-ħalq, filwaqt illi l-prodott tar-rikorrenti jinstab f'forma ta' qtar għall-għajnejn, għandu jiġi respint. Fil-fatt, f'dan il-każ, din id-differenza fil-mod ta' kif jiġi amministrat il-prodott mediċinali ma tistax tipprevali fuq in-natura u l-iskop komuni ta' dawn iż-żewġ prodotti.

59. Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li l-prodott mediċinali tagħha huwa preskritt minn tabib ta' l-għajnejn, filwaqt illi l-prodott mediċinali ta' l-intervenjenti huwa preskritt minn speċjalista fil-qasam ta' problemi vaskulari, mhuwiex rilevanti. Fil-fatt, peress illi l-prodott mediċinali ta' l-intervenjenti jista' jintuża għall-kura ta' mard vaskulari ta' l-għajnejn, ma jistax jiġi eskluż li jkun tabib ta' l-għajnejn iktar milli speċjalista fil-qasam ta' problemi vaskulari li jikkura lill-pazjent li jkun qed isofri minn dawn it-tip ta' problemi.

60. Għaldaqstant, peress illi l-prodott kopert mit- trademark preċedenti jista' jintuża għall-kura ta' mard vaskulari ta' l-għajnejn, anki jekk dan il-prodott huwa intiż għall-kura ġenerali ta' problemi vaksulari, kif issostni r-rikorrenti, dan għandu jitqies bħala anologu għal prodott farmaċewtiku għall-għajnejn, peress illi jittratta, fiż-żewġ każijiet, għandna x' naqsmu mal-kura ta' problemi ta' l-għajnejn.

61. Konsegwentement, il-Bord ta' l-Appell ma kkommetta ebda żball meta kkonstata li kien hemm livell elevat ta' xebħ bejn il-prodotti in kwistjoni.

- Fuq il-paragun tas-sinjali in kwistjoni

62. Kif jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tkun ibbażata, għal dak li jikkonċerna x-xebħ viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali konfliġġenti, fuq l-impressjoni totali li dawn jagħtu, billi jitqiesu, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [sentena tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2003, PhillipsVan Heusen vs l-UASI - Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T292/01, Ġabra p. II4335, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata].

63. Is-sinjali verbali li għandhom jiġu pparagunati huma dawn li ġejjin:

- TRAVATAN : trademark li għaliha saret applikazzjoni;

- TRIVASTAN : trademark preċedenti.

64. Ir-rikorrenti issostni li x-xebħ li jeżisti bejn dawn is-sinjali mhuwiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-identità viżwali tagħhom u li l-Bord ta' l-Appell b'mod żbaljat, iżola, l-ewwel żewġ ittri tas-sinjali in kwistjoni bħala element dominanti tal-prefiss ta' kull trademark minflok ma kkunsidra l-ewwel sillaba fit-totalità tagħha.

65. L-argument tar-rikorrenti ma jistax jiġi milqugħ. Il-Bord ta' l-Appell ġustament ikkonstata li, fuq il-livell viżwali, iż-żewġ sinjali kienu bejn wieħed u ieħor ta' l-istess tul u kellhom seba' ittri komuni, " t ", " r", " v ", " a", " t", "a " u "n", imqiegħda fl-istess ordni. Huwa indika ukoll ir-rilevanza li t-tnejn li huma kienu jibdew bl-istess ittri " t" u " r" u kienu t-tnejn jispiċċaw b' " tan". Għandu jiġi mfakkar li l-fatt li l-ewwel żewġ ittri ma jifformawx kompletament l-ewwel sillaba mhuwiex importanti f'dan il-każ, waqt l-ipparagunar viżwali. Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l-impressjoni totali mogħtija minn dan ix-xebħ viżwali hija li s-sinjali jixtibħu. Il-Bord ta' l-Appell kellu raġun jikkonstata li d-differenzi bejn is-sinjali in kwistjoni, li jirriżultaw mill-fatt li t-tielet ittra ta' kull sinjal hija differenti (il-vokali "i" u "a") u mill-preżenza ta' ittra żejda f'nofs it- trademark preċedenti "il-konsonanti "s"), ma setgħux jinnewtralizzaw din l-impressjoni, peress illi dawn l-elementi ma kienux perċettibbli ħafna viżwalment.

66. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord ta' l-Appell ma kkommetta ebda żball meta kkonstata li s-sinjali kienu jixtibħu fuq livell viżwali.

67. F'dak li jikkonċerna x-xebħ fonetiku, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta' l-Appell ma kkunsidrax biżżejjed l-impatt fonetiku tal-karatteristiċi distinti tat- trademark s, li huwa ddeċieda li kienu insinjifikanti. Id-diverġenzi bejn is-sinjali huma għaldaqstant suffiċjenti sabiex jiddistingwuhom fonetikament, peress illi dawn jinvolvu pronunċja ċarament distinta fost min jitkellem bit-Taljan.

68. F'dan ir-rigward, il-Bord ta' l-Appell ikkonstata li, peress illi l-konsumataur medju rarament ikollu l-possibbiltà li jipparaguna direttament it- trademark s differenti, iżda jkollu jistrieħ fuq l-impressjoni fonetika imperfetta li huwa jkollu ta' dawn f'moħħu, u, meta jiġi kkunsidrat il-ħoss simili ta' l-ewwel żewġ sillabi tas-sinjali konfliġġenti u l-ħoss identiku ta' l-aħħar sillaba ta' dawn is-sinjali, dawn joħolqu f'moħħ il-konsumatur medju impressjoni fonetika totali simili.

69. Hemm lok li jiġi kkonstatat, bħal ma kkonstatat l-intervenjenti, li ż-żewġ sinjali jikkonsistu fi kliem li għandhom l-istess tul fonetiku, l-istess ħoss inizjali ("tr"), l-istess ħoss finali (is-sillaba "tan"), il-ħsejjes tan-nofs huma kważi l-istess ("va" / "vas") u l-istess kadenza, il-maġġoranza tal-fonemi huma l-istess u jidhru fl-istess ordni. Hemm lok li jiġi rrilevat li l-eżistenza ta' numru kbir ta' elementi komuni timpedixxi lill-konsumatur Taljan milli jara b'mod ċar id-differenzi żgħar bejn dawn is-sinjali, li hija ta' natura li twassal sabiex toħloqlu ċertu konfużjoni.

70. Għaldaqstant, il-Bord ta' l-Appell ma kkommetta ebda żball meta kkonstata li kien jeżisti xebħ fonetiku bejn is-sinjali konfliġġenti.

71. F'dak li jikkonċerna l-paragun tas-sinjali mill-aspett kunċettwali, ir-rikkorenti ssostni li s-sinjali jiddistingwu ruħhom fuq il-livell kunċettwali, peress illi t- trademark li għaliha saret applikazzjoni għal trademark TRAVATAN m'għandhiex tifsira, filwaqt illi l-ewwel sillaba tat- trademark preċedenti TRIVASTAN tfisser "tripla" u t-tieni sillaba tagħha "vas" talludi għall-aġġettiv "vaskulari". L-unika sillaba komuni għaż-żewġ sinjali m'għandha ebda tifsira partikolari u lanqas karattru distintiv għall-prodotti tal-klassi 5.

72. Il-Bord ta' l-Appell ikkonstata li l-kliem "trivastan" u "travatan" m'għandhom ebda sinjifikat għall-konsumatur Taljan.

73. L-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell ma tistax tiġi aċċettata. Fil-fatt, mhuwiex probabbli li t- trademark preċedenti TRIVASTAN kienet tfisser għall-pubbliku kkonċernat, anki jekk dan jinkludi nies professjonisti, li l-prodott għandu azzjoni tripla u li huwa użat għall-problemi vaskulari. Anki jekk il-pubbliku seta' jifhem "tri" bħala li tirreferi għal "tripla", mhuwiex faċli li jiġi determinat għal liema "tripla" din ir-referenza tirreferi. Barra minn hekk, kif ikkonstata l-UASI, fit-Taljan, jeżistu kliem li jibdew b' "tri", iżda li fihom din it-"tri" m'għandha ebda tifsira ta' "tripla" [eżempju " tributàrio" (taxxa jew tributarju) jew " tribolàre " (iġġiegħel lil xi ħadd ibati)].

74. Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-kliem " travatan" u " trivastan" m'għandhom ebda sinjifikat partikolari għall-konsumatur Taljan u li, għaldaqstant, mhemmx xebħ kunċettwali bejn is-sinjali in kwistjoni.

75. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li hemm xebħ viżwali importanti u xebħ fonetiku bejn is-sinjali konfliġġenti iżda li mhemmx xebħ kunċettwali bejn is-sinjali.

76. Għandu jiġi rrilevat li minħabba x-xebħ importanti bejn il-prodotti u x-xebħ viżwali u fonetiku tas-sinjali, teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn is-sinjali.

77. F'dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrenti li t- trademark preċedenti m'għandhiex reputazzjoni, għandu jiġi osservat li l-intervenjenti qatt ma invokat ir-reputazzjoni tat- trademark tagħha.

78. Barra minn hekk, f'dak li jikkonċerna l-argumenti tar-rikorrenti li t- trademark preċedenti m'għandhiex karattru intrinsikament distintiv, għandu jiġi kkonstatat li hija ma ssostnix dan l-argument bl-ebda mod. Barra minn hekk, il-Bord ta' l-Appell ma bbażax l-argument tiegħu dwar il-probabbiltà ta' konfużjoni fuq il-karattru distintiv elevat tat- trademark preċedenti. Fil-fatt, jekk il-karattru distintiv tat- trademark preċedenti għandu jiitieħed in kunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta' konfużjoni (ara b'analoġija, is-sentenza Canon, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24), dan mhuwiex ħlief element wieħed fost oħrajn li huma involuti f' din l-evalwazzjoni. Għaldaqstant, anki fil-preżenza ta' trademark preċedenti li għandha karattru dgħajjef, tista' teżisti probabbiltà ta' konfużjoni, b'mod partikolari, minħabba xebħ bejn is-sinjali u l-prodotti jew is-servizzi koperti [ara, f'dan ir-rigward, is-Sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-16 ta' Marzu 2005, L'Oréal vs l-UASI - Revlon (FLEXI AIR), T112/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 61].

79. Barra minn hekk, f'dak li jikkonċerna r-referenza li r-rikorrenti għamlet għall-fatt li l-Aġenzija Ewropea tal-Valutazzjoni tal-Prodotti Mediċinali tatha l-awtorizzazzjoni sabiex tqiegħed fuq is-suq il-prodott tagħha taħt it- trademark TRAVATAN, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, peress illi r-rikorrenti m'għamlet ebda referenza għal dan il-fatt quddiem l-UASI u peress illi ma ressqet ebda prova f'dan ir-rigward quddiem l-UASI, dan l-argument huwa inammissibbli. Barra minn hekk, dan m'għandu ebda rilevanza fil-każ preżenti, peress illi din l-awtorizzazzjoni eventwali hija rrilevanti għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 40/94.

80. F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li l-livell ta' xebħ bejn il-prodotti u s-sinjali in kwistjoni huwa għoli biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-pubbliku jista' jaħseb li l-prodotti in kwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament.

81. Għaldaqstant, it-tieni raġuni tar-rikorrenti u r-rikors fit-totalità tiegħu għandhom jiġu miċħuda

Fuq l-ispejjeż

82. Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż subiti mill-UASI u mill-intervenjenti, konformement mat-talbiet tagħhom.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (it-Tielet Awla)

taqta' u tiddeciedi :

1) Ir-rikors huwa miċħud.

2) Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż.