Rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu — Prova tan-nuqqas — Oneru li jaqa’ fuq il-Kummissjoni
(Artikolu 226 KE)
Bla ħsara għall-obbligu ta’ l-Istati Membri li, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 10 KE, jiffaċilitaw it-twettiq tal-missjoni tal-Kummissjoni, li tikkonsisti, b’mod partikolari, skond l-Artikolu 211 KE, li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet bis-saħħa tat-Trattat, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija l-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ l-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Hija l-Kummissjoni li għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi neċessarji għall-verifika minnha ta’ l-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, mingħajr ma tibbaża ruħha fuq kwalunkwe preżunzjoni
B’hekk, fir-rigward ta’ rikors intiż sabiex jiġi kkonstatat li l-provvista, mingħajr reklamar minn qabel, minn entità pubblika lil oħra ta’ servizzi ta’ trasport bl-ambulanza f’emerġenza hija kuntrarja għal-libertà ta’ l-istabbiliment u mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, f’dan il-każ, hija l-Kummissjoni li għandha tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi neċessarji għall-verifika ta’ l-eżistenza ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, peress li ma jistax jiġi eskluż li l-entità pubblika kkonċernata tipprovdi s-servizzi in kwistjoni billi teżerċita l-kompetenzi tagħha stess. F’dan ir-rigward, l-eżistenza sempliċi, bejn żewġ entitajiet pubbliċi ta’ mekkaniżmu ta’ finanzjament li jirrigwarda dawn is-servizzi ma timplikax li l-provvista ta’ servizzi kkonċernata tikkostitwixxi għoti ta’ kuntratti pubbliċi u li hemm lok li tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli fundamentali tat-Trattat.
(ara l-punti 28-29, 36-37)