SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla)

27 ta' Ottubru 2005 (*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Regoli nazzjonali li jkunu waqfu jipproduċu kull effett ġuridiku qabel l-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata – Inammissibbiltà tar-rikors"

Fil-kawża C-525/03

li għandha bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fis-16 ta' Diċembru 2003,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn X. Lewis, C. Loggi u K. Wiedner, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Fiengo, avvocato dello Stato, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, J. Makarczyk (Relatur), C. Gulmann, R. Schintgen, u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta' April 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-2 ta' Ġunju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tiddikjara li, permezz ta' l-adozzjoni ta' l-Artikoli 1(2) u 2(1) sa (3), tad-digriet Nru 3231 tal-President tal-Kunsill tal-Ministri ta' l-24 ta' Lulju 2002, dwar miżuri urġenti għall-ġlieda mill-ajru kontra n-nirien tal-foresti fuq it-territorju nazzjonali, (GURI Nru 177, tat-30 ta' Lulju 2002, p. 42, iktar 'il quddiem "id-digriet ikkontestat"), artikoli li jawtorizzaw ir-rikors għall-ftehim privat b'deroga għad-direttivi Komunitarji fil-qasam tas-swieq pubbliċi ta' provvisti u servizzi, b'mod partikolari għar-regoli komuni ta' reklamar u ta' parteċipazzjoni previsti taħt it-Titoli III u IV tad-Direttiva 93/36/KEE tal-Kunsill, ta' l-14 ta' Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti pubbliċi ta' provvista (ĠU L 199, p. 1) hekk kif emendata mid-Direttiva 2001/78/KE tal-Kummissjoni, tat-13 ta' Settembru 2001 (ĠU L 285, p. 1, iktar 'il quddiem id- "Direttiva 93/36), u taħt it-Titoli III u V tad-Direttiva 92/50/KEE tal-Kunsill, tat-18 ta' Ġunju, dwar il-koordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1), hekk kif emendata mid-Direttiva 2001/78 (iktar 'il quddiem id-"Direttiva 92/50") għax-xiri ta' inġenji ta' l-ajru kontra n-nirien tal-foresti kif ukoll għax-xiri ta' servizzi għat-tifi tan-nirien, dispożizzjonijiet li jippermettu wkoll li jsir rikors għall-proċedura msemmija iktar 'il fuq għax-xiri ta' tagħmir teknoloġiku u informatiku u ta' apparat radju li jirċievi u jittrażmetti, mingħajr ma ebda waħda mill-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw id-deroga għar-regoli komuni msemmija iktar 'il fuq tkun sodisfatta u, f'kull ċirkustanza, mingħajr ma ebda forma ta' reklamar maħsub biex jiżgura t-tqegħid f'kompetizzjoni ta' l-offerenti potenzjali ma jkun iggarantit, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi imposti fuqha taħt l-imsemmija Direttivi kif taħt l-Artikoli 43 KE u 49 KE.

 Il-fatti

2       Id-digriet ikkontestat ġie adottat b'applikazzjoni tad-digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri tat-28 ta' Ġunju 2002 rigward dikjarazzjoni, sal-31 ta' Ottubru 2002, ta' stat ta' urġenza fuq it-territorju nazzjonali għall-finijiet tal-ġlieda mill-ajru kontra n-nirien tal-foresti (GURI Nru 161, tal-11 ta' Lulju 2002, p. 4).

3       Dan id-digriet kien jawtorizza lill-Corpo forestale dello Stato (amministrazzjoni tal-foresti), min-naħa, li jixtri apparat ta' l-ajru għall-ġlieda kontra n-nirien tal-foresti "bi ftehim privat, b'deroga għal-leġiżlazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 [ta' l-imsemmija digriet]", jiġifieri b'mod partikolari għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttivi 92/50 u 93/56 u, min-naħa l-oħra, li takkwista, ukoll bi ftehim privat, apparat radju li jirċievi u jittrażmetti għall-komunikazzjonijiet ma' l-inġenji ta' l-ajru kontra n-nirien. Barra minn hekk hu kien jippermetti lid-Dipartimento della protezione civile (dipartiment tal-protezzjoni ċivili) li tirrikorri għall-ftehim privat għax-xiri ta' tagħmir maħsub biex isaħħaħ il-mekkaniżmu teknoloġiku u informatiku kif ukoll għax-xiri u t-tpoġġija fis-seħħ ta' servizzi ta' l-ajru għat-tifi tan-nirien tal-foresti.

4       Fuq il-bażi tad-digriet ikkontestat, il-Ministero delle Politiche agricole e forestali (Ministeru tal-politikà agrikola u tal-foresti) adotta, fit-28 ta' Ottobru 2002, id-Digriet Nru 1619/2002, li jawtorizza u jpoġġi fis-seħħ kuntratt konkluż mal-kumpannija Agusta SpA, bi ftehim privat skond l-imsemmi digriet, rigward il-provvista ta' żewġ ħelikopters, ta' tagħmir li jiġi magħhom, ta' assistenza teknika, ta' spare parts u ta' dak kollu li hu meħtieġ għat-tħaddim ta' dawn l-inġenji ta' l-ajru.

 Il-proċedura prekontenzjuża

5       Minħabba li qieset li d-dispożizzjonijiet tad-digriet ikkontestat li jawtorizza l-assenjazzjoni ta' swieq ta' provvisti u ta' servizzi skond il-proċedura nnegozjata f'każijiet li mhumiex previsti mid-Direttivi 92/50 u 93/36 kienu jmorru kontra dawn ta' l-aħħar kif ukoll kontra l-Artikoli 43 KE u 49 KE, b'ittra tad-19 ta' Diċembru 2002, il-Kummissjoni ordnat lir-Repubblika Taljana tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nuqqas ikkuntestat fi żmien xahar.

6       Minħabba li ma qisitx sodisfaċenti l-osservazzjonijiet ippreżentati, b'risposta għall-imsemmija ittra, mill-Gvern Taljan, il-Kummissjoni indirizzat, fit-3 ta' April 2003, opinjoni motivata lir-Repubblika Taljana fejn stiednitha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ma' l-imsemmija opinjoni fi żmien xahar li jibda jiddekorri min-notifikazzjoni tagħha u, b'mod partikolari, biex tirrevoka jew tbiddel ċerti dispożizzjonijiet tad-digriet ikkontestat, kif ukoll li tannulla u tneħħi kull effett mill-atti u l-miżuri meħudin għall-għoti tal-kuntratti tas-servizz pubbliku fuq il-bażi ta' dawn id-dispożizzjonijiet kif ukoll, fil-każ fejn kuntratti ġew konklużi, tissospendi t-tpoġġija tagħhom fis-seħħ.

7       Minħabba li r-risposti tar-Repubblika Taljana għall-opinjoni motivata ma kkonvinċewx lill-Kummissjoni, din ta l-aħħar iddeċidiet li tippreżenta l-preżenti rikors.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

8       Għandu jiġi enfasizzat, preliminarjament, li l-Qorti tista' teżamina ex officio jekk il-kundizzjonijiet stipulati mill-Artikolu 226 KE għall-preżentata ta' rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu ġewx sodisfatti (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta' Marzu 1992, Il-Kummisssjoni vs l-Italja, C-362/90, Ġabra p. I-2353, punt 8, u tal-15 ta' Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs l-Italja, C-439/99, Ġabra p. I-305, punt 8).

9       Hu irrilevanti, f'dan ir-rigward, li fir-risposta għad-domanda magħmula waqt is-seduta, ir-Repubblika Taljana qieset ir-rikors bħala ammissibbli meta, fis-sottomissjonijiet ta' difiża tagħha, hi sostniet li l-imsemmi rikors safa bla skop minħabba li d-digriet ikkontestat kien waqaf jipproduċi kull effett anki qabel ma l-Kummissjoni kienet ikkontestat il-leġittimità tiegħu jew talbet ir-revoka tiegħu.

10     Bl-istess mod huwa irrilevanti l-fatt li r-Repubblika Taljana ma għarfitx in-nuqqas ikkontestat, li ġie wkoll invokat mill-Kummissjoni waqt is-seduta biex issostni l-ammissibbiltà tar-rikors, inkwantu l-proċedura għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu ta' Stat hija bbażata fuq l-osservazzjoni oġġettiva ta' nuqqas ta' rispett minn Stat Membru ta' l-obbligi li jimponulu t-Trattat jew dispożizzjoni ta' liġi sekondarja (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-1 ta' Ottubru 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-71/97, Ġabra p. I-5991, punt 14, u tat-18 ta' Jannar 2001, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-83/99, Ġabra p. I-445, punt 23).

11     Għandu, l-ewwel nett, jiġi kkonstatat, hekk kif jirriżulta mill-konklużjonijiet tar-rikors oriġinali, li l-preżenti rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu hu limitat għall-Artikoli 1(2), u 2(1) sa (3), tad-digriet ikkontestat u mhux maħsub biex jikkontesta l-atti sussegwentement adottati b'applikazzjoni ta' l-imsemmi digriet, atti li kienu madankollu espliċitament imsemmija fl-opinjoni motivata.

12     Għandu, it-tieni nett, jiġi mfakkar li l-Kummissjoni, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi li huma fdati lilha taħt it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 226 KE, għandha d-dmir, fl-interess ġenerali tal-Komunità, li tassigura bil-qadi ta' dmirijietha l-applikazzjoni, mill-Istati Membri, tat-Trattat kif ukoll tad-dispożizzjonijiet adottati mill-istituzzjonijiet taħt l-imsemmi Trattat u li tara li tiġi ddikjarata l-eżistenza ta' nuqqas eventwali mill-obbligi li joħorġu minnhom, bil-għan li dan in-nuqqas jieqaf (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta' Awwissu 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-431/92, Ġabra p. I-2189, punt 21, u ta' l-10 ta' April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-20/01 u C-28/01, Ġabra I-3609, punt 29).

13     F'dan ir-rigward, jirriżulta mit-termini stess tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 226, KE, li l-Kummissjoni ma tistax tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu ħlief jekk l-Istat Membru in kwistjoni ma jkunx ikkonforma ruħu ma' l-opinjoni motivata fil-perijodu stabbilit mill-Kummissjoni għal dan l-iskop (ara sentenza tal-31 ta' Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs l-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 9).

14     Hija, barra minn hekk, ġurisprudenza kostanti li l-eżistenza ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu għandha tiġi evalwata skond is-sitwazzjoni ta' l-Istat Membru hekk kif kienet fit-tmiem tal-perijodu ffissat fl-opinjoni motivata (ara b'mod partikolari, is-sentenzi tal-31 ta' Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs l-Italja, iċċitata iktar 'il fuq, punt 10, ta' l-4 ta' Lulju 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-173/01, Ġabra p. I-6129, punt 7, u ta' l-10 ta' April 2003, Il-Kummissjoni vs Franza, C-114/02, Ġabra p. I-3783, punt 9).

15     Issa, għandu jiġi osservat li d-digriet ikkontestat kien waqaf jipproduċi kull effett ġuridiku mad-data ta' skadenza tat-terminu ta' l-istat ta' urġenza li ġie ddikjarat fuq it-territorju nazzjonali sal-31 ta' Ottubru 2002 permezz ta' digriet tal-President tal-Kunsill tal-Ministri tat-28 ta' Ġunju 2002, peress li t-tul ta' żmien ta' applikazzjoni ta' dan id-digriet kien limitat għal dak iffissat mill-imsemmi digriet.

16     Id-digriet ikkontestat, li ma kienx għadu fis-seħħ sa mill-1 ta' Novembru 2002, konsegwentement safa mingħajr ebda effett qabel l-iskadenza tal-perijodu ffissat mill-opinjoni motivata, qabel ukoll ma ntbagħtet l-ittra ta' intimazzjoni. Inkwantu mhux ittrattat ħlief f'dan id-digriet, in-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu li r-Repubblika Taljana hi akkużata bih fir-rikors preżenti ma kienx, f'kull ċirkustanza, jeżisti aktar fid-data ta' l-iskadenza ta' l-imsemmi perijodu.

17     Jirriżulta minn dak li ntqal li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Dwar l-ispejjeż

18     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Għandu jingħad li r-Repubblika Taljana ma talbitx li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż. Konsegwentement, kull waħda mill-partijiet għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeciedi

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u r-Repubblika Taljana għandhom ibatu kull waħda l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.