SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta' Mejju 2006 (*)

"Appell – Kompetizzjoni – Akkordju – Suq tal-lisina sintetika – Ammendi – Linji gwida għall-kalkolu ta' l-ammendi - Non-retroattività - Prinċipju ta' ne bis in idem - Trattament ugwali – Fatturat li jista' jittieħed in kunsiderazzjoni"

Fil-kawża C-397/03 P,

li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressaq fid-19 ta' Settembru 2003,

Archer Daniels Midland Co., stabbilita f'Decatur (L-Istati Uniti),

Archer Daniels Midland Ingredients Ltd, stabbilita f'Erith (Ir-Renju Unit),

irrappreżentati minn C. O. Lenz, Rechtsanwalt, E. Batchelor kif ukoll L. Martin Alegi u M. Garcia, solicitors, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn R. Lyal, bħala aġent, assistit minn J. Flynn, QC, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, K. Schiemann, N. Colneric (Relatur), E. Juhász u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta' Novembru 2004,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta' Ġunju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' l-appell tagħhom, Archer Daniels Midland Co. (iktar 'il quddiem "ADM Company") u l-kumpannija sussidjarja Ewropea tagħha, Archer Daniels Midland Ingredients Ltd (iktar 'il quddiem "ADM Ingredients"), jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tad-9 ta' Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni (T-224/00, Ġabra p. II-2597, iktar 'il quddiem is-"sentenza kkontestata"), safejn din tiċħad ir-rikors tagħhom għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni 2001/418/KE tal-Kummissjoni, tas-7 ta' Lulju 2000, rigward proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u ta' l-Artikolu 53 tal-ftehim ŻEE (Kawża COMP/36.545/F3 – Aċidi amminiċi) (ĠU 2001, L 152, p. 24, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

2       Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza, b'mod partikolari, naqqset l-ammenda imposta, in solidum, fuq ADM Company u fuq ADM Ingredients u sostanzjalment ċaħdet ir-rikors għal annullament imressaq kontra d-deċiżjoni kkontestata.

 Il-kuntest ġuridiku

3       L-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950 (iktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni Ewropea"), intitolat "Nulla poena sine lege", jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

"Ħadd ma għandu jitqies li jkun ħati ta' reat kriminali minħabba f'xi att jew ommissjoni li ma kinux jikkostitwixxu reat kriminali skond liġi nazzjonali jew internazzjonali fil-ħin meta jkun sar. Lanqas ma għandha tingħata piena akbar minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta r-reat kriminali jkun sar."

4       Skond l-Artikolu 4 tal-Protokoll 7 tal-Konvenzjoni Ewropea, intitolat "Id-dritt li persuna ma tiġix ipproċessata jew ikkastigata darbtejn":

"1.      Ħadd ma jista' jkun ipproċessat jew jerġa' jiġi kkastigat għal darb'oħra fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni ta' l-istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġà ġie finalment liberat jew misjub ħati skond il-liġi u l-proċedura penali ta' dak l-Istat.

[…]

3.      Ebda deroga minn dan l-Artikolu ma għandha ssir taħt l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni."

5       L-Artikolu 15(2) tar-Regolament 17 tal-Kunsill, tas-6 ta' Frar 1962, l-ewwel regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), jipprovdi:

"Il-Kummissjoni tista' permezz ta' deċiżjoni timponi fuq l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta' [i]mpriżi multi minn 1000 sa 1000000 unita` ta' rendikont, jew somma li taqbeż dan iżda li ma taqbiżx 10 % tat-turnover fis-sena ta' negozju preċedenti ta' kull impriża li tkun qed tipparteċipa fil-ksur fejn, jew intenzjonalment jew b' negliġenza:

a)      dawn jiksru l-Artikolu [81] jew l-Artikolu [82] tat-Trattat, […]

[…]

Fl-iffissar ta' l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkonsidrati kemm il-gravità kif ukoll id-dewmien tal-ksur."

6       Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Linji ta' gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skond l-Artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA" (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar 'il quddiem il-"linji gwida"), b'mod partikolari tipprovdi:

"Il-prinċipji [i]ndikati hawnhekk għandhom jiżguraw it-trasparenza u l-imparzjalità tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, f'għajnejn kemm ta' l-impriżi kif ukoll tal-Qorti tal-Ġustizzja, waqt li tinżamm id-diskrezzjoni li hi mogħtija lill-Kummissjoni skond il-leġiżlazzjoni rilevanti biex tistabbilixxi multi fil-limitu ta' 10 % tal-valur tal-bejgħ totali. Din id-diskrezzjoni għandha, mandankollu, issegwi politika koerenti u mhux diskriminatorja li hi konsistenti ma' l-għanijiet segwiti fil-penalizazzjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

Il-metodu l-ġdid li jistabbilixxi l-ammont ta' multa se jkun ibbażat fuq ir-regoli li ġejjin, li jibdew minn ammont bażiku li jiżdied biex jieħdu f'konsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi aggravati jew imnaqqsa biex jieħdu f'konsiderazzjoni ċirkustanzi li jiskużaw il-gravità."

7       Skond ir-raba' u s-sitt paragrafi tal-punt 1A, tal-linji gwida:

"Se jkun wkoll neċessarju li tiġi kunsidrata f'liema miżura l-awturi tal-ksur għandhom il-kapaċità effettiva ekonomika biex joħolqu theddid sinifikanti għall-operaturi l-oħra, b'mod partikolari konsumaturi, u li tiġi stabbilita l-multa f'livell li jiggarantixxi effett suffiċjentament diswassiv.

[…]

Meta ksur jinvolvi aktar minn impriża waħda (eż konsorzji), jista' jkun neċessarju f'ċerti każijiet li jiġu applikati ko-effiċjenti korrettivi lill-ammonti determinati f'kull waħda mit-tliet kategoriji sabiex jiġi kunsidrat il-piż speċifiku u, għalhekk, l-impatt reali tal-kondotta offensiva ta' kull impriża li hi f'kompetizzjoni, partikolarment meta hemm disparità konsiderabbli bejn id-daqs ta' l-impriżi li qed jikkommettu ksur ta' l-istess tip."

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

8       Il-fatti li wasslu għar-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza huma, fis-sentenza kkontestata, esposti fit-termini li ġejjin:

"1      Ir-rikorrenti, [ADM Company] u l-kumpannija sussidjarja Ewropea tagħha [ADM Ingredients], joperaw fis-settur ta' l-ipproċessar ta' ċereali u ta' żerriegħa li minnha jingħasar iż-żejt. Huma stabbilixxew ruħhom fis-suq tal-lisina fl-1991.

2      Il-lisina hija l-aċidu amminiku ewlieni użat fl-għalf għall-bhejjem għal skopijiet nutrizzjonali. Il-lisina sintetika hija użata bħala addittiv fl-għalf li ma fihx biżżejjed lisina naturali, per eżempju ċ-ċereali, sabiex jippermetti lill-esperti fin-nutrizzjoni li joħolqu dieti bbażati fuq proteini li jissodisfaw il-bżonnijiet alimentari ta' l-annimali. L-alimenti li magħhom tiġi miżjuda l-lisina sintetika jistgħu wkoll jiġu sostitwiti b'għalf li fih kwantità suffiċjenti ta' lisina fl-istat naturali, bħas-sojja.

3      Fl-1995, wara stħarriġ sigriet immexxi mill-Federal Bureau of Investigation (FBI), saru tfittxijiet fl-Istati Uniti fil-bini ta' diversi intrapriżi attivi fis-suq tal-lisina. Fix-xhur ta' Awwissu u Ottubru 1996, ADM Company kif ukoll il-kumpanniji Kyowa Hakko Kogyo Co. Ltd (iktar 'il quddiem 'Kyowa'), Sewon Corp Ltd., Cheil Jedang Corp. (iktar 'il quddiem 'Cheil') u Ajinomoto Co. Inc ġew akkużati mill-awtoritajiet Amerikani li ħolqu akkordju li jikkonsisti fl-iffissar tal-prezzijiet tal-lisina u t-tqassim tal-volum ta' bejgħ ta' dan il-prodott bejn Ġunju 1992 u Ġunju 1995. Wara numru ta' akkordji konklużi mal-Ministeru Amerikan għall-Ġustizzja, dawn l-intrapriżi ġew imposti ammendi mill-imħallef li kellu l-kawża quddiemu, jiġifieri ammenda ta' 10 miljun dollaru Amerikani (USD) għal Kyowa Hakko Kogyo u Ajinomoto, ammenda ta' 70 miljun USD għal ADM Company u ammenda ta' 1.25 miljun USD għal Cheil. L-ammont ta' l-ammenda imposta fuq Sewon Corp kien jitla', skond din ta' l-aħħar, għal 328 000 USD. Barra minn hekk, tliet uffiċjali eżekuttivi ta' ADM Company ġew ikkundannati għal pieni ta' priġunerija u għal ammendi għar-rwol tagħhom fl-akkordju.

4      F'Lulju 1996, Ajinomoto, abbażi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04 dwar in-nuqqas ta' impożizzjoni ta' ammendi jew it-tnaqqis ta' l-ammont tagħhom fil-kawżi li jirrigwardaw akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4, iktar 'il quddiem il-'komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni'), issuġġeriet lill-Kummissjoni li tikkoopera magħha sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta' kartell fis-suq tal-lisina u l-effetti tagħha fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

5      Fil-11 u t-12 ta' Ġunju 1997, il-Kummissjoni għamlet investigazzjonijiet, skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17 […] fil-fabbriki Ewropej ta' ADM Company u f'dawk ta' Kyowa Hakko Europe GmbH. Wara dawn l-investigazzjonijiet, Kyowa Hakko Kogyo u Kyowa Hakko Europe urew ix-xewqa tagħhom li jikkooperaw mal-Kummissjoni u pprovdewlha ċerta informazzjoni rigward, b'mod partikolari, il-kronoloġija tal-laqgħat bejn il-prodotturi ta' lisina.

6      Fit-28 ta' Lulju 1997, il-Kummissjoni, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, talbet lil ADM Company u ADM Ingredients, lil Sewon Corp. u l-kumpannija sussidjarja Ewropea tagħha Sewon Europe GmbH (iktar 'il quddiem, meħuda flimkien, 'Sewon'), kif ukoll lil Cheil, informazzjonijiet rigward l-imġiba tagħhom fis-suq ta' l-aċidi amminiċi u l-laqgħat ta' l-akkordji identifikati f'dawn it-talbiet. Wara ittra tal-Kummissjoni ta' l-14 ta' Ottubru 1997, li kienet tfakkarhom li ma kinux wieġbu t-talbiet tagħha, ADM Ingredients wieġbet għad-domanda tal-Kummissjoni dwar is-suq tal-lisina. ADM Company ma tat ebda tweġiba.

7      Fit-30 ta' Ottubru 1998, fuq il-bażi ta' l-informazzjonijiet li ġew ikkomunikati lilha, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet lil ADM Company u ADM Ingredients (iktar 'il quddiem, meħuda flimkien, 'ADM'), u l-intrapriżi l-oħra kkonċernati, jiġifieri Ajinomoto u l-kumpannija sussidjarja Ewropea Eurolysine SA (iktar 'il quddiem, meħuda flimkien, 'Ajinomoto'), Kyowa Hakko Kogyo u l-kumpannija sussidjarja Ewropea tagħha Kyowa Hakko Europe (iktar 'il quddiem, meħuda flimkien, 'Kyowa'), Daesang Corp. (li qabel kienet Sewon Corp) u l-kumpannija sussidjarja Ewropea tagħha Sewon Europe, u Cheil, għal ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE u ta' l-Artikolu 53(1) tal-ftehim fuq iż-ŻEE (iktar 'il quddiem il-'ftehim ŻEE'). Fid-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni akkużat lil dawn l-intrapriżi li ffissaw il-prezzijiet tal-lisina fiż-ŻEE kif ukoll il-kwotas ta' bejgħ għal dan is-suq u li skambjaw informazzjonijiet fuq il-kwantitajiet ta' bejgħ tagħhom, mix-xhur ta' Settembru 1990 (Ajinomoto, Kyowa u Sewon), ta' Marzu 1991 (Cheil) u ta' Ġunju 1992 (ADM) sax-xahar ta' Ġunju 1995. Wara li rċivew din id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti informaw lill-Kummissjoni li huma ma kinux qed jikkontestaw il-verità tal-fatti.

8      Wara s-seduta ta' l-intrapriżi kkonċernati fl-1 ta' Marzu 1999, il-Kummissjoni, fis-17 ta' Awwissu 1999, bagħtet lil dawn ta' l-aħħar dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet kumplimentari rigward it-tul ta' żmien ta' l-akkordju, li fih ġie konkluż li Ajinomoto, Kyowa u Sewon kienu pparteċipaw fl-akkordju mill-inqas mix-xahar ta' Ġunju 1990, Cheil mill-inqas mill-bidu tas-sena 1991 u r-rikorrenti mit-23 ta' Ġunju 1992. Ir-rikorrenti wieġbu għal din id-dikjarazzjoni ta' l-oġġezzjonijiet kumplimentari fis-6 ta' Ottubru 1999, billi kkonfermaw li huma ma kinux qed jikkontestaw il-veraċità tal-fatti li ġew akkużati bihom.

9      Fit-tmiem tal-proċedura, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni [ikkontestata]. [Din] ġiet innotifikata lir-rikorrenti permezz ta' ittra tas-16 ta' Ġunju 2000.

10      Id-[deċiżjoni kkontestata] tinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

'L-ewwel Artikolu

[ADM Company] u l-kumpannija sussidjarja Ewropea tagħha [ADM Ingredients], Ajinomoto Company Incorporated u l-kumpannija sussidjarja Ewropea tagħha Eurolysine SA, Kyowa Hakko Kogyo Company Limited u l-kumpannija sussidjarja Ewropea tagħha Kyowa Hakko Europe GmbH, Daesang Corporation u l-kumpannija sussidjarja Ewropea tagħha Sewon Europe GmbH, kif ukoll [Cheil] kisru l-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE u l-Artikolu 53(1) tal-ftehim ŻEE billi pparteċipaw f'akkordju fuq il-prezzijiet, il-volumi ta' bejgħ u l-iskambju ta' informazzjonijiet individwali fuq il-volumi ta' bejgħ ta' lisina sintetika, li jkopru ż-ŻEE kollha.

It-tul ta' żmien tal-ksur kien li ġej:

a)      fil-każ ta' [ADM Company] u ta' [ADM Ingredients]: mit-23 ta' Ġunju 1992 sas-27 ta' Ġunju 1995;

b)      fil-każ ta' Ajinomoto Company Incorporated u ta' Eurolysine SA, mill-inqas minn Lulju 1990 sas-27 ta' Ġunju 1995;

[…]

Artikolu 2

L-ammendi li ġejjin huma imposti fuq l-intrapriżi msemmija fl-Artikolu 1, minħabba l-ksur ikkonstatat fl-imsemmi Artikolu:

a)      [ADM Company] u

[ADM Ingredients]

(responsabbli in solidum) ammenda ta': 47 300 000 EUR

b)      Ajinomoto Company Incorporated u

Eurolysine SA

(responsabbli in solidum) ammenda ta: 28 300 000 EUR

[…]'

11      Għall-iskopijiet tal-kalkolu ta' l-ammont ta' l-ammendi, il-Kummissjoni applikat, fid-[deċiżjoni kkontestata], il-metodu espost fil-linji gwida […] kif ukoll il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

12      L-ewwel nett, l-ammont bażi ta' l-ammenda, stabbilit skond il-gravità u t-tul ta' żmien tal-ksur, ġie ffissat għal 39 miljun EUR f'dak li jikkonċerna ADM. Rigward Ajinomoto, Kyowa, Cheil u Sewon, l-ammont bażi ta' l-ammenda ġie ffissat, rispettivament, għal 42, 21, 19.5 u 21 miljun EUR (premessa 314 tad-[deċiżjoni kkontestata]).

13      Għall-iffissar ta' l-ammont ta' tluq ta' l-ammendi, stabbilit skond il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, qieset li l-intrapriżi kkonċernati kienu kkommettew ksur serju ħafna, meta jiġu kkunsidrati n-natura tiegħu, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq tal-lisina fiż-ŻEE u l-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat. Imbagħad billi kkunsidrat, fuq il-bażi tal-fatturat totali tagħhom magħmula matul l-aħħar sena tal-perijodu ta' ksur, li kienet teżisti differenza konsiderevoli bejn id-daqs ta' l-intrapriżi awturi tal-ksur, il-Kummissjoni pproċediet għal trattament differenzjali. Għaldaqstant, l-ammont ta' tluq ta' l-ammendi ġie ffissat għal 30 miljun EUR għal ADM u Ajinomoto, u għal 15 miljun EUR għal Kyowa, Cheil u Sewon (premessa 305 tad-[deċiżjoni kkontestata]).

14      Sabiex tieħu in kunsiderazzjoni t-tul ta' żmien tal-ksur mwettaq minn kull intrapriża u tistabbilixxi l-ammont bażi ta' l-ammenda rispettiva tagħhom, l-ammont ta' tluq hekk stabbilit ġie miżjud b'10 % għal kull sena, jiġifieri żieda ta' 30 % għal ADM u Cheil, u ta' 40 % għal Ajinomoto, Kyowa u Sewon (premessa 313 tad-[deċiżjoni kkontestata]).

15      It-tieni nett, minħabba ċ-ċirkustanzi aggravanti, l-ammonti bażi ta' l-ammendi imposti fuq ADM u fuq Ajinomoto ġew miżjuda b'50 % kull waħda, jiġifieri 19.5 miljun EUR għal ADM u 21 miljun EUR għal Ajinomoto, minħabba li dawn l-intrapriżi kellhom rwol ta' kap fit-twettiq tal-ksur (premessa 356 tad-[deċiżjoni kkontestata]).

16      It-tielet nett, rigward iċ-ċirkustanzi attenwanti, il-Kummissjoni naqqset b'20 % iż-żieda applikata fuq l-ammenda ta' Sewon minħabba t-tul ta' żmien tal-ksur, minħabba li din l-intrapriża kellha rwol passiv fl-akkordju mill-bidu tas-sena 1995 (premessa 365 tad-[deċiżjoni kkontestata]). Il-Kummissjoni, barra minn hekk, naqqset b'10 % l-ammonti bażi ta' l-ammendi ta' kull waħda mill-intrapriżi kkonċernati, minħabba li huma kienu kollha temmew il-ksur ma' l-ewwel interventi ta' awtorità pubblika (premessa 384 tad-[deċiżjoni kkontestata]).

17      Ir-raba' nett, il-Kummissjoni għamlet 'tnaqqis konsiderevoli' ta' l-ammont ta' l-ammendi, skond it-titolu D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Minħabba dan, il-Kummissjoni kkonċediet, lil Ajinomoto u lil Sewon, tnaqqis ta' 50 % ta' l-ammont ta' l-ammenda li kieku kienet tiġi imposta fuqhom fin-nuqqas ta' kooperazzjoni, lil Kyowa u lil Cheil, tnaqqis ta' 30 % u, fl-aħħar nett, lil ADM, tnaqqis ta' 10 % (premessi 431, 432 u 435 tad-[deċiżjoni kkontestata])". [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata

9       Fil-25 ta' Awwissu 2000, ir-rikorrenti ressqu rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

10     Permezz tar-rikors tagħhom, huma talbu l-annullament ta' din id-deċiżjoni li timponi ammenda fuqhom jew it-tnaqqis ta' l-ammenda imposta permezz ta' din id-deċiżjoni.

11     Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza:

–       iffissat l-ammont ta' l-ammenda imposta, in solidum, fuq ir-rikorrenti għal 43 875 000 EUR;

–       ċaħdet ir-rikors fir-rigward tal-kumplament;

–       ordnat lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll tliet kwarti ta' dawk tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u ordnat lill-Kummissjoni tbati kwart ta' l-ispejjeż proprji tagħha.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

12     Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–       tannulla s-sentenza kkontestata safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet ir-rikors tagħhom magħmul kontra d-deċiżjoni kkontestata;

–       tannula l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata safejn tikkonċerna ADM;

–       sussidjarjament, f'dak li jirrigwarda t-tieni paragrafu, timmodifika l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex tnaqqas jew tannulla l-ammenda imposta fuq ADM;

–       sussidjarjament, f'dak li jirrigwarda t-tieni u t-tielet paragrafi, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex tingħata deċiżjoni skond is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-liġi;

–       f'kull każ, tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż ta' ADM f'dak li jikkonċerna l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u dik quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

13     Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–       tiċħad l-appell;

–       tordna lir-rikorrenti jbatu l-ispejjeż.

 Il-motivi mressqa

14     Sabiex isostnu l-appell tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu l-motivi li ġejjin:

–       ksur tal-prinċipju ta' non-retroattività billi kkonfermat l-implementazzjoni retroattiva tal-linji gwida mill-Kummissjoni;

–       ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza:

–       billi kkonfermat id-diskriminazzjoni eżerċitata mill-Kummissjoni, rigward il-metodu ta' kalkolu ta' l-ammendi applikati għal ksur simultanju tad-dritt tal-kompetizzjoni, skond jekk din l-istituzzjoni Komunitarja adottat id-deċiżjoni tagħha qabel jew wara l-pubblikazzjoni tal-linji gwida;

–       billi kkonfermat ammont ta' tluq indaqs għall-ammenda imposta fuq ADM u għal dik imposta fuq Ajinomoto, minkejja li l-parti ta' suq ta' Ajinomoto fiż-ŻEE hija kważi d-doppju ta' dik ta' ADM;

–       ksur tal-prinċipju ne bis in idem billi ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tikkumpensa jew tieħu in kunsiderazzjoni l-ammendi mħallsa minn ADM lil awtoritajiet oħra f'dak li jikkonċerna l-istess azzjonijiet;

–       ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni:

–       billi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx fl-obbligu li tieħu in kunsiderazzjoni l-ammendi mħallsa minn ADM fi Stati terzi, minkejja li l-ammenda imposta mill-Kummissjoni tiddependi, b'mod partikolari, mill-fatturat dinji ta' ADM u li, għaldaqstant, din hija ppenalizzata skond il-fatturat tagħha fl-Istati li fihom ADM diġà ġiet ikkundannata għal ammendi;

–       billi kkonstatat li l-ammenda hija raġonevoli minkejja n-nuqqas tal-Kummissjoni mill-obbligu tagħha li tieħu in kunsiderazzjoni l-fatturat ta' ADM għal-lisina fiż-ŻEE;

–       żnaturazzjoni ta' l-elementi ta' prova billi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet ippruvat l-eżistenza ta' impatt ekonomiku, meta dawn l-elementi ta' prova ma jikkostitwixxux eżami tal-livelli ta' prezzijiet fin-nuqqas ta' kollużjoni u għaldaqstant ma jurux li l-prezzijiet kienu ogħla milli setgħu jkunu altrimenti;

–       ksur tal-prinċipju li jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tirrispetta r-regoli li hija imponiet fuqha nfisha meta awtorizzat lil din l-istituzzjoni tikser il-linji gwida;

–       ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, hekk kif ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti tal-Prim'Istanza, prinċipju li jipprovdi li għandha teżisti ċerta rabta bejn l-ammendi u l-fatturat rilevanti.

 Fuq l-appell

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' non-retroattività

15     Permezz ta' l-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punti 39 sa 61 tas-sentenza kkontestata, kisret il-prinċipju ta' non-retroattività billi kkonfermat l-applikazzjoni retroattiva tal-linji gwida mill-Kummissjoni.

16     Huma jsostnu li l-ammenda kellha tkun ta' ammont anqas għoli minn dak ta' l-ammenda stabbilita skond il-linji gwida li kieku l-prassi preċedenti kienet ġiet segwita.

17     Fis-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet dan l-ilment fuq il-bażi ta' raġunament li l-formulazzjoni tiegħu hija identika għal dik li tidher fis-sentenzi ta' din l-istess qorti li wasslet għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta' Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425).

18     Fil-punti 202 sa 206 tas-sentenza msemmija l-aħħar, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet sintesi ta' l-argumentazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza kif ġej:

"202      Il-Qorti tal-Prim'Istanza osservat, l-ewwel nett u ġustament, li l-prinċipju ta' non-retroattività tal-liġijiet kriminali, rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea bħala dritt fundamentali, huwa prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi osservat meta jiġu imposti ammendi għal ksur tar-regoli ta' kompetizzjoni u li dan il-prinċipju jeżiġi li l-pieni deċiżi jikkorrispondu għal dawk li kienu ġew iffissati fiż-żmien meta l-ksur kien ġie mwettaq.

203      Imbagħad, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li l-linji gwida jibqgħu fil-kuntest ġuridiku li jirregola l-iffissar ta' l-ammont ta' l-ammendi, hekk kif definit, qabel il-ksur, fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17.

204      Fil-fatt, il-metodu ta' kalkolu ta' l-ammendi previst mil-linji gwida jibqa' bbażat fuq il-prinċipji li tipprovdi din id-dispożizzjoni, meta l-kalkolu jibqa' jsir fuq il-bażi tal-gravità u t-tul ta' żmien tal-ksur u meta l-ammenda ma tistax taqbeż ammont massimu ta' 10 % tal-fatturat globali.

205      Il-linji gwida ma jbiddlux għaldaqstant il-kuntest ġuridiku tal-pieni, peress li dan ta' l-aħħar jibqa' definit biss mir-Regolament Nru 17. Il-prassi preċedenti tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni ma tagħmilx parti minn dan il-kuntest ġuridiku.

206      Fl-aħħar nett, skond il-Qorti tal-Prim'Istanza, m'hemmx aggravament retroattiv ta' l-ammendi anke jekk il-linji gwida jistgħu, f'ċerti każijiet, iwasslu għal żieda ta' dawn. Dan jirriżulta mid-diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fl-iffissar ta' l-ammont ta' l-ammendi skond ir-Regolament Nru 17. Din l-istituzzjoni tista' għaldaqstant, f'kull ħin, tgħolli l-livell ta' l-ammendi skond il-bżonnijiet tal-politika ta' kompetizzjoni tagħha, bil-kundizzjoni li tibqa' fil-limiti indikati fir-Regolament Nru 17 […]" [traduzzjoni mhux uffiċjali]

19     Hekk kif ikkonstatatu l-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 207 u 208 tas-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, il-premessa tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tipprovdi li l-linji gwida mhumiex parti mill-kuntest ġuridiku li jiffissa l-ammont ta' l-ammendi, peress li dan il-kuntest huwa magħmul esklużivament mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17, b'tali mod li l-applikazzjoni tal-linji gwida għal ksur mwettaq qabel l-adozzjoni tagħhom ma tistax tmur kontra l-prinċipju ta' non-retroattività, mhijiex eżatta.

20     Fil-fatt, il-modifika ta' politika repressiva, f'dan il-każ il-politika ġenerali tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni rigward l-ammendi, b'mod partikolari jekk titqiegħed fis-seħħ bl-adozzjoni ta' regoli ta' kondotta bħal-linji gwida, jista' jkollha impatt f'dak li għandu x'jaqsam mal-prinċipju ta' non-retroattività (is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 222).

21     Madankollu, l-implementazzjoni effikaċi tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni teżiġi li l-Kummissjoni tkun tista' f'kull ħin tadatta l-livell ta' l-ammendi skond il-bżonnijiet ta' din il-politika (is-sentenzi tas-7 ta' Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 109, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 227).

22     Minn dan jirriżulta li l-intrapriżi involuti fi proċedura amministrattiva li tista' tagħti lok għal ammenda ma jistax ikollhom aspettativi leġittimi mill-fatt li l-Kummissjoni mhux se taqbeż il-livell ta' l-ammendi adottat qabel u lanqas minn metodu ta' kalkolu ta' dawn ta' l-aħħar (is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 228).

23     Għaldaqstant, fil-każ in kwistjoni, l-intrapriżi għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni l-possibbiltà li, f'kull ħin, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tgħolli l-livell ta' l-ammont ta' l-ammendi meta mqabbel ma dak applikat fil-passat (is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 229).

24     Dan japplika mhux biss meta l-Kummissjoni tkun għolliet il-livell ta' l-ammont ta' l-ammendi billi tiddeċiedi fuq ammendi f'deċiżjonijiet individwali, iżda wkoll jekk din iż-żieda ssir permezz ta' l-implementazzjoni, f'każijiet konkreti, ta' regoli ta' kondotta li għandhom portata ġenerali bħalma huma l-linji gwida (is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 230).

25     Bħalma huwa l-każ fil-kawża Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, għandu jiġi konkluż li l-linji gwida u, b'mod partikolari, il-metodu ġdid ta' kalkolu ta' l-ammendi li dawn jinkludu, li kieku kellu effett aggravanti rigward il-livell ta' l-ammendi imposti, kienu raġonevolment prevedibbli għal intrapriżi bħar-rikorrenti fiż-żmien meta l-ksur ikkonċernat twettaq u li, b'applikazzjoni tal-linji gwida fid-deċiżjoni kkontestata għal ksur mwettaq qabel l-adozzjoni tagħhom, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta' non-retroattività (is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 231 u 232).

26     Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma għamlitx żball ta' dritt billi ċaħdet il-motiv ta' annullament ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' non-retroattività.

27     Fid-dawl ta' dak kollu li ntqal, hemm lok li l-ewwel motiv ta' l-appell jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' ugwaljanza

28     It-tieni motiv imqajjem mir-rikorrenti jinqasam f'żewġ partijiet. ADM takkuża lill-Qorti tal-Prim'Istanza li kisret il-prinċipju ta' ugwaljanza, minn naħa, billi kkonfermat id-diskriminazzjoni eżerċitata mill-Kummissjoni, inkwantu l-metodu ta' kalkolu ta' l-ammendi applikat għall-ksur simultanju tad-dritt tal-kompetizzjoni, li jipprovdi li din l-istituzzjoni adottat id-deċiżjoni tagħha qabel jew wara l-pubblikazzjoni tal-linji gwida (punti 69 sa 75 tas-sentenza kkontestata), u, min-naħa l-oħra, billi kkonfermat ammont ta' tluq indaqs għall-ammenda imposta fuq ADM u dik imposta fuq Ajinomoto, minkejja li l-parti tas-suq fiż-ŻEE ta' din it-tieni intrapriża hija kważi d-doppju ta' dik ta' ADM (punti 207 u 211 sa 214 tas-sentenza kkontestata).

29     Rigward l-ewwel parti tat-tieni motiv, din hija strettament marbuta ma' l-ewwel motiv inkwantu t-trattament allegatament diskriminatorju jirriżulta mill-fatt li, minn ċertu data, il-linji gwida ġew applikati.

30     Hekk kif ġie osservat fil-punt 21 ta' din is-sentenza, il-Kummissjoni tista' f'kull ħin tiddeċiedi li tgħolli l-livell ta' l-ammont ta' l-ammendi meta mqabbel ma' dak applikat fil-passat.

31     Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 110 tas-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, ċaħdet motiv ibbażat, b'mod partikolari, fuq l-argument li l-metodu applikat mill-Kummissjoni huwa diskriminatorju minħabba li l-fatti ta' din il-kawża kienu tfaċċaw fl-istess ħin bħal dawk ta' proċeduri oħra li fihom il-Kummissjoni kienet ħadet deċiżjoni qabel dik in kwisjoni, billi applikat ammendi ta' ammont inqas biċ-ċar.

32     Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv ma tistax tiġi akkolta.

33     Rigward it-tieni parti ta' l-istess motiv, l-argumentazzjoni tar-rikorrenti tistrieħ fuq il-premessa li meta diversi intrapriżi jkunu pparteċipaw fl-istess ksur, tista' ssir differenza bejn l-ammonti ta' tluq ta' l-ammenda biss fuq il-bażi tal-fatturat li jirriżulta mill-bejgħ tal-prodott in kwistjoni fiż-ŻEE. Din il-premessa hija żbaljata.

34     Hekk kif jirriżulta mill-punti 243 u 312 tas-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, jista' jsir differenzjar, f'dak li jirrigwarda l-ammonti ta' tluq ta' l-ammenda, fuq il-bażi ta' kriterji oħra minbarra dak tal-fatturat rilevanti.

35     Il-Qorti tal-Prim'Istanza ma għamlet ebda żball ta' dritt meta ddeċidiet, fil-punt 212 tas-sentenza kkonstestata, fuq il-bażi ta' dak li sabet, li l-fatturat globali ta' ADM, li jibqa' ħjiel tad-daqs u tas-saħħa ekonomika ta' intrapriża, juri biċ-ċar li ADM hija darbtejn ikbar minn Ajinomoto, fatt li, fl-istess waqt, jikkumpensa għall-fatt li hija teżerċita influwenza inqas minn dik ta' Ajinomoto fis-suq tal-lisina fiż-ŻEE u juri li l-ammont ta' tluq ta' l-ammenda huwa ffissat fuq livell dissważiv biżżejjed.

36     Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda, u għaldaqstant dan il-motiv kollu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur ta' korollarju tal-prinċipju ta' ne bis in idem

 L-argumenti tal-partijiet

37     Permezz tat-tielet motiv tiegħu, hekk kif spjegat waqt is-seduta, ir-rikorrenti jallegaw ksur ta' korollarju tal-prinċipju ne bis in idem fis-sens li l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, fil-punti 85 sa 104 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni ma kinitx fl-obbligu li tikkumpensa jew tieħu in kunsiderazzjoni ammendi mħallsa lil awtoritajiet oħra u li jippenalizzaw l-istess aġir.

38     Dan il-motiv jinqasam fi tliet partijiet.

39     L-ewwel nett ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball ta' dritt billi interpretat b'mod wisq restrittiv il-prinċipju ta' ne bis in idem u s-sentenza ta' l-14 ta' Diċembru 1972, Boehringer Mannheim vs Il-Kummissjoni (7/72, Ġabra p. 1281). Huma jsostnu li, fost il-prinċipji elementari, jeżisti korollarju tal-prinċipju ne bis in idem li jeżiġi li l-pieni konkorrenti li jikkonċernaw l-istess fatti għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni. Dan jikkonsisti f'prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li jeżisti indipendentament minn kull konvenzjoni. Ir-rikorrenti jsostnu li, fis-sentenza Beoehringer Mannheim vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ttrattat Stat terz u li ddeċidiet li l-prinċipji elementari tal-ġustizzja japplikaw f'kawża ta' dan it-tip. Ikun konformi mal-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u ta' proporzjonalità li l-pieni ulterjuri jieħdu in kunsiderazzjoni l-pieni li diġà ġew imposti minn qorti, tkun liema tkun, għall-istess aġir. Li jsir mod ieħor għandu mnejn iqiegħed eċċessivament fi żvantaġġ l-intrapriżi kkonċernati u dan ikun jimponilhom ammenda sproporzjonata meta mqabbla mal-ħtieġa ta' dissważjoni u/jew mal-ġustizzja repressiva.

40     Imbagħad, ir-rikorrenti jsostnu li l-konklużjoni li tinsab fil-punti 101 u 102 tas-sentenza kkontestata, li tipprovdi li huma ma ppruvawx li l-fatti li jikkostitwixxu l-ksur ippenalizzat mill-Kummissjoni u mill-Istati terzi huma identiċi, hija żnaturazzjoni ta' l-elementi ta' prova, ksur ta' l-Artikolu 36 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja minħabba nuqqas ta' twettiq ta' l-obbligu ta' motivazzjoni u ksur tad-dritt li jiddefendu ruħhom.

41     Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball billi kkonstatat, fil-punt 103 tas-sentenza kkontestata, li, anke jekk il-fatti kienu identiċi, ma jeżisti ebda dritt għal kumpens, għax ADM ma kinitx stabbiliet li l-pieni deċiżi fl-Istati terzi kienu jikkonċernaw l-implementazzjoni jew l-effett ta' l-akkordju fiż-ŻEE, u billi kkonstatat li dawn il-pieni kienu kkalkulati skond il-fatturat ta' ADM fl-Istati Uniti u fil-Kanada. Huwa biss meħtieġ li tiġi stabbilita l-identiċità ta' l-atti ppenalizzati mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet ta' l-Istati terzi. ADM stabbiliet li l-atti tagħha u l-akkordju ppenalizzat mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet ta' l-Istati terzi jikkonċernaw preċiżament l-istess akkordju dinji.

42     Rigward l-ewwel parti tat-tielet motiv invokat mir-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni li, fis-sentenza Boehringer Mannheim vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, ma ġietx deċiża l-kwistjoni jekk din l-istituzzjoni hijiex obbligata li tieħu in kunsiderazzjoni piena imposta mill-awtoritajiet ta' Stat terz fil-każ meta l-fatti allegati kontra intrapiża minn din l-istituzzjoni u mill-imsemmija awtoritajiet huma identiċi. Hija tqis li hemm raġunijiet tajba sabiex tikkunsidra li l-prinċipju ta' dritt naturali invokat fis-sentenzi tat-13 ta' Frar 1969, Wilhelm et (14/68, Ġabra p. 1), u Boehringer Mannheim vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, hija applikabbli biss fl-Unjoni Ewropea. Il-qrati kollha ta' l-Unjoni Ewropea għandhom, f'kull każ, f'dak li jirrigwarda d-dritt dwar il-kompetizzjoni, ikunu konformi mal-ġurisprudenza prevalenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, u l-kompetenzi ta' dawn l-Istati kif ukoll dawk ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji jikkoinċidu. Ma teżisti la rabta u lanqas koinċidenza ta' din is-sura bejn l-Istati Uniti ta' l-Amerka u l-Komunità Ewropea.

43     Rigward it-tieni parti tat-tielet motiv invokat mir-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza stabbiliet, billi għamlet referenza għas-sentenza Boehringe Mannheim vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, li l-awtoritajiet Komunitarji u Amerikani kienu jinteressaw ruħhom fl-aġir adottat mill-membri ta' l-akkordju fuq it-territorji rispettivi. F'din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn l-akkordji li taw lok għal akkordju u l-implementazzjoni ta' dan fuq it-territorji differenti.

44     Rigward it-tielet parti tat-tielet motiv, il-Kummissjoni ssostni li ADM qrat b'mod żbaljat il-punt 103 tas-sentenza kkontestata. Il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-fatt ittrattat il-kwistjoni jekk l-akkużi ta' l-Istati Uniti u tal-Kanada kinux jikkonċernaw aġir identiku għal dak ippenalizzat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

45     Il-Kummissjoni tqis li, sakemm il-fatti li dwarhom sar ilment mill-awtoritajiet Komunitarji u Amerikani m'għandhomx l-istess għan u l-istess post territorjali, huma mhux ikkunsidrati bħala identiċi. Il-fatti li dwarhom sar ilment mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet Amerikani mhumiex identiċi u xejn ma kien jippermetti lil ADM li tagħti x'tifhem li dawn ta' l-aħħar kien biħsiebhom jippenalizzawha għall-implementazzjoni ta' l-akkordju fi ħdan iż-ŻEE.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv

46     Hekk kif iċċarawh waqt is-seduta, ir-rikorrenti ma jinvokawx il-prinċipju ta' ne bis in idem bħala tali. Għaldaqstant huma ma jallegawx li l-Kummissjoni ħadet żball meta bdiet l-proċedimenti jew li ma kellhiex is-setgħa li timponi ammenda. Ir-rikorrenti jsostnu pjuttost li jeżisti, fil-prinċipji elementari tal-ġustizzja, korollarju tal-prinċipju ne bis in idem, li jipprovdi li l-pieni konkorrenti li jikkonċernaw l-istess fatti għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni.

47     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar b'mod preliminari li, fil-kuntest ta' l-appell, l-għan ta' l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa, minn naħa, li teżamina safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza ħadet in kunsiderazzjoni, b'mod ġuridikament korrett, il-fatturi essenzjali kollha sabiex tiġi evalwata l-gravità ta' aġir partikolari fid-dawl ta' l-Artikoli 81 KE u 15 tar-Regolament Nru 17 u, min-naħa l-oħra, li tivverifika jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza wieġbitx suffiċjentement kif mitlub mil-liġi għall-argumenti kollha invokati mir-rikorrent li jitolbu t-tneħħija jew it-tnaqqis ta' l-ammenda (is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 244 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48     Fil-każ in eżami, il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punt 98 tas-sentenza kkontestata, osservat li mill-formulazzjoni tal-punt 3 tas-sentenza Boehringer Mannheim vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx fuq il-kwistjoni jekk il-Kummissjoni għandhiex l-obbligu li tieħu in kunsiderazzjoni piena imposta mill-awtoritajiet ta' Stat terz fil-każ meta l-fatti allegati kontra intrapriża minn din l-istituzzjoni u mill-imsemmija awtoritajiet ikunu identiċi, iżda li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet l-identiċità tal-fatti li dwarhom sar ilment mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet ta' Stat terz kundizzjoni meħtieġa minn qabel għall-istħarriġ li saret referenza għalih iktar 'il fuq.

49     F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim'Istanza m'għamlet ebda żball ta' dritt. Fil-fatt, fis-sentenza Boehringer Mannheim vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar din il-kwistjoni peress li ma kienx stabbilit li l-fatti allegati kontra r-rikorrenti mill-Kummissjoni, minn naħa, u mill-awtoritajiet Amerikani, min-naħa l-oħra, kienu identiċi.

50     Imbagħad, b'riferenza għall-punt 11 tas-sentenza Wilhelm et, iċċitata iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punt 99 tas-sentenza kkontestata, iddeċidiet li huwa fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari li tirriżulta, minn naħa, mill-interdipendenza fil-qrib tas-swieq nazzjonali ta' l-Istati Membri u tas-suq komuni u, min-naħa l-oħra, mis-sistema speċifika ta' tqassim tal-kompetenzi bejn il-Komunità u l-Istati Membri fil-qasam ta' akkordju fuq territorju identiku, dak tas-suq komuni, li l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li ammettiet il-possibbiltà ta' prosekuzzjoni doppja, fid-dawl ta' l-eventwali piena doppja li tirriżulta, ddeċidiet li hija meħtieġa l-kunsiderazzjoni ta' l-ewwel deċiżjoni repressiva hekk kif teħtieġ l-ekwità.

51     Fil-punt 100 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li tali sitwazzjoni mhix is-sitwazzjoni fil-każ in eżami u kkonkludiet li, fin-nuqqas ta' allegazzjoni ta' dispożizzjoni konvenzjonali espliċita li tipprovdi li l-Kummissjoni għandha l-obbligu, waqt l-iffissar ta' l-ammont ta' l-ammenda, li tieħu in kunsiderazzjoni pieni diġà imposti fuq l-istess intrapriża għall-istess fatt mill-awtoritajiet jew mill-qrati ta' Stat terz, bħalma huma l-Istati Uniti ta' l-Amerka jew il-Kanada, ir-rikorrenti ma jistgħux validament jakkużaw lill-Kummissjoni li naqset, fil-każ in eżami, minn dan l-allegat obbligu.

52     Anke li kieku dan ir-raġunament huwa żbaljat u l-piena imposta mill-awtoritajiet ta' Stat terz tkun element tali li jidħol fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi in kwistjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont ta' l-ammenda, l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni ta' l-ammendi diġà imposti fi Stati terzi ma jistax jirnexxi ħlief jekk il-fatti allegati kontra ADM mill-Kummissjoni, minn naħa, u l-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti u tal-Kanada, min-naħa l-oħra, jkunu identiċi.

53     Il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punti 101 sa 103 tas-sentenza kkontestata, eżaminat, sussidjarjament, jekk ir-rikorrenti ġabux prova ta' tali identiċità. Għaldaqstant għandhom jiġu eżaminati l-partijiet l-oħra tat-tielet motiv, li jirreferu għal dawn il-punti.

54     F'dak li jikkonċerna l-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, li ġie invokat ukoll mir-rikorrenti, fil-kuntest ta' l-ewwel parti tat-tielet motiv, mhuwiex rilevanti fil-kuntest in kwistjoni.

–       Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv

55     Rigward l-osservazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li l-prova li l-fatti allegati kontra ADM mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti u tal-Kanada huma identiċi ma ġietx stabbilita, ir-rikorrenti jinvokaw, l-ewwel nett, żnaturazzjoni ta' l-elementi ta' prova. Huma jsostnu li l-fatt li l-ksur li jikkonċerna l-lisina u l-aċidu ċitriku jiddistingwi ruħu wieħed mill-ieħor jirriżulta mid-dokumenti dwar il-ftehim ġudizzjarju kemm fl-Istati Uniti u kif ukoll fil-Kanada, Stati li fihom il-ksur huwa kwalifikat bħala att ta' akkuża kriminali differenti kontra ADM. La dawn id-dokumenti u lanqas ebda element ieħor ma jagħti x'jaħseb li l-akkordji distinti in kwistjoni jaqgħu taħt "sett aktar wiesa' ta' akkordji u prattiċi miftiehma".

56     Madankollu, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma qisitx li l-ksur li jikkonċerna rispettivament il-lisina u l-aċidu ċitriku ma jiddistingwixxix ruħu wieħed mill-ieħor. Fil-bidu tal-punt 103 tas-sentenza kkontestata, hija ċertament qajjmet dubji dwar il-kwistjoni jekk il-kundanna rigward l-akkordju fuq il-lisina tistax tiġi kkunsidrata bħala distinta minn dik dwar l-akkordju fuq l-aċidu ċitriku. Madankollu, hija ssupponiet li hekk kien il-każ.

57     Minkejja li l-Qorti tal-Prim'Istanza qieset li l-akkużi fl-Istati Uniti u fil-Kanada kienu jirreferu għal sett aktar wiesa' ta' akkordji u prattiċi miftiehma, ma jistax jiġi sostnut li din il-qorti żnaturat l-elementi ta' prova. Ir-referenza għall-"akkużi fl-Istati Uniti u fil-Kanada [li] kienu jirreferu għal sett aktar wiesa' ta' akkordji u prattiċi miftiehma" li tidher fil-punt 102 tas-sentenza kkontestata għandha tinqara fid-dawl tal-punt 5 tas-sentenza Boehringer Mannheim vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, fejn issir referenza għal "sett aktar wiesa'" u għal liema l-Qorti tal-Prim'Istanza rreferiet fil-punt ta' qabel. Għaldaqstant hija għandha tinftiehem fis-sens li l-imsemmija akkużi jirrigwardaw ukoll l-aġir rigward l-aċidu ċitriku, li mhuwiex in kwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

58     L-ilment ibbażat fuq żnaturazzjoni ta' l-elementi ta' prova għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

59     Ir-rikorrenti mbagħad jinvokaw il-fatt li l-Qorti tal-Prim'Istanza skartat, mingħajr motivazzjoni, il-provi supplimentari pprovduti minnhom rigward l-identiċità tal-proċedimenti, u b'hekk kisret l-Artikolu 36 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

60     Għandu jiġi mfakkar f'dan ir-rigward li l-obbligu li tagħti motivazzjoni għas-sentenzi li huwa impost fuq il-Qorti tal-Prim'Istanza taħt l-Artikolu 36 u l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 53, ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jeżiġix li l-Qorti tal-Prim'Istanza tipprovdi preżentazzjoni li ssegwi għal kollox u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha sostnuti mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista' għaldaqstant tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lil dawk ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom il-miżuri in kwistjoni ttieħdu u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta' Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00, C-211/00 p, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 372).

61     Rigward il-provi addizzjonali ppreżentati minn ADM, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma kisritx l-obbligu ta' motivazzjoni li huwa impost fuqha. Il-motivazzjoni tagħha tistrieħ fuq il-premessa li, sabiex tiġi stabbilita l-identiċità tal-fatti allegati, ir-rikorrenti kellhom jistabbilixxu jekk l-akkużi ddikjarati fl-Istati Uniti u fil-Kanada kinux jirreferu għal applikazzjonijiet jew effetti ta' l-akkordju-li mhumiex dawk li seħħew f'dawn l-Istati u, b'mod partikolari, fiż-ŻEE. Meta kkonstatat li dan ma ġiex stabbilit, il-Qorti tal-Prim'Istanza b'mod impliċitu ddeskriviet bħala insuffiċjenti fir-rigward ta dan il-kriterju l-elementi ta' prova addizzjonali ppreżentati mir-rikorrenti.

62     Għaldaqstant l-ilment ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 36 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jintlaqa'.

63     Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li, peress li, fin-nota ta' l-osservazzjonijiet tagħhom u fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ammettiet li l-fatti ppenalizzati fil-kuntest ta' proċeduri implementati fl-Istati terzi kienu preċiżament l-istess bħal dawk ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, din kellha tagħtihom il-possibbiltà li jiġu mismugħa f'dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni kontrarja.

64     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, ċertament, indikat li l-ksur imwettaq fiż-ŻEE kien jirriżulta mill-eżistenza ta' akkordju dinji. Minkejja li għamlet dan, il-Kummissjoni ma rrikonoxxitx l-identiċità tal-fatti allegati kontra r-rikorrenti minnha nfisha, minn naħa, u mill-awtoritajiet ta l-Istati Uniti u tal-Kanada, min-naħa l-oħra.

65     Fil-fatt, mill-punt 183 tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni takkuża lil ADM u lill-intrapriżi l-oħra msemmija f'din id-deċiżjoni li kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-ftehim ŻEE nkwantu, fiż-ŻEE u fil-kuntest ta' akkordju, huma ffissaw il-prezzijiet tal-lisina, kkontrollaw l-offerta u qassmu bejniethom volumi ta' bejgħ u li skambjaw informazzjonijiet fuq il-volumi ta' bejgħ tagħhom sabiex jikkontrollaw l-osservazzjoni tal-kwotas ta' bejgħ li kienu ftiehmu fuqhom. Fil-punt 311 tal-motivi ta' l-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni osservat li, skond informazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet ta' l-Istati Uniti u tal-Kanada, l-ammendi kriminali imposti fuq l-intrapriżi msemmija f'din id-deċiżjoni ħadu biss in kunsiderazzjoni l-effetti anti-kompetittivi li l-akkordju eżaminat fl-imsemmija deċiżjoni kien ħoloq fit-territorju ta' kompetenza ta' dawn il-qrati.

66     Minn dan jirriżulta li, għall-Kummissjoni, din kienet tirrigwarda implementazzjoni ta' akkordju f'territorji differenti. Għaldaqstant, l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni kienu ppermettew lir-rikorrenti li jsostnu b'mod effettiv l-opinjoni tagħhom f'dan ir-rigward.

67     Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq ksur tad-dritt ta' smigħ mhuwiex fondat.

–       Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv

68     Il-punt 103 tas-sentenza kkontestata tidħol fl-analiżi tal-Qorti tal-Prim'Istanza rigward l-identiċità tal-fatti allegati.

69     F'dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, meta piena imposta fl-Istat terz tirreferi biss għall-implementazzjoni jew l-effetti ta' l-akkordju fis-suq ta' dan l-Istat u l-piena Komunitarja tirrigwarda biss l-implementazzjoni jew l-effetti tiegħu fis-suq Komunitarju, l-identiċità tal-fatti ma teżistix.

70     Minkejja li l-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punt 103 tas-sentenza kkontestata, tenfasizza li l-ammendi in kwistjoni ġew ikkalkulati skond fatturati miksuba rispettivament fl-Istati Uniti u fil-Kanada, dan kien sabiex issostni l-konklużjoni li l-ammendi kellhom l-għan li jippenalizzaw l-implementazzjoni ta' l-akkordju f'dawn it-territorji, u mhux f'dak taż-ŻEE.

71     Skond il-Qorti tal-Prim'Istanza, ADM ma stabbilietx li, lil 'hinn mill-implementazzjoni jew l-effetti ta' l-akkordju in kwistjoni li seħħet rispettivament fl-Istati Uniti u fil-Kanada, il-pieni imposti f'dawn l-Istati kienu jirreferu għal implementazzjoni jew effetti ta' dan l-akkordju fiż-ŻEE.

72     L-ilment ewlieni mqajjem mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tielet parti tat-tielet motiv għaldaqstant mhuwiex fondat.

73     Sussidjarjament, huma jsostnu li l-Kummissjoni hija fl-obbligu li tieħu in kunsiderazzjoni ammendi mħallsa lil awtoritajiet oħra u kkalkulati skond il-fatturat fl-Istati Uniti u fil-Kanada, hemm fejn, bħal fil-każ in kwistjoni, il-Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni l-fatturat dinji tar-rikorrenti għal-lisina sabiex tikkalkula l-ammenda li timponilhom. Billi tagħmel hekk, din l-istituzzjoni tikkalkula l-imsemmija ammenda skond il-fatturat tar-rikorrenti fl-Istati li fihom dawn diġà ħallsu ammenda, billi żżidu mal-fatturat tagħhom fis-suq taż-ŻEE.

74     Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata, il-fatturat dinji ġie użat biss sabiex jitqabblu d-daqs relattiv ta' l-intrapriżi kkonċernati sabiex tittieħed in kunsiderazzjoni l-kapaċità effettiva ta' l-imsemmija intrapriżi li jagħmlu ħsara kunsiderevoli fis-suq tal-lisina fiż-ŻEE.

75     Dan l-ilment, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud.

76     Minħabba li l-ilmenti kollha mqajma mir-rikorrenti, kontra l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza li huma ma stabbilixxewx l-identiċità tal-fatti allegati, mhumiex fondati, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba' motiv, ibbażat fuq ksur ta l-obbligu ta' motivazzjoni

77     Ir-raba' motiv huwa maqsum f'żewġ partijiet.

78     Permezz ta' l-ewwel parti ta' dan il-motiv, li jirreferi għall-punti 85 sa 94 tas-sentenza kkontestata, ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti tal-Prim'Istanza kisret l-Artikolu 36 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja meta qieset li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tieħu in kunsiderazzjoni l-ammendi mħallsa minnhom fi Stati terzi, minkejja li l-ammenda imposta mill-Kummissjoni hija skond, b'mod partikolari, il-fatturat dinji tagħhom u li, għaldaqstant, ir-rikorrenti huma ppenalizzati skond il-fatturat tagħhom fi Stati li fihom kienu diġà ġew ikkundannati għal ammendi.

79     Permezz tat-tieni parti tar-raba' motiv tagħhom, li tirreferi għall-punti 198 sa 206 tas-sentenza kkontestata, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Qorti tal-Prim'Istanza li kisret l-Artikolu 36 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja meta kkonstatat li l-ammenda hija raġonevoli minkejja n-nuqqas tal-Kummissjoni li twettaq l-obbligu tagħha li tieħu in kunsiderazzjoni l-fatturat ta' dawn ir-rikorrenti għal-lisina fiż-ŻEE.

80     Rigward l-eżiġenzi inerenti fl-obbligu ta' motivazzjoni li għandha l-Qorti tal-Prim'Istanza, għandha ssir referenza għall-punt 60 tas-sentenza preżenti.

81     Fil-każ in eżami, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza hija, rigward iż-żewġ aspetti in kwistjoni, immotivata biżżejjed. Minn naħa, il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punti 85 sa 103 tas-sentenza kkontestata, tat motivazzjoni dettaljata tal-konklużjoni tagħha li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tieħu in kunsiderazzjoni ammendi mħallsa minn ADM fi Stati terzi. Min-naħa l-oħra, fil-punti 198 sa 206 tas-sentenza kkontestata, hija esponiet il-motivi tagħha għar-rifjut ta' l-argumentazzjoni tar-rikorrenti li l-ammenda kienet sproporzjonata meta mqabbla mal-fatturat miksub minn dawn fis-suq tal-lisina fiż-ŻEE.

82     Għaldaqstant, ir-raba' motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żnaturazzjoni ta' l-elementi ta' prova

83     Permezz tal-ħames motiv tagħhom, li jirreferi għall-punti 142 sa 171 tas-sentenza kkontestata, ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti tal-Prim'Istanza żnaturat l-elementi ta' prova billi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet ippruvat l-eżistenza ta' impatt ekonomiku.

84     B'mod aktar speċifiku, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Qorti tal-Prim'Istanza li tat żnaturat l-elementi ta' prova meta kkonkludiet li l-Kummissjoni ppruvat kif titlob il-liġi li l-prezzijiet kienu ogħla milli kienu jkunu fin-nuqqas ta' kollużjoni. L-elementi ta' prova tal-Kummissjoni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat l-eżistenza tagħhom fil-punti 154 sa 160 tas-sentenza kkontestata, juru biss livelli ta' prezzijiet effettivi, mingħajr ma ġew eżaminati l-livelli ta' prezzijiet li probabbilment kien ikun hemm fin-nuqqas ta' akkordju.

85     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta' żnaturazzjoni ta' l-elementi ta prova mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, kwistjoni ta' dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta' Ġunju 2001, Moccia Irme et vs Il-Kummissjoni, C-280/99 P sa C-282/99 P, Ġabra p. I-4717, punt 78).

86     Issa, ir-rikorrenti ma stabbilixxewx li saret żnaturazzjoni ta' elementi ta' prova. Il-kritika mressqa minnhom kontra r-raġunament segwit mill-Qorti tal-Prim'Istanza mhix fondata. Hekk kif l-Avukat Ġenerali osserva fil-punt 124 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta kemm mill-qari tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mis-sentenza kkontestata li l-Kummissjoni pprovdiet serje ta' elementi ta' prova fuq iż-żieda tal-prezzijiet ikkawżata mill-akkordju u li dawn l-elementi ġew eżaminati b'mod dettaljat mill-Qorti tal-Prim'Istanza. Billi rrifjutat l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex juru li ma ġiex ipprovat li l-prezzijiet applikati kienu ogħla minn dawk li kieku kienu jiġu ppratikati fil-kuntest ta' oligopolija li jkun hemm fin-nuqqas ta' ksur, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma ddeduċietx elementi ta' prova, li huma kjarament ma jgħidux.

87     Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju li jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tosserva r-regoli li hija imponiet fuqha nfisha

88     Permezz tas-sitt motiv tagħhom, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Qorti tal-Prim'Istanza li, fil-punti 191 sa 206 tas-sentenza kkontestata, kisret il-prinċipju li jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tosserva r-regoli li hija imponiet fuqha nfisha.

89     Il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li l-Kummissjoni kienet ħadet in kunsiderazzjoni biss il-fatturat totali tar-rikorrenti għal-linji kollha ta' prodotti u l-fatturat dinji għal-lisina billi stabbiliet l-ammont ta' tluq u li, għaldaqstant, hija naqset mill-obbligu tagħha li tieħu in kunsiderazzjoni l-fatturat rilevanti. Minkejja n-nuqqas ta' osservazzjoni mill-Kummissjoni tal-linji gwida tagħha stess, il-Qorti tal-Prim'Istanza qieset li l-ammenda kienet legali minħabba li ma kisritx il-prinċipju ta' proporzjonalità. Il-Qorti tal-Prim'Istanza mhix intitolata, ta' l-inqas mingħajr ma tesponi l-motivi tagħha, li tippermetti lill-Kummissjoni li tikser il-linji gwida. Li tippermetti lill-Kummissjoni li tikser il-linji gwida bil-kundizzjonijiet waħdanien ta' l-eżiġenzi tal-proporzjonalità jfisser li jinħoloq preġudizzju għall-prinċipji ta' ċertezza legali u ta' amministrazzjoni tajba kif ukoll li tiġi eżerċitata diskriminazzjoni bejn ir-rikorrenti u intrapriżi oħra li għalihom il-linji gwida huma debitament applikati.

90     Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tuża l-metodu espost fil-linji gwida rigward l-ammendi, billi tieħu in kunsiderazzjoni l-fatturat ta' ADM rilevanti, sabiex tiffissa l-livell korrett ta' l-ammendi. Billi naqset mill-obbligu tagħha f'dan is-sens, hija kisret il-prinċipju li jipprovdi li l-Kummissjoni kellha tosserva r-regoli li hija imponiet fuqha nfisha.

91     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, minkejja li regoli ta' kondotta bil-għan li joħolqu effetti esterni, bħalma huwa l-każ tal-linji gwida li jirreferu għal operaturi ekonomiċi, ma jistgħux jiġu deskritti bħala regoli ta' dritt li fir-rigward tagħhom l-amministrazzjoni għandha, f'kull każ, l-obbligu li tosserva, huma jipprovdu regola ta' kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi adottata li l-amministrazzjoni ma tistax tinjora, f'każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li huma kompatibbli mal-prinċipju ta' trattament ugwali (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 209 u 210).

92     Il-Qorti tal-Prim'Istanza ma tistax tiġi akkużata li awtorizzat lill-Kummissjoni li tapplika l-linji gwida b'mod żbaljat. Fil-fatt, wara li, fil-punt 197 tas-sentenza kkontestata, iddeċidiet li, billi bbażat ruħha fuq il-fatturat dinji ta' ADM mingħajr ma ħadet in kunsiderazzjoni l-fatturat tagħha fis-suq tal-lisina fiż-ŻEE, il-Kummissjoni kisret ir-raba' u s-sitt paragrafi tal-punt 1 A tal-linji gwida, il-Qorti tal-Prim'Istanza nfisha evalwat in-natura adattata ta' l-ammont ta' l-ammenda.

93     Madankollu, meta, f'każ fejn element għall-evalwazzjoni tal-ksur in kwistjoni ma jkunx ġie debitament meħud in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat ksur tal-linji gwida u kkunsidrat il-kawża fil-kuntest tas-setgħa sħiħa tagħha ta' ġurisdizzjoni, il-prinċipji ta' ugwaljanza u ta' ċertezza legali jeħtieġu li hija obbligata tivverifika l-ewwel nett, billi tieħu in kunsiderazzjoni l-imsemmija element, jekk l-ammenda tibqax madankollu fil-kuntest kostitwit mill-imsemmija linji gwida. Il-prinċipju ta' proporzjonalità japplika biss wara tali evalwazzjoni.

94     Għaldaqstant il-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball ta' dritt billi applikat il-kriterju waħdani ta' proporzjonalità

95     Issa, hija impliċita fl-evalwazzjoni, magħmula fil-punti 203 sa 205 tas-sentenza kkontestata, tal-fatturat ta' ADM li ġej mill-bejgħ tal-lisina fiż-ŻEE li, kieku l-Kummissjoni applikat korrettament il-linji gwida billi ħadet in kunsiderazzjoni dan il-fatturat, ir-riżultat ta' l-iffissar ta' l-ammenda ma kienx ikun differenti.

96     Is-sitt motiv għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

 Fuq is-seba' motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

 Argumentazzjoni tar-rikorrenti

97     Permezz tas-seba' motiv tagħhom, ir-rikorrenti jakkużaw lill-Qorti tal-Prim'Istanza li kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità hekk kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Qorti tal-Prim'Istanza. Fil-fatt, fil-punti 199 sa 202 tas-sentenza kkontestata, hija rrifjutat, b'mod żbaljat, l-argument li l-prinċipju ta' proporzjonalità jeżiġi l-eżistenza ta' ċerta rabta bejn l-ammenda u l-fatturat rilevanti u li minnu jirriżulta li ammenda ta' 115% ta' l-imsemmi fatturat, kif inhi f'din il-kawża, hija sproporzjonata. Għall-kalkolu tagħhom, ir-rikorrenti bbażaw ruħhom fuq il-fatturat miksub minnhom fis-suq tal-lisina fiż-ŻEE matul l-aħħar sena ta' ksur.

98     Huma jqisu li, b'mod differenti minn dak li l-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, fil-punt 200 tas-sentenza kkontestata, is-sentenza tas-16 ta' Novembru 2000, KNP BT vs Il-Kummissjoni (C-248/98 P, Ġabra p. I-9641), tinkludi prinċipju ta' implementazzjoni ġenerali, jiġifieri li l-piena għandha tkun proporzjonata ma' l-importanza ta' l-intrapriża fis-suq tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur.

99     Ir-rikorrenti jsostnu li l-fatti ta' din il-kawża huma identiċi għal dawk tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta Lulju 1994, Parker Pen vs Il-Kummissjoni (T-77/92, Ġabra II-549), li fiha l-Qorti tal-Prim'Istanza naqqset l-ammenda minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet biżżejjed in kunsiderazzjoni l-fatturat rilevanti. Il-fatt li, fil-kawża Parker Pen vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, hija l-ammenda finali li ġiet imnaqqsa, u mhux l-ammont ta' tluq ta' l-ammenda kkalkulat skond il-gravità mhix rilevanti. Ma kienx hemm kalkolu separat ta' l-ammont ta' tluq fl-imsemmija kawża. Barra minn hekk, l-ammenda imposta fuq ir-rikorrenti hija sproporzjonata meta mqabbla mal-fatturat rilevanti, sew jekk tittieħed in kunsiderazzjoni l-ammenda finali, sew jekk jittieħed in kunsiderazzjoni l-ammont ta' tluq minħabba l-gravità.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

100   Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa permess, fid-dawl ta' l-iffissar ta' l-ammenda, li jittieħdu in kunsiderazzjoni kemm il-fatturat globali ta' l-intrapriża li huwa ħjiel, minkejja li huwa approssimattiv u mhux komplut, tad-daqs ta' din u tas-saħħa ekonomika tagħha kif ukoll tal-parti minn dan il-fatturat li ġejja mill-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur u li għaldaqstant huwa tali li jagħti ħjiel tal-gravità tiegħu. Ma għandha tingħata la lil wieħed u lanqas lill-ieħor minn dawn il-fatturati importanza sproporzjonata meta mqabbla ma' l-elementi l-oħra ta' evalwazzjoni u, għaldaqstant, l-iffissar ta' ammenda adattata ma tistax tkun ir-riżultat ta' sempliċi kalkolu bbażat fuq il-fatturat globali. Dan huwa b'mod partikolari l-każ meta l-merkanzija kkonċernata tirrapreżenta biss parti żgħira ta' dan il-fatturat (is-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 121, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 243).

101   Min-naħa l-oħra, id-dritt Komunitarju ma jinkludix il-prinċipju ta' implementazzjoni ġenerali li jipprovdi li l-piena għandha tkun proporzjonata ma' l-importanza ta' l-intrapriża fis-suq tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur.

102   Fil-punt 200 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrifjutat l-argumentazzjoni tar-rikorrenti fit-termini li ġejjin:

"[…] Jirriżulta, fil-fatt, mill-ġurisprudenza li l-limitu stabbilit mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, b'riferenza għall-fatturat globali ta' l-intrapriza, għandu preċiżament l-għan li jevita li l-ammendi jkunu sproporzjonati meta mqabbla ma' l-importanza ta' din l-intrapriża (is-sentenza Musique [D]iffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 119). Sakemm l-ammont ta' l-ammenda finali ma jaqbiżx 10 % tal-fatturat globali ta' ADM matul l-aħħar sena ta' ksur, hija ma tistax titqies bħala sproporzjonata minħabba l-fatt waħdieni li hija taqbeż il-fatturat miksub fis-suq ikkonċernat. Għandu jiġi osservat li r-rikorrenti għamlu riferenza għas-[sentenza KNP BT vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 61], li fiha [il-Qorti tal-Ġustizzja] enfasizzat, b'mod inċidentali, li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 […] għandu l-għan li jiggarantixxi li l-piena tkun proporzjonata ma' l-importanza ta' l-intrapriża fis-suq tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur'. Minbarra l-fatt li, fil-punt 61 tas-sentenza msemmija iktar 'il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi espliċitament, bħala referenza, il-punt 119 tas-sentenza Musique [D]iffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, għandu jiġi enfasizzat li l-formulazzjoni in kwistjoni, li mhix ripetuta fil-ġurisprudenza sussegwenti, tidħol fil-kuntest partikolari tal-kawża li tat lok għas-sentenza KNP BT vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq. F'dan il-każ, ir-rikorrenti takkuża, fil-fatt, lill-Kummissjoni li ħadet in kunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ intern fil-grupp għall-finijiet ta' l-iffissar tal-partijiet tagħha tas-suq, dak li madankollu ġie meqjus bħala validu mill-Qorti tal-Ġustizzja għar-raġuni msemmija iktar 'il fuq. Għaldaqstant, ma jistax jiġi dedott li l-piena imposta fuq ADM hija sproporzjonata." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

103   Din il-motivazzjoni mhix ivvizzjata bi żball ta' dritt.

104   Rigward is-sentenza Parker Pen vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, jirriżulta mill-punt 94 li l-Qorti tal-Prim'Istanza applikat biss ir-regoli msemmija fil-punt 121 tas-sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, u ripetuti fil-punt 100 ta' din is-sentenza.

105   Barra minn hekk, mhix il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta tiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta' dritt fil-kuntest ta' appell, li tissostitwixxi, għal raġunijiet ta' ekwità, l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tiddeċiedi, fl-eżerċizzju ta' ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, fuq l-ammont ta' l-ammendi imposti fuq intrapriżi minħabba ksur li huma wettqu tad-dritt Komunitarju (is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 245 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106   Għaldaqstant is-seba' motiv għandu jiġi miċħud.

107   Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

108   Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta' Appell skond l-Artikolu 118 ta' l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li ADM Company u ADM Ingredients tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Archer Daniels Midland Co. u Archer Daniels Midland Ingredients Ltd għandhom ibatu l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.