SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

7 ta’ Lulju 2005(*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu –Direttiva 84/360/KEE – Tniġġis fl-arja – Impjanti industrijali – Ċentrali ta' l-elettriku"

Fil-kawża C-364/03,

li għandha bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-22 ta’ Awwissu 2003,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn G. Valero Jordana u M. Konstantinidis, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn E. Skandalou, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, R. Silva de Lapuerta, R. Schintgen (Relatur), P. Kūris u G. Arestis, Imħallfin

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-10 ta’ Marzu 2005,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema' l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Bir-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Kommunitajiet Ewropej qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi la ddefiniet il-politika u lanqas strateġiji sabiex tadatta progressivament t-turbini bl-istim u bil-gass taċ-ċentrali ta' l-elettriku tal-kumpannija Dimosia Epicheirisi Ilektrismou (impriża pubblika ta' l-elettriku, iktar 'il quddiem id-"DEI") għall-aqwa teknoloġija disponibbli, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi li għandha bis-saħħa ta' l-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-Kunsill 84/360/KEE, tat-28 ta' Ġunju 1984, dwar il-ġlieda kontra t-tniġġis fl-arja mill-impjanti industrijali (ĠU L 188, p. 20)

 Il-kuntest ġuridiku

2       Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 84/360:

"Il-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jipprovdi iktar miżuri u proċeduri ddisinjati sabiex jipprevjienu jew inaqqsu t-tniġġis ta’ l-arja mill-impjanti industrijali ġewwa l-Komunità, b’mod partikolari dawk li jappartjienu għall-kategoriji dikjarati f’L-Anness I."

3       Fost il-kategoriji ta' impjanti industrijali elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 84/360, jinsaba fil-punt 1.4 ta' dan l-Anness, l-industriji ta' l-enerġija li jinkludu l-istazzjonijiet tal-qawwa termali, għajr l-istazzjonijiet nukleari, u l-istallazzjonijiet l-oħra tal-kombustjoni bi ħruġ nominali ta' sħana ta' aktar minn 50 MW.

4       Skond l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 84/360, tniġġis fl-arja jfisser, "it-tidħil mill-bniedem, direttament jew indirettament, ta' sustanzi jew ta' enerġija fl-arja li jirriżultaw f'effetti ta' ħsara ta' natura hekk li jipperikolaw saħħet il-bniedem, jagħmlu ħsara lill-organiżmi ħajjin u lill-eko-sistemi u lill-proprjetà materjali jew li jfixklu l-amenitajiet u l-użi leġittimi oħra ta' l-ambjent".

5       Skond l-Artikolu 2(3) ta' l-imsemmija Direttiva, "impjant eżistenti" huwa impjant li kien jaħdem qabel l-1 ta' Lulju 1987 jew mibni jew awtorizzat qabel din id-data.

6       L-Artikolu 3 ta' l-imsemmija Direttiva jipprovdi dan li ġej:

"1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżguraw illi x-xogħol ta’ l-impjanti li jappartijienu għall-kategoriji elenkati f’l-Anness I ikunu jeħtieġu awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti. Il-ħtieġa li jiġu sodisfatti l-ħtiġiet stabbiliti għal din l-awtorizzazzjoni trid titqies fl-istadju tad-disinn ta’ l-impjant.

2. L-awtorizzazzjoni tinħtieġ ukoll fil-każ ta’ bdil sostanzjali fl-impjanti kollha li jappartjienu għall-kategoriji elenkati f’L-Anness I jew li, bħala riżultat tal-bdil, iridu jidħlu f’dawn il-kategoriji.

3. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu illi kategoriji oħra ta’ impjanti jkunu bla ħsara għal awtorizazzjoni jew, fejn il-leġislazzjoni nazzjonali hekk tipprovdi, għal notifika minn qabel."

7       L-Artikolu 8 tad-Direttiva 84/360 jistabbilixxi li:

"1. Il-Kunsill, huwa u jaġixxi bl-unanimità fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiffissa jekk meħtieġ, valuri tal-limitu għall-emissjonijiet imsejsa fuq l-aħjar teknoloġija disponibbli li ma twassalx għal spejjeż eċċessivi u filwaqt li jqis in-natura, il-kwantitajiet u l-ammont ta’ ħsara ta’ l-emissjonijiet involuti.

2. Il-Kunsill, huwa u jaġixxi bl-unanimità fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jistabbilixi l-metodi u l-metodi tat-teknika xierqa tal-kejl u ta’ l-istima."

8       L-Artikolu 13 tad-Direttiva 84/360 jipprovdi li:

"Fid-dawl ta’ l-eżaminazzjoni ta’ l-iżviluppi rigward l-aħjar teknoloġija disponibbli u s-sitwazzjoni ta’ l-ambjent, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw politiki u strateġiji, inklużi miżuri approprjati, sabiex bil-mod il-mod jaddattaw l-aħjar teknoloġija disponibbli ta’ l-impjanti eżistenti li jappartjienu għall-kategoriji mogħtija f’L-Anness I, filwaqt li jqisu b’mod partikolari:

–       il-karatteristiċi tekniċi ta’ l-impjant,

–       ir-rata ta’ l-utilizzazzjoni u t-tul tal-bqija tal-ħajja tiegħu,

–       in-natura u l-volum ta’ l-emissjonijiet ta’ tniġġis li joħorġu minnu,

–       ix-xewqa li ma jidħlux spejjeż eċċessivi għall-impjant interessat, filwaqt li titqies b'mod partikolari l-qagħda ekonomika ta' l-impriżi li jappartjenu għall-kategorija in kwestjoni."

9       Skond l-Artikolu 16(1) ta' l-imsemmija Direttiva:

"L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux iktar tard mit-30 ta’ Ġunju 1987. Huma għandhom jinfurmaw mall-ewwel lill-Kummissjoni."

 Il-kuntest fattwali tar-rikors u l-proċedura prekontenzjuża

10     Iċ-ċentrali tinkludi sitt unitajiet ta' turbini bl-istim, żewġ unitajiet ta' turbini tal-gass u erba' unitajiet ta' turbini bid-diżil. Filwaqt li l-ewwel tmien unitajiet ġew installati bejn l-1965 u 1974, l-istallazzjoni ta' l-aħħar erba' unitajiet ġiet awtorizzata fl-1986.

11     F'dan il-każ, hemm qbil li ċ-ċentrali tagħmel parti mill-impjanti ta' kombustjoni bi sħana nominali kalorifika ta' aktar minn 50 MW li jaqgħu taħt l-Anness I, punt 1.4, tad-Direttiva 84/360, li hija suġġetta għas-sistema ta' kontroll definita fl-Artikolu 3(1) tagħha u li tammonta għal stallazzjoni eżistenti fis-sens ta' l-Artikolu 2(3) ta' din id-Direttiva.

12     Peress li rċeviet ilment dwar tniġġis ambjentali kkawżat miċ-ċentrali, il-Kummissjoni, b'ittra tat-12 ta' Mejju 1998, talbet lill-awtoritajiet Elleniċi infomazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-funzjonament ta' din iċ-ċentrali filwaqt li għamlet referenza, b'mod partikolari, għall-obbligi li jirriżultaw mid-Direttiva 84/360.

13     Billi kkunsidrat li l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw l-awtorizzazzjoni minn qabel prevista fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 84/360 ma ġewx irrispettati, il-Kummissjoni, fl-1 ta' Frar 1999, bagħtet it-tieni ittra lill-awtoritajiet Elleniċi, fejn talbithom informazzjoni supplimentari dwar l-awtorizzazzjoni għal estensjoni taċ-ċentrali.

14     Billi kkunsidrat li, mit-tweġiba għal din l-ittra, kien jirriżulta li r-Repubblika Ellenika ma kinitx irrispettat l-obbligi li għandha taħt l-Artikoli 3 u 13 tad-Direttiva 84/360, il-Kummissjoni, fit-13 ta' April 2000, intimat lil dan l-Istat Membru sabiex jippreżentalha l-osservazzjonijiet tiegħu f'terminu ta' xahrejn.

15     B'ittri differenti, l-awtoritajiet Elleniċi, matul is-snin 2000 u 2001, għaddew lill-Kummissjoni informazzjoni dwar, b'mod partikolari, l-approvazzjoni ta' l-estensjoni taċ-ċentrali, id-Digriet Ministerjali Nru 46998, tal-5 ta' Ġunju 2000, li japprova studju ġdid ta' l-impatt ambjentali li sar minn DEI għall-impjanti kollha taċ-ċentrali, id-Digriet Ministerjali Nru 56512, tad-19 ta' Mejju 2001, li jemenda d-digriet ministerjali preċedenti u awtorizzazzjonijiet għall-operazzjoni ta' din iċ-ċentrali mogħtija fis-26 ta' Frar u s-27 ta' Lulju 2001.

16     Billi kkunsidrat li kien għad baqa' biss il-ksur ta' l-Artikolu 13 tad-Direttiva 84/360, il-Kummissjoni, b'ittra tal-21 ta' Marzu 2002, indirizzat opinjoni motivata lir-Repubblika Ellenika, li biha hija stednitha sabiex tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma' l-obbligi li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni f'terminu ta' xahrejn min-notifika ta' l-imsemmija opinjoni.

17     Billi ma kinitx konvinta li l-informazzjoni mgħoddija mill-awtoritajiet Elleniċi fl-ittri tagħhom ta' l-10 ta' Lulju u tat-13 ta' Novembru 2002 kienet ta' natura tali li ġġib in-nuqqas ta' twettiq ta' l-obbligu taħt l-Artikolu 13 tad-Direttiva 84/360 fi tmiem, il-Kummissjoni introduċiet dan ir-rikors.

 Fuq ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

18     Skond il-Kummissjoni, mill-informazzjoni kkomunikata mill-awtoritajiet Elleniċi matul il-proċedura prekontenzjuża kif ukoll matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li ċ-ċentrali taħdem b'teknoloġija dekrepita u li tniġġes, li ma tistax tiġi kkwalifikata bħala "[l]-aqwa teknoloġija disponibbli" fis-sens tad-Direttiva 84/360.

19     B'hekk, matul is-snin 1992 sa 2002, l-emissjonijiet taċ-ċentrali tad-dijossidu tal-kubrit u ta' l-ossidu tan-nitroġenu ma naqsux. Dawn l-emissjonijiet kienu jvarjaw bejn l-14.2 kilotunnellata (fl-1995) u s-16.3 kilotunnellata (fl-1999) għad-dijossidu tal-kubrit u bejn l-4.3 kilotunnellata (fl-1992, fl-1998 u fl-2000) u l-5 kilotunnellata (fl-1999) għall-ossidu tan-nitroġenu. Dawn kienu jirrappreżentaw kważi t-totalità kollha tad-dijossidu tal-kubrit u 50% ta' l-ossidu tan-nitroġenu emessi fi Kreta matul il-perijodu kkonċernat.

20     Fir-rigward tal-miżuri differenti li r-Repubblika Ellenika qed issostni li adottat sabiex tikkonforma ma' l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 84/360, il-Kummissjoni ssostni li dawn il-miżuri:

–       huma ta' natura ġenerali u għalhekk mhumiex relatati speċifikament maċ-ċentrali in kwistjoni, jew

–       ma ġabu l-ebda titjib rigward l-emissjoniet irreġistrati, jew ukoll

–       mhumiex mandatorji, jew ukoll

–       ma jikkostitwixxux miżuri ta' adattament għall-awqa teknoloġija disponibbli fis-sens ta' l-imsemmija direttiva.

21     Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-awtoritajiet Elleniċi ma stabbilixxew l-ebda valur limitu għall-emissjonijiet tad-dijossidu tal-kubrit u ta' l-ossidu tan-nitroġenu.

22     Għal li jikkonċerna l-argument tal-Gvern Elleniku li l-adattament taċ-ċentrali għall-aqwa teknoloġija disponibbli kienet twassal għal spejjeż eċċessivi għal DEI, il-Kummissjoni ssostni, min-naħa waħda, li dawn l-ispejjeż mhumiex l-uniku kriterju ta' adattament imsemmi fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 84/360 u, min-naħa l-oħra, li spejjeż bħal dawn għandhom jiġu kkunsidrati b'mod relattiv fid-dawl tas-snin li għaddew mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva. Barra minn dan, is-sitwazzjoni finanzjarja ta' l-imsemmija kumpannija, kif riflessa fil-bilanċ tas-sena finanzjarja 2002, ma kinitx ta' natura tali li tirrendi l-ispejjeż li jirriżultaw mit-titjib neċessarju għaċ-ċentrali eċċessivi.

23     Il-Gvern Elleniku, fl-ewwel lok, josserva li, sa l-adozzjoni tad-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta' Ottubru 2001, dwar il-limitazzjoni ta' l-emissjonijiet ta' ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (ĠU L 309, p.1) il-leġiżlazzjoni Komunitarja ma kinitx tipprevedi valuri limiti għall-emissjonijiet minn impjanti eżistenti tad-daqs ta' dawk in kwistjoni f'din il-kawża u li d-Direttiva 84/360 la fiha definizzjoni tal-kunċett "l-aqwa teknoloġija disponibbli" la terminu speċifiku għall-adattament progressiv ta' l-impjanti eżistenti għal teknoloġija bħal din u lanqas indikazzjoni dwar kif it-teknoloġiji differenti għandhom jiġu evalwati.

24     L-imsemmi Gvern, fit-tieni lok, jenfasizza li l-livell ta' tniġġis ikkawżat minn sors partikolari huwa ddeterminat mill-kontribuzzjoni ta' l-emissjonijiet minn dak is-sors fil-preżenza ta' tniġġis differenti fl-atmosfera fir-reġjun fejn dan is-sors ikun qiegħed u mill-volum ta' dawn l-emissjonijiet. Għaldaqstant sabiex jiġi evalwat l-adattament taċ-ċentrali kkonċernata għall-aqwa teknoloġija disponibbli, jeħtieġ li jsir riferiment għall-emissjonijiet speċifiċi (stmati f'g/kWh) li jikkaratterizzaw il-medja tat-tniġġis emess miċ-ċentrali fit-tul u mhux għall-emissjonijiet kkalkulati f'termini assoluti, jiġifieri l-kwantità ta' tunnellati emessa kull sena. Fil-fatt, il-livell ta' esplojtazzjoni u ż-żieda fid-daqs taċ-ċentrali jista' jkollhom influwenza fuq il-kwantità ta' dawn l-aħħar emissjonijiet u, għalhekk, dawn ma jkunux adatti sabiex ikunu jistgħu jinġibdu konklużjonijiet rigward l-istandard tat-teknoloġija użata.

25     Għal dak li jirrigwarda, b'mod aktar partikolari, iċ-ċentrali, il-Gvern Elleniku jenfasizza li l-produzzjoni ta' l-enerġija ta' din iċ-ċentrali żdiedet ħafna bejn l-1992 u l-2002. Madankollu, mid-data pprovduta minn DEI jirriżulta li l-emissjonijiet speċifiċi tad-dijossidu tal-kubrit ta' din iċ-ċentrali niżlu minn 18.0 g/kWh fl-1992 għal 13.0 g/kWh fl-2001 u li l-emissjonijiet ta' l-ossidu tan-nitroġenu niżlu minn 4.1 g/kWh fl-1998 għal 3.9 g/kWh fl-2001.

26     L-imsemmi Gvern, fit-tielet lok, isostni li, fil-kuntest ta' l-implementazzjoni ta' politika u ta' strateġija aktar ġenerali, ġew adottati miżuri partikolari li jadattaw iċ-ċentrali għall-aqwa teknoloġija disponibbli. B'hekk, b'mod partikolari:

–       bejn l-1993 u l-2002, il-kontenut massimu tal-kubrit fil-fjuwil ġie mnaqqas minn 4% għal 3%, jiġifieri tnaqqis ta' 25%;

–       l-użu taż-żjut karburanti b'kontenut ta' kubrit ta' kważi 13% inqas mil-limiti mfassla fuq livell nazzjonali rriżulta fi tnaqqis ta' l-emissjonijiet speċifiċi tad-dijossidu tal-kubrit ta' aktar minn 5 kg/MWH;

–       bejn l-1993 u l-2002, il-kontenut massimu tal-kubrit tad-diżil ġie mnaqqas, fuq livell nazzjonali, minn 0.5% għal 0.035% jiġifieri tnaqqis ta' 93%;

–       kien hemm tnaqqis ta' kważi 46% fil-proporzjon taż-żjut karburanti fil-produzzjoni ta' l-elettriku fi Kreta, b'żieda fil-proporzjon ta' l-elettriku prodott minn sorsi ta' l-enerġija li jiġġeddu u bi tnaqqis fl-użu ta' l-aktar turbini qodma tal-gass;

–       mill-1999, addittivi kimiċi maħsuba sabiex itejbu l-kombustjoni ta' l-unitajiet ta' turbini bl-istim intużaw sabiex inaqqsu b'madwar 50% il-kwantitajiet ta' "partiċelli sospiżi" emessi minn dawn l-unitajiet;

–       il-berners ta' ħames mis-sitt unitajiet ta' turbini bl-istim taċ-ċentrali ġew gradwalment sostitwiti b'berners ġodda "b'tixrid bl-istim"; tnejn minn dawn il-berners il-ġodda ilhom joperaw mill-2001 u tnejn oħra mill-2003; l-aħħar wieħed huwa fil-proċess li jiġi installat;

–       ġew introdotti obbligi ġodda dwar is-sorveljanza ta' l-implimentazzjoni u l-moniteraġġ ta' l-emissjonijiet, bħalma huma l-obbligu li jiġu installati tliet impjanti moderni sabiex titkejjel il-kwalità ta' l-arja fir-reġjun taċ-ċentrali, sistema ta' injezzjoni ta' l-ilma sabiex jitnaqqas l-ossidu tan-nitroġenu fl-unità l-ġdida tat-turbini tal-gass, kif ukoll sistemi sabiex jitkejlu u jiġu rreġistrati l-konċentrazzjonijiet ta' l-emissjonijiet fl-arja taċ-ċentrali;

–       fi Frar 2003, ġie deċiż li ċ-ċentrali tiġi trasferita progressivament, wara l-2006, għal parti oħra ta' Kreta u li tiġi installata r-raba' ċentrali ta' l-elettriku fuq il-gżira, liema ċentrali tkun tista' tuża l-gass naturali sabiex jiġi żgurat li l-installazzjonijiet li jiġġeneraw l-elettriku joperaw bl-aqwa mod ambjentali possibbli.

27     Il-Gvern Elleniku, fir-raba' lok, isostni li miċ-ċifri li huwa għandu ma jirriżultax li ċ-ċentrali hija s-sors ta' tniġġis ambjentali sostanzjali. Barra minn dan, il-kwalità ta' l-ambjent fir-reġjun fejn tinsab iċ-ċentrali hija eċċellenti u l-livell baxx ta' tniġġis li hemm huwa manifestament ta' l-ebda perikolu għas-saħħa tal-pubbliku.

28     Dan l-istess Gvern, fil-ħames lok, josserva li s-sitwazzjoni finanzjarja tad-DEI, hekk kif deskritta mill-Kummissjoni, ma tippermettix li jinġibdu konklużjonijiet dwar il-kapaċità finanzjarja ta' din il-kumpannija qabel l-2002. Fil-fatt, id-DEI, li kienet kumpannija pubblika u li saret biss kumpannija privata matul is-sena 2000, ma kellhiex il-likwidità neċessarja sabiex tagħmel investimenti kbar. Barra minn dan, l-imsemmija kumpannija baqgħet topera b'telf matul is-snin 1998 sa 2000. Il-profittabbiltà u s-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpannija bdew jitjiebu biss mill-2001. Għaldaqstant, ma jistax jingħad b'mod validu li d-DEU kienet f'pożizzjoni li tkopri l-ispejjeż li kienu kkawżati mill-miżuri li l-Kummissjoni indikat sabiex iċ-ċentrali tiġi adattata għall-aqwa teknoloġija disponibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

29     Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 84/360 jobbliga lill-Istati Membri li japplikaw, fid-dawl ta' l-iżviluppi teknoloġiċi u s-sitwazzjoni ambjentali, politika u strateġiji, li jinkludu miżuri xierqa għall-adattament progressiv ta' l-impjanti bħalma hija ċ-ċentrali għall-aqwa teknoloġija disponibbli, fid-dawl ta' kriterji differenti, fosthom, b'mod partikolari, in-natura u l-volum ta' l-emissjonijiet li jniġġsu ta' impjanti bħal dawn u l-ispejjeż li jirriżultaw mill-adattament għal din it-teknoloġija.

30     Filwaqt li huwa veru li, kif isostni l-Gvern Elleniku, mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 84/360 jirriżulta li l-Istati Membri jgawdu minn ċertu poter diskrezzjonali fir-rigward tal-miżuri xierqa sabiex jiġġieldu kontra t-tniġġis fl-arja, huwa wkoll minnu li din id-dispożizzjoni ġġiegħel lill-Istati Membri jadattaw progressivament l-impjanti li jaqgħu taħt id-Direttiva għat-teknoloġija msemmija u għall-iżviluppi tagħha.

31     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-volum ta' l-emissjonijiet minn impjant li jaqa' taħt id-Direttiva 84/360 għandu ċertament influwenza fuq in-natura tal-miżuri li għandhom jiġu adottati. Madankollu, minn din il-konstatazzjoni ma jirriżultax li, meta l-emissjonijiet li jniġġsu ma jilħqux volum sinjifikanti, Stat Membru jista' ma jadattax dan l-impjant għall-aqwa teknoloġija disponibbli. Huwa b'mod partikolari fid-dawl ta' din il-konstatazzjoni li jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk ir-Repubblika Ellenika, f'dan il-każ, irrispettatx l-obbligu li għandha bis-saħħa ta' l-Artikolu 13 ta' l-imsemmija Direttiva.

32     Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tal-Gvern Elleniku li l-kwalità ta' l-ambjent fir-reġjun fejn tinsab iċ-ċentrali hija eċċellenti u ma tippreżenta l-ebda perikolu għas-saħħa pubblika, għandu jiġi osservat li, minn naħa, allegazzjoni bħal din tmur kontra l-kontenut ta' l-ittra ta' l-10 ta' Lulju 2002, mibgħuta bħala tweġiba għall-opinjoni motivata tal-Kummissjoni, fejn dan il-Gvern ammetta li hemm problema ta' deterjorazzjoni ambjentali minħabba l-operazzjoni ta' dan iċ-ċentrali.

33     Għandu jiġi mfakkar li, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1 tad-direttiva għandu l-għan jipprevjeni jew inaqqas it-tniġġis fl-arja minn impjanti industrijali ġewwa l-Komunità. Skond l-Artikolu 2(1) tad-direttiva t-tniġġis fl-arja jseħħ bl-introduzzjoni mill-bniedem, direttament jew indirettament, ta' sustanzi jew ta' enerġija fl-arja li jirriżultaw f'effetti ta' ħsara ta' natura tali li jipperikolaw saħħet il-bniedem u jagħmlu ħsara lill-organiżmi ħajjin u lill-eko-sistemi.

34     Minn dan isegwi li, safejn huwa stabbilit li l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-kubrit u l-ossidu tan-nitroġenu għandhom effetti li jagħmlu ħsara lil saħħet il-bniedem u lill-organiżmi ħajjin u lill-eko-sistemi, l-obbligu ta' l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex inaqqsu l-emissjonijiet ta' dawn iż-żewġ sustanzi mhuwiex dipendenti, kuntrarjament għal dak li qiegħed isostni l-Gvern Elleniku, fuq is-sitwazzjoni ambjentali ġenerali tar-reġjun li fih huwa stabbilit l-impjant industrijali in kwistjoni.

35     Fir-rigward, fit-tieni lok, tan-nuqqas li jiġu adottati valuri limiti għall-emissjonijiet minn impjanti bħalma hija ċ-ċentrali, l-Artikolu 13 tad-direttiva 84/360, bħalma ġustament innota l-Gvern Elleniku, ma jobbligax espressament lill-Istati Membri li jadottaw valuri bħal dawn.

36     Madankollu, għandu jiġi nnutat li l-adozzjoni tal-valuri limiti għall-emissjonijiet minn impjanti bħalma hija ċ-ċentrali jikkostitwixxu miżura utli ħafna fil-kuntest ta' l-implementazzjoni ta' politika jew ta' strateġija fis-sens ta' l-Artikolu 13 tad-Direttiva 84/360.

37     Għal dak li jikkonċerna, fit-tielet lok, iċ-ċifri li jirrigwardaw l-emissjonijiet speċifiċi ta' dijossidu tal-kubrit u ta' ossidu tan-nitroġenu invokati mill-Gvern Elleniku, li, barra minn dan, huma kkontestati mill-Kummissjoni, għandu jiġi nnutat li, għalkemm dawn effettivament juru tnaqqis żgħir f' dawn l-emissjonijiet bejn l-1992 u 2001, huma xorta waħda ma jippermetux li tinġibed xi konklużjoni dwar jekk iċ-ċentrali ġietx adattata għall-aqwa teknoloġija disponibbli. Fil-fatt l-aktar li jistgħu juru dawk iċ-ċifri huwa li l-miżuri adottati mill-Gvern Elleniku ġabu tnaqqis fl-imsemmija emissjonijiet.

38     Issa, il-Kummissjoni mhijiex qiegħda takkuża lill-Gvern Elleniku li ma adottax miżuri ta' natura tali li jwasslu għal tnaqqis fit-tniġġis fl-arja ġġenerat miċ-ċentrali imma qiegħda takkużah li ma implementax politika u strateġija sabiex jadatta ċ-ċentrali għall-aqwa teknoloġija disponibbli.

39     Fir-rigward, fir-raba' lok, tal-miżuri differenti invokati mill-Gvern Elleniku sabiex jipprova li hu rrispetta l-obbligu li għandu bis-saħħa ta' l-Artikolu 13 tad-Direttiva 84/360, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, illi t-tnaqqis fil-kontenut massimu tal-kubrit fiż-żjut karburanti u fid-diżil użati miċ-ċentrali jista', fil-prinċipju, jiġi meqjus bħala miżura ta' adattament għall-aqwa teknoloġija disponibbli ta' impjant industrijali bħalma hija ċ-ċentrali, peress li dan it-tnaqqis jista' jwassal għal tnaqqis apprezzabbli fil-livell tat-tniġġis fl-arja li joriġina minn impjant bħal dan. Madankollu, konstatazzjoni bħal din tippresupponi li l-kontenut tal-kubrit fil-kombustibbli li jintuża jikkorrispondi ma' l-inqas kontenut disponibbli fis-suq.

40     Issa, f'din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif il-Kummissjoni ppreċiżat fit-tweġiba tagħha għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, u mingħajr kontradizzjoni ta' din ir-risposta mill-Gvern Elleniku, il-kontenut ta' kubrit fiż-żjut karburanti użati miċ-ċentrali, li hu ta' 2.6% huwa apprezzabbilment ogħla mill-kontentut ta' kubrit fiż-żjut karburanti bl-aktar baxx ta' kontenut tal-kubrit li huma disponibbli fis-suq, li huwa ta' 0.4% u li jeċċedi sostanzjalment dak taż-żjut karburanti użati għall-impjanti industrijali fir-reġjun ta' Ateni, li jammonta għal 0.7%.

41     L-argument tal-Gvern Elleniku li l-użu ta' fjuwils bl-aktar kontenut baxx ta' kubrit disponibbli fis-suq mhuwiex impost mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 84/360, minħabba li jinvolvi lid-DEI fi spejjeż eċċessivi, ma jistax jiġi milqugħ.

42     Fil-fatt, f'dan il-każ, huwa stabbilit li l-użu taż-żjut karburanti b'kontenut ta' kubrit ta' madwar 1% kien wassal għal investiment uniku li jammonta għal 3 miljun Euro u żieda fl-ispejjeż kurrenti relatati ma' l-akkwist taż-żjut karburanti ta' madwar 6 miljun Euro fis-sena.

43     Issa, bil-kuntrarju ta' dak li sostna l-Gvern Elleniku, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-ammonti ma jikkostitwixxux spejjeż eċċessivi meta mqabbla, min-naħa waħda, mas-sitwazzjoni finanzjarja tad-DEI, kif deskritta mill-partijiet fil-kawża u, min-naħa l-oħra, mal-fatt li l-imsemmija kumpannija għandha madwar 6.7 miljun klijent.

44     Għandu jiġi miżjud li l-argument li l-użu taż-żjut karburanti jew diżil b'kontenut ta' kubrit aktar baxx ma ġiex iġġustifikat, minħabba li l-kwalità ta' l-ambjent fir-reġjun fejn hemm iċ-ċentrali ma tistax tiġi kkunsidrata u peress li, hekk kif jirriżulta mill-punt 34 ta' din is-sentenza, l-obbligu li jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-kubrit u ta' l-ossidu tan-nitroġenu mhuwiex suġġett għall-eżistenza ta' tniġġis ambjentali partikolari.

45     Imbagħad, għal dak li jirrigwarda l-indikazzjoni li l-porzjon taż-żjut karburanti fil-produzzjoni ta' l-enerġija fi Kreta tnaqqset b'madwar 46% bejn l-1992 u l-2002, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din hi ta' natura ġenerali wisq u ma tippermettix li jiġi stabbilit jekk ġiex osservat tnaqqis fit-tniġġis fuq l-istess skala fir-rigward ta' l-emissjonijiet taċ-ċentrali.

46     Għal dak li jikkonċerna l-użu ta' addittivi kimiċi destinati sabiex itejbu l-kombustjoni ta' l-unitajiet ta' turbini bl-istim, għandu jiġi osservat li l-Gvern Elleniku stess ammetta li din il-miżura taffettwa biss l-emissjoni tal-"partiċelli sospiżi". Issa, l-emissjoni ta' dawn il-partiċelli mhijiex imsemmija f'dan ir-rikors.

47     Fir-rigward tas-sostituzzjoni progressiva tal-berners ta' ċerti unitajiet ta' turbini bl-istim, għandu jiġi aċċettat li din il-miżura tista', fil-prinċipju, tiġi kkunsidrata bħala adattament taċ-ċentrali għall-aqwa teknoloġija disponibbli. Madankollu, f'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-biċċa l-kbira ta' din is-sostituzzjoni seħħet wara l-iskadenza tat-terminu ta' xahrejn stabbilit fl-opinjoni motivata.

48     Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna l-miżuri ta' sorveljanza u ta' kontroll ta' l-emissjonijiet, għandu jingħad li miżuri bħal dawn jistgħu ċertament jikkostitwixxu adattament taċ-ċentrali għall-aqwa teknoloġija disponibbli, sakemm, madankollu jiġu akkumpanjati minn azzjonijiet oħra li jkollhom effett dirett fuq l-emissjonijiet taċ-ċentrali kkonċernata.

49     Issa, dawn il-miżuri ta' akkumpanjament huma nieqsa f'dan il-każ. Fil-fatt, hekk kif ġie indikat mill-Gvern Elleniku bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, il-kontrolli u l-kejl ta' l-emissjonijiet, li jagħtu lok għat-tħejjija ta' rapporti differenti indirizzati lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, jirriżultaw biss, fil-każ ta' konstatazzjoni ta' irregolarità, fi tnaqqis temporanju, jew saħansitra sospensjoni tal-produzzjoni taċ-ċentrali u, għaldaqstant, ta' l-emissjonijiet tagħha. F'ċirkustanzi bħal dawn, l-imsemmija miżuri ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala adattament taċ-ċentrali għall-aqwa teknoloġija disponibbli.

50     L-istess għandu jingħad għall-proġett ta' trasferiment progressiv taċ-ċentrali għal reġjun ieħor ta' Kreta, peress li miżura bħal din twassal biss għall-egħluq gradwali l-mod taċ-ċentrali.

51     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li l-miżuri invokati mill-Gvern Elleniku ma jikkostitwixxux l-implementazzjoni ta' politika jew strateġija għall-adattament taċ-ċentrali għall-aqwa teknoloġija disponibbli fis-sens ta' l-Artikolu 13 tad-Direttiva 84/360.

52     Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma ddefinietx politika u strateġiji sabiex l-unitajiet tat-turbini bl-istim u ta' l-unitajiet tat-turbini bil-gass taċ-ċentrali tal-DEI, sitwati f'Linoperamata, fuq il-gżira ta' Kreta, jiġu adattati progressivament għall-aqwa teknoloġija disponibbli, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13 tad-Direttiva 84/360.

 Fuq l-ispejjeż

53     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Billi ma ddefinietx politika u strateġiji sabiex l-unitajiet tat-turbini bl-istim u ta' l-unitajiet tat-turbini bil-gass taċ-ċentrali tal-DEI, sitwati f'Linoperamata, fuq il-gżira ta' Kreta, jiġu adattati progressivament għall-aqwa teknoloġija disponibbli, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-Kunsill 84/360/KEE, tat-28 ta' Ġunju 1984, dwar il-ġlieda kontra t-tniġġis fl-arja mill-impjanti industrijali.

2)      Ir-Repubblika Ellenika għandha tbati l-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.