SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

tat-23 ta' Frar 2006 (*)

"Għajnuna mogħtija mill-Istat – Deċiżjoni 97/612/KE – Sussidji fuq self favur impriżi agrikoli – Artikolu 92(2)(b) u (3)(a) u (c) tat-Trattat KE [li saru, wara li ġew emendati, l-Artikolu 87(2)(b) u (3)(a) u (c) KE] – Ammissibbiltà – Bażi legali – Aspettattivi leġittimi"

Fil-kawżi magħquda C-346/03 u C-529/03,

li għandhom bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tribunale di Cagliari, sezione civile (l-Italja), permezz ta' deċiżjonijiet tad-29 ta' April u ta' l-20 ta' Ottubru 2003, li waslu l-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fis-6 ta' Awwissu u fid-19 ta' Diċembru 2003, fil-proċeduri

Giuseppe Atzeni et (C-346/03),

Marco Scalas,

Renato Lilliu (C-529/03)

vs

Regione autonoma della Sardegna,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, A. La Pergola, J.-P. Puissochet, S. von Bahr (Relatur) u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta' Frar 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:

–       għal M. Atzeni et, minn G. Dore u F. Ciulli, avvocati,

–       għal Scalas u Lilliu, minn G. Dore, F. Ciulli u A. Miglior, avvocati,

–       għar-Regione autonoma della Sardegna, minn A. Camba u S. Trincas, avvocatesse,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Di Bucci, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Generali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta' April 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw il-validità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/612/KE, tas-16 ta' April 1997, dwar għajnuna mogħtija mir-Reġjun ta' Sardinja (l-Italja) fis-settur agrikolu (ĠU L 248, p. 27, iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata").

2       Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta' żewġ kontroversji bejn is-Sur Atzeni et minn naħa (iktar 'il quddiem "Atzeni et") u, min-naħa l-oħra, is-Sinjuri Scalas et Lilliu (iktar 'il quddiem "Scalas u Lilliu") u r-Regione autonoma della Sardegna (iktar 'il quddiem ir-"Reġjun") dwar ħlas lura, mitlub minn dan ta' l-aħħar, ta' għajnuna mħallsa diġà lill-persuni kkonċernati u t-twaqqif ta' ħlasijiet bħala għajnuna supplementari.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali u l-għajnuna mogħtija

3       L-Artikolu 5 tal-liġi reġjonali Nru 44, tat-13 ta' Diċembru 1988 (iktar 'il quddiem il-"liġi Nru 44/88") kien stabbilixxa sistema ta' għajnuna favur l-impriżi agrikoli b'sitwazzjoni finanzjarja li kienet intlaqtet ħażin minn ċirkustanzi mhux favorevoli, bil-forma ta' krediti b'rati mnaqqsa sabiex dawn ta' l-aħħar ikunu jistgħu jibnu mill-ġdid l-assi finanzjarji tagħhom. Dawn il-krediti kellhom jintużaw sabiex jitħallas id-dejn dovut f’perijodu qasir ta' l-impriżi kkonċernati u ngħataw għal perijodu ta' mhux iktar minn ħmistax-il sena.

4       Il-Kunsill reġjonali (la Giunta regionale) stabbilixxa l-modalitajiet konkreti għall-għoti ta' din l-għajnuna u, b'mod partikolari, iċ-ċirkustanzi mhux favorevoli li jiġġustifikaw l-intervent mir-Reġjun, is-setturi milquta, l-ammont tas-self b'relazzjoni għad-dejn ta' l-impriża u t-tul tal-kreditu.

5       Mill-1988, il-Kunsill reġjonali ddeċieda, f'erba' okkażjonijiet, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 5 tal-liġi Nru 44/88, li jagħti għajnuna taħt il-forma ta' self b'rati mnaqqsa (iktar 'il quddiem, flimkien, l-"erba' miżuri ta' għanjuna").

6       Fit-30 ta' Diċembru 1988, l-ewwel miżura ta' għajnuna ġiet adottata favur prodotti agrikoli kkoltivati f'serra. Iċ-ċirkustanza mhux favorevoli li tiġġustifika l-intervent tar-Reġjun kienet it-tnaqqis tal-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti. L-unika kundizzjoni stabbilita għall-għoti ta’ għajnuna kienet marbuta mad-dejn dovut f’perijodu qasir ta’ l-impriża. Dan ta’ l-aħħar kellu jkun iktar minn 75 % tal-valur tal-produzzjoni totali ta’ l-impriża matul is-sena taħt kunsiderazzjoni.

7       Fis-27 ta’ Ġunju 1990, it-tieni miżura ta’ għajnuna kienet tirrigwarda l-impriżi ta’ produzzjoni forestali proprjetarji ta’ pjantaġġuni li kienu għadhom ma setgħux jiġġeneraw dħul mill-qtugħ. L-għajnuna kienet intiża sabiex jitneħħew u/jew jiġu kkonsolidati d-djun ta’ dawn l-impriżi, dovuti qabel it-30 ta’ Ġunju 1990, li rriżultaw minn investimenti, mit-tmexxija tal-pjantaġġuni, minn self korrenti, kif ukoll mill-ħlasijiet ta’ salarji, ta’ kirjiet u ta’ somom dovuti lill-fornituri. Id-dejn dovut f’perijodu qasir kellu jkun ukoll ekwivalenti għal jew iktar minn 75 % tal-produzzjoni totali ta’ l-impriża kkonċernata matul is-sena taħt kunsiderazzjoni. Il-perijodu tal-kreditu kien stabbilit għal tliet snin u kien jinkludi perijodu ta’ eżenzjoni ta’ tliet snin.

8       Fl-20 ta’ Novembru 1990, it-tielet miżura ta’ għajnuna kienet tirrigwarda l-persuni li jrabbu l-fniek li, wara epidemija fir-reġjun fir-rebbiegħa ta’ l-1990, kienu tilfu mill-inqas 20 % ta' l-annimali ta' l-irziezet tagħhom. Is-self b'rati mnaqqsa għal perijodu ta' ħmistax-il sena, li kien jinkludi perijodu ta' eżenzjoni ta' tliet snin, seta' jkopri żewġ renti jew erba' semestri 'l wieħed ta' self mogħti diġà għal żmien twil u somma ekwivalenti għall-bżonnijiet finanzjarji ta' l-impriżi kkonċernati f'sena.

9       Ir-raba' miżura ta' għajnuna, deċiża fis-26 ta' Ġunju 1992, kienet tirrigwarda l-impriżi agrikoli kollha li kellhom dejn minħabba l-kundizzjonijiet tas-suq dejjem inqas favorevoli u minħabba diffikultajiet marbuta ma' kundizzjonijiet tal-klima. Id-dejn dovut f’perijodu qasir ta' dawn l-impriżi kellu jammonta għal mill-inqas 51 % tal-produzzjoni totali tagħhom fl-1991. Is-self ingħata għal ħmistax-il sena, b'perijodu ta' eżenzjoni ta' tliet snin. Id-dejn ħa in kunsiderazzjoni s-self għal perijodu ta' inqas minn tnax-il sena matul l-1991, anki jekk dan ikun laħaq ġie mħallas lura, u l-pagamenti prorata ta' finanzjamenti multiannwali li kienu dovuti jew imħallsa fl-1991, jew li skadew matul is-snin preċedenti u kienu għadhom ma tħallsux.

10     L-għajnuna miksuba bl-applikazzjoni ta' din ir-raba' miżura setgħet tintuża sabiex tkopri l-krediti ta' tmexxija b'rati mnaqqsa, id-djun li jirriżultaw minn self għal perijodu medju, bl-eċċezzjoni ta' dawk mogħtija għax-xiri ta' magni agrikoli, u l-pagamenti prorata ta' self multiannwali b'rati mnaqqsa mogħtija mir-Reġjun wara diżastri naturali.

 Il-proċedura quddiem il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

11     Permezz ta' ittra ta' l-1 ta' Settembru 1992, ir-Repubblika Taljana nnotifikat lill-Kummissjoni, skond l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(3) KE), bil-liġi reġjonali Nru 17 tas-27 ta' Awwissu 1992 (iktar 'il quddiem il-"liġi 17/92)".

12     L-Artikolu 12 tal-liġi 17/92 emenda l-Artikolu 5 tal-liġi Nru 44/88, li ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni.

13     Permezz ta' ittra ta' l-1 ta' Awwissu 1994, din l-istituzzjoni bagħtet lir-Repubblika Taljana d-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 93(2) tat-Trattat, fir-rigward ta' l-Artikolu 5 tal-liġi Nru 44/88 u ta' l-erba' miżuri ta' għajnuna.

14     Il-Gvern Taljan ippreżenta l-osservazzjonijiet permezz ta' l-ittri tat-30 ta' Jannar, tal-25 ta' Awwissu u ta' l-1 ta' Diċembru 1995.

15     Il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata fis-16 ta' April 1997.

 Id-deċiżjoni kkontestata

16     Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-għajnuna mogħtija mir-Reġjun, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 5 tal-liġi Nru 44/88 u ta' erba' miżuri ta' għajnuna, kienet illegali peress li ma kinux ġew innotifikati lill-Kummissjoni fl-istadju ta' proġett u li ma kinux kompatibbli mas-suq komuni skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 92(1) sa (3) tat-Trattat KE (li sar, wara li ġie emendat, l-Artikolu 87(1) sa (3) KE).

17     Fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni speċifikat li r-Repubblika Taljana kellha twaqqaf din l-għajnuna fi żmien xahrejn mid-data ta' notifika ta' din id-deċiżjoni u tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiġbor lura s-somom diġà mħallsa fi żmien sitt xhur mill-istess data.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

18     Wara l-intervent tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill reġjonali ħassar l-Artikolu 5 tal-liġi Nru 44/88 u adotta, fit-18 ta' Diċembru 1997, id-digrieti ta' revoka ta' l-għajnuna diġà mogħtija (iktar 'il quddiem id-"digrieti tax-xahar ta' Diċembru").

 Il-kawża C-346/03

19     B'att tat-23 ta' Jannar 2002, Atzeni et, proprjetarji ta' impriżi agrikoli, bdew proċeduri quddiem it-Tribunale di Cagliari sabiex jiġi deċiż, primarjament, li d-digrieti tax-xahar ta' Diċembru 1997 ma kinux applikabbli u sabiex iġiegħlu lir-Reġjun iħallashom is-somom bħala għajnuna li kienu għandhom ma tħallsux skond l-erba' miżuri ta' għajnuna.

20     Sussidjarjament, Atzeni et talbu li jiġi kkonstatat il-ksur, mir-Reġjun, tal-leġiżlazzjoni Komunitarja f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-għajnuna mogħtija mill-Istat, u ta' prinċipji differenti, b'mod partikolari dawk tat-trasparenza u ta' amministrazzjoni tajba. Huma talbu wkoll li r-Reġjun jiġi kkundannat jagħmel tajjeb għad-dannu li kkawżalhom, minn naħa, billi ma informahomx bil-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 93(2) tat-Trattat kif ukoll bl-intervent tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, billi ma għarrafhomx bid-digrieti tax-xahar ta' Diċembru 1997 qabel is-16 ta' Novembru 2001.

21     Il-qorti tar-rinviju stmat li huwa neċessarju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata li tikkostitwixxi l-bażi tad-digrieti tax-xahar ta' Diċembru 1997. Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li t-Tribunale di Cagliari ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jibgħat lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

"[Id-deċiżjoni kkontestata hija invalida], meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-irregolaritajiet segwenti:

a)      nuqqas ta' kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni [kkontestata] bi ksur tad-dispożizzjonijiet flimkien ta' l-Artikoli [38, 40 u 43 tat-Trattat KE (li saru, wara li ġew emendati, l-Artikoli 32 KE, 34 KE u 37 KE), 39, 41, 42 u 46 tat-Trattat KE (li saru, wara li ġew emendati, l-Artikoli 33 KE, 35 KE, 36 KE u 38 KE];

b)      ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura skond l-Artikolu [93(1) tat-Trattat];

c)      ksur tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura skond l-Artikolu [93(2) u (3) tat-Trattat];

d)      nuqqas ta' motivi għad-deċiżjoni b'applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet magħquda ta' l-Artikoli [190 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 253 KE), 93(3) u 92(1) tat-Trattat];

e)      ksur u applikazzjoni żbaljata tar-Regolament tal-Kunsill Nru 797/85 dwar it-titjib ta' l-effikaċja ta' l-istrutturi agrikoli;

f)      ksur u nuqqas ta' osservanza ta' 'prattiki previsti għall-għajnuna mogħtija lill-impriżi agrikoli f'diffikultà' u ta' 'linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mogħtija mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta' impriżi f'diffikultà'?"

 Il-kawża C-529/03

22     B'att tal-31 ta' Lulju 2002, Scalas u Lilliu, bħala mandatarji ta' 389 persuna, bdew proċeduri quddiem it-Tribunale di Cagliari sabiex, primarjament, jiġi kkonstatat in-nuqqas ta' l-obbligu li titħallas lura l-għajnuna mogħtija mir-Reġjun b'applikazzjoni ta' erba' miżuri ta' għajnuna jew, sussidjarjament, li jiġi ordnat lil dan ta' l-aħħar sabiex jagħmel tajjeb għad-dannu soffert mill-bdiewa kkonċernati.

23     It-Tribunale di Cagliari ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tas-sitt punti mqajma fil-kawża C-346/03 u mfakkra fil-punt 21 ta' din is-sentenza, kif ukoll tirrispondi għal tliet domandi preliminari li jistgħu jiġu fformulati kif ġej:

1)      Id-deċiżjoni kkontestata teffettwa l-prinċipju ta' protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi meta jittieħed in kunsiderazzjoni ż-żmien bejn l-erba' stadji li ġejjin, jiġifieri, il-pubblikazzjoni tal-liġi Nru 44/88, fl-1988, il-ftuħ tal-proċedura ta' ksur, fl-1994, l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fl-1997, u n-notifika tat-talba għal ħlas lura lill-bdiewa, f'Novembru 2001?

2)      Id-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata meta tgħid li l-għajnuna in kwistjoni "hija ta' natura li tiddeforma l-kompetizzjoni u li teffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri" mingħajr ma teżamina l-forma korretta ta’ kull waħda mill-għajnuniet mogħtija, mingħajr ma tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali ta' Sardinja ma jippermettux li l-produzzjonijiet lokali jiddeformaw jew jirrappreżentaw theddida ta’ deformazzjoni tal-kompetizzjoni fl-Istati Membri, mingħajr ukoll ma tieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni lokali preokkupanti tal-qgħad, u fl-aħħar nett, mingħajr ma tindika raġuni valida għall-esklużjoni ta’ għajnuna intiża sabiex issib rimedju għall-konsegwenzi li jirriżultaw minn diżastri naturali jew avvenimenti oħra straordinarji?

3)      Id-deċiżjoni kkontestata fiha wkoll nuqqas ta’ motivi meta l-għajnuna mogħtija hija kkwalifikata bħala "għajnuna għat-tħaddim", li tirrigwarda dejn dovut f’perijodu qasir, mingħajr ma tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li din hija intiża sabiex ittawwal iż-żmien għall-ħlas ta’ djun li jeżistu diġà u li ma tħallsux minħabba diffikultajiet ikkawżati minn fatturi esterni għall-impriża bħal kundizzjonijiet tal-klima eċċezzjonali?

24     Permezz ta’ digriet tas-6 ta’ Mejju 2004, il-kawżi C-346/03 et C-529/03 ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

 Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

25     Permezz ta’ ittra tad-19 ta’ Settembru 2005, Atzeni et kif ukoll Scalas u Lilliu talbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura, il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali. Ir-raġunijiet li taw b’sostenn tat-talba tagħhom kienu l-kumplessità tal-kawża prinċipali kif ukoll il-fatt li ma qablux mal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali.

26     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tista' ex officio jew fuq proposta ta' l-Avukat Ġenerali, jew ukoll fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, jekk hija tikkunsidra li hija ma għandhiex biżżejjed informazzjoni jew jekk il-kawża għandha tiġi deċiża fuq il-bażi ta' argument li ma kienx diskuss bejn il-partijiet (ara s-sentenzi tad-19 ta' Frar 2002, Wouters et, C-309/99, Ġabra p. I-1577, punt 42 u ta' l-14 ta' Diċembru 2004, Swedish Match, C-210/03, Ġabra p. I-11893, punt 25).

27     F’dan il-każ, Atzeni et kif ukoll Scalas u Lilliu ma invokaw ebda raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali u l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, tikkunsidra li tiddisponi mill-elementi neċessarji kollha sabiex tirrispondi għad-domandi mressqa. Konsegwentement, din it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandha tiġi miċħuda.

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

28     Permezz tad-domandi tiegħu, imniżżla fil-punti 21 u 23 ta’ din is-sentenza, it-Tribunale di Cagliari jsaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, dwar il-validità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-punti li ġejjin li jkopru dawk fl-imsemmija domandi:

–       Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata u l-effetti tagħha fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni li tadotta din id-deċiżjoni [C-346/03, subparagrafu (a)];

–       Nuqqas li jiġi applikat l-Artikolu 93(1) tat-Trattat dwar għajnuna eżistenti [C-346/03, subparagrafu (b)];

–       Tul ta’ żmien eċċessiv tal-proċedura li jeffettwa r-regolarità tagħha u l-aspettattivi leġittimi ta’ benefiċjarji ta’ għajnuna [C-346/03, subparagrafu (c) u C-529/03, l-ewwel domanda];

–       Insuffiċjenza ta’ motivi u żbalji ta' evalwazzjoni f’dak li jirrigwarda l-kompatibbiltà ta' l-erba' miżuri ta' għajnuna mas-suq komuni [C-346/03, subparagrafi (d), (e) u (f), kif ukoll C-529/03, it-tieni u t-tielet domandi].

29     Barra minn hekk, it-Tribunale ta' Cagliari isaqsi dwar l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari. Meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju u l-osservazzjonijiet imressqa minn Scalas u Lilliu kif ukoll mill-Kummissjoni fir-rigward ta' dan is-suġġett, dan il-punt għandu jiġi eżaminat l-ewwel.

 Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

30     Il-kwistjoni dwar l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari tqum għaliex Atzeni et kienu diġà ressqu, fil-25 ta' Jannar 2002, rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej. Permezz ta' digriet tad-29 ta' Mejju 2002, Atzeni et vs il-Kummissjoni (T-21/02, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra), il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat ir-rikors inammissibbli peress li ġie ppreżentat tard, mingħajr madankollu ma ddeċidiet dwar raġuni oħra (it-tieni) ta' inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, li kienet dwar jekk il-partijiet ma setgħux jaġixxu bħala rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Jekk dawn ta' l-aħħar kellhom din il-kwalità, iżda ma kinux sempliċement ippreżentaw ir-rikors tagħhom fiż-żmien stipulat, dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, dwar il-validità tad-deċiżjoni kkontestata, jiġu kkunsidrati bħala inammissibbli mill-Qorti tal-Ġustizzja.

31     Għandu jiġi mfakkar li r-rekwiżiti taċ-ċertezza legali, u b'mod iktar partikolari dawk li jirriżultaw mill-prinċipju tar-res judicata, jeskludi l-possibbiltà, għall-benefiċjarju ta' għajnuna, li huwa s-suġġett ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni adottata abbażi ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat, li seta' jikkontesta din id-deċiżjoni u li ħalla t-terminu mandatorju previst f'dan ir-rigward fil-ħames subparagrafu ta' l-Artikolu 173 tat-Trattat KE (li sar, wara li ġie emandat, il-ħames subparagrafu ta’ l-Artikolu 230 KE) jgħaddi, li terġa tiġi kkontestata l-legalità tagħha quddiem il-qrati nazzjonali fil-każ ta' rikors imressaq kontra l-miżuri ta' eżekuzzjoni ta' din id-deċiżjoni, meħuda mill-awtoritajiet nazzjonali. Jekk jiġi aċċettat li, f'tali ċirkustanzi, il-persuna kkonċernata tista' topponi, quddiem il-qorti nazzjonali, l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni billi tibbaża ruħha fuq l-illegalità tagħha, tali persuna tkun qed tingħata l-possibbiltà li tegħleb in-natura definittiva li takkwista deċiżjoni kontra dik il-persuna malli jiddekorri ż-żmien għall-appell (ara s-sentenza tad-9 ta' Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf, C-188/92, Ġabra p. I-833 punti 17 u 18).

32     Għandu jiġi osservat li fiċ-ċirkustanzi li taw lok għas-sentenza TWD Textilwerke Deggendorf, iċċitata iktar 'il fuq, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni indirizzata lill-Istat Membru kkonċernat kienet issemmi espressament il-benefiċjarju ta' l-għajnuna individwali in kwistjoni u dan l-Istat kien informa lil dan ta' l-aħħar bl-imsemmija deċiżjoni billi indikalu li huwa seta' jressaq rikors għall-annullament ta' tali deċiżjoni.

33     Min-naħa l-oħra, fil-kawżi prinċipali, id-deċiżjoni kkontestata li kienet indirizzata lir-Repubblika Taljana tirrigwarda s-sistemi ta' għajnuna intizi għal kategoriji ta' persuni ddefiniti b'mod ġeneriku u mhux għal benefiċjarji identifikati espressament. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni ma ġietx innotifikata minn dan l-Istat Membru la lil Atzeni et u lanqas lil xi benefiċjarju ieħor ta' l-għajnuna in kwistjoni.

34     Għaldaqstant, kuntrarjament għaċ-ċirkustanzi li taw lok għas-sentenza TWD Textilwerke Deggendorf, iċċitata iktar 'il fuq, ma kienx jidher ċar li rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata mressaq mill-benefiċjarji ta' l-erba' miżuri ta' għajnuna kien jkun ammissibbli. Għaldaqstant, it-talbiet għal deċiżjoni preliminari għandhom jiġu kkunsidrati bħala ammissibbli.

 Għal dak li jikkonċerna l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata u l-effetti tagħha fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni li tadotta din id-deċiżjoni

 L-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

35     Scalas u Lilliu jsostnu li r-regoli tal-kompetizzjoni, b'mod partikolari dawk stabbiliti fl-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat, mhumiex applikabbli għas-settur agrikolu. Billi jirreferu għall-Artikolu 42 tat-Trattat, huma jsostnu li dawn ir-regoli mhumiex applikabbli ħlief meta jiġi speċifikat mill-Kunsill. Ir-Regolament Nru 26 tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, ta' l-4 ta' April 1962, li japplika ċerti regoli tal-kompetizzjoni għall-produzzjoni u għall-kummerċ ta’ prodotti agrikoli (ĠU 1962, 30 p. 993), adottat abbażi ta' l-Artikolu 42 tat-Trattat KEE (li sar l-Artikolu 42 tat-Trattat KE), jipprovdi biss applikazzjoni ristretta ħafna tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat fis-settur agrikolu. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma kinitx kompetenti sabiex tibda l-proċedura msemmija fl-Artikolu 93(2) tat-Trattat jew li tadotta d-deċiżjoni kkontestata intiża sabiex titwaqqaf l-għajnuna mogħtija.

36     Il-Kummissjoni ssostni li r-regoli kollha tat-Trattat fuq l-għajnuna mogħtija mill-Istat imniżżla fl-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat japplikaw għall-erba' miżuri ta' għajnuna:

–       l-għajnuna lill-persuni li jrabbu l-fniek hija suġġetta għal dawn ir-regoli skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 827/68, tat-28 Ġunju 1968, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq f’ċerti prodotti elenkati fl-Anness II għat-Trattat (ĠU L 151, p. 16);

–       l-għajnuna lill-impriżi forestali taqa' direttament fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn ir-regoli;

–       l-għajnuna għall-produzzjoni f'serra u l-għajnuna lill-impriżi agrikoli li għandhom dejn għandhom jirrispettaw l-imsemmija regoli għaliex huma relatati ma' prodotti koperti minn organizzazzjoni komuni tas-swieq u huma suġġetti għall-istess regoli skond ir-regolament li jistabbilixxi dik l-organizzazzjoni, jew inkella għaliex jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 797/85, dwar it-titjib ta' l-effikaċja ta' strutturi agrikoli (ĠU L 93, p. 1), jew ta' dak li ssostitwih, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2328/91, tal-15 ta' Lulju 1991 (ĠU L 218, p. 1).

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

37     Jirriżulta mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 42 tat-Trattat li r-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni mhumiex applikabbli għall-produzzjoni u għall-kummerċ ta' prodotti agrikoli, kif iddefiniti fl-Artikolu 38 tat-Trattat, ħlief meta speċifikat mill-Kunsill.

38     Dan ta' l-aħħar adotta regolamenti differenti.

39     Qabel kollox, ir-Regolament Nru 26 jipprevedi applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat fis-settur agrikolu li hija limitata għal dawk li jidhru fl-Artikolu 93(1) u l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 93(3) tat-Trattat. Minn dan jirriżulta li, fil-każ ta' prodotti li jaqgħu taħt dan ir-Regolament, il-Kummissjoni m'għandhiex is-setgħa li tibda l-proċedura prevista fl-Artikolu 93(2) tat-Trattat. Tista' biss tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha u mhux topponi l-għoti ta' l-għajnuna in kwistjoni.

40     Meta ġew adottati regolamenti li jistabbilixxu organizzazzjoni komuni tas-suq, li kien il-każ għal ħafna mill-prodotti agrikoli skond l-Artikolu 38 tat-Trattat, dawn ir-regolamenti kienu jipprovdu li r-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat li jinsabu fl-Artikoli 92, 93 u 94 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 89 KE) kienu applikabbli iżda kienu suġġetti għal numru ta' limitazzjonijiet eventwali. Konsegwentement, huma biss il-prodotti agrikoli, li mhumiex suġġetti għal organizzazzjoni komuni tas-swieq, li jaqgħu taħt l-iskop tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat, liema applikazzjoni hija limitata permezz tar-Regolament Nru 26.

41     Fl-aħħar nett, ħafna regolamenti oħrajn ġew adottati, b'mod partikolari r-Regolament Nru 797/85, li fih dispożizzjonijiet dwar l-għoti ta' għajnuna mill-Istat li minnhom jirriżulta li l-miżuri ta' għajnuna li ma josservawx ir-regoli mniżżla fl-imsemmi Regolament jistgħu madankollu jitħallew bil-kundizzjoni li jiġu adottati skond l-Artikoli 92 sa 94 tat-Trattat.

42     Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk il-prodotti kkonċernati mill-erba' miżuri ta' għajnuna humiex jew le prodotti agrikoli fis-sens ta' l-Artikolu 38 tat-Trattat u, f'din l-ipoteżi, safejn huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat f'dak li għandha x'taqsam l-għajnuna mogħtija mill-Istat.

43     Qabel kollox, il-miżuri ta' għajnuna għall-impriżi forestali huma intiżi għal settur, dak tal-foresti, li mhuwiex imsemmi fil-lista ta' prodotti agrikoli mniżżla fl-Anness II mat-Trattat u għaldaqstant ma għandu ebda relazzjoni ma' prodott agrikolu fis-sens ta' l-Artikolu 38 tat-Trattat. L-għajnuna mogħtija lill-impriżi forestali, għalhekk, mhijiex suġġetta għal sistema speċifika u hija, konsegwentement, suġġetta għal kollox għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat.

44     Il-miżuri ta' għajnuna għall-persuni li jrabbu l-fniek jikkonċernaw prodott agrikolu li huwa suġġett għal organizzazzjoni komuni tas-suq stabbilita permezz tar-Regolament Nru 827/68. L-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament jipprevedi li l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat huma applikabbli għall-produzzjoni u għall-kummerċ ta' dan il-prodott, mingħajr ebda limitazzjoni.

45     Fl-aħħar nett, iż-żewġ miżuri l-oħrajn ta' għajnuna huma intiżi, minn naħa, għall-produzzjoni f'serra u, min-naħa l-oħra, għall-impriżi agrikoli li għandhom dejn u jistgħu, għaldaqstant, jirreferu għal varjetà kbira ta' prodotti agrikoli.

46     Ma ġiex ikkontestat li dawk il-miżuri kienu jikkonċernaw prodotti agrikoli li mhumiex suġġetti għal organizzazzjoni komuni tas-suq u, għaldaqstant, jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat li l-applikazzjoni tagħhom ġiet limitata permezz tar-Regolament Nru 26.

47     B’mod iktar speċifiku, fir-rigward ta’ għajnuna mogħtija lill-impriżi agrikoli li għandhom dejn, din mhijiex intiża għal prodotti speċifiċi iżda tikkostitwixxi iktar għajnuna ġenerali lil dawn l-impriżi. Bħala tali, hija tista’ taqa’, b’mod partikolari, fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 797/85 li l-Artikolu 31 jagħmel referenza, f’kull każ, għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mogħtija mill-Istat.

48     Għaldaqstant, billi eżaminat l-erba’ miżuri ta’ għajnuna fir-rigward ta’ l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat, il-Kummissjoni ma bbażatax id-deċiżjoni kkontestata fuq bażi ġuridika żbaljata u kellha l-kompetenza sabiex tadotta din id-deċiżjoni.

 Għal dak li jirrigwarda n-nuqqas li jiġi applikat l-Artikolu 93(1) tat-Trattat dwar għajnuna eżistenti

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

49     Scalas u Lilliu jsostnu li l-erba’ miżuri ta’ għajnuna huma bbażati mhux biss fuq il-liġi Nru 44/88, iżda wkoll fuq liġi preċedenti ta’ l-1928, li hija ċċitata fil-liġi Nru 44/88. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx teżamina dawn il-miżuri billi tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat dwar għajnuna ġdida, iżda fuq dawk ta’ l-Artikolu 93(1) tat-Trattat li huma applikabbli għas-sistemi ta’ għajnuna eżistenti. Skond dawn ta’ l-aħħar, l-għajnuna mill-erba’ miżuri fil-kawżi prinċipali setgħet tibqa’ titħallas legalment sakemm il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni kkontestata u għaldaqstant m’għandhiex titħallas lura.

50     Il-Kummissjoni ssostni li dan l-argument huwa infondat.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

51     Il-miżuri meħuda wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat li jagħtu jew jemendaw għajnuna, peress huwa ppreċiżat li l-modifikazzjonijiet jistgħu jirrigwardaw kemm għajnuna eżistenti u kemm proġetti inizjali nnotifikati lill-Kummissjoni, għandhom jiġu kkunsidrati bħala għajnuna ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio, C-295/97, Ġabra p. I-3735, punt 48).

52     Għaldaqstant, il-fatt biss li tissemma, fil-liġi Nru 44/88, liġi ta’ l-1928 mhuwiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li l-erba miżuri ta’ għajnuna huma fondati fuq il-liġi ta’ l-1928 u li dawn jikkostitwixxu għajnuna eżistenti, peress li l-imsemmija liġi ġiet emendata u kkompletata sussegwentement.

53     Fil-każ preżenti, jirriżulta mill-informazzjoni ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-erba’ miżuri ta’ għajnuna huma fondati direttament fuq l-Artikolu 5 tal-liġi Nru 44/88, li tippermetti l-għoti ta’ krediti b'rati mnaqqsa intiżi għal impriżi agrikoli li s-sitwazzjoni tagħhom ġiet affettwata minn ċirkustanzi li mhumiex favorevoli sabiex ikollhom assi likwidi.

54     Minn dan jirriżulta li l-għajnuna fil-kawżi prinċipali tikkostitwixxi għajnuna ġdida u mhux għajnuna eżistenti u li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta ma bbażatx ruħha fuq id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 93(1) tat-Trattat.

 F’dak li jirrigwarda l-allegat tul ta’ żmien eċċessiv tal-proċedura li jeffettwa r-regolarità tagħha u l-aspettattivi leġittimi ta’ benefiċjarji ta’ għajnuna

 L-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

55     Scalas u Lilliu jsostnu li l-Kummissjoni mxiet bil-mod wisq fl-eżami ta’ l-għajnuna fil-kawżi prinċipali. Il-Kummissjoni kellha tipproċedi mingħajr dewmien għall-eżami malli kienet infurmata bil-liġi Nru 44/88 permezz ta’ ittra ta’ l-1 ta’ Settembru 1992. Isostnu wkoll li din l-istituzzjoni kellha tagħti opinjoni dwar l-erba’ miżuri ta’ għajnuna fi żmien xahrejn mid-data meta waslitilha l-imsemmija ittra u tordna lir-Repubblika Taljana tissospendi immedjatament il-ħlas ta’ l-għajnuna.

56     Minflok, il-Kummissjoni l-ewwel ħalliet jiddekorru sentejn qabel ma fetħet, fl-1994, proċedura formali ta’ investigazzjoni, u, wara, perijodu ta’ tliet snin qabel ma adottat, fl-1997, id-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, kienu għaddew iktar minn disa’ snin mit-twaqqif tas-sistema ta’ għajnuna fl-1998 sa l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u iktar minn tlettax-il sena mid-data tat-twaqqif sa n-notifika, f’Novembru 2001, tad-digrieti tax-xahar ta’ Diċembru 1997 lill-persuni kkonċernati. Scalas u Lilliu jsostnu li dan il-tul ta’ żmien effettwa l-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi.

57     Il-Kummissjoni ssostni li l-ilmenti ta’ dewmien indirizzati kontriha huma infondati u ssostni li l-Gvern Taljan huwa responsabbli għad-dewmien. F’żewġ okkażjonijiet il-Gvern Taljan dam ħames u sitt xhur biex jirrispondi għat-talbiet tal-Kummissjoni.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

58     F’dak li jirrigwarda l-allegata irregolarità ta’ proċedura kkawżata mid-dewmien eċċessiv min-naħa tal-Kummissjoni fl-eżami ta’ l-erba’ miżuri ta’ għajnuna, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li parti mid-dewmien huwa imputabbli lil-Gvern Taljan.

59     Għaldaqstant, kien dan il-Gvern li ma nnotifikax il-liġi Nru 44/88 qabel ma adottaha u li ħalla jiddekorri perijodu ta’ kważi erba’ snin qabel ma informa l-Kummissjoni bl-adozzjoni ta’ din il-liġi.

60     Jirriżulta wkoll mill-informazzjoni ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Kummissjoni ma setgħetx tiddeċiedi dwar il-validità tas-sistema ta’ għajnuna prevista mill-imsemmija liġi, unikament billi teżamina t-test ta’ dik il-liġi. Din l-istituzzjoni kellha bżonn iktar informazzjoni li hija kienet talbet mill-Gvern Taljan. F’diversi okkażjonijiet, il-Gvern Taljan dam biex jirrispondi għat-talbiet tal-Kummissjoni u xi drabi dam diversi xhur.

61     It-tieni nett, anki jekk il-proċedura ta’ eżami mill-Kummissjoni tal-liġi Nru 44/88 u ta’ l-erba’ miżuri ta’ għajnuna setgħet kienet twila, għandu jiġi mfakkar li sakemm ġie adottat ir-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, p. 1), il-Kummissjoni ma kinitx marbuta b’termini ta’ żmien speċifiċi. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni madankollu taċċerta ruħha li l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha ma jittawwalx indefinitivament u dan sabiex jiġi rrispettat ir-rekwiżit fundamentali taċ-ċertezza legali (ara s-sentenza ta’ l-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C-74/00 P u C-75/00 P, Ġabra p. I 7869, punt 140).

62     F’dan ir-rigward, kif l-Avukat Ġenerali osserva fl-analiżi tiegħu tat-termini ta’ żmien li skadew, fil-punti 160 sa 167 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżami tal-progress tal-proċedura ma weriex xi dewmien li effettwa dan ir-rekwiżit fundamentali. B’mod partikolari, l-ewwel stadju ta’ sentejn, mill-1992 sa l-1994, kien neċessarju sabiex jinġabru l-fatti rilevanti, peress li l-Gvern Taljan ma kienx ħa l-inizjattiva li jinnotifika l-liġi Nru 44/88 u l-erba’ miżuri ta’ għajnuna. It-tieni stadju, li beda fl-1994, kompla sakemm ġiet adottata, fl-1997, id-deċiżjoni kkontestata. Matul dan it-tieni stadju, il-Kummissjoni dehrilha li kellha titlob, f’diversi okkażjonijiet, numru ta’ kjarifiki lill-imsemmi Gvern minħabba l-emenda li saret fil-leġiżlazzjoni Taljana matul l-aħħar erba’ xhur ta’ l-1995.

63     F’dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, għandu jsir riferiment għall-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq is-suġġett ta’ għajnuna.

64     Meta tittieħed in kunsiderazzjoni n-natura mandatorja tal-kontroll ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat imwettaq mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 93 tat-Trattat, l-impriżi li jibbenefikaw minn għajnuna ma jistgħux, bħala principju, ikollhom aspettattiva legittima li l-għajnuna hija legali sakemm din tingħata skond il-proċedura mniżżla fl-imsemmi Artikolu. Negozjant diliġenti għandu jkun kapaċi jiddetermina normalment jekk il-proċedura ġietx osservata jew le (ara s-sentenza ta’ l-20 ta’ Marzu 1997, Alcan Deutschland, C-24/95, Ġabra p. I-1591, punt 25).

65     Meta għajnuna titħallas mingħajr ma tiġi nnotifikata qabel lill-Kummissjoni, b’tali mod li hija tkun illegali skond l-Artikolu 93(3) tat-Trattat, il-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna ma jistax, f’dak il-mument, ikollu aspettattiva leġittima li dak il-ħlas huwa legali (ara s-sentenzi Alcan Deutschland, iċċitata iktar ‘il fuq, punti 30 u 31, kif ukoll tal-11 ta’ Novembru 2004, Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il-Kummissjoni, C-183/02 P u C-187/02 P, Ġabra p. I-10609, punt 45).

66     Għaldaqstant, peress li l-liġi Nru 44/88 ma ġietx debitament innotifikata lill-Kummissjoni, il-bdiewa Sardi kkonċernati ma setgħu ikollhom ebda aspettattiva li l-għajnuna mogħtija lilhom kienet legali, u d-dewmien allegat tal-proċedura ma setax jagħtihom tali aspettattiva.

67     Minn dan jirriżulta li ma ntwera l-ebda dewmien eċċessiv li jikkostitwixxi irregolarità ta’ proċedura jew li jikser il-prinċipju ta’ l-aspettattivi leġittimi.

 Għal dak li jirrigwarda l-allegata insuffiċjenza ta’ raġunijiet u żbalji ta' evalwazzjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà ta' erba' miżuri ta' għajnuna mas-suq komuni

 Osservazzjonijiet preliminari

68     Il-Qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tivverifika l-validità tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward, l-ewwel nett, ta’ l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna fil-kawżi prinċipali mas-suq komuni. Għal dak li jirrigwarda t-tieni punt, l-imsemmija qorti tixtieq tkun taf jekk il-Kummissjoni wettqietx l-evalwazzjoni skond, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 92(2)(b) u 3(a) tat-Trattat, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, minn naħa, il-prassi tal-Kummissjoni f’dan il-qasam fiż-żmien meta bdew il-proċeduri (iktar ‘il quddiem, konformement ma’ l-espressjoni użata fid-deċiżjoni kkontestata, il-"prassi speċjali tal-Kummissjoni għall-għajnuna mogħtija lill-impriżi agrikoli f’diffikultà") u, min-naħa l-oħra, il-linji gwida Komunitarji għall-għajnuna mogħtija mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni mill-ġdid ta' impriżi f'diffikultà (ĠU 1994, C 368, p. 12, iktar ‘il quddiem il-"linji gwida"). Il-qorti tar-rinviju ssaqsi wkoll jekk id-deċiżjoni kkontestata ma segwietx ir-Regolament Nru 797/85.

 L-osservazzjonijiet ipprezentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

69     Scalas u Lilliu jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata suffiċjentement peress li ma tagħmilx referenza għall-mod kif l-għajnuna in kwistjoni fil-kawżi prinċipali effettwat jew setgħet teffettwa l-kompetizzjoni. B’mod partikolari, l-analiżi ta’ l-effetti ta’ l-imsemmija deċiżjoni dwar il-kompetizzjoni mhijiex kompluta għaliex ma fihiex deskrizzjoni tas-suq.

70     Id-deċiżjoni kkontestata mhijiex motivata suffiċjentement ukoll fir-rigward ta’ l-impatt fuq il-kummerċ. Scalas u Lilliu jenfasizzaw f’dan ir-rigward li, meta tittieħed in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ta' Sardinja, huwa eskluż li l-kummerċ jista’ jiġi effettwat mill-imsemmija għajnuna.

71     Scalas u Lilliu jsostnu li, f’kull każ, l-imsemmija għajnuna hija kompatibbli ma’ l-Artikolu 92(2)(b) u 3(a) u (c) tat-Trattat. Il-Kummissjoni applikat ukoll b’mod inkorrett il-kriterji li joriġinaw mill-prassi speċjali tal-Kummissjoni għall-għajnuna mogħtija lill-impriżi agrikoli f’diffikultà kif ukoll mil-linji gwida, li, f’kull każ, ma kinux jorbtu lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni applikat ħażin id-Direttiva tal-Kunsill 72/159/KEE, tas-17 ta’ April 1972, dwar il-modernizzazzjoni ta’ impriżi agrikoli (ĠU L 96, p. 1), id-Direttiva tal-Kunsill 72/159/KEE, tat-28 ta’ April 1975, dwar l-agrikoltura fil-muntanji u ta’ ċerti żoni mhux favorevoli (ĠU L 128, p. 1), kif ukoll tar-Regolament Nru 797/85.

72     Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tissodisfa r-rekwiziti kollha f’dak li jirrigwarda l-għoti ta’ raġunijiet. F’dak li jikkonċerna l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna fil-kawżi prinċipali mas-suq komuni, hija ssostni li l-kriterji li jippermettu li l-għajnuna in kwistjoni taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 92(2)(b) u 3 tat-Trattat mhumiex sodisfatti.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

73     Għal dak li jirrigwarda l-obbligu li jingħataw raġunijiet skond l-Artikolu 190 tat-Trattat, dan għandu jkun adattat għall-att in kwistjoni u r-raġunijiet ta’ l-istituzzjoni li tkun adottat il-miżura in kwistjoni għandhom jingħataw b’mod ċar u mhux ekwivoku sabiex il-persuni kkonċernati jkollhom il-possibbiltà li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri li jkunu ttieħdu u sabiex il-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-kontroll tagħha. B’riferiment għaċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, mhuwiex necessarju li r-raġunijiet jispeċifikaw il-fatti u l-punti ta’ dritt kollha rilevanti, peress li l-fatt jekk ir-raġunijiet ta’ att jissodisfawx jew le r-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 190 tat-Trattat għandu jiġi evalwat mhux biss mill-kliem użat, iżda wkoll mill-kuntest tiegħu u mir-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-113/00, Ġabra p. I-7601, punti 47 u 48).

74     Għaldaqstant, fil-każ ta’ għajnuna li ma tkunx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni fl-istadju ta’ proġett, din għandha għall-inqas tagħmel riferiment għaċ-ċirkustanzi li fihom tkun ingħatat l-għajnuna meta dawk iċ-ċirkustanzi juru li l-għajnuna hija tali li teffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, iżda m’hijiex obbligata li turi l-effett reali ta’ għajnuna li tkun diġà ngħatat. Kieku dan kien il-każ, tali rekwiżit ikun jiffavorixxi l-Istati Membri li jagħtu għajnuna bi ksur ta’ l-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat, bi ħsara għal dawk li jinnotifikaw l-għajnuna fl-istadju ta’ proġett (sentenza Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 54).

75     F’dan il-każ, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni spjegat b’liema mod l-għajnuna mogħtija tat vantaġġ lill-benefiċjarji tagħha. Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li, għal dak li għandhom x’jaqsmu l-prodotti agrikoli, kull għajnuna favur il-produzzjoni nazzjonali tista’ teffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għaldaqstant, hija tat ir-raġunijiet għalfejn hija taħseb li l-għajnuna mogħtija ddeformat il-kompetizzjoni u effettwat il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Peress li l-liġi Nru 44/88 u l-erba’ miżuri ta’ għajnuna ma ġewx innotifikati, ma kienx neċessarju li tingħata deskrizzjoni tas-suq jew tispjega fid-dettall il-flussi tal-kummerċ tal-prodotti kkonċernati bejn l-Istati Membri.

76     Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat fid-dettall, fit-taqsimiet IV u V tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għalfejn, fid-dawl ta’ l-informazzjoni ppreżentata mill-awtoritajiet Taljani, il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tad-derogi fl-Artikolu 92(2) u (3) tat-Trattat ma kinux sodisfatti.

77     Minn dan jirriżulta li l-ilment dwar insuffiċjenza ta’ raġunijiet ma jistax jiġi aċċettat.

78     Għal dak li jirrigwarda l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni, din għandha tiġi vverifikata billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-Artikoli 92(2)(b) u 3(a) u (c) tat-Trattat.

79     L-Artikolu 92(2)(b) tat-Trattat jipprevedi li għajnuna mogħtija biex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew avvenimenti oħra straordinarji hija kompatibbli mas-suq komuni. Peress li din hija eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali li għajnuna mogħtija mill-Istat mhijiex kompatibbli mas-suq komuni, din id-dispożizzjoni għandha tkun interpretata b’mod strett. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet għalhekk li, skond din id-dispożizzjoni, hija biss il-ħsara kkawżata direttament minn diżastri naturali jew avvenimenti oħra straordinarji li tista’ tiġi kkumpensata. Minn dan jirriżulta li għandha teżisti rabta diretta bejn il-ħsara kkawżata minħabba l-avveniment straordinarju u l-għajnuna mogħtija mill-Istat u li hija neċessarja evalwazzjoni preċiża kemm jista’ jkun tal-ħsara kkawżata lill-produtturi kkonċernati (sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-73/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37).

80     F’dan il-każ, ma ntweriet ebda rabta bejn l-erba’ miżuri ta’ għajnuna u diżastru naturali jew avveniment straordinarju. Ir-Repubblika Taljana sostniet li xi wħud mill-miżuri ta’ għajnuna kienu intiżi sabiex jirrimedjaw għad-diffikultajiet marbuta ma’ kriżi tas-suq ikkonċernat u ma’ rati ta’ interessi għoljin, iżda, kif il-Kummissjoni osservat fid-deċiżjoni kkontestata, dawn il-fenomeni huma r-riżultat ta’ forzi tas-suq li kull negozjant irid jaffaċċja.

81     Għal dak li jirrigwarda l-problemi ta’ klima invokati mir-Repubblika Taljana, bħal nuqqas ta’ xita, dawn huma msemmija b’mod ġenerali biss. Ma ngħatatx prova ta’ xi severità speċifika meta mqabbla mal-kundizzjonijiet normali tal-klima u lanqas ma ngħatat stima tad-dannu allegatament subit mill-bdiewa minħabba tali fenomeni.

82     Għal dak li jikkonċerna l-għajnuna mogħtija lill-persuni li jrabbu l-fniek, jirriżulta mill-karatteristiċi stess ta’ l-għajnuna li din ma kinitx intiża biss għall-persuni li tilfu l-annimali ta' l-irziezet kollha tagħhom, iżda ngħatat jekk ikunu tilfu mill-inqas 20 % ta' l-annimali. Barra minn hekk, ir-Repubblika Taljana ma tat ebda prova ta’ l-eżistenza ta’ rabta bejn l-għajnuna mogħija u d-dannu subit.

83     Minn dan jirriżulta li ma ġie muri l-ebda żball ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ l-Artikolu 92(2)(b) tat-Trattat.

84     Għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-validità ta’ l-għajnuna fid-dawl ta’ l-Artikolu 92(3)(a) u (c) tat-Trattat, li jirrigwarda l-għajnuna intiża sabiex tippromwovi jew tiffaċilità l-iżvilupp ekonomiku ta’ ċerti reġjuni jew ta’ ċerti attivitajiet, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni, fl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tgawdi minn diskrezzjoni wiesgħa, li l-eżerċizzju tiegħu jinvolvi evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika u soċjali li għandhom jitwettqu f’kuntest Komunitarju u li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta tivverifika l-legalità ta’ l-eżerċizzju ta’ tali libertà, ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha b’dik ta’ l-awtorità kompetenti, iżda għandha sempliċement teżamina jekk din ta' l-aħħar hijiex ivvizjata bi żball ċar u b’abbuż ta’ poter (ara s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-456/00, Ġabra p. I-11949, punt 41).

85     F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, l-erba’ miżuri ta’ għajnuna ġew eżaminati fid-dawl tal-kriterji li joriġinaw mill-prassi speċjali tal-Kummissjoni għall-għajnuna mogħtija lill-impriżi agrikoli f’diffikultà. Il-Kummissjoni indikat ukoll f’din id-deċiżjoni li l-linji gwida ma kinux għadhom daħlu fis-seħħ u ma kinux applikabbli. Madankollu, hija ssemmi li, f’kull każ, il-kundizzjonijiet previsti f’dawn il-linji gwida ma ġewx sodisfatti.

86     Billi bbażat ruħha fuq il-kriterji li joriġinaw mill-prassi speċjali tal-Kummissjoni għall-għajnuna mogħtija lill-impriżi agrikoli f’diffikultà, li mhumiex ikkontestati mir-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni ma wettqitx żball fid-dritt. Kienu kriterji applikati komunement minn din ta’ l-aħħar fid-data meta tinfetaħ proċedura skond l-Artikolu 92(2) tat-Trattat.

87     Skond dawn il-kriterji, l-għajnuna in kwistjoni fil-kawżi prinċipali kellha tissodisfa tliet kundizzjonijiet, jiġifieri, tikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ investimenti li jkunu diġà twettqu, ma tissuperax ir-rati normalment aċċettati mill-Kummissjoni u, jew tkun ir-riżultat ta’ aġġustament mill-ġdid tar-rati tal-flus, jew jikkonċernaw impriżi agrikoli li joffru garanziji suffiċjenti ta’ rkupru ekonomiku.

88     Kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata u mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-erba’ miżuri ta’ għajnuna ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet. Minn naħa, il-fatt li jkunu twettqu investimenti ma kienx kundizzjoni għall-għoti ta’ għajnuna. Min-naħa l-oħra, anki jekk f’ċerti każijiet partikolari, l-agrikolturi li jibbenefikaw minn għajnuna kienu wettqu investimenti, ma ngħatat ebda prova li ż-żewġ kundizzjonijiet l-oħra kienu sodisfatti. Għaldaqstant, ma jidhirx li l-Kummissjoni wettqet żball ċar ta’ evalwazzjoni jew abbuż ta’ poter meta kkunsidrat, fl-aħħar ta’ l-analiżi tagħha, li l-erba’ miżuri ta’ għajnuna għall-operat ma setgħux itejbu b’mod permanenti l-kundizzjonijiet tas-settur u tar-reġjun ikkonċernat.

89     F’dak li jirrigwarda l-linji gwida, Scala u Lilliu jsostnu li dawn jirrikjedu flessibbiltà fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni fil-każ ta’ reġjuni li jkunu ngħataw assistenza bħal Sardinja u li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra l-erba’ miżuri bħala kompatibbli ma’ l-imsemmi suq.

90     Madankollu, jirriżulta mill-informazzjoni ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja li, anki kieku kien possibbli li jiġu applikati l-linji gwida, Scalas u Lilliu ma wrewx fl-osservazzjonijiet ġenerali tagħhom li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-linji gwida kienu sodisfatti.

91     Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda l-allegata applikazzjoni żbaljata tar-Regolament Nru 797/85 kif ukoll tad-Direttivi 72/159 u 75/268, huwa biżżejjed li jingħad li l-analiżi tal-kompatibbiltà ta’ l-erba’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq komuni ma kienet bl-ebda mod ibbażata fuq dawk it-testi. Id-deċiżjoni kkontestata tirreferi biss għad-Direttiva 75/268 u għar-Regolament Nru 797/85 sabiex tikkjarifka l-kunċett ta’ "żona mhux favorevoli". M’hemmx riferiment għad-Direttiva 72/159 fl-imsemmija deċiżjoni.

92     Minn dan jirriżulta li ma ġie muri l-ebda żball ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 92(3)(a) u (c) tat-Trattat.

93     Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domandi magħmula hija li l-eżami tad-deċiżjoni kkontestata ma fiha ebda raġuni li tista’ teffettwa l-validità ta’ din id-deċiżjoni.

 Fuq l-ispejjeż

94     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

L-eżami tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/612/KE, tas-16 ta' Arpil 1997, dwar għajnuna mogħtija mir-Reġjun ta' Sardinja (l-Italja) fis-settur agrikolu, ma fiha ebda raġuni li tista’ teffettwa l-validità ta’ din id-deċiżjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.