SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
25 ta' Jannar 2007 (*)
"Trade marks – Approssimazzjoni tal-liġijiet – Direttiva 89/104/KEE – Artikolu 2 – Kunċett ta' sinjal li jista' jikkostitwixxi trade mark – Reċipjent jew kompartiment għall-ġbir trasparenti li jagħmel parti mill-wiċċ estern ta' vacuum cleaner"
Fil-kawża C-321/03,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division (Ir-Renju Unit), permezz ta' deċiżjoni tas-6 ta' Ġunju 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta' Lulju 2003, fil-proċeduri
Dyson Ltd
vs
Registrar of Trade Marks,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J. Malenovský u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Léger,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' 25 ta' April 2006,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Dyson Ltd, minn H. Carr, QC, u D. R. Barron, solicitor,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Jackson, u sussegwentement minn E. O’Neill u C. White, bħala aġenti, assistiti minn M. Tappin, barrister,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Banks u N. B. Rasmussen, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-14 ta' Settembru 2006,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 3(3) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1, iktar 'il quddiem id-"Direttiva").
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta' kawża bejn Dyson Ltd (iktar 'il quddiem "Dyson") u r-Registrar of Trade Marks (iktar 'il quddiem ir-"Registrar") li tikkonċerna r-rifjut ta' dan ta' l-aħħar li jirreġistra żewġ trade marks li kull waħda minnhom tikkonsisti f'reċipjent jew kompartiment għall-ġbir (iktar 'il quddiem il-"kontenitur għall-ġbir") trasparenti li jagħmel parti mill-wiċċ estern ta' vacuum cleaner.
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Id-Direttiva għandha bħala għan, skond l-ewwel premessa tagħha, li jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, sabiex jiġu eliminati d-disparitajiet eżistenti li jistgħu jfixklu l-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni fis-suq komuni.
4 Is-seba' premessa tad-Direttiva tipprovdi li "l-ksib ta' l-merkanzija [ta' l-għanijiet] li din l-approssimazzjoni tal-liġijiet qed taspira għalihom tirrikjedi li l-kondizzjonijiet għall-kisba u ż-żamma ta’ trade mark irreġistrata huma, ġeneralment identiċi fl-Istati Membri kollha" u li, "għal dan l-iskop, huwa neċessarju li jkunu elenkati eżempji ta’ sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark, dejjem jekk tali sinjali huma kapaċi li jiddistingwu l-merkanzija jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra […]".
5 L-Artikolu 2 tad-Direttiva, intitolat "Sinjali li trade mark jistgħu jikkonsistu minnhom [Sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark]", jipprovdi:
"Trade mark tista’ tikkonsisti minn xi sinjal li jista’ jiġi magħmul grafikament, b’mod partikolari bi kliem li jinkludu ismijiet personali, disinn, ittri, numri, l-għamla tal-merkanzija jew l-imballaġġ tagħhom, basta li tali sinjali jistgħu jiddistingwu l-merkanzija jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra."
6 L-Artikolu 3 tad-Direttiva, intitolat "Raġunijiet għar-rifjut jew invalidità", jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:
"1. Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew jekk reġistrati għandhom ikunu suġġetti li jiġu dikjarati invalidi:
(a) sinjali li ma jistgħux jikkostitwixxu trade mark;
(b) trade marks li ma għandhom l-ebda karatteristika distintiva;
(ċ) trade marks li jikkonsistu esklussivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ biex jiddisinjaw it-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, jew iż-żmien ta’ produzzjoni ta’ l-merkanzija jew li jagħtu s-servizz [tal-prestazzjoni tas-servizz], jew karatteristiċi oħra ta’ l-merkanzija jew tas-servizz;
[...]
(e) tat-trade marks li jikkonsistu esklussivament minn:
– l-għamla li tirriżulta min-natura tal-merkanzija nnifishom, jew
– l-għamla ta' l-merkanzija li hi neċessarja biex jiġi ottenut riżultat tekniku, jew
– l-għamla li tagħti valur sostanzjali lill-merkanzija;
[…]
3. Trade mark ma għandhiex tkun rifjutata reġistrazzjoni jew tkun dikjarata invalida skond l-paragrafu 1 (b) (ċ) jew (d) jekk, qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u wara l-użu magħmul minnha, hi akkwistat ħadet karattru distintiv. Kwalunkwe Stat Membru jista’ barra minn dan jistabbilixxi li din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll fejn il-karatteristika distintiva kienet akkwistata wara d-data ta’ l-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni jew wara d-data tar-reġistrazzjoni."
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
7 Id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 1(1) u 3(1) ta' l-Att ta' l-1994 fuq it-trade marks (Trade Marks Act 1994) jipprovdu dan li ġej:
"1. (1) F'dan l-Att, 'trade mark' tfisser 'kull sinjal li jista' jiġi magħmul grafikament u li jista' jiddistingwi l-prodotti u s-servizzi ta' impriża waħda minn dawk ta' impriżi oħra.
Trade mark tista' b'mod partikolari tikkonsisti fi kliem, inklużi ismijiet personali, disinni, ittri, numri, jew fl-għamla tal-prodott jew ta' l-imballaġġ tiegħu.
[…]
3. (1) Dawn li ġejjin m'għandhomx jiġu rreġistrati:
a) is-sinjali li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 1(1);
b) it-trade marks li m'għandhom ebda karattru distintiv;
c) it-trade marks li jikkonsistu esklużivament f'sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, biex jindikaw it-tip, il-kwalità, il-kwantità, l-iskop intiż, il-valur, l-oriġini ġeografika jew iż-żmien ta’ produzzjoni tal-prodott jew tal-prestazzjoni tas-servizz, jew karatteristiċi oħra tal-prodott jew tas-servizz;
d) it-trade marks li jikkonsistu esklużivament f'sinjali jew indikazzjonijiet li saru komuni fil-lingwa kurrenti jew fl-użijiet leali u stabbiliti tal-kummerċ;
Ir-reġistrazzjoni ta' trade mark m'għandhiex tiġi rrifjutata b'applikazzjoni tal-paragrafi b), c) jew d) jekk, qabel id-data ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, hija kisbet karattru distintiv b'riżultat ta' l-użu li sar minnha."
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
8 Mill-1993, Dyson timmanifattura u tikkummerċjalizza l-vacuum cleaner Dual Cyclone, vacuum cleaner mingħajr borża li fih il-ħmieġ u t-trab jinġabru f'kontenitur tal-plastik trasparenti integrat fl-apparat.
9 Fl-10 ta' Diċembru 1996, il-kumpannija Notetry Ltd, miżmuma mis-Sur James Dyson, ippreżentat lir-Registrar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' sitt trade marks għal "apparat għat-tindif, għal-lustrar u għall-ħasil ta' l-art u tapiti; vacuum cleaners; apparat għall-ħasil ta' tapiti bix-xampù; apparat għal-lustrar ta' l-art; biċċiet u partijiet li jikkomponu l-prodotti kollha ċċitati iktar 'il fuq", li jaqgħu fil-klassi 9 tal-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta' Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta' Trade marks, tal-15 ta’ Lulju 1957, kif rivedut u emendat. Din l-applikazzjoni ġiet assunta minn Dyson fil-5 ta' Frar 2002.
10 L-imsemmija applikazzjoni ġiet abbandunata għal erbgħa minn dawn it-trade marks, iżda hija madankollu nżammet għat-tnejn l-oħra li kull waħda minnhom hija deskritta kif ġej: "[it-]trade mark tikkonsisti f'reċipjent jew kompartiment għall-ġbir trasparenti li jagħmel parti mill-wiċċ estern ta' vacuum cleaner, kif irrapreżentat fid-disinn". Annessa ma' kull waħda minn dawn id-deskrizzjonijiet kien hemm stampa ta' waħda jew l-oħra miż-żewġ mudelli ta' vacuum cleaner mingħajr borża mmanifatturata u kkumerċjalizzata minn Dyson.
11 L-applikazzjoni ġiet miċħuda b'deċiżjoni tar-Registrar, li ġiet ikkonfermata mill-Hearing officer fit-23 ta' Lulju 2002. Dyson appellat minn din l-aħħar deċiżjoni quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division. Din ta' l-aħħar ikkunsidrat li ż-żewġ trade marks in kwistjoni ma kellhomx karattru distintiv fis-sens tas-subparagrafu (b) ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3(1) ta' l-Att ta' l-1994 fuq it-trade marks u li huma kienu, barra min hekk, deskrittivi ta' karatteristiċi tal-prodotti koperti bl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni fis-sens tas-subparagrafu (c) ta' l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3(1) ta' l-istess Att. Il-High Court tistaqsi, min-naħa l-oħra, jekk, fid-data ta' l-applikazzjoni, jiġifieri fl-1996, l-imsemmija trade marks kinux kisbu karattru distintiv permezz ta' l-użu fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3(1) ta' l-Att ta' l-1994.
12 F'dan ir-rigward, il-High Court tikkunsidra li, fl-1996, il-konsumaturi, minn naħa, kienu jipperċepixxu l-kontenitur għall-ġbir trasparenti bħala indikazzjoni tal-fatt li l-vacuum cleaner li kellhom quddiemhom kien vacuum cleaner mingħajr borża u, min-naħa l-oħra, kienu informati permezz tar-reklamar u min-nuqqas ta' prodott rivali – billi dak iż-żmien Dyson kellha monopolju de facto fuq dan it-tip ta' prodott – li l-vacuum cleaners mingħajr borża kienu vacuum cleaners immanifatturati minn Dyson. Hija tenfasizza, min-naħa l-oħra, li, f'din id-data, il-kontenitur għall-ġbir trasparenti ma kienx għadu ngħata promozzjoni attiva bħala trade mark minn Dyson. Għaldaqstant, fid-dawl tal-punt 65 tas-sentenza tat-18 ta' Ġunju 2002, Philips (C‑299/99, Ġabra p. I‑5475), hija tistaqsi jekk sempliċi monopolju de facto jistax ikun biżżejjed sabiex jikkonferixxi karattru distintiv, meta tittieħed in kunsiderazzjoni l-assoċazzjoni magħmula bejn il-prodott u l-manifattur, jew jekk, minbarra dan, hijiex meħtieġa l-promozzjoni tas-sinjal bħala trade mark.
13 F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court of Justice (England and Wales), Chancery Division, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja ż-żewġ domandi preliminari li ġejjin:
"1) Meta l-applikant għamel użu minn sinjal (li ma jkunx forma) li jikkonsisti f'karatteristika funzjonali li tagħmel parti mid-dehra ta' tip ġdid ta' prodott u meta, sad-data ta' l-applikazzjoni għal trade mark, huwa kellu monopolju de facto fuq tali prodotti, huwa biżżejjed, sabiex is-sinjal jakkwista karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 3(3) tad-[Direttiva], li, fid-data ta' l-applikazzjoni, parti sinjifikattiva tal-pubbliku kkonċernat waslet sabiex tassoċja l-prodotti li jġibu s-sinjal in kwistjoni ma' l-applikant u ma' ebda manifattur ieħor?
2) Jekk dan mhuwiex biżżejjed, x'jeħtieġ iktar sabiex is-sinjal seta' jakkwista karattru distintiv, u b'mod partikolari jeħtieġ li l-persuna li għamlet użu minnu tkun ippromwovietu bħala trade mark?"
14 B'digriet tat-12 ta' Ottubru 2004, il-Qorti tal-Ġustizzja ssospendiet il-proċeduri, skond it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 54 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, sakemm tingħata s-sentenza finali tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropew fil-kawża Dyson vs L-UASI (vacuum cleaner) (T-278/02), billi din ta' l-aħħar qajmet l-istess kwistjoni ta' interpretazzjoni bħal f'din il-kawża.
15 Permezz tar-rikors tiegħu quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, Dyson talbet l-annullament tad-deċiżjoni ta' l-Ewwel Bord ta' l-Appell ta' l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), li permezz tagħha dan l-Uffiċċju kien irrifjuta li jirreġistra trade mark intiża għal "[a]pparat għat-tindif, għal-lustrar u għall-ħasil ta' l-art u tapiti; vacuum cleaners; apparat għall-ħasil ta' tapiti bix-xampù; apparat għall-lustrar ta' l-art; biċċiet u partijiet li jikkomponu l-prodotti kollha ċċitati iktar 'il fuq". Fil-formola ta' l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, Dyson iddeskriviet it-trade mark mitluba kif ġej:
"It-trade mark tikkonsisti f'reċipjent jew kompartiment għall-ġbir trasparenti li jagħmel parti mill-wiċċ estern ta' vacuum cleaner".
16 Billi Dyson sussegwentement irtirat l-imsemmija applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet, b'digriet ta' l-14 ta' Novembru 2005, li r-rikors ma kienx għad kellu skop u li, għaldaqstant, ma kienx hemm lok li tiddeċiedi dan ir-rikors, skond l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza. Konsegwentement, il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza tkomplew f'din l-istess data.
Fuq id-domandi preliminari
17 B'dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment taħt liema kundizzjonijiet jista' sinjal jakkwista karattru distintiv fis-sens ta' l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva, meta, bħal f'dan il-każ, l-operatur li għamel użu minnu kellu monopolju de facto fuq il-prodott li jġib dan is-sinjal qabel ma tressqet l-applikazzjoni tiegħu għar-reġistrazzjoni ta' trade mark.
18 Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li dawn id-domandi saru fir-rigward ta' applikazzjoni li permezz tagħha Dyson tfittex li tirreġistra żewġ trade marks li, skond it-termini ta' l-imsemmija applikazzjoni, jikkonsistu "f'reċipjent jew kompartiment għall-ġbir trasparenti li jagħmel parti mill-wiċċ estern ta' vacuum cleaner, kif irrapreżentat fuq id-disinn".
19 Kif speċifikat Dyson diversi drabi kemm fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub kif ukoll matul is-seduta, u kif ikkonstatat il-qorti nazzjonali stess fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, din l-applikazzjoni ma tfittixx li tikseb ir-reġistrazzjoni ta' trade mark fuq waħda jew diversi forom partikolari ta' kontenitur għall-ġbir trasparenti – billi l-forom irrappreżentati grafikament f'din l-applikazzjoni huma biss eżempji ta' tali kontenitur – iżda li tikseb ir-reġistrazzjoni ta' trade mark fuq il-kontenitur innifsu. Barra dan, huwa paċifiku li dawn it-trade marks jikkonsistu mhux f'kulur partikolari, iżda f'nuqqas ta' kulur partikolari, jiġifieri t-trasparenza, li tippermetti lill-konsumatur li jikkonstata l-kwantità ta' trab miġbura fil-kontenitur għall-ġbir u li tinformah meta dan ikun mimli.
20 Minn dan jirriżulta li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade marks fil-kawża prinċipali għandha bħala suġġett il-forom kollha immaġinabbli ta' kontenitur għall-ġbir trasparenti li jagħmel parti mill-wiċċ estern ta' vacuum cleaner.
21 Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u fis-seduta, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej sostniet li s-suġġett ta' din l-applikazzjoni ma jikkostitwixxix "sinjal" fis-sens ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva u li, għalhekk, ma jistax jiġi rreġistrat bħala trade mark. Anki jekk din il-kwistjoni ma tqajmitx mill-qorti tar-rinviju, huwa għaldaqstant neċessarju, qabel ma wieħed jipproċedi, jekk ikun il-każ, għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 3 tad-Direttiva, li jiġi vverifikat jekk is-suġġett ta' l-imsemmija applikazzjoni jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 ta' din id-Direttiva.
22 Skond Dyson u l-Gvern tar-Renju Unit, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta' rinviju għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, m'għandhiex tqajjem ex officio kwistjoni li ma tqajmitx mill-qorti tar-rinviju. Fis-seduta, dawn il-partijiet enfasizzaw f'dan ir-rigward li, matul il-proċedura amministrattiva, ir-Registrar, wara li kien oġġezzjona dwar il-punt jekk is-suġġett ta' l-applikazzjoni ta' Dyson kien sinjal li jista' jikkostitwixxi trade mark, irtira dawn l-oġġezzjonijiet meta Dyson irtirat erbgħa mis-sitt trade marks li r-reġistrazzjoni tagħhom kienet inizjalment mitluba.
23 Għandu jiġi mfakkar li, ċertament, skond il-ġurisprudenza, huwa esklużivament għall-qorti tar-rinviju li tiddefinixxi s-suġġett tad-domandi li hija trid tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt huma biss il-qrati nazzjonali li quddiemhom titressaq il-kawża u li għandhom jassumu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta' kull kawża, kemm in-neċessità ta' deċiżjoni preliminari biex ikunu f'pożizzjoni li jagħtu s-sentenza tagħhom kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta' Marzu 1999, Castelletti, C‑159/97, Ġabra p. I‑1597, punt 14, u tas-6 ta' Lulju 2006, Kersbergen-Lap u Dams-Schipper, C-154/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 21).
24 Madankollu, anki jekk, fuq il-livell formali, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet Komunitarji li jistgħu jidħlu in kunsiderazzjoni, tali fatt ma jostakolax lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utili għas-sentenza fil-kawża li tkun qiegħda tisma’, sew jekk din il-qorti tkun għamlet referenza għalihom jew le meta għamlet id-domanda tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Weigel, C‑387/01, Ġabra p. I‑ 4981, punt 44, u tal-21 ta' Frar 2006, Ritter-Coulais, C-152/03, Ġabra p. I‑1711, punt 29).
25 Issa, skond l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva, sinjali li ma jistgħux jikkostitwixxu trade mark m'għandhomx jiġu reġistrati jew jistgħu jiġu dikjarati invalidi jekk jiġu reġistrati. Din id-dispożizzjoni għalhekk timpedixxi li jiġu reġistrati sinjali li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 2 tad-Direttiva, li għandu bħala għan li jiddefinixxi t-tipi ta' sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade marks (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Philips, iċċitata iktar 'il fuq, punt 38).
26 F'dawn iċ-ċirkustanzi, kuntrarjament għal dak li sostnew Dyson u l-Gvern tar-Renju Unit, anki jekk it-termini tad-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw biss l-Artikolu 3 tad-Direttiva u anki jekk l-imsemmija qorti ma qajmitx, fil-kawża prinċipali, il-punt jekk is-suġġett ta' l-applikazzjoni in kwistjoni jistax jiġi kkunsidrat bħala sinjal li jista' jikkostitwixxi trade mark skond l-Artikolu 2 ta' l-imsemmija Direttiva, din il-kwistjoni ta' l-aħħar għandha tiġi eżaminata preliminarjament (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta' Mejju 2003, Libertel, C‑104/01, Ġabra p. I‑3793, punt 22).
27 Skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva, is-sinjali kollha jistgħu jikkostitwixxu trade marks basta li, min-naħa, jistgħu jiġu magħmula grafikament u, min-naħa l-oħra, jistgħu jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta' impriża minn dawk ta' impriżi oħra (sentenzi Philips, iċċitata iktar 'il fuq, punt 32, u tat-12 ta' Diċembru 2002, Sieckmann, C-273/00, Ġabra p. I-11737, punt 39).
28 Minn dan jirriżulta li, sabiex ikun jista' jikkostitwixxi trade mark skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva, is-suġġett ta' kull applikazzjoni għandu jissodisfa tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, huwa għandu jikkostitwixxi sinjal. It-tieni nett, dan is-sinjal għandu jkun jista' jiġi rrappreżentat grafikament. It-tielet nett, dan is-sinjal għandu jkun kapaċi jiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi ta' impriża minn dawk ta' impriżi oħra (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi Libertel, iċċitata aktar 'il fuq, punt 23, u tal-24 ta' Ġunju 2004, Heidelberger Bauchemie, C‑49/02, Ġabra p. I‑6129, punt 22).
29 Skond il-Kummissjoni, l-applikazzjoni ppreżentata minn Dyson ma tissodisfax l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, għax hija tirrigwarda kunċett, f'dan il-każ il-kunċett ta' kontenitur għall-ġbir trasparenti ta' vacuum cleaner, tkun xi tkun il-forma tiegħu. Issa, billi kunċett ma jistax jiġi pperċepit minn xi wieħed mill-ħames sensi fiżiċi u jappella biss għall-immaġinazzjoni, huwa mhuwiex "sinjal" fis-sens ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva. Li kieku kunċett seta' jikkostitwixxi trade mark, tfalli l-loġika li fuqha huwa bbażat l-Artikolu 3(1)(e) tad-Direttiva, jiġifieri li jiġi evitat li l-ħarsien tad-dritt tat-trade marks iwassal biex jagħti lill-proprjetarju tiegħu monopolju fuq soluzzjonijiet tekniċi jew karatteristiċi funzjonali ta' prodott. Għaldaqstant m'għandux ikun possibbli li jinkiseb dan il-vantaġġ billi jiġu rreġistrati l-forom kollha li jista' jkollha karatteristika funzjonali partikolari, li jkun il-każ jekk wieħed ikun jista' jirreġistra kunċett li jista' jinkorpora diversi rappreżentazzjonijiet fiżiċi.
30 Min-naħa l-oħra, Dyson, sostnut fuq dan il-punt mill-Gvern tar-Renju Unit, tikkunsidra li, anki jekk huwa veru, kif hija indikat fis-seduta, li kunċett mhuwiex sinjal li jista' jiġi rreġistrat bħala trade mark, l-applikazzjoni tagħha tirrigwarda "sinjal" fis-sens ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva. Il-kunċett ta' "sinjal", li huwa ddefinit b'mod estensiv mill-ġurisprudenza, fil-fatt ikopri kull messaġġ li jista' jiġi pperċepit permezz ta' wieħed mill-ħames sensi fiżiċi. Issa, jirriżulta mill-kawża prinċipali li l-konsumaturi jassoċjaw il-kontenitur għall-ġbir trasparenti li huwa s-suġġett ta' l-applikazzjoni ma' Dyson. Minbarra dan, il-konsumatur huwa f'pożizzjoni, min-naħa, li jara l-imsemmi kontenitur għall-ġbir, li jikkostitwixxi parti fiżika mill-vacuum cleaner, u, min-naħa l-oħra, li jikkonstata li huwa trasparenti. Il-kontenitur għall-ġbir huwa għalhekk perċettibbli permezz tal-vista u ma jistax, għaldaqstant, jiġi kkunsidrat bħala l-frott ta' l-immaġinazzjoni tal-konsumatur.
31 F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 2 tad-Direttiva, is-sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade marks huma, b'mod partikolari, kliem, inklużi ismijiet personali, disinni, ittri, numri, l-għamla tal-prodott jew ta' l-imballaġġ tiegħu.
32 Għalkemm din id-dispożizzjoni ssemmi biss is-sinjali li jistgħu jiġu pperċepiti viżwalment, tat-tip bidimensjonali jew tridimensjoni, u li jistgħu għalhekk jiġu rrapreżentati permezz ta' ittri jew karattri miktubin jew stampa, jirriżulta, madankollu, mit-termini kemm ta' l-imsemmi Artikolu 2 kif ukoll tas-seba' premessa tad-Direttiva, li tirreferi għal lista ta' "eżempji" ta' sinjali li jistgħu jikkostitwixxu trade mark, li din il-lista mhijiex eżawrjenti. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li għalkemm l-Artikolu 2 tad-Direttiva ma jsemmix is-sinjali li ma jistgħux fihom infushom jiġu pperċepiti viżwalment, bħalma huma l-ħsejjes jew l-irwejjaħ, huwa ma jeskludihomx espressament (sentenzi Sieckmann, iċċitata iktar 'il fuq, punti 43 u 44, u tas-27 ta' Novembru 2003, Shield Mark, C‑283/01, Ġabra p. I‑14313, punti 34 u 35).
33 Madankollu, taħt piena li din il-kundizzjoni tiġi mċaħħda minn kull sustanza, ma jistax jiġi aċċettat li s-suġġett ta' kull applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade mark tikkostitwixxi neċessarjament sinjal fis-sens ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva.
34 Kif diġà indikat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan ta' din il-kundizzjoni huwa, b'mod partikolari, li jiġi evitat li d-dritt tat-trade marks jiġi abbużat sabiex jinkiseb vantaġġ kompetittiv indebitu (sentenza Heidelberger Bauchemie, iċċitata iktar 'il fuq, punt 24).
35 Issa, f'dan il-każ, huwa paċifiku li s-suġġett ta' l-applikazzjoni fil-kawża prinċipali ma jirrigwardax tip partikolari ta' kontenitur għall-ġbir trasparenti li jagħmel parti mill-wiċċ estern ta' vacuum cleaner, iżda, b'mod ġenerali u astratt, il-forom kollha immaġinabbli ta' tali kontenitur għall-ġbir.
36 F'dan ir-rigward, Dyson ma tistax issostni li s-suġġett ta' l-applikazzjoni tagħha fil-kawża prinċipali jista' jiġi pperċepit viżwalment. Fil-fatt, dak li l-konsumatur huwa f'pożizzjoni li jidentifika permezz tal-vista, mhuwiex is-suġġett ta' din l-applikazzjoni, iżda tnejn mir-rappreżentazzjonijiet grafiċi tiegħu kif jidhru f'din l-applikazzjoni. Issa dawn ir-rappreżentazzjonijiet ma jistgħux jiġu ekwiparati mas-suġġett ta' l-applikazzjoni billi, kif enfasizzat Dyson diversi drabi, huma jikkostitwixxu biss eżempji.
37 Minn dan jirriżulta li, għad-differenza ta' l-applikazzjonijiet li taw lok għas-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Sieckmann u Shield Mark, is-suġġett ta' l-applikazzjoni fil-kawża prinċipali jfittex li jkopri kotra kbira ta' aspetti differenti u li għalhekk huwa mhuwiex iddefinit. Kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-forma, id-dimensjonijiet, il-preżentazzjoni u l-kompożizzjoni ta' dan is-suġġett jiddependu fil-fatt kemm mill-mudelli ta' vacuum cleaners żviluppati minn Dyson kif ukoll mill-innovazzjonijiet tekniċi. Bl-istess mod, it-trasparenza tippermetti l-użu ta' varji kuluri.
38 Fid-dawl ta' l-esklużività inerenti għad-dritt tat-trade marks, il-proprjetarju ta' trade mark li tirrigwarda suġġett indeterminat bħal dan jikseb, kuntrarjament għall-għan li l-Artikolu 2 tad-Direttiva jfittex li jilħaq, vantaġġ kompetittiv indebitu, peress li jkollu d-dritt li jostakola l-possibbiltà għall-kompetituri tiegħu li joffru vacuum cleaners li jippreżentaw fuq il-wiċċ estern tagħhom kull speċi ta' kontenitur għall-ġbir trasparenti, tkun xi tkun il-forma tiegħu.
39 Minn dan jirriżulta li s-suġġett ta' l-applikazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali jinsab, fir-realtà, f'sempliċi proprjetà tal-prodott ikkonċernat u li għalhekk ma jikkostitwixxix "sinjal" fis-sens ta' l-Artikolu 2 tad-Direttiva (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Libertel, iċċitata iktar 'il fuq, punt 27).
40 Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 2 tad-Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li s-suġġett ta' applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade marks, bħal dik ippreżentata fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda l-forom kollha immaġinabbli ta' reċipjent jew kompartiment ta' ġbir trasparenti li jagħmel parti mill-wiċċ estern ta' vacuum cleaner, ma jikkostitwixxix "sinjal" fis-sens ta' din id-dispożizzjoni u li, għalhekk, ma jistax jikkostitwixxi trade mark fis-sens ta' din id-dispożizzjoni.
41 F'dawn iċ-ċirkustanzi, mhemmx lok li jiġi interpretat l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva.
Fuq l-ispejjeż
42 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeċiedi li:
L-Artikolu 2 ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks, għandu jkun interpretat fis-sens li s-suġġett ta' applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' trade marks, bħal dik ippreżentata fil-kawża prinċipali, li tirrigwarda l-forom kollha immaġinabbli ta' reċipjent jew kompartiment għall-ġbir trasparenti li jagħmel parti mill-wiċċ estern ta' vacuum cleaner, ma jikkostitwixxix "sinjal" fis-sens ta' din id-dispożizzjoni u li, għalhekk, ma jistax jikkostitwixxi trade mark fis-sens ta' din id-dispożizzjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.