SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

30 ta' Settembru 2004 (*)

"Politika soċjali – Trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa – Artikolu 141(4) KE – Direttiva 76/207/KEE – Kundizzjonijiet ta' aċċess għall-impjiegi fis-servizz pubbliku – Dispożizzjonijiet li jirriservaw għar-romol nisa li ma jkunux reġgħu żżewġu l-benefiċċju ta' eżenzjoni mil-limiti ta' l-età fir-rigward ta' l-aċċess għal impjiegi bħal dawn"

Fil-kawża C-319/03,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,

imressqa mit-tribunal administratif de Paris (Franza), permezz ta' deċiżjoni tat-3 ta' Lulju 2003, li waslet fl-24 ta' Lulju 2003, fil-proċedura

Serge Briheche

vs

Ministre de l'Intérieur,

Ministre de l'Éducation nationale

u

Ministre de la Justice,

 IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, C. Gulmann, R. Schintgen, F. Macken (Relatur) u N. Colneric, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għas-Sur Briheche, minnu stess,

–       għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u C. Bergeot-Nunes, bħala aġenti,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M.-J. Jonczy u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tad-29 ta' Ġunju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta' Frar 1976, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, p. 40, aktar 'il quddiem id-"Direttiva").

2       Din it-talba kienet ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn is-Sur Briheche u l-Ministru ta' l-Intern, il-Ministru ta' l-Edukazzjoni Nazzjonali u l-Ministru tal-Ġustizzja dwar iċ-ċaħda ta' dawn ta' l-aħħar li jaċċettaw il-kandidatura tiegħu għal diversi kompetizzjonijiet organizzati għar-reklutaġġ ta' assistenti jew ta' segretarji amministrattivi minħabba li ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni ta' età prevista mil-leġiżlazzjoni Franċiża sabiex wieħed jieħu sehem f'dawn il-kompetizzjonijiet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 141(4) KE jipprovdi li:

"Bl-iskop li tkun assigurata l-ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn irġiel u n-nisa fil-ħajja tax-xogħol, il-prinċipju ta’ trattament indaqs m’għandux ifixkel lil xi Stat Membru milli jżomm jew jadotta miżuri li jipprovdu għal vantaġġi speċifiċi sabiex jagħmilha aktar faċli għal dak is-sess li jkun anqas rappreżentat biex jfittex attività professjonali jew biex jipprevjeni jew jikkumpensa għal żvantaġġi fil-karrieri professjonali."

4       Skond l-Artikolu 2(1) u (4) tad-Direttiva:

"1.      Għall-iskopijiet tad-dispożizzjonijiet li ġejjin, il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m'għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba sess kemm direttament kif ukoll indirettament, speċjalment billi ssir referenza għall-istat maritali jew tal-familja.

[…]

4.      Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal xi miżuri li jmexxu 'l quddiem l-opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa, speċjalment billi jneħħu xi inugwaljanzi li jeżistu li jaffettwaw l-opportunitajiet tan-nisa fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1(1)."

5       Skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva:

"L-applikazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba s-sess fil-k[u]ndizzjonijiet, inklużi l-kriterji [ta' ]l-għażla, għall-aċċess għall-impjiegi kollha jew postijiet, ikun x'ikun is-settur jew il-qasam [ta'] l-attivita, u għal-livelli kollha tal-ġerarkija tax-xogħol."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6       Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 5 tad-Digriet Nru 90-713, ta' l-1 ta' Awwissu 1990, dwar id-dispożizzjonijiet statutorji komuni applikabbli għall-assistenti amministrattivi ta' l-amministrazzjonijiet ta' l-Istat (JORF tal-11 ta' Awwissu 1990, p. 9795), il-limitu ta' età għar-reklutaġġ, permezz ta' kompetizzjoni esterna, ta' uffiċjali bħala assistenti amministrattivi huwa ta' 45 sena.

7       L-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 75-765, ta' l-14 ta' Awwissu 1975, dwar il-limitu ta' età applikabbli għar-reklutaġġ, permezz ta' kompetizzjoni, ta' uffiċjali kklassifikati fil-kategoriji B, C u D (JORF tad-19 ta' Awwissu 1975, p. 8444), jipprovdi wkoll li l-limitu ta' età għall-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni huwa ta' 45 sena, sakemm dispożizzjonijiet speċifiċi ma jistabbilixxux limitu ta' età aktar għoli.

8       Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 75-3, tat-3 ta' Jannar 1975, dwar diversi titjib u simplifikazzjonijiet fil-qasam ta' pensjonijiet u benefiċċji tal-konjuġi superstiti, l-ommijiet u l-anzjani (JORF ta' l-4 ta' Jannar 1975, p. 198), "[i]l-limiti ta' età għall-aċċess għall-impjiegi fis-servizz pubbliku m'għandhomx jiġu applikati fir-rigward tan-nisa li jsibu rwieħhom f'sitwazzjoni fejn ikollhom jaħdmu wara l-mewt tar-raġel tagħhom".

9       Din l-eċċezzjoni kienet ġiet emendata permezz tal-Liġi Nru 79-569, tas-7 ta' Lulju 1979, dwar it-tneħħija tal-limiti ta' età għal aċċess għall-impjiegi fis-servizz pubbliku fir-rigward ta' ċerti kategoriji ta' nisa (JORF tat-8 ta' Lulju 1979), sabiex issir applikabbli għall-ommijiet bi tliet ulied jew aktar, għar-romol nisa li ma jkunux reġgħu żżewġu, għan-nisa divorzjati u li ma jkunux reġgħu żżewġu, għan-nisa separati legalment u għan-nisa mhux miżżewġin li għandhom il-kura ta' mill-inqas tarbija waħda, li jsibu rwieħhom f'sitwazzjoni fejn ikollhom jaħdmu.

10     L-Artikolu 34 tal-Liġi Nru 2001-397, tad-9 ta' Mejju 2001, dwar l-ugwaljanza professjonali bejn in-nisa u l-irġiel (JORF ta' l-10 ta' Mejju 2001, p. 7320), iżid l-irġiel mhux miżżewġin li għandhom il-kura ta' mill-inqas tarbija waħda u li jsibu rwieħhom f'sitwazzjoni fejn ikollhom jaħdmu ma' din il-lista ta' kategoriji ta' persuni msemmija fil-punt preċedenti.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11     Is-Sur Briheche, armel ta' 48 sena li ma reġax iżżewweġ u li għandu l-kura ta' tarbija, ippreżenta ruħu bħala kandidat għal diversi kompetizzjonijiet organizzati mill-amministrazzjoni pubblika Franċiża u, fost oħrajn, għal kompetizzjoni organizzata fl-2002 mill-Ministeru ta' l-Intern għar-reklutaġġ ta' assistenti amministrattivi ma' l-amministrazzjoni ċentrali.

12     Il-kandidatura tiegħu għal din l-aħħar kompetizzjoni ġiet miċħuda permezz ta' deċiżjoni tat-28 ta' Jannar 2002 minħabba li ma kienx jissodisfa l-kundizzjoni ta' età, stabbilita fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 5 tad-Digriet Nru 90-713, sabiex jieħu sehem f'kompetizzjoni bħal din.

13     Huwa ressaq appell amministrattiv kontra din id-deċiżjoni ta' ċaħda tal-kandidatura tiegħu, fejn sostna li, minħabba d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 2001-397, il-limitu ta' età ta' 45 sena ma setax jibqa' jiġi applikat fir-rigward tiegħu.

14     Dan ir-rikors ġie miċħud permezz ta' deċiżjoni tal-Ministru ta' l-Intern tat-8 ta' Marzu 2002 fejn dan, minn naħa, tenna dak li kien qal fid-deċiżjoni tiegħu tat-28 ta' Jannar 2002 u, min-naħa l-oħra, ippreċiża li, apparti minn ċerti kategoriji ta' nisa, huma biss l-irġiel mhux miżżewġin li għandhom il-kura ta' mill-inqas tarbija waħda u li jsibu rwieħhom f'sitwazzjoni fejn ikollhom jaħdmu li jistgħu jgawdu mit-tneħħija tal-limitu ta' età fir-rigward ta' l-aċċess għall-impjiegi fis-servizz pubbliku.

15     Fit-28 ta' Marzu 2002, is-Sur Briheche ressaq rikors quddiem it-tribunal administratif de Paris fejn talab, b'mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjonijiet tat-28 ta' Jannar u tat-8 ta' Marzu 2002 li ċaħdu l-kandidatura tiegħu għall-imsemmija kompetizzjoni. Huwa jsostni li l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 75-3, kif emendata bil-Liġi Nru 2001-397, safejn jirriserva għar-"romol nisa li ma reġgħux iżżewġu" il-benefiċċju ta' l-eżenzjoni mil-limiti ta' età fir-rigward ta' l-aċċess għall-impjiegi fis-servizz pubbliku, mhuwiex konformi ma' l-għanijiet tad-Direttiva. Fil-fatt, din id-direttiva, għalkemm ma tipprekludix miżuri li jneħħu l-inugwaljanzi attwali li jaffettwaw l-opportunitajiet tan-nisa meta jiġu biex isibu xogħol, tobbliga lill-Istati Membri jirrevedu dawk id-dispożizzjonijiet li jirriżultaw minn għan ta' protezzjoni li m'għadux fondat.

16     Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li t-tribunal administratif de Paris iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"[I]d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 76/207/KEE, tad-9 ta' Frar 1976, jipprekludu lil Franza milli żżomm fis-seħħ id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 75-3, tat-3 ta' Jannar 1975, emendati mil-Liġi Nru 79-569, tas-7 ta' Lulju 1979 u mbagħad mil-Liġi Nru 2001-397, tad-9 ta' Mejju 2001, dwar ir-romol nisa li ma reġgħux iżżewġu?"

 Fuq id-domanda preliminari

17     Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 3(1) u 2(4) tad-Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriserva l-eżenzjoni mil-limiti ta' età fir-rigward ta' l-aċċess għall-impjiegi fis-servizzi pubbliċi għar-romol nisa li ma reġgħux iżżewġu u li jsibu rwieħhom f'sitwazzjoni fejn ikollhom bżonn jaħdmu, filwaqt li teskludi romol irġiel li jinstabu fl-istess sitwazzjoni.

18     Skond ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta' trattament ugwali stabbilit fid-Direttiva għandu portata ġenerali u din tkopri r-relazzjonijiet ta' impjieg fis-settur pubbliku (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta' Jannar 2000, Kreil, C-285/98, Ġabra p. I-69, punt 18, u tad-19 ta' Marzu 2002, Lommers, C-476/99, Ġabra p. I-2891, punt 25).

19     Dan il-prinċipju jfisser, skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, "li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni minħabba s-sess fil-kondizzjonijiet, inklużi l-kriterji [ta' ]l-għażla, għall-aċċess għall-impjiegi kollha jew postijiet, ikun x'ikun is-settur jew il-qasam [ta'] l-attivita, u għal-livelli kollha tal-ġerarkija tax-xogħol".

20     Leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali li, fir-rigward ta' l-ammissjoni għall-kompetizzjonijiet esterni organizzati għar-reklutaġġ ta' uffiċjali, tipprovdi li l-limitu ta' età m'għandux jiġi applikat għar-romol nisa li ma reġgħux iżżewġu u li jsibu rwieħhom f'sitwazzjoni fejn ikollhom jaħdmu, tinvolvi diskriminazzjoni minħabba s-sess, li tmur kontra l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva, fir-rigward tar-romol irġiel li ma jkunux reġgħu żżewġu u li jinstabu fl-istess sitwazzjoni bħal dawn ta' l-aħħar.

21     F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni bħal din tistax, madankollu, tiġi aċċettata taħt l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva li jipprovdi li din id-Direttiva "hija mingħajr preġudizzju għal xi miżuri li jmexxu 'l quddiem l-opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa, speċjalment billi jneħħu xi inugwaljanzi li jeżistu li jaffettwaw l-opportunitajiet tan-nisa fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1(1)".

22     Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar għandha l-għan preċiż u limitat li tawtorizza miżuri li, minkejja li jidhru li huma diskriminatorji, huma effettivament intiżi sabiex jeliminaw jew inaqqsu l-inugwaljanzi attwali li jistgħu jeżistu fir-realtà tal-ħajja soċjali (sentenza tal-11 ta' Novembru 1997, Marschall, C-409/95, Ġabra p. I-6363, punt 26).

23     Azzjoni intiża sabiex tagħti prijorità lill-kandidati nisa fis-setturi tas-servizz pubbliku għandha titqies bħala kompatibbli mad-dritt Komunitarji sakemm ma tagħtix b'mod awtomatiku u mingħajr kundizzjonijiet il-prijorità lill-kandidati nisa li għandhom kwalifiki ugwali għal dawk tal-kompetituri rġiel tagħhom u sakemm il-kandidaturi jkunu s-suġġett ta' evalwazzjoni oġġettiva li tieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjonijiet personali partikolari tal-kandidati kollha (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta' Marzu 2000, Badeck et, C-158/97, Ġabra p. I-1875, punt 23).

24     Dawn il-kundizzjonijiet huma jirriżultaw mill-fatt li, fid-determinazzjoni tal-portata ta' kull deroga għal dritt individwali, bħalma huwa t-trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa stabbilit fid-Direttiva, għandu jiġi rrispettat il-prinċipju ta' proporzjonalità li jeżiġi li d-derogi ma jissuperawx il-limiti ta' dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tagħhom u li, safejn huwa possibbli, il-prinċipju ta' trattament ugwali jkun ikkonċiljat ma' l-eżiġenzi ta' l-għan ta' dawn id-derogi (sentenza Lommers, iċċitata aktar 'il fuq, punt 39).

25     Għaldaqstant, l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva jawtorizza miżuri nazzjonali fil-qasam ta' l-aċċess għall-impjieg li, billi jiffavorixxu b'mod speċjali lin-nisa, għandhom l-għan li jtejbu l-kapaċità tagħhom li jikkompetu fis-suq tax-xogħol u li jkollhom karriera taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-irġiel. Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex twassal għal ugwaljanza sostanzjali u mhux formali billi tnaqqas l-inugwaljanzi attwali li jistgħu jeżistu fil-ħajja soċjali u, b'hekk, sabiex, skond l-Artikolu 141(4) KE, tipprevjeni jew tikkumpensa għal żvantaġġi fil-karriera professjonali tal-persuni kkonċernati (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta' Ottubru 1995, Kalanke, C-450/93, Ġabra p. I-3051, punt 19, u tas-6 ta' Lulju 2000, Abrahamsson u Anderson, C-407/98, Ġabra p. I-5539, punt 48).

26     Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Franċiż isostni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali kienet ġiet adottata sabiex tillimita l-inugwaljanzi attwali kkonstatati bejn l-irġiel u n-nisa, b'mod partikolari minħabba l-fatt li n-nisa jassumu l-parti l-kbira tax-xogħol domestiku, speċjalment meta l-familja tinkludi tfal, u sabiex tiffaċilita d-dħul tan-nisa fil-ħajja tax-xogħol.

27     Kif osservat ġustament il-Kummissjoni, leġiżlazzjoni bħal din tagħti prijorità assoluta u mingħajr kundizzjonijiet lill-kandidaturi ta' ċerti kategoriji ta' nisa, fosthom ir-romol li ma jkunux reġgħu żżewġu u li jsibu rwieħhom f'sitwazzjoni fejn ikollhom jaħdmu, billi tirriserva għalihom il-benefiċċju ta' l-eżenzjoni mil-limiti ta' età fir-rigward ta' l-aċċess għall-impjiegi fis-servizz pubbliku filwaqt li teskludi r-romol irġiel li ma jkunux reġgħu żżewġu u li jkunu fl-istess sitwazzjoni.

28     Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni bħal din, li, bis-saħħa tagħha, limitu ta' età għall-aċċess għall-impjiegi fis-servizz pubbliku mhuwiex applikabbli għal ċerti kategoriji ta' nisa filwaqt li dan il-limitu huwa applikabbli għall-irġiel li jsibu rwieħhom fl-istess sitwazzjoni bħal dawn ta' l-aħħar, ma tistax tiġi aċċettata taħt l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva.

29     F'dawn iċ-ċirkustanzi għandu jiġi ddeterminat jekk, madankollu, leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex aċċettabbli taħt l-Artikolu 141(4) KE.

30     Din id-dispożizzjoni ta' l-aħħar tawtorizza lill-Istati Membri jżommu fis-seħħ jew jadottaw miżuri li jipprovdu għal vantaġġi speċifiċi sabiex, b'mod partikolari, jipprevjenu jew jikkumpensaw għal żvantaġġi fil-karriera professjonali bil-għan li tkun verament assigurata ugwaljanza sħiħa bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja professjonali.

31     Irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk azzjonijiet pożittivi, li mhumiex ta' natura tali li jistgħu jiġu aċċettati taħt l-Artikolu 2(4) tad-Direttiva, jistgħux eventwalment jiġu aċċettati taħt l-Artikolu 141(4) KE, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, din l-aħħar dispożizzjoni ma tistax tippermetti lill-Istati Membru jadottaw kundizzjonijiet għall-aċċess għall-impjiegi fis-servizz pubbliku, bħal dawk in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirriżulta li, f'kull każ, huma sproporzjonati għall-għan tagħhom (ara, f'dan is-sens, is-sentenza Abrahamsson u Anderson, iċċitati aktar 'il fuq, punt 55).

32     Minn dak li għadu kemm intqal jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 3(1) u 2(4) tad-Direttiva 76/207 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tirriserva l-eżenzjoni mil-limiti ta' età fir-rigward ta' l-aċċess għall-impjiegi fis-servizz pubbliku għar-romol nisa li ma jkunux reġgħu żżewġu u li jsibu rwieħhom f'sitwazzjoni fejn ikollhom jaħdmu filwaqt li teskludi r-romol irġiel li ma jkunux reġgħu żżewġu u li jkunu fl-istess sitwazzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

33     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla), taqta' u tiddeċiedi li:

L-Artikoli 3(1) u 2(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta' Frar 1976, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta' trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, tirriserva l-eżenzjoni mil-limiti ta' età fir-rigward ta' l-aċċess għall-impjiegi fis-servizz pubbliku għar-romol nisa li ma jkunux reġgħu żżewġu u li jsibu rwieħhom f'sitwazzjoni fejn ikollhom jaħdmu filwaqt li teskludi r-romol irġiel li ma jkunux reġgħu żżewġu u li jkunu fl-istess sitwazzjoni.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.