SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

20 ta' Jannar 2005 (*)

"Sigurtà soċjali għall-ħaddiema migranti – Artikoli 12 KE, 39 KE u 42 KE – Artikoli 45 u 48(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Anzjanità u mewt – Qgħad – Perijodi minimi ta' assigurazzjoni – Perijodi ta' assigurazzjoni meħuda in kunsiderazzjoni għall-kalkolu ta' l-ammont tal-benefiċċji iżda mhux għal ksib tad-dritt għal dawn il-benefiċċji – Perijodi ta' qgħad – Aggregazzjoni"

Fil-kawża C-306/03

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Juzgado de lo Social nº 3 de Orense (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni ta' l-24 ta' Ġunju 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Lulju 2003, fil-kawża

Cristalina Salgado Alonso

vs

Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS),

Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn  C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla,  R. Silva de Lapuerta, R. Schintgen (Relatur), P. Kūris u G. Arestis, Imħallfin

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Múgica Arzamendi, Amministratur Prinċipali

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta' Settembru 2004,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal C. Salgado Alonso, minn A. Vázquez Conde, abogado,

–       għall-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) u t-Tesorería General de la Seguridad Social (TGSS), minn A. R. Trillo García u A. Llorente Alvarez, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Spanjol, minn E. Braquehais Conesa, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn H. Michard u I. Martínez del Peral kif ukoll minn D. Martin, bħala aġenti,

wara li semghet  il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta' Ottubru 2004,

taghti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 12 KE, 39 KE u 42 KE kif ukoll ta' l-Artikoli 45 u 48(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta' l-14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat u aġġornat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta' Diċembru 1996 (ĠU 1997, L 28, p. 1), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98 tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU L 209, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 1408/71").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-kawża bejn C. Salgado Alonso u l-Instituto Nacional de la Seguridad Social (Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, iktar 'il quddiem l-"INSS") u t-Tesorería General de la Seguridad Social (Fond Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali, iktar 'il quddiem it-"TGSS") rigward l-għotja ta' pensjoni ta' l-irtirar taħt il-leġiżlazzjoni Spanjola.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 1(r) tar-Regolament Nru 1408/71 jiddefinixxi l-frażi "perjodi ta' l-assigurazzjoni" bħala:

"perjodi ta' kontribuzzjoni jew perjodu ta' impjieg jew ta' xogħol għal rasu kif iddefiniti u magħrufa bħala perjodi ta' assigurazzjoni bil-leġiżlazzjoni taħt liema kienu kompluti jew ikkunsidrati bħala kompluti, u l-perjodi kollha meqjusa bħala tali, fejn huma meqjusa mill-imsemmija leġiżlazzjoni bħala ekwivalenti għall-perjodi ta' assigurazzjoni"

4       L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi:

"Suġġetti għad-dispożizzjonijiet speċjali ta' dan ir-Regolament, persuni residenti fit-territorju ta' Stat Membru li għalih japplika dan ir-Regolament [i]kunu suġġetti għall-istess obbligazzjonijiet u jgawdu l-istess benefiċċji taħt il-leġiżlazzjoni ta' kwalunkwe Stat Membru bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat."

5       L-Artikolu 45(1) ta' l-istess Regolament jistabbilixxi l-prinċipju ta' l-aggregazzjoni tal-perijodi ta' l-assigurazzjoni għall-akkwist, iż-żamma jew l-irkupru tad-dritt għall-benefiċċji kif ġej:

"Fejn il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru tagħmel l-akkwist, ir-retenzjoni u l-irkuprar tad-dritt [għall-]benefiċċji, taħt skema li mhix skema speċjali fl-ambitu tat-tifsira tal-paragrafu 2 jew 3, suġġetti għat-twettiq ta' perjodi ta' assigurazzjoni jew residenza, l-istituzzjoni kompetenti ta' dak l-Istat Membru tieħu inkonsiderazzjoni, fejn meħtieġ, tal-perjodi ta' assigurazzjoni jew residenza mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta' kwalunkwe Stat Membru ieħor, sew jekk taħt skema ġenerali jew taħt skema speċjali u sew jakk bħala persuna impjegata kif ukoll jekk persuna li taħdem għal rasha. Għal dan l-iskop, hija tieħu inkonsiderazzjoni dawn il-perjodi bħallikieku twettqu taħt il-leġiżlazzjoni tagħha."

6       L-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 1408/71:

"Fejn il-kondizzjonijiet meħtieġa mil-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru għall-intitolar tal-benefiċċji jkunu ġew sodisfatti mingħajr ma jkollu jkun applikat l-Artikolu 45 jew l-Artikolu 40(3), [i]kunu japplikaw ir-regoli li ġejjin:

a)      l-istituzzjoni kompetenti tikkalkula l-ammont teoretiku tal-benefiċċju li għalih il-persuna kkonċernata tkun tista' tagħmel it-talba basta l-perjodi kollha ta' l-assigurazzjoni u/jew tar-residenza, li kienu mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta' l-Istati Membri li għalihom il-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha kienet suġġetta, [i]kunu ġew imwettqa fl-Istat inkwistjoni taħt il-leġiżlazzjoni li hija tamministra fil-jum tal-għoti tal-benefiċċju. Jekk, taħt din il-leġiżlazzjoni, l-ammont tal-benefiċċju huwa indipendenti mit-tul tal-perjodi mwettqa, l-ammont jitqies bħala li jkun l-ammont teoretiku li għalih hemm riferenza f'dan il-paragrafu;

b)      l-istituzzjoni kompetenti sussegwentement tiddetermina l-ammont attwali tal-benefiċċju abażi tal-ammont teoretiku li għalih hemm riferenza fil-paragrafu preċedenti skond il-proporzjon tat-tul taż-żmien tal-perjodi ta' assigurazzjoni jew tar-residenza mwettqa qabel il-materjalizzazzjoni tar-riskju taħt il-leġiżlazzjoni li hija tamministra mat-tul taz-żmien totali tal-perjodi ta' assigurazzjoni u tar-residenza mwettqa qabel il-materjalizzazzjoni tar-riskju taħt il-leġiżlazzjonijiet ta' l-Istati Membri kollha kkonċernati.

7       L-Artikolu 48(1) ta' l-istess Regolament jipprevedi eċċezzjoni, fil-qasam ta' l-għoti ta' pensjoni, għall-perijodi ta' assigurazzjoni ta' inqas minn sena li tgħid kif ġej:

"Minkejja l-Artikolu 46(2), l-istituzzjoni ta' Stat Membru ma tkunx mistennija li tagħti benefiċċji rigward perjodi mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni li tamministra li jittieħdu in konsiderazzjoni meta r-riskju jimmaterjalizza, kemm-il darba:

–       it-tul ta' l-imsemmija perjodi ma jammontax għal sena,

u

–       waqt li jittieħdu dawn il-perjodi biss inkonsiderazzjoni, ebda dritt ta' benefiċċju ma jinkiseb bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta' dik il-leġiżlazzjoni."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8       L-Artikolu 161(1)(b) tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali, fil-verżjoni kkodifikata tagħha mid-Digriet Reali Leġiżlattiv 1/94 ta' l-20 ta' Ġunju 1994 (BOE Nru 154, tad-29 ta' Ġunju 1994), kif emendata mil-Liġi 50/98, dwar il-miżuri fiskali, amministrattivi u soċjali (BOE tal-31 ta' Diċembru 1998, iktar 'il quddiem il-"Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali") jissuġġetta l-għoti ta' pensjoni kontributorja ta' l-irtirar għall-ikkompletar ta' perijodu minimu ta' kontribuzzjoni ta' ħmistax-il sena, li għall-inqas tnejn minnhom għandhom ikunu kompluti matul il-ħmistax-il sena li jippreċedu immedjatament iż-żmien meta jiġri l-fatt li jagħti lok għad-dritt għal benefiċċju.

9       L-Artikolu 218 tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali jipprevedi li meta l-persuna assigurata tibbenefika minn allokazzjoni għall-qgħad, l-Instituto Nacional de Empleo (korp amministrattiv ta' l-assigurazzjoni għall-qgħad, iktar 'il quddiem l-"INEM") għandu jħallas lis-Sigurtà Soċjali kontribuzzjonijiet, għal diversi aspetti, skond in-natura tal-benefiċċju mogħti. B'hekk, skond l-Artikolu 2 ta' din id-dispożizzjoni:

"Fil-każ ta' allokazzjoni għall-qgħad intiża għall-ħaddiema li għandhom iktar minn 52 sena, il-korp amministrattiv għandu wkoll jikkontribwixxi għall-assigurazzjoni għall-anzjanità"

10     Skond l-Artikolu 215(1)(3) tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali, din l-allokazzjoni għall-qgħad għandha tingħata lill-ħaddiem mingħajr xogħol li kkontribwixxa għall-assigurazzjoni għall-qgħad għal sitt snin u li ssodisfa l-kundizzjonijiet kollha, barra dik ta' l-età, sabiex jikseb pensjoni kontributorja ta' l-irtirar taħt l-iskema tas-sigurtà soċjali Spanjola.

11     Fl-aħħar nett, it-tmienja u għoxrin dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1999, wara l-promulgazzjoni tal-liġi 50/98, hija fformulata kif ġej:

"Skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 218(2) ta' din il-liġi, il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-korp amministrattiv taħt l-assigurazzjoni għall-irtirar għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-kalkolu ta' l-ammont bażiku tal-pensjoni ta' l-irtirar u tal-persentaġġ applikabbli għalih. Il-validità u l-effetti ġuridiċi ta' dawn il-kontribuzzjonijiet ma jistgħu qatt ikunu invokati sabiex jipprovaw il-perijodu minimu ta' kontribuzzjoni meħtieġ mill-Artikolu 161(1)(b) ta' din il-liġi, li, skond l-Artikolu 215(1)(3) il-persuna assigurata għandha tipprova meta hija titlob il-benefiċċju ta' l-allokazzjoni [għall-qgħad] prevista għall-persuni [qiegħda] li għandhom iktar minn 52 sena."

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12     C. Salgado Alonso, li twieldet fit-30 ta' Mejju 1936, ressqet talba fis-7 ta' Awwissu 1992 quddiem l-INEM sabiex tikseb l-allokazzjoni speċjali għall-qgħad prevista għall-persuni qiegħda li għandhom iktar minn 52 sena. F'dak iż-żmien, hija kienet f'pożizzjoni li tipprova perijodi ta' assigurazzjoni ta' 74 xhar – iktar minn 6 snin – taħt il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, bejn id-29 ta' Ġunju 1964 u t-30 ta' Lulju 1970, ta' 26 xhar taħt il-leġiżlazzjoni Żvizzera, bejn l-1 ta' Diċembru 1971 u l-31 ta' Marzu 1975 u ta' 182 ġurnata taħt il-leġiżlazzjoni Spanjola, bejn it-8 ta' Jannar u s-7 ta' Lulju 1992.

13     Għall-ewwel l-INEM irrifjuta li jagħtiha l-benefiċċju ta' l-allokazzjoni speċjali għall-qgħad minħabba li hija ma kinitx kkompletat fi Spanja l-perijodu minimu kontributorju neċessarju ta' 15-il sena.

14     Għalhekk, C. Salgado Alonso ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Juzgado de lo Social nº 2 de Orense (Spanja) li, permezz ta' sentenza tat-22 ta' Ġunju 1993, irrikonoxxiet id-dritt tagħha għal din l-allokazzjoni. L-INSS u t-TGSS kif ukoll il-Gvern Spanjol jispjegaw din is-sentenza, essenzjalment, bil-fatt li, skond il-ġurisprudenza Spanjola ta' dak iż-żmien, anki l-perijodi kontributorji ta' tul ta' żmien iqsar kompluti barra mill-pajjiż kienu rikonoxxuti bħala ekwivalenti għall-perijodu kontributorju ta' 15-il sena meħtieġ mill-Artikolu 161(1)(b) tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali. Mandankollu, din il-ġurisprudenza kienet inbidlet sadattant sabiex jittieħed kont tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta' l-20 ta' Frar 1997, Martínez Losada et. (C-88/95, C-102/95 u C-103/95, Ġabra p.I-869) u tal-25 ta' Frar 1999, Ferreiro Alvite (C-320/95, Ġabra p. I951).

15     Għaldaqstant, C. Salgado Alonso rċeviet l-allokazzjoni għall-qgħad prevista għall-persuni qiegħda li għandhom iktar minn 52 sena mis-7 ta' Awwissu 1992 sat-30 ta' Mejju 2001, jiġifieri għal perijodu ta' 3 219 ġurnata li matulhom il-kontribuzzjonijiet ta' l-assigurazzjoni għall-anzjanità kienu ġew imħallsa f'isimha mill-INEM .

16     F'Mejju 2001, meta għalqet 65 sena, C. Salgado Alonso talbet għall-għoti tal- pensjoni skond l-iskemi ta' sigurtà soċjali Ġermaniża, Żvizzera u Spanjola. Filwaqt li kienet ingħatat pensjoni fil-Ġermanja u fl-Iżvizzera, l-INSS ċaħad it-talba tagħha permezz ta' deċiżjoni tal-21 ta' Marzu 2002, minħabba li hija ma kkompletatx il-peridoju minimu ta' kontribuzzjoni mieħtieġ sabiex wieħed jikseb id-dritt għal pensjoni fi Spanja u minħabba li l-Artikolu 46(2) tar-Regolament Nru 1408/71, dwar l-aggregazzjoni tal-perijodi ta' assigurazzjoni, ma kienx applikabbli, skond l-Artikolu 48(1) ta' l-imsemmi Regolament, peress li l-perijodu komplut fi Spanja kien ta' inqas minn sena. L-INSS iġġustifika wkoll ir-rifjut tiegħu billi invoka t-tmienja u għoxrin dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali

17     Fit-13 ta' Frar 2002, C. Salgado Alonso ressqet rikors kontra l-INSS u t-TGSS quddiem il-Juzgado de lo Social n° 3 de Orense, intiż sabiex din ta' l-aħħar tiddikjara li hija kellha d-dritt li tirċievi, mill-31 ta' Mejju 2001, pensjoni ta' l-irtirar taħt il-leġiżlazzjoni Spanjola.

18     Sabiex issostni r-rikors tagħha, hija sostniet, essenzjalment, li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni mhux biss il-perijodu inizjali ta' 182 ġurnata ta' kontribuzzjoni li hija kkompletat fi Spanja, iżda wkoll il-perijodu kollu li matulu l-INEM kien ħallas f'isimha l-kontribuzzjonijiet lill-iskema legali ta' assigurazzjoni għall-anzjanità waqt li hija kienet qed tirċievi l-allokazzjoni speċjali għall-qgħad, b'tali mod li hija tista' issa tibbenefika minn total ta' 3 401 ġurnata ta' kontribuzzjonijiet fi Spanja, jiġifieri iktar minn 9 snin u 3 xhur ta' kontribuzzjoni.

19     L-ewwel nett, skond il-qorti tar-rinviju, tqum il-kwistjoni jekk it-tmienja u għoxrin dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali tistax teskludi, b'mod validu, it-teħid in kunsiderazzjoni ta' l-imsemmija 3 219 ġurnata ta' kontribuzzjonijiet sabiex jiġi vverifikat jekk il-perijodu ta' assigurazzjoni in kwistjoni jaqbiżx perijodu ta' sena, b'tali mod li, jekk tista' tagħmel dan, skond l-Artikolu 48(1) tar-Regolamet 1408/71, l-INSS ma jkunx obbligat li jagħti benefiċċji relatati biss ma' dan il-perijodu.

20     It-tieni nett, tqum il-kwistjoni jekk l-imsemmija dispożizzjoni addizzjonali, safejn din teskludi t-teħid in kunsderazzjoni ta' ċerti kontribuzzjonijiet, bħal dawk imħallsa biss għall-assigurazzjoni għall-anzjanità, għall-kalkolu tal-perijodi kontributorji previsti fl-Artikolu 161(1)(b) ta' l-istess liġi, tiddiskriminax jew le kontra l-ħaddiema migranti, peresss illi dawn għandhom ikunu ġew kompluti fid-data li fiha titressaq it-talba għall-allokazzjoni għall-qgħad għal persuna qiegħda li għandha iktar minn 52 sena.

21     Il-qorti tar-rinviju tirreferi, f'dan ir-rigward, għall-każ ta' ħaddiema li rċevew l-imsemmija allokazzjoni għall-qgħad billi stabbilew il-perijodu kontributorju permezz tat-teħid in kunsiderazzjoni tal-perijodi ta' assigurazzjoni kompluti taħt il-leġiżlazzjoni ta' wieħed jew iktar Stati Membri, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi ċċitati iktar 'il fuq Martínez Losada et kif ukoll Ferreiro Alvite).

22     Issa, dawn l-istess ħaddiema ma jistgħux jippretendu li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mħallsa mill-INEM, taħt l-assigurazzjoni għall-anzjanità, matul il-perijodu li fih huma rċevew l-allokazzjoni għall-qgħad, u dan sabiex tiġi sodisfatta l-kundizzjoni tal-perijodu ta' assigurazzjoni minimu previst fl-Artikolu 161(1)(b) tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali

23     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social nº 3 de Orense ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

"1)      L-Artikolu 12 KE u l-Artikoli 39 KE sa 42 KE [...] kif ukoll l-Artikolu 45 tar-Regolament [...] Nru 1408/71 [...] jipprekludu dispożizzjoni ta' dritt nazzjonali li tipprovdi li l-kontribuzzjonijiet li l-korp amministrattiv ta' l-assigurazzjoni għall-qgħad ħallas taħt l-assigurazzjoni għall-irtirar f'isem ħaddiem għall-perijodu li matulu dan irċieva ċerti allokazzjonijiet għall-qgħad ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-perijodi kontributorji differenti stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u għall-ksib tad-dritt għall-benefiċċju ta' l-anzjanità meta, minħabba l-perijodu twil ta' qgħad li dawn l-allokazzjonijiet għandhom bħala għan li jikkumpensaw, huwa assolutament impossibbli li dan il-ħaddiem jagħti prova ta' kontribuzzjonijiet oħra lill-iskema ta' l-assigurazzjoni għall-anzjanità għajr dawk li kienu invalidati mil-liġi, bir-riżultat li l-uniċi ħaddiema effettwati minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali huma dawk li għamlu użu mid-dritt għall-moviment liberu, li ma jistgħux jiksbu l-benefiċċju tal-pensjoni nazzjonali għall-irtirar għalkemm, skond l-Artikolu 45 tar-Regolament, iċċitat iktar 'il fuq, dawn il-perijodi kontributorji għandhom jiġu kkunsidrati bħala li ġew kompluti?

2)      L-Artikolu 12 KE u l-Artikoli 39 KE sa 42 KE [...] kif ukoll l-Artikolu 45 tar-Regolament [...] Nru 1408/71 [...] jipprekludu dispożizzjonijiet ta' dritt nazzjonali li jipprovdu li l-kontribuzzjonijiet li l-korp amministrattiv ta' l-assigurazzjoni għall-qgħad ħallas taħt l-assigurazzjoni għall-irtirar f'isem ħaddiem għall-perijodu li matulu dan irċieva ċerti allokazzjonijiet għall-qgħad ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex ikun jista' jiġi ddeterminat jekk "it-tul taż-żmien totali tal-perijodi ta' assigurazzjoni jew ta' residenza kompluti taħt il-leġiżlazzjoni ta' dan l-Istat Membru jammontax għal sena", meta, minħabba perijodu twil ta' qgħad li dawn l-allokazzjonijiet għandhom bħala għan li jikkumpensaw, huwa assolutament impossibbli li dan il-ħaddiem jagħti prova ta' kontribuzzjonijiet oħra lill-iskema ta' l-assigurazzjoni għall-irtirar għajr dawk li kienu dovuti u li ġew imħallsa matul il-perijodu tal-qgħad, bir-riżultat li l-uniċi ħaddiema effettwati minn din il-leġiżlazzjoni nazzjonali huma dawk li għamlu użu mid-dritt għall-moviment liberu, li ma jistgħux jiksbu l-benefiċċju tal-pensjoni nazzjonali għall-irtirar għalkemm, skond l-Artikolu 48(1) tar-Regolament iċċitat iktar 'il fuq, il-korp amministrattiv nazzjonali ma jistax ikun eżentat mill-obbligu li jagħti benefiċċji nazzjonali?"

24     Permezz ta' ittra tad-29 ta' Settembru 2003, l-INSS informa lill-Qorti tal-Ġustizzja li fl-10 ta' Settembru 2003 ttieħdet deċiżjoni ġdida kontra C. Salgado Alonso. Din id-deċiżjoni tissostitwixxi dik tal-21 ta' Marzu 2002 u tibbaża ċ-ċaħda għal pensjoni għall-anzjanità fuq il-fatt li hija "la kkompletat il-perijodu minimu ta' kontribuzzjoni ta' ħmistax-il sena u lanqas, waqt dan, il-perijodu ta' sentejn li jippreċedi immedjatament id-data li fiha tressqet it-talba, li huma perijodi li l-ikkompletar tagħhom hija kundizzjoni għad-dritt għal pensjoni għall-irtirar skond l-Artikolu 161(1)(b) tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali.

Għal dak li jikkonċerna l-elementi sussegwenti għall-1 ta' Jannar 1999, jirriżulta mit-tmienja u għoxrin dispożizzjoni addizzjonali [tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali] li l-kontribuzzjonijiet mħallsa mill-korp amministrattiv taħt l-assigurazzjoni għall-irtirar matul il-perijodu li fih il-persuna assigurata rċeviet l-allokazzjoni għall-qgħad prevista għall-persuni qiegħda li għandhom iktar minn 52 sena għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit il-bażi tal-kalkolu u l-persentaġġ applikabbli għalih. Dawn il-kontribuzzjonijiet ma jista' jkollhom fl-ebda każ validità legali u effett legali sabiex jissostanzjaw il-perijodu minimu ta' kontribuzzjonijiet."

25     Minn din id-deċiżjoni l-ġdida ta' l-INSS, jirriżulta li ċ-ċaħda tat-talba għal pensjoni ppreżentata minn C. Salgado Alonso m'għadhiex iktar ibbażata fuq l-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 1408/71.

 Fuq l-ewwel domanda

26     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 12 KE, 39 KE u 42 KE kif ukoll 45 tar-Regolament Nru 1408/71 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu regola nazzjonali, bħal dik imniżżla fit-tmienja u għoxrin dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali, li ma tippermettix lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jieħdu in kunsiderazzjoni, sabiex jinkiseb dritt għal pensjoni ta' irtirar taħt l-iskema nazzjonali, ċerti perijodi ta' assigurazzjoni kompluti fit-territorju ta' dan l-Istat minn ħaddiem qiegħed u li matulhom il-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni għall-anzjanità kienu ġew imħallsa mill-korp amministrattiv ta' l-assigurazzjoni għall-qgħad, peress li tali perijodi jittieħdu in kunsiderazzjoni biss għall-kalkolu ta' l-ammont ta' din il-pensjoni.

27     Qabel kollox, għandu jiġi mfakkar li skond ġurisprudenza kostanti l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti ta' benefiċċji ta' sigurtà soċjali, anki jekk huma jagħmluhom iktar stretti, sakemm il-kundizzjonijiet adottati ma jkun fihom ebda diskriminazzjoni ovvja jew moħbija bejn il-ħaddiema Komunitarji (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi ta' l-20 ta' Settembru 1994, Drake, Ġabra p. I-4337, punt 27; Martínez Losada et, iċċitata iktar 'il fuq, punt 43 u Ferreiro Alvite, iċċitata iktar 'il fuq, punt 23).

28     Għalhekk, Stat Membru huwa intitolat li jipprevedi perijodu kontributorju, bħal dak previst fl-Artikolu 161(1)(b) tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali għall-ksib ta' dritt għall-pensjoni ta' l-irtirar.

29     F'dan ir-rigward, l-Artikolu 42(a) KE isemmi l-prinċipju ta' l-aggregazzjoni tal-perijodi ta' assigurazzjoni, ta' residenza u ta' impjieg, li huwa implementat, b'mod partikolari, mill-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1408/71 fil-qasam ta' l-assigurazzjoni għall-anzjanità. Dan huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi tal-koordinazzjoni Komunitarja ta’ l-iskemi tas-sigurtà soċjali ta' l-Istati Membri, intiż sabiex jiggarantixxi li l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu mogħti mit-Trattat ma jkollux bħala effett li jċaħħad lil ħaddiem mill-vantaġġi ta' sigurtà soċjali li huwa seta' jibbenefika minnhom kieku kkompleta l-karriera tiegħu kollha fi Stat Membru wieħed. Tali konsegwenza tista', fil-fatt, tiskoraġġixxi lill-ħaddiem milli jeżerċita d-dritt tiegħu tal-moviment liberu u tikkostitwixxi, għaldaqstant, ostaklu għal din il-libertà (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta' Ottubru 1995, Moscato, Ġabra p. I-3525, punt 28).

30     Madankollu, ir-Regolament Nru 1408/71 ma jiddeterminax il-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-istabbiliment tal-perijodi ta' impjieg jew ta' assigurazzjoni. Dawn il-kundizzjonijiet, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(r) ta' l-imsemmi Regolament, huma definiti esklużivament mil-leġiżlazzjoni ta' l-Istat Membru li fihom il-perijodi in kwistjoni ġew kompluti.

31     Konsegwentament, Stat Membru huwa intitolat mhux biss li jimponi perijodu kontributorju fid-dawl tal-ksib ta' dritt għal pensjoni previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda wkoll li jistabbilixxi n-natura tal-perijodi ta' assigurazzjoni li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni għal dan l-iskop, sakemm, skond l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1408/71, il-perijodi kompluti taħt il-leġiżlazzjoni ta' Membru Stat ieħor huma wkoll meħuda in kunsiderazzjoni taħt fl-istess kundizzjonijiet, daqs li kieku dawn kienu ġew kompluti taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

32     Fil-kawża prinċipali, il-kontroversja bejn C. Salgado Alonso u l-INSS u t-TGSS ma tikkonċernax il-perijodi li kienu ġew kompluti taħt il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru għajr dak li fih intalab il-benefiċċju tal-pensjoni, iżda tikkonċerna ċerti perijodi kompluti f'dan l-aħħar Stat Membru, jiġifieri r-Renju ta' Spanja, fi żmien meta l-persuna kkonċernata kienet tirċievi l-allokazzjoni speċjali għall-qgħad għall-persuni qiegħda li għandhom iktar minn 52 sena. Tali kontroversja ma taqax taħt l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1408/71.

33     Madankollu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li l-ħaddiema biss li kienu għamlu użu mid-dritt tagħhom għal moviment liberu huma effettwati mit-tmienja u għoxrin dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali li teskludi t-teħid in kunsiderazzjoni, għall-ksib tad-dritt għal pensjoni, tal-perijodi li fihom il-persuna assigurata rċeviet l-allokazzjoni speċjali għall-qgħad, anki jekk il-kontribuzzjonijiet lill-assigurazzjoni għall-anzjanità kienu ġew imħallsa, f'isem il-persuna assigurata, mill-INEM. Għal din ir-raġuni, l-imsemmija dispożizzjoni tmur kontra l-Artikolu 39 KE.

34     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 39 u 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, li regola nazzjonali, bħal dik imniżżla fit-tmienja u għoxrin dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali, tapplika mingħajr distinzjoni għall-ħaddiema li kkompletaw il-karriera professjonali tagħhom kollha fit-territorju nazzjonali u għal dawk li wkoll ħadmu fi Stati Membri oħra.

35     Ma ġiex stabbilit quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-ħaddiema li eżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu, meta jmorru lura Spanja, ikunu iktar ta' spiss esposti għar-riskju ta' qgħad għal tul ta' żmien twil mill-ħaddiema li eżerċitaw l-attività professjonali tagħhom f'dan l-istess Stat Membru biss, bil-konsegwenza li huma iktar effettwati bir-restrizzjoni li tinsab fl-imsemmija dispożizzjoni addizzjonali.

36     F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma ppermettewx li tiġi stabbilita n-natura indirettament diskriminatorja, skond l-Artikolu 39 KE, ta' regola nazzjonali bħal dik imniżżla fit-tmienja u għoxrin dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali

37     Fl-aħħar nett, peress illi l-Artikolu 39 KE, li huwa d-dispożizzjoni speċifika, huwa applikabbli f'sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, m'hemmx lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta d-dispożizzjoni iktar ġenerali li tinsab fl-Artikolu 12 KE.

38     Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 39 KE sa 42 KE kif ukoll 45 tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux dispożizzjoni ta' dritt nazzjonali, bħal dik imniżżla fit-tmienja u għoxrin dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali, li ma tippermettix lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jieħdu in kunsiderazzjoni, sabiex tinkiseb pensjoni ta' irtirar taħt l-iskema nazzjonali, ċerti perijodi ta' assigurazzjoni kompluti fit-territorji ta' dan l-Istat minn ħaddiem qiegħed u li matulhom il-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni għall-anzjanità kienu ġew imħallsa mill-korp amministrattiv ta' l-assigurazzjoni għall-qgħad peress li tali perijodi jittieħdu in kunsiderazzjoni biss għall-kalkolu ta' l-ammont ta' din il-pensjoni.

 Fuq it-tieni domanda

39     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, essenzjament jekk, sabiex jiġi stabbilit, għall-finijiet ta' l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 48(1) tar-Regolament Nru 1408/71, jekk it-tul taż-żmien tal-perijodi ta' assigurazzjoni kompluti taħt il-leġiżlazzjoni applikata mill-istituzzjoni ta' Stat Membru jammontax jew le għal sena, din ta' l-aħħar għandhiex tieħu in kunsiderazzjoni mhux biss il-perijodi ta' assigurazzjoni neċessarji sabiex jinkiseb id-dritt għall-pensjoni, iżda wkoll dawk li jeffettwaw biss il-kalkolu ta' l-ammont tal-benefiċċji.

40     Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, il-proċedura prevista fl-Artikolu 234 KE hija strument ta' kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tagħha, dik ta' l-ewwel tipprovdi lil dawn ta' l-aħħar l-elementi ta' interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li huma jeħtieġu sabiex ikunu jistgħu jiddeċiedu l-kawżi miġjuba quddiemhom (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta' Novembru 1990, Gmurzynska-Bscher, C-231/89, Ġabra p. I-4003, punt 18; tat-12 ta' Marzu 1998, Djabali, Ġabra p. I-1149, punt 17, kif ukoll tal-21 ta' Jannar 2003, Bacardi-Martini u Cellier des Dauphins, Ġabra p. I-905, punt 41).

41     B'hekk jirriżulta kemm mit-termini u kemm mill-ispirtu ta' l-Artikolu 234 KE li l-proċedura preliminari tippresupponi li kontroversja hija effettivament pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fuqha huma msejħa jagħtu deċiżjoni li tista' tieħu in kunsiderazzjoni s-sentenza li biha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq it-talba għal deċiżjoni preliminari (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta' Ġunju 1995, Zabala Erasun et, Ġabra p. I-1567, punt 28 u Djabali,iċċitat iktar 'il fuq, punt 18).

42     Fil-fatt, il-ġustifikazzjoni għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari mhijiex il-formulazzjoni ta' opinjonijiet konsultattivi fuq domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-bżonn inerenti li tiġi effettivament solvuta kontroversja (sentenzi Djabali, iċċitat iktar 'il fuq, punt19; Bacardi-Martini u Cellier des Dauphins, iċċitat iktar 'il fuq, punt 42 u tal-25 ta' Marzu 2004, Azienda Agricola Ettore Ribaldi et, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 72).

43     Issa, fil-kawża prinċipali, wara li l-Juzgado de lo Social nº 3 de Orense ressqet it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa kostanti li deċiżjoni ġdida ta' ċaħda tat-talba għal pensjoni mressqa minn C. Salgado Alonso ġiet meħuda mill-INSS, li mhijiex iktar ibbażata fuq l-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 1408/71.

44     Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni domanda mressqa mil-le Juzgado de lo Social nº 3 de Orensema issa ma tkunx ta' użu għal din ta' l-aħħar.

45     Konsegwentament, m'hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

46     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

L-Artikoli 39 KE sa 42 KE kif ukoll 45 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta' l-14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat u aġġornat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta' Diċembru 1996, kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98 tad-29 ta’ Ġunju 1998 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux dispożizzjoni ta' dritt nazzjonali, bħal dik imniżżla fit-tmienja u għoxrin dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi Ġenerali fuq is-Sigurtà Soċjali, li ma tippermettix lill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru li jieħdu in kunsiderazzjoni, sabiex tinkiseb pensjoni ta' irtirar taħt l-iskema nazzjonali, ċerti perijodi ta' assigurazzjoni kompluti fit-territorji ta' dan l-Istat minn ħaddiem qiegħed u li matulhom il-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni għall-anzjanità kienu ġew imħallsa mill-korp amministrattiv ta' l-assigurazzjoni għall-qgħad peress li tali perijodi jittieħdu in kunsiderazzjoni biss għall-kalkolu ta' l-ammont ta' din il-pensjoni.

Firem.


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.