62003J0287



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-287/03

li għandha bħala għan rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-3 ta' Lulju 2003, fl-ismijiet

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, rappreżentata minn M. Pataria u M. N. B. Rasmussen, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

ir-Renju tad-Danimarka, rappreżentat minn E. Dominkovits, bħala aġent, assistit minn E. Balate, Avukat,

konvenut

IL-QORTI (it-Tieni Awla),

Komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), R. Schintgen, P. Kris u G. Arestis, Imħallfin

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura miktuba u wara s-seduta tal-15 ta' Diċembru 2004,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-10 ta' Marzu 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi applika b'mod diskriminatorju u mhux proporzjonat, il-kundizzjonijiet magħrufa bħala "xebh" u "bejjiegħ uniku" bejn prodotti u servizzi akkwistati minn konsumatur, min-naħa waħda, u prodotti u servizzi li jingħataw bla ħlas jew għall-prezz imraħħas fil-kuntest ta' skema ta' lealtà tal-konsumatur, min-naħa l-oħra, bħala kundizzjoni meħtieġa minn qabel għat-twettiq ta' skema bħal din kif ukoll l-għoti ta' servizzi transnazzjonali bejn impriżi, ir-Renju tal-Belġju naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 49 KE.

Id-dritt nazzjonali

2. L-Artikolu 54 tal-Liġi tal-Belġju, ta' l-14 ta' Lulju 1991, dwar il-prattiċi tal-kummerċ u l-informazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur ( Moniteur belge tad-29 ta' Awwissu 1991) ipprojbixxa "l-offerti konġunti kollha lill-konsumatur imwettqa minn bejjiegħ". Skond it-tifsira ta' din id-dispożizzjoni, offerta konġunta hija: "l-akkwist, bla ħlas jew le, ta' prodotti, ta'servizzi, tal-vantaġġi l-oħra kollha, jew ta' titoli li jippermettu l-akkwist tagħhom, [...] marbuta ma' l-akkwist ta' prodotti jew servizzi oħra, anki jekk identiċi". L-offerta konġunta lill-konsumatur hija wkoll ipprojbita meta din tkun qed issir minn "numru ta' bejjiegħa li jaġixxu fuq il-bażi ta' ftehim bejniethom".

3. L-Artikolu 57 tal-liġi tirrigwarda l-eċċezzjonijiet għal din il-projbizzjoni u tiddefinixxi l-vantaġġi li konsumatur jista' jikseb minnhom permezz tat-titoli offruti bla ħlas, flimkien ma' prodott jew servizz prinċipali. Il-paragrafi 1 sa 3 ta' din id-dispożizzjoni jipprevedu eċċezzjonijiet li operatur ekonomiku jista' jagħmel użu minnhom biss jekk huwa t-titolari ta' reġistrazzjoni preċedenti mill-Ministeru ta' l-Affarijiet ekonomiċi, konformement ma' l-Artikolu 59 ta' l-imsemmija liġi. Dawn l-eċċezzjonijiet għandhom l-għan li jnaqqsu l-kwantità tal-prodotti jew ta' servizzi akkwistati (paragrafu 1), vantaġġi bħal tal- chromos , tat-tikketti u ta' l-immaġni ta' valur kummerċjali minimu kif ukoll ta' titoli ta' parteċipazzjoni għall-tomboli jew lotteriji awtorizzati (paragrafu 2) jew rifużjoni fi flus kontanti (paragrafu 3).

4. L-Artikolu 57(4), tal-liġi jipprevedi eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta' l-offerti konġunti, li minnhom operatur ekonomiku jista' jibbenefika mingħajr ma jkun titolari ta' reġistrazzjoni. Din id-dispożizzjoni hija fformulata kif ġej:

"Huwa permess ukoll li jiġi offrut bla ħlas, flimkien ma' prodott jew ma' servizz prinċipali:

[...]

4. titoli li jikkonsistu f'dokumenti li jagħtu dritt, wara l-akkwist ta' ċertu numru ta' prodotti jew ta' servizzi, għall-offerta bla ħlas jew għall-prezz imraħħas fiż-żmien ta' l-akkwist tal-prodott jew ta' servizz simili, sa fejn dan il-vantaġġ jingħata mill-istess bejjiegħ u ma' jeċċedix terz tal-prezz tal-prodotti jew servizzi akkwistati preċedentemnt.

[...]"

5. L-offerta bla ħlas ta' titoli li mhijiex konformi ma din il-leġiżlazzjoni hija kkunsidrata illegali. Fuq talba tal-Ministeru ta' l-Affarijiet Ekonomiċi, ta' operatur ekonomiku interessat jew ta' assoċjazzjonijiet privati li għandhom bħala għan tagħhom il-ħarsien ta' l-interessi tal-konsumaturi, dik l-offerta tista' tkun l-oġġett ta' ordni tal-Qrati tal-Kummerċ biex titwaqqaf.

Sfond Kontenzjuż

6. Wara ilment ta' impriża stabbilita fl-Olanda, il-Kummissjoni, pemezz ta' ittra ta' tpoġġija fil-mora tal-31 ta' Marzu 1999, ġibdet l-attenzjoni tal-Gvern Belġjan dwar id-dispożizzjonijiet imsemmija aktar 'il fuq dwar il-kompatibbilità tagħhom ma' l-Artikolu 49 KE. Il-Gvern Belġjan irrisponda permezz ta' ittra tat-2 ta' Ġunju 1999.

7. Fl-1 ta' Awwissu 2000, peress li kkunsidrat ir-risposta mhux sodisfaċenti, il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Renju tal-Belġju, fejn stiednet lil dak il-Pajjiż Membru sabiex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu f'terminu ta' xahrejn, li jibda' jiddekorri minn meta ssir in-notifika.

8. Ir-Renju tal-Belġju rrisponda lill-imsemmija opinjoni motivata permezz ta' ittra tas-16 ta' Ottubru 2000 li fiha kkonferma li huwa dispost ibiddel il-liġi, waqt li kkunsidra li huwa aktar opportun li jistenna l-inizjattivi tal-Kummissjoni dwar armonizzazzjoni komunitarja fil-qasam li qed jiġi ttrattat.

9. Huwa f'dawn iċ-ċirkustanzi li l-Kummissjoni ppreżentat il-preżenti rikors.

Dwar ir-rikors

Dwar l-ammissibbilità

L-argumenti tal-partijiet

10. Il-Gvern Belġjan qal li r-rikors huwa inammissibbli minħabba d-dewmien eċċessiv tal-proċedura prekontenzjuża. Fil-fatt, għaddew kważi tliet snin bejn ir-risposta ta' l-opinjoni motivata u l-preżentazzjoni tar-rikors quddiem il-Qorti. Dewmien tali huwa inkompatibbli mal-prinċipji tas-sigurtà ġuridika u tal-fiduċja leġittima.

11. Il-Gvern Belġjan ippreċiża li huwa setgħa leġittimament jemmen li r-risposta tiegħu għall-opinjoni motivata setgħet tiġi kkunsidrata bħala sodisfaċenti peress li ma ġietx ikkontradita mill-Kummissjoni, anki peress li ma kien hemm l-ebda element ġdid.

12. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tindika li, wara r-risposta ta' l-awtoritajiet belġjani għall-opinjoni motivata, kien hemm kuntatt regolari bejn is-servizzi kompetenti taż-żewġ partijiet. B'konsegwenza ta' dan, hija tqis li r-Renju tal-Belġju kien ġie infurmat dwar il-pożizzjoni li ħadet tul il-proċedura prekontenzjuża.

13. Il-Kummissjoni tikkunsidra li, f'dawn iċ-ċirkustanzi, l-awtoritajiet belġjani ma wrewx kif id-dewmien tal-proċedura prekontenzjuża għamlet ħsara għad-drittijiet tad-difiża.

L-evalwazzjoni tal-Qorti

14. Hemm lok li wieħed ifakkar li, jekk huwa minnu li d-dewmien eċċessiv tal-proċedura prekontenzjuża probabbilment tikkostitwixxi difett li jikkawża l-inammissibilità ta' rikors għal nuqqas ta' twettiq, jirriżulta mill-ġurisprudenza li tali konklużjoni ma toħroġx ħlief fil-każijiet fejn l-imġieba tal-Kummissjoni tagħmel iċ-ċaħda ta' l-argumenti diffiċli, u b'hekk tikser id-drittijiet tad-difiża, u li l-Istat Membru interessat irid iressaq il-provi li juru tali diffikultà (ara f'dan ir-rigward, sentenzi tas-16 ta' Mejju 1991, Il-Kummission vs l-Olanda, C-96/89, Ġabra p. I-2461, paragrafi 15 u 16, u tal-21 ta' Jannar 1999, Il-Kummission vs il-Belġju, C-207/97, Ġabra p. I-275, paragrafi 24 u 25).

15. Irid jingħad li f'dan il-każ, ir-Renju tal-Belġju ma ressaq l-ebda argument speċifiku li jista' juri li d-dewmien bejn ir-risposta tiegħu u l-opinjoni motivata u l-preżentazzjoni tar-rikors quddiem il-Qorti affettwa l-eżerċizzju tad-drittijiet ta' difiża tiegħu.

16. F'dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors irid jiġi ddikjarat ammissibbli.

Fuq il-mertu

L-argumenti tal-partijiet

17. Il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjonijiet ta' "xebh" u ta' "bejjiegħ uniku" previsti mil-liġi jikkostitwixxu restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi. Fil-fatt, id-dħul fis-seħħ ta' tali kundizzjonijiet ikollhom effett ta' ħsara u effett diskriminatorju partikolarment fil-konfront ta' impriżi barranin li jridu jidħlu fis-suq Belġjan.

18. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-liġi tmur kontra, fil-prinċipju għal dak li impriża toffri konġuntament, permezz ta' l-iskema tagħha ta' lealtà tal-konsumatur, ta' beni jew ta' servizzi differenti minn dawk mibjugħa b'titolu prinċipali. Minkejja dan, fil-prattika, din ir-regola tiġi evitata minn ħafna u impriżi stabbiliti fil-Belġju li għandhom is-sistema ta' distribuzzjoni tagħhom ikunu l-uniċi li jibbenefikaw u b'dan il-mod jestendu l-iskemi ta' lealtà tal-konsumatur għall-setturi oħra u/jew sistemi ta' distribuzzjoni. Minbarra dan, l-evitar ta' l-imsemmija regola tiġi ffaċilitata mill-ġurisprudenza Belġjana li tgħid li, offerta konġunta tammonta għall-kundizzjoni ta' xebh u b'hekk il-prodotti u/jew is-servizzi prinċipali u l-prodotti u/jew servizzi offruti bla ħlas jew għall-prezz imraħħas huma normalment impoġġija għall-bejgħ mill-istess settur ta' attività industrijali jew kummerċjali.

19. Għal dak li jirrigwarda ġustifikazzjonijiet eventwali ta' tali restrizzjonijiet, il-Kummissjoni tosserva li s-sempliċi fatt li żewġ prodotti jew żewġ servizzi jappartjenu għall-istess qasam industrijali jew kummerċjali mhux biżżejjed sabiex jassigura t-trasparenza tal-prezz ta' dawk il-prodotti jew servizzi. L-istess japplika għall-kundizzjoni li teżiġi li l-prodotti jew is-servizzi offruti konġuntament iridu jiġu offruti minn l-istess bejjiegħ.

20. Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-kundizzjonijiet ta' "xebh" u tal-"bejjiegħ uniku" mhumiex neċessarji sabiex tiġi assigurata l-protezzjoni tal-konsumatur jew il-lealtà tat-transazzjonijiet kummerċjali.

21. Il-Gvern Belġjan isostni li l-liġi u l-applikazzjoni li saret tagħha mhumiex ta' natura li jipprojbixxu, jxekklu jew jagħmlu inqas attraenti l-attivitajiet tal-prestatarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

22. L-imsemmi gvern itenni li l-impriżi kollha li jridu jadottaw promozzjoni kummerċjali identika għal dik deskritta mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha jinsabu fl-istess kundizzjonijiet, kemm dawk stabbiliti fit-territorju Belġjan kif ukoll dawk barra minnu. F'dan ir-rigward, l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' "xebh" jew tal-"bejjiegħ uniku" ma jvarjawx skond il-post ta' fejn hija stabbilita l-impriża.

23. Għal dak li jirrigwarda l-ġustifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni, il-Gvern Belġjan isostni li l-projbizzjonijiet previsti minnha huma bbażati essenzjalment fuq it-trasparenza tas-suq. Fil-fatt, l-għan imħaddan minn l-imsemmija leġiżlazzjoni huwa li jiġi evitat li l-konsumatur jiġi żgwidat f'dak li jirrigwarda l-prezzijiet veri u jista' ikun is-suġġett ta' abbuż minn prattiċi ta' offerti konġunti.

L-evalwazzjoni tal-Qorti

24. Hemm lok li wieħed jippreċiża, preliminarjament li, kif jirriżulta mid-dispożizzjoni introduttiv tar-rikors, ir-rikors preżenti ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu mhux intiż sabiex tiġi diskussa l-konformità tal-kliem ta' l-Artikolu 57(4) tal-liġi ma' l-Artikolu 49 KE, iżda jillimita ruħu għall-kwistjoni ta' l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw minn tali dispożizzjoni min-naħa ta' l-awtoritajiet kompetenti Belġjani.

25. Bħala risposta għall-mistoqsija mill-Qorti waqt is-seduta, il-Kummissjoni kkonfermat espliċitament li r-rikors ittratta biss l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, fir-realtà tas-suq, u mhux l-imsemmija leġiżlazzjoni fiha nnfisha.

26. Minn dan jirriżulta li l-Qorti għandha teżamina jekk l-applikazzjoni li saret ta' l-Artikolu 57(4) tal-liġi, mill-awtoritajiet nazzjonali, jiġifieri l-awtoritajiet amministrattivi kif ukoll il-qrati, tikkostitwixxix ksur ta' l-Artikolu 49 KE.

27. F'dan ir-rigward, wieħed irid ifakkar, preliminarjament li, konformement ma' ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest ta' proċedura ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu, huwa dmir tal-Kummissjoni li turi l-eżistenza ta' allegat nuqqas ta' twettiq ta' obbligu, u li tressaq quddiem il-Qorti l-elementi neċessarji għall-verifika minnha ta' l-eżistenza tan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu, mingħajr ma l-Kummissjoni ma tkun tista' tibbaża ruħha fuq preżunzjoni kwalunkwe (ara partikolarment, is-sentenzi tal-25 ta' Mejju 1982, il-Kummissjoni vs l-Olanda, 96/81, Ġabra p. 1791, paragrafu 6; ta' l-20 ta' Marzu 1990, il-Kummissjoni vs Franza, C-62/89, Ġabra p. I-925, paragrafu 37, tad-29 ta' Mejju 1997, il-Kummissjoni vs ir-Renju Unit, C-300/95, Ġabra p. I-2649, paragrafu 31; u tad-9 ta' Settembru 1999, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, C-217/97, Ġabra p. I-5087, paragrafu 22).

28. Peress li l-każ jirrigwarda b'mod partikolari rikors dwar id-dħul fis-seħħ ta' dispożizzjoni nazzjonali, kif imsemmi mill-avukat ġenerali fil-paragrafi 41 u 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dimostrazzjoni tan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu jeħtieġ il-produzzjoni ta' elementi ta' prova ta' natura partikolari kuntrarjament għal dawk li ssoltu jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta' rikors ta' nuqqas ta' twettiq ta' obbligu li għandu biss bħala għan il-kontenut ta' dispożizzjoni nazzjonali. F'dawn iċ-ċirkustanzi, in-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu ma jistgħax jiġi stabbilit ħlief permezz ta' prova dokumentata u ċirkustanzjata tal-prattika kkontestata lill-amministrazzjoni u/jew il-qrati nazzjonali u attribwibbli lill-Istat Membru kkonċernat.

29. Dwar dan is-suġġett irid jingħad ukoll li, jekk imġieba ta' Stat li jikkonsisti fi prattika amministrattiva li tmur kontra l-ħtiġijiet tad-dritt komunitarju jista' ikun ta' natura li jikkostitwixxi nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond it-tifsira ta' l-Artikolu 226 KE, jeħtieġ li tali prattika amministrattiva tippreżenta ċertu ammont ta' konsistenza u ta' ġeneralità (ara s-sentenzi tad-29 ta' April 2004, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, C-387/99, Ġabra p. I-3773, paragrafu 42, u tas-26 ta' April 2005, il-Kummissjoni vs l-Irlanda, C-494/01, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, paragrafu 28).

30. Wieħed għandu jgħid ukoll li l-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza fil-Belġju, ta' prassi amministrattiva li għandha l-karatteristiċi meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti. Fil-fatt, il-Kummissjoni tirreferi biss għall-ilment ippreżentat minn impriża organiżattriċi ta' skema ta' lealtà tal-konsumatur mingħajr ma tagħti prova ta' applikazzjoni "diskriminatorja u sproporzjonata" tal-kundizzjonijiet ta' "xebh" u tal-"bejjiegħ uniku" imsemmija fl-Artikolu 57(4), tal-liġi.

31. Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk ittieħidx in kunsiderazzjoni l-prinċipju ta' l-obbligu tal-prova, teżisti fil-Belġju ġurisprudenza li fiha tirriżulta interpretazzjoni tad-dispożizzjoni imsemmija aktar 'il fuq li hija inkompatibbli ma' l-Artikolu 49 KE, jeħtieġ li jiġi osservat li l-Kummissjoni lanqas ikkwotat id-deċiżjonijiet li minnhom jirriżulta li l-qrati nazzjonali interpretaw il-kunċetti ta' "xebh" u ta' "bejjiegħ uniku" bħala li jippreżupponu li l-prodotti u/jew is-servizzi prinċipali jew il-prodotti u/jew is-servizzi li huma offruti bla ħlas jew għall-prezz imraħħas huma ssoltu offruti għall-bejgħ mill-istess sistema ta' distribuzzjoni u/jew jappartjenu għall-istess qasam ta' attività industrijali jew kummerċjali.

32. B'konsegwenza ta' dan wieħed irid jgħid li l-Kummissjoni ma ressqietx il-prova li r-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi li jaqgħu fuqu taħt l-Artikolu 49 KE, f'li applika b'mod diskriminatorju u sproporzjonat il-kundizzjonijiet ta' "xebh" u ta' "bejjiegħ uniku" bejn prodotti u servizzi akkwistati minn konsumatur, min-naħa waħda, u ta' prodotti u ta' servizzi magħmula aċċessibbli bla ħlas jew għall-prezz imraħħas, fil-kuntest ta' skema ta' lealtà tal-konsumatur, min-naħa l-oħra, bħala kundizzjoni meħtieġa minn qabel għat-twettiq ta' programm bħal dan kif ukoll l-għoti ta' servizzi transnazzjonali bejn impriżi.

33. Għalhekk hemm lok li jiġi miċħud ir-rikors tal-Kummissjoni.

Dwar l-ispejjeż

34. Skond l-Artikolu 69(2), tar-regoli ta' proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju tal-Belġju talbet il-kundanna tal-Kummissjoni u din tilfet it-talbiet tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata tħallas l-ispejjeż.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi

1) Ir-rikors huwa miċħud.

2) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata tħallas l-ispejjeż.