SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

21 ta' Frar 2006 (*)

"Sigurtà soċjali għal ħaddiema emigranti – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 4(2b) – Benefiċċji speċjali mhux kontributorji – Benefiċċju Awstrijak iddestinat sabiex ikopri r-riskju ta' dipendenza – Klassifikazzjoni tal-benefiċċju u l-legalità tal-kundizzjoni ta' residenza fir-rigward tar-Regolament Nru 1408/71 – Dipendenti ta' l-assigurat"

Fil-kawża C-286/03

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (L-Awstrija), permezz ta' Deċiżjoni tat-27 ta' Mejju 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta' Lulju 2003, fil-kawża

Silvia Hosse

vs

Land Salzburg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C.W.A. Timmermans, A. Rosas, K. Schiemann u J. Makarczyk, Presidenti ta' Awla, J.-P. Puissochet (Relatur), R. Silva de Lapuerta, K. Lenaerts, P. Kūris, E. Juhász, G. Arestis u A. Borg Barthet, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-31 ta' Mejju 2005,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għas-Sinjorina Hosse, minn W. Riedl u P. Ringhofer, Rechtsanwälte,

–       għall-Land Salzburg, minn F. Hitzenbichler u B. Zettl, Rechtsanwälte,

–       għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl u M. Winkler, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u N. A. J. Bel, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Portugiż, minn L. Fernandes u S. da Nóbrega Pizarro, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Finlandiż, minn T. Pynnä, bħala aġent,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Jackson, bħala aġent, assistita minn E. Sharpston, QC,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' l-20 ta' Ottubru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpetazzjoni ta' l-Artikoli 4(2b) u 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta' l-14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat u aġġornat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1399/1999 tad-29 ta' April 1999 (ĠU L 164, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament Nru 1408/71"), ta' l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta' Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU L 257, p. 2), kif emendat u aġġornat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434/1992 tas-27 ta' Lulju 1992 (ĠU L 245, p. 1), u ta' l-Artikoli 12 u 17 KE.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn is-Sinjorina Hosse, ta' nazzjonalità Ġermaniża, u l-Land tas-Salisburgu. Is-Sinjorina Hosse, li missierha huwa impjegat fl-Awstrija bħala għalliem fil-Land tas-Salisburgu, tikkontesta r-rifjut min-naħa ta' dan ta' l-aħħar li tiġi mogħtija lilha l-allowance għal assistenza skond il-leġiżlazzjoni tal-Land tas-Salisburgu fuq l-allowance għal assistenza (Salzburger Pflegegeldgesetz, iktar 'il quddiem is-"SPGG").

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi:

"Għall-għan ta' dan ir-Regolament:

a)      "persuna impjegata" u "persuna mhux impjegata" jfissru rispettivament:

i)      kull persuna li hija assigurata, mingħajr għażla jew fuq bażi volontarja kontinwa, għal kontinġenza wahda jew aktar koperti minn fergħat ta' skema tas-sigurtà soċjali għal persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom jew bi skema speċjali għal persuni fis-servizz ċivili;

         […]

(t)      'benefiċċji u 'pensjonijiet' ifissru l-benefiċċji, u l-pensjonijiet kollha, inklużi l-elementi kollha tagħhom imħallsa mill-fondi pubbliċi, iż-żidiet tar-rivalwazzjoni u r-rimunerazzjonijiet supplimentari, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu III, kif ukoll benefiċċji f'somma waħda ta' flus li jistgħu jitħallsu minflok il-pensjonijiet magħmula bħala rimborż tal-kontribuzzjonijiet.

         […]"

4       L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1408/71, li jagħti definizzjoni tal-persuni li huma koperti minnu, jippreċiża:

"Dan ir-Regolament għandu japplika għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom u għall-istudenti li huma jew kienu soġġetti għal-liġijiet ta' Stat Membru jew aktar u li huma persuni ta' nazzjonalità ta' wieħed mill-Istati Membri […] kif ukoll il-membri tal-familji tagħhom u s-sopravissuti tagħhom."

5       L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat "Trattament Egwali" jipprovdi:

"Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet speċjali ta' dan ir-Regolament, il-persuni residenti fit-territorju ta' wieħed mill-Istati Membri li għalih japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-istess obbligi u jgawdu l-istess benefiċċji skond il-leġiżlazzjoni ta' kull Stat Membru bħaċ-ċittadini nazzjonali ta' dan l-Istat."

6       Minn naħa tiegħu l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1408/71 intitolat "Materji koperti" jipprovdi:

"1.      Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġiżlazzjoni kolllha rigward il-friegħi tas-sigurtà soċjali li ġejjin:

a)      benefiċċji tal-mard u tal-maternità;

b)      benefiċċji ta' l-invalidità, inklużi dawk maħsuba għall-manteniment jew it-titjib fil-kapaċità tal-qligħ (tal-flus);

c)      benefiċċji tax-xjuħija;

d)      benefiċċji tas-superstiti;

e)      benefiċċji rigward inċidenti fuq il-post tax-xogħol u mard kawżat mix-xogħol;

f)      għotjiet minħabba mwiet;

g)      benefiċċji tal-qgħad;

h)      benefiċċji familjarji/tal-familja;

2.      Dan ir-Regolament għandu japplika għall-iskemi kollha u speċjali ta' sigurtà soċjali, sewwa jekk kontributorji u sewwa jekk mhux kontributorji, u għall-iskemi li għandhom x'jaqsmu mar-responsabbiltà ta' min iħaddem jew is-sid ta' bastiment rigward il-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 1.

2a. Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għall-benefiċċji speċjali mhux kontributorji li huma pprovduti taħt leġiżlazzjoni jew skemi li mhumiex imsemmija fil-paragrafu 1 jew esklużi permezz tal-paragrafu 4, billi dawn il-benefiċċji huma maħsuba:

a)      jew sabiex jipprovdu protezzjoni suplimentari, sostitwita jew anċillari kontra r-riskji koperti mill-friegħi tas-sigurtà soċjali msemmija fil-paragrafu 1(a) sa (h), jew

b)      unikament bħala protezzjoni speċifika għall-persuni b'diżabilità;

2b      Dan ir-Regolament m'għandux japplika għal dispożizzjonijiet fil-liġijiet ta' Stat Membru li jikkonċernaw benefiċċji speċjali mhux kontributorji, imsemmija fl-Anness II, it-Taqsima III, u li l-validità tagħhom hija limitata għal parti mit-territorju tiegħu.

[…]"

7       L-Anness II, is-Sezzjoni III (K) tar-Regolament Nru 1408/71 jiddisponi għall-Awstrija:

"Benefiċċji mogħtija taħt il-leġiżlazzjoni tal-Bundesländer għall-inkapaċitati u għall-persuni li għandhom bżonn il-kura."

8       Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1408/71 jgħid:

Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha li tirrisjedi fit-territorju ta' Stat Membru ieħor li ma jkunx l-Istat kompetenti, illi tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat kompetenti biex tkun intitolata għall-benefiċċji, filwaqt li tingħata konsiderazzjoni għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 18 fejn hu xieraq, għandha tirċievi fl-Istat fejn hija residenti:

a)      il-benefiċċji f'oġġetti provduti fl-interess ta' l-istituzzjoni kompetenti mill-istituzzjoni tal-post tar-residenza bi qbil mal-leġiżlazzjoni amministrata minn din l-istituzzjoni daqs li kieku kienet assigurata magħha;

b)      Il-benefiċċji fi flus provduti mill-istituzzjoni kompetenti bi qbil mal-leġiżlazzjoni li tamministra. Madankollu bi ftehim bejn l-istituzzjoni kompetenti u l-istituzzjoni tal-post tar-residenza, dawn il-benefiċċji jistgħu jiġu mogħtija mill-istituzzjoni ta' l-aħħar fl-interess ta' l-ewwel, bi qbil mal-leġiżlazzjoni ta' l-Istat kompetenti.

2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw b'analoġija għall-membri tal-familja li tkun residenti fit-territorju ta' Stat Membru għajr l-Istat kompetenti, fejn ma jkunux intitolati għal dawn il-benefiċċji skond il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat li fit-territorju tiegħu jirrisjedu.

Fejn il-membri tal-familja jkunu joqogħdu fit-territorju ta' Stat Membru u li taħt il-leġiżlazzjoni tiegħu id-dritt li tirċievi benefiċċji mhux soġġetti għall-kundizzjonijiet ta' assigurazzjoni jew impjieg, il-benefiċċji li jirċievu għandhom jiġu meqjusa li huma f'isem l-istituzzjoni li magħha il-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha hija assigurata, sakemm il-konjuġi jew il-persuna li qed tieħu ħsieb l-ulied ikollha xi professjoni jew sengħa fit-territorju ta' l-Istat Membru imsemmi."

9       L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1612/68 jipprovdi:

"1.      Ħaddiem ċittadin ta' Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta' Stat Membru ieħor, ikun trattat b'mod differenti minn ħaddiema ċittadini ta' dak l-Istat Membru minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta' kawlunkwe kundizzjoni ta' l-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta' rimunerazzjoni, tkeċċija u jekk hu jisfa mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg ġdid.

2.      Huwa għandu jgawdi l-istess vantaġġi soċjali u ta' taxxa bħaċ-ċittadini ta' dak l-Istat Membru.

[…]"

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10     L-Artikolu 3(1) tas-SPGG jipprovdi li:

"Persuni dipendenti għandhom dritt għal allowance għal assistenza,

1.      jekk huma għandhom nazzjonalità Awstrijaka;

2.      jekk huma għandhom ir-residenza prinċipali tagħhom fil-Land tas-Salisburgu u

3.      jekk huma ma jirċievu ebda wieħed mill-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 3 tal-Bundespflegegeldgesetz [liġi federali ta' l-Awstrija fuq l-allowance għal assistenza, BGBI. 110/1993], u jekk huma m'għandhomx id-dritt li jieħdu dawn il-benefiċċji."

11     Fir-rigward tar-responsabbiltà ta' l-ispejjeż li jirriżultaw mill-għoti ta' l-allowance għal assistenza skond l-Artikolu 3(1) tas-SPGG, għandu jiġi applikat l-Artikolu 40 tal-leġiżlazzjoni dwar l-għajnuna soċjali (Sozialhilfegestez), peress li dan il-benefiċċju għandu jiġi kkunsidrat bħala għajnuna f'sitwazzjonijiet partikolari tal-ħajja (Artikolu 17(2) tas-SPGG).

12     L-Artikolu 40 tal-liġi dwar l-għajnuna soċjali jipprovdi li:

"1)      Il-finanzjament ta' l-għajnuna soċjali huwa pprovdut mill-Land u l-komuni skond id-dispożizzjonijiet segwenti:

[…]

5)      Fir-rigward ta' l-ispejjeż ikkawżati mill-għajnuna f'sitwazzjonijiet partikolari tal-ħajja […], il-komuni tal-canton amministrativ fejn saru dawn l-ispejjeż għandhom l-obbligu li jipprovdu lill-Land kontribuzzjoni annwali ta' 50% […]".

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13     Is-Sinjur Hosse, ta' nazzjonalità Ġermaniza, huwa ħaddiem fuq il-fruntiera impjegat fl-Awstrija bħala għalliem fil-Land tas-Salisburgu. Huwa jħallas it-taxxi, iħallas il-kontribuzzjonijiet ta' sigurtà soċjali fl-Awstrija, u huwa assigurat ma' l-assigurazzjoni fuq il-mard f'dan l-Istat. Huwa jgħix fil-Ġermanja, qrib il-fruntiera Awstrijaka, flimkien mat-tifla tiegħu, is-Sinjorina Hosse, imwielda fl-1997, b'diżabilità gravi.

14     Omm is-Sinjorina Hosse kienet preċedentement teżerċita attività bi ħlas fil-Ġermanja li kienet tagħtiha dritt għall-assigurazzjoni Ġermaniża għal assistenza. Sat-tmiem tal-leave ta' ġenitur tagħha, f'Settembru 2000, it-tifla tagħha, bħala dipendenti, setgħet tibbenefika minn din l-allowance. Madankollu, l-ħlas ta' din l-allowance waqaf mat-tmiem ta' dan il-leave ta' ġenitur, peress illi l-omm ma reġgħetx bdiet attività bi ħlas.

15     Għalhekk l-allowance għal assistenza ġiet mitluba għas-Sinjorina Hosee taħt is-SPGG. Il-Land tas-Salisburgu ċaħad din it-talba għar-raġuni li l-Artikolu 3(1)(2) tas-SPGG jeżiġi li l-persuna dipendenti jkollha r-residenza prinċipali tagħha f'dan il-Land sabiex tibbenefika minn din l-allowance.

16     Il-qorti ta' l-ewwel istanza, li quddiemha tressaq ir-rikors kontra din id-deċiżjoni, ċaħdet din it-talba. Hija ddeċidiet li l-allowance in kwistjoni kienet tikkostitwixxi, għal dak li jikkonċerna s-Sinjorina Hosse, benefiċċju speċjali ta' natura mhux kontributorja li ma jaqax taħt ir-Regolament Nru 1408/71 u b'hekk m'għandux jiġi esportat.

17     Min-naħa l-oħra, il-qorti li quddiemha tressaq l-appell, filwaqt li rreferiet għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Marzu 2001, Jauch (C-215/99, Ġabra p. I-1901), iddeċidiet li l-allowance in kwistjoni kienet tikkostitwixxi, hija wkoll, benefiċċju tal-mard skond l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, u li dan il-benefiċċju fi flus kellu jiġi esportat bħala allowance għal assistenza mħallsa mill-Awstrija (iktar 'il quddiem, l-"allowance federali għal assistenza"), skond il-prinċipji applikabbli għalih.

18     Skond il-qorti ta' l-appell, is-Sinjorina Hosse, bħala t-tifla ta' persuna assigurata b'mod obbligatorju fl-Awstrija, hija benefiċjarja ta' l-assigurazzjoni fuq il-mard Awstrijaka, u hija tista', konsegwentement, fir-rigward ta' l-istituzzjoni ta' assigurazzjoni soċjali Awstrijaka kompetenti, titlob il-benefiċċji fi flus kollha previsti f'każ ta' mard. Din il-qorti tqis li, fil-każ in eżami, il-Land tas-Salisburgu kompetenti għall-ħlas ta' l-allowance għal assistenza, għandu l-obbligu li jħallashom bħala benefiċċju tal-mard fi flus. Il-qorti ta' l-appell tikkunsidra li l-kundizzjoni dwar ir-residenza, prevista fl-Artikolu 3(1)(2) tas-SPGG m'għandha ebda impatt minħabba l-effett dirett ta' l-Artikolu 19(1) u (2) tar-Regolament Nru 1408/71.

19     l-Oberster Gerichtshof, li quddiemu tressaq appell fir-rigward tad-deċiżjoni tal-qorti ta' l-appell, iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti:

"1)      L-Artikolu 4(2b) tar-[Regolament Nru 1408/71] għandu jiġi interpretat, flimkien ma' l-Anness II, Sezzjoni III, fis-sens li huwa jeskludi mill-kamp ta' applikazzjoni [ta' dan ir-Regolament] inkwantu benefiċċju speċjali ta' natura mhux kontributorja, allowance għal assistenza mogħtija skond is-[SPGG] […] lil membru tal-familja ta' persuna impjegata fil-Land tas-Salisburgu (l-Awstrija), li jgħix mal-familja tiegħu fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja?

2)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun negattiva:

Il-membru tal-familja ta' persuna impjegata fil-Land tas-Salisburgu, li jgħix mal-familja tiegħu fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jista', indipendentement mir-residenza prinċipali tiegħu fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jitlob, jekk huwa jissodisfa l-kundizzjonjiet l-oħra għall-għoti, il-ħlas ta' l-allowance għal assistenza skond is-[SPGG] bħala benefiċċju tal-mard fi flus, kif previst fl-Artikolu 19 u fid-dispożizzjonijiet korrispondenti tas-sezzjonijiet l-oħra tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-[Regolament Nru 1408/71]?

3)      Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun affermattiva:

L-għoti ta' benefiċċju bħala allowance għal assistenza previst mis-[SPGG] jista', inkwantu vantaġġ soċjali skond l-Artikolu 7(2) [tar-Regolament Nru 1612/68] jiġi soġġett għall-kundizzjoni li l-benefiċjarju għandu r-residenza prinċipali tiegħu fil-Land tas-Salisburgu?

4)      Fil-każ li r-risposta għat-tielet domanda tkun affermattiva:

Għandu jiġi kkunsidrat bħala kompatibbli mad-dritt Komunitarju, b'mod partikolari mal-prinċipju ta' ċittadinanza ta' l-Unjoni u ta' projbizzjoni ta' diskriminazzjoni skond l-Artikoli 12 u 17 KE, il-fatt li ċittadini ta' l-Unjoni li jaħdmu fil-Land tas-Salisburgu bħala ħaddiema fuq il-fruntiera, għalkemm madankollu jkollhom ir-residenza prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor, ma jibbenefikawx mid-dritt li jgawdu minn vantaġġ soċjali skond l-Artikolu 7(2) tar-[Regolament Nru 1612/68], bħad-dritt għal allowance għal assistenza skond is-[SPGG]?

Fil-każ li r-risposta tkun negattiva: iċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni tippermetti wkoll lill-membri tal-familja dipendenti fuq persuna li taħdem fuq il-fruntiera, li għandhom huma wkoll ir-residenza prinċipali tagħhom fi Stat Membru ieħor, li jibbenefikaw, fil-Land tas-Salisburgu, minn allowance għal assistenza skond is-[SPGG]?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

20     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fis-sustanza, jekk allowance għal assistenza, bħal dik mogħtija skond is-SPGG, tikkostitwixxi benefiċċju speċjali mhux kontributorju eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 skond l-Artikolu 4(2b) ta' dan ir-Regolament.

 Osservazzjonijiet preliminari

21     L-Artikolu 4(2b) tar-Regolament Nru 1408/71 jeskludi mill-kamp ta' applikazzjoni tiegħu d-dispożizzjonijet tal-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru li jikkonċernaw il-benefiċċji speċjali mhux kontributorji msemmija fis-Sezzjoni III ta' l-Anness II ta' dan ir-Regolament, fejn l-applikazzjoni tagħhom hija limitata għal parti mit-territorju tiegħu.

22     Fil-punt K tas-Sezzjoni III ta' l-Anness II ta' l-istess Regolament, dwar ir-Repubblika ta' Awstrija, huma msemmija l-benefiċċji mogħtija skond il-leġiżlazzjonijiet tal-Bundesländer favur persuni b'diżabilità jew li jeħtieġu l-kura. L-allowance għal assistenza prevista mis-SPGG effettivament imsemmija fis-Sezzjoni III ta' l-Anness II tar-Reoglament Nru 1408/71.

23     Madankollu, din ir-referenza mhijiex biżżejjed sabiex dan il-benefiċċju jidħol fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(2b) tar-Regolament Nru 1408/71.

24     Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b'mod kostanti, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71, applikati skond l-Artikolu 42 KE, għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta' l-iskop ta' dan l-Artikolu li huwa li jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' libertà ta' moviment tal-ħaddiema emigranti, bl-iktar mod sħiħ possibbli. L-għan ta' l-Artikoli 39 KE, 40 KE, u 41 KE, kif ukoll ta' l-Artikolu 42 KE ma kienx jintlaħaq jekk, sussegwentement għall-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu, il-ħaddiema kellhom jitilfu l-vantaġġi ta' sigurtà soċjali li tassiguralhom il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru, b'mod partikolari meta dawn il-vantaġġi jirrappreżentaw il-korrispettiv għall-kontribuzzjonijiet li huma kienu ħallsu (ara, per eżempju, is-sentenza tal-25 ta' Frar 1986, Spruyt, 284/84, Ġabra p. 685, punti 18 u 19).

25     F'dan il-kuntest, il-leġiżlatur Komunitarju jista' jadotta dispożizzjonijiet li jidderogaw mill-prinċipju li l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali jistgħu jiġu esportati (ara, b'mod partikolari, is-sentenza ta' l-4 ta' Novembru 1997, Snares, C-20/96, Ġabra p. I-6057, punt 41). Tali dispożizzjonijiet derogatorji u, a fortiori, l-Artikolu 4(2b) tar-Regolament Nru 1408/71 li jeskludi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament ċerti benefiċċji partikolari għandhom jiġu interpretati b'mod strett. Dan jimplika li l-imsemmi Artikolu ma jistax ikun intiż ħlief għall-benefiċċji li jissodisfaw kumulativament il-kundizzjonijiet li huwa jipprovdi, jiġifieri l-benefiċċji li jippreżentaw fl-istess ħin kemm natura speċjali kif ukoll mhux kontributorja, li huma msemmija fis-Sezzjoni III ta' l-Anness II ta' dan ir-Regolament, u li huma stabbiliti minn leġiżlazzjoni fejn l-applikazzjoni tagħha hija limitata għal parti mit-territorju ta' Stat Membru.

26     Konsegwentement, għandu jiġi wkoll ivverifikat jekk, barra l-kundizzjoni tar-referenza fis-Sezzjoni III ta' l-Anness II tar-Regolament Nru 1408/71 tal-leġiżlazzjoni dwar l-allowance għal assistenza skond is-SPGG, il-kundizzjonijiet l-oħra previsti fl-Artikolu 4(2b) tar-Regolament Nru 1408/71 humiex sodisfatti.

 Osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27     Il-Land tas-Salisburgu kif ukoll il-Gvernijiet ta' l-Awstrija u tar-Renju Unit isostnu li l-benefiċċju in kwistjoni huwa benefiċċju "speċjali" skond ir-Regolament Nru 1408/71.

28     Il-Land tas-Salisburgu jinsisti, b'mod partikolari, fuq il-fatt li l-benefiċċju mhuwiex anċillari għal benefiċċju ta' bażi tas-sigurtà soċjali, u li huwa mhuwiex marbut ma' perijodi ta' attività professjonali jew ta' kontribuzzjoni u lanqas ma' l-istat ta' membru ta' kategorija assigurata. Għaldaqstant dan kien "benefiċċju speċjali" skond ir-Regolament Nru 1408/71. Il-Land isostni f'dan ir-rigward li, minn aspett storiku, l-Istat federali dejjem kellu kompetenza fuq is-sigurtà soċjali u l-Länder fuq l-assistenza soċjali.

29     Il-Gvern Awstrijak isostni, fis-sustanza, argumenti identiċi, u jfakkar, b'mod partikolari, li l-kunċett ta' "benefiċċju speċjali" li ġie introdott fir-Regolament Nru 1408/71 jikkorrispondi għal kategorija ta' benefiċċji "mħallta" identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja f'ċerti kawżi bħala li jinkludu fl-istess ħin kemm elementi li jaqgħu taħt benefiċċju ta' sigurtà soċjali kif ukoll elementi li jaqgħu taħt l-għajnuna soċjali.

30     Il-Gvern tar-Renju Unit jippreċiża li l-eżistenza biss ta' konnessjoni bejn benefiċċju u sistema ta' sigurtà soċjali li tikkorrispondi mal-friegħi ta' sigurtà soċjali elenkati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71 ma teskludix il-fatt li dan il-benefiċċju jista' jiġi kklassifikat bħala "benefiċċju speċjali". Jekk tali klassifikazzjoni kellha tiġi eskluża, l-Artikolu 4(2a)(a) ta' dan ir-Regolament, li jirreferi għal benefiċċji speċjali maħsuba sabiex jipprovdu protezzjoni supplimentari, sostitwita jew anċillari kontra r-riskji koperti minn dawn il-friegħi ta' sigurtà soċjali, jitlef is-sens tiegħu, bl-istess mod bħall-Artikolu 10a(3) ta' dan ir-Regolament.

31     Il-Gvern tar-Renju Unit josserva wkoll, fis-sustanza, li l-allowance federali għal assistenza in kwistjoni fis-sentenza Jauch, iċċitata iktar 'il fuq, ma kinitx "imħallta" minħabba li hija kienet mogħtija esklużivament flimkien ma' benefiċċju ta' sigurtà soċjali, jiġifieri pensjoni, u qatt bħala għajnuna soċjali. Għall-kuntrarju, allowance oħra, anki waħda li tkopri eventwalità identika u mogħtija biss bħala għajnuna soċjali għal uħud mill-benefiċjarji tagħha, kienet tikkostitwixxi benefiċċju "imħallat". L-istat ta' bżonn tal-benefiċjarju huwa karatteristika essenzjali ta' l-assistenza soċjali, u dan il-bżonn m'għandux neċessarjament ikun finanzjarju (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-20 ta' Ġunju 1991, Newton, C-356/89, Ġabra p. I-3017, u Snares, iċċitata iktar 'il fuq).

32     Il-Gvernijiet tal-Portugall u tal-Finlandja essenzjalment jadottaw pożizzjonijiet identiċi.

33     Il-Gvern Olandiż jipproponi li ssir referenza għas-sentenza Jauch, iċċitata iktar 'il fuq.

34     Il-Kummissjoni ssostni, min-naħa l-oħra, li l-allowance għal assistenza skond is-SPGG m'għandhiex in-natura ta' benefiċċju speċjali, imma ta' benefiċċju ta' sigurtà soċjali tal-mard skond l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71.

35     Hija ssostni li l-Artikolu 4(2b) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu, bħala deroga, jiġi interpretat b'mod strett. Hija żżid tgħid li l-allowance għal assistenza skond is-SPGG għandha l-istess skop, l-istess ammont u l-istess kundizzjonijiet għall-għoti bħal fil-każ ta' l-allowance federali għal assistenza, li hija wkoll mogħtija oġġettivament fuq il-bażi ta' sitwazzjoni legalment stabbilita, u li hija tikkostitwixxi, konsegwentement, bħalha, benefiċċju ta' sigurtà soċjali tal-mard skond l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71. Id-differenzi ma' l-allowance federali għal assistenza fir-rigward ta' kategorija ta' benefiċjarji u ta' mezzi ta' finanzjament huma, għaldaqstant, irrelevanti.

 Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

36     Jirriżulta mill-kliem tar-Regolament Nru 1408/71 li l-kunċett ta' benefiċċju ta' sigurtà soċjali" skond l-Aritkolu 4(1) ta' dan ir-Regolament u l-kunċett ta' "benefiċċju speċjali mhux kontributorju" skond l-Artikolu 4(2a) u (2b) ta' l-istess Regolament, jeskludu lil xulxin. Għaldaqstant, benefiċċju li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' "benefiċċju ta' sigurtà soċjali" skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala "benefiċċju speċjali mhux kontributorju".

37     Benefiċċju jista' jiġi kkunsdirat bħala benefiċċju ta' sigurtà soċjali fil-każ fejn huwa konċess lill-benefiċjarji indipendentement minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali, fuq il-bażi ta' sitwazzjoni legalment definita, u fejn hija tirreferi għal wieħed mir-riskji espressament elenkati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1408/71 (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta' Marzu 1985, Hoeckx, 249/83, Ġabra p. 973, punti 12 sa 14; tas-16 ta' Lulju 1992, Hughes, C-78/91, Ġabra p. I-4839, punt 15, tal-5 ta' Marzu 1998, Molenaar, C-160/96, Ġabra p. I-843, punt 20, u Jauch, iċċitata iktar 'il fuq, punt 25).

38     Jirriżulta li benefiċċji, konċessi b'mod oġġettiv, fuq il-bażi ta' sitwazzjoni legalment stabbilita, u li huma intiżi sabiex itejbu l-kundizzjoni ta' saħħa u tal-ħajja ta' persuni dipendenti, għandhom essenzjalment bħala skop li jikkompletaw il-benefiċċji ta' l-assigurazzjoni fuq il-mard, u għandhom jiġu kkunsidrati bħala "benefiċċji tal-mard" skond l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 (sentenzi ċċitati iktar 'il fuq, Molenaar, punti 24 u 25, u Jauch, punt 28).

39     Allowance għal assistenza, kif mogħtija skond is-SPGG, hija intiża sabiex tikkumpensa, taħt il-forma ta' kontribuzzjoni fissa, l-ispejjeż supplimentari dovuti minħabba l-kundizzjoni ta' dipendenza tal-benefiċjarji u, b'mod partikolari, l-ispejjeż marbuta ma' l-għajnuna neċessajra li tingħatalhom.

40     L-ammont ta' tali allowance għal assistenza jiddependi mil-livell ta' dipendenza. Huwa jvarja skond iż-żmien iddedikat għall-kura, espress f'numru ta' sigħat kull xahar. L-evalwazzjoni tad-dipendenza hija regolata b'mod dettaljat f'test li jipprovdi l-klassifikazzjoni skond il-livell ta' dipendenza. Id-dħul ieħor tal-persuna dipendenti m'għandu ebda effett fuq l-ammont ta' l-allowance għal assistenza.

41     Dan il-benefiċċju jingħata lill-persuni li ma jirċievu ebda pensjoni skond id-dispożizzjonijiet federali. Dawn il-persuni huma essenzjalment il-membri tal-familja ta' assigurati soċjali, il-benefiċjarji ta' l-għajnuna soċjali, il-persuni b'diżabilità li jeżerċitaw professjoni, kif ukoll il-pensjonati tal-Länder u tal-komuni.

42     Konsegwentement, għalkemm allowance għal assistenza, bħal dik fil-kawża prinċipali, jista' jkollha sistema differenti minn dik applikabbli għall-benefiċċji ta' l-assigurazzjoni Ġermaniża għal assistenza in kwistjoni fis-sentenza Molenaar, iċċitata iktar 'il fuq, u mill-allowance federali Awstrijaka għal assistenza in kwistjoni fis-sentenza Jauch, iċċitata iktar 'il fuq, hija xorta waħda jibqa' jkollha l-istess natura tagħhom.

43     Minbarra dan, kif huwa ppreċiżat fis-sentenza Jauch, iċċitata iktar 'il fuq, la l-kundizzjonijet għall-għoti ta' l-allowance għal assistenza u lanqas il-metodu ta' finanzjament tagħha ma setgħu jkollhom bħala skop jew bħala effett li jbiddlu n-natura ta' l-allowance għal assistenza kif kien ġie analizzat fis-sentenzi Molenaar u Jauch, iċċitati iktar 'il fuq. Il-fatt li l-għoti tal-benefiċċju m'huwiex neċessarjament marbut mal-ħlas ta' benefiċċju ta' l-assigurazzjoni fuq il-mard jew ma' pensjoni li kienet mogħtija taħt titolu ieħor li mhuwiex l-assigurazzjoni fuq il-mard ma jistax b'daqshekk ibiddel din l-analiżi.

44     F'dawn il-kundizzjonijiet, u anki jekk huma jippreżentaw karatteristiċi li huma speċifiċi għalihom, tali benefiċċji għandhom jiġu kkunsidrati bħala "benefiċċji tal-mard" skond l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71.

45     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq, wieħed mill-kundizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 4(2b) tar-Regolament Nru 1408/71, jiġifieri l-klassifikazzjoni tal-benefiċċju kkonċernat bħala "benefiċċju speċjali", mhuwiex sodisfatt. B'hekk mhuwiex aktar neċessarju li jiġi kkunsidrat jekk il-kundizzjonijiet l-oħra previsti minn dan l-Artikolu humiex sodisfatti.

46     Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li allowance għal assistenza, bħal dik prevista mis-SPGG, ma tikkostitwixxix benefiċċju speċjali mhux kontributorju skond l-Artikolu 4(2b) tar-Regolament Nru 1408/71, imma benefiċċju tal-mard skond l-Artikolu 4(1)(a) ta' dan ir-Regolament.

 Fuq it-tieni domanda

47     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-membru tal-familja ta' persuna impjegata fil-Land tas-Salisburgu, li jgħix mal-familja tiegħu fil-Ġermanja, jistax jitlob, meta huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra għall-għoti, il-ħlas ta' allowance għal assistenza, bħal dik imħallsa mis-SPGG bħala benefiċċju tal-mard fi flus, kif previst fl-Artikolu 19 u fid-dispożizzjonijiet korrispondenti tas-sezzjonijiet l-oħra ta' l-ewwel Kapitolu tat-Titolu III tar-Regolament Nru 1408/71.

48     Benefiċċju tal-mard, bħall-allowance għal assistenza prevista mis-SPGG, li jippreżenta ruħu bħala għajnuna finanzjarja li tippermetti li ttejjeb globalment il-livell ta' ħajja tal-persuni dipendenti, b'mod li tikkumpensa l-ispejjez sostnuti minħabba l-kundizzjoni li jinsabu fiha, huwa fost il-"benefiċċji fi flus" ta' l-assigurazzjoni fuq il-mard imsemmija b'mod partikolari fl-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 (ara s-sentenza Molenaar, iċċitata iktar 'il fuq, punti 35 u 36).

49     Għaldaqstant, mhuwiex ikkontestat li s-Sinjur Hosse huwa ħaddiem li jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71.

50     Minbarra dan, jirriżulta mid-dokumenti mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li d-dritt għal allowance għal assistenza previst mis-SPGG huwa dritt speċifiku tas-Sinjorina Hosse u mhux dritt li ġej minn missierha.

51     Madankollu, din is-sitwazzjoni ma tipprekludix li s-Sinjorina Hosse tista' tibbenefika mid-dritt għal allowance għal assistenza tal-Land tas-Salisburgu, anki jekk hija tgħix fil-Ġermanja, peress li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra għall-għoti previsti fl-Artikolu 19 u fid-dispożizzjonijiet korrispondenti ta' sezzjonijiet oħra ta' l-ewwel Kapitolu tat-Titolu III tar-Regolament Nru 1408/71.

52     Huwa veru li l-Qorti ddeċidiet li, skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1408/71, il-membri tal-familja ta' ħaddiem m'għandhomx ħlief drittijiet li ġejjin minnu, jiġifieri drittijiet li huma akkwistaw f'din il-kwalità, u mhux drittijiet tagħhom stess, li minnhom huma jistgħu jibbenefikaw mingħajr ebda relazzjoni ta' familja mal-ħaddiem (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta' Novembru 1976, Kermaschek, 40/76, Ġabra p. 1669, punt 7).

53     Madankollu, sussegwentement il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat din il-ġurisprudenza għall-uniċi każijiet fejn membru tal-familja ta' ħaddiem jinvoka dispożizzjonijet tar-Regolament Nru 1408/71 applikabbli esklużivament għall-ħaddiema, bl-esklużjoni tal-membri tal-familja tagħhom, bħad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 67 sa 71 ta' dan ir-Regolament dwar il-benefiċċji tal-qgħad (ara s-sentenza tat-30 ta' April 1996, Cabanis-Issarte, C-308/93, Ġabra p. I-2097). Dan mhuwiex il-każ ta' l-Artikolu 19 ta' dan ir-Regolament fejn l-iskop huwa preċiżament li jiġi ggarantit lill-ħaddiem u lill-membri tal-familja li jgħixu fi Stat Membru differenti mill-Istat kompetenti, l-għoti tal-benefiċċji tal-mard previsti mil-leġiżlazzjoni applikabbli, sakemm il-membri tal-familja ma jkollhomx dritt għal dawn il-benefiċċji skond il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat li fit-territorju tiegħu jgħixu.

54     Minbarra dan, l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 1408/71 huwa intiż, b'mod partikolari sabiex l-għoti ta' benefiċċji tal-mard ma jkunx suġġett għall-kundizzjoni ta' residenza tal-membri tal-familja tal-ħaddiem fl-Istat Membru kompetenti, sabiex ma jiskoraġġixxux lill-ħaddiem Komunitarju milli jeżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu.

55     Konsegwentement, ikun kontra l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 1408/71 li t-tifla ta' ħaddiem tiġi miċħuda mill-vantaġġ ta' benefiċċju li għalih hija kellha dritt li kieku hija kienet tgħix fl-Istat Membru kompetenti.

56     Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-membru ta' familja ta' persuna impjegata fil-Land tas-Salisburgu, li jgħix mal-familja tiegħu fil-Ġermanja, jista', meta huwa jissodisfa l-kundizzjonijet l-oħra għall-għoti, jitlob lill-istituzzjoni kompetenti tal-post tax-xogħol tal-persuna impjegata, il-ħlas ta' allowance għal assistenza, bħal dik imħallsa mis-SPGG bħala benefiċċju tal-mard fi flus, kif previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1408/71, sakemm il-membru tal-familja ma jkollux dritt għal benefiċċju analogu skond il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat li fit-territorju tiegħu jgħix.

57     Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel żewġ domandi, mhemmx lok li tingħata risposta għad-domandi l-oħra magħmula.

 Fuq l-ispejjeż

58     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi:

1)      Allowance għal assistenza, bħal dik prevista mis-Salzburger Pflegegeldgesetz, ma tikkostitwixxix benefiċċju speċjali mhux kontributorju skond l-Artikolu 4(2b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 ta' l-14 ta' Ġunju 1971 dwar l-applikazzjoni ta' l-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, imma benefiċċju tal-mard skond l-Artikolu 4(1)(a) ta' dan ir-Regolament.

2)      Il-membru ta' familja ta' persuna impjegata fil-Land tas-Salisburgu, li jgħix mal-familja tiegħu fil-Ġermanja, jista', meta huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra għall-għoti, jitlob lill-istituzzjoni kompetenti tal-post tax-xogħol tal-persuna impjegata, il-ħlas ta' allowance għal assistenza, bħal dik imħallsa mis-Salzburger Pflegegeldgesetz bħala benefiċċju tal-mard fi flus, kif previst fl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1408/71, sakemm il-membru tal-familja ma jkollux dritt għal benefiċċju analogu skond il-leġiżlazzjoni ta' l-Istat li fit-territorju tiegħu jgħix.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.