62003J0266



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-266/03

li għandha bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-18 ta' Ġunju 2003,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej , irrappreżentata minn C. Schmidt u minn W. Wils, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu , irrappreżentati minn S. Schreiner, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), K. Lenaerts, S. von Bahr u K. Schiemann, Imħallfin

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta' Novembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti sabiex tiddikjara li, talli innegozja, ikkonkluda, irratifika, u daħħal fis-seħħ individwalment u talli rrifjuta li jiddenunzja

- il-ftehim bejn il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Gvern tar-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka relatat mat-trasport permezz ta' navigazzjoni, iffirmat fil-Lussemburgu fit-30 ta' Diċembru 1992 ( Mémorial A 1994, p. 579),

- il-ftehim bejn il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u tal-Gvern tar-Rumanija dwar it-trasport permezz ta' navigazzjoni, iffirmat f'Bukarest fl-10 ta' Novembru 1993 ( Mémorial A 1995, p. 13), u

- il-ftehim bejn il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja dwar il-passaġġi ta' navigazzjoni, iffirmat fil-Lussemburgu fid-9 ta' Marzu 1994 ( Mémorial A 1995, p. 1570),

il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 10 KE, kif ukoll mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3921/91 tas-16 ta' Diċembru 1991 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom dawk it-trasportaturi li mhumiex residenti jistgħu jittrasportaw merkanzija jew passiġġieri [minn] passaġġi fuq l-ilma interni ġewwa Stat Membru (ĠU L 373, p. 1) u mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1356/96 tat-8 ta' Lulju 1996 dwar regoli komuni li japplikaw għat-trasport ta' merkanzija jew passiġġieri [minn] passaġġi fuq l-ilma interni bejn l-Istati Membri bil-għan li tiġi stabbilita l-libertà li jiġu pprovduti tali servizzi tat-trasport (ĠU L 175, p. 7).

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni komunitarja

Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE

2. L-Artikolu 10 KE jgħid is-segwenti:

"L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa ġenerali jew speċjali biex jassiguraw it-twettiq ta' l-obbligi li jirriżultaw minn dan it-Trattat jew mid-deċiżjonijiet ta' l-istituzzjonijiet tal-Komunità, u għandhom jiffaċilitaw l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità.

Huma m'għandhom jieħdu ebda miżura li tkun tista' tipperikola r-realizzazzjoni ta' l-għanijiet ta' dan it-Trattat."

3. Għal dak li jirrigwarda l-materja tat-trasport, l-Artikolu 70 KE jipprovdi li l-għanijiet tat-Trattat jintlaħqu mill-Istati Membri fil-kuntest ta' politika komuni.

4. L-Artikolu 71(1) KE jipprovdi li:

"Bl-iskop li jwettaq l-Artikolu 70, u filwaqt illi jqis il-fatturi partikolari tat-trasport, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 u wara li jikkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandu jistabbilixxi:

a) regoli komuni li japplikaw għat-trasport internazzjonali lejn jew mit-territorju ta' Stat Membru jew li jaqsam it-territorju ta' Stat Membru wieħed jew aktar;

b) il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-mod li bih trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi ta' trasport f'xi Stat Membru;

ċ) miżuri li jtejbu s-sigurtà fit-trasport;

d) provvedimenti oħra xierqa."

5. Fuq il-bażi ta' din l-aħħar dispożizzjoni, il-Kunsill adotta r-Regolamenti Nru 3921/91 u Nru1356/96.

Ir-Regolament Nru 3921/91

6. Skond it-tielet premessa, ir-Regolament Nru 3921/91 jipprovdi li t-trasportaturi li mhumiex residenti jitħallew jagħmlu vjaġġi ta' trasport nazzjonali taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li l-Istat Membru kkonċernat jimponi fuq it-trasportaturi tiegħu.

7. Għal dan il-għan, l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 1 ta' dan ir-Regolament jipprovdi li, b'effett mill-1 ta' Jannar 1993, kull trasportatur ta' merkanzija jew ta' persuni permezz ta' navigazzjoni għandu jitħalla jwettaq it-trasport nazzjonali ta' merkanzija jew ta' persuni permezz ta' navigazzjoni f'isem ħaddieħor fi Stat Membru li fih ma jkollux sede, prassi magħrufa bħala "kabotaġġ", kemm il-darba huwa jkollu sede fi Stat Membru skond il-leġiżlazzjoni tiegħu u, jekk ikun il-każ, ikun ikkwalifikat jeffettwa trasporti internazzjonali tal-merkanzija jew tal-persuni permezz ta' navigazzjoni. It-tieni paragrafu ta' dan l-Artiklu jipprovdi li, jekk ikun issodisfa dawn il-kundizzjonijiet, dan it-trasportatur jista' jeżerċita l-kabotaġġ temporanjament fl-Istat Membru kkonċernat, mingħajr ma joħloq sede jew stabbiliment ieħor.

8. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(1) ta' l-istess Regolament jipprovdi li, sabiex kull trasportatur jitħalla jeffettwa l-kabotaġġ, it-trasportatur jista' juża biss bastimenti li l-proprjetarju jew proprjetarji tagħhom huma persuni naturali domiċiljati fi Stat Membru u li jkunu ċittadini ta' Stati Membri, jew persuni legali li jkollhom is-sede rreġistrata fi Stat Membru u li s-sehem maġġoritarju tagħhom jappartjeni lil ċittadini ta' l-Istati Membri.

9. Fl-aħħarnett, skond l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 3921/91, id-dispożizzjonijiet tiegħu ma jaffettwawx id-drittijiet eżistenti taħt il-Konvenzjoni Riveduta dwar in-Navigazzjoni fuq ir-Rhine, iffirmat f'Mannheim fis-17 ta' Ottubru 1868 (aktar 'il quddiem "Konvenzjoni ta' Mannheim").

Ir-Regolament Nru 1356/96

10. Hekk kif jirriżulta mit-titolu u mit-tieni premessa tiegħu, l-għan tar-Regolament Nru 1356/96 huwa li tiġi stabbilita l-prestazzjoni libera ta' servizzi fil-kamp ta' trasport tal-merkanzija jew ta' persuni permezz ta' navigazzjoni bejn l-Istati Membri permezz ta' l-eliminazzjoni tar-restrizzjoni kollha imposti fuq min jipprovdi s-servizzi, għar-raġuni tan-nazzjonalità tiegħu jew tal-fatt li huwa għandu s-sede fi Stat Membru barra dak li fih ikun ser jipprovdi s-servizz.

11. L-Artikoli 1 u 2 ta' dan ir-Regolament jipprovdi li kull trasportatur ta' merkanzija jew ta' persuni permezz ta' navigazzjoni għandu jkun awtorizzat jwettaq operazzjonijiet ta' trasport bejn l-Istati Membri u bi tranżitu minnhom, mingħajr diskriminazzjoni għar-raġuni tan-nazzjonalità tiegħu jew il-post ta' fejn għandu s-sede. L-imsemmi Artikolu 2 jindika ukoll il-kundizzjonijiet ta' din l-awtorizzazzjoni.

12. Skond l-Artikolu 3 ta' l-istess Regolament, id-dispożizzjonijiet ta' dan ta' l-aħħar "ma jaffettwax id-drittijiet ta' operaturi ta' pajjiżi terzi taħt il-Konvenzjoni Riveduta dwar in-Navigazzjoni fuq ir-Rhine (Il-Konvenzjoni ta' Mannheim), il-Konvenzjoni dwar in-Navigazzjoni fuq id-Danubju (Il-Konvenzjoni ta' Belgrad) jew id-drittijiet li jirriżultaw mill-obbligazzjonijiet internazzjonali tal-Komunità Ewropea."

Il-ftehim bilaterali konklużi mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu

13. It-tliet ftehim bilaterali msemmija fil-punt 1 tal-preżenti sentenza (iktar 'il quddiem il-"ftehim bilaterali kontenzjużi") jinkludi provvedimenti fuq it-trasport ta' passiġġieri u ta' merkanzija permezz ta' navigazzjoni bejn il-partijiet kontraenti u fuq l-użu reċiproku tar-rotot ta' navigazzjoni minn dawn ta' l-aħħar.

14. Dawn il-ftehim jipprevedu b'mod partikolari li t-trasport ta' passiġġieri u ta' merkanzija permezz ta' bastimenti ta' parti kontraenti bejn żewġ portijiet tal-parti l-oħra (kabotaġġ) jkun suġġett għal awtorizzazzjoni speċjali ta' l-awtoritajiet kompetenti ta' din ta' l-aħħar u li l-bastimenti ta' parti kontraenti jistgħu jwettqu t-trasport ta' passiġġieri jew ta' merkanzija bejn il-portijiet tal-parti l-oħra u dawk ta' Stat terz (traffiku ma' l-Istati terzi) fil-każijiet speċifikati mill-awtoritajiet kompetenti tal-partijiet kontraenti.

15. Huma ġew irratifikati mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu rispettivament b'liġijiet ta' l-10 ta' April 1994, tas-6 ta' Jannar 1995 u ta' l-24 ta' Lulju 1995 u daħlu fis-seħħ fis-6 ta' Ġunju 1994, fit-3 ta' Frar u l-1 ta' Ottubru 1995.

Il-fatti li jwasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

16. Fit-28 ta' Ġunju 1991, il-Kummissjoni ssottomettiet lill-Kunsill rakkomandazzjoni għal deċiżjoni relatata mal-ftuħ ta' negozjati li jikkonċernaw il-konklużjoni ta' ftehim multilaterali bejn il-Komunità u l-pajjiżi terzi fl-ambitu tat-trasport ta' persuni u ta' merkanzija permezz ta' navigazzjoni.

17. Permezz ta' deċiżjoni tas-7 ta' Diċembru 1992, il-Kunsill "awtorizza l-Kummissjoni sabiex tinnegozja ftehim multilaterali li jikkonċerna r-regoli applikabbli għat-trasport mix-xmara ta' vjaġġaturi u ta' merkanzija bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, bil-Polonja fuq naħa u l-Istati kuntrattwali tal-konvenzjoni tad-Danubju (L-Ungerija, Iċ-Ċekożlovakkja, Ir-Rumanija, Il-Bulgarija, L-ex-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi, L-ex-Jugoslavja, u L-Awstrija) fuq in-naħa l-oħra."

18. Wara din id-deċiżjoni tal-Kunsill, il-Kummissjoni, permezz ta' ittra ta' l-24 ta' April 1993, talbet lil diversi Stati Membri, fosthom il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, "sabiex jastjenu mill-inizjattivi kollha li jistgħu jikkompromettu l-iżvolġiment tajjeb tan-negozjati magħmula fuq livell komunitarju u, b'mod partikolari, li jirrinunċjaw għar-ratifika ta' ftehim diġà inizjati jew iffirmati kif ukoll għall-ftuħ ta' negozjati ġodda mal-pajjiżi ta' l-Ewropa ċentrali u tal-lvant f'dak li jirrigwarda n-navigazzjoni interna."

19. Fit-8 ta' April, il-Kunsill iddeċieda li kellha tingħata prijorità lit-tmexxija tan-negozjati mar-Repubblika Ċeka, mar-Repubblika ta' l-Ungerija, mar-Repubblika tal-Polonja u mar-Repubblika tas-Slovakkja.

20. Peress illi kkunsidrat li, billi kompla jinnegozja u beda l-proċedura ta' approvazzjoni parlamentari tal-ftehim bilaterali kontenzjużi, il-Gvern Lussemburgiż kien mar kontra d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 5 tat-Trattat KE (li llum huwa l-Artikolu 10 KE), il-Kummissjoni, f'ittra oħra tat-12 ta' April 1994, reġgħet tenniet it-talba tagħha u ordnat lill-imsemmi Gvern biex ma jkomplix fl-iskambju ta' strumenti ta' ratifika.

21. In-negozjati multilaterali mmexxija mill-Kummissjoni ġew konklużi fil-5 ta' Awwissu 1996 bl-inizjalar ta' abbozz ta' ftehim multilaterali, li abbażi tiegħu, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill, fit-13 ta' Diċembru 1996, proposta għal deċiżjoni dwar il-konklużjoni ta' ftehim li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li jirregolaw it-trasport b'navigazzjoni ta' merkanzija jew passiġġieri bejn il-Komunità Ewropea, min-naħa waħda, u r-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Repubblika tas-Slovakkja, min-naħa l-oħra.

22. Madankollu, sa llum ma ġie konkluż l-ebda ftehim multilaterali mill-Komunità mal-pajjiżi kkonċernati.

23. Billi d-daħla fis-seħħ tal-ftehim bilaterali kienet ħaġa magħrufa, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu taħt l-Artikolu 226 KE. Wara li nnotifikat formalment lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu sabiex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu, fit-28 ta' Frar 2000, hija ħarget opinjoni motivata li bih stiednet dan l-Istat Membru jieħu l-miżuri meħtieġa biex jikkonforma ruħu ma' din l-opinjoni motivata fi żmien xahrejn mill-bidu tan-notifika.

24. Peress illi kkunsidrat li s-sitwazzjoni baqgħet insodisfaċenti, il-Kummssjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

25. Il-Kummissjoni qajmet tliet allegazzjonijiet biex issostni r-rikors tagħha. Fl-ewwel lok, hija akkużat lill-Gran Dukat tal-Lussemburgu li kiser il-kompetenza esterna esklużiva tal-Komunità fis-sens tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, magħrufa bħala "AETR" [AETR - Il-Ftehim Ewropew li jirrigwarda x-xogħol ta' l-ekwipaġġi tal-vetturi li jaħdmu fit-trasport internazzjonali fit-triq] (22/70, Ġabra p. 263). Fit-tieni lok, hija invokat ksur ta' l-Artikolu 10 KE. Fit-tielet lok, hija ssostni li l-ftehim bilaterali kontenzjużi huma inkompatibbli mar-Regolament Nru 1356/96.

Fuq l-ewwel allegazzjoni, ibbażat fuq ksur tal-kompetenza esterna esklużiva tal-Komunità

L-argumenti tal-partijiet

26. Permezz ta' l-ewwel eċċezzjoni tagħha, il-Kummissjoni ssottomettiet li bin-negozjar, bil-konklużjoni, bir-ratifika u bid-daħla fis-seħħ tal-ftehim bilaterali kontenzjużi, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu kiser il-kompetenza esklużiva tal-Komunità fis-sens tas-sentenza magħrufa bħala "AETR", iċċitata iktar 'il fuq. Fil-fatt, dawn il-ftehim ser ikollhom effett fuq ir-regoli komuni adottati mill-Komunità fir-Regolament Nru 3921/91.

27. B'mod partikolari, l-Kummissjoni tikkunsidra li, safejn jippermettu, permezz ta' awtorizzazzjoni speċjali, l-aċċess għall-kabotaġġ fil-Lussemburgu għat-trasportaturi tal-pajjiżi terzi kkonċernati, il-ftehim bilaterali kontenzjużi jaffetwaw ir-regoli komuni li jinsabu fir-Regolament Nru 3921/91, safejn dawn ta' l-aħħar jarmonizzaw kompletament, mill-1 ta' Jannar 1993, il-kundizzjonijiet ta' aċċess għall-kabotaġġ fl-Istati Membri tal-Komunità. Billi rriżervat b'dan il-mod id-dritt li talloka d-drittijiet ta' aċċess ghat-trasportaturi ta' pajjiżi terzi barra mill-kuntest komunitarju, l-Gran Dukat tal-Lussemburgu kien qed jikser il-kompetenza esterna esklużiva tal-Komunità.

28. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li r-Regolament Nru 3921/91 ikopri mhux biss it-trasportaturi komunitarji, iżda wkoll it-trasportaturi ta' pajjiżi terzi minħabba li l-Artikolu 6 tiegħu jirrikonoxxi d-drittijiet ta' aċċess għat-trasportaturi Żvizzeri fir-rigward tal-Konvenzjoni ta' Mannheim.

29. Skond il-Gvern Lussemburgiż, il-konklużjoni ta' ftehim bilaterali kontenzjużi kien maħsub għall-neċessità doppja. Min-naħa waħda, ikun jaqbel li tiġi evitata diskriminazzjoni bejn trasportaturi nazzjonali u trasportaturi ta' Stati Membri oħra u, min-naħa l-oħra, ikun neċessarju li tiġi rrimedjata s-sitwazzjoni ta' lakuna ġuridika li tinħoloq fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi ta' l-Ewropa ċentrali u tal-lvant bl-assenza ta' ftehim multilaterali fuq in-navigazzjoni fluvjali fuq livell komunitarju. Saħansitra, fl-istennija tal-konk lużjoni ta' tali ftehim, il-Komunità m'għandhiex ikollha d-dritt li timpedixxi lill-Istati Membri tagħha biex jipprovdu ruħhom bi strumenti bilaterali proviżorji.

30. Minn barra minn hekk, ir-Regolament Nru 3921/91 ma jikkonċernax ħlief l-Istati Membri tal-Komunità u ma jolqotx lill-pajjiżi terzi.

31. Il-Gvern Lussemburgiż jindika wkoll li l-aċċess ta' trasportaturi mhux residenti għad-dritt ta' kabotaġġ fil-Lussemburgu hija ssottomessa għall-awtorizzazzjoni tal-Ministeru għat-Trasport Lussemburgiż u li tali awtorizzazzjoni qatt ma ġiet mogħtija.

32. Barra minn hekk, mill-1 ta' Mejju 2004, data tad-dħul tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Polonja u tar-Repubblika Slovakka fl-Unjoni Ewropea, il-ftehim bilaterali kontenzjużi kellhom jitilfu kull validità ġuridika.

33. Fl-aħħarnett, il-Gvern Lussemburgiż jissottometti li, fid-data tal-preżentazzjoni tal-preżenti rikors, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu kien l-uniku Stat Membru li l-Kummissjoni kienet ippreżentat rikors kontrih għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu, waqt li l-Istati Membri l-oħra kienu ugwalment ikkonkludew u rratifikaw ftehim bilaterali fir-rigward tan-navigazzjoni bix-xmara mal-pajjiżi terzi.

Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti

34. L-argument tal-Gvern Lussemburgiż għal dak li għandu x'jaqsam ma' fatt li l-Kummissjoni ma ppreżentatx ħlief rikors wieħed biss waqt li Stati Membri oħra kkonkludew ftehim bilaterali ma' pajjiżi terzi f'materja ta' navigazzjoni fluvjali, għandu jiġi mwarrab mill-bidunett.

35. Fil-fatt, huwa neċessarju li jiġi mfakkar li, min-naħa waħda, fis-sistema stabbilità permezz ta' l-Artikolu 226 KE, il-Kummissjoni tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali sabiex tibda rikors għal nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu u mhuwiex għall-Qorti biex tevalwa d-diskrezzjoni ta' l-eżerċizzju tagħha (sentenza ta' l-10 ta' Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-152/98, Ġabra p. I-3463, punt 20) u li, min-naħa l-oħra, Stat Membru mhuwiex f'pożizzjoni huma x'inhuma ċ-cirkustanzi, li jibbaża d-difiża tiegħu fuq il-prinċipju ta' reċiproċità u jallega ksur eventwali tat-Trattat minn Stat ieħor membru sabiex jiġġustifika n-nuqqas tiegħu stess (sentenzi ta' l-14 ta' Frar 1984, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, 325/82, Ġabra p. I-777, punt 11, u tat-13 ta' Frar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-131/01, Ġabra p. I-1659, punt 46).

36. Ta' min ifakkar ukoll li, skond ġurisprudenza kostanti, l-eżistenza ta' nuqqas ta' stat li jwettaq obbligu trid tiġi evalwata fuq is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fil-mument li jiskadi t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jiġru wara ma jistgħux jiġu kkunsidrati mill-Qorti (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta' Ottubru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-110/00, Ġabra p. I-7545, punt 13).

37. Għalhekk, fil-preżenti każ, it-terminu ta' żmien mogħti fl-opinjoni motivata skada fit-28 ta' April 2000, b'tali mod li d-dħul tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Polonja u tar-Repubblika tas-Slovakkja fl-Unjoni Ewropea hija irrelevanti għal kawża preżenti.

38. Konsegwentement, huwa neċessarju li l-Qorti tippronunċja ruħha dwar l-eżistenza allegata ta' kompetenza esterna esklużiva tal-Komunità fis-sens tas-sentenza magħrufa bħala "AETR", iċċitata iktar 'il fuq.

39. Jekk it-Trattat KE ma jattribwixxix, b'mod espliċitu, kompetenza esterna lill-Komunità f'dak li għandu x'jaqsam mat-trasport permezz ta' navigazzjoni, l-Artikoli 71(1) u 80(1) KE jipprovdu xorta waħda setgħa diskrezzjonali tal-Komunità f'dan il-qasam.

40. Fil-punti 16 sa 18 u 22 tas-sentenza tagħha "AETR", iċċitata aktar 'il fuq, il-Qorti ddeċidiet li l-kompetenza tal-Komunità sabiex tikkonkludi ftehim internazzjonali ma tirriżultax biss minn attribuzzjoni espliċita tat-Trattat, iżda tista' toħroġ ukoll minn dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat u minn atti adottati, fil-kuntest ta' dawn id-dispożizzjonijiet, mill-istituzzjonijiet tal-Komunità. B'mod partikolari, kull darba li l-Komunità, għall-implementazzjoni ta' politika komuni prevista fit-Trattat, adottat xi dispożizzjonijiet li jistabbilixxu, taħt kwalunkwe forma, xi regoli komuni, l-Istati Membri m'għandhomx aktar id-dritt, sew jekk jaġixxu individwalment sew jekk kollettivament, li jidħlu għal obbligi, ma' l-Istati terzi, li jaffettwaw dawn ir-regoli. Fil-fatt, meta u safejn dawn ir-regoli komuni jiġu stabbiliti, il-Komunità biss hija f'pożizzjoni li tassumi u teżegwixxi, b'effett fuq il-qasam ta' applikazzjoni tas-sistema legali komunitarja kollha, l-impenji addottati fir-rigward ta' Stati terzi. Safejn dawn ir-regoli komunitarji huma adottati sabiex iwettqu l-għanijiet tat-Trattat, l-Istati Membri ma jistgħux, barra mill-kuntest ta' l-istituzzjonijiet komuni, jassumu obbligi li jistgħu jaffetwaw l-imsemmija regoli jew li jibdlu l-iskop tagħhom.

41. Fil-fatt, kieku l-Istati Membri kellhom jibqgħu liberi li jidħlu għal obbligi internazzjonali li jaffetwaw ir-regoli komuni, l-għan li jrid jintlaħaq minn dawn ir-regoli, mill-missjoni tal-Komunità u mill-iskopijiet tat-Trattat jiġi kompromess.

42. Il-kundizzjonijiet li fihom l-iskop tar-regoli komuni jista' jiġi affetwat jew mibdul minn obbligi internazzjonali u għalhekk, il-kundizzjonijiet li fihom il-Komunità takkwista kompetenza esterna esklużiva mill-fatt ta' l-eżerċizzju tal-kompetenza interna tagħha ġew, b'mod partikolari, imfakkra mill-Qorti fis-sentenza tagħha tal-5 ta' Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C-472/98, Ġabra p. I-9741).

43. Tali huwa l-każ meta l-obbligi internazzjonali jaqgħu taħt il-qasam ta' applikazzjoni tar-regoli komuni jew, fi kwalunkwe każ, taħt qasam diġa kopert fil-parti l-kbira minn tali regoli, u dan l-istess jekk ma teżisti l-ebda kontradizzjoni bejn dawn ta' l-aħħar u l-imsemmija obbligi (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata iktar 'il fuq, punt 88).

44. Huwa b'hekk li, meta fl-atti leġiżlattivi tagħha l-Komunità inkludiet klawsoli relatati mat-trattament li għandu jiġi rriżervat għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew li hija espressament ikkonferiet lill-istituzzjonijiet tagħha kompetenza biex jinnegozjaw mal-pajjiżi terzi, hija takkwista kompetenza esterna esklużiva safejn huwa kopert minn dawn l-atti (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata iktar 'il fuq, punt 89).

45. Huwa l-istess hekk ukoll, anki fin-nuqqas ta' klawsola espressa li tippermetti lill-istituzzjonijiet tagħha jinnegozjaw ma' pajjiżi terzi, meta l-Komunità wettqet armonizzazzjoni kompluta f'qasam partikolari, minħabba li r-regoli komuni li ġew adottati jistgħu jkunu affetwati fis-sens tas-sentenza "AETR", iċċitata iktar 'il fuq, jekk l-Istati Membri jikkonservaw libertà ta' negozjar mal-pajjiżi terzi (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, iċċitata iktar 'il fuq, punt 90).

46. Hekk kif jirriżulta mit-titolu u mill-Artikoli 1 u 2 tiegħu, ir-Regolament Nru 3921/91 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-aċċess tat-trasport nazzjonali ta' merkanzija jew persuni permezz ta' navigazzjoni fi Stat Membru għal dak li jirrigwarda t-trasportaturi komunitarji biss. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet ma jkoprux ħlief it-trasportaturi, ta' merkanzija jew persuni permezz ta' navigazzjoni li huma stabbiliti fi Stat Membru, u li jużaw bastimenti li l-proprjetarju jew proprjetarji tagħhom huma persuni naturali domiċiljati fi Stat Membru u li jkunu ċittadini ta' Stat Membru jew persuni legali li jkollhom sede fi Stat Membru u li s-sehem maġġoritarju tagħhom jappartjenu lil ċittadini ta' l-Istati Membri.

47. Ir-riferiment li jsir għad-drittijiet eżistenti taħt il-Konvenzjoni ta' Mannheim fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 3921/91, ma jistax iwassal għall-konklużjoni differenti peress illi, hekk kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, permezz ta' din id-dispożizzjoni, il-Komunità ma tagħmilx ħlief tieħu att tad-drittijiet li jirriżultaw għall-Iżvizzera minn din il-Konvenzjoni.

48. Isegwi li r-Regolament Nru 3921/91 ma jirregolax il-kundizzjonijiet ta' aċċess tat-trasportaturi mhux komunitarji għat-trasport nazzjonali ta' merkanziji jew persuni permezz ta' navigazzjoni fi Stat Membru.

49. Peress li l-ftehim bilaterali kontenzjuż ma jaqgħux taħt qasam diġa kopert mir-Regolament Nru 3921/91, huma ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jaffettwaw lil dan ta' l-aħħar għar-raġuni invokata mill-Kummissjoni.

50. Barra minn hekk, il-fatt stess li r-Regolament Nru 3921/91 ma jirregolax is-sitwazzjoni ta' trasportaturi stabbiliti fi Stati terzi li joperaw ġewwa l-Komunità juri li l-armonizzazzjoni effettwata minn dan ir-Regolament m'għandhiex natura kompluta.

51. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax issostni li l-Komunità akwistat kompetenza esterna esklużiva, fis-sens tas-sentenza "AETR", iċċitata aktar 'il fuq, fil-qasam regolat mill-ftehim bilaterali kontenzjużi.

52. F'dawn iċ-ċirkostanzi, l-ewwel eċċezzjoni għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-tieni eċċezzjoni, ibbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 10 KE

L-argumenti tal-partijiet

53. Permezz tat-tieni eċċezzjoni, il-Kummissjoni ssostni li, peress illi nnegozja, kkonkluda, irratifika u daħħal fis-seħħ ftehim bilaterali kontenzjużi wara li l-Kunsill ddeċieda, fis-7 ta' Diċembru 1992, li jawtorizza in-negozjar ta' ftehim f'isem il-Komunità, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu kkomprometta l-implementazzjoni ta' din id-deċiżjoni u naqas mill-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 10 KE. Fil-fatt, in-negozjar mill-Kummissjoni ta' ftehim multilaterali f'isem il-Komunità kif ukoll il-konklużjoni ulterjuri mill-Kunsill ser ikun inevitabilment aktar ikkumplikat minħabba l-interferenza ta' l-inizjattivi individwali ta' Stat Membru. Barra minn hekk, fin-negozjati ma' l-Istati terzi, il-pożizzjoni tal-Komunità tiddgħajjef minħabba li din ta' l-aħħar u l-Istati Membri jidhru mifrudin.

54. Minn barra mill-argumenti diġà esposti fil-punt 30 tas-sentenza preżenti, il-Gvern Lussemburgiż isostni li l-ftehim bilaterali kontenzjużi ġew innegozjati qabel is-7 ta' Diċembru 1992, data li fiha il-Kunsill awtorizza l-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim multilaterali f'isem il-Komunità.

55. Barra minn dan, id-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' April 1994 kienet tikkostitwixxi, fir-realtà, mandat ġdid ta' negozjati li ħa post dak tas-7 ta' Diċembru 1992.

56. Fl-aħħarnett, il-Gvern Lussemburgiż jenfażizza li huwa kien iddikjara lilu nnifsu lest li jiddenunzja l-ftehim bilaterali kontenzjuż minn meta jiġi stabbilit il-ftehim multilaterali fuq livell komunitarju.

Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti

57. L-Artikolu 10 KE jirrikjedi lill-Istati Membri biex lill-Komunità jiffaċilitawlha l-adempiment tal-missjoni tagħha u ma jieħdux miżuri li jistgħu jqiegħdu l-għanijiet tat-Trattar fil-perikolu.

58. Dan l-obbligu ta' kooperazzjoni leali huwa ta' applikazzjoni ġenerali u ma jiddependix la min-natura esklużiva u la mill-kompetenza komunitarja kkonċernata u lanqas mid-dritt eventwali, għall-Istati Membri, li jikkuntrattaw obbligi fir-rigward ta' Stati terzi.

59. F'dan ir-rigward, huwa neċessarju li jiġi mfakkar li l-Qorti diġà ddeċidiet li l-Istati Membri huma suġġetti għal dmirijiet partikolari ta' azzjoni u ta' astensjoni f'sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni ressqet xi proposti lill-Kunsill li, minkejja li ma ġewx aċċettati minn dan ta' l-aħħar, jikkostitwixxu l-bidu ta' azzjoni komunitarja miftehma (ara s-sentenza tal-5 ta' Mejju 1981, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, 804/79, Ġabra p. I-1045, punt 28).

60. Għalhekk, l-adozzjoni ta' deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja ftehim multilaterali f'isem il-Komunità jimmarka l-bidu ta' azzjoni komunitarja miftehma fuq il-pjan internazzjonali u jimplika, taħt dan it-titolu, jekk mhux dmir ta' astensjoni min-naħa ta' l-Istati Membri, għall-inqas obbligu ta' kooperazzjoni bejn dawn ta' l-aħħar u l-istituzzjonijiet komunitarji sabiex jiġi ffaċilitat l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità u li jiggarantixxu l-unità u l-koerenza ta' l-azzjoni u tar-rappreżentazzjoni internazzjonali ta' din ta' l-aħħar.

61. Fil-kawża preżenti, huwa stabbilit li, wara li l-Kunsill kien, b'deċiżjoni tas-7 ta' Diċembru 1992, awtorizza l-Kummissjoni sabiex jinnegozja ftehim multilaterali f'isem il-Komunità, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu nnegozja, ikkonkluda, irratifika u daħħal fis-seħħ il-ftehim bilaterali kontenzjużi mingħajr ma kkopera u mingħajr ma ftiehem mal-Kummissjoni. B'tali aġir, dan l-Istat Membru ikomprometta l-adempiment tal-missjoni tal-Komunità kif ukoll tat-twettiq tal-għanijiet tat-Trattat.

62. Il-konsultazzjoni tal-Kummissjoni tirrikjedi aktar milli l-Kunsill u l-Kummissjoni kienu qablu dwaru għal dak li jikkonċerna l-proċedura ta' negozjar ta' dan il-ftehim, li japplikaw ir-regoli ta' komportament li jinsabu fil- gentleman's agreement anness mal-mandat ta' negozjati tas-7 ta' Diċembru 1992 u li jipprovdi għal koordinazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. F'dan ir-rigward, punt 3(d) tat-Titolu II, ta' dan il- gentleman's agreement jipprovdi li "waqt in-negozjati, il-Kummissjoni titkellem f'isem il-Komunità u r-rappreżentanti ta' l-Istati Membri m'għandhomx jintervjenu ħlief fuq it-talba tal-Kummissjoni" u li "r-rappreżentanti ta' l-Istati Membri għandhom jastjenu milli jieħdu kull azzjoni li tista' taffettwa l-eżekuzzjoni tajba tad-dmirijiet tagħhom mill-Kummissjoni".

63. Jekk huwa possibli, kif isostni l-Gvern Lussemburgiż, li n-negozjati fuq il-ftehim mar-Repubblika Federali Ċeka u Slovakka ġew mibdija qabel id-deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 1992, il-fatt jibqa' li l-ftehim bilaterali kontenzjużi ġew kollha ffirmati u rratifikati wara din id-data.

64. Minn barra minn hekk, ma joħroġ xejn mill-fajl li d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta' April 1994 tikkostitwixxi mandat ġdid ta' negozjar li jissostitwixxi dak tas-7 ta' Diċembru 1992. Jidher biss li din id-deċiżjoni kienet ittieħdet biex jiġi preċiżat u kkompletat il-mandat li ġie mogħti lill-Kummissjoni fl-1992.

65. Fl-aħħarnett, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 76 tal-konklużjonijiet tiegħu, iċ-ċirkustanza li l-Gvern Lussemburgiz kien iddikjara lilu nnifsu lest li jiddenunċja l-ftehim bilaterali kontenzjużi minn meta jidħol fis-seħħ ftehim li jorbot il-Komunità ma turix li l-obbligu ta' kooperazzjoni leali provduta fl-Artikolu 10 KE ġiet rispettata.

66. Minn dak li jippreċedi jirriżulta li, bin-negozjar, bil-konklużjoni, bir-ratifika u bid-daħla fis-seħħ tal-ftehim bilaterali kontenzjużi mingħajr ma kkopera jew ftiehem mal-Kummissjoni, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu naqas mill-obbligi li għandu taħt l-Artikolu 10 KE.

67. Isegwi li t-tieni eċċezzjoni hija bbażata fuq il-miżura indikata fil-punt preċedenti.

Fuq it-tielet eċċezzjoni, ibbażata fuq inkompatibbiltà ta' ftehim bilaterali kontenzjużi mar-Regolament Nru 1356/96

L-argumenti tal-partijiet

68. Permezz tat-tielet eċċezzjoni, il-Kummissjoni ssostni li ż-żamma, wara l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1356/96, tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim bilaterali kontenzjużi li jipprovdu għall-possibbiltà, għall-bastimenti rreġistrati fi Stati terzi kkonċernati, li jipprovdu servizzi ta' trasport permezz ta' navigazzjoni bejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u Stati Membri l-oħra tal-Komunità, li għandhom awtorizzazzjoni speċjali ta' l-awtorità kompetenti, hija inkompatibbli ma' l- Artikoli 1 u 2 ta' l-imsemmi Regolament kif ukoll ma' l-għanijiet ġenerali tiegħu.

69. Fil-fatt, peress illi ppermettiet l-għotja unilaterali tad-drittijiet ta' passaġġ mill-Gran Dukat tal-Lussemburgu jew mill-inqas irriżervat lil dan l-Istat Membru d-dritt li jagħti unilateralment id-drittijiet ta' passaġġ, f'komunikazzjonijiet interni tal-Komunità, lit-trasportaturi li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti fir-Regolament Nru 1356/96, il-ftehim bilaterali kontenzjużi jimmodifikaw, b'mod unilaterali u barra mill-kontroll tal-Komunità, in-natura u l-iskop tar-regoli li jikkonċernaw l-prestazzjoni libera ta' servizzi ta' trasport intrakomunitarja permezz ta' navigazzjoni kif iddefiniti fid-dritt komunitarju. Skond il-Kummissjoni, huwa stabbilit li t-trasportaturi u l-intrapriżi ta' navigazzjoni Ċeki, Pollakki, Slovakki u Rumeni li jistgħu jkunu awtorizzati, b'applikazzjoni ta' dawn il-ftehim, sabiex jeffettwaw servizzi ta' trasport bejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Istati Membri l-oħra tal-Komunità ma jissodisfaw ebda minn dawn il-kundizzjonijiet.

70. Il-Gvern Lussemburgiż isostni li r-Regolament Nru 1356/96 jorganizza t-trasport permezz ta' navigazzjoni bejn Stati Membri u jikkonċerna biss it-trasportaturi komunitarji, waqt li t-trasportaturi stabbiliti fl-Istati terzi huma esklużi jew jaqgħu taħt provvedimenti oħra komunitarji.

Il-Kunsiderazzjoni tal-Qorti

71. Għandu jiġi mfakkar li l-għan prinċipali tar-Regolament Nru 1356/96 huwa r-realizzazzjoni tal-prestazzjoni libera ta' servizzi fil-qasam tat-trasport ta' merkanzija jew ta' passiġġieri permezz ta' passaġġi ta' navigazzjoni bejn Stati Membri permezz tat-tneħħija ta' kull restrizzjoni jew diskriminazzjoni fir-rigward tal-persuna li tipprovdi servizzi minħabba n-nazzjonalità tiegħu jew il-post fejn huwa stabbilit.

72. Skond l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1356/96, din is-sistema ta' prestazzjoni libera ta' servizzi ta' trasport ta' merkanzija jew ta' passiġġieri permezz ta' navigazzjoni hija ta' benefiċċju għal kull trasportatur li:

- huwa stabbil it fi Stat Membru skond il-liġijiet ta' dak l-Istat Membru,

- huwa kkwalifikat f'dak l-Istat Membru li jeffettwa t-trasport internazzjonali ta' merkanzija jew ta' persuni permezz ta' navigazzjoni;

- juża għal dawn l-operazzjonijiet ta' trasport ta' bastimenti għan-navigazzjoni li huma rreġistrati fi Stat Membru jew, fin-nuqqas ta' reġistrazzjoni, għandhom ċertifikat ta' sħubija fi flotta ta' Stat Membru, u

- jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 3921/91, jiġifieri juża bastimenti li l-proprjetarju jew proprjetarji tagħhom huma persuni naturali domiċiljati fi Stat Membru u li jkunu ċittadini ta' Stat Membru jew persuni legali li jkollhom is-sede tagħhom fi Stat Membru u li is-sehem maġġoritarju tagħhom jappartjeni lil ċittadini ta' Stat Membru.

73. Kif jindika l-Avukat Ġenerali fil-punti 85 u 86 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk ir-Regolament Nru 1356/96 jistabbilixxi sistema ta' prestazzjoni libera ta' servizzi ta' trasport permezz ta' navigazzjoni bejn l-Istati Membri tal-Komunità favur trasportaturi stabbiliti f'dawn ta' l-aħħar, allura għandu jiġi kkonstatat li s-sistema hekk stabbilità mir-Regolament Nru 1356/96 m'għandhiex bħala skop jew effett li timpedixxi lit-trasportaturi stabbiliti fil-pajjiżi terżi jew lill-bastimenti rreġistrati f'dawn ta' l-aħħar li jwettqu tali servizzi bejn Stati Membri tal-Komunità.

74. Barra minn hekk, kif jenfasizza wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 87 sa 89 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-ftehim bilaterali kontenzjużi ma jistabilixxux sistema prestazzjoni libera ta' servizzi ta' trasport ta' merkanzija jew persuni permezz ta' navigazzjoni bejn Stati Membri favur t-trasportaturi Ċeki, Pollakki, Slovakki u Rumeni, iżda huma limitati sabiex jipprovdu għall-possibbilità, f'każijiet strettament iddefiniti u bl-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-partijiet, għall-bastimenti rreġistrati fil-pajjiżi terzi konċernati, li jeffettwaw tali servizzi bejn il-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Istati Membri l-oħra tal-Komunità.

75. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li qed issostni l-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet tal-ftehim bilaterali kontenzjużi ma jibdlux la n-natura u lanqas l-iskop tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1356/96.

76. F'dawn iċ-ċirkostanzi, it-tielet eċċezzjoni għandha tiġi miċħuda.

77. Meta wieħed iqis il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu, min-naħa, jiġi kkonstatat li, peress illi rratifikat u implementat il-ftehim bilaterali mingħajr ma kkooperat jew kkonsultat mal-Kummissjoni, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 10 KE u, min-naħa l-oħra, ir-rikors għandu jinċaħad fir-rigward tat-talbiet l-oħra.

Fuq l-ispejjeż

78. Skond l-Artikolu 69(3), l-ewwel paragrafu, tar-Regoli ta' Proċedura, il-Qorti tista' tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar. Peress illi parti biss mir-rikors tal-Kummissjoni ġie milqugħ, hemm lok li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1) Billi nnegozja, kkonkluda, rratifika u daħħal fis-seħħ

- il-ftehim bejn il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Gvern tar-Repubblika federali Ċeka u Slovakka relatat mat-trasport permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni, ffirmat fil-Lussemburgu fit-30 ta' Diċembru 1992,

- il-ftehim bejn il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u tal-Gvern tar-Rumanija dwar it-trasport permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni, ffirmat f'Bukarest fl-10 ta' Novembru 1993, u

- il-ftehim bejn il-Gvern tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni, ffirmat fil-Lussemburgu fid-9 ta' Marzu 1994,

mingħajr ma kkopera jew ftiehem mal-Kummissjoni, il-Gran Dukat tal- Lussemburgu naqas mill-obbligi li għandu skond l-Artiklu 10 KE.

2) Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

3) Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u l-Gran Dukat tal-Lussemburgu huma kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom.