SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla)

         20 ta’ Ottubru 2005 (*)

“Nuqqas ta’ l-Istat li jwettaq obbligu – Kuntratti Pubbliċi – Direttiva 92/50/KEE – Proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Mandat ta’ rappreżentanza fil-proġett tax-xogħolijiet – Persuni li jistgħu jingħataw il-kompetenzi ta’ rappreżentanza fil-proġett tax-xogħolijiet – Lista eżawrjenti ta’ persuni ġuridiċi Franċiżi”

Fil-kawża C-264/03

li għandha bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, imressaq fis-17 ta’ Ġunju 2003,

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn B. Stromsky u K. Wiedner, kif ukoll minn F. Simonetti, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

ir-Repubblika Franciża, irrapreżentata minn G. de Bergues u D. Petrausch, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenut

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas (Relatur), President ta’ l-Awla, A. Borg Barthet, J.-P. Puissochet, J. Malenovský u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: K. Sztranc, Amministratur,

wara li rat il-proċeduri bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Ottubru 2004,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-24 ta’ Novembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Fuq rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej talbet lill-Qorti biex tikkonstata li, billi rriżervat, fl-Artikolu 4 tal-Liġi Nru. 85-704 tat-12 ta’ Lulju 1985, dwar il-proġetti ta’ xogħolijiet pubbliċi u r-relazzjonijiet tagħhom mat-tmexxija ta’ xogħolijiet privati (JORF tat-13 ta’ Lulju 1985, pġ.7914), kif emendat permezz tal-Liġi Nru. 96-987 ta’ l-14 ta’ Novembru 1996, dwar l-implementazzjoni tal-ftehim dwar it-tiġdid urban (JORF tal-15 ta’ Novembru 1996, pġ. 16656, iktar ‘il quddiem il-“Liġi Nru. 85-704”), il-kompetenza ta’ rappreżentanza fil-proġetti tax-xogħolijiet lil-lista eżawrjenti ta’ persuni ġuridiċi fid-dritt Franċiż, ir-Repubblika Franċiża naqqset mill-obbligi imposti fuqha taħt id-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, pġ. 1) li ġiet emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/52/KE tat-13 ta’ Ottubru 1997 (ĠU L 328, pġ. 1, iktar ‘il quddiem id-“Direttiva 92/50”), u, b’mod partikolari, mill-Artikoli 8 u 9 tagħha, kif ukoll mill-Artikolu 49 KE.

 Il-Kuntest Ġuridiku

 Il-Leġiżlazzjoni Komunitarja

2       Skond l-Artikolu 1, sub-artikolu (a) tad-Direttiva 92/50 il-“kuntratti ta’ servizz pubbliku” għandhom ifissru kuntratti għal interess pekunarju konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti, bl-esklużjoni tal-kuntratti nnumerati minn (i) sa (ix) taħt l-imsemmi Artikolu. Skond l-Artikolu 1 sub-artikolu (b) ta’ l-istess Direttiva, “awtoritajiet kontraenti” għandhom ifissru “l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi rregolati mil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew aktar minn dawn l-awtoritajiet jew korpi regolati mil-liġi pubblika”. L-Artikolu 1 sub-artikolu (c) ta’ l-imsemmija Direttiva tiddefinixxi “dak li jipprovdi servizz” bħala “kull persuna fiżika jew ġuridika, inkluż korp pubbliku, li joffri servizzi”.

3       L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 92/50 tgħid li l-awtoritajiet kontraenti għandhom jassiguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn persuni li jipprovdu servizz differenti.

4       Skond l-Artikolu 6 ta’ l-imsemmija Direttiva, din “m’għandhiex tapplika għal kuntratti tas-servizz pubbliku mogħtija lil entità li hija proprja l-awtorità kontraenti fis-sens ta’ l-Artikolu 1(b) fuq il-bażi ta’ dritt esklussiv li hija tgawdi skond liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva ppubblikata li hija kompatibbli mat-Trattat.”

5       L-Artikolu 7, paragrafu 1(a), ta’ l-istess Direttiva jgħid li din għandha tapplika għal kuntratti tas-servizz pubbliku fil-mument li l valur stmat tagħhom, nett mill-VAT mhuwiex inqas minn 200 000 [EUR].”

6       Skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/50, il-kuntratti li ghandhom, bħala l-obbjettiv tagħhom, servizzi elenkati fl-Anness IA ta’ din id-Direttiva għandhom jingħataw skond id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI ta’ l-imsemmija Direttiva, u jridu jkunu kapaċi jaqgħu taħt sejħa għal offerti u li jkunu oġġett ta’ reklamar xieraq.

7       Il-Kategorija 12 ta’ l-Anness IA ta’ din l-istess Direttiva ssemmi s-“Servizzi Arkitettoniċi, servizzi ta’ inġinerija u servizzi integrati ta’ inġinerija; servizzi ta’ ppjanar urban u servizzi arkitettoniċi ta’ landscape; servizzi relatati xjentifiċi u ta’ konsulenza teknika; servizzi ta’ kontroll tekniku u ta’ analiżi.”

8       Skond l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/50, kuntratti li għandhom bħala l-obbjettiv tagħhom is-servizzi elenkati fl-Anness IB ta’ din id-Direttiva, għandhom jingħataw skond l-Artikoli 14 u 16 ta’ l-istess Direttiva. L-Artikolu 14 jirrigwarda r-regoli komuni fil-qasam tekniku waqt li l-Artikolu 16 jirrigwarda n-notifiki tar-riżultati tal-proċedura ta’ l-għoti.

9       Il-Kategoriji 21 u 27 ta’ l-Anness IB tad-Direttiva 92/50 jiġbru rispettivament is-“servizzi legali” u “servizzi oħrajn”.

10     L-Artikolu 10 ta’ din l-istess Direttiva jgħid li l-“Kuntratti li għandhom bħala l-objettiv tagħhom servizzi elenkati kemm fl-Anness IA kif ukoll fl-Anness IB għandhom jingħataw għotjiet skond id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI meta l-valur tas-servizzi elenkati fl-Anness IA huwa ikbar mill-valur tas-servizzi elenkati fl-Anness IB. Meta dan mhuwiex il-każ, għandhom jingħataw skond l-Artikoli 14 u 16.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

11     Id-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru. 85-704 huma applikabbli, fis-sensi ta’ l-Artikolu 1 tagħha, għat-twettieq ta’ xogħolijiet ta’ bini jew ta’ infrastruttura, kif ukoll ta’ għodod industrijali li għandhom l-iskop li jitħaddmu fejn sidien il-kostruzzjonijiet huma:

“1      L-Istat u l-istituzzjonijiet pubbliċi tiegħu;

2      L-awtoritajiet territorjali, l-istituzzjonijiet pubbliċi tagħhom, l-istituzzjonijiet pubbliċi ta’ żvilupp ta’ bliet ġodda li ġew imwaqqfa taħt l-Artikolu L. 321-1 tal-code del’urbanisme (Kodiċi ta’ l-urbaniżmu), l-għaqdiet tagħhom kif ukoll is-sindakati mħallta, msemmija fl-Artikolu L. 166-1 tal-code des communes (Kodiċi tal-Kunsilli Lokali);

3      L-organi privati msemmija fl-Artikolu L. 64 tal-code de la sécurité sociale (Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali), kif ukoll il-unions u l-federazzjonijiet tagħhom;

4      L-organi privati ta’ reżidenzi għall-kiri bi prezz moderat, imsemmija fl-Artikolu L. 411-2 tal-code de laconstruction et de l’habitation (Kodiċi tal-kostruzzjoni u ta’l-abitazzjoni), kif ukoll dawk il-kumpanniji parastatali, għal alloġġ għal skop ta’ kiri mgħejuna mill-Istat u magħmula għal dawn l-organi u kumpanniji.”

12     L-Artikolu 2 ta’ l-imsemmija liġi jiddefinixxi sid il-kostruzzjoni bħala:

“[…] il-persuna ġuridika, msemmija fl-Artikolu 1, li għalih il-kostruzzjoni ser tiġi mibnija. Huwa jkun ir-responsabbli prinċipali tal-proġett, hu għandu funzjoni f’dan ir-rwol ta’ interess ġenerali li minnu ma jistax jabdika.

[…]

Is-sid tal-kostruzzjoni jiddefinixxi, fil-pjan ta’ kostruzzjoni, l-għanijiet ta’ l-operat u l-bżonnijiet li jridu jiġu soddisfatti kif ukoll ir-rekwiżiti u l-eżiġenzi ta’ natura soċjali, urbanistika, arkitettonika, funzjonali, teknika u ekonomika, li jħarsu l-pajżaġġ u l-ambjent, u li jaqgħu fl-iskop u l-użu tal-proġett.

[…]”

13     L-Artikolu 3 ta’ l-istess Liġi jgħid li:

“[…] is-sid tal-kostruzzjoni jista jagħti lill-mandatarju, skond il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim imsemmi fl-Artikolu 5, l-eżerċizzju, f’ismu u f’egħmilu, ta’ parti jew ta’ kollox mis-segwenti kompetenzi relatati mal-proġett tax-xogħol:

1       Definizzjoni tal-kundizzjonijiet amministrattivi u tekniċi li fuqhom il-proġett jiġi studjat u eżegwit;

2       L-għażla tal-kuntrattur tax-xogħolijiet, l-iffirmar tal-kuntratt tax-xogħolijiet, wara l-approvazzjoni ta’ l-għażla tal-kuntrattur tax-xogħolijiet minn sid il-kostruzzjoni, u t-tmexxija tal-kuntratt tal-proġett tax-xogħolijiet;

3       Approvazzjoni tax-xogħol li jippreċedi l-proġett kif ukoll il-ftehim dwar il-proġett;

4       L-għażla tal-kuntrattur, l-iffirmar tal-kuntratt tax-xogħolijiet wara l-approvazzjoni ta’ l-għażla tal-kuntrattur minn sid il-kostruzzjoni, u t-tmexxija tal-kuntratt tax-xogħolijiet.

5       Ħlas ta’ remunerazzjoni tat-tmexxija tal-proġett tax-xogħolijiet, u tax-xogħolijiet;

6       Approvazzjoni tax-xogħolijiet, u l-konklużjoni ta’ dawk l-atti relatati ma’ l-imsemmija kompetenzi.

Il-mandatarju mhuwiex marbut lejn sid il-kostruzzjoni ħlief għall-eżekuzzjoni xierqa tal-kompetenzi mogħtija lilu li għalihom irid jagħmel tajjeb personalment.

Il-mandatarju jirrappreżenta lil sid il-kostruzzjoni fir-rigward ta’ terzi fl-eżerċizzju ta’ l-inkarigu mogħti lilu sakemm sid il-kostruzzjoni jkun ra li ntlaħqu dawk il-kundizzjonijiet iddefiniti skond il-kuntratt imsemmi fl-Artikolu 5. Huwa jista jaġixxi skond il-liġi.”

14     Skond l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru. 85-704:

“Jistgħu biss jingħataw, fil-limiti tal-kompetenzi tagħhom, is-setgħat definiti fl-Artikolu preċedenti:

(a)       Il-persuni ġuridiċi msemmija fis-Sub-Artikoli 1 u 2 ta’ l-Artikolu 1 ta’ din il-Liġi, bl-eċċezzjoni ta’ l-istituzzjonijiet pubbliċi sanitarji u soċjali li ma jistgħux ikunu mandatarji ħlief għal istituzzjonijiet pubbliċi sanitarji u soċjali oħra;

(b)       Il-persuni ġuridiċi fejn in-nofs imnaqqas mill-kapital hu, direttament jew permezz ta’ terza persuna, miżmum mill-persuni ġuridiċi msemmija fis-Sub-Artikoli 1 u 2 ta’ l-Artikolu 1 u li għandhom bħala skop li jieħdu xogħol b’appalt mingħand sid il-kostruzzjoni, bil-kundizzjoni li ma jkollomx attività ta’ kuntratturi ta’ xogħolijiet jew ta’ tmexxija f’isem terzi;

(c)       L-organi privati ta’ reżidenzi għall-kiri bi prezz moderat imsemmija fl-Artikolu L. 411-2 tal-code de la construction et de l’habitation iżda biss għall-profitt ta’ organi ta’ reżidenzi għall-kiri bi prezz moderat, kif ukoll għal dawk ix-xogħolijiet marbutin ma proġett ta’ alloġġ sussidjat;

(d)       Il-kumpanniji parastatali lokali mmexxija mill-Istat taħt il-Liġi Nru. 83-597 tas-7 ta’ Lulju 1983 dwar il-kumpanniji parastatali lokali;

(e)       L-istituzzjonijiet pubbliċi li ġew fis-seħħ minħabba l-artikolu L. 321-1 tal-code de l’urbanisme kif ukoll dawk l-assoċjazzjonijiet ta’ proprjetarji ta’ l-art urbana awtorizzati jew appuntati awtomatikament taħt l-Artikoli L. 322-1 et seq. tal-code de l’urbanisme;

(f)       Il-kumpanniji li ġew fis-seħħ bis-saħħa ta’ l-Artikolu 9 tal-Liġi Nru. 51-592 ta’ l-24 ta’ Mejju 1951 dwar il-kontijiet speċjali tat-Teżor għas-sena 1951, kif emendat permezz ta’ l-Artikolu 28 tal-Liġi Nru. 62-933 tat-8 ta’ Awwissu 1962 kumplementari mal-liġi dwar l-ippjanar agrikolu;

(g)       Il-persuni kollha, pubbliċi jew privati lilhom ġiet fdata żona ta’ ppjanar komuni jew ta’ qsim ta’ proprjetà [...];

(h)       Il-kumpanniji li ngħataw il-kuntratt previst fl-Artikolu L. 222-1 tal-code de la construction et de l’habitation għat-twettieq ta’ ħidma ta’ ristrutturazzjoni urbana, binjiet kbar u ta’ żoni reżidenzjali fi stat ta’ degrad […].

Dawn il-korporazzjonijiet, istituzzjonijiet u organi jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Liġi fl-eżerċizzju tal-kompetenzi li, fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, huma mogħtija lilhom minn sid il-kostruzzjoni.

Ir-regoli ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratti ffirmati mill-mandatarju huma r-regoli li japplikaw għal sid il-kostruzzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ tibdil neċessarju eventwali li jkun seħħ b’digriet sabiex jiġi rreġistrat l-intervent tal-mandatarju.”

15     L-Artikolu 5 tal-Liġi Nru. 85-704 jgħid li:

“Ir-relazzjoni bejn sid il-kostruzzjoni u l-persuni ġuridiċi msemmija fl-Artikolu 4, hija ddefiniti permezz ta’ ftehim li jipprevedi, taħt piena ta’ nullità:

(a) Il-kostruzzjoni li taqa’ taħt dan il-ftehim, il-kompetenzi mogħtija lill-mandatarju, il-kundizzjonijiet li taħthom sid il-kostruzzjoni jiċċertifika t-tlestija tax-xogħolijiet mill-mandatarju, il-metodi ta’ ħlas ta’ dan ta’ l-aħħar, il-penalitajiet li huma applikabbli lilu f’każ ta’ nuqqasijiet fl-obbligi tiegħu, u l-kundizzjonijiet li taħtu l-kuntratt jista jiġi terminat;

[…]”

 Il-proċedura prekontenzjuża

16     Billi deherliha li ċerti dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru. 85-704, partikolarment dawk dwar il-kundizzjonijiet li taħthom sid il-kostruzzjoni jista jirrikorri għall-intervent ta’ persuna inkarigata mix-xogħolijiet u jqassam u jiddelega xi ftit mill-kundizzjonijiet imposti fuqu lil rappreżentant fil-proġett tax-xogħolijiet, imorru kontra, min-naħa, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/50 u, min-naħa l-oħra, dawk ta’ l-Artikolu 49 KE, il-Kummisjoni, permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Lulju 2001 intimat lir-Repubblika Franċiża sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

17     Permezz ta’ ittra tat-8 ta’ Marzu 2002, l-awtoritajiet Franċiżi kkontestaw l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni, ħlief għal dawk dwar l-inkarigu ta’ persuna responsabbli mix-xogħolijiet irregolata mill-Artikolu 6 tal-Liġi Nru. 85-704. Huma ammettew, f’dan ir-rigward, li l-funzjoni ta’ persuni inkarigati mix-xogħolijiet hi ta’ għoti ta’ servizzi fis-sens tad-Dritt Komunitarju u indikaw li din il-funzjoni ġiet sottomessa għall-code des marchés publics français (Kodiċi tax-xogħolijiet pubbliċi ta’ Franza) il-ġdid.

18     Din it-tweġiba ma ssoddisfatx il-Kumissjoni, li , fis-27 ta’ Ġunju 2002, indirizzat opinjoni motivata lir-Repubblika Franċiża, li biha talbitha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tkun konformi ma din l-opinjoni f’terminu ta’ xagħrejn min-notifika.

19     Permezz ta’ komunikazzjoni ta’ l-14 ta’ Ottubru 2002, ir-Repubblika Franċiża għarrfet lill-Kummissjoni li hi kompliet issostni l-fehmiet tagħha kif imsemmija fl-ittra tat-8 ta’ Marzu 2002.

20     Billli kkunsidrat li n-nuqqas fir-rigward ta’ rappreżentanza fil-proġetti tax-xogħolijiet baqa’ jippersisti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq is-segwenti Rikors.

21     Mindu ġie ppreżentat ir-rikors dwar nuqqas ta’ Istat li jwettaq obbligu, l-awtoritajiet Franċiżi adottaw il-liġi Nru. 2004-566, tas-17 ta’ Ġunju 2004, li temenda l-Liġi Nru. 85-704 (JORF tad-19 ta’ Ġunju 2004, pġ. 11020), fejn emendat l-imsemmija liġi fis-sens li tawtorizza li l-mandat ta’ rappreżentanza fil-proġett tax-xogħolijiet hi relatata għal persuni pubbliċi jew privati, billi neħħiet il-ħtieġa li din tingħata lil persuna ġuridika li taqa taħt il-liġi Franċiża, bl-eċċezzjoni madankollu li jiġu rrispettati ċertu regoli li jqajmu inkompatibbiltà minħabba kunflitt ta’ interess. Skond il-Gvern Franċiż, din l-emenda ma tirriżultax mir-Rikors preżenti u ma tbiddel xejn mill-punt ta’ liġi li qed tiddefendi f’dan il-kuntest.

 Dwar ir-rikors

 L-argumenti tal-partijiet

22     Il-Kummissjoni ssostni li, skond l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru. 85-704, il-funzjoni ta’ rappreżentanza fil-proġett tax-xogħolijiet lejn kategoriji ta’ persuni ġuridiċi li jaqgħu taħt il-liġi Franċiża elenkati b’mod eżawrjenti, ir-Repubblika Franċiża naqqset mill-obbligi li jaqgħu fuqha taħt id-Direttiva 92/50, b’mod partikolari mill-Artikoli 8 u 9 ta’ l-istess Direttiva, kif ukoll mill-Artikolu 49 KE.

23     Skond il-Kummissjoni l-mandat ta’ kuntratt ta’ kostruzzjoni lil terzi hu kuntratt ta’ servizz pubbliku fis-sens ta’ l-Artikolu 1, sub-artikolu (a) tad-Direttiva 92/50. Il-funzjonijiet li jaqgħu taħt il-mandat joħorġu mill-kategorija 12 ta’ l-Anness IA ta’ din id-Direttiva, ħlief għal funzjonijiet ta’ rappreżentanza, b’mod li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru. 85-704 ma jirrispettawx l-Artikolu 8 ta’ l-imsemmija Direttiva. Joħroġ minn dan li mandati li jitrattaw, jew esklussivament jew taħt titolu prinċipali, funzjonijiet ta’ rappreżentanza, jaqgħu taħt l-Anness IB tad-Direttiva 92/50, b’mod li l-imsemmija Liġi ma tirrispettax iżjed l-Artikolu 9 ta’ l-istess Direttiva.

24     Barra minn hekk, il-Kummissjoni tallega li, għal dawk li huma mandati ta’ proġetti tax-xogħolijiet b’valur inferjuri mill-parametri stabbiliti mid-Direttiva 92/50, kif ukoll dawk il-mandati li jirrigwardaw esklussivament jew prinċipalment is-servizzi elenkati fl-Anness IB ta’ din id-Direttiva, l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru. 85-704 iġġib magħha restrizzjoni lill-prinċipju tal-liberta’ li jiġu pprovduti servizzi taħt l-Artikolu 49KE. Restrizzjoni ta’ dan it-tip ma tistax tiġi ġġustifikata la taħt l-Artikoli 45KE u 55KE peress li l-funzjonijiet konċernati ma jġibux magħhom il-parteċipazzjoni, ukoll b’mod okkażjonali, ta’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika, u l-anqas taħt l-Artikoli 46KE u 55KE, fejn ir-raġunijiet ta’ ordni pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika ma jsibux l-applikazzjoni tagħhom f’ċirkustanzi simili.

25     Il-Gvern Franċiż isostni li l-kuntratt ta’ mandat ta’ rappreżentanza fil-proġett tax-xogħolijiet previst mil-liġi Nru. 85-704 ma huwiex kuntratt ta’ tip kummerċjali u ma joħroġx mill-qasam ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 92/50. Il-mandatarju jipparteċipa f’funzjoni ta’ interess ġenerali u ma jiġix meqjus bħala persuna li qed tagħti servizz. Hu jirrappreżenta lil sid il-kostruzzjoni, u dan fl-essenza jikkostitwixxi l-għoti tal-mandat. F’dan il-kuntest, hu jibbenefika minn trasferiment ta’ kompetenzi li jagħtuh saħħa li jiddeċiedi. Il-funzjoni ta’ rappreżentanza ma’ tistax tiġi sseparata minn kull azzjoni li jwettaq il-mandatarju f’isem il-mandant. Fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu, li huma fil-fatt dawk ta’ l-awtorità kontraenti, il-mandatarju jissottometti lilu nnifsu għad-Direttivi Komunitarji relatati mal-kuntratti pubbliċi.

26     Il-Gvern Franċiż invoka wkoll is-Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Ordine degli Architetti et (C-399/98, Ġabra pġ. I-5409), dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/37/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, dwar il-koordinament tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tax-xogħolijiet pubbliċi (ĠU L 199, pġ.54). Jirriżulta mir-raġunament tal-Qorti f’dan il-każ, li huwa applikabbli b’analoġija maċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, li kuntratt b’titolu oneruż, mill-mument li jikkostitwixxi mandat, jista jevita d-Direttivi Komunitarji dwar il-kuntratti pubbliċi. Hu biżżejjed li l-mandatarju jkun huwa nnifsu sottomess għall-obbligi li joħorġu mill-imsemmija Direttivi. Issa, il-Liġi Nru. 85-704 tissottometti l-kuntratti konklużi mill-mandatarju għalll-istess obbligi bħallikieku kienu konklużi minn sid il-kostruzzjoni.

27     Peress li l-ftehim ta’ mandat ta’ rappreżentanza ta’ proġett tax-xogħolijiet juri, skond il-Gvern Franċiż, karatteristiċi tali li ma jistgħux jixxiebħu ma’ kuntratt ta’ għoti ta’ servizzi, l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru. 85-704 ma jmurx kontra l-Artikolu 49 KE.

 Il-Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

 Osservazzjonijiet preliminari

28     L-Artikolu 3 tal-Liġi Nru. 85-704 jgħid li sid il-kostruzzjoni jista jiddelega lill-mandatarju, skond il-kundizzjonijiet iddefiniti fil-kuntratt imsemmi fl-Artikolu 5 ta’ din l-istess liġi, l-eżerċizzju, f’ismu u għalih, ta’ kollox jew parti minn dawn il-kompetenzi attribbwiti. L-Artikolu 4 ta’ l-imsemmija liġi tħalli x-xogħol ta’ rappreżentanza fil-proġett tax-xogħolijiet għal kategoriji ta’ persuni f’lista eżawrjenti. Il-Gvern Franċiż ma kkontestax li dawn il-persuni jridu jkunu, kif issostni l-Kummissjoni, persuni ġuridiċi taħt il-Liġi Franċiża.

29     Wara l-introduzzjoni tal-preżenti Rikors, l-awtoritajiet Franċiżi emendaw il-Liġi Nru. 85-704, li biha awtorizzat li l-mandat ta’ rappreżentanza fil-proġett tax-xogħolijiet, hi relatata għal persuni pubbliċi jew privati, billi neħħiet il-ħtieġa li din tingħata lil persuna ġuridika li taqa’ taħt il-liġi Franċiża. Għandu jiġi rrilevat, madankollu, li l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ stat li jwettaq obbligu trid tiġi analizzata fis-sitwazzjoni ta’ l-Istat Membru fl-iskadenza taż-żmien stipulat fl-opinjoni motivata (ara s-sentenzi tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummisjoni vs Ir-Renju Unit, C-63/02, Ġabra, pġ.I-821, punt 11, u tas-16 ta’ Diċembru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-313/03, li mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 9). It-tibdil li seħħ wara ma setgħax jiġi kkunsidrat mill-Qorti (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 2004, Il-Kummisjoni vs L-Irlanda C-482/03, għadha mhux ippublikata fil-Ġabra, punt 11, u ta’ l-14 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-341/02, għadha mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 33).

30     Taħt dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru. 85-704 huwiex konformi, min-naħa, mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/50 u, min-naħa l-oħra, mal-prinċipju ta’ libertà li jiġu provduti servizzi taħt l-Artikolu 49 KE.

31     Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-allegata vjolazzjoni tad-Direttiva 92/50, hemm lok li jiġi vverifikat, l-ewwel nett, jekk u b’liema mod il-kuntratt ta’ mandat ta’ rappreżentanza fil-proġett tax-xogħolijiet, bħal dak definit fil-Liġi Nru. 85-704, jaqax fl-isfera ta’ l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Hawnhekk, wieħed irid jiftakar li l-imsemmija Direttiva ma tapplikax għal kuntratti li għandhom valur inferjuri mill-parametri stabbiliti minnha.

32     Fir-rigward ta’ l-ilment dwar vjolazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE, hemm lok li jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà ta’ ċirkulazzjoni għandhom l-intenzjoni li japplikaw għall-kuntratti pubbliċi li ma jaqawx taħt id-Direttiva 92/50. Fil-fatt, minkejja li ċertu kuntratti fil-kamp tal-kuntratti pubbliċi huma esklużi mill-isfera tad-Direttivi Komunitarji, l-awtoritajiet kontraenti li jikkonkluduhom huma, madankollu, marbutin li jirrispettaw ir-regoli fondamentali tat-Trattat kif ukoll il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni partikularment fuq il- bażi ta’ nazzjonalità (ara, f’dan is-sens, il-Kawżi tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria et Telefonadress, C-324/98, Ġabra pġ. I-10745, punt 60, u tat-18 ta’ Ġunju 2002, HI, C-92/00, Ġabra pġ. I-5553, punt 47, kif ukoll id-Digriet tat-3 ta’ Diċembru 2001, Vestergaard, C-59/00, Ġabra pġ. I-9505, punt 20).

33     Dan huwa l-każ b’mod partikolari fil-kuntratti ta’ servizz pubbliku fejn il-valur tagħhom ma jilħaqx il-parametri stabbiliti mid-Direttiva 92/50. Il-fatt biss li l-leġiżlatur komunitarju kkunsidra li l-proċeduri partikolari u rigorużi previsti mid-Direttivi relatati mal-kuntratti pubbliċi ma humiex adattati meta jkun hemm kuntratti pubbliċi ta’ valur dgħajjef ma jfissirx li dawn ta’ l-aħħar huma esklużi mill-isfera ta’ l-applikazzjoni tad-Dritt Komunitarju (ara d-Digriet Vestergaard, iċċitat iktar ‘il fuq, punt 19). Bl-istess mod, il-kuntratti barra mill-isfera ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 92/50, bħal ma huma il-kuntratti ta’ ċessjoni, jibqgħu taħt ir-regoli ġenerali tat-Trattat (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2005, Coname, C-231/03, għada mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 16).

34     Fl-aħħar, hu importanti li wieħed jiftakar li ma jidħlux fl-isfera ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE, minħabba l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 45 KE u l-Artikolu 55 KE, fejn jikkonċerna l-Istati Membri li huma milquta, dawk l-attivitajiet li jsiru ġewwa dan l-Istat, anki jekk b’mod okkażjonali, fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika.

 Dwar l-ilment dwar il-vjolazzjoni tad-Direttiva 92/50

35     Il-kunċett ta’ “kuntratti ta’ servizz pubbliku” hu ddefinit fl-Artikolu 1, sub-artikolu (a) tad-Direttiva 92/50. Din id-dispożizzjoni tgħid li l-imsemmija kuntratti huma kuntratti onerużi, konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti.

36     Biex jiġi stabbilit jekk il-kuntratt ta’ mandat ta’ rappreżentanza fil-proġett tax-xogħolijiet fis-sens tal-Liġi Nru. 85-704 jaqgħax taħt l-isfera ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 92/50, wieħed irid jeżamina jekk il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1, sub-artikolu (a) humiex soddisfatti. Peress li din id-dispożizzjoni ma ġġib magħha l-ebda riferiment lid-dritt ta’ l-Istati Membri tiddetermina s-sens u l-iskop tagħha, ma hemmx lok li wieħed isib il-kwalifika li l-liġi Franċiża tagħti lill-imsemmi kuntratt.

37     Fil-preżent, jidher li l-imsemmija kriterji huma soddisfatti.

38     L-ewwel nett, l-Artikolu 5 tal-Liġi Nru. 85-704 jgħid li r-relazzjoni bejn, min-naħa, sid il-kostruzzjoni u, min-naħa l-oħra, ir-rappreżentant fil-proġett tax-xogħolijiet hija definita permezz ta’ ftehim, konkluża bejniethom bil-miktub. Barra minn hekk, joħroġ mill-istess dispożizzjoni li r-rappreżentant fil-proġett tax-xogħolijiet jirċievi remunerazzjoni. Għalhekk, l-imsemmi ftehim jista jiġi kkunsidrat bħala kuntratt taħt titolu oneruż magħmul bil-miktub.

39     Għal dak li huwa l-kunċett ta’ “awtorità kontraenti”, huma iddefiniti bħala tali, skond l-Artikolu 1, sub-artikolu (b) tad-Direttiva 92/50, “l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi rregolati mil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew iktar minn dawn l-awtoritajiet jew korpi regolati mil-liġi pubblika”.

40     L-Artikolu 1 tal-Liġi Nru. 85-704, jgħid li l-persuni li jistgħu jeżerċitaw il-funzjoni ta’ sid il-kostruzzjoni huma l-Istat u l-istituzzjonijiet pubbliċi tiegħu, l-istituzzjonijiet pubbliċi ta’ ppjanar u bliet ġodda, l-għaqdiet tagħhom kif ukoll is-sindakati mħallta. Jistgħu bl-istess mod jikkonkludu kuntratti ta’ mandat ta’ rappreżentanza fil-proġett tax-xogħolijiet fl-applikazzjoni ta’ l-imsemmija liġi, l-organi privati msemmija fl-Artikolu L. 64 tal-code de la sécurité sociale, l-għaqdiet u l-federazzjonijiet tagħhom, kif ukoll dawk l-organi privati ta’ reżidenzi għall-kiri bi prezz moderat, u l-kumpanniji parastatali, għall-alloġġ għal użu ta’ kiri megħjuna mill-Istat u magħmula għal dawn l-organi u kumpanniji.

41     Fuq kollox, ma huwiex ikkontest li dawn il-persuni jistgħu jikkostitwixxu awtoritajiet kontraenti fis-sens ta’ l-Artikolu 1, sub-artikolu (b) tad-Direttiva 92/50.

42     Fl-aħħar, l-Artikolu 1 sub-artikolu (c), ta’ l-imsemmija Direttiva tiddefinixxi “dak li jipprovdi servizz”, bħala “kull persuna fiżika jew ġuridika, inkluż korp pubbliku, li joffri servizzi”. L-Artikolu 50 KE jikkwalifika “servizzi” bħala “servizzi normalment mogħtija bi ħlas, sa fejn ma jkunux regolati minn dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, tal-kapital u tal-persuni”. Il-kuntratti li għandhom bħala għan is-servizzi li jidhru fl-Anness IA tad-Direttiva 92/50 huma mgħoddija konformement mad-dispożizzjonijiet fit-Titoli III U IV ta’ din u dawk li jidhru fl-Anness IB huma konformi ma’ l-Artikoli 14 u 16 ta’ din l-istess Direttiva.

43     Il-persuni li jistgħu jingħataw il-kompetenzi ta’ rappreżentant fil-proġett tax-xogħolijiet huma msemmija fl-Artikolu 4 tal-Liġi Nru 85-704. Irid jiġi nnotat li xi persuni minn dawn imsemmija jistgħu jieħdu l-funzjoni ta’ awtorità kontraenti taħt l-Artikolu 1 (b) tad-Direttiva 92/50. Jekk huwa veru li l-Artikolu 6 ta’ l-imsemmija Direttiva teskludi, mill-isfera ta’ l-applikazzjoni tagħha, il-kuntratti ta’ servizz pubbliku mogħtija lil entità li hi fl-istess ħin awtorità kontraenti abbażi ta’ dritt esklussiv fejn tibbenefika minħabba d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari jew ta’ amministrazzjoni pubblika, din ma tapplikax ħlief għal dawk il-kundizzjonijiet li ma humiex soddisfatti skond iċ-ċirkustanzi.

44     Il-persuni li jistgħu jingħataw il-kompetenzi ta’ rappreżentant fil-proġett tax-xogħolijiet, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala “dawk li jipprovdu servizz” skond il-limiti jew il-kompetenzi li ġew mogħtija lilhom, skond il-kuntratt ta’ mandat ta’ rappreżentanza fil-proġett tax-xogħolijiet, fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3 tal-Liġi Nru. 85-704, li tirreferi għall-eżekuzzjoni ta’ għoti ta’ servizzi skond id-dritt Komunitarju.

45     F’dan ir-rigward, l-argument li żviluppa l-Gvern Franċiż sabiex jistabbilixxi li l-mandatarju ma pprovdiex servizzi, ma jistax jiġi milqugħ.

46     Joħroġ mill-Artikolu 3 tal-Liġi Nru. 85-704, li telenka l-kompetenzi li sid il-kostruzzjoni jista jagħti lill-mandatarju, fejn il-kuntratt ta’ rappreżentanza fil-proġett tax-xogħolijiet, m’huwiex biss kuntratt li għalih il-mandatarju jintrabat li jirrappreżenta lil sid il-kostruzzjoni. L-imsemmija kompetenzi jġibu magħhom diversi responsabbiltajiet anċillari, min-naħa, l-għoti ta’ assistenza ta’ natura amministrattiva u teknika u, min-naħa l-oħra, għal xogħolijiet li għandhom bħala skop ir-rappreżentanza ta’ sid il-kostruzzjoni.

47     L-ewwel nett, għal dik li hija l-ħtieġa li wieħed ikun jaf jekk il-funzjoni ta’ rappreżentanza hijiex inseparabbli mill-azzjonijiet kollha mogħtija lill-mandatarju għall-iskop tal-mandat, kif ukoll qed isostni l-Gvern Franċiż, irid jintqal li għandu jiġi rrilevat li dawn iż-żewġ kompetenzi għandhom jiġu distinti. Fil-fatt, sid il-kostruzzjoni jista’ jiddelega lill-mandatarju, fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3 tal-Liġi Nru. 85-704, l-eżerċizzju ta’ kollha jew parti mill-kompetenzi mniżżlin fl-imsemmija liġi. Huwa ugwalment importanti li wieħed jara li, ukoll kif osserva ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, xejn ma jmur kontra l-fatt li dawn il-kompetenzi jkunu sottomessi għal reġimi legali differenti.

48     Dwar in-natura ta’ dawn il-kompetenzi, irid jiġi rrilevat li l-kwistjoni jekk il-ħtieġa li jkun magħruf jekk il-mandatarju kkontribwiex għall-eżerċizzju ta’ xogħol ta’ interess ġenerali mhijiex deċiżiva sabiex jiġi determinat jekk ipprovdiex servizz jew le. Fil-fatt mhuwiex inużwali, fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, li l-awtorità kontraenti tagħti, lil terzi, xogħol ta’ natura ekonomika sabiex tissoddisfa bżonn ta’ interess ġenerali. Dan il-ħsieb hu kkonfermat b’mod partikolari mill-fatt li d-Direttiva 92/50 tapplika, bi ftit eċċezzjonijiet, għal kuntratti tas-servizz pubbliku li jgħaddu taħt l-awtoritajiet kontraenti fil-qasam tad-difiża.

49     Fl-aħħar, irid jiġi ddeterminat jekk il-kuntratt ta’ mandat ta’ rappreżentanza fil-proġett tax-xogħolijiet iwassalx għal trasferiment ta’ l-awtorità pubblika, kif jemmen il-Gvern Franċiż. L-eżami ta’ din il-kwistjoni jippreżupponi li l-eżerċizzju tal-kompetenzi fil-kawża jfisser, minn sid il-kostruzzjoni, parteċipazzjoni diretta fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika.

50     F’dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż ma weriex l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li fihom l-awtorità kontraenti għandha f’idejha struttura ta’ tmexxija “interna” ta’ servizz pubbliku fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1999,,ff, Teckal, C-107/98, Ġabra pġ.I-8121, punt 50, u Coname, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 26). Fil-fatt, xejn ma jippermetti li wieħed jissopponi li l-mandatur jeżerċita kontroll fuq il-mandatarju simili għal dak li huwa jeżerċita fuq is-servizzi tiegħu u li l-mandatarju jagħmel dak li hu meħtieġ mill-attivitajiet tiegħu ma’ l-awtorità jew awtoritajiet pubbliċi li jżommu l-awtorità (ara, f’dan is-sens, is-Sentenza tal-11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C-26/03, Ġabra pġ. I-1, punt 49).

51     Għal dak li huwa xogħol ta’ għajnuna amministrattiva u teknika, bħad-definizzjoni tal-kundizzjonijiet amministrattivi u tekniċi li bihom il-kostruzzjoni tiġi studjata u eżegwita, jidher li dawn huma provvista ta’ servizzi skond l-Artikolu 8 u l-Anness IA tad-Direttiva 92/50 u jidher li l-mandatarju ma jipparteċipax fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika.

52     Għal dawk il-kuntratti ta’ mandat ta’ rappreżentanza fil-proġett tax-xogħolijiet li għandhom bħala suġġett responsabbiltajiet li jġibu magħhom funzjoni ta’ rappreżentanza, hu importanti li wieħed jinnota mal-ewwel li ċ-ċirkustanza ta’ provvista ta’ servizz ma hijiex biżżejjed biex tiġi eskluża mill-isfera ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 92/50. Din il-premessa hi kkonfermata mill-fatt li, hekk kif tirrileva bħala eżempju l-Kummisjoni, il-kuntratti ta’ mandat konklużi mill-awtorità kontraenti u l-avukat tiegħu jidħol fl-isfera ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 14 u 16 ta’ l-imsemmija Direttiva, fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 9 u tal-punt 21 ta’ l-Anness IB.

53     Skond l-Artikolu 3 tal-Liġi Nru. 85-704, il-mandatarju jista jingħata responsabbiltajiet differenti li jġibu magħhom funzjoni ta’ rappreżentanza ta’ sid il-kostruzzjoni. Huwa wkoll ta’ importanza għal dak li hi l-firma tal-kuntratt tal-proġett tax-xogħolijiet u ta’ appalt, kif ukoll għal meta l-mandatarju jħallas ir-remunerazzjoni lill-kredituri u lill-imprendituri konċernati.

54     Kif josserva ġustament l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, minkejja li l-mandatarju huwa mogħni bis-setgħa li jiffirma l-kuntratti tal-proġett tax-xogħolijiet u ta’ appalt, hu ma għandux biżżejjed awtonomija fir-responsabilitajiet mogħtija lilu sabiex ikun jista jiġi kunsidrat bħala benefiċjarju ta’ trasferiment ta’ l-awtorità pubblika. Fil-fatt, skond l-Artikolu 2 tal-Liġi Nru. 85-704, sid il-kostruzzjoni, bħala responsabbli prinċipali tiegħu, idaħħal f’dan ir-rwol ħidma ta’ interess ġenerali li minnha ma jistgħax jabdika. Barra minn hekk, il-mandatarju ma jistax jaġixxi qabel ma jkun ingħata l-approvazzjoni ta’ sid il-kostruzzjoni. Għal dak li hu l-ħlas ta’ remunerazzjoni lill-kredituri u lill-imprendituri, il-finanzjament jaqa f’idejn sid il-kostruzzjoni għaliex il-mandatarju ma għandux poter f’dan il-qasam. Hu biżżejjed għalih li jqassam il-flus li huma rimborsati minn sid il-kostruzzjoni.

55     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kuntratti ta’ mandat ta’ rappreżentanza fil-proġett tax-xogħolijiet li għandhom bħala suġġett dawk ir-responsabilitajiet li jġibu magħhom funzjoni ta’ rappreżentanza ta’ sid il-kostruzzjoni, joħorġu mill-Artikolu 9 u l-Anness IB tad-Direttiva 92/50.

56     Ir-raġunament segwit mill-Qorti fil-punt 100 tas-sentenza Ordine degli Architetti et, iċċitata iktar ‘il fuq, dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/37, mhix intiża li ddgħajjef din il-konklużjoni. Il-Qorti osservat, fir-rigward ta’ l-osservanza ta’ l-imsemmija Direttiva fil-każ ta’ ħolqien ta’ kostruzzjoni ta’ faċilitajiet infrastrutturali f’ċirkustanzi bħal dawk li kienu sottomessi lill-Qorti, li ma kienx neċessarju li l-amministrazzjoni lokali tapplika hija stess il-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti taħt dawn id-dispożizzjonijiet. L-utilità ta’ l-imsemmija Direttiva kienet kollha kemm hi rispettata mill-mument li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ppermettiet li l-amministrazzjoni lokali tobbliga lis-sid ta’ l-art li għandu l-permess biex jibni u joħloq il-kostruzzjonijiet fil-kwistjoni, skond l-imsemmija proċeduri.

57     Din il-kunsiderazzjoni ġiet imqegħda fil-kuntest ta’ leġiżlazzjoni partikolari fil-materja ta’ l-ippjanar li jgħid li l-għoti ta’ permess ta’ bini jġib miegħu l-ħlas, min-naħa ta’ min għandu l-imsemmija permessi, ta’ taxxa għall-ispejjeż ta’ dawn il-faċilitajiet infrastrutturali li jkunu nbnew fil-proġett tiegħu. Madankollu, dan ta’ l-aħħar jista jintrabat li joħloq direttament il-kostruzzjonijiet ta’ faċilitajiet infrastrutturali, bit-tnaqqis totali jew parzjali ta’ l-ammont dovut. F’din l-aħħar ipoteżi, il-Qorti konkludiet li din kienet tittratta kuntratt pubbliku ta’ xogħolijiet skond id-Direttiva 93/37. Peress li l-Komuni ma għandux il-jedd li jagħżel dak li jkun inkarigat milli jeżegwixxi l-kostruzzjoni ta’ faċilitaiet infrastrutturali, għax din il-persuna tiġi magħżula mil-liġi fil-kwalità tagħha bħala proprjetarja ta’ l-artijiet li huma s-suġġett ta’ l-iskema u sid il-permess tal-bini, għandu jiġi kkonstatat li l-proċeduri ta’ aġġudikazzjoni jistgħu jiġu applikati, flok il-komuni, minn sid il-permess, l-unika persuna kapaċi skond il-liġi biex teżegwixxi x-xogħol ta’ kostruzzjoni, bħala alternattiva ta’ ħlas lill-Kunsill Lokali ta’ taxxa għall-ispejjeż ta’ bini. Din is-sitwazzjoni hija distinta mis-sitwazzjoni rregolata mil-liġi Nru. 85-704, li tħalli f’idejn sid il-kostruzzjoni l-għażla tal-mandatarju u ma tipprevedix obbligi preċedenti, li għalihom ir-remunerazzjoni tiegħu jikkostitwixxi ħlas.

58     Fid-dawl tal-premessi li ssemmew, għandu jiġi kkonstatat li l-kuntratt ta’ mandat, bħal dak iddefinit fil-Liġi Nru. 85-704, huwa kuntratt ta’ servizz pubbliku skond l-Artikolu 1, sub-artikolu (b) tad-Direttiva 92/50 u joħroġ mill-isfera ta’ l-applikazzjoni tagħha.

59     Għalhekk, hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru. 85-704, li jirriżerva rwol ta’ mandatarju lil kategoriji ta’ persuni ġuridiċi tad-dritt Franċiż, imniżżlin b’mod eżawrjenti, huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/50.

60     F’dan ir-rigward, huwa importanti li wieħed jiftakar li l-imsemmija Direttiva hi intiża biex ittejjeb l-aċċessibbiltà għal min joffri servizz għall-proċeduri ta’ aġġudikazzjoni ta’ kuntratti, biex jitneħħew dawk l-użanzi li jnaqqsu l-kompetizzjoni b’mod ġenerali u li jkunu parti minn kuntratti li joħorġu minn Stati Membri b’mod partikolari. Dawn il-prinċipji huma meħudin mill-Artikolu 3(2) ta’ l-istess Direttiva, li twaqqaf id-diskriminazzjoni bejn dawk li joffru servizz.

61     Bilfors għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru. 85-704 mhuwiex konformi mal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza ta’ trattament bejn dawk li joffru s-servizzi, peress li din id-dispożizzjoni tirriżerva l-kompetenzi ta’ rappreżentanza fil-proġett tax-xogħolijiet għal kategoriji ta’ persuni ġuridiċi tad-dritt Franċiż imniżżlin b’mod eżawrjenti.

62     Barra minn hekk,, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu determinati provvisti ta’ servizz li joħorġu mill-Anness IA tad-Direttiva 92/50, u dawk li joħorġu mill-Anness IB ta’ l-istess Direttiva, kif ukoll, f’dan il-kuntest, l-inċidenza li jista jkollha l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 10 ta’ din id-Direttiva, huwa stabbilit li l-Liġi Nru. 85-704 ma tipprevedi l-ebda proċedura ta’ kompetizzjoni miftuħa sabiex jiġi magħżul il-mandatarju.

63     F’dawn il-kundizzjonijiet, l-ilment dwar il-vjolazzjoni tad-Direttiva 92/50, huwa fondat.

 Dwar l-ilment dwar il-vjolazzjoni ta’ l-Artikolu 49 KE

64     Għall-kuntratti ta’ servizz pubbliku li ma jaqawx taħt l-isfera ta’ l-applikazzjoni tad-Direttiva 92/50, jibqa li jiġi stabbilit jekk l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru. 85-704 huwiex konformi mal-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi taħt l-Artikolu 49 KE.

65     Wieħed irid josserva, l-ewwel nett li, kif joħroġ mill-punti 49 sa 55 ta’ din il-kawża, il-kuntratt ta’ mandat ta’ rappreżentanza fil-proġett tax-xogħolijiet, bħal dik iddefinita fil-Liġi Nru. 85-704, ma jagħti lill-mandatarju l-ebda kompetenzi rilevanti għall-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika, kemm għal dawk ta’ kompetenza ta’ assistenza amministrattiva jew teknika jew ta’ rappreżentanza li huma mogħtija lilu. Konsegwenza ta’ dan, l-eċċezzjoni prevista mill-Artikoli 45 KE u 55 KE ma tapplikax għall-kawża preżenti.

66     L-Artikolu 49 KE tipprojbixxi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu provduti servizzi fil-Komunità fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità barra dawk li lilha jingħataw is-servizzi. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza kostanti li din id-dispożizzjoni titlob it-tneħħija tar-restrizzjonijiet kollha, anki jekk din hija applikata mingħajr distinzjoni kemm lil min jipprovdi servizzi nazzjonali kif ukoll dawk minn Stati Membri oħra, meta hi normali li jiġu pprojbiti jew imfixxklin l-attivitajiet ta’ min jipprovdi servizzi li jkun stabbilit ġo Stat Membru ieħor, fejn ikun qed joffri b’mod legali, servizzi simili (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C-262/02, Ġabra pġ. I-6569, punt 22, u Bacardi France, C-429/02, Ġabra pġ. I-6613, punt 31 u l-ġurisprudenza iċċitata).

67     B’mod partikolari, Stat Membru ma jistax iħalli t-twettiq ta’ servizzi mogħtija fuq it-territorju tiegħu taħt l-osservanza tal-kundizzjonijiet kollha meħtieġa ta’ bini, taħt piena li jittneħħew għal kollox id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jridu jassiguraw il-libertà li jiġu provduti servizzi (ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Il-Kummissjoni vs Italja, C-180/89, Ġabra pġ. I-709, punt 15).

68     F’dan il-każ, hu tajjeb li wieħed jara jekk l-Artikolu 4 tal-Liġi Nru. 85-704 jikkostitwix ostaklu lil-libertà li jiġu provduti servizzi taħt l-Artikolu 49 KE fejn din wasslet biex qegħdet il-kompetenzi ta’ rappreżentanza fil-proġett tax-xogħolijiet taħt lista eżawrjenti ta’ persuni ġuridiċi tad-dritt Franċiż.

69     Madankollu, l-Artikolu 46 KE, jekk moqri flimkien ma’ l-Artikolu 55 KE, iħalli restrizzjonijiet għal-libertà li jiġu provduti servizzi, ġustifikati għal raġunijiet ta’ ordni pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika. L-eżami ta’ din il-kawża ma tippermetix li wieħed jistabbilixxi din il-ġustifikazzjoni.

70     F’dawn il-kundizzjonijiet, l-ilment dwar il-vjolazzjoni ta’ l-Artikolu 49, huwa fondat.

71     Meta jittieħeu in kunsiderazzjoni dak li ntqal qabel, għandu jiġi kkonstatat li billi rriżervat, fl-Artikolu 4 tal-Liġi Nru. 85-704, il-kompetenza ta’ rappreżentanza fil-proġetti tax-xogħolijiet lil-lista eżawrjenti ta’ persuni ġuridiċi fid-dritt Franċiż, ir-Repubblika Franċiża naqqset mill-obbligi imposti fuqha taħt id-Direttiva tal-Kunsill 92/50, kif ukoll mill-Artikolu 49 KE.

 Dwar l-ispejjeż

72     Skond l-Artikolu 69(2), tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna tar-Repubblika Franċiża u din tilfet l-argumenti tagħha, u hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

Għal dawn ir-raġunijiet,

                           Il-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeciedi li:

Billi rriżervat, fl-Artikolu 4 tal-Liġi Nru. 85-704 tat-12 ta’ Lulju 1985, dwar il-proġetti ta’ xogħolijiet pubbliċi u r-relazzjonijiet tagħhom mat-tmexxija ta’ xogħolijiet privati, kif emendat permezz tal-Liġi Nru. 96-987 ta’ l-14 ta’ Novembru 1996, dwar l-implementazzjoni tal-ftehim dwar it-tiġdid urban, il-kompetenza ta’ rappreżentanza fil-proġetti tax-xogħolijiet lil-lista eżawrjenti ta’ persuni ġuridiċi fid-dritt Franċiż, ir-Repubblika Franċiża naqqset mill-obbligi imposti fuqha taħt id-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku, kif emendata mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/52/KE tat-13 ta’ Ottubru 1997, kif ukoll mill-Artikolu 49 KE.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.