SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

19 ta' Jannar 2006 (*)

"Appell – FAEGG – Tneħħija ta' għajnuna finanzjarja – Artikolu 24 tar-Regolament (KEE) Nru 4253/88 – Prinċipju ta' proporzjonalità – Motivazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Appell inċidentali – Nomina ta' żewġ responsabbli mit-twettiq ta' proġett – Talba għal ħlas lura ta' l-għajnuna kollha kemm hi mingħand waħda minnhom biss - Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Limiti oġġettivi tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza"

Fil-kawża C-240/03 P,

li għandha bħala suġġett appell skond l-Artikolu 56 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentat fit-28 ta' Mejju 2003,

Comunità Montana della Valnerina, irrappreżentata minn P. De Caterini, E. Cappelli u A. Bandini, avvocati, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Cattabriga u L. Visaggio, bħala aġenti, assistiti minn A. Dal Ferro, Avukat, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza

Ir-Repubblika ta' l-Italja, irrappreżentata minn I.M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Aiello, avvocato dello Stato, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta' l-Awla, J. Malenovský, S. von Bahr, A. Borġ Barthet u A. Ó Caoimh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-3 ta' Marzu 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz ta' l-appell tagħha, il-Comunità Montana della Valnerina (iktar 'il quddiem "CMV") titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-13 ta' Marzu 2003, Comunità Montana della Valnerina vs il-Kummissjoni (T-340/00, Ġabra p. II-811, iktar 'il quddiem "is-sentenza kkontestata"), safejn b'din is-sentenza l-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet parzjalment ir-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni C (2000) 2388 tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, ta' l-14 ta' Awwissu 2000 li tneħħi l-għajnuna finanzjarja tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), Taqsima tal-"Gwida", li kienet ingħatatilha bid-deċiżjoni C (93) 3182 tal-Kummissjoni, ta' l-10 ta' Novembru 1993 (iktar 'il quddiem "id-deċiżjoni ta' tneħħija" u "d-deċiżjoni ta' l-għoti", rispettivament), fil-kuntest ta' proġett pilota dimostrattiv għall-programmi forestali, agrikoli u alimentari f'żoni ta' muntanji sekondarji (iktar 'il quddiem "il-proġett").

 I – Il-kuntest ġuridiku

2       Fl-24 ta' Ġunju 1988, il-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej adotta r-Regolament (KEE) Nru 2052/88 rigward il-missjonijiet tal-fondi għal finijiet strutturali, l-effettività tagħhom kif ukoll il-koordinament ta' l-interventi tagħhom u dawk tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment u ta' strumenti finanzjarji oħra eżistenti (ĠU L 185, p. 9) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

3       L-Artikoli 14 sa 16 tar-Regolament (KEE) Nru 4253/88 tal-Kunsill, tad-19 ta' Diċembru 1988, dwar dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2052/88 għal dak li jirrigwarda l-koordinazzjoni bejn l-interventi ta' fondi strutturali differenti, minn naħa, u bejn dawn u dawk tal-Bank Ewropew ta' l-Investiment u ta' strumenti finanzjarji oħra eżistenti, min-naħa l-oħra (ĠU L 374, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2082/93 ta' l-20 ta' Lulju 1993 (ĠU L 193, p. 20, iktar 'il quddiem "ir-Regolament Nru 4253/88") [traduzzjoni mhux uffiċjali], fihom id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-ipproċessar ta' l-applikazzjonijiet għal għajnuna finanzjarja tal-Fondi strutturali, il-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà għal din l-għajnuna finanzjarja u ċerti dispożizzjonijiet speċifiċi.

4       Ir-Regolament Nru 4253/88 fih ukoll, fl-Artikolu 21, id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-ħlas ta' l-imsemmija għajnuna finanzjarja, fl-Artikolu 23, dawk li jirrigwardaw il-kontroll finanzjarju u, fl-Artikolu 24, dawk dwar it-tnaqqis, is-sospensjoni u t-tneħħija ta' din l-istess għajnuna.

5       F'dan ir-rigward, l-Artikolu 24 ta' dan ir-regolament jipprovdi:

"1.      Jekk it-twettiq ta' azzjoni jew miżura jidher li la jiġġustifika parti u lanqas it-totalità ta' l-għajnuna finanzjarja mogħtija, il-Kummissjoni għandha twettaq eżami xieraq tal-każ fil-kuntest tas-sħubija, b'mod partikolari billi titlob lill-Istat Membru jew lill-awtoritajiet indikati minnu għall-implimentazzjoni ta' l-azzjoni sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien determinat.

2.      Wara dan l-eżami, il-Kummissjoni tista' tnaqqas jew tissospendi l-għajnuna għall-azzjoni jew għall-miżura kkonċernata jekk mill-eżami jirriżulta li teżisti irregolarità jew bidla sinifikanti li taffettwa n-natura jew il-kundizzjonijiet ta' l-implimentazzjoni ta' l-azzjoni jew tal-miżura u li għaliha ma ntalbitx l-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

3.      Kull somma li tkun ġiet imħallsa indebitament u li trid tiġi rkuprata għandha titħallas lura lill-Kummissjoni. Jiżdied l-imgħax mas-somom li ma jitħallsux fi żmien xieraq skond id-dispożizzjonijiet tar-regolament finanzjarju u skond ir-regoli dettaljati li tistabbilixxi l-Kummissjoni taħt il-proċeduri previsti fit-Titolu VIII." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 II – Il-fatti li wasslu għall-kawża

6       Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mill-punti 7 sa 30 tas-sentenza kkontestata, jistgħu jiġu descritti fil-qosor kif ġej.

7       F'Ġunju ta' l-1993, CMV ressqet applikazzjoni quddiem il-Kummissjoni għal għajnuna finanzjarja Komunitarja għall-proġett.

8       L-għan ġenerali tal-proġett kien jikkonsisti fit-twettiq u d-dimostrazzjoni, fuq bażi ta' esperimenti, ta' żewġ proġetti forestali, agrikoli u alimentari, wieħed mis-CMV fil-Valnerina (L-Italja) u l-ieħor mill-assoċjazzjoni Route des senteurs (iktar 'il quddiem "RDS") fid-Drôme provençale (Franza), sabiex jiġu introdotti u żviluppati attivitajiet alternattivi, bħat-turiżmu rurali, b'mod parallel ma' l-attivitajiet agrikoli normali.

9       Skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni ta' l-għoti, kemm CMV kif ukoll RDS kienu "responsabbli" għall-proġett. Skond l-Artikolu 2 ta' din id-deċiżjoni, it-terminu li fih kellu jitwettaq il-proġett kien stabbilit għal 30 xahar, jiġifieri mill-1 ta' Ottubru 1993 sal-31 ta' Marzu 1996. Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 3 ta' l-imsemmija deċiżjoni, l-ispiża totali ammissibbli tal-proġett kienet tammonta għal ECU 1 817 117 u l-għajnuna finanzjarja massima tal-Komunità Ewropea ġiet stabbilita għal ECU 908 558. Skond l-Artikolu 5 ta' din id-deċiżjoni, kemm CMV kif ukoll RDS kienu "destinatarji tad- [deċiżjoni]".

10     L-Anness I tad-deċiżjoni ta' l-għoti kien fih deskrizzjoni tal-proġett. Fil-punt 5 ta' dan l-Anness, CMV ġiet indikata bħala l-"benefiċjarja" ta' l-għajnuna finanzjarja in kwistjoni u RDS bħala l-"entità l-oħra responsabbli għall-proġett". Fil-punt 8 ta' dan l-istess Anness kien hemm pjan finanzjarju tal-proġett bit-tqassim ta' l-ispejjeż marbuta mad-diversi azzjonijiet relatati ma' l-imsemmi proġett. Dawn ta' l-aħħar u l-ispejjeż relatati magħhom kienu deskritti f'erba` partijiet, CMV u RDS kellhom, kull waħda, iwettqu azzjonijiet fi tnejn minn dawn l-erba' pjanijiet.

11     L-Anness II tad-deċiżjoni ta' l-għoti jistabbilixxi l-kundizzjonijiet finanzjarji li jirrigwardaw l-għoti ta' l-għajnuna kinanzjarja. B'mod partikolari, fil-punt 1 ta' l-imsemmija deċiżjoni kien ippreċiżat li, jekk il-benefiċjarju ta' l-imsemmija għajnuna finanzjarja kien bi ħsiebu jbiddel, b'mod sostanziali, l-operazzjonijiet deskritti fl-Anness I, dan kellu qabel kollox jinforma lill-Kummissjoni u jikseb il-kunsens tagħha. Skond il-punt 2 ta' dan l-Anness II, il-benefiċċju ta' din l-għajnuna kien suġġett għat-twettiq ta' l-operazzjonijiet kollha indikati fl-Anness I tad-deċiżjoni ta' l-għoti. Barra minn dan, il-punt 4 ta' l-imsemmi Anness II jipprovdi li l-għajnuna finanzjarja titħallas direttament lil CMV bħala benefiċjarja, li min-naħa tagħha kellha tħallas lil RDS is-sommom destinati lilha. Skond il-punt 5 ta' l-istess Anness, il-Kummissjoni kienet awtorizzata li, sabiex tivverifika l-informazzjoni finanzjarja rigward l-ispejjeż differenti, titlob li teżamina kull dokument probatorju oriġinali jew il-kopja awtentikata tiegħu u li tipproċedi għal dan l-eżami direttament fuq il-post jew titlob li jintbagħtulha d-dokumenti in kwistjoni. Skond il-punt 6 ta' l-Anness II tad-deċiżjoni ta' l-għoti, l-imsemmi benefiċjarju kellu jżomm għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, għal ħames snin li jibdew jiddekorru mid-data ta' l-aħħar ħlas magħmul minn din ta' l-aħħar, l-oriġinali kollha tad-dokumenti li iservu bħala prova ta' l-ispejjeż magħmula. Skond il-punt 7 ta' dan l-Anness, il-Kummissjoni setgħet, f'kull mument, titlob lill-benefiċjarju ta' l-imsemmija għajnuna finanzjarja jibgħatilha rapporti dwar kif ikun miexi x-xogħol u/jew dwar ir-riżultati tekniċi milħuqa, u, skond il-punt 8 ta' dan l-Anness, l-imsemmi benefiċjarju kellu jżomm għad-dispożizzjoni tal-Komunità r-riżultati milħuqa mit-twettiq tal-proġett, mingħajr ma dan jagħti lok għal ħlasijiet supplementari. Fl-aħħarnett, fil-punt 10 ta' dan l-Anness II, jiġi essenzjalment ppreċiżat li, jekk waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija f'dan ta' l-aħħar ma tiġix rispettata jew jekk jittieħdu azzjonijiet mhux previsti fl-Anness I, il-Kummissjoni tista' tissospendi, tnaqqas jew tneħħi l-għajnuna in kwistjoni u teżiġi l-ħlas lura tas-somom imħallsa, f'liema każ il-benefiċjarju ta' l-imsemmija għajnuna jkollu l-fakultà li jibgħat, qabel kollox, l-osservazzjonijiet tiegħu f'terminu stabbilit mill-Kummissjoni.

12     Fl-1993 u fl-1995, il-Kummissjoni għamlet żewġ pagamenti bil-quddiem lil CMV li kienu jikkorrispondu għal madwar 40% u 30%, rispettivament, ta' l-għajnuna Komunitarja għall-proġett. Min-naħa tagħha CMV ħallset lil RDS is-somom li jikkorrispondu għall-ispejjeż ta' l-azzjonijiet tal-proġett li kellhom jitwettqu minn din ta' l-aħħar.

13     F'Diċembru 1994 u f'Ġunju 1997, CMV bagħtet lill-Kummissjoni, rispettivament, l-ewwel rapport fuq l-istat ta' progress tal-proġett u fuq l-ispejjeż li kienu diġà saru għal kull waħda mill-azzjonijiet previsti, kif ukoll rapport finali fuq it-twettiq tal-proġett. F'dawn ir-rapporti, fost affarijiet oħra, CMV min-naħa sostniet li hija kellha dokumenti probatorji tal-ħlasijiet li jikkorrispondu għall-ispejjeż magħmula u, min-naħa l-oħra, li l-azzjonijiet li diġà kienu twettqu kienu konformi ma' dawk deskritti fl-Anness I tad-deċiżjoni ta' l-għoti.

14     Fit-12 ta' Awwissu 1997, il-Kummissjoni għarrfet lil CMV li hija kienet bdiet operazzjoni ġenerali ta' verifika teknika u ta' kontabbiltà tal-proġetti kollha ffinanzjati skond l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 4256/88 tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 1988, li jipprovdi dispożizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2052/88 dwar il-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), Taqsima tal-"Gwida" (ĠU L 374, p. 25), kif emendat mir-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 2085/93 ta' l-20 ta' Lulju 1993 (ĠU L 193, p.44), fosthom il-proġett. Hija stiednet lil CMV tippreżenta, skond il-punt 5 ta' l-Anness II tad-deċiżjoni ta' l-għoti, lista tad-dokumenti probatorji kollha ta' l-ispejjeż rilevanti magħmula fil-kuntest tat-twettiq tal-proġett kif ukoll ta' kopja awtentikata ta' l-oriġinal ta' kull wieħed minn dawn id-dokumenti.

15     Wara li rċeviet ċerti dokumenti mingħand CMV, il-Kummissjoni informat lil din ta' l-aħħar, b'ittra tas-6 ta' Marzu 1998, bl-intenzjoni tagħha li tagħmel kontroll fuq il-post fir-rigward tat-twettiq tal-proġett, kontroll li ġie effettwat, fl-uffiċċji ta' CMV, mit-23 sal-25 ta' Marzu 1998 u, fl-uffiċċji ta' RDS, mill-4 sas-6 ta' Mejju 1998.

16     B'ittra tat-22 ta' Marzu 1999, il-Kummissjoni informat lil CMV li, skond l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, hija kienet eżaminat l-għajnuna finanzjarja fir-rigward tal-proġett u li, peress li dan l-eżami kien juri elementi li jistgħu jikkostitwixxu irregolaritajiet, hija kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura prevista fl-imsemmi Artikolu 24 u fil-punt 10 ta' l-Anness II tad-deċiżjoni ta' l-għoti. F'din l-ittra, li kopja tagħha intbagħtet lil RDS, il-Kummissjoni indikat dawn l-elementi differenti u dan b'mod speċifiku f'dak li jirrigwarda l-azzjonijiet li jiddependu, minn naħa, minn CMV u, min-naħa l-oħra, minn RDS.

17     Bid-deċiżjoni ta' tneħħija, indirizzata kemm lir-Repubblika ta' l-Italja kif ukoll lil CMV u nnotifikata lil din ta' l-aħħar fil-21 ta' Awwissu 2000, il-Kummissjoni, skond l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88, neħħiet l-għajnuna finanzjarja allokata għall-proġett u talbet lil CMV tħallas lura l-ammont kollu li kien diġà ġie mħallas.

18     Fil-premessa 9 tad-deċiżjoni ta' tneħħija, il-Kummissjoni tat lista ta' serje ta' irregolaritajiet skond l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88. Dawn l-irregolaritajiet kienu jirrigwardaw, minn naħa, azzjonijiet imwettqa minn RDS u, min-naħa l-oħra, azzjonijiet li jiddependu minn CMV.

19     Bl-ittri ta' l-14 ta' Settembru u tat-2 ta' Ottubru 2000, CMV talbet lil RDS il-ħlas lura tas-somom li hija kienet ħallsitha għall-finijiet tat-twettiq tal-proġett. Fir-risposta tagħha, ta' l-20 ta' Ottubru 2000, għal din it-talba, RDS indikat, essenzjalment, li fil-fehma tagħha d-deċiżjoni ta' tneħħija ma kinitx iġġustifikata.

 III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u s-sentenza kkontestata

20     Permezz ta' rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fis-7 ta' Novembru 2000, CMV ressqet rikors għal annullament.

21     In sostenn ta' dan ir-rikors, hija invokat erba` motivi. L-ewwel wieħed kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta' non-diskriminazzjoni u ta' proporzjonalità, peress li l-Kummissjoni ma illimitatx it-talba tagħha għal ħlas lura ta' l-għajnuna finanzjarja għas-somom li jikkorrispondu għall-parti tal-proġett li CMV kellha twettaq skond id-deċiżjoni ta' l-għoti. It-tieni motiv kien ibbażat fuq l-iżbalji li l-Kummissjoni għamlet fil-kostatazzjoni tad-diversi irregolaritajiet li jirrigwardaw it-twettiq tal-parti tal-proġett taħt ir-responsabbiltà ta' CMV stess kif ukoll fuq il-ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni u tad-drittijiet tad-difiża. It-tielet motiv kien ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità u ta' l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88, safejn il-Kummissjoni talbet il-ħlas lura ta' l-għajnuna kollha mogħtija għat-twettiq ta' azzjonijiet mingħand CMV. Fl-aħħarnett, ir-raba' motiv kien ibbażat fuq abbuż ta' setgħa. CMV talbet lill-Qorti tal-Prim'Istanza tannulla d-deċiżjoni ta' tneħħija u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta' l-ispejjeż.

22     Ir-Repubblika ta' l-Italja interveniet favur CMV fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

23     Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li RDS kienet is-suġġett ta' proċedura ta' stralċ.

24     Fis-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza annullat id-deċiżjoni ta' tneħħija safejn il-Kummissjoni ma kinitx illimitat it-talba tagħha għall-ħlas lura ta' l-għajnuna finanzjarja għas-somom li jikkorrispondu għall-parti tal-proġett li, skond id-deċiżjoni ta' l-għoti, kellha titwettaq minn CMV stess.

25     F'dan ir-rigward il-Qorti tal-Prim'Istanza osservat li, mingħajr ebda dubju, il-Kummissjoni kellha l-fakulta li tindika responsabbli prinċipali, li jkollu l-obbligu li jħallas lura, f'każ ta' irregolarità, is-somom kollha mħallsa. Madankollu, skond il-Qorti tal-Prim'Istanza, għandu jiġi kkunsidrat li eventwali obbligu ta' ħlas lura ta' għajnuna finanzjarja jista' jġib miegħu konsegwenzi serji għall-partijiet ikkonċernati. Minn barra dan, il-prinċipju ta' ċertezza legali jeħtieġ li d-dritt applikabbli għall-eżekuzzjoni ta' kuntratt ikun ċar u preċiż biżżejjed sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jaġixxu konsegwentement, jiġifieri, fil-kuntest preżenti, li qabel l-għoti ta' l-imsemmija għajnuna jilħqu ftehim fuq strumenti xierqa ta' dritt privat li jippermettu l-protezzjoni reċiproka ta' l-interessi finanzjarji tagħhom. Madankollu, fil-każ in eżami, id-deċiżjoni ta' l-għoti , f'din il-każ, ma ġietx ifformolata b'mod ċar biżżejjed sabiex CMV tkun tista' tqis ruħha bħala l-unika responsabbli f'dak li jirrigwarda l-ħlas lura tal-pagamenti li kienu saru bil-quddiem. Din kienet ir-raġuni li għaliha t-talba għall-ħlas lura tas-somma kollha mħallsa, indirizzata lil CMV, kienet tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

26     Il-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet ir-rikors fil-kumplament tiegħu u kkundannat lill-partijiet ibagħtu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Hija qieset li l-Kummissjoni ġustament ikkontestat id-dokumenti probatorji ta' l-ispejjeż magħmula minn CMV u li għaldaqstant kellha d-dritt li titlob il-ħlas lura ta' parti mill-pagamenti li saru bil-quddiem lil din ta' l-aħħar.

 IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

27     Fit-28 ta' Mejju 2003, CMV ressqet appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

28     Fit-22 ta' Awwissu 2003, il-Kummissjoni, fir-risposta tagħha, ressqet appell inċidentali.

29     Ir-Repubblika ta' l-Italja ma ppreżentatx osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura ta' appell.

 V – It-talbiet fl-appelli prinċipali u inċidentali

30     CMV titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–       tannulla s-sentenza kkontestata, safejn din tikkonferma d-deċiżjoni ta' tneħħija, billi taqta' l-kawża b'mod definittiv u tiddikjara l-annullament ta' din id-deċiżjoni fl-intier tagħha, u

–       tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

31     Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–       tiċħad l-appell ta' CMV;

–       permezz ta' l-appell inċidentali, tannulla s-sentenza kkontestata safejn din tannulla d-deċiżjoni ta' tneħħija "peress li l-Kummissjoni ma illimitatx it-talba tagħha għall-ħlas lura ta' l-għajnuna għas-somom li jikkorrispondu għall-parti tal-proġett li, skond id-deċiżjoni ta' l-għoti, kellha titwettaq minn [CMV] stess", u

–       tikkundanna lil CMV tbati l-ispejjeż.

 VI – Fuq l-appell

32     Huwa xieraq li l-appell inċidentali jiġi eżaminat qabel dak prinċipali.

 A – Fuq l-appell inċidentali

33     Sabiex issostni l-appell inċidentali tagħha, il-Kummissjoni tressaq żewġ motivi.

 1 – Fuq l-ewwel motiv ta' l-appell inċidentali

a) L-argumenti tal-partijiet

34     Skond il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet żbaljata meta applikat il-prinċipju ta' proporzjonalità f'kuntest fejn il-Kummissjoni, skond interpretazzjoni korretta tad-deċiżjoni ta' l-għoti, ma kellha ebda setgħa diskrezzjonali. Il-Kummissjoni tikkunsidra li, skond din id-deċiżjoni, il-"benefiċjarju" ta' l-għajnuna in kwistjoni kienet CMV, filwaqt li RDS kienet sempliċement l-organu l-ieħor li kien inkarigat mit-twettiq tal-proġett. L-imsemmija deċiżjoni timponi l-obbligu fuq il-Kummissjoni li, f'ċerti ċirkustanzi, tirkupra l-imsemmija għajnuna kollha mingħand CMV biss. Għalhekk, tentattiv ta' rkupru mingħand RDS kien ikun illegali. L-analiżi tad-deċiżjoni ta' l-għoti li għamlet il-Qorti tal-Prim'Istanza hija żbaljata peress li, għalkemm din ta' l-aħħar eżaminat ċerti dispożizzjonijiet ta' din id-deċiżjoni, hija analiżżathom separatament u mhux b'mod globali.

35     CMV tikkunsidra li t-tenur tad-dispożizzjonijiet ta' l-Anness II tad-deċiżjoni ta' l-għoti, kemm jekk jiġu kkunsidrati separatament jew globalment, mhuwiex tali li joffri lill-partijiet ikkonċernati kuntest univoku u ċar biżżejjed ta' l-obbligi u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom. Barra minn dan, mhuwiex plawsibbli li l-Kummissjoni, bis-saħħa tad-deċiżjoni ta' l-għoti, tieħu passi biss kontra CMV.

 b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36     Kif ġie ġustament osservat mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 52 tas-sentenza kkontestata, f'każ ta' għotja ta' għajnuna finanzjarja għal proġett li t-twettiq tiegħu jkun jiddependi minn diversi partijiet, il-leġiżlazzjoni applikabbli ma tindikax mingħand liema minn dawn il-partijiet il-Kummissjoni tista' jew għanda titlob il-ħlas lura ta' l-imsemmija għajnuna f'każ ta' irregolaritajiet li jsiru fit-twettiq ta' tali proġett minn waħda jew iktar minn dawn il-partijiet.

37     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat, fil-punti 54 sa 64 tas-sentenza kkontestata, jekk, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-konsegwenzi gravi ta' eventwali obbligu ta' ħlas lura ta' għajnuna finanzjarja mill-partijiet ikkonċernati, il-kliem tad-deċiżjoni ta' l-għoti u ta' l-Annessi tagħha humiex ċari u preċiżi biżżejjed, b'tali mod li CMV, in kwantu operatur għaqli u avżat, bilfors kellha tkun taf li, f'każ ta' irregolaritajiet fit-twettiq tal-proġett, kemm jekk dawn ikunu imputabbli lil RDS jew lilha stess, hija kienet l-unika parti responsabbli finanzjarment fil-konfront tal-Komunità għall-għajnuna kollha mogħtija.

38     Filwaqt li, fl-evalwazzjoni tagħha tad-drittijiet u l-obbligi ta' kull parti li jirriżultaw mid-deċiżjoni ta' l-għoti, il-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat, fil-fond, jekk fuq din il-bażi l-Kummissjoni setgħetx titlob lil CMV biss il-ħlas lura ta' l-għajnuna finanzjarja in kwistjoni li kienet ingħatat għall-azzjonijiet imwettqa minnha u minn RDS, l-argumenti tal-Kummissjoni intiżi sabiex juru li ċerti dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni ta' l-għoti ma ġewx ikkunsidrati biżżejjed jew b'mod separat mill-Qorti tal-Prim'Istanza ma jistgħux jiġu aċċettati.

39     Fil-fatt, kif ġie osservat mill-Avukat Ġenerali fil-punti 48 u 49 tal-konklużjonijiet tagħha, fil-punti 58 sa 64 tas-sentenza kkontestata l-Qorti tal-Prim'Istanza tesponi, b'mod konvinċenti, li d-deċiżjoni ta' l-għoti ma kinitx, komplessivament, ċara u preċiża biżżejjed sabiex iġġiegħel lil CMV biss tassumi r-responsabbiltà finanzjarja fil-konfront tal-Komunità fil-każ ta' irregolaritajiet fit-twettiq tal-proġett. Minn dawn il-punti tas-sentenza kkontestata jirriżulta, minn naħa, li l-Qorti tal-Prim'Istanza eżaminat b'mod xieraq skond il-liġi l-argumenti kollha tal-Kummissjoni li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-deċiżjoni ta' l-għoti u, u min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju ta' dak li ssostni l-Kummissjoni, li hija eżaminat id-dispożizzjonijiet rilevanti ta' l-Anness II tad-deċiżjoni ta' l-għoti fil-kuntest ta' eżami globali ta' din id-deċiżjoni, inklużi l-Annessi tagħha.

40     Għalhekk, fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, l-ewwel motiv ta' l-appell inċidentali għandu jiġi miċħud.

 2. Fuq it-tieni motiv ta' l-appell inċidentali

 a) L-argumenti tal-partijiet

41     Il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza, meta sabet ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, kienet fil-verità qegħda tikkundanna allegat ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali mwettaq meta ġiet adottata d-deċiżjoni ta' l-għoti. Għaldaqstant hija marret lilhinn mil-limiti oġġettivi tal-kawża pendenti quddiemha.

42     CMV issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma kellha ebda intenzjoni li tannulla d-deċiżjoni ta' l-għoti.

 b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43     Qabel kollox għandu jiġi mfakkar li peress li l-qorti Komunitarja mitluba biex tiddeċiedi dwar l-abbuż ta' setgħa ma tistax tiddeċiedi ultra petita (ara s-sentenzi ta' l-14 ta' Diċembru 1962, Meroni vs Haute Autorité, 46/59 u 47/59, Ġabra p. 783, 801, kif ukoll tat-28 ta' Ġunju 1972, Jamet vs Il-Kummissjoni, 37/71, Ġabra p. 483, punt 12), l-annullament li hija tiddikjara ma jistax imur oltre dak mitlub mir-rikorrenti (sentenza ta' l-14 ta' Settembru 1999, Il-Kummissjoni vs AssiDomän Kraft Products et, C-310/97 P, Ġabra p. I-5363, punt 52).

44     Madankollu, mill-punt 55 sal-punt 65 tas-sentenza kkontestata jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza illimitat ruħha li tivverifika jekk id-deċiżjoni ta' l-għoti kinitx ċara u preċiża biżżejjed, b'mod li CMV bilfors kellha tkun taf li, f'każ ta' irregolaritajiet fit-twettiq tal-proġett, kemm jekk dawn ikunu imputabbli lil RDS jew lilha stess, hija kienet l-unika parti finanzjarment responsabbli fil-konfront tal-Komunità għall-għajnuna kollha mogħtija.

45     B'hekk, fil-punt 65 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra li d-deċiżjoni ta' tneħħija, safejn din titlob il-ħlas lura ta' l-imsemmija għajnuna kollha kemm hi mingħand CMV, indipendentement mit-tfittxija tar-responsabbli effettiv u materjali ta' l-allegati irregolaritajiet fit-twettiq tal-proġett, tikkostitwixxi miżura sproporzjonata meta mqabbla ma' l-inkonvenjenti li t-talba għall-ħlas lura ta' l-għajnuna diġà mogħtija kkawżat lil CMV.

46     Minn dan jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma eżaminatx il-legalita tad-deċiżjoni ta' l-għoti, iżda li analizzat l-imsemmija deċiżjoni sabiex tiddetermina jekk il-Kummissjoni setgħetx titlob il-ħlas lura ta' l-għajnuna kollha in kwistjoni mingħand CMV biss. Billi għamlet dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza, għall-kuntrarju ta' dak li tallega l-Kummissjoni, ma marritx lilhinn mil-limiti oġġettivi tal-kawża pendenti quddiemha.

47     Għalhekk, fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, it-tieni motiv ta' l-appell inċidentali għandu jiġi miċħud.

48     Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-appell inċidentali tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

 B – Fuq l-appell prinċipali

49     In sostenn ta' l-appell tagħha, CMV tressaq ħames motivi. Skond l-appell, l-ewwel motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta' teħid ta' deċiżjoni fuq motiv tar-rikors magħmul quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif ukoll fuq l-inkonsistenza intrinsika tas-sentenza kkontestata. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur u l-applikazzjoni żbżljata ta' l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 u tad-deċiżjoni ta' l-għoti, kif ukoll fuq in-nuqqas ta' motivazzjoni u fuq l-inkonsistenza intrinsika ta' l-imsemmija sentenza. Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq l-eżistenza ta' vizzji fil-proċedura li ppreġudikaw il-kontrolli magħmula mill-Kummissjoni u fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża fuq dan il-punt. Fl-aħħarnett, il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur u l-applikazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88, kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

50     Għall-finijiet ta' l-appell prinċipali, għandu l-ewwelnett jiġi eżaminat it-tielet motiv ta' CMV. Fit-tieninett, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa xieraq li teżamina l-ewwel u t-tieni motivi flimkien. Wara dan, ir-raba' u l-ħames motivi għandhom jiġu eżaminati separatament.

 1. Fuq it-tielet motiv ta' l-appell prinċipali

51     Permezz tat-tielet motiv tagħha, CMV issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza, meta eżaminat l-ilmenti mqajma mill-Kummissjoni fil-konfront ta' CMV fid-deċiżjoni ta' tneħħija, hija bbażat ruħha fuq interpretazjoni żbaljata u eċċessiva ta' l-Artikolu 24(2) tar-Regolament 4253/88, billi injorat il-kriterju tal-"penali gradwali". Għal kull wieħed minn dawn l-ilmenti, CMV ssostni li il-Qorti tal-Prim'Istanza tat motivazzjoni żbaljata tas-sentenza kkontestata.

52     Il-Kummissjoni tqis li l-argumenti mressqa minn CMV sabiex issostni dan il-motiv jirrigwardaw evalwazzjoni ta' elementi ta' fatt u għalhekk mhumiex ammissibbli. Safejn CMV tikkunsidra li hemm sproporzjoni bejn il-penali imposta u l-gravità ta' l-irregolaritajiet ikkontestati, il-Kummissjoni tikkunsidra li dan l-ilment jaqa' fil-kuntest tal-ħames motiv ta' l-appell prinċipali.

53     Fid-dawl ta' l-eżami ta' l-argumenti ta' CMV li jirrigwardaw l-ilmenti speċifiċi miġjuba mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta' tneħħija, l-ewwelnett hemm bżonn li jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, b'risposta għal argument ibbażat fuq il-prinċipju ta' gradazzjoni tal-miżuri, li l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88 jawtorizza lill-Kummissjoni li titlob it-tneħħija totali ta' l-għajnuna finanzjarja Komunitarja u li l-fatt li l-possibbiltajiet tal-Kummissjoni jiġu limitati biss għal tnaqqis ta' l-imsemmija għajnuna proporzjonalment ma' l-ammonti li jirreferu għalihom l-irregolaritajiet ikkonstatati iwassal biex jiġu ffavoriti l-atti ta' frodi min-naħa ta' l-applikanti ta' l-għajnuna finanzjarja, peress illi dawn ma jkunu qed jirriskjaw xejn ħlief li jitilfu l-flus akkwistati indebitament (ara, f'dan is-sens, is-sentenza ta' l-24 ta' Jannar 2002, Conserve Italia vs Il-Kummissjoni C-500/99 P, Ġabra p. I-867, punti 74, 88 u 89).

 a) Fuq l-argumenti marbuta mar-realizzazzjoni ta' film mill-kumpannija Romana Video

54     Is-sitt inċiż tal-premessa 9 tad-deċiżjoni ta' tneħħija huwa fformulat kif ġej:

"[CMV] inkarigat lill-kumpannija Romana Video u ddikjarat li ħallsitha l-ammont ta' (ITL) 98 255 000 [liri taljani] (ECU 50 672) għar-realizzazzjoni ta' film fil-kuntest tal-proġett. Meta sar il-kontroll (25 u 26 ta' Marzu 1998), kien għad fadal jitħallsu ITL 49 000 000. [CMV] iddikjarat li dan l-ammont ma kienx ser jitħallas minħabba li kien il-prezz tal-bejgħ tad-drittijiet fuq il-vidjo lill-kumpannija li għamlitu. [CMV] ippreżentat spiża ta' ITL 49 000 000 iktar mill-ispiża effettivament magħmula."

55     Fil-punt 77 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza rrilevat li l-għajnuna finanzjarja mogħtija kienet intiża għall-finanzjament ta' ċertu perċentwali ta' l-ispejjeż realment mħallsa mill-partijiet ikkonċernati għat-twettiq tal-proġett.

56     Fil-punt ta' wara l-Qorti tal-Prim'Istanza fakkret li mhuwiex ikkontestat li CMV kienet ikkonkludiet kuntratt mal-kumpannija Romana Video li permezz tiegħu hija kienet qabbdet lil din il-kumpannija tagħmel film fuq il-Valnerina għall-ħlas tas-somma allokata għall-proġett, jiġifieri bejn wieħed u ieħor ITL 98 miljun, iżda li madankollu hija kienet ħallset lill-imsemmija kumpannija l-ammont ta' ITL 49 miljun biss peress illi, permezz ta' dan l-istess kuntratt, hija kienet biegħet lura lil din l-istess kumpannija d-drittijiet ta' kummerċalizzazzjoni ta' dan il-prodott għall-ammont ta' ITL 49 miljun.

57     Fil-punt 79 tas-sentenza kkontestata l-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li, għat-twettiq ta' din l-azzjoni preċiża prevista mill-proġett, CMV kienet effettivament ħallset biss is-somma reali ekwivalenti għal madwar nofs l-ispejjeż allokati għall-proġett. Fil-fatt, skond l-imsemmija sentenza, il-Kummissjoni setgħet ġustament tqis li, minħabba l-fatt li t-tranżazzjonijiet u l-kumpens effettwat bejn CMV u l-kumpannija Roman Video matul it-twettiq tal-proġett saru fl-istess waqt, minflok ħadet benefiċċju mir-riżultat miksub bis-saħħa ta' din l-għajnuna, CMV fil-verità kienet ħarġet biss, għat-twettiq ta' l-imsemmija azzjoni, is-somma li tirriżulta minn dan il-kumpens.

58     Fil-punti 80 u 81 tas-sentenza kkontestata l-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li l-ispejjez li CMV talloka għall-proġett u li, wara kollox, ma kinux intefqu għat-twettiq ta' dan, setgħu jiġu kkunsidrati bħala irregolarità skond l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88.

59     Madankollu, CMV tqis li hija kellha d-dritt tnaqqas l-ispejjeż in kwistjoni kollha kemm huma u li terġ' tbiegħ id-drittijiet fuq il-film in kwistjoni.

60     Għall-kuntrarju ta' dan il-Kummissjoni ssostni li kull minn jibbenefika minn sussidji Komunitarji għandu jiġġustifika l-ispejjeż li jistgħu jiġu rkuprati. CMV naqset milli tagħmel dan f'dak li jirrigwarda l-produzzjoni ta' l-imsemmi film.

61     Qabel kollox hemm lok li jiġi osservat li, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 79 tas-sentenza kkontestata, CMV ġustament tqis li la r-Regolament Nru 4253/88 u lanqas id-deċiżjoni ta' l-għoti ma jipprojbixxu espressament lill-benefiċjarju ta' għajnuna finanzjarja milli jieħu benefiċċju mir-riżultati miksuba bis-saħħa ta' din l-għajnuna.

62     Madankollu, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa biss dak il-benefiċċju li jirriżulta minn bejgħ li jkun sar taħt il-kundizzjonijiet tas-suq li jista' jiġi kkunsidrat bħala benefiċċju li ma jkollux effett fuq l-ispejjeż, u mhux sempliċi tranżazzjoni fittizja li l-uniku għan tagħha huwa li żżid l-ispejjeż.

63     Għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni dwar jekk il-bejgħ lill-kumpannija Roman Video tad-drittijiet ta' kummerċalizzazzjoni tal-film in kwistjoni kienx jikkostitwixxi bejgħ reali jew tranżazzjoni fittizja, tikkostitwixxi evalwazzjoni ta' fatt. Madankollu, minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-Qorti tal-Prim'Istanza hija l-unika li għandha ġurisdizzjoni sabiex, minn naħa, tiddetermina l-fatti, ħlief fil-każ fejn ineżattezza materjali tal-kostatazzjonijiet tagħha tirriżulta mid-dokumenti tal-proċess li tressqu quddiemha, u min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, bl-eċċezzjoni tad-distorsjoni ta' l-elementi ta' prova li jiġu mressqa quddiemha, kwistjoni ta' dritt suġġetta, bħala tali, għall-kontroll tal-Qorti tal-Prim'Istanza (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta' Frar 1999, Antillean Rice Mills et vs Il-Kummissjoni, C-390/95 P, Ġabra p I-769, punt 29, u tal-15 ta' Ġunju 2000, Dorsch Consult vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C-237/98 P, Ġabra p. I-4549, punt 35).

64     F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li CMV ma invokatx distorsjoni ta' l-elementi ta' fatt. Għalhekk, din il-kwistjoni ma tistax tiġi suġġetta għall-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' dan l-appell.

65     Min-naħa l-oħra, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista' tikkunsidra jekk il-Qorti tal-Prim'Istanza naqsitx mill-obbligu tagħha ta' motivazzjoni. L-argument ta' CMV jidher li huwa intiż biex juri li l-motivazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza hija kontradittorja peress li din tilqa' l-possibbiltà li jinkiseb benefiċċju mir-riżultati miksuba bis-saħħa ta' l-imsemmija għajnuna, filwaqt li fl-istess ħin taqbel mal-Kummissjoni li l-prezz tal-bejgħ tad-drittijiet fuq il-film għandu jitnaqqas mill-ispejjeż magħmula.

66     F'dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-punt 79 tas-sentenza kkontestata, tispjega li l-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi, minħabba s-simultanjetà tat-tranżazzjonijiet u l-kumpens effettwat bejn CMV u l-kumpannija Roman Video matul l-istess twettiq tal-proġett saru fl-istess waqt, li effetivament, għar-realizazzjoni tal-film minn din il-kumpannija, CMV sostniet biss spiża reali ekwivalenti għal madwar nofs l-ispejjeż allokati għall-proġett.

67     Għaldaqstant, din il-konstatazzjoni ċara u inekwivoka tal-Qorti tal-Prim'Istanza hija suffiċjentement motivata. Għall-kuntrarju ta' dak li ssostni CMV, mill-fatt li teżisti l-possibbiltà ta' tranżazzjoni kummerċjali leċita ma jirriżultax li t-tranżazzjoni magħmula minn CMV kienet effetivament tikkostitwixxi tali tranżazzjoni.

68     CMV issostni wkoll li l-Qorti tal-Prim'Istanza għamlet żball meta kkunsidrat, fil-punt 81 tas-sentenza kkontestata, li l-attibuzzjoni ta' ispejjeż li ma kinux reali għandha tiġi kkunsidrata bħala ksur serju tal-kundizzjonijiet ta' l-għoti ta' l-għajnuna finanzjarja in kwistjoni kif ukoll ta' l-obbligu ta' lealtà tal-benefiċjarju ta' tali għajnuna u, konsegwentement, tista' tiġi kkunsidrata bħala irregolarità skond l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88. F'dan ir-rigward, CMV tenfasiżża li d-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni ta' l-għoti, iċċitati fil-punt 76 tas-sentenza kkontestata, jipprovdu li, "fil-każ li l-ammont ta' l-ispejjeż effettivament inkorsi jwassal għal tnaqqis ta' l-ispejjeż eliġibbli fir-rigward ta' l-estimi oriġinali, l-għajnuna tiġi mnaqqsa proporzjonalment meta jitħallas il-bilanċ". Skond CMV, anke jekk l-ispiża tal-film kienet inqas mill-ammont inizjalment previst, l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 ma japplikax peress li din is-sitwazzjoni hija rregolata kollha kemm hi mill-imsemmija dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni ta' l-għoti.

69     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta' dak li ssostni CMV, il-fatt biss li t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni ta' l-għoti jipprovdi għal sitwazzjonijiet fejn l-ispejjeż effettivament magħmula jkunu inqas mill-estimi oriġinali, ma jimplikax li tranżazzjoni fittizja, li l-għan tagħha jkun li żżid l-ispejjeż ta' proġett, ma tikkostitwixxix irregolarità skond l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88. Fil-fatt, skond prinċipju fundamentali li jirregola l-għajnuna komunitarja, il-Komunità tista', kif osseervat l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-Konklużjonijiet tagħha, tissusidja biss spejjeż li ġew effettivament magħmula (ara f'dan is-sens, fir-rigward ta' saldu ta' kontijiet, is-sentenzi tas-6 ta' Ottubru 1993, Italja vs il-Kummissjoni, C-55/91, Ġabra p. I-4813, punt 67; tat-28 ta' Ottubru 1999, Italja vs il-Kummissjoni, C-235/97, Ġabra p. I-7529, punt 6; tas-7 ta' Ottubru 2004, Spanja vs il-Kummissjoni, C-153/01, Ġabra p. I-9009, punt 66, u tal-15 ta' Settembru 2005, Irlanda vs il-Kummissjoni, C-199/03, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 26). L-allokazzjoni ta' spejjeż għal proġett li fil-verità ma ġewx inkorsi għat-twettiq tiegħu, tippreġudika dan il-prinċipju b'mod serju u għalhekk tista' tiġi kkunsidrata bħala irregolarità skond l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88. It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni ta' l-għoti jipprovdi għal mekkaniżmu li jippermetti li jiġi ddeterminat l-ammont ta' spejjeż eliġibbli fil-każ li dawn jirriżultaw inqas mill-estimi oriġinali, iżda dan ma jipprovdix għas-sitwazzjoni fejn jiġu allokati spejjeż li l-verità tagħhom ma tiġix stabbilita.

70     Għaldaqstant l-argumenti ta' CMV dwar ir-realizazzjoni ta' film mill-kumpannija Roman Video għandhom jiġu miċħuda.

 b) Fuq l-argumenti marbuta ma' l-ispejjeż tal-persunal

71     Is-seba' inċiż tal-premessa 9 tad-deċiżjoni ta' tneħħija huwa fformulat kif ġej:

"[CMV] allokat l-ammont ta' ITL 202 540 668 (ECU 104 455) għall-proġett, li jirrappreżenta l-ispiża relatata max-xogħol ta' ħames persuni għall-parti tal-proġett imsejħa 'informazzjoni turistika'. [CMV] ma pprovdietx dokumenti probatorji għal din l-ispiża (kuntratti ta' xogħol, deskrizzjoni dettaljata ta' l-attivitajiet imwettqa)."

72     Minn barra dan, skond id-disa' inċiż tal-premessa 9 tad-deċiżjoni ta' tneħħija:

"[CMV] iddikjarat ammont ta' ITL 152 340 512 (ECU 78 566) għal spejjeż ta' persunal marbuta ma' attivitajiet oħra apparti l-informazzjoni turistika'. [Hija] ma ppreżentatx dokumenti li jistgħu jippruvaw li dawn is-servizzi ġew verament ipprovduti u r-rabta diretta [tagħhom] mal-proġett."

73     F'dan ir-rigward, fil-punt 89 tas-sentenza kkontestata l-Qorti tal-Prim'Istanza osservat li l-punt 3 ta' l-Anness II tad-deċiżjoni ta' l-għoti jipprovdi li "l-ispejjeż tal-persunal [...] għandhom ikunu relatati direttament mat-twettiq ta' l-azzjoni u li jkunu xierqa għaliha". Fil-punt 95 ta' din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet li l-Kummissjoni m'għamlitx żball meta kkunsidrat li CMV ma kinitx ippreżentatilha dokumenti probatorji ta' natura li jistabbilixxu li l-ispejjeż tal-persunal allokati għall-proġett kienu relatati direttament mat-twettiq tiegħu u li kienu xierqa.

74     CMV tqis li hija pprovdiet biżżejjed dokumenti probatorji fil-forma ta' tabelli li jindikaw l-isem tal-persuni kkonċernati, stima tal-ħin li dawn iddedikaw għall-proġett, il-paga tagħhom kif ukoll l-ispejjeż li kienu involuti għat-twettiq tal-proġett. Barra minn dan, skond CMV is-sempliċi fatt li l-proġett ġie mwettaq jikkostitwixxi prova ta' l-imsemmija spejjeż.

75     F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinvoka l-punt 94 tas-sentenza kkontestata, li jgħid li minn barra l-eżekuzzjoni materjali korretta tal-proġett kif approvat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta' l-għoti, CMV għandha turi wkoll li l-elementi kollha ta' l-għajnuna Komunitarja jikkorrispondu għal provista effettiva ta' servizzi li kienu indispensabbli għat-twettiq ta' dan il-proġett.

76     L-ewwelnett, kif ġie espost fil-punt 69 ta' din is-sentenza, il-Komunità tista' tissussidja biss l-ispejjeż li jkunu ġew effettivament inkorsi. Għaldaqstant, sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tagħmel ix-xogħol ta' kontroll tagħha, il-benefiċjarji ta' għajnuna finanzjarja Komunitarja jridu jkunu qegħdin f'pożizzjoni li jippruvaw li l-ispejjeż inkorsi għall-proġetti li għalihom tkun ingħatat tali għajnuna huma reali. Minn barra dan, kif iddeċidiet diġà il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għoti, min-naħa ta' l-applikanti u tal-benefiċjarji ta' l-imsemmija għajnuna, ta' informazzjoni li wieħed jista' joqgħod fuqha huwa indispensabbli għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta' kontroll u ta' prova mwaqqfa sabiex tivverifika jekk ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet ta' l-għoti ta' din l-għajnuna (ara d-digriet tal-25 ta' Novembru 2004, Vela u Tecnagrind vs Il-Kummissjoni, C-18/03 P, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 135).

77     It-tieninett, l-argument ta' CMV li s-sempliċi fatt li l-proġett twettaq jikkostitwixxi prova ta' l-ispejjeż in kwistjoni ma jistax jintlaqa'. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-miżuri ta' tneħħija ta' għajnuna finanzjarja u l-irkupru ta' pagamenti mhux dovuti previsti fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 huma riżervati biss għal nuqqasijiet li jikkompromettu t-twettiq tal-proġett ikkonċernat jew li jinkludu bidla importanti li taffettwa n-natura u l-eżistenza stess ta' dak il-proġett (ara, f'dan is-sens, id-digriet Vela u Tecnagrind vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 129 sa 134). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament iddeċidiet, fil-punt 94 tas-sentenza kkontestata, li ma jistax jiġi sostnut li l-penali previsti mill-imsemmija dispożizzjoni japplikaw biss fil-każ fejn l-azzjoni ffinanzjata ma twettqitx kompletament jew in parti.

78     Minn dak li ntqal iktar 'il fuq jirriżulta li mhuwiex biżżejjed li jkun ippruvat li proġett ġie mwettaq sabiex l-għoti ta' sussidju speċifiku jkun iġġustifikat. Għall-kuntrarju, il-benefiċjarju ta' l-għajnuna għandu jġib prova li huwa sostna spejjeż tal-persunal, skond il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-għoti ta' l-għajnuna kkonċernata.

79     Madankollu, il-fatt dwar jekk id-dokumenti probatorji relatati ma' l-ispejjeż tal-persunal humiex biżżejjed fir-rigward ta' dawn il-ħtiġijiet jiddependi mill-evalwazzjoni tal-fatti, li għar-raġunijiet esposti fil-punt 63 ta' din is-sentenza, ma jistgħux jiġu sottomessi għall-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' appell.

80     Fir-rigward tal-ħarsien ta' l-obbilgu ta' motivazzjoni, ikun biżżejjed li jiġi kkonstatat li fil-punti 91 sa 93 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza osservat li d-dokumenti pprovduti minn CMV ma kinux biżżejjed sabiex jistabbilixxu li l-ispejjeż tal-persunal kienu relatati mal-proġett u lanqas ma kienu jippermettu l-evalwazzjoni tan-natura xierqa tagħhom. Tali konstatazzjoni tagħti motivazzjoni biżżejjed skond il-liġi għar-raġunijiet li għalihom il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li l-ispejjeż tal-persunal ma kinux akkumpanjati minn biżżejjed provi.

81     Għaldaqstant, l-argumenti ta' CMV dwar l-ispejjeż tal-persunal għandhom jiġu miċħuda.

 c) Fuq l-argumenti marbuta ma' l-ispejjeż ġenerali

82     L-għaxar inċiż tal-premessa 9 tad-deċiżjoni ta' tneħħija huwa fformolat kif ġej:

"[CMV] allokat l-ammont ta' ITL 31 500 000 (ECU 26 302) għall-proġett li jirrappreżenta spejjeż ġenerali (kiri ta' żewġ uffiċji, sistema ta' tisħin, elettriku, ilma u tindif). Din l-allokazzjoni ma setgħet tiġi ġġustifikata b'ebda tip ta' dokument."

83     F'dan ir-rigward, fil-punt 105 tas-sentenza kkontestata il-Qorti tal-Prim'Istanza ppreċiżat li l-irregolarità kkonstatata mill-Kummissjoni fir-rigward ta' spejjeż ġenerali kienet tikkonċerna biss l-ispejjeż li relatati ma' l-użu, għall-proġett, ta' postijiet li CMV kienet diġà tokkupa qabel l-għoti ta' l-għajnuna in kwistjoni. Fil-punt 106 ta' dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li fakkret li l-għajnuna mogħtija kienet intiża għall-finanzjament ta' ċertu perċentwali ta' l-ispejjeż realment inkorsi mill-partijiet kkonċernati għat-twettiq tal-proġett, ikkonstatat li, sabiex tevita prattiċi frawdolenti, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkunsidra li spejjeż ġenerali, bħal dawk allokati fil-każ in eżami minn CMV, ma kinux realment marbutin mat-twettiq tal-proġett iżda kienu jikkostitwixxu spejjeż li l-benefiċjarji kellhom jinkorru f'kull każ, minħabba l-attivitajiet normali tagħhom, u indipendentement mit-twettiq ta' dan il-proġett. Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim'Istanza iddeċidiet, fil-punt 107 ta' l-imsemmija sentenza, li l-Kummissjoni m'għamlitx żball meta kkunsidrat li l-allokazzjoni ta' dawn l-ispejjeż kienet tikkostitwixxi irregolarità skond l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88.

84     Fuq dan il-punt CMV issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza illimitat ruħha li taċċetta suppożizzjoni magħmula mill-Kummissjoni, filwaqt li kellha teżiġi li jiġi ppruvat li dawn l-ispejjeż ma kinux ġew inkorsi. Skond CMV, il-punti 106 u 107 tas-sentenza kkontestata jerġgħu jipprovdu li skond l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88 l-irregolaritajiet jistgħu jsiru permezz ta' sempliċi suspett tal-Kummissjoni.

85     Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li b'hekk CMV tinjora l-fatt li hija kellha, għar-raġunijiet esposti fil-punt 76 ta' din is-sentenza, turi li l-ispejjeż allokati kienu relatati mat-twettiq tal-proġett u li kienu xierqa għalih.

86     L-obbligu li jiġu mħarsa l-kundizzjonijiet finanzjarji indikati f'deċiżjoni ta' l-għoti jikkostitwixxi, bl-istess mod bħall-obbliġu tat-twettiq materjali tal-proġett ikkonċernat, wieħed mill-impenji essenzjali tal-benefiċjarju u, minħabba f'hekk, jinfluwenza l-għoti ta' l-għajnuna finanzjarja Komunitarja (ara, f'dan is-sens, id-digriet Vela u Tecnagrind vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 135).

87     Minn dak li ntqal iktar 'il fuq isegwi li l-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament iddeċidiet, wara li kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li l-ispejjeż ġenerali in kwistjoni ma kinux realment marbuta mat-twettiq tal-proġett – konstatazzjoni ta' elementi ta' fatt li ma jistgħux jiġu sottomessi għall-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' dan l-appell –, li l-allokazzjoni ta' dawn l-ispejjeż kienet tikkostitwixxu irregolarità skond l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88.

88     Għaldaqstant, l-argumenti ta' CMV dwar l-ispejjeż ġenerali għandhom jiġu miċħuda.

 d) Fuq l-argumenti marbuta mad-drittijiet ta' avukat

89     Fit-tmien inċiż tal-premessa 9 tad-deċiżjoni ta' tneħħija l-Kummissjoni indikat dan li ġej:

"[CMV] allokat l-ammont ta' ITL 85 000 000 (ECU 43 835) lill-proġett li jirrappreżenta d-drittijiet ta' [l-uffiċju ta' l-avukat] Mauro Brozzi e Associati SAS. Din l-ispiża ma ġietx sostnuta minn dokumenti probatorji li jippermettu li tiġi stabbilita l-verità u n-natura eżatta tas-servizzi pprovduti."

90     Fil-punt 117 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat li CMV ma wrietx li l-Kummissjoni għamlet żball meta kkunsidrat li d-drittijiet ta' avukat in kwistjoni ma kinux ġew ippruvati permezz ta' dokumenti li jippermettu li tiġi stabbilita l-verità u n-natura eżatta tas-servizzi pprovduti. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonkludiet li, minn dan il-fatt, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat l-eżistenza ta' irregolarità skond l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88.

91     CMV tinvoka n-nuqqas ta' motivazzjoni tas-sentenza kkontestata fuq dan il-punt. Hija ssostni li minn kuntratt konkluż bejn CMV u l-uffiċċju ta' l-avukat Mauro Brozzi e Associati SAS jirriżulta li, mingħajr ebda dubju, erbgħa minn kull ħamsa tas-servizzi previsti ġew ipprovduti.

92     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li CMV ma pprovdiet lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda element li juri ksur ta' l-obbligu ta' motivazzjoni. Fil-fatt, taħt forma ta' argument ibbażat fuq l-allegat ksur ta' dan l-obbligu, hija essenzjalment titlob evalwazzjoni ġdida tal-fatti, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja, għar-raġunijiet mogħtija fil-punt 63 ta' din is-sentenza, m'għandhiex ġurisdizzjoni li tagħmel dan fil-kuntest ta' appell.

93     Għaldaqstant, l-argumenti ta' CMV dwar l-imsemmija drittijiet ta' avukat għandhom jiġu miċħuda.

 e) Fuq l-argumenti marbuta mas-sistema ta' irrigazzjoni.

94     Fil-ħdax-il inċiż tal-premessa 9 tad-deċiżjoni ta' tneħħija, il-Kummissjoni indikat dan li ġej:

"Fil-kuntest ta' l-azzjoni 'kultivazzjoni ta' tip ta' qamħ (spelt) u tat-tartufi', id-[deċiżjoni ta' l-għoti] ipprovdiet għat-twettiq ta' investimenti li jikkonċernaw it-titjib tas-sistemi ta' irrigazzjoni għall-kultivazzjoni tat-tartufi, li jammontaw għal ECU 41 258. Dawn l-investimenti ma twettqux u ma ngħatat ebda spjegazzjoni ta' dan lill-Kummissjoni."

95     Fil-punti 126 sa 129 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza, qabel ma kkonkludiet li l-Kummissjoni m'għamlet ebda żball meta qieset li CMV ma kinitx uriet li l-imsemmija investimenti kienu ġew effettivament imwettqa, kkonstatat li f'dan ir-rigward CMV ma ppreżentatx dokumenti probatorji ta' l-ispejjeż li jikkorrispondu għal tali investimenti.

96     CMV issostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-opinjoni ta' espert miġjub in sostenn tar-rikors tagħha. Barra minn dan, il-Qorti tal-Prim'Istanza ma setgħetx tikkritikaha li ma kinitx f'pożizzjoni li ġġib prova, wara diversi snin, ta' l-ispejjeż inkorsi għat-twettiq minn terzi ta' operazzjoni ta' irrigazzjoni ta' urġenza għal matul is-sjuf li fihom ikun hemm nixfa kbira.

97     Mill-punt 129 tas-sentenza kkontestata jirriżulta li f'dan ir-rigward il-Qorti tal-Prim'Istanza bbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq il-konklużjoni li "il-Kummissjoni m'għamlet ebda żball meta qieset li [CMV] ma kinitx uriet li l-investimenti previsti għas-sistema ta' irrigazzjoni kienu ġew effettivament imwettqa". Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 76 ta' din is-sentenza, huma eliġibli biss spejjeż debitament ippruvati. Huwa kostanti li CMV ma ppreżentatx id-dokumenti probatorji għal dawn l-investimenti. Fir-rigward ta' l-allegata diffikultà li dawn jiġu ppreżentati, hemm lok li ssir referenza għall-punt 6 ta' l-Anness II tad-deċiżjoni ta' l-għoti, li jistabbilixxi li l-benefiċjarju ta' għajnuna finanzjarja kkonċernata għandu jżomm id-dokumenti probatorji kollha u jħallihom għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Kif ġustament osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 91 tal-konklużjonijiet tagħha, kieku CMV ma kellhiex id-dokumenti probatorji meħtieġa, hija ma kinitx tkun tista' talloka dawn l-ispejjeż.

98     Għal dak li jikkonċerna l-opinjoni ta' l-espert ippreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-punt 121 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din kienet tirrigwarda biss il-punt dwar jekk il-kliem "sistemi ta' irrigazzjoni ta' riżerva", użat fil-kuntest ta' dan il-proġett speċifiku, għandux jiġu mifhum fis-sens indikat minn CMV quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u jekk l-ispejjeż relatati kinux xierqa, fid-dawl tal-prezzijiet li normalment jitħallsu għal interventi effettwati fil-kuntest tal-FAEGG. Madankollu, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 90 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 129 ta' l-imsemmijia sentenza, ma solvietx il-kwistjoni dwar liema azzjonijiet kellhom jitwettqu skond id-deċiżjoni ta' l-għoti.

99     Għaldaqstant, l-argumenti ta' CMV dwar is-sistema ta' irrigazzjoni għandhom jiġu miċħuda.

100   Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, it-tielet motiv ta' l-appell prinċipali għandu jiġi miċħud.

 2. Fuq l-ewwel u t-tieni motivi ta' l-appell prinċipali

 a) L-argumenti tal-partijiet

101   Permezz ta' l-ewwel motiv tagħha, CMV tidher li qed ssostni li, billi illimitat l-eżami tagħha għall-punt dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex d-dritt titlobha l-ħlas lura ta' l-għajnuna finanzjarja in kwistjoni kollha, il-Qorti tal-Prim'Istanza naqset milli tevalwa r-riskju ta' sproporzjoni u ta' diskriminazzjoni li jirriżultaw, skond hi, mill-"akkuża" magħmula kontriha ta' irregolaritajiet eventwalment kommessi minn RDS, meta hija ma kinitx f'pożizzjoni li tirrispondi għall-ilmenti magħmula kontriha u li l-irregolaritajiet li kienet akkużata bihom CMV kienu jirrappreżentaw biss 29% tal-prezz tal-proġett.

102   Permezz tat-tieni motiv tagħha, CMV issostni li, peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza kienet sabet li t-talba għall-ħlas lura ta' l-imsemmija għajnuna kollha magħmula lil CMV biss kienet ta' natura sproporzjonata, hija kellha tannulla id-deċiżjoni ta' tneħħija kompletament, u mhux biss parzjalment, u kellha tikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tagħha fid-dawl ta' l-irregolaritajiet li kienet akkużata bihom personalment biss.

103   Il-Kummissjoni tqis li l-ewwel motiv għandu jiġi ddikjarat bħala inammissibbli, kemm minħabba nuqqas ta' ċarezza, kif ukoll minħabba nuqqas ta' interess ta' CMV li tqajjem dan il-punt. Sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra l-ewwel motiv bħala ammissibbli u fondat, il-Kummissjoni titlob lil din il-Qorti tiddeċiedi fuq il-mertu u tiċħad l-argumenti mressqa minn CMV.

104   Għal dak li jikkonċerna t-tieni motiv, il-Kummissjoni tfakkar li l-Qorti tal-Prim'Istanza ddikjarat espressament bħala leġittima t-tneħħija ta' l-għajnuna finanzjarja kollha u illimitat ruħha biss li taqsam l-obbligu ta' ħlas lura b'mod differenti minn dak adottat fid-deċiżjoni ta' tneħħija. F'dan ir-rigward hija tirrikorri għall-prinċipji ġenerali ta' ekonomija ta' proċedura u ekonomija ta' amministrazzjoni sabiex issostni li dan il-motiv mhuwiex fondat għaliex, f'każ li l-imsemmija deċiżjoni tiġi annullata kompletament, kien ikun neċessarju li tiġi adottata deċiżjoni ġdida li sostanzjalment tirriproduċi l-kontenut tad-deċiżjoni ta' tneħħija.

 b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja


 i) Fuq l-ammissibbiltà ta' l-ewwel motiv ta' l-appell prinċipali

105   Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, mill-Artikolu 225 KE, mill-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 58 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li appell għandu jindika b'mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll ir-raġunijiet u l-argumenti ta' dritt li jsostnu b'mod speċifiku din it-talba (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-4 ta' Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punt 34; tat-8 ta' Jannar 2002, Franza vs Monsanto u l-Kummissjoni, C-248/99 P, Ġabra p. I-1, punt 68, u tas-6 ta' Marzu 2003, Interporc vs Il-Kummissjoni, C-41/00 P, Ġabra p. I-2125, punt 15).

106   Għalhekk appell li jillimita ruħu li jirrepeti jew li jirripproduċi testwalment il-motivi u l-argumenti li kienu ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, inklużi dawk li kienu bbażati fuq fatti espressament miċħuda minn dik il-Qorti, ma jissodisfax il-ħtiġijiet ta' motivazzjoni li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet (ara, b'mod partikolari, id-digriet tal-25 ta' Marzu 1998, FFSA et vs Il-Kummissjoni, C-174/97 P. Ġabra p. I-1303, punt 24, u s-sentenza Interporc vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 16). Fil-fatt, tali appell fil-verità jikkostitwixxi talba intiża sabiex tikseb sempliċi rieżaminazzjoni tat-talba ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, u dan imur lilhinn mill- ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara d-digriet tas-26 ta' Settembru 1994, X vs il-Kummissjoni, C-26/94 P, Ġabra p. I-4379, punt 13, u s-sentenza Bergaderm u Goupil vs il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 35).

107   Madankollu, meta rikorrent jikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun saret mill-Qorti tal-Prim'Istanza, il-punti ta' dritt eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi mill-ġdid fl-appell (ara s-sentenza tat-13 ta' Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C-210/98 P, Ġabra p. I-5843, punt 43). Fil-fatt, li kieku rikorrent ma jkunx jista' jibbaża l-appell tiegħu fuq motivi u argumenti li jkunu diġà ġew ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-proċedura ta' l-appell titlef parti mis-sens tagħha (ara, b'mod partikolari, id-digriet ta' l-10 ta' Mejju 2001, FNAB et vs Il-Kunsill, C-345/00 P, Ġabra p. I-3811, punti 30 u 31, kif ukoll is-sentenza tas-16 ta' Mejju 2002, ARAP et vs Il-Kummissjoni, C-321/99 P, Ġabra p. I-4287, punt 49, u Interporc vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 17).

108   Fil-każ in eżami, il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel motiv ta' l-appell huwa manifestament inammissibbli minħabba l-fatt li mhuwiex konformi mal-ħtiġijiet minimi ta' ċarezza u preċiżjoni. Skond il-Kummissjoni, l-ewwel motiv jista' jiġi interpretat, mill-inqas, b'żewġ modi differenti.

109   F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-ewwel motiv, meħud fit-totalità tiegħu huwa intiż li jikkontesta l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim'Istanza fuq il-kwistjonijiet ta' dritt li ġew ippreżentati lilha fil-kuntest ta' l-ewwel motiv fl-ewwel istanza u, min-naħa l-oħra, li CMV tindika b'mod preċiż ċerti elementi kritiċi tas-sentenza kkontestata.

110   Huwa minnu li l-argumenti mressqa minn CMV in sostenn ta' l-ewwel motiv tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huma ambigwi meta kkunsidrati separatament. Madankollu, moqrija flimkien mat-tieni motiv ta' l-appell prinċipali, l-argumenti li fuqhom huwa msejjes l-ewwel motiv huma ċari biżżejjed sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet imsemmija fl-Artikolu 225 KE, fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 58 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u fl-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

111   Fil-fatt, jidher li, permezz ta' l-ewwel żewġ motivi tagħha, CMV essenzjalment issostni li l-penali severa, li kienet tikkonsisti fit-tneħħija ta' l-għajnuna finanzjarja kollha kemm hi, ġiet imposta fuqha minħabba irregolaritajiet attribwiti lil RDS u, għaldaqstant, min-naħa, id-deċiżjoni ta' tneħħija kellha tiġi annullata kompletament minħabba l-fatt li r-responsabbiltà tal-partijiet tal-proġett li t-twettiq tagħhom kien f'idejn RDS ġiet attribwita lilha inġustament u, min-naħa l-oħra, il-pożizzjoni ta' CMV kellha tiġi kkunsidrata mill-ġdid fid-dawl ta' l-irregolaritajiet li kienet akkużata bihom personalment biss.

112   Għalhekk, CMV tinvoka argument f'żewġ stadji: l-ewwel motiv huwa intiż li juri li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma evalwatx il-possibbiltà li hija tiġi suġġetta għal penali li s-severità tagħha kienet parzjalment tiddependi fuq l-irregolaritajiet attribwiti lil RDS, filwaqt li t-tieni motiv huwa intiż li juri l-eżistenza ta' sproporzjoni bejn, min-naħa, l-irregolaritajiet li hija akkużata bihom hi u, min-naħa l-oħra, is-severità tal-penali li tirrappreżenta t-tneħħija ta' l-għajnuna finanzjarja kollha kemm hi, ibbażata fil-parti l-kbira tagħha fuq l-irregolaritajiet attribwiti lil RDS, li kienu jirrigwardaw bejn wieħed u ieħor 70% ta' l-ispejjeż in kwistjoni u li dwarhom CMV ma kellhiex l-opportunità li tagħti risposta.

113   Konsegwentement, l-ewwel motiv ta' l-appell prinċipali mhuwiex inammissibbli minħabba nuqqas ta' ċarezza u ta' preċiżjoni.

114   Fid-difiża tagħha, il-Kummissjoni sservi wkoll min-nuqqas ta' interess ta' CMV li tinvoka l-allegat nuqqas li tittieħed deċiżjoni fuq motiv imressaq fl-ewwel istanza, peress li, fis-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kienet essenzjalment laqgħet l-imsemmi motiv u, minħabba f'hekk, naqqset konsiderevolment l-ammont tal-penali finanzjarja imposta fuq CMV.

115   Fuq dan il-punt, ikun biżżejjed li jiġi osservat li, skond l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-ewwel motiv ta' l-appell, kif espost fil-punti 111 u 112 ta' din is-sentenza, dan l-ewwel motiv huwa effettivament intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi, u mhux għall-annulament ta' parti minnha biss. Minn dan isegwi li, għall-kuntrarju ta' dak li ssostni l-Kummissjoni, CMV għandha interess tressaq dan il-motiv.

116   Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta' inammissibbiltà bbażata fuq nuqqas ta' interess ta' CMV li tinvoka l-ewwel motiv ta' l-appell prinċipali mhijiex fondata.

117   F'dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, ebda waħda mill-eċċezzjonijiet ta' inammissibbiltà mressqa kontra l-ewwel motiv ta' l-appell prinċipali mhija fondata. Għaldaqstant, dan il-motiv huwa ammissibbli.

 ii) Fuq il-mertu ta' l-ewwel u t-tieni motivi ta' l-appell prinċipali

118   Mis-sottomissjonijiet bil-miktub ta' CMV jirriżulta li l-ewwel u t-tieni motivi tagħha, esposti fil-punti 111 u 112 ta' din is-sentenza, huma bbażati fuq il-premessa li d-deċiżjoni li permezz tagħha CMV intalbet tħallas lura l-għajnuna finanzjarja kollha kienet influwenzata mill-irregolaritajiet attribwiti lil RDS biss, b'tali mod li permezz tas-sentenza kkontestata l-Qorti tal-Prim'Istanza ippermettiet li, mingħajr ebda ġustifikazzjoni, l-irregolaritajiet li għalihom kienet responsabbli RDS biss, jibqgħu jiġu attribwiti lil CMV.

119   Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li b'dan il-mod CMV interpretat ħażin ir-raġunament segwit mill-Qorti tal-Prim'Istanza kif ukoll il-konsegwenzi tas-sentenza kkontestata.

120   Fil-fatt, qabel kollox hemm lok li jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim'Istanza, matul l-eżami ta' l-ewwel motiv imressaq quddiemha, iddeċidiet li, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-konsegwenzi serji għal CMV ta' talba għall-ħlas lura ta' l-għajnuna in kwistjoni kollha kemm hi, u tan-nuqqas ta' ċarezza u preċiżjoni fid-deċiżjoni ta' l-għoti, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità meta talbet il-ħlas lura ta' l-imsemmija għajnuna kollha mingħand CMV biss. Madankollu, hija bl-ebda mod ma ssuġġeriet, fil-kuntest ta' l-evalwazzjoni tagħha ta' l-imsemmi motiv jew f'xi punt ieħor tas-sentenza kkontestata, li tali talba kienet ġiet influwenzata mill-imġieba ta' RDS.

121   Għall-kuntrarju ta' dan, fil-kuntest tat-tieni motiv invokat quddiemha, b'mod partikolari fil-punti 80 sa 81, 95 sa 97, 107, 117 u 129 sa 130 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat speċifikatament li kull waħda mill-akkużi magħmula kontra CMV fid-deċiżjoni ta' tneħħija kienet tikkostitwixxi irregolarità skond l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88. Madankollu, CMV stess qatt ma sostniet li RDS kienet involuta f'waħda minn dawn l-irregolaritajiet.

122   Barra minn dan, fil-punti 142 sa' 149 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament irrilevat, kif jirriżulta mill-punti 53 u 77 ta' din is-sentenza, li, fir-rigward ta' tali irregolaritajiet, il-Kummissjoni kellha d-dritt li tneħħi l-għajnuna finanzjarja kkonċernata safejn din kienet relatata mal-partijiet tal-proġett li kienu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' CMV.

123   F'dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-prinċipju ta' ekonomija ta' proċedura, il-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet tannulla d-deċiżjoni ta' tneħħija biss safejn il-Kummissjoni ma illimitatx it-talba tagħha għall-ħlas lura ta' din l-għajnuna għall-ammonti li jikkorrispondu mal-parti tal-proġett attribwita lil CMV. Fil-fatt, fil-każ ta' annullament tad-deċiżjoni ta' tneħħija kollha kemm hi, il-Kummissjoni kien ikollha tadotta, fir-rigward ta' CMV, deċiżjoni ġdida li essenzjalment tirriproduċi l-kontenut tad-deċiżjoni ta' tneħħija fir-rigward tal-partijiet tal-proġett li kienu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' CMV.

124   Għalhekk m'hemmx lok li tittieħed deċiżjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk CMV kinitx f'pożizzjoni li tirrispondi għall-ilmenti magħmula kontra RDS, peress li, f'kull każ, din il-kwistjoni ma kellha ebda effett fuq l-evalwazzjoni tal-motivi in kwistjoni. Barra minn dan, din hija evalwazzjoni ta' elementi ta' fatt li, għar-raġunijiet esposti fil-punt 63 ta' din is-sentenza, ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' appell.

125   Għaldaqstant, l-argument ta' CMV ma jistax jiġi milqugħ.

126   Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, l-ewwel u t-tieni motivi ta' l-appell prinċipali għandhom jiġu miċħuda.

 3. Fuq ir-raba' motiv ta' l-appell prinċipali

 a) L-argumenti tal-partijiet

127   Permezz tar-raba' motiv tagħha, CMV issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza, matul l-eżami tat-tielet parti tat-tieni motiv imressaq quddiemha, ma interpretatx l-argument ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża korrettament. Hija tippreċiża li dan l-argument ma kienx jikkonċerna biss il-possibbiltà ġenerali li ġġib prova ta' l-atti tagħha, iżda, b'mod iktar speċifiku, kien jikkonċerna r-regoli li bihom il-Kummissjoni wettqet spezzjoni fuq il-post. B'mod partikolari, din l-operazzjoni ta' kontroll ma kinitx, inġustament, is-suġġett ta' rendikont u ma ġietx ifformulata lista tad-dokumenti fotokopjati matul tali żjara. F'dan ir-rigward CMV tippreċiża li, sabiex jiġu mħarrsa d-drittijiet tal-persuni soġġetti għal kontroll, tali operazzjoni għanda sseħħ b'mod kontradittorju u tkun is-suġġett ta' rapport preċiż.

128   Il-Kummissjoni tosserva li l-ispetturi tagħha mhumiex obbligati li jagħmlu proċess verbal fuq il-post u li, fil-każ in eżami, l-imsemmi kontroll seħħ b'mod kontradittorju. Skond din l-istituzzjoni, huwa fid-dawl ta' dawn iċ-ċirkustanzi li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkonstatat, fil-punt 138 tas-sentenza kkontestata, li d-drittijiet tad-difiza kienu ġew imħarrsa.

 b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

129   Kif osservat il-Qorti tal-Prim'Istanza fil-punt 136 tas-sentenza kkontestata, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża f'kull proċedura mibdija kontra persuna u li tista' twassal għal att li jaffettwaha ħażin huwa prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi assigurat, anke fin-nuqqas ta' kull leġiżlazzjoni li tikkonċerna l-proċedura. Dan il-prinċipju jeżiġi li d-destinatarji ta' deċiżjonijiet li jaffetwaw l-interessi tagħhom b'mod kunsiderevoli jingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw l-opinjoni tagħhom (ara, per eżempju, is-sentenzi ta' l-24 ta' Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et, C-32/95 P, Ġabra p. I-5373, punt 21; tal-21 ta' Settembru 2000, Mediocurso vs Il-Kummissjoni, C-462/98 P, Ġabra p. I-7183, punt 36, u tad-9 ta' Ġunju 2005, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-287/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 37).

130   Għandu jiġi kkonstatat li la l-prinċipju ta' ħarsien tad-drittijiet tad-difiża u lanqas ir-Regolament Nru 4253/88 ma jimponu l-obbligu li, fl-okkażjoni ta' żjara ta' spezzjoni fuq il-post, CMV tingħata rapport jew lista tad-dokumenti fotokopjati matul dan il-kontroll, sakemm CMV tkun ingħatat il-possibbiltà li tikkontesta, jekk jirrifjutawhomla, l-ilmenti li l-Kummissjoni tkun ġabet kontriha wara l-imsemmi kontroll.

131   Għaldaqstant, fil-punti 134 sa 138 tas-sentenza kkontestata l-Qorti tal-Prim'Istanza ġustament, mingħajr ma insistiet fuq ir-regoli li permezz tagħhom saret l-imsemmija żjara, eżaminat, jekk il-possibbiltà li ngħatat lil CMV li tippreżenta l-opinjoni tagħha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kinitx tissodisfa l-ħtiġijiet tal-prinċipju ta' ħarsien tad-drittijiet tad-difiża.

132   Fil-punt 134 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim'Istanza osservat li CMV kienet irreferiet għan-nuqqas ta' rendikont ta' l-attivitajiet u l-intervisti li wettqu l-impjegati tal-Kummissjoni u, b'mod partikolari, għan-nuqqas li tiġi magħmula lista tad-dokumenti fotokopjati matul dik iż-żjara.

133   Madankollu, fil-punti 137 u 138 tas-sentenza kkontestata il-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet tat biżżejjed ċans lil CMV sabiex tressaq prova tat-twettiq xieraq ta' l-azzjonijiet previsti mill-proġett li kellu jsir minnha u dan billi tippreżenta dokumenti probatorji li hija kienet obbligata, skond id-deċiżjoni ta' l-għoti, li tipprovdi lill-Kummissjoni.

134   Din il-konklużjoni tikkostitwixxi evalwazzjoni ta' elementi ta' fatt li, għar-raġunijiet esposti fil-punt 64 ta' din is-sentenza, ma jistgħux jiġu soġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta' appell.

135   Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, ir-raba' motiv ta' l-appell prinċipali għandu jiġi miċħud.

 4. Fuq il-ħames motiv ta' l-appell prinċipali

 a) L-argumenti tal-partijiet

136   Permezz tal-ħames motiv tagħha, CMV issostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza naqset milli tapplika l-prinċipju ta' proporzjonalità meta ċaħdet il-motiv tagħha bbażat fuq l-eżistenza ta' kontradizzjoni bejn, minn naħa, in-natura ta' l-irregolaritajiet ikkontestati u l-fatt li l-għan tal-finanzjament intlaħaq u, min-naħa l-oħra, il-gravità tal-penali li tikkonsisti fit-tneħħija ta' l-għajnuna finanzjarja kollha kemm hi.

137   In sostenn ta' dan il-motiv, CMV issostni li ma ġiex stabbilit li hija attribwiet spejjeż lill-proġett li ma kinux iġġustifikati. Aktar minn hekk, hija tenfasizza li ma kellhiex intenzjoni frawdolenti u li ma pprovdiet ebda informazzjoni żbaljata. Fl-aħħarnett, hija ssostni li setgħet biss tiġi akkużata li ma ġġustifikatx biżżejjed l-użu tat-tekniċi tagħha għall-finijiet tal-proġett.

138   Il-Kummissjoni tqis li dan il-motiv huwa inammissibbli peress li CMV ma żiedet xejn ma' l-argument li kienet diġà ressqet quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza. Dwar il-mertu, din l-istituzzjoni ssostni sussidjarjament li, fid-dawl tal-kuntest fattwali li joħroġ mis-sentenza kkontestata, il-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza fuq dan il-punt hija konformi mal-ġurisprudenza fis-seħħ.

 b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

139   Permezz ta' dan il-motiv, CMV tikkontesta l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-principju ta' proporzjonalità li adottat il-Qorti tal-Prim'Istanza. Għalhekk, għar-raġunijiet esposti fil-punt 107 ta' din is-sentenza, u għall-kuntrarju ta' dak li ssostni l-Kummissjoni, l-imsemmi motiv huwa ammissibbli fl-istadju ta' l-appell.

140   Kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 4253/88, dispożizzjoni li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni ta' tneħħija, jirriżulta li l-Kummissjoni mhijiex obbligata titlob il-ħlas lura ta' għajnuna finanzjarja kollha kemm hi, iżda li għanda s-setgħa diskrezzjonali li tiddeċiedi jekk titlobx jew le tali ħlas lura u, jekk ikun meħtieġ, tistabbilixxi l-kwota li għandha titħallas lura (ara wkoll, f'dan is-sens, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 27 u 30). Fid-dawl tal-prinċipju ta' proporzjonalità, il-Kummissjoni għandha teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha b'tali mod li s-sussidji li tagħhom hija titlob il-ħlas lura jkunu proporzjonali ma' l-irregolaritajiet imwettqa.

141   Madankollu, il-Kummissjoni mhijiex obbligata li tillimita ruħha li titlob biss il-ħlas lura ta' dawk is-sussidji li ma ġewx iġġustifikati minħabba l-imsemmija irregolaritajiet.

142   Għall-kuntrarju, sabiex tiġi assigurata amministrazzjoni effiċjenti ta' l-għajnuna Komunitarja u sabiex l-imġieba frawdolenti tiġi ddisważa, it-talba għall-ħlas lura ta' sussidji li jkunu biss parzjalment affettwati mill-irregolaritajiet tista' tkun iġġustifikata.

143   F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-obbligi li l-ħarsien tagħhom huwa ta' importanza fundamentali għall-funzjonament ta' sistema Komunitarja jistgħu jiġu ppenalizzati bit-telf ta' dritt mogħti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, bħad-dritt għal għajnuna (sentenza tat-12 ta' Ottubru 1995, Cereol Italia, C-104/94, Ġabra p. I-2983, punt 24).

144   Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li għal funzjonament tajjeb tas-sistema li tippermetti l-kontroll ta' użu xieraq tal-fondi Komunitarji huwa indispensabbli li l-applikanti ta' l-għajnuna finanzjarja jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni affidabbli u li ma tkunx suxxettibbli li twassal lil din ta' l-aħħar għal żball. Il-possibbiltà li irregolarità tiġi ppenalizzata mhux bit-tnaqqis ta' din l-għajnuna b'ammont li jkun jikkorrispondi għal din l-irregolarità iżda bit-tneħħija ta' l-imsemmija għajnuna kollha kemm hi, hija biss sabiex tipproduċi l-effett dissważiv meħtieġ għall-amministrazzjoni tajba tar-riżorsi tal-FAEGG (sentenza Conserve Italia vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punti 100 u 101).

145   Barra minn dan, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 77 ta' din is-sentenza jirriżulta li l-fatt biss li l-għan tal-finanzjament mogħti ntlaħaq, ma jfissirx minnu nnifsu li l-penali li tikkonsisti fit-tneħħija ta' l-għajnuna finanzjarja kollha hija sproporzjonata.

146   Minn dan isegwi li mingħajr ma tikkometti ebda żball ta' dritt il-Qorti tal-Prim'Istanza setgħet tiddeċiedi li l-implimentazzjoni tal-politika ta' għajnuna Komunitarja tiġġustifika li l-attribuzzjoni ta' l-ispejjez tkun soġġetta għal kundizzjonijiet formali stretti, u li l-irregolaritajiet ikkonstatati f'dan ir-rigward jiġġustifikaw it-talba għall-ħlas lura ta' l-ammonti mħallsa għat-twettiq tal-parti tal-proġett li kienet taqa' taħt ir-responsabbiltà ta' CMV.

147   Huwa minnu, kif ingħad fil-qasir fil-punt 137 ta' din is-sentenza, li CMV issostni li ma ġietx ippruvata l-eżistenza ta' spejjeż li mhumiex ġustifikati, li hija ma kellhiex intenzjoni frawdolenti u li hija tista' biss tiġi akkużata li ma ppreżentatx biżżejjed dokumenti probatorji.

148   Madankollu, dawn l-argumenti jirrigwardaw elementi ta' fatt. Peress li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkunsidrat, b'mod komplut, il-fatturi kollha li kien hemm bżonn għall-evalwazzjoni tan-natura proporzjonata tat-tneħħija ta' l-għajnuna in kwistjoni kollha kemm hi, l-argumenti miġjuba minn CMV sabiex turi li l-Qorti tal-Prim'Istanza ma kkunsidratx biżżejjed dan jew dak il-fattur, mhumiex ammissibbli fil-kuntest ta' dan l-appell.

149   Anke jekk jiġi meqjus li, billi tenfasiżża li hija ma pprovdietx informazzjoni ineżatta jew li ħbiet informazzjoni, CMV tista' tiġi meqjusa bħala li ssostni li r-Regolament Nru 4253/88, fid-dawl tal-prinċipju ta' proporzjonalità, jimplika li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tressaq prova ta' xi tip ta' intenzjoni frawdolenti min-naħa ta' CMV, jew li dan il-prinċipju jeżiġi li tiġi limitata l-possibbiltà ta' tneħħija ta' l-għajnuna finanzjarja kollha kemm hi fil-każijiet biss ta' ksur doluż tal-kundizzjonijiet finanzjarji, dawn l-argumenti ma jistgħux jiġu milqugħin.

150   Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja joħroġ li l-kunċett ta' irregolarità, skond l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 4253/88, ma jimplikax li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tressaq prova ta' xi tip ta' intenzjoni frawdolenti min-naħa tal-benefiċjarju (ara d-digriet tas-16 ta' Diċembru 2004, APOL u AIPO vs Il-Kummissjoni, C-222/03 P, mhux ippubblikat fil-Ġabra, punt 58). Barra minn dan, lanqas il-prinċipju ta' proporzjonalità ma jeżiġi li l-possibbiltà li titneħħa għajnuna finanzjarja tkun limitata biss f'każ ta' ksur doluż tal-kundizzjonijiet finanzjarji. Barra minn dan, jekk din il-possibbiltà tiġi limitatà biss għall-każijiet stabbiliti ta' ksur doluż, ikun hemm ir-riskju li jinfetħu l-bibien għall-irregolaritajiet (ara, f'dan is-sens, id-digriet tat-22 ta' Marzu 2004, Sgaravatti Mediterranea vs Il-Kummissjoni, C-455/02 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 39 sa 42, kif ukoll APOL u AIPO vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar 'il fuq, punt 59).

151   Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, il-ħames motiv ta' l-appell prinċipali għandu jiġi miċħud.

152   F'dawn iċ-ċirkustanzi, kemm l-appell prinċipali kif ukoll l-appell inċidentali għandhom jiġu miċħuda.

 VII – Fuq l-ispejjeż

153   Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ikun infondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta' l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skond l-Artikolu 69(2) ta' l-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta' appell taħt l-Artikolu 118 tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li CMV tilfet l-appell prinċipali, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż relatati miegħu, kif mitluba mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, peress li l-Kummissjoni tilfet l-appell inċidentali tagħha, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż relatati miegħu, kif mitluba minn CMV.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta' u tiddeciedi:

1)      L-appell prinċipali u dak inċidentali huma miċħuda.

2)      Il-Comunità montana della Valnerina hija kkundannata tbati l-ispejjeż relatati ma' l-appell prinċipali.

3)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata tbati l-ispejjeż relatati ma' l-appell inċidentali.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.