SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

17 ta' Frar 2005 (*)

“Moviment liberu tal-persuni – Dritt ta' dħul u ta' residenza taċ-ċittadini ta' l-Istati Membri – Obbligu li tiġi ppreżentata karta ta' l-identità jew passaport – Kundizzjoni minn qabel għar-rikonoxximent tad-dritt ta' residenza – Sanzjoni – Impożizzjoni ta' miżura ta’ detenzjoni għall-finijiet ta’ deportazzjoni”

Fil-kawża C-215/03,

li għandha bħala suġġett talba għal deciżjoni preliminari, imressqa mir-Rechtbank te 's-Gravenhage (l-Olanda) skond l-Artikolu 234 KE, permezz ta' deċiżjoni tat-12 ta' Mejju 2003, li waslet fil-Qorti fid-19 ta' Mejju 2003 fil-proċedura

Salah Oulane

vs

Minister voor Vreemdelingenzaken en Integratie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: M.‑F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċeduri bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta' Settembru 2004,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati bil-miktub:

         għal S. Oulane, minn N.R. Nasrullah, advocaat,

         għall-Minister voor Vreemdelingenzaken en Integratie, minn R. van Asperen, avocat

         għall-Gvern Belġjan, minn A. Snoecx, bħala aġent,

         għall-Gvern Franċiż, minn A. Bodard-Hermant, bħala aġent,

         għall-Gvern Taljan, minn A.. Cingolo, bħala aġent,

         għall-Gvern Olandiż, minn J, van Bakel u H.G. Sevenster, bħala aġenti,

         għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Condou-Durande u R. Troosters, bħala Aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta' Ottubru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE tal-21 ta' Mejju 1973, dwar l-abolizzjoni ta' restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għal ċittadini ta' Stati Membri f’dak li għandu x'jaqsam ma' l-istabbiliment u l-proviżjoni tas-servizzi (ĠU L 172, 1973, p. 14).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' proċeduri bejn S. Oulane, ċittadin Franċiż, u l-Minister voor vreemdelingenzaken en Integratie (il-Ministeru għall-Barranin u għall-Intergrazzjoni), dwar id-detenzjoni tiegħu għad-deportazzjoni minħabba li naqas li jippreżenta karta ta' identità jew passaport biex juri l-istatus tiegħu ta’ ċittadin Komunitarju.

 Il-kuntest Legali

A –  Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 73/148 jistipola:

“Id-dritt ta' residenza għal persuni li jipprovdu jew li jirċievu servizzi għandu jkun ta' tul ugwali għall-perjodu li matulu s-servizzi jkunu provduti.

Billi dan il-perjodu jaqbeż it-tlett xhur, l-Istat Membru li fit-terrtorju tiegħu jkunu qed jitwettqu s-servizzi għandu joħroġ dritt ta' alloġġ bhala prova tad-dritt ta' residenza.

Billi l-perjodu ma jaqbiżx it-tlett xhur, il-karta ta' l-identità jew il-passaport li bihom il-persuna konċernata tkun daħlet fit-territorju għandhom ikunu biżżejjed sabiex ikopru s-soġġorn tagħha. L-Istati Membri, jistgħu, madanakollu, jeħtieġu lill-persuna kkonċerata li tirraporta l-preżenza tagħha fit-territorju.”

4       L-Artikolu 6 tad-Direttiva 73/148 jistipola:

“Applikant għal permess ta' residenza jew dritt ta' alloġġ m‘ghandux ikun meħtieġ minn Stat Membru li jipproduċi xi ħaġa oħra għajr li ġej, jiġifieri:

(a) Il-karta ta' l-identità jew il-passaport li bihom hu jew hi jkunu daħlu fit-territorju tiegħu;

(b) prova li hu jew jiġu minn waħda mill-klassijiet ta' persuni msemmija fl-Artikoli 1 u 4."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5       Il-Vreemdelingenwet (il-liġi dwar il-Barranin) tat-23 ta' Novembru 2000 (Stbl. 2000, Nru 495, iktar 'il quddiem “il-liġi”), fl-Artikolu 50 tagħha tistipola:

“1. Uffiċjali inkarigati mis-sorveljanza tal-fruntieri u l-kontroll tal-barranin jistgħu, jew fuq il-bażi ta' fatti u ċirkustanzi li, meta mqabbla mal-kriterji oġġettivi jqajmu preżunzjoni raġonevoli ta' residenza illegali, jew fil-kuntest tal-ġlieda kontra r-residenza illegali wara li jkunu nqasmu l-fruniteri, iwaqqfu persuni sabiex jassiguraw l-identità, in-nazzjonalità u l-istatus tagħhom b'riferiment għad-dritt ta' residenza [...].

2. Jekk l-identità tal-persuna li titwaqqaf ma tistax tiġi immedjatament stabbilita, hija tista' tiġi ttrasferita f’post previst għall-intervista. Hija tista' tinżamm hemm għal mhux aktar minn sitt sigħat, mingħajr ma jiġi kkalkulat il-perijodu li jmur bejn nofs il-lejl u d-disgħa ta' filgħodu [...]”

6       L-Artikolu 59 tal-liġi jistipola li jekk ikun neċessarju minħabba raġunijiet ta' ordni pubbliku jew ta' sigurta nazzjonali, il-barrani li ma jkunx qiegħed joqgħod hemmhekk b'mod regolari jista' jitqiegħed f’post ta’ detenzjoni sabiex jiġi ddeportat.

7       L-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 8:13 tal-Vreemdelingenbesluit (Deċiżjoni dwar il-Barranin li timplementa l-liġi), tat-23 ta' Novembru 2000 (Stbl. 2000, Nru 497) jgħid:

“Mhuwiex possibbli li ssir deportazzjoni ta' ċittadin komunitarju sakemm ma jirriżultax li din il-persuna m'għandhiex dritt ta' residenza jew li d-dritt ta' residenza tagħha jkun skada”.

8       Il-punt B10/24 tal-Vreemdelmgencirculaire 2000 (Ċirkulari dwar il-Barranin, Stert, 2000, p. 17) jistipola:

“Il-barrani li joqgħod fl-Olanda u li jiddikjara li għandu drittijiet skond it-Trattat KE li pero ma jippreżentax karta ta' l-identità jew passaport li jkunu validi għandu jingħata l-opportunità li jippreżenta dan id-dokument. Għandu jingħata terminu ta' ġimagħtejn għal dan il-għan.”

 Il-kawża prinċipali

9       Fit-3 ta' Diċembru 2001, S. Oulane twaqqaf mill-awtoritajiet Olandiżi fuq suspett ta' residenza illegali. Waqt l-interogazzjoni tiegħu, S. Oulane, li ma kellu ebda dokument ta' identità, iddikjara li kien ta’ nazzjonalità Franċiża u li kien qiegħed joqgħod fl-Olanda għal madwar tliet xhur fuq btala. L-awtoritajiet Olandiżi qegħduh f'detenzjoni sabiex jiġi ddeportat minħabba li kien hemm ir-riskju li huwa kien jipprova jevadi din id-deportazzjoni.

10     Fis-7 ta' Diċembru 2001, huwa ppreżenta karta ta' identità Franċiża lill-awtoritajiet. Dawn irrikonoxxew li huwa kien ċittadin komunitarju u ma kkontestawx aktar l-istatus tiegħu ta’ turist. Permezz ta' deċiżjoni ta' l-10 ta' Diċembru 2001, ll-Minister voor Vreemdelingenzaken en Integratie rrevoka l-miżura ta' detenzjoni.

11     Fis-27 ta' Lulju 2002, S. Oulane ġie arrestat mill-pulizija ferrovjarja ta' l-istazzjon ta' Rotterdam Central, f’mina tal-merkanzija li mhijiex aċċessibbli għall-pubbliku. Peress li ma kellu ebda dokument li seta' juri l-identità tiegħu, huwa ġie interrogat u tqiegħed f’detenzjoni sabiex jiġi ddeportat. Waqt l-interrogazzjoni huwa ddikjara li kien ilu fl-Olanda għal 18-il jum u li huwa xtaq jirritorna lejn Franza. L-awtoritajiet Olandiżi invokaw il-protezzjoni ta' l-ordni pubbliku biex jiġġustifikaw din id-detenzjoni minħabba li kien raġjonevoli li jkun preżunt li s-Sur Oulane kien ser jipprova jevadi d-deportazzjoni.

12     Fit-2 ta' Awwissu huwa ġie ddeportat lejn Franza.

 Id-domandi preliminari

13     S. Oulanc ikkontesta l-miżuri ta' detenzjoni quddiem ir-Rechtbank te' s-Gravenhage u talab ukoll kumpens għad-danni bl-imgħax.

14     Peress li s-soluzjoni tal-kontroversja quddiemha kienet teħtieġ interpretazzjoni tad-Dritt Komunitarju, ir-Rechtbank te' s-Gravenhage ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Dwar l-ewwel proċedura:

1)      Bħala konsegwenza tat-tneħħija ta' kontrolli fil-fruntieri interni, it-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 73/148 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta' residenza mogħti lill-persuna li tiddikjara li hija turista u li toqgħod fi Stat Membru ieħor ma għandux jiġi rrikonoxxut mill-awtoritajiet ta' l-Istat Membru li fih hija tinvoka d-dritt tagħha ta' residenza ħlief mill-mument li hija tippreżenta karta ta' identità jew passaport li jkunu validi?

2)      Fil-każ ta' risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, id-dritt
komunitarju fl-istat preżenti tiegħu, u b'mod partikolari fir-rigward tal-
prinċipji ta’ non diskriminazzjoni u ta’ moviment liberu tas-servizzi
jippermetti li ssir eċċezzjoni li tobbliga lill-awtoritajiet ta' Stat
Membru jagħtu lill-persuna l-opportunità li tippreżenta karta ta' l-identità
jew passaport li jkunu għadhom validi?

3)      Sabiex tingħata risposta għat-tieni domanda, huwa importanti li l-liġi
nazzjonali ta' l-Istat Membru li fih il-persuna tinvoka d-dritt tagħha ta'
residenza ma timponi ebda obbligu ġenerali fuq iċ-ċittadini tagħha li
jippreżentaw karta ta' l-identità jew passaport li jkunu għadhom validi?

4)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, l-Istat attwali tad-
Dritt Komunitarju jobbliga lill-Istat Membru jirrispetta ċerti
kundizzjonijiet fir-rigward tat-tul ta' żmien li fih il-persuna għandha
tippreżenta karta ta' l-identità jew passaport li għadhom validi, qabel
ma jieħu, taħt il-forma ta' miżura, sanzjoni amministrattiva dwar ir-
residenza preżunta illegali?

5)      Sanzjoni amministrattiva meħuda taħt il-forma ta' miżura msemmija
fir-raba' domanda u li tikkonsisti fid-detenzjoni għad-deportazzjoni
taħt l-Artikolu 59 tal-[liġi], qabel ma jkun skada t-terminu indikat fl-imsemmija domanda 4, tikkostitwixxi ksur sproporzjonat tal-moviment liberu tas-servizzi?

6)      Fil-każ ta' risposta negattiva għall-ewwel domanda, wieħed jista'
jgħid li hemm, skond l-istat attwali tad-Dritt Komunitarju, restrizzjoni
għall-moviment liberu tas-servizzi, jekk persuna li tiddikjara li hija
turista u li hija ċittadina ta' Stat Membru ieħor tiġi suġġetta, waqt il-
perijodu li hija ma tippruvax id-dritt ta' residenza tagħha billi
tippreżenta karta ta' l-identità jew passaport li jkunu għadhom validi, u
fil-waqt li hija ma tippreżentax din il-prova, għall-miżura ta' detenzjoni
għad-deportazzjoni meħuda taħt l-Artikolu 59 tal-[liġi] fl-interess ta'
l-ordni pubbliku, anki jekk ma jkun hemm ebda periklu ovvju
preżenti u serju għall-ordni pubbliku?

7)      Jekk jiġi stabbilit li hemm restrizzjoni għall-moviment liberu tas-
servizzi (is-sitt domanda), it-terminu mogħti mill-Istat
Membru lill-persuna sabiex tippreżenta karta ta' l-identità jew
passaport li jkunu għadhom validi huwa importanti sabiex jiġi
ddeterminat jekk ir-restrizzjoni hijiex ġustifikata?

8)      Jekk jiġi stabbilit li hemm restrizzjoni għall-moviment liberu tas-
servizzi (is-sitt domanda), sabiex jiġi ddeterminat jekk l-impediment
huwiex ġustifikat, huwa importanti li l-Istat Membru jħallas jew le
sussegwentement danni u imgħax għall-perijodu li fuha l-
persuna kienet tinsab f’detenzjoni u ma kinitx għadha ppruvat in-nazzjonalità tagħha permezz tal-karta ta' l-identità jew passaport li jkunu għadhom validi, jekk din il-prattika tintuża f’dan l-Istat Membru fil-każ ta' detenzjoni illegali ta' barranin?

9)      Fil-każ li Stat Membru ma jistipulax l-obbligu ġenerali ta' identifikazzjoni, id-Dritt Komunitarju, u b'mod partikolari l-prinċipju ta’ non diskriminazzjoni, jipprekludi li persuna li tiddikjara li hija turista tiġi suġġetta, b'konnessjoni ma' kontroll intern tal-barranin, għal miżura ta' detenzjoni għad-deportazzjoni taħt l-Artikolu 59 tal-[liġi], waqt il-perijodu li fih din il-persuna ma tkunx ippruvat id-dritt ta' residenza tagħha allegat permezz ta' karta ta' l-identità jew ta' passaport li jkunu għadhom validi, u sakemm hija ma tkunx ressqet din il-prova?

10)      Id-Dritt Komunitarju jipprekludi li ċittadin ta' Stat Membru ma jitqiesx li huwa ċittadin li d-dritt ta' residenza tiegħu huwa protett taħt id-Dritt Komunitarju, sakemm huwa stess ma jinvokax, fir-rigward ta' l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa jkun qed joqgħod, id-dritt ta' residenza bħala d-destinatarju ta' servizzi?

11)      Il-kunċett ta' "destinatarju ta' servizzi" msemmi fil-kuntest tal-moviment liberu tas-servizzi għandu jiġi interpretat fis-sens li jekk persuna (i) toqgħod fi Stat Membru ieħor għal perijodu twil, anki jekk itwal minn sitt xhur, (ii) tiġi arrestata hemmhekk għal reat (iii) ma tistax tindika la domiċilju fiss lanqas residenza fissa u (iv) ma għandhiex la flus u lanqas bagalji, ir-residenza ta' din il-persuna f’dan l-Istat Membru ieħor tikkostitwixxi bażi bizżejjed sabiex jiġi preżunt li hija d-destinatarja ta' servizzi turistiċi jew oħra marbuta ma' residenza qasira, bħal per eżempju l-akkomodazzjoni u l-konsum ta' ikliet?”

 Dwar id-domandi rinvijati għal deċiżjoni preliminari

 Dwar l-ewwel domanda

15     Permezz ta' l-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju sostanzjalment tistaqsi jekk it-tielet subparagrafu ta l-Artikolu 4(2) tad-Diretiva 73/148 għandux jiġi interpretat fis-sens li jfisser li r-rikonoxximent minn Stat Membru tad-dritt ta' residenza ta' destinatarju ta' servizzi li joqgħod fi Stat Membru ieħor huwa suġġett għall-preżentazzjoni minn dan iċ-ċittadin ta' karta ta' l-identità jew passaport.

16     Bħala punt preliminari għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju tal-moviment liberu tal-persuni jikkostitwixxi wieħed mis-sisien tal-Komunità. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet li huma mniżżla f’dan il-prinċipju għandhom jiġu interpretati b'mod wiesgħa (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta Novembru 2000, Yiadom, C-357/98, Ġabra p. 1-9265, punt 24).

17     Skond ġurisprudenza kostanti, id-dritt taċ-ċittadini ta' Stat Membru li jidħlu fit-territorju ta' Stat Membru ieħor u li joqogħdu hemmhekk, għall-finijiet imsemmija mit-Trattat, jikkostitwixxi dritt direttament mogħti mit-Trattat, jew skond il-każ, mid-dispożizzjonijiet adottati għall-implementazzjoni tiegħu (sentenzi tat-8 ta' April 1976, Royer, 48/75, Gabra p. 497, punt 31, u tal-5 ta' Marzu 1991, Giagounidis, C-376/89, Ġabra. P. 1-1069, punt 12).

18     Konsegwentement, il-ħruġ ta' dritt ta' residenza liċ-ċittadin ta' Stat Membru ieħor għandu jitqies mhux bħala att li jikkostitwixxi drittijiet, iżda bħala att intiż li tiġi kkonstatata, minn naħa ta' Stat Membru, is-sitwazzjoni individwali ta' ċittadin ta' Stat Membru ieħor fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-Dritt Komunitarju (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta' Marzu 2004, Collins, C-138/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 40).

19     F'dak li jirrigwarda b'mod aktar partikolari ċ-ċittadini ta' Stat Membru li joqogħdu fi Stat Membru ieħor bħala destinatarji ta' servizzi, id-Direttiva 73/148 fl-Artikolu 6 tagħha tipprevedi li l-Istat ospitanti jista' jissuġġetta l-ħruġ tad-dritt ta' residenza għall-preżentazzjoni tad-dokument li permezz tiegħu jkunu daħlu fit-territorju tiegħu. Barra minn dan, mit-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 4(2) ta' l-istess Direttiva jirriżulta li, jekk it-tul taż-żmien tas-servizz ikun inqas minn jew ekwivalenti għal tliet xhur, il-karta ta' l-identità jew il-passaport ikunu biżżejjed sabiex ikopru ż-żjara tal-persuna.

20     Dawn il-kundizzjonijiet ma ġewx mibdula mid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/38/KE, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom biex jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit-territorju ta' l-Istati Membri, u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158 p. 77).

21     Jirriżulta li Stat Membru jista' jobbliga lid-destinatarji ta’ servizzi li huma ċittadini ta' Stati Membri oħra li jixtiequ joqogħdu fit-territorju tiegħu jressqu prova ta' l-identità u n-nazzjonalità tagħhom.

22     Kif indikat ġustament il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, l-obbligu li tiġi ppreżentata karta ta' l-identità jew passaport li jkunu għadhom validi huwa intiż minn naħa sabiex tiġi ssemplifikata s-soluzzjoni tal-problemi konnessi mal-prova tad-dritt ta' residenza mhux biss għaċ-ċittadini iżda wkoll għall-awtoritajiet nazzjonali u minn naħa l-oħra sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet massimi li Stat Membru jista' jimponi fuq il-persuni bil-għan li jiġi rrikonoxxut id-dritt ta' residenza tagħhom.

23     Madanakollu, il-fatt li prova bħal din tista' tingħata biss bil-preżentazzjoni, f’kull każ ta' karta ta' l-identità jew passaport li jkunu għadhom validi bla dubju ta' xejn taqbeż l-għanijiet tad-Direttiva 73/148.

24     Fil-fatt, il-preżentazzjoni ta' karta ta' l-identità jew ta' passaport li jkunu għadhom validi, bil-għan li jiġi ppruvat li persuna hija ċittadina tal-Komunità, tikkostitwixxi formalità amministrattiva li l-unika għan tagħha hija li tipprovdi lill-awtoritajiet nazzjonali bil-prova ta' dritt li jirriżulta b'mod dirett mill-istatus tal-persuna in kwistjoni.

25     Jekk, minħabba n-nuqqas ta' preżentazzjoni ta' karta ta' l-identità jew ta'
passaport li għadhom validi, il-persuna ma tkunx f’pożizzjoni li tistabbilixxi,
mingħajr ebda dubju, in-nazzjonalità tagħha permezz ta' mezzi oħra, l-Istat
Membru ospitanti ma jistax jikkontesta d-dritt tiegħu ta' residenza minħabba l-
uniku motiv li hija ma tistax tippreżenta waħda jew l-oħra mid-dokumenti
msemmija aktar 'il fuq (ara, f’dan is-sens, fil-kuntest ta' ċittadini ta' pajjiżi
terzi, is-sentenza tal-25 ta' Lulju 2002, MRAX, C-459/99, Gabra p. I-
6591, punt 62).

26     Hemm għaldaqstant lok li t-tweġiba għall-ewwel domanda tkun li t-tielet
paragrafu ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 73/148 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rikonoxximent minn Stat Membru tad-dritt ta' residenza ta' destinatarju ta'
servizzi ta' Stat Membru ieħor ma jistax jiġi suġġett għall-preżentazzjoni
minn dan iċ-ċittadin ta' karta ta' l-identita jew ta' passaport li jkunu għadhom
validi, fejn il-prova ta' l-identità tiegħu u tan-nazzjonalita tiegħu tista' tiġi
ppruvata konklużivament permezz ta' mezzi oħra.

27     Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, m'hemmx lok li
jingħataw risposti għat-tieni u għar-raba' domandi.

 Dwar it-tielet domanda

28     Permezz tat-tielet domanda, li tibqa' rilevanti anki fin-nuqqas ta' risposta għat-
tieni domanda, il-qorti tar-rinviju sostanzjalment tistaqsi jekk id-Dritt
Komunitarju jipprekludix li ċ-ċittadini ta' Stati Membri jkunu suġġetti, fi Stat
Membru ieħor, għall-obbligu li jippreżentaw karta ta' l-identità jew passaport
li jkunu għadhom validi sabiex jippruvaw in-nazzjonalità tagħhom, meta dan l-
Istat Membru ma jimponix obbligu ġenerali ta' identifikazzjoni fir-rigward
taċ-ċittadini tiegħu.

29     Mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li skond ġurisprudenza nazzjonali, il-
leġiżlazzjoni Olandiża ma tipprevedix obbligu universali u ġenerali ta'
identifikazzjoni iżda obbligi limitati għal sitwazzjonijiet determinati. Wieħed
minn dawn l-obbligi jirrigwarda l-kontroll tal-barranin.

30     Skond ġursiprudenza kostanti, persuna li, waqt kontroll, tiddikjara li hija ta'
nazzjonalità Olandiża għandha tipprovdi prova ta' l-identità tagħha. Minbarra
l-preżentazzjoni ta' karta ta' l-identità, ta' passaport li jkunu għadhom validi
jew ta' liċenzja tas-sewqan maħruġa fl-Olanda, l-identità tagħha tista' tirriżulta
minn informazzjoni disponibbli mill-awtoritajiet Olandiżi lokali. Għall-
kuntrarju ta' dan, jekk ċittadin jiddikjara li huwa ċittadin ta' Stat Membru
ieħor, iżda ma jkunx jista' jippreżenta karta ta' l-identità jew passaport li jkunu
għadhom validi, l-awtoritajiet nazzjonali jqiegħduh f’detenzjoni sakemm
huwa jipproduċi dawn id-dokumenti.

31     F'dawn iċ-ċirkustanzi, kif tikkonstata l-qorti tar-rinviju, iċ-ċittadini ta'
Stati Membri oħra li joqogħdu fl-Olanda għall-finijiet indikati mit-Trattat, fil- prattika għandhom dejjem iġorru fuqhom dokument ta' identità, filwaqt li dan l-obbligu ma jeżistix fir-rigward ta' persuni ta' nazzjonalità Olandiża.

32     Għandu jiġi notat li dan jindika b'mod evidenti differenza fit-trattament bejn
iċ-ċittadini Olandiżi u dawk ta' Stati Membri oħra. Trattament differenti bħal
dan huwa pprojbit mit-Trattat.

33     Fil-fatt, l-Artikolu 49 KE jikkostitwixxi, fil-qasam tal-moviment liberu tas-
servizzi, espressjoni partikolari għall-prinċipju ta' trattament ugwali previst fl-
Artikolu 12 KE li jipprojbixxi kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-
nazzjonalità (ara s-sentenzi tal-5 ta' Diċembru 1989, Il-Kummissjoni vs L-
Italja, C-3/88 Ġabra p. 4035, punt 8, u tas-16 ta' Jannar 2003, Il-
Kummissjoni vs L-Italja, C-388/01, Ġabra p. 1-721, punt 13).

34     Ċertament, id-Dritt Komunitarju ma jipprekludix il-fatt li Stat Membru
jwettaq kontrolli fir-rigward tar-rispett ta' l-obbligu li wieħed jkun dejjem jista'
jippreżenta dokument ta' l-identità, iżda bil-kundizzjoni li jimponi l-istess
obbligu fuq iċ-ċittadini tiegħu f’dak li jikkonċerna l-karta ta' l-identità tagħhom
(sentenzi tas-27 ta' April 1989, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, 321/87, Ġabra p. 997, punt 12, u tat-30 ta' April 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-24/97,
Ġabra p. 1-2133, punt 13).

35     Għaldaqstant, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 49 KE jipprekludi li ċ-ċittadini ta' l-Istati Membri jkunu suġġetti fi Stat Membru ieħor għall-obbligu li jippreżentaw karta ta' l-identità jew passaport li jkunu għadhom validi sabiex jippruvaw in-nazzjonalità tagħhom, meta dan l-Istat Membru ma jimponix obbligu ġenerali ta' identifikazzjoni fuq iċ-ċittadini tiegħu stess, li tippermettilhom jippruvaw l-identità tagħhom permezz ta' kull mezz ieħor permess mil-liġi nazzjonali.

 Dwar il-ħames, is-sitt, is-seba', it-tmien u d-disa' domandi

36     Permezz tal-ħames, tas-sitt, tas-seba', tat-tmien u tad-disa' domandi, il-qorti tar-
rinviju sostanzjalment tipprova ssir taf jekk miżura ta' detenzjoni għad-deportazzjoni ta' ċittadin ta' Stat Membru ieħor, meħuda fuq il-bażi tan-nuqqas ta' preżentazzjoni ta’ karta ta’ identità jew ta' passaport li jkunu għadhom validi, anki fin-nuqqas ta' tgħeddida għall-ordni pubbliku, tikkostitwixxix restrizzjoni għall-moviment liberu tas-servizzi u, fil-każ ta' risposta affermattiva, jekk din ir-restrizzjoni tistax tiġi ġġustifikata.

37     Mill-bidu nett għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju tal-moviment liberu tas-servizzi stabbilit mill-Artikolu 49 KE jinkludi l-libertà tad-destinatarji ta' servizzi li jmorru fi Stat Membru ieħor sabiex jibbenefikaw minn servizz hemmhekk, mingħajr ma jiġu mfixkla minn dawn ir-restrizzjonijiet, u li t-turisti għandhom jitqiesu li huma destinatarji ta' servizzi (sentenza tad-19 ta' Jannar 1999, C-348/96, Calfa, Ġabra. P. I-ll,punt 16).

38     Kif il-Qorti kkonstatat, l-Istati Membri jistgħu jimponu sanzjonijiet għall-ksur ta' l-obbligu li tiġi ppreżentata karta ta' l-identità jew passaport sakemm is-sanzjonijiet ikunu komparabbli ma' dawk applikabbli għall-ksur nazzjonali simili, u li jkunu pproporzjonati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta' Settembru 1999, Wijsenbeek, C-378/97, Ġabra p. 1-6207, punt 44).

39     Issa, minn naħa wahda, ir-Renju ta' l-Olanda ma jimponix obbligu ġenerali ta' identifikazzjoni fuq iċ-ċittadini tiegħu, u jippermettilhom jippruvaw l-identità tagħhom b'kull mezz.

40     Min-naħa l-oħra, miżuri ta' detenzjoni u ta' deprotazzjoni bbażati esklużivament fuq motiv li jirriżulta minn nuqqas ta' osservanza mill-persuna tal-formalitajiet legali dwar il-kontroll tal-barranin, jippreġudikaw is-sustanza nnifisha tad-dirtt ta' residenza mogħti mid-Dritt Komunitarju u huma manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-gravita tal-ksur (ara s-sentenzi tat-3 ta' Lulju 1980, Pieck, 157/79, Ġabra p. 2171, punti 18 u 19; tat-12 ta' Diċembru 1989, Messner, C-265/88, Ġabra. P. 1-4209, punt 14, u MRAX, iċċitata aktar ‘il fuq, punt 78).

41     Miżura ta' detenzjoni tista' tkun ibbażata biss fuq dispożizzjoni derogatorja espressa, bħall-Artikolu 8 tad-Direttiva 73/148, li tawtorizza lill-Istati Membri jimponu restrizzjonijiet fuq id-dritt ta' residenza taċ-ċittadini ta' Stati Membri oħra sakemm dawn huma ġġustifikati minħabba raġunijiet ta' ordni pubbliku, ta' sigurtà pubblika jew ta' saħħa pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta' Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata aktar 'il fuq, punt 19).

42     Madankollu, id-domandi rrinvijati għal deċiżjoni preliminari huma bbażati fuq l-assunzjoni li ma kien hemm l-ebda tgħeddida reali u serja għall-ordni pubbliku. In-nuqqas ta' twettiq tal-formalitajiet legali dwar l-aċċess, it-trasferiment u r-residenza tal-barranin ma jikkostitwixxix fih innifsu tgħeddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika (ara s-sentenzi Royer, punt 47, u MRAX, punt 79, iċċitati iktar ‘il fuq).

43     F'dan il-kuntest għandu jintqal ukoll li kif ġustament osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 103 tal-Konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li jista' sussegwentement jingħata kumpens bl-imgħax għad-danni fir-rigward ta' detenzjoni illegali huwa irrilevanti.

44     Fid-dawl ta' dak li ntqal, hemm lok li r-risposta għal dawn id-domandi tkun li miżura ta' detenzjoni għad-deportazzjoni ta’ ċittadin ta' Stat Membru ieħor, meħuda fuq il-bażi ta' nuqqas ta' preżentazzjoni ta' karta ta' l-identità jew ta' passaport li jkunu għadhom validi, anki fin-nuqqas ta' tgħeddida għall-ordni pubbliku, tikkostitwixxi restrizzjoni inġustifikata għall-moviment liberu tas-servizzi u għaldaqstant tmur kontra l-Artikolu 49 KE.

 Dwar l-għaxar u l-ħdax-il domanda

45     Permezz ta' l-għaxar u l-ħdax-il domanda, il-qorti tar-rinviju sostanzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta' “destinatarju ta' servizzi” għandux jiġi interpretat fis-sens li ċittadin ta' Stat Membru jista' jitqies li huwa destinatarju ta' servizzi turistiċi fi Stat Membru ieħor biss mill-fatt li jkun qiegħed joqgħod f’dak l-Istat Membru għall-perijodu ta' aktar minn sitt xhur, anki meta huwa ma jistax jindika la domiċilju fiss u lanqas residenza fissa u ma jkollux la flus u lanqas bagalji.

46     Mill-atti mressqa lill-Qorti jirriżulta li waqt id-detenzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-kuntest tat-tieni proċedura, huwa ma invokax il-kwalita ta' destinatarju ta' servizzi, b'mod partikoli bħala turist. Fil-fatt huwa sempliċement iddikjara lill-awtoritajiet nazzjonali li huwa kien ilu l-Olanda 18-il jum u li ried jirritorna lejn Franza.

47     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti għandha tipprovdi lill-qorti tar-rinviju bl-elementi kollha ta' interpretazzjoni tad-Dritt Komunitarju li jistgħu jiġu użati sabiex il-kawża li hija jkollha quddiemha tiġi deċiża, indipendetement minn jekk hija tagħmilx jew le riferiment għall-formulazzjoni tad-domandi li hija tkun irrinvijat (ara s-sentenzi tat-12 ta' Diċembru 1990, SARPP, C-241/89, Ġabra p. 1-4695, punt 8, u tas-7 ta' Settembru 2004, Trojani, C-456/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 38).

48     Fid-dawl ta' dan il-prinċipju, hemm lok li jsiru l-osservazzjonijiet li ġejjin.

49     Għalkemm huwa veru li d-dritt ta' residenza ta' ċittadini ta' Stat Membru fi Stat Membru ieħor jirriżulta direttament mit-Trattat, l-Istat Membru ospitanti jista' xorta waħda jeżiġi li dawn iċ-ċittadini Komunitarji jirrispettaw ċerti formalitajiet amministrattivi sabiex dan id-dritt jiġi rrikonoxxut.

50     F'dak li jikkonċerna d-destinatarji ta' servizzi, il-metodi prattiċi ta' dan ir-rikonoxximent huma previsti mid-Direttiva 73/148.

51     Mill-Artikolu 4(2) ta' din id-Direttiva, jirriżulta li d-dritt ta' residenza jikkorrispondi għall-perijodu li matulu s-servizzi jiġu pprovduti. Jekk dan il-perijodu jaqbez it-tliet xhur, l-Istat Membru fejn qegħdin jiġu pprovduti s-servizzi għandu joħroġ dritt ta' residenza bħala prova tad-dritt ta' residenza. Jekk dan il-perijodu jkun inqas minn jew ekwivalenti għal tliet xhur, il-karta ta' l-identità jew il-passaport li permezz tagħhom il-persuna tidħol fit-territorju tkopri r-residenza tagħha.

52     Barra minn hekk, skond l-Artikolu 6 tad-Direttiva 73/148, l-Istati Membri jistgħux jeżiġu, biss mill-persuna interessata, għall-ħruġ tal-permess ta’ residenza, barra l-preżentazzjoni ta' waħda mid-dokumenti ta' identità msemmija aktar 'il fuq, il-prova li hija “tiġi minn [tidħol f’] waħda mill-klassijiet ta' persuni msemmija fl-Artikoli 1 u 4” ta' l-istess Direttiva.

53     Għandu jiġi mfakkar li, minn naħa, il-prova ta' l-identità u tan-nazzjonalità tista' tiġi pprovduta permezz ta' mezzi oħra (ara l-punt 25 tal-preżenti sentenza) u, minn naħa l-oħra, li, fin-nuqqas ta' preċiżjoni fir-rigward tal-prova ammessa sabiex il-persuna turi li hija taqa’ taħt waħda mill-kategoriji msemmija fl-Aritkoli 1 u 4 tad-Direttiva 73/148, għandu jiġi konkluż li din il-prova tista' tingħata permezz ta' kull mezz adatt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta' Frar 1991, Roux, C-363/89 Ġabra p. 1-273, punti 15 u 16).

54     Bla ħsara għall-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika, iċ-ċittadini ta' Stat Membru, bħala destinatarji ta' servizzi, għandhom jippreżentaw il-provi li jippermettu li tiġi stabbilita r-regolarità tar-residenza tagħom.

55     Fil-każ li ċ-ċittadini ta' Stat Membru ma jkunux jistgħu jippruvaw li l-kundizzjonijiet tad-dritt ta' residenza bħala destinatarji ta' servizzi skond ld-Direttiva 73/148 huma sodisfatti, l-Istat Membru ospitanti jista' jadotta miżura ta' deportazzjoni sakemm jirrispetta l-limiti imposti mid-Dritt Komunitarju.

56     Konsegwentement, hemm lok li r-risposta għall-għaxar u l-ħdax-il domanda tkun li ċittadini ta' Stat Membru li joqogħdu fi Stat Membru ieħor bħala destinatarji ta' servizzi għandhom jippreżentaw il-provi li jippermettu li tiġi stabbilita r-regolarità tar-residenza tagħom. Fin-nuqqas ta' dawn il-provi, l-Istat Membru ospitanti jista' jadotta miżura ta' deportazzjoni sakemm jirispetta l-limiti imposti mid-Dritt Komunitarju.

 Fuq l-ispejjeż

57     Peress li, fil-kawża prinċipali, il-proċeduri preżenti għandhom in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti sabiex jiġu sottomessi osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      It-tielet subparagrafu ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 73/148/KEE tal-21 ta' Mejju 1973, dwar l-abolizzjoni ta' restrizzjonijiet fuq il-moviment u r-residenza fil-Komunità għaċ-ċittadini ta' Stati Membri f’dak li għandu x'jaqsam ma' l-istabbiliment u l-proviżjoni tas-servizzi għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rikonoxximent minn Stat Membru tad-dritt ta' residenza ta' destinatarju ta' servizzi ta' Stat Membru ieħor ma jistax jiġi suġġett għall-preżentazzjoni minn dan iċ-ċittadin ta' karta ta' l-identità jew ta' passaport li għadhom validi, fejn il-prova ta' l-identità tiegħu u tan-nazzjonalita tiegħu tkun tista' tiġi pprovata konklużivament permezz ta' mezzi oħra.

2)      I-Artikolu 49 KE jipprekludi li ċ-ċittadini ta' l-Istati Membri jiġu suġġetti fl Stat Membru ieħor għall-obbligu li jippreżentaw karta ta' l-identità jew passaport li jkunu għadhom validi sabiex jippruvaw in-nazzjonalità tagħhom, sakemm dan l-Istat Membru ma jimponix obbligu ġenerali ta' identifikazzjoni fuq iċ-ċittadini tiegħu stess, li tippermettilhom jippruvaw l-identità tagħhom permezz ta' kull mezz ieħor permess mil-liġi nazzjonali.

3)      Miżura ta' detenzjoni għad-deportazzjoni ta' ċittadin ta' Stat Membruiebor, meħuda fuq il-bażi ta' nuqqas ta' preżentazzjoni ta' karta ta' l-identità jew ta' passaport li jkunu għadhom validi, anki fin-nuqqas ta'tgħeddida għall-ordni pubbiiku, tikkostitwixxi restrizzjoni inġustifikata għall-moviment liberu tas-servizzi u għaldaqstant tmur kontra l-Artikolu 49 KE.

4)      Huma ċ-ċittadini ta' Stat Membru li joqogħdu fi Stat Membru ieħor bħala destinatarji ta' servizzi li għandhom jippreżentaw il-provi li jippermettu li tiġi stabbilita r-regolarità tar-residenza tagħom. Fin-nuqqas ta' dawn il-provi, l-Istat Membru ospitanti jista' jadotta miżura ta' deportazzjoni sakemm jirrispetta l-limiti imposti mid-Dritt Komunitarju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.