SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla)

20 ta' Ottubru 2005(*)

"Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu – Moviment ħieles tal-prodotti Agrikoli– Direttiva 89/662/KEE – Artikolu 5 − Spezzjonijiet veterinarji fl-Istat Membru ta' destinazzjoni ta' l-oġġetti [ merkanzija] – Sistema nazzjonali ta' notifika obbligatorja minn qabel imposta fuq l-importaturi ta' ċerti prodotti ta' l-ikel ta' oriġini annimali li jiġu minn Stati Membri oħra"

Fil-kawża C-111/03

li għandha bħala suġġett rikors għan-nuqqas ta' twettiq ta' obbligu taħt l-Artikolu 226 KE, ippreżentat fit-12 ta' Marzu 2003,

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn L. Ström van Lier u A. Bordes, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

ir-Renju ta' l-Iżvezja, irrappreżentat minn A. Kruse, bħala aġent,

konvenut

sostnut minn

ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

parti intervenjenti

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),

komposta minn C.W.A. Timmermans, President ta' l-Awla, R. Silva de Lapuerta, R. Schintgen (Relatur), P. Kūris u G. Arestis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Léger,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-avukat Ġenerali fis-seduta tat-12 ta' Mejju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, biż-żamma ta' sistema ta' notifika obbligatorja minn qabel ta' spezzjonijiet sanitarji għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti ta' l-ikel ta' oriġini annimali li ġejjin minn Stati Membri oħra, ir-Renju ta' l-Iżvezja naqas mill-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE, tal-11 ta' Diċembru 1989, dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija [twettiq] tas-suq intern (ĠU L 395, p.13).

 Il-Kuntest Ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni komunitarja rilevanti

2       Bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern, id-Direttiva 89/662 għandha bħala għan li tirregola l-ispezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju ta' prodotti ta’ oriġini annimali.

3       Skond l-Artikolu 1 ta' l-imsemmija Direttiva, l-ispezzjonijiet veterinarji li jridu jitwettqu fuq prodotti ta’ oriġini annimali li huma koperti minnha u li huma maħsuba għall-kummerċ bejn l-Istati Membri m'għandhomx (bla ħsara għal Artikolu 6 dwar prodotti li jiġu minn Stat terz) jitwettqu iżjed fil-fruntieri interni tal-Komunità imma għandhom jiġu mwettqa b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/662.

4       L-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/662 jispeċifika li l-frażi "spezzjoni veterinarja" fis-sens tagħha tfisser kull spezzjoni fiżika u/jew kull formalità amministrattiva li jirrigwardaw il-prodotti li jaqgħu fl-imsemmija Direttiva u huma maħsuba għall-ħarsien, dirett jew indirett, tas-saħħa pubblika jew ta' l-annimali.

5       Il-Kapitolu 1 ta' l-imsemmija Direttiva, intitolat "Spezzjonijiet fl-oriġini" jinkludi l-Artikoli 3 u 4 li jirregolaw l-ispezzjonijiet veterinarji fl-Istat Membru tad-dispaċċ [tluq].

6       Fl-applikazzjoni ta' l-ewwel minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, l-Istat Membru ta' tluq għandu jiżgura li l-uniċi prodotti maħsuba għall-kummerċ intra-Komunitarju huma dawk li ġew miksuba, ivverifikati, immarkati u tikkettjati b’mod konformi mar-regoli tal-Komunità għad-destinazzjoni in kwistjoni u li jkollhom magħhom sad-destinatarju ċ-ċertifikati meħtieġa mir-regoli veterinarji tal-Komunità. L-istabbilimenti ta' l-oriġini jeżerċitaw sorveljanza kostanti tagħhom infushom sabiex jivverifikaw li l-prodotti in kwistjoni jissodisfaw dawn il-ħtiġijiet. Bla ħsara għad-dmirijiet ta' monitoraġġ assenjati lill-veterinarju uffiċjali taħt il-leġiżlazzjoni tal-Komunità, l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ta' tluq għandha twettaq spezzjonijiet regolari fuq kull stabbiliment li jipproduċi, jaħżen jew jipproċessa prodotti in kwistjoni sabiex jassigura li dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Komunità, kif ukoll li tieħu miżuri xierqa, li jistgħu jinkludu s-sospensjoni tal-ftehim,, fil-każ ta' nuqqas ta' konformità ma' l-imsemmjia rekwiżiti.

7       Skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/662, l-Istat Membru ta' tluq għandu jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jiggarantixxi l-ħarsien tar-rekwiżiti veterinarji f’kull stadju tal-produzzjoni, tal-ħażna, tat-trasport u tal-bejgħ ta' prodotti intiżi biex jippenalizzaw kull ksur tal-leġiżlazzjoni komunitarja li sseħħ f'dan il-kuntest. Dan l-Istat għandu jishar b'mod partikolari sabiex, min-naħa waħda, il-prodotti miksuba skond id-direttivi ta' armonizzazzjoni f'materja veterinarja, imniżżla fl-Anness A tad-Direttiva 89/662, jiġu spezzjonati bl-istess mod, mill-aspett veterinarju, kemm jekk huma ddestinati għall-kummerċ intra-Komunitarju kemm jekk ikunu għas-suq nazzjonali u sabiex, min-naħa l-oħra, il-prodotti li mhumiex suġġetti għall-armonizzazzjoni tal-Komunità, imma elenkati fl-Anness B ta' l-istess Direttiva, ma jintbagħtux fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jekk ma jistgħux jiġu mibjugħa fit-territorju tagħhom għar-raġunijiet iġġustifikati mill-Artikolu 36 tat-Trattat KE (li sar, wara l-emenda, l-Artikolu 30 KE).

8       Il-Kapitolu II tad-Direttiva 89/662, intitolat "Spezzjonijiet meta jaslu fid-destinazzjoni", jinkludi l-Artikoli 5 sa 8.

9       L-Artikolu 5 huwa fformulat kif ġej:

" 1.      Spezzjonijiet meta jaslu fid-destinazzjoni:

a)      l-awtorità kompetenti tista’, fil-postijiet ta’ destinazzjoni ta' l-oġġetti [merkanzija] , tiċċekkja bl-użu ta’ spezzjonijiet veterinarji mhux diskriminatorji fil-lok, li l-ħtiġiet ta’ l-Artikolu 3 kienu ġew mħarsa; Hi tista’ tieħu kampjuni fl-istess ħin.

         Barra minn hekk, meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Membri ta’ transitu jew ta’ l-Istati Membri ta’ destinazzjoni għandha l-informazzjoni li twassalha biex tissuspetta kull ksur tal-liġi, spezzjonijiet jistgħu jsiru wkoll matul it-trasport ta’ oġġetti [merkanzija] fit-teritorju tagħha, inkluż spezzjonijiet fuq konformità rigward il-meżżi tat-trasport;

[…]

3.      Operaturi li għandhom prodotti mwassla lilhom minn Stat Membru ieħor jew min jaqsam kull lott sħiħ ta’ dawn il-prodotti:

[…]

c)      iridu, jekk ikunu hekk mitluba mill-awtorità kompetenti, jirrapurtaw il-wasla tal-prodotti minn Stat Membru ieħor, sakemm u safejn ikun meħtieġ li jitwettqu spezzjonijiet li għalihom saret referenza fil-paragrafu 1;

[…]

4.      Ir-regoli dettaljati sabiex jiġi implementat dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18.

[…]"

10     L-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 89/662 jipprevedu l-miżuri li għandhom jittieħdu u l-proċedura li għandha tiġi segwita jekk, waqt spezzjoni mwettqa fil-post ta' destinazzjoni ta' kunsinna, l-awtorità kompetenti tikkonstata l-eżistenza ta' marda epiżootika, ta' kull marda serja ġdida u li tista' tittieħed jew kull raġuni oħra li tista tikkaġuna periklu serju lill-annimali jew lis-saħħa tal-bniedem. Ir-regoli ta' applikazzjoni ta' dawn iż-żewġ Artikoli għandhom jiġu adottati b’mod konformi mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18 ta' l-istess Direttiva.

11     L-Artikoli 9, 17 u 18 jidhru fil-Kapitolu III tad-Direttiva 89/662, intitolat "Dispożizzjonijiet komuni".

12     Fil-każ ta' dehra ta’ kull żoonożi, marda jew raġuni oħra li tista' tikkostiwixxi periklu serju lill-annimal jew lis-saħħa tal-bniedem, l-Artikolu 9 ta' l-imsemmija Direttiva jipprevedi b'mod partikolari li, sakemm il-miżuri komunitarji jiġu adottati, l-Istat Membru ta' destinazzjoni jista', għal raġunijiet serji ta’ ħarsien ta' saħħa pubblika, jiddeċiedi li japplika miżuri ta’ ħarsien kawtelatorji rigward l-istabbiliment ikkonċernat jew, fil-każ ta’ marda epiżootika, rigward iż-żona ta’ protezzjoni prevista mil-leġiżlazzjoni Komunitarja. Dawn il-miżuri għandhom jiġu mgħarrfa minnnufih lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni li, fl-iqsar żmien possibbli, għandha teżamina s-sitwazzjoni fi ħdan il-Kumitat Veterinarju u tiddeċiedi x'miżuri għandhom jittieħdu; hija għandha ssegwi s-sitwazzjoni u temenda jew tħassar id-deċiżjonijiet meħuda, skond kif tiżviluppa s-sitwazzjoni.

13     Skond l-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/662, kif emendata (ĠU 1990, L 151, p. 40):

"1.      Meta l-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu trid tintuża, materji għandhom mingħajr dewmien jiġu riferuti mill-President jew fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta’ kull Istat Membru lill-Kumitat Veterinarju Imwaqqaf (minn issa l-quddiem msejjaħ ‘il-Kumitat’) stabbilit mid-Deċiżjoni 68/381/KEE.

2.      Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat kull abbozz tal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-fehma tiegħu fuq l-abbozz f’kull limitu ta’ żmien li l-President tiegħu jistabilixxi b’mod konformi mal-urġenza tal-materja. Il-fehma għandha tingħata bil-maġġoranza stabbilita f’l-Artikolu 148 (2) tat-Trattat [li sar l-Artikolu 205(2) KE] fil-każ tad-deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri ġewwa l-Komunità għandhom jitwieżnu fil-manjiera dikjarata f’dak l-Artikolu. Il-President ma għandux jivvota.

3.      Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri maħsuba jekk ikunu bi qbil mal-fehma tal-Kumitat.

4.      Jekk il-miżuri previsti m’humiex konformi mal-fehma tal-Kumitat, jew jekk l-ebda fehma ma tingħata, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tissottometti lill-Kunsill kull proposta dwar miżuri li jridu jittieħdu.

Il-Kunsill għandu jaġixxi b’kull maġġoranza kwalifikata.

Jekk, wara l-iskadenza ta’ kull perjodu ta' ħmistax-il jum mid-data riferuta lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-Kummissjoni għandha tadotta il-miżuri proposti, għajr fejn il-Kunsill ikun iddeċieda kontra l-miżuri msemmija b’kull maġġoranza sempliċi."

14     L-Artikolu 18 ta' l-istess Direttiva jgħid li ġej:

"1.      Meta l-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu trid tintuża, materji għandhom jiġu mingħajr dewmien jiġu riferuti lill-President, jew fuq inizjattiva tiegħu jew fuq it-talba ta' kull Stat Membru, lill-Kumitat Veterinarju Imwaqqaf (minn issa l-quddiem msejjaħ ‘il-Kumitat’) mfassal fuq id-Deċiżjoni 68/381/KEE.

2.      Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat kull abbozz tal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-fehma tiegħu fuq l-abbozz f’kull limitu taż-żmien li l-President tiegħu jistabilixxi skond l-urġenza tal-materja. Il-fehma għandha tingħata bil-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148 (2) tat-Trattat fil-każ tad-deċiżjonijiet li l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq kull proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri ġewwa l-Komunità għandhom jitwieżnu fil-manjiera dikjarata f'dak l-Artikolu. Il-President m’għandux jivvota.

3.      Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri previsti jekk ikunu konformi mal-fehma tal-Kumitat.

4.      Jekk il-miżuri previsti m’humiex konformi ma’ l-fehma tal-Kumitat, jew jekk ma tingħata l-ebda fehma, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tissottometti lill-Kunsill kull proposta li jkollha x'taqsam mal-miżuri li jridu jittieħdu.

Il-Kunsill għandu jaġixxi b’kull maġġoranza kkwalifikata.

Jekk, wara l-iskadenza tal-perjodu ta' tlett xhur mid-data riferuta lill-Kunsill, il-Kunsill ma jkunx aġixxa, il-Kummissjoni għandha tadotta il-miżuri proposti u timplementhom, għajr meta l-Kunsill ikun iddeċieda kontra l-miżuri msemmija b’kull maġġoranza sempliċi."

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata

15     L-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni tal-15 ta' Diċembru 1998 ta' l-amministrazzjoni Żvediża ta' l-ikel (Livsmedelsverket), dwar spezzjonijiet veterinarji ta' prodotti ta' l-ikel ta' oriġini annimali fil-kummerċ intra-Komunitarju (SFS 1998, nru 39), jipprevedi li l-importatur jew l-aġent tiegħu huwa obbligat, l-aktar tard 24 siegħa qabel il-wasla stimata ta' ċerti prodotti, li jinnotifika dan lill-awtorità kompetenti ta' kontroll tal-post fejn jinstab l-ewwel destinatarju tal-merkanzija.

16     Il-prodotti in kwistjoni jidhru fl-Anness 3 ta' l-imsemmija deċiżjoni u huma dawn li ġejjin:

–       "ħalib u prodotti tal-ħalib li ma ġewx suġġetti għal trattament bis-sħana (li jimplika reazzjoni posittiva għall-eżami fosfotiku);

–       bajd tat-tiġieġ iddestinati għall-konsum dirett (klassi A u B);

–       laħam frisk ta' kull tip ta' annimal (inkluż ukoll il-laħam iffriżat)

–       preparazzjonijiet ta’ laħam (inkluż, per eżempju, prodott li ma ġiex suġġett għal trattament bis-sħana);

–       laħam ikkapuljat;

–       kull prodott iehor li jista' jikkostitwixxi periklu għas-saħħa u li fir-rigward tiegħu l-amministrazzjoni nazzjonali ta' l-ikel ipprevediet konsegwentement l-obbligu ta' notifikazzjoni minn qabel mill-mument tar-reġistrazzjoni".

17     Huwa kostanti li l-prodotti kollha msemmija hawn fuq jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva 89/662, jew direttament, jew, fejn għandu x'jaqsam mal-laħam ikkapuljat u l-preparazzjonijiet ta' laħam, b'referenza magħmula mill-Artikolu 10 fid-Direttiva tal-Kunsill 94/65/KE, ta' l-14 ta' Diċembru 1994, li jistabbilixxi r-rekwiżiti għal produzzjoni u tqegħid fis-suq ta’ laħam ikkapuljat u preparati tal-laħam (ĠU L 368, p.10).

18     Il-kunċett ta' "l-ewwel destinatarju" li jidher fl-imsemmi Artikolu 8 tas-sentenza tal-15 ta' Diċembru 1998, huwa ddefinit fl-Artikolu 2 ta' l-istess deċiżjoni bħala dak li jirċievi l-ewwel fl-Iżvezja l-prodotti ta' l-ikel u jittratthom fil-post fejn ikun irċievihom. Meta lott ta' merkanzija jiġi diviż waqt it-trasport, kull destinatarju ta' waħda mill-partjiet tal-lott huwa meqjuż li huwa l-ewwel destinatarju.

 Il-proċedura prekontenzjuża

19     Wara l-ilment li kienet irċeviet, il-Kummissjoni, peress li qieset li l-liġi Żvediża hawn fuq iċċitata hija inkompatibbli mar-rekwiżiti ta' l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/662, permezz ta' ittra tad-9 ta' Lulju 1999, intimat lir-Renju ta' l-Iżvezja sabiex jippreżenta l-osservazzjonijniet tiegħu fi żmien xahrejn.

20     Peress li ma kinitx sodisfatta mill-ispjegazzjonijiet mogħtija f'dan ir-rigward mill-Gvern Żvediż, il-Kummissjoni bagħtet, fil-21 ta' Diċembru 2001, opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru, fejn stednitu jieħu, fi żmien xahrejn li kellu jidba' jiddekorri min-notifika tagħha, il-miżuri neċessarji sabiex jikkonforma ruħu.

21     Peress li l-Gvern Żvediż irrisponda għal din l-opinjoni motivata b'ittra tas-26 ta' Frar 2002 fejn reġa tenna l-argument tiegħu ta' qabel, il-Kummissjoni iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

22     B'Digriet tat-23 ta' Lulju 2003 tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Repubblika tal-Finlandja ġiet amessa tintervjeni sabiex tappoġġja l-konklużjonijiet tar-Renju ta' l-Iżvezja.

 Dwar ir-rikors

23     Il-Kummissjoni tilmenta li r-Renju ta' l-Iżvezja naqas mill-obbligi tiegħu imposti fuqhu skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/662 billi introduċa fl-1998 u billi żamm fis-seħħ sistema li, fir-rigward ta' ċerti prodotti ta' l-ikel ta' oriġini annimali li jiġu minn Stati Membri oħra, tipprevedi, min-naħa waħda, in-notifika obbligatorja minn qabel mill-importaturi ta' l-imsemmija prodotti u, min-naħa l-oħra spezzjonijiet sanitarji mwettqa waqt l-importazzjoni ta' l-istess prodotti.

 Fuq is-suġġett tar-rikors

24     Fir-replika tagħha l-Kummissjoni ppreċiżat illi hi tirrinunzja għall-ilment tagħha safejn dan joħroġ mill-eżistenza ta' spezzjonijiet sanitarji ma' l-importazzjoni tal-prodotti rilevanti.

25     F'dawn iċ-ċirkustanzi, huwa tajjeb li jiġi eżaminat biss il-mertu ta' l-ilment tal-Kummissjoni li joħroġ mill-eżistenza ta' sistema ta' notifika obbligatorja minn qabel mill-importaturi ta' prodotti previsti mill-liġi Żvediża kkontestata.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

26     A sostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/662 jikkostitwixxi deroga mill-prinċipju, imsemmi minn din id-Direttiva, li l-ispezzjonijiet veterinarji għandhom jiġu mwettqa fl-Istat Membru ta' oriġini.

27     Issa, in kwantu eċċezzjoni għall-għan prinċipali ta' din id-Direttiva li jrid inaqqas il-formalitajiet ta' spezzjonijiet fil-post ta' destinazzjoni tal-merkanzija, dan l-Artikolu għandu jiġi interpretat b'mod restrittiv.

28     Barra minn dan, l-imsemmi Artikolu 5 jirrigwarda l-ispezzjonijiet veterinarji biss "fil-lok [permezz ta' kampjuni]" imwettqa "fil-postijiet ta’ destinazzjoni tal-oġġetti [merkanzija]" u l-paragrafu 3 ta' l-istess dispożizzjoni japplika biss għal "Operaturi li għandhom prodotti mwassla lilhom minn Stat Membru ieħor jew min jaqsam." tali prodotti.

29     Barra minn dan, l-istess Artikolu 5 jippreċiża fil-paragrafu 3 ċ) tiegħu, li l-obbligu li jirrapurtaw il-wasla tal-prodotti in kwistjoni japplika biss "sakemm u safejn ikun meħtieġ" li jitwettqu spezzjonijiet li għalihom saret referenza fil-paragrafu 1 ta' l-imsemmi Artikolu.

30     Issa, min-naħa waħda, id-dispożizzjoni nazzjonali kkontestata hija mmirata għall-"importaturi" u għandha, għalhekk, tiġi kkundsidrata li tinvolvi spezzjonijiet fil-fruntieri, ipprojbiti mid-Direttivi 89/662.

31     Min-naħa l-oħra, spezzjonijiet imwettqa fil-post tad-dħul ta' prodotti fit-territorju Żvediż ikunu diskriminatorji, peress li huma minnhom infishom jirrigwaraw biss merkanzija importata.

32     Il-Kummissjoni żżid li l-pożizzjoni tal-Gvern Żvediż tmur kontra l-għan u l-utilità tad-Direttiva 89/662, peress li l-ispezzjonijiet imwettqa fl-Istat Membru ta' tluq ma jiġux rikonoxxuti jew ikkunsidrati affidabbli u li l-obbligu tan-notifika huwa sistematikament fuq l-importaturi kollha tal-prodotti koperti.

33     Dwar l-argument ta' l-imsemmi Gvern, li jgħid li huwa kien ikkonstata n-nuqqasijiet serji ta' ċerti Stati Membri ta' tluq f'dak li jirrigwarda l-ispezzjonijiet li jirrigwardaw il-preżenza ta' salmonella fil-prodotti ta' l-ikel ta' oriġini annimali u li, konsegwentament, spezzjonijiet sempliċi meħuda permezz ta' kampjuni tal-post ta' destinazzjoni finali ta' dawn il-prodotti ma jkunux suffiċjenti sabiex tipprotegi b'mod effiċjenti s-saħħa pubblika, il-Kummissjoni tirrispondi li l-ispezzjonijiet għall-preżenza tas-salmonella fl-ikel hija l-għan tal-liġijiet speċifiċi u li, f'kull każ, Stat Membru ma jistax jiġġustifika n-nuqqas ta' twettiq ta' l-obbligi imposti fuqu mill-liġi komunitarja minħabba li l-Istati Membri l-oħra wkoll kienu injoraw l-obbligi tagħhom.

34     Barra minn dan, id-Direttiva 89/662 tagħti hi stess il-fakultà lil kull Stat Membru li jieħu l-miżuri xierqa fil-każ ta' konstatazzjoni ta' ksur ta' regoli komunitarji fiż-żmien tat-teħid ta' kampjuni. B'mod partikolari, l-Artikolu 8(1) ta' din id-Direttiva jippreskrivi l-proċedura għal dan l-iskop. Barra minn hekk, l-artikolu 9(1) tagħha jippermetti l-adozzjoni ta' miżuri ta’ ħarsien kawtelatorji jekk jiġu nnotati perikli għas-saħħa tal-bniedem.

35     Il-Gvern Żvediż, appoġġat mill-Gvern Finalandiż jikkontesta l-argument tal-Kummissjoni.

36     L-ewwel nett, il-ħtieġa ta' notifikazzjoni minn qabel ta' ċerti prodotti, msemmija fl-Artikolu 8 tad-deċiżjoni tal-15 ta' Diċembru 1998, iċċitata hawn fuq, hija ddettata mit-tħassib ta' organizzazzjoni effiċjenti ta' spezzjonijiet permezz ta' kampjuni espressament previst mid-Direttiva 89/662 fl-Istat Membru ta' destinazzjoni, waqt li tassigura d-disponibbiltà ta' prodotti għal skopijiet ta' spezzjonijiet u waqt li tippermetti l-pjanifikazzjoni tal-verifiki mill-awtoritajiet kompetenti. Fil-fatt, spezzjonijiet fid-destinazzjoni finali ma jkunx faċilment prattikabbli, peress li l-prodotti in kwistjoni huma diffiċli biex issibhom u jaslu malajr ħafna għand il-konsumatur.

37     Imbagħad, tali obbligu ma jfissirx li l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha l-fakultà li tikkontrolla kull lott li jidħol fit-territorju Żvediż.

38     Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni kkontestata mill-Kummissjoni ma tirrigwardax bilfors l-importatur, imma l-operatur li, l-ewwel wieħed, li jirċievi l-prodotti ta' l-ikel mwassla lilhu u jittratthom fil-post xieraq biex ikunu rċevuti (per eżempju fil-qafas ta' industrija ta’ l-ipproċessar jew ta' kummerċ bl-ingrossa, ta' installazzjoni ta' konġelazzjoni jew ta' maħżen ta' ikel.

39     Barra minn dan, l-għan ta' din il-leġiżlazzjoni huwa li jagħti lill-awtorità nazzjonali kompetenti l-possibbiltà li twettaq spezzjonijiet meta jeżistu raġunijiet li wieħed jissuspetta li l-leġiżlazzjoni komunitarja ma kinitx osservata fi stadju ta' qabel. B'mod partikolari, l-ispezzjonijiet fuq il-lok fil-post ta' destinazzjoni finali ma jkunux suffiċjenti sabiex jipproteġu s-saħħa pubblika, minħabba l-kostatazzjoni ta' nuqqasijiet gravi fir-rigward tar-rekwiżiti imposti fuq l-Istati ta' tluq f'dak li jirrigwarda l-preżenza ta' salmonella fi prodotti ta' l-ikel ta' oriġini annimali. Fil-fatt, l-Istati Membri kollha ma jkunux laħqu l-istess livell ta' protezzjoni fil-qasam u l-kontaminazzjonijiet fl-Iżvezja jkunu kważi esklussivament dovuti minħabba prodotti "barranin".

40     Barra dan, il-miżura nazzjonali prevista fir-rikors tal-Kummissjoni ma kienet tinvolvi l-ebda ostakli għall-kummerċ, peress li l-importazzjoni ta' laħam li jiġi minn Stati Membri oħra kienu żdiedu mill-1997.

41     Fl-aħħar, il-leġiżlazzjoni Żvediża kkontestata tikkonforma ma' l-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 89/662, li tħalli lill-Istati Membri s-setgħa li jimplementaw proċedura ta' notifika ta' prodotti li ġejjin minn Stat Membru ieħor u tirriżerva lil dawn ta' l-aħħar ċertu marġni ta' evalwazzjoni f'dan ir-rigward. B'mod iktar partikolari, din id-Direttiva ma fihiex id-definizzjoni tal-post ta' destinazzjoni previst fl-artikolu 5(1)(a) tagħha. Il-leġiżlatur Komunitarju ma kienx ippreċiża l-mument meta n-notifika ssir u lanqas il-frekwenza tagħha. Bl-istess mod, l-imsemmija Direttiva ma tfissirx x'għandu wieħed jifhem b' "operaturi".

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti

42     Sabiex tivvaluta l-mertu tar-rikors tal-Kummissjoni, limitatament għall-punt 25 ta' din is-sentenza, huwa tajjeb illi jiġi nnotat l-ewwel li, kif jirrżulta mit-Titolu tiegħu u mill-ewwel premessa tiegħu, id-Direttiva 89/662 tikkostitwixxi waħda mill-miżuri intiżi għat-twettieq tas-suq intern.

43     Sabiex tassigura l-moviment liberu ta' prodotti agrikoli li jikkostitwixxu, skond it-tieni premessa ta' l-imsemmija Direttiva, "karatteristika fondamentali tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq", din ta' l-aħħar tipprevedi li jitneħħew il-"barrieri veterinarji għall-iżvilupp tal-kummerċ intra-Komunitarju fil-prodotti" ta' oriġini annimali.

44     Fir-rigward ta' l-għan finali li jikkonsisti, skond ir-raba' premessa, li jillimita għal dan l-iskop l-ispezzjonijiet veterinarji li jitwettqu fil-post ta' tluq tal-prodotti koperti, id-Direttiva 89/662 tgħid, kif jirriżulta mill-ħames premessa tagħha li "l-enfasi għandu jitpoġġa fuq l-ispezzjonjiet li jridu jitwettqu fil-post tad-dispaċċ [tluq]" tal-merkanziji "u fl-organizzazzjoni ta’ dawk li jistgħu jitwettqu fil-post tad-destinazzjoni", soluzzjoni bħal din tinvolvi, skond is-sitt premessa tagħha, is-sospensjoni ta’ spezzjonijiet veterinarji fil-fruntieri interni tal-Komunità u timplika kunfidenza akbar fl-ispezzjonijiet veterinarji mwettqa mill-Istat ta' tluq.

45     Anki l-Artikolu 1 tad-Direttiva 89/662 jipprevedi li l-ispezzjonijiet veterinarji ta' prodotti ta' oriġini annimali previsti minnha ma għandhomx ikunu mwettqa iktar fil-fruntieri. Wara kollox, din id-Direttiva tagħmel distinzjoni fondamentali bejn l-ispezzjonijiet fl-oriġini u dawk fid-destinazzjoni, waqt li tippreċiża, fis-seba' premessa tagħha, li fl-Istat ta' destinazzjoni spezzjonijiet veterinarji permezz ta' kampjuni jistgħu jitwettqu fil-post ta' destinazzjoni tal-merkanzija.

46     F'dan ir-rigward, l-imsemmija direttiva, wara li tat definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta' "spezzjoni veterinarja" li jkopri kull spezzjoni fiżika u/jew formalità amministrattiva li tapplika għall-prodotti in kwistjoni u li huma maħsuba għall-ħarsien, dirett jew indirett, tas-saħħa pubblika jew ta' l-annimali, tirregola fid-dettall, fl-Artikoli 3 u 4 tagħha, l-ispezzjonijiet fl-oriġini.

47     Fir-rigward ta' spezzjonijiet fid-destinazzjoni, l-Artikolu 5 ta' l-istess Direttiva jipprevedi li l-awtorità nazzjonali kompetenti tista' tivverifika permezz ta spezzjonijiet veterinarji l-osservanza ta' l-eżiġenzi ta' l-artikolu 3, bil-kundizzjoni espressa li l-ispezzjonijiet jiġu mwettqa fil-post ta' destinazzjoni tal-merkanzija, li huma limitati għall-verifika permezz ta' kampjuni u jkollhom natura li mhijiex diskriminatorja. Fil-każ fejn l-awtorità kompetenti ta' l-Istat Membru ta’ tranżitu jew ta’ destinazzjoni għandha l-informazzjoni li twassalha tassumi ksur tal-liġi, spezzjonijiet jistgħu isiru wkoll matul it-trasport ta’ merkanzija fit-territorju tagħha bl-eċċezzjoni, madankollu, ta' l-ispezzjonijiet kollha fil-fruntiera. L-imsemmi Artikolu 5 (4) jippreċiża li r-regoli dettaljati sabiex jiġi implementat dan ta' l-aħħar għandhom jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18 tad-Direttiva 89/662.

48     Barra minn hekk, l-Artikoli 7 u 8 tagħha jistabbilixxu l-proċedura li għandha tiġi osservata mill-Istat Membru ta' destinazzjoni fil-każ fejn jidher, waqt spezzjoni mwettqa fil-post ta' destinazzjoni ta' kunsinna jew matul it-trasport, li prodott ta' oriġini annimali jista' jikkawża periklu serju għall-għan tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika. B'mod partikolari, dawn id-dispożizzjonijiet jobbligaw lill-awtoritajiet ta' l-Istat Membru ta' destinazzjoni javżaw lil dawk ta' l-Istat Membru ta' tluq. Jekk dan ikun il-każ, il-Kummissjoni tista' tiġi mitluba tadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jittieħdu provvedimenti kkonċertati mill-Istati Membri u li jkunu jridu jiġu kkonfermati jew rivisti skond il-proċedura Komunitarja prevista mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 89/662. Għandhom jiġu deċiżi regoli ġenerali sabiex jiġu applikati l-Atikolu 7 u 8 skond il-proċedura deskritta fl-Artikolu 18 ta' l-istess Direttiva.

49     Fl-aħħar nett, skond l-Artikolu 9 ta' din id-Direttiva, il-miżuri ta' ħarsien kawtelatorji eventwali differenti meħudin f'każ ta' emerġenza minn Stat Membru f'każ ta' periklu serju jiġu ssostitwiti minn miżuri Komunitarji ta' protezzjoni li tagħhom dan l-Artikolu jistabbilixxi l-limiti u li r-regoli ta' applikazzjoni tagħhom jiġu deċiżi skond il-proċedura ta' l-Artikolu 18.

50     Issa, jirriżulta ċarament mill-elementi msemmija fil-punti 42 sa 49 ta' din is-sentenza li l-leġiżlazzjoni Żvediża kkontestata għandha tiġi kkunsidrata inkompatibbli mal-ħtiġiet tad-Direttiva 89/662.

51     Fil-fatt, is-sistema ta' spezzjonijiet veterinarji armonizzata stabbilita minn din id-Direttiva, ibbażata fuq spezzjoni kompleta tal-merkanzija fl-Istat Membru ta' tluq, hija intiża biex tissostitwixxi bħala prinċipju l-ispezzjoni fl-Istat Membru ta' destinazzjoni u għandha tippermetti l-moviment ħieles tal-prodotti in kwistjoni f'kundizzjonijiet simili għal dawk ta' suq intern. F'dan ir-rigward, kunsiderazzjonijiet marbutin mal-ħtieġa tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika ma jiġġustifikawx restrizzjonijiet speċifiċi żejda applikati unilateralment minn Stat Membru waqt il-mogħdija mill-fruntiera, bħall-obbligu ta' notifika minn qabel impost fuq l-importaturi ta' prodotti ta' origini ta' l-annimal li jiġu minn Stati Membri oħra mill-leġiżlazzjoni Żvediża in kwistjoni.

52     Peress li l-imsemmija Direttiva għandha bħala għan li tirregola fid-dettall l-ispezzjonijiet li jridu jitwettqu fil-post ta' tluq tal-merkanzija bil-ħsieb illi tnaqqas sa fejn possibbli l-ispezzjonijiet li jistgħu jitwettqu fil-post ta' destinazzjoni u, iktar u iktar, li jitneħħu l-ispezzjonijiet fil-fruntieri interni tal-Komunità sabiex jitwettaq b'mod gradwali s-suq intern, din id-Direttiva għandha tiġi interpretata li tistabbilixxi b'mod ċar u preċiż il-poter ta' l-Istati Membri waqt l-istabbiliment ta' l-ispezzjonijiet sanitarji li jistgħu jiġu mwettqa fil-post ta' destinazzjoni.

53     F'dan ir-rigward, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/662 ma jistax, bil-kontra ta' l-affermazzjonijiet tal-Gvern Żvediż, jawtorizza leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik ikkontestata mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' din il-proċedura.

54     Għalhekk, ġeneralment, l-imsemmi Artikolu 5 għandu, safejn huwa eċċezzjoni għall-għan essenzjali tad-Direttiva 89/662 li jitnaqqsu l-ispezzjonijiet u l-formalitajiet fil-post ta' destinazzjoni ta' prodotti ta' oriġini annimali, jiġi interpretat b'mod restrittiv.

55     B'mod iktar partikolari, din id-dispożizzjoni ssemmi, kif jirriżulta mit-termini tagħha stess, l-uniċi spezzjonijiet veterinarji "mhux diskriminatorji fil-lok [permezz ta' kampjuni]" imwettqa "fil-postijiet ta' destinazzjoni tal-oġġetti [merkanzija] u intiżi biex "tiċċekkja […] li l-ħtiġiet ta' l-Artikolu 3 kienu ġew imħarsa".

56     Barra minn hekk, il-paragrafu 3 tiegħu japplika biss għal "operaturi li għandhom prodotti mwassla lilhom minn Stat Membru ieħor jew min jaqsam kull lott sħiħ ta’ dawn il-prodotti" u, bis-saħħa tas-subparagrafu ċ) ta' l-istess paragrafu, l-imsemmija operaturi "iridu, jekk ikunu hekk mitluba mill-awtorità kompetenti, jirrapurtaw il-wasla tal-prodotti minn Stat Membru ieħor, sakemm u safejn ikun meħtieġ li jitwettqu spezzjonijiet" kif limitat fil-punt preċedenti ta' din is-sentenza.

57     Min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata mill-Kummissjoni tipprevedi espressament l-"importaturi", kunċett li ma jkoprix dak li jidher fl-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 89/662 li mhux biss jimplika li huma unikament il-prodotti li jiġu minn barra, bl-eċċezzjoni ta' dawk li joriġinaw mill-Iżvezja, li huma suġġetti għal formalità kkontestata, imma huwa wkoll tali li i li jinvolvi spezzjonijiet matul il-mogħdija mill-frunieri, li huwa pprojbit minn din id-Direttiva. Madankollu it-test tal-leġiżlazzjoni Żvediża kkontestat ma jiggarantix assolutament li l-ispezzjonijiet jiġu mwettqa fl-istess post ta' destinazzjoni tal-merkanzija, kif meħtieġ mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/662, u l-Gvern konvenut ġibed l-attenzjoni għad-diffikultajiet prattiċi allegament marbuta ma l-ispezzjoni fid-destinazzjoni finali.

58     Għalhekk, l-obbligu ta' notifika minn qabel imwaqqfa mill-imsemmija leġiżlazzjoni hija ta' natura ġenerali u ma tistax teskludi li twassal għal spezzjonijiet li jmorru lil hinn minn sempliċi spezzjoni permezz ta' kampjuni kif awtorizzat mill-Artikolu 5.

59     Fl-aħħar, l-istess leġiżlazzjoni ma tosservax il-kundizzjonijiet rigorużi mniżżla fl-Artikolu 5(3)(ċ) tad-Direttiva 89/662, li juri biċ-ċar li l-obbligu li tirraporta l-wasla tal-prodotti minn Stat Membru ieħor m'għandux ikun sistematiku, imma in funzjoni ta' domanda speċifika f'dan is-sens min-naħa ta' l-awtorità kompetenti fil-każ biss meta din il-miżura tkun indispensabbli għat-tmexxija tajba ta' l-ispezzjonijiet bħal dawk previsti fil-paragrafu 1 ta' l-istess Artikolu.

60     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlazzjoni Żvediża kkontestata mill-Kummissjoni ma tistax titqies li hija kkonformi ma' l-obbligi ta' l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/662.

61     Huwa tajjeb li jintqal ukoll li l-imsemmija leġiżlazzjoni tista' ġġib risku serju ta' spezzjoni doppja, imwettqa wkoll fl-istess mument tal-wasla ta' prodott fit-territorju nazzjonali, li juri wkoll nuqqas ta' fiduċja evidenti fin-natura approprjata ta' l-ispezzjonijiet li jkunu diġà saru fil-post ta' tluq.

62     B'mod partikolari, l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Gvern konvenut fir-rigward ta' l-eżistenza tad-dispożizzjoni interna kkontestata mill-Kummissjoni, jiġifieri l-garanzija ta' l-effiċjenza ta' spezzjonijiet sanitarji sabiex tipprevjeni li l-prodotti ta' l-ikel infettati bis-salmonella jistgħu jidħlu fl-Iżvezja, imorru kontra l-ispirtu tad-Direttiva 89/662, li tiffavorixxi l-moviment ħieles ta' prodotti agrikoli waqt li jitqiegħed l-enfażi fuq l-ispezzjonijiet li jitwettqu fil-post ta' l-Istat Membru ta' oriġini.

63     Dan l-għan ta' l-imsemmija Direttiva ma jistax jitwettaq u lanqas l-effett ta' utillità tiegħu jintlaħaq jekk l-Istat Membri jkunu liberi li jimxu lil hinn mill-obbligi li hemm fiha, bil-konsegwenza li ż-żamma fis-seħħ jew l-adozzjoni ta' miżuri nazzjonali oħra minn dawk espressament previsti jkunu jridu jiġu kkunsidrati inkompatibbli ma' l-iskop ta' din id-Direttiva.

64     Wara kollox, id-Direttiva 89/662 stess fiha, fl-Artikoli 7, 8 u 9 tagħha, dispożizzjonijiet li jippermettu l-Istati Membri ta' destinazzjoni li jieħdu miżuri f'każ ta' periklu tant serju b'mod partikolari għas-saħħa pubblika, imma li jkunu jistgħu ikollhom magħhom garanziji proċedurali tali li jidhlu fil-kuntest Komunitarju, għalkemm m'humiex ħlief ta' natura temporanja waqt li miżuri komuni jiġu adottati.

65     Min-naħa l-oħra, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 14, 77, u 78 tal-Konklużjonijiet tiegħu, ir-Renju ta' l-Iżvezja, ukoll bħar-Repubblika tal-Finlandja, kisbu, fil-kuntest ta' l-adeżjoni tagħhom ma' l-Unjoni Ewropea, garanziji supplementari fir-rigward ta' l-ispezzjonijiet għas-salmonella waqt il-kunsinna ta' ċerti prodotti ta' oriġini annimali li huma ddestinati għalihom.

66     F'kull każ, hija ġurisprudenza kostanti li Stat Membru ma jistax jallega nuqqas ta' osservanza possibbli tal-liġi Komunitarja minn Stat Membru ieħor sabiex jiġġustifika n-nuqqas tiegħu stess. Għalhekk Stat Membru ma jista' fl-ebda każ ikun awtorizzat li jieħu b'mod unilaterali miżuri korrettivi jew ta' difiża sabiex jevita tali nuqqas ta' osservanza imma huwa obbligat jaġixxi fil-kuntest ta' proċeduri u possibbiltajiet ta' rikors għall-Qorti previsti f'dan ir-rigward mit-Trattat (ara f'dan is-sens, b'mod partikolari s-sentenzi tal-25 ta' Settembru 1979, Kummissjoni vs Franza, 232/78, Ġabra p. 2729, punt 9; ta' l-14 ta' Frar 1984, Kummissjoni vs Ġermanja, 325/82, Ġabra p. 777, punt 11; tad-9 ta' Lulju 1991, Kummissjoni vs Renju Unit, C-146/89, Ġabra p. I‑3533, punt 47, u tat-23 ta' Mejju 1996, Hedley Lomas, C-5/94, Ġabra p. I‑2553, punt 20).

67     Barra minn dan, l-argument tal-Gvern Żvediż, li l-importazzjoni tal-laħam li jiġi minn Stati Membri oħra ma ġiex affettwat mill-applikazzjoni tal-miżura nazzjonali kkontestata, għandu jiġi miċħud fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fejn jirriżulta li n-nuqqas ta' osservanza ta' obbligu impost minn regola tal-liġi Komunitarja jikkonstitwixxi hu stess nuqqas u li l-kunsiderazzjoni li dan in-nuqqas ta' osservanza ma ħoloqx konsegwenzi negattiv mhijex rilevanti (ara s-sentenza tas-26 ta' Ġunju 2003, Kunnissjoni/Franza, C-233/00, Ġabra P.I-6625,punt 62).

68     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikors tal-Kummssijoni huwa fondat.

69     B'konsegwenza, għandu jiġi kkonstatat li, biż-żamma ta' sistema ta' notifika obbligatorja minn qabel għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti ta' l-ikel ta' oriġini annimali li jiġu minn Stati Membri oħra, ir-Renju ta' l-Iżvezja naqas mill-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/662.

 Dwar l-ispejjeż

70     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju Żvediż tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni. B'applikazzjoni ta' l-ewwel inciż ta' l-Artikolu 69(4) ta' l-istess Regoli, ir-Repubblika tal-Finlandja, li intervjeniet fil-kawża, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeciedi

1)      Biż-żamma ta' sistema ta' notifika obbligatorja minn qabel għall-importazzjoni ta' ċerti prodotti ta' l-ikel ta' oriġini annimali li jiġu minn Stati Membri oħra, ir-Renju ta' l-Iżvezja naqas mill-obbligi tiegħu skond l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/662 tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern.

2)      Ir-Renju ta' l-Iżvezja għandu jbati l-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika tal-Finlandja għandha tbati l-ispejjeż tagħha. 

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Iżvediż.