SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

tas-16 ta’ Ġunju 2005(*)

"Kooperazzjoni mill-pulizija u kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali – Artikoli 34 UE u 35 UE – Deċiżjoni-Qafas 2001/220/ĠAI – Pożizzjoni tal-vittmi fil-kuntest ta' proċedimenti kriminali – Protezzjoni tal-persuni vulnerabbli – Smigħ ta' minuri bħala xhieda – Effetti ta' deċiżjoni-qafas"

Fil-kawża C-105/03

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 35 UE, imressqa mill-Imħallef inkarigat mill-investigazzjoni preliminari fit-Tribunale di Firenze (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Marzu 2003, fil-proċedimenti kriminali kontra

Maria Pupino

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans u A. Rosas, R. Silva de Lapuerta u A. Borg Barthet, Presidenti ta’ Awla, N. Colneric, S. von Bahr, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur) P. Kūris, E. Juhász, G. Arestis u M. Ilešič, Imħallfin

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-smigħ tas-seduta tas-26 ta’ Ottubru 2004,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       għas-Sinjura Pupino, rappreżentata minn M. Guaglioni u D. Tanzarella, avvocati,

–       għall-Gvern Taljan, rappreżentat minn I. Braguglia, bħala aġent, assistit minn M. P. Gentili, avvocato dello Stato,

–       għall-Gvern Grieg, rappreżentat minn A. Samoni-Rantou u K. Boskovits, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Franċiż, rappreżentat minn R. Abraham, G. de Bergues u C. Isidoro, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Olandiż, rappreżentat minn H. G. Sevenster u C. Wissels, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Portugiż, rappreżentat minn L. Fernandes, bħala aġent,

–       għall-Gvern Żvediż, rappreżentat minn A. Kruse u K. Wistrand, bħala aġenti,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, rappreżentat minn R. Caudwell u E. O’Neill, bħala aġenti, assistiti minn M. Hoskins, barrister,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, rappreżentata minn M. Condou-Durande u L. Visaggio, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-11 ta’ Novembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari hija dwar l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 2, 3 u 8 tad-Deċiżjoni-Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI, tal-15 ta' Marzu 2001, dwar il-pożizzjoni tal-vittmi fil-kuntest ta' proċedimenti kriminali (ĠU L 82, p. 1, aktar 'il quddiem id-"deċiżjoni-qafas") [traduzzjoni mhux uffiċjali].

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' proċedimenti kriminali kontra s-Sinjura Pupino, assistenta tal-kindergardin, akkużata li kkawżat offiża fuq il-persuna ta' tfal li kellhom taħt il-ħames snin dakinhar tal-fatti.

 Il-Kuntest Ġuridiku

 Id-dritt ta' l-Unjoni Ewropea

 It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

3       Skond l-Artikolu 34(2) UE, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mit-Trattat ta' Amsterdam, li jifforma parti mit-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, intitolat "Dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni mill-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali":

"Il-Kunsill għandu jieħu dawk il-miżuri u jinkoraġixxi dik il-kooperazzjoni, [billi] juża l-forom xierqa u l-proċeduri kif stabbiliti f’dan it-Titolu, li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-miri ta' l-Unjoni. B'dak l-iskop, billi jaġixxi unanimament fuq l-inizjattiva ta’ xi Stat Membru jew tal-Kummissjoni, l-Kunsill jista'

[…]

b) jaddotta deċiżjonijiet ta' qafas bl-iskop ta’ l-approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta' l-Istati Membri. Deċiżjonijiet ta' qafas għandhom jorbtu lill-Istati Membri dwar ir-riżultat li għandu jinkiseb iżda jħallu f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali l-għażla tal-forma u l-metodi. M’għandhomx ikollhom effett dirett;

[…]"

4       L-Artikolu 35 UE jipprovdi li:

"1.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej għandu jkollha l-ġurisdizzjoni, soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu, li tagħti deċiżjonijiet preliminari dwar il-validità u l-interpretazzjoni ta’ deċiżjonijiet ta' qafas u deċiżjonijiet dwar l-interpretazzjoni ta’ konvenzjonijiet stabbiliti taħt dan it-Titolu u dwar il-validità u l-interpretazzjoni tal-miżuri li jimplimentawhom.

2.      Permezz ta' dikjarazzjoni magħmula fil-mument tal-firma tat-Trattat ta’ Amsterdam jew fi kwalunkwe żmien ieħor, kull Stat Membru għandu jkun jista' jaċċetta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjonijiet preliminari indikati f’paragrafu 1.

3.      Stat Membru li jagħmel dikjarazzjoni bis-saħħa tal-paragrafu 2 għandu jispeċifika li jew:

a)      kull qorti jew tribunal ta’ dak l-Istat li kontra d-deċiżjonijiet tagħhom ma jkunx hemm rimedju ġudizzjarju skond il-liġi nazzjonali, ikun jista' jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti [deċiżjoni] preliminari dwar il-kwistjoni sollevata f’każ pendenti quddiemu u li tkun tikkonċerna l-validità jew l-interpretazzjoni ta’ att imsemmi f’paragrafu 1, jekk il-qorti jew it-tribunal jikkunsidraw li deċiżjoni dwar dik il-kwistjoni tkun meħtieġa biex jistgħu jagħtu s-sentenza tagħhom, jew;

b)      kull qorti jew tribunal ta’ dak l-Istat jistgħu jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizja li tagħti [deċiżjoni] preliminari dwar il-kwistjoni sollevata f’każ pendenti quddiemu u li tikkonċerna l-validità jew l-interpretazzjoni ta’ l-att imsemmi f’paragrafu 1 jekk il-qorti jew it-tribunal jikkunsidra li deċiżjoni dwar dik il-kwistjoni tkun meħtieġa biex tkun tista' tagħti [sentenza].

[...]"

5       Mill-informazzjoni dwar id-data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Amsterdam, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej ta' l-1 ta' Mejju 1999 (ĠU L 114, p. 56), jirriżulta li r-Repubblika Taljana għamlet dikjarazzjoni bis-saħħa ta' l-Artikolu 35(2) UE, li permezz tagħha hija aċċettat il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi skond il-proċeduri previsti fl-Artikolu 35(3)(b) UE.

 Id-deċiżjoni-qafas

6       Skond l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni-qafas, intitolat "Rispett u rikonoxxenza":

"1.       Kull Stat Membru għandu jassigura lill-vittmi rwol effettiv u xieraq fis-sistema ġudizzjarja kriminali tiegħu. Huwa għandu jkompli jieħu azzjoni sabiex jiggarantixxi lill-vittmi trattament li jkun jirrispetta d-dinjità personali tagħhom matul il-proċedimenti u li jirrikonoxxi d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-vittmi, b'mod partikolari fil-kuntest tal-proċediment kriminali.

2.       Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-vittmi partikolarment vulnerabbli jibbenefikaw minn trattament speċifiku li jikkorrispondi l-aħjar għas-sitwazzjoni tagħhom." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7       Skond l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni-qafas, intitolat "Smigħ u preżentata ta' provi":

"Kull Stat Membru għandu jiggarantixxi lill-vittmi l-possibbiltà li jinstemgħu matul il-proċedimenti kif ukoll li jressqu xi provi.

Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri xierqa sabiex l-awtoritajiet jinterrogaw lill-vittmi biss safejn dan huwa neċessarju għall-iskop tal-proċedimenti kriminali." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8       L-Artikolu 8 tad-deċiżjoni-qafas, intitolat "Dritt għal protezzjoni", paragrafu 4 tiegħu jipprovdi li:

"Kull Stat Membru għandu jiggarantixxi, fejn huwa neċessarju li l-vittmi jiġu protetti, b'mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli, mill-konsegwenzi tax-xhieda tagħhom f'seduta pubblika, li huma jkunu jistgħu, abbażi ta' deċiżjoni tal-qorti, jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ta' testimonjanza li jippermettu li dan l-għan jintlaħaq, b'kull mezz xieraq li huwa kompatibbli mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tiegħu." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9       Konformement ma' l-Artikolu 17 tad-deċiżjoni-qafas, kull Stat Membru għandu jadotta liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għall-osservanza ta' l-Artikolu ċċitat aktar 'il fuq "mhux aktar tard mit-22 ta' Marzu 2002".

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10     L-Artikolu 392 tal-Kodiċi ta' Proċedura Kriminali Taljan (aktar 'il quddiem "KPK"), li jinsab fil-Ktieb V, intitolat "Investigazzjoni Preliminari u Smigħ Preliminari", jipprovdi li:

"1.       Matul l-investigazzjoni preliminari, il-Ministeru Pubbliku u l-persuna investigata jistgħu jitolbu lill-qorti sabiex tgħaddi għall-proċeduri interlokutorji:

a)      għas-smigħ ta' xhieda ta' persuna, meta jeżisti motiv validu li għalih l-istess persuna ma tistax tiġi eżaminata fil-proċedimenti minħabba infermità jew impediment ieħor gravi;

b)      għas-smigħ ta' xhieda meta, minħabba elementi konkreti u speċifiċi, jeżisti motiv validu li jwassal għall-konklużjoni li hemm riskju li x-xhud ikun sottopost għal vjolenza, theddid, offerta jew wegħda ta' flus jew ta' vantaġġ ieħor sabiex ma tixhidx jew tixhed il-falz.

[…]

1 bis. Fil-proċedimenti li jikkonċernaw ir-reati msemmija fl-Artikoli 600 bis, 600 ter, 600 quinquies, 609 bis, 609 ter, 609 quater, 609 quinquies u 609 octies tal-kodiċi kriminali [li jikkonċernaw reati sesswali jew li għandhom konnotazzjoni sesswali], il-Ministeru Pubbliku jew il-persuna investigata jistgħu jitolbu li l-qorti tgħaddi għall-proċeduri interlokutorji għas-smigħ tax-xhieda ta' persuni taħt is-sittax-il sena, anke jekk ma jaqgħux taħt il-każijiet previsti fil-paragrafu 1.

[…]"

11     Skond l-Artikolu 398 paragrafu 5 bis tal-KPK:

"Fil-każ ta' investigazzjonijiet li jikkonċernaw ir-reati previsti fl-Artikoli 600 bis, 600 ter, 600 quinquies, 609 bis, 609 ter, 609 quater, 609 quinquies u 609 octies tal-kodiċi kriminali, fejn fost il-persuni interessati li jagħtu x-xhieda tagħhom hemm minuri li għandhom inqas minn sittax-il sena, l-Imħallef għandu, permezz ta' digriet […], jiddetermina l-post, il-ħin u l-proċeduri partikolari sabiex jgħaddi għall-ġbir tax-xhieda, meta dan huwa neċessarju jew opportun minħabba l-eżiġenzi tal-minuri. Għal dan il-għan, is-seduta tista' ukoll tinżamm f'post differenti mill-qorti, fi strutturi speċjalizzati ta' assistenza, jew, fin-nuqqas, fir-residenza tal-minuri. Ix-xhieda għandha tkun kollha kemm hi ddokumentata b'mezzi ta' reġistrazzjoni fonografika jew awdjo-viżiva. Fin-nuqqas ta' apparat ta' reġistrazzjoni jew persunal tekniku, il-qorti għandha tirrikorri għal perizja jew konsulenza teknika. L-interrogatorju għandu jitniżżel fil-qosor fi proċess verbali. It-traskrizzjoni tar-reġistrazzjoni hija disponibbli biss fuq talba tal-partijiet."

 Il-fatti u d-domanda preliminari

12     Mid-digriet tar-rinviju, fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali kontra s-Sinjura Pupino, jirriżulta li, min-naħa, hija ġiet akkużata li matul ix-xhur ta' Jannar u Frar 2001 ikkommettiet diversi reati ta' "abbuż tal-miżuri ta' dixxiplina" skond l-Artikolu 571 ta' Kodiċi Kriminali Taljan (aktar 'il quddiem "KK") kontra wħud mill-istudenti tagħha, li dak in-nhar li seħħew il-fatti kellhom inqas minn ħames snin, b'mod partikolari peress illi hija kienet issawwathom regolarment, theddidhom li tagħtihom il-kalmanti u twaħħlilhom l-istikek ma' ħalqhom u ma tħallihomx imorru t-tojlit. Min-naħa l-oħra, hija ġiet akkużata bir-reat ta' "offiża aggravata fuq il-persuna " skond l-Artikoli 582, 585 u 576 tal-KK, flimkien ma' l-Artikolu 61(2) u (11) ta' l-istess kodiċi, peress illi tat daqqa lil waħda mill-istudenti tagħha u kkaġunatilha nefħa fuq wiċċha. Il-proċedimenti mressqa quddiem it-Tribunale di Firenze jinsabu fi stadju ta' investigazzjoni preliminari.

13     F'dan ir-rigward, l-Imħallef li għamel ir-rinviju jirrileva li taħt id-dritt Taljan, il-proċedura kriminali tikkonsisti f'żewġ fażijiet distinti. Matul l-ewwel fażi, dik ta' l-investigazzjoni preliminari, il-Ministeru Pubbliku, taħt il-kontroll ta' l-Imħallef inkarigat mill-investigazzjoni preliminari, ifittex u jiġbor il-provi li fuq il-bażi tagħhom jiddetermina jekk iwaqqafx il-proċeduri jew jekk iressaqx lill-persuna kkonċernata quddiem il-qorti kriminali. F'dan l-aħħar każ, id-deċiżjoni finali, li tilqa' dawn it-talbiet jew li tiddikjara li m'hemmx lok li wieħed jipproċedi, tittieħed mill-Imħallef wara seduta ad hoc.

14     Id-deċiżjoni li l-persuna investigata titressaq quddiem il-qorti kriminali tiftaħ it-tieni fażi tal-proċedura, magħrufa bħala l-proċedura orali, li ma jkunx involut fiha l-Imħallef inkarigat mill-investigazzjoni preliminari. Il-proċess proprju jibda permezz ta' din il-fażi. Huwa biss f'dan il-mument li, bħala regola ġenerali, jiġu mressqa l-provi mill-partijiet, b'osservanza tal-prinċipju tal-kontradittorju. L-Imħallef li għamel ir-rinviju jirrileva li huwa matul il-proċeduri orali tal-kawża li l-elementi pprovduti mill-partijiet jistgħu jiġu ammessi bħala provi fis-sens tekniku tal-kelma. F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-elementi ta' prova miġbura mill-Ministeru Pubbliku fil-fażi ta' investigazzjoni preliminari, bil-għan li dan jiddeċiedi jekk għandhiex tittieħed azzjoni kriminali jew jekk jitlobx l-arkivjar tal-kawża, għandhom jiġu esposti fil-proċeduri orali tal-kawża l-proprja sabiex jiksbu il-valur ta' "prova" fihom infushom.

15     Madankollu, l-imsemmi Mħallef jenfasizza li jeżistu eċċezzjonijiet għal din ir-regola, previsti fl-Artikolu 392 tal-KPK, u li jippermettu, fuq deċiżjoni ta' l-Imħallef inkarigat mill-investigazzjonijiet preliminari, li l-provi jiġu antiċipati, b'osservanza tal-prinċipju tal-kontradittorju, matul il-fażi ta' l-investigazzjoni preliminari, permezz tal-proċedura interlokutorja għas-smigħ antiċipat tal-provi. Il-provi miġbura għandhom l-istess valur probatorju bħal dawk miġbura fit-tieni fażi tal-proċedimenti. L-Artikolu 392 paragrafu 1 bis tal-KPK introduċa l-possibbiltà li jsir rikors għal din il-proċedura interlokutorja meta x-xhieda li għandha tittieħed hija ta' vittmi ta' ċerti reati, limitati għal dawk innumerati (reati sesswali jew li għandhom konnotazzjoni sesswali), li għandhom inqas minn sittax-il sena, anke jekk jaqgħu barra mill-każijiet previsti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu. L-Artikolu 398 paragrafu 5 bis tal-KPK jippermetti, fost affarijiet oħra, lill-istess Imħallef jordna s-smigħ tal-provi, fil-każ ta' l-investigazzjonijiet relatati mar-reati indikati fl-Artikolu 392 paragrafu 1 bis tal-KPK, bi proċeduri partikolari li jippermettu li l-minuri kkonċernati jiġu protetti. Skond l-Imħallef li għamel ir-rinviju, dawn id-derogi supplementari huma maħsuba sabiex jipproteġu, min-naħa, id-dinjità, il-pudur u l-personalità tax-xhud, meta l-vittma hija minuri, u, min-naħa l-oħra, l-awtentiċità tal-provi.

16     Fil-kawża prinċipali, fix-xahar ta' Awwissu 2001, il-Ministeru Pubbliku talab lill-Imħallef inkarigat mill-investigazzjonijiet preliminari sabiex jiġbor ix-xhieda ta' tmint itfal, xhieda u vittmi tar-reati li għalihom qed tiġi investigata s-Sinjura Pupino, permezz ta' proċedura interlokutorja għas-smigħ antiċipat tal-provi abbażi ta' l-Artikolu 392 paragrafu 1 bis tal-KPK, għar-raġuni li s-smigħ tal-provi ma setgħax jiġi ddifferit sas-seduta tal-kontradittorju minħabba l-età estremament żgħira tax-xhieda u t-tibdiliet inevitabbli fl-istat psikoloġiku tagħhom, kif ukoll minħabba l-proċess eventwali ta' ripressjoni psikoloġika. Il-Ministeru Pubbliku talab ukoll li jgħaddi għall-ġbir tal-provi billi jsegwi l-proċeduri partikolari previsti fl-Artikolu 398 paragrafu 5 bis tal-KPK li jistabbixxi li s-smigħ jista' jsir fi struttura speċjalizzata, permezz ta' proċeduri li jipproteġu id-dinjità, il-ħajja privata u s-serenità tal-minuri kkonċernati waqt li jirrikorru, jekk ikun hemm bżonn, għas-servizzi ta' psikologu, dan minħabba n-natura delikata u l-gravità tal-fatti, kif ukoll id-diffikultà marbuta ma' l-età żgħira tal-vittmi. Is-Sinjura Pupino opponiet din it-talba billi sostniet li din is-sitwazzjoni ma taqa' taħt ebda waħda mill-każijiet previsti fl-Artikolu 392 paragrafi 1 u 1 bis tal-KPK.

17     Skond l-Imħallef li għamel ir-rinviju, it-talba tal-Ministeru Pubbliku għandha tiġi miċħuda abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali in eżami, safejn dawn ma jipprovdux li jista' jsir rikors għall-proċedura interlokutorja għas-smigħ tal-provi, jew li jkunu jistgħu jintużaw proċeduri partikolari għas-smigħ tal-provi, fir-rigward ta' fatti bħal dawk li hija akkużata bihom is-Sinjura Pupino, għalkemm ma hemm ebda raġuni li tipprekludi lil dawn id-dispożizzjonijiet milli jkopru każijiet oħra, apparti dawk imsemmija fl-Artikolu 392(1) tal-KPK, li jistgħu perfettament ikunu aktar gravi għall-vittma minn dawk imsemmija f'din id-dispożizzjoni. Dan huwa l-każ fil-kawża prinċipali peress illi, skond il-Ministeru Pubbliku, is-Sinjura Pupino immaltrattat ħafna tfal ta' inqas minn ħames snin u b'hekk ikkaġunatilhom trawma psikoloġika.

18     Peress illi, fil-kunsiderazzjoni dwar jekk "jeżistix jew le effett dirett tal-leġiżlazzjoni komunitarja", l-Imħallef nazzjonali għandu "jinterpreta d-dritt nazzjonali fid-dawl tal-kliem u ta' l-ispirtu tad-dispożizzjonijiet komunitarji" u peress illi kellu dubju fir-rigward tal-kompatibbiltà ta' l-Artikoli 392 paragrafu 1 bis u 398 paragrafu 5 bis tal-KPK ma' l-Artikoli 2, 3, u 8 tad-deċiżjoni-qafas, safejn dawn jillimitaw il-fakultà ta' l-Imħallef inkarigat mill-investigazzjonijiet preliminari li jirrikorri, rispettivament, għas-smigħ antiċipat tal-provi u għall-proċeduri partikolari tal-ġbir u l-konstatazzjoni tal-provi f'reati sesswali jew dawk li għandhom konnotazzjoni sesswali biss, l-Imħallef inkarigat mill-investigazzjonijiet preliminari fit-Tribunale di Firenze ddeċieda li jissospendi il-proċeduri u jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar l-iskop ta' l-Artikoli 2, 3u 8 tad-deċiżjoni-qafas.

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

19     Permezz ta' l-Artikolu 46(b) UE, id-dispożizzjonijiet tat-Trattati KE, KEFA u KEEA dwar il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-eżerċizzju ta' din il-ġurisdizzjoni, li fosthom hemm l-Artikolu 234 KE, huma applikabbli ma' dawk tat-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 35 UE. Minn dan jirriżulta li s-sistema prevista fl-Artikolu 234 KE hija intiża li tapplika għall-ġurisdizzjoni tal-qorti li tagħti deċiżjonijiet preliminari skond l-Artikolu 35 UE, taħt il-kundizzjonijiet previsti f'din id-dispożizzjoni.

20     Kif ġie rrilevat fil-punt 5 ta' din is-sentenza, permezz ta' dikjarazzjoni li bdiet isseħħ fl-1 ta' Mejju 1999, data tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Amsterdam, ir-Repubblika Taljana indikat li kienet aċċettat il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-validità u l-interpretazzjoni ta' l-atti msemmija fl-Artikolu 35 UE skond kif previst fil-paragrafu 3 subparagrafu (b) ta' dan l-Artikolu.

21     Għal dak li għandu x'jaqsam ma' l-atti msemmija fl-Artikolu 35(1) UE, il-paragrafu 3 subparagrafu (b) ta' din id-dispożizzjoni jipprovdi, fi kliem identiku għal dak ta' l-ewwel u t-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 234 KE, li "kull qorti" ta' Stat Membru għandha il-fakultà li "[titlob] lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti [deċiżjoni] preliminari" fuq kwistjoni li tkun tqajmet f'kawża pendenti quddiemha dwar il-"validità jew l-interpretazzjoni" ta' tali atti, "meta l-qorti jew it-tribunal jikkunsidra li deċiżjoni dwar dik il-kwistjoni tkun meħtieġa biex tkun tista' tagħti [sentenza]".

22     Min-naħa, huwa stabbilit li l-Imħallef inkarigat mill-investigazzjonijiet preliminari fil-kuntest ta' proċediment kriminali, bħal dik fil-kawża prinċipali, jintervjeni fl-eżerċizzju ta' kariga ġudizzjarja, b'mod illi għandu jiġi kkunsidrat bħala "qorti jew tribunal ta' Stat Membru" skond l-Artikolu 35 UE (ara f'dan is-sens, dwar l-Artikolu 234 KE, sentenzi tat-23 ta' Frar 1995, Cacchiarelli u Stanghellini, C-54/94 u C-74/94, Ġabra p. I-391, u tat-12 ta' Diċembru 1996, X, C-74/95 u C-129/95, Ġabra p. I-6609) u, min-naħa l-oħra, huwa stabbilit li d-deċiżjoni-qafas, ibbażata fuq l-Artikoli 31 UE u 34 UE, taqa' taħt l-atti imsemmija fl-Artikolu 35(1) UE, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista' tagħti deċiżjoni preliminari dwarhom.

23     Hekk kif ġie stabbilit li fil-prinċipju l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi d-domanda preliminari magħmula lilha, il-Gvern Franċiż u dak Taljan qajmu eċċezzjoni ta' inammissibbiltà kontra t-talba ppreżentata, ibbażata fuq il-fatt li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ma kinitx ser tkun utli għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

24     Il-Gvern Franċiż isostni li l-Imħallef li għamel ir-rinviju qed jipprova japplika ċerti dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni-qafas minflok il-leġiżlazzjoni nazzjonali, filwaqt li, skond l-istess kliem ta' l-Artikolu 34(2)(b) UE, id-deċiżjonijiet-qafas ma jistax ikollhom effett dirett. Barra minn hekk, skond l-imsemmi Gvern, li huwa ta' l-istess fehma ta' l-Imħallef li għamel ir-rinviju, mhuwiex possibbli li tingħata interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun konformi mad-deċiżjoni-qafas. Pero', konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta' interpretazzjoni konformi ma jwassalx għal interpretazzjoni li tmur kontra l-liġi u lanqas għal aggravament tas-sitwazzjoni ta' individwu fil-kuntest ta' proċedimenti kriminali, abbażi tad-deċiżjoni-qafas biss, kif madankollu huwa l-każ fil-kawża prinċipali.

25     Il-Gvern Taljan isostni, prinċipalment, li d-deċiżjoni-qafas u d-direttiva komunitarja jikkostitwixxu sorsi tad-dritt li huma fundamentalment differenti minn xulxin u li d-deċiżjoni-qafas ma toħloqx obbligu fuq l-Imħallef nazzjonali li ta' interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali, bħalma stabbiliet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha fir-rigward tad-direttivi komunitarji.

26     Mingħajr ma espressament juri dubji fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, l-Gvern Żvediż u dak tar-Renju Unit jaqblu mal-Gvern Taljan, filwaqt li jinsistu, b'mod partikolari, fuq in-natura intergovernattiva tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-kuntest tat-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

27     Fl-aħħar nett, il-Gvern Olandiż ipoġġi l-enfasi fuq il-limiti imposti fir-rigward ta' l-obbligu ta' interpretazzjoni konformi u jqajjem il-kwistjoni dwar jekk għandux jiġi stabbilit, kemm-il darba dan l-obbligu japplika għad-deċiżjonijiet-qafas, jekk jistgħux japplikaw għall-kawża prinċipali, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni preċiżament dawn il-limiti.

28     Għandu jiġi rrilevat li, kif enfasizzat fil-punt 19 ta' din is-sentenza, is-sistema prevista fl-Artikolu 234 KE hija intiża li tapplika għall-Artikolu 35 UE, taħt il-kundizzjonijiet previsti f'din l-aħħar dispożizzjoni.

29     L-istess bħall-Artikolu 234 KE, l-Artikolu 35 UE jissuġġetta l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tagħti deċiżjoni preliminari, għall-kundizzjoni li l-qorti jew it-tribunal nazzjonali "jikkunsidra li deċiżjoni dwar dik il-kwistjoni tkun meħtieġa biex tkun tista' tagħti [sentenza]", b'mod illi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata ma' l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari rrinvijati skond l-Artikolu 234 KE, tista', fil-prinċipju, tiġi trasposta fit-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 35 UE.

30     Minn dan isegwi li l-preżunzjoni ta' rilevanza marbuta mad-domandi preliminari rrinvijati mill-qrati nazzjonali tista' tiġi eskluża f'każijiet eċċezzjonali, meta huwa manifestament ċar li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt ta' l-Unjoni kkunsidrati f'dawn id-domandi ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew l-għan tal-kawża prinċipali jew meta l-problema hija ta' natura ipotetika jew li l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-elementi ta' fatt jew ta' dritt neċessarji sabiex tirrispondi, b'mod utli, għad-domandi rrinvijati. Ħlief f'tali ipoteżi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-prinċipju, tagħti deċiżjoni fir-rigward tad-domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni ta' l-atti msemmija fl-Artikolu 35(1) UE (ara, safejn jikkonċernaw l-Artikolu 234 KE, b'mod partikolari, sentenzi tas-7 ta' Settembru 1999, Beck u Bergdorf, C-355/97, Ġabra p. I-4977, punt 22 u tas-7 ta' Ġunju 2005, VEMW et., C-17/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 34).

31     Fir-rigward ta' l-argumenti żviluppati mill-Gvernijiet ta' l-Italja, Franza, l-Olanda l-Iżvezja u tar-Renju Unit, għandu jiġi eżaminat jekk, kif jippreżupponi l-Imħallef nazzjonali u kif inhuwa sostnut mill-Gvernijiet tal-Greċja, Franza, il-Portugal u l-Kummissjoni, l-obbligu ta' l-awtoritajiet nazzjonali li, safejn huwa possibbli, jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom fid-dawl tat-test u ta' l-għan tad-direttivi komunitarji, japplikax bl-istess effetti u limiti meta l-att ikkonċernat huwa deċiżjoni-qafas ibbażat fuq it-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

32     F'każ ta' risposta pożittiva, għandu jiġi vverifikat jekk, kif osservat mill-Gvernijiet ta' l-Italja, Franza, l-Iżvezja u tar-Renju Unit, huwiex ċar li risposta għad-domanda preliminari ma tistax ikollha effett konkret fuq is-soluzzjoni tal-kawża prinċipali meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-limiti inerenti għall-obbligu ta' interpretazzjoni konformi.

33     Għandu mill-ewwel jiġi rrilevat li l-kliem ta' l-Artikolu 34(2)(b) UE huwa strettament ispirat minn dak tat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 249 KE. L-Artikolu 34(2)(b) UE jattribwixxi natura vinkolanti lid-deċiżjonijiet-qafas fis-sens li huma "jorbtu" lill-Istati Membri "dwar ir-riżultat li għandu jinkiseb iżda jħallu f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali l-għażla tal-forma u l-metodi".

34     In-natura vinkolanti tad-deċiżjonijiet-qafas, ifformulata bi kliem identiku għal dak tat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 249 KE, iġġib magħha obbligu ta' interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali fuq l-awtoritajiet nazzjonali, speċjalment il-qrati nazzjonali.

35     Il-fatt li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 35 UE hija inqas estiża fil-kuntest tat-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea milli taħt it-Trattat KE u l-fatt li ma teżisti ebda sistema kompluta ta' rimedji ġuridiċi u proċeduri intiżi sabiex jassiguraw il-legalità ta' l-atti ta' l-istituzzjonijiet fil-kuntest ta' l-imsemmi Titolu VI ma jipprekludux din il-konklużjoni.

36     Fil-fatt, indipendentement mill-grad ta' integrazzjoni indikat fit-Trattat ta' Amsterdam fil-proċess għall-ħolqien ta' unjoni dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli ta' l-Ewropa skond it-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 1 UE, wieħed jista' perfettament jifhem li l-awturi tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ħasbu li jkun utli li jipprovdu, fil-kuntest tat-Titolu VI tat-Trattat, ir-rikors għal strumenti ġuridiċi li għandhom effetti analogi għal dawk previsti fit-Trattat KE, bil-għan li jikkontribbwixxu, b'mod effikaċi, sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' l-Unjoni.

37     L-importanza tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjonijiet preliminari skond l-Artikolu 35 UE hija kkonfermata bil-fatt li, kull Stat Membru, sew jekk għamel dikjarazzjoni sew jekk le, bis-saħħa tal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, għandu d-dritt, skond il-paragrafu 2 ta' l-imsemmi Artikolu, li jippreżenta sottomissjonijiet jew osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi li jiġu quddiemha taħt il-paragrafu 1 ta' l-istess dispożizzjoni.

38     Din il-ġurisdizzjoni jitneħħielha l-aspett essenzjali ta' l-effett utli tagħha jekk l-individwi ma jkollhomx id-dritt li jinvokaw id-deċiżjonijiet-qafas bil-għan li jiksbu interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali quddiem il-qrati ta' l-Istati Membri.

39     In sostenn tat-teżi tagħhom, il-Gvernijiet ta' l-Italja u tar-Renju Unit jgħidu li, b'differenza mit-Trattat KE, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma jinvolvi ebda obbligu analogu għal dak previst fl-Artikolu 10 KE, li fuqu hija bbażata parti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġġustifika l-obbligu ta' interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali fid-dawl tad-dritt komunitarju.

40     Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

41     It-tieni u t-tielet paragrafi ta' l-Artikolu 1 u tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprovdi li dan it-trattat huwa pass ġdid lejn il-ħolqien ta' unjoni dejjem iżjed ravviċinata fost il-popli ta' l-Ewropa u li x-xogħol ta' l-Unjoni, li hija bbażata fuq il-Komunitajiet Ewropej b'żieda ta' linji politiċi u forom ta' kooperazzjoni stabbiliti permezz ta' l-imsemmi Trattat, huwa li torganizza, b'mod li jixhed koerenza u solidarjetà, ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u bejn il-popli tagħhom.

42     Ikun diffiċli għall-Unjoni li twettaq ix-xogħol tagħha b'mod effikaċi jekk il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali, li jimplika partikolarment li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha ġenerali jew partikolari sabiex jiggarantixxu l-eżekuzzjoni ta' l-obbligi tagħhom taħt d-dritt ta' l-Unjoni Ewropea, ma jkunx impost ukoll fil-kuntest tal-kooperazzjoni mill-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali, li fuq kollox hija bbażata kompletament fuq il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, kif ġie rrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tagħha.

43     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-prinċipju ta' interpretazzjoni konformi japplika fir-rigward ta' deċiżjonijiet-qafas adottati fil-kuntest tat-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Waqt li tapplika d-dritt nazzjonali, il-qorti tar-rinviju li trid tinterpreta dan id-dritt għandha, kemm huwa possibbli, tagħmel dan fid-dawl tat-test u ta' l-għan tad-deċiżjoni-qafas sabiex jintlaħaq ir-riżultat maħsub f'din ta' l-aħħar u sabiex ikun hemm konformità ma' l-Artikolu 34(2)(b) UE.

44     Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu ta' l-Imħallef nazzjonali li jirreferi għall-kontenut tad-deċiżjoni-qafas meta jinterpreta r-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali tiegħu jsib il-limiti tiegħu fil-prinċipji ġenerali tad-dritt, u b'mod partikolari f'dawk ta' ċertezza legali u ta' non-retroattività.

45     Dawn il-prinċipji jipprekludu b'mod partikolari lill-imsemmi obbligu milli jwassal li tiġi ddeterminata jew aggravata, fuq il-bażi tad-deċiżjoni-qafas u indipendentement minn liġi adottata għall-implementazzjoni ta' din ta' l-aħħar, ir-responsabbiltà kriminali ta' dawk li jiksru d-dispożizzjonijiet tagħha (ara, fir-rigward tad-direttivi komunitarji, b'mod partikolari, sentenzi X, iċċitata aktar 'il fuq, punt 24 u tat-3 ta' Mejju 2005, Berlusconi et., C-387/02, C-391/02 u C-403/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 74).

46     Madankollu, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet li jiffurmaw is-suġġett ta' din it-talba għal deċiżjoni preliminari mhumiex dwar ir-responsabbiltà kriminali tal-persuna kkonċernata, iżda dwar l-iżvolġiment tal-proċediment u dwar il-proċeduri ta' smigħ tal-provi.

47     L-obbligu ta' Mħallef nazzjonali li jirreferi għall-kontenut ta' deċiżjoni-qafas fl-interpretazzjoni tar-regoli rilevanti tad-dritt nazzjonali tiegħu jispiċċa meta dan l-obbligu ma jkunx jista' jiġi applikat b'mod li jinkiseb riżultat kompatibbli ma' dak maħsub minn din id-deċiżjoni-qafas. Fi kliem ieħor, il-prinċipju ta' interpretazzjoni konformi ma jistax ikun ta' bażi għal interpretazzjoni li tmur kontra l-liġi nazzjonali. Madankollu, dan il-prinċipju jirrikjedi li l-qorti nazzjonali tieħu in kunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, id-dritt nazzjonali kollu sabiex tevalwa safejn dan għandu jiġi applikat b'mod li ma jinkisibx riżultat li jmur kontra dak maħsub mid-deċiżjoni-qafas.

48     Għaldaqstant, kif irrilevat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tagħha, ma jidhirx li interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali in konformità mad-deċiżjoni-qafas hija impossibbli fil-kawża prinċipali. Għandu jkun l-Imħallef nazzjonali li jivverifika jekk, fl-imsemmija kawża, huwiex possibbli li tingħata interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali tiegħu.

49     B'din il-premessa, għandha tingħata risposta għad-domanda preliminari.

 Fuq id-domanda preliminari

50     Permezz tad-domanda tiegħu, l-Imħallef li għamel ir-rinviju jixtieq, essenzjalment, isir jaf jekk l-Artikoli 2, 3 u 8(4) tad-deċiżjoni-qafas għandhomx jiġu interpretati fis-sens li qorti nazzjonali għandha jkollha l-possibbiltà li tawtorizza lil tfal ta' età żgħira li, bħal dawk fil-kawża prinċipali, kienu allegatament vittmi ta' maltrattament, jagħtu x-xhieda tagħhom permezz ta' proċeduri li jiggarantulhom livell xieraq ta' protezzjoni, barra mis-seduta pubblika u qabel ma tinżamm din is-seduta.

51     Konformement ma' l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni-qafas, kull Stat Membru għandu jiggarantixxi lill-vittmi l-possibbiltà li jinstemgħu matul il-proċediment, kif ukoll li jressqu xi provi, u għandu jieħu l-miżuri xierqa sabiex l-awtoritajiet jinterrogaw lill-vittmi biss safejn dan huwa neċessarju għall-iskop tal-proċedimenti kriminali.

52     L-Artikoli 2 u 8(4) ta' din id-deċiżjoni-qafas jobbligaw kull Stat Membri jieħdu azzjoni sabiex jiggarantixxu lill-vittmi trattament li jkun jirrispetta d-dinjità personali tagħhom waqt il-proċediment, jaraw li l-vittmi partikolarment vulnerabbli jibbenefikaw minn trattament speċifiku li jikkorrispondi l-aħjar għas-sitwazzjoni tagħhom u jiggarantixxu, meta jkun neċessarju li jipproteġu lill-vittmi, partikolarment dawk l-aktar vulnerabbli, mill-konsegwenzi tax-xhieda tagħhom f'seduta pubblika, li huma jkunu jistgħu, abbażi ta' deċiżjoni tal-qorti, jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ta' testimonjanza li jippermettu li dan l-għan jintlaħaq, b'kull mezz xieraq li huwa kompatibbli mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tiegħu.

53     Id-deċiżjoni-qafas ma tagħtix definizzjoni tal-kunċett ta' vulnerabbiltà tal-vittma skond l-Artikoli 2(2) u 8(4) tagħha. Madankollu, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-fatt li l-vittma ta' reat kriminali hija minuri huwiex biżżejjed, bħala regola ġenerali, sabiex tali vittma tiġi kkwalifikata bħala partikolarment vulnerabbli skond id-deċiżjoni-qafas, ma jistax jiġi kkontestat li meta, bħal fil-kawża prinċipali, tfal ta' età żgħira jallegaw li kienu soġġetti għal maltrattamenti, fuq kollox minn għalliema, dawn it-tfal jistgħu jiġu kkwalifikati bħala tali, partikolarment fid-dawl ta' l-età tagħhom, kif ukoll tan-natura u tal-konsegwenzi tar-reati li huma jsostni li kienu vittmi tagħhom, bil-għan illi jibbenefikaw mill-protezzjoni speċifika meħtieġa mid-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni-qafas iċċitati aktar 'il fuq.

54     Ebda waħda mit-tliet dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni-qafas imsemmija mill-Imħallef li għamel ir-rinviju ma tagħti dettalji konkreti ta' kif għandhom jiġu implementi l-għanijiet iddikjarati minnha, li jikkonsistu, b'mod partikolari, f'li lill-vittmi partikolarment vulnerabbli jiġi assigurat "trattament speċifiku li jikkorrispondi l-aħjar għas-sitwazzjoni tagħhom", b'mod illi jibbenefikaw minn "kundizzjonijiet ta' testimonjanza" partikolari, ta' natura li tiggarantixxi lill-vittmi kollha trattament "li jkun jirrispetta d-dinjità personali tagħhom", il-possibbiltà li jinstemgħu u li "jressqu provi", kif ukoll li tara li dawn il-vittmi jiġu "interrogati biss safejn dan huwa neċessarju għall-iskop tal-proċedimenti kriminali".

55     Skond il-leġiżlazzjoni in eżami fil-kawża prinċipali, ix-xhieda mogħtija matul l-investigazzjonijiet preliminari għandha ġeneralment terġa' tinstema' fis-seduta pubblika sabiex takkwista l-valur ta' prova minnha nnifisha. Madankollu, f'ċerti każijiet huwa permess li xhieda tingħata darba biss, matul il-kors ta' l-investigazzjonijiet preliminari, bl-istess valur probatorju, iżda permezz ta' proċeduri differenti minn dawk li għandhom jintużaw f'seduta pubblika.

56     F'dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddikjarati fid-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni-qafas iċċitati aktar 'il fuq, jeħtieġ li qorti nazzjonali jkollha l-possibbiltà, għall-vittmi partikolarment vulnerabbli, li tuża proċedura speċjali, bħall-proċedura interlokutorja għas-smigħ antiċipat tal-provi previst fid-dritt ta' Stat Membru, kif ukoll il-proċeduri partikolari biex tinġabar xhieda intiżi ukoll sabiex, jekk din il-proċedura tikkorrispondi l-aħjar għas-sitwazzjoni ta' dawn il-vittmi u tevita li jintilfu xi elementi ta' prova, tnaqqas għall-minimu l-ammont ta' drabi li l-interrogatorji jiġu ripetuti u timpedixxi l-konsegwenzi preġudizzjali, għall-imsemmija vittmi, tax-xhieda tagħhom f'seduta pubblika.

57     F'dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li skond l-Artikolu 8(4) tad-deċiżjoni-qafas, il-kundizzjonijiet li fihom tingħata xhieda għandhom, fi kwalunkwe każ, ikunu kompatibbli mal-prinċipji fundamentali tad-dritt ta' l-Istat Membru kkonċernat.

58     Barra minn hekk, permezz ta' l-Artikolu 6(2) UE, l-Unjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali, kif inhuma ggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f'Ruma fl-4 ta' Novembru 1950 (aktar 'il quddiem il-"Konvenzjoni"), u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet komuni ta' l-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tad-dritt.

59     Għaldaqstant id-deċiżjoni-qafas għandha tiġi interpretata b'tali mod illi jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali, fosthom b'mod partikolari, għandu jiġi indikat dritt għal smigħ xieraq, kif iddikjarat fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni u interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

60     Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tassigura li, kemm-il darba r-rikors għall-proċedura interlokutorja għas-smigħ antiċipat tal-provi u s-smigħ permezz ta' proċeduri partikolari previsti fid-dritt Taljan huwa possibbli fil-każ in eżami, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni l-obbligu ta' interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali, l-applikazzjoni ta' dawn il-miżuri mhijiex tali li tippriva lis-Sinjura Pupino mid-dritt tas-smigħ xieraq fil-proċediment kriminali, liema proċediment huwa kkunsidrat fit-totalità tiegħu, skond l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ara, b'mod partikolari, Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenzi ta' l-20 ta' Diċembru 2001, P.S. vs Il-Ġermanja; tat-2 ta' Lulju 2002, S.N. vs L-Iżvezja, Recueil des arrêts et décisions 2002-V, tat-13 ta' Frar 2004, Rachdad vs Franza, u deċiżjoni ta' l-20 ta' Jannar 2005, Accardi et. vs L-Italja, rikors nru 30598/02).

61     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 2, 3 u 8(4) tad-deċiżjoni-qafas għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti nazzjonali għandha jkollha l-possibbiltà tawtorizza li tfal ta' età żgħira, bħal dawk fil-kawża prinċipali, li kienu allegatament vittmi ta' maltrattament, jagħtu x-xhieda tagħhom permezz ta' proċeduri li jiggarantixxu lil dawn it-tfal livell xieraq ta' protezzjoni, per eżempju barra mis-seduta pubblika u qabel ma tinżamm din is-seduta. Il-qorti nazzjonali għandha tieħu in kunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u tinterpretahom, safejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll ta' l-għan ta' l-imsemmija deċiżjoni-qafas.

 Fuq l-ispejjeż

62     Peress illi l-proċedura hija parti mill-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din ta' l-aħħar li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali. L-ispejjeż involuti sabiex jiġu ppreżentati sottomissjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, apparti dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jiġu mħallsa lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tiddeċiedi li:

L-Artikoli 2, 3 u 8(4) tad-Deċiżjoni-Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI, tal-15 ta' Marzu 2001, dwar il-pożizzjoni tal-vittmi fil-kuntest ta' proċedimenti kriminali, għandha tiġi interpretata fis-sens li l-qorti nazzjonali għandu jkollha l-possibbiltà tawtorizza li tfal ta' età żgħira, bħal dawk fil-kawża prinċipali, li kienu allegatament vittmi ta' maltrattament, jagħtu x-xhieda tagħhom permezz ta' proċeduri li jiggarantixxu lil dawn it-tfal livell xieraq ta' protezzjoni, per eżempju barra mis-seduta pubblika u qabel ma tinżamm din is-seduta.

Il-qorti nazzjonali għandha tieħu in kunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u tinterpretahom, safejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll ta' l-għan ta' l-imsemmija deċiżjoni-qafas.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.