62003J0104



European Court reports 2005 Page 00000


Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet


Fil-kawża C-104/03

li għandha bħala għan talba għal deċiżjoni preliminari taħt il-Protokoll tat-3 ta' Ġunju 1971 dwar l-interpretazzjoni, mill-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi ta' natura ċivili u kummerċjali, magħmula mill-Gerechtshof te Amsterdam (Olanda), permezz ta' deċciżjoni tat-12 ta' Diċembru 2002, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta' Marzu 2003, fil-proċedura

St. Paul Dairy Industries NV

vs

Unibel Exser BVBA

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann (Relatur), President ta' Awla, N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues, M. Ilei u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: M.-F. Contet, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta' l-14 ta' Lulju 2004,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:

- għal St. Paul Dairy Industries NV, minn R. M. A. Lensen, advocaat ,

- għal Unibel Exser BVBA, minn I. P. de Groot, advocaat ,

- għall-Gvern Ġermaniż, minn R. Wagner, bħala aġent,

- għall-Gvern tar-Renju Unit, minn K. Manji, bħala aġent, assistit minn M. T. Ward, barrister ,

- għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn E. Manhaeve u A.-M. Rouchaud-Joët, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta' Settembru 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza


1. It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi ta' natura ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata permezz tal-Konvenzjoni tad-9 ta' Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq (ĠU L 304, p. 1 u - test emendat - p. 77), permezz tal-Konvenzjoni tal-25 ta' Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388, p. 1), permezz tal-Konvenzjoni tas-26 ta' Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja u tar-Repubblika Portugiża (ĠU L 285, p. 1) u permezz tal-Konvenzjoni tad-29 ta' Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Isvezja (ĠU 1997, C 15, p. 1, minn hawn 'il quddiem imsejħa l-"Konvenzjoni").

2. Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn St. Paul Dairy Industries NV (minn hawn 'il quddiem imsejħa "St. Paul Dairy") u Unibel Exser BVBA (minn hawn 'il quddiem imsejħa "Unibel"), it-tnejn stabbiliti fil-Belġju, fir-rigward tas-smiegħ ta' xhud li d-domiċilju tiegħu huwa fl-Olanda.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Konvenzjoni

3. L-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni jipprovdi li:

"Jista' jsir rikors quddiem il-qrati ta' Stat Kontraenti għal dawk il-miżuri proviżjorji, inklużi dawk protettivi, li jistgħu jkunu disponibbli taħt il-liġi ta' dak l-Istat, ukoll jekk, taħht din il-Konvenzjoni, il-qrati ta' xi Stat Kontraenti ieħor ikollhom ġurisdizzjoni dwar is-sustanza tal-mertu."

Il-liġi nazzjonali

4. L-Artikolu 186 (1) tal-Wetboek van Burgerlijke Rechtsvordering (kodiċi ta' proċedura ċivili ta' l-Olanda, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "KPĊO") jipprovdi li, fil-każijiet fejn il-liġi taċċetta prova permezz ta' xhud, is-smiegħ proviżorju ta' xhieda jista' jiġi ordnat fuq it-talba tal-parti kkonċernata, qabel ma tkun ġiet ippreżentata kawża.

Il-kawża prinċipali u d-domandi għhal deċiżjoni prelimari

5. Permezz ta' ordni, tat-23 ta' April 2002, ir-Rechtbank te Haarlem (Olanda), fuq talba ta' Unibel, ordnat is-smiegħ proviżjorju ta' xhud li d-domiċilju tiegħu huwa fl-Olanda.

6. St. Paul Dairy appellat minn din l-ordni fil-Gerechtshof te Amsterdam, fejn sostniet li l-qorti Olandiża ma kellix ġurisdizzjoni biex tisma' t-talba magħmula minn Unibel.

7. Fir-rigward tal-kwistjoni essenzjali bejn Unibel u St. Paul Dairy, l-ordni ta' rinviju tindika l-fatti li ż-żewġ partijiet huma stabbiliti fil-Belġju, li r-relazzjoni ġuridika in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija regolata mil-liġi Belġjana, li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tisma' l-kawża hija l-qorti Belġjana u li ma tressqet ebda kawża dwar l-istess suġġett fl-Olanda jew fil-Belġju.

8. F'dawn iċ-ċirkostanzi, il-Gerechtshof te Amsterdam iddeċidiet tissospendi l-proċeduri quddiemha u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari:

"1) Il-proċedura tas-'smiegħ ta' xhieda qabel ma tkun ippreżentata kawża', regolata mill-Artikoli 186 et seq [KPĊO], taqa' taħt l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Brussell, fid-dawl tal-fatt li, konformement ma' l-Artikoli hawn fuq imsemmija, din il-proċedura mhux biss tippermetti li x-xhieda tista' tittieħed fi żmien qasir wara li jseħħu l-fatti in kwistjoni u li jiġi evitat li jintilfu xi provi, iżda ukoll, u b'mod partikolari, li tipprovdi l-opportunità lil kull parti li għandha interess f'kawża ppreżentata sussegwentement fil-qorti ċivili - jiġifieri, dawk jikkunsidraw iressqu kawża jew dawk li jistennew li tali kawża tiġi mressqa kontrihom jew terzi li b'xi mod ieħor għandhom interess f'tali kawża - sabiex tikseb xi kjarifikazzjonijiet minn qabel dwar il-fatti (li jista' jkun li dwarhom ma jkunx għad għandha tagħrif preċiż) sabiex tkun tista' tevalwa l-pożizzjoni tagħha b'mod aħjar, b'mod partikolari sabiex issir taf kontra min għandha tippreżenta l-kawża?

2) F'każ ta' tweġiba fl-affermattiv, din tikkostitwixxi miżura skond l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta' Brussell?"

Dwar id-domandi għal deċiżjoni preliminari

9. Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, jistaqsu essenzjalment jekk talba għas-smiegħ ta' xhud li ssir qabel jitressqu proċeduri fuq il-mertu, bil-għan li l-applikant ikun jista' jevalwa l-possibiltà li eventwalment jippreżenta kawża, taqax taħt l-iskop ta' applikazzjoni tal-Konvenzjoni bħala miżura proviżorja, inkluża dik protettiva skond l-Artikolu 24 ta' din il-Konvenzjoni.

10. Preliminarjament, għandu jiġi nnutat li l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ma jistax jiġi invokat bil-għan li jinkisbu miżuri proviżorji, inklużi dawk protettivi ħlief fl-oqsma li jaqgħu taħt l-iskop ta' applikazzjoni materjali tal-Konvenzjoni, kif definiti fl-Artikolu 1 tagħha (sentenzi tas-27 ta' Marzu 1979, De Cavel, Kawża 143/78, Ġabra p. 1055, paragrafu 9, tal-31 ta' Marzu 1982, C.H.W. , Kawża 25/81, Ġabra p. 1189, paragrafu 12, u tas-17 ta' Novembru 1998, Van Uden , Kawża C-391/95, Ġabra p. I-7091, paragrafu 30). Għaldaqstant hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

11. L-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni jawtorizza qorti ta' Stat Kontraenti sabiex tiddeċiedi dwar talba għal miżura proviżorja, inkluża dik protettiva anke jekk hija m'għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tisma' l-mertu tal-kawża. Għaldaqstant din id-dispożizzjoni tipprovdi eċċezzjoni għas-sistema ta' ġurisdizzjoni kif stabbilita fil-Konvenzjoni u għalhekk għandha tiġi interpretata b'mod restrittiv.

12. Il-ġurisdizzjoni stabbilita permezz ta' deroga fl-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni hija intiża sabiex jiġi evitat preġudizzju lill-partijiet minħabba t-tul tat-termini inerenti f'kull proċedura internazzjonali.

13. Konformement ma' dan il-għan, il-frażi "miżuri proviżjorji, inklużi dawk protettivi" fil-kuntest ta' l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni, għandha tinftiehem li tirreferi għal-miżuri li, fi kwistjonijiet li jaqgħu taħht l-iskop ta' applikazzjoni tal-Konvenzjoni, huma intiżi sabiex jippreservaw sitwazzjoni ta' fatt jew ta' dritt bil-għan illi jħarsu d-drittijiet li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni tkun qegħda tintalab tirrikonoxxi (sentenzi tas-26 ta' Marzu 1992, Reichert u Kockler , Kawża C-261/90, Ġabra p. I-2149, paragrafu 34, u Van Uden , hawn fuq imsemmija, paragrafu 37).

14. L-għoti ta' tali miżuri jirrikjedi, flimkien ma' attenzjoni partikolari min-naħa tal-qorti, konoxxenza dettaljata taċ-ċirkostanzi konkreti li fihom il-miżuri ser ikollhom effett. Ġeneralment, il-qorti għandha tissoġġetta l-awtorizzazzjoni tagħha għall-kundizzjonijiet kollha li jiggarantixxu n-natura proviżorja, inkluża dik protettiva tal-miżura li tkun ordnata (sentenzi tal-21 ta' Mejju 1980, Denilauler , Kawża 125/79, Ġabra p. 1553, paragrafu 15, u Van Uden , hawn fuq imsemmija, paragrafu 38).

15. Fil-kawża prinċipali, il-miżura mitluba, jiġifieri s-smiegħ, quddiem qorti ta' Stat Kontraenti, ta' xhud li d-domiċilju tiegħu huwa fit-territorju ta' dan l-Istat, għandha l-għan li tistabbilixxi l-fatti li fuqhom tkun tiddependi s-soluzzjoni ta' kawża fil-futur, fir-rigward ta' liema, qorti ta' Stat Kontraenti ieħor ikollha ġurisdizzjoni.

16. Mill-ordni tar-rinviju jirriżulta li l-għan ta' din il-miżura, li l-għoti tagħha, skond il-liġi ta' l-Istat Kontraenti kkonċernat, mhuwa assoġġettat għal ebda kundizzjoni partikolari, huwa li tippermetti lill-applikant jevalwa l-possibiltà li eventwalment jippreżenta kawża, jiddetermina l-bażi ta' tali kawża u jevalwa r-rilevanza tal-provi li jistgħu jinġabu f'dak il-kuntest.

17. Fin-nuqqas ta' kull ġustifikazzjoni oħra apparti l-interess ta' l-applikant li jevalwa l-possibiltà ta' proċedura fuq il-mertu, għandu jiġi kkonstatat li l-miżura mitluba fil-kawża prinċipali ma ssegwix l-għan ta' l-Artikolu 24 tal-Konvenżjoni, kif ġie indikat fil-paragrafi 12 u 13 ta' din is-sentenza.

18. F'dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-għoti ta' tali miżura jista' faċilment jiġi użat sabiex jiġu evitati, fi stadju ta' l-istruttorja, ir-regoli ta' ġurisdizzjoni stabbiliti fl-Artikolu 2 u l-Artikoli 5 sa 18 tal-Konvenzjoni.

19. Madankollu, il-prinċipju ta' ċertezza legali, li jikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet tal-Konvenzjoni, jirrikjedi, b'mod partikolari, li r-regoli ta' ġurisdizzjoni li jidderogaw mill-prinċipju ġenerali tal-Konvenzjoni stabbilit fl-Artikolu 2 tagħha, bħar-regola fl-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni, għandhom jiġu interpretati b'mod illi jippermettu lill-applikant normalment infurmat tajjeb sabiex jaħseb raġonevolment quddiem liema qorti, apparti dik ta' l-Istat li fih għandu d-domiċilju tiegħu, tista' tinfetaħ kawża kontrieh (ara, f'dan is-sens, sentenzi tat-28 ta' Settembru 1999, GIE Groupe Concorde et , Kawża C-440/97, Ġabra p. I-6307, paragrafi 23 u 24, tad-19 ta' Frar 2002, Besix , Kawża C-256/00, Ġabra p. I-1699, paragrafu 24 u ta' l-1 ta' Marzu 2005, Owusu , Kawża C-281/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, paragrafi 38 sa 40).

20. L-għoti ta' miżura bħhal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija ukoll tali li twassal għal multiplikazzjoni ta' bażijiet ta' ġurisdizzjoni fir-rigward ta' l-istess relazzjoni ġuridika, li huwa kontra l-għanijiet tal-Konvenzjoni (sentenza ta' l-20 ta' Marzu 1997, Farrell , Kawża C-295/95, Ġabra p. I-1683, paragrafu 13).

21. Jekk konsegwenzi bħal dawk deskritti fil-paragrafi 18 u 20 ta' din is-sentenza huma inerenti fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni, dawn huma ġġustifikati biss safejn il-miżura mitluba ssegwi l-għan ta' l-imsemmi artikolu.

22. Kif ġie kkonstatat fil-paragrafu 17 ta' din is-sentenza, dan mhuwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

23. Barra minn hekk, talba għas-smiegħ ta' xhud f'ċirkostanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali tista' tiġi użata bħala mezz sabiex jiġu evitati r-regoli li jirregolaw, fuq il-bażi ta' l-istess garanziji u bl-istess effetti għall-individwi kollha, it-trażmissjoni u t-trattament tal-mistoqsijiet magħmula minn qorti ta' Stat Membru u intiżi sabiex issir istruttorja fi Stat Membru ieħor [ara r-Regolament tal-Kunsill Nru 1206/2001, tat-28 ta' Mejju 2001, dwar kooperazzjoni bejn il-qrati ta' l-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali (ĠU L 174, p. 1)].

24. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma biżżejjed sabiex jeskludu miżura, li l-għan tagħha huwa li tippermetti lill-applikant jevalwa il-possibiltajiet u r-riskji ta' kawża eventwali, milli tiġi meqjusa bħala miżura proviżorja, inkluża dik protettiva skond l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni.

25. Għalhekk, it-tweġiba għad-domandi magħmula lill-Qorti għandha tkun li l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura li tordna s-smiegħ ta' xhud bil-għan li tippermetti lill-applikant jevalwa l-possibiltà li eventwalment jippreżenta kawża, jiddetermina l-bażi ta' tali kawża u jevalwa r-rilevanza tal-provi li jistgħu jinġabu f'dak il-kuntest ma taqax taħt il-kunċett ta' "miżuri proviżjorji, inklużi dawk protettivi".

Dwar l-ispejjeż

26. Peress illi, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, il-proċcedura hija parti mill-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din ta' l-aħħar li għandha tiddedieċi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż involuti sabiex jiġu ppreżentati osservazzjonijiet quddiem il-Qorti, apparti dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jiġu mħallsa lura.

Parti operattiva


Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tiddeċiedi li:

L-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni tas-27 ta' Settembru 1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi ta' natura ċivili u kummerċjali, kif emendatata permezz tal-Konvenzjoni tad-9 ta' Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta' l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq, permezz tal-Konvenzjoni tal-25 ta' Ottubru 1982 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika, permezz tal-Konvenzjoni tas-26 ta' Mejju 1989 dwar l-adeżjoni tar-Renju ta' Spanja u tar-Repubblika Portugiża u permezz tal-Konvenzjoni tad-29 ta' Novembru 1996 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika ta' l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta' l-Isvezja, għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura li tordna s-smiegħ ta' xhud bil-għan li tippermetti lill-applikant jevalwa l-possibiltà li eventwalment jippreżenta kawża, jiddetermina l-bażi ta' tali kawża u jevalwa r-rilevanza tal-provi li jistgħu jinġabu f'dak il-kuntest ma taqax taħt il-kunċett ta' "miżuri proviżjorji, inklużi dawk protettivi".