SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla)

15 ta’ Diċembru 2005 (*)

"Rikors għal annullament – Rifjut tal-Kummissjoni li tawtorizza l-użu ta’ żjut karburanti tqal li għandhom kontenut massimu ta’ kubrit ta’ 3% bil-massa f’parti mit-territorju Grieg – Direttiva 1999/32/KE – Kontenut ta’ kubrit f’ċerti karburanti likwidi"

Fil-kawża C-86/03

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, imressaq fis-26 ta’ Frar 2003,

ir-Repubblika Ellenika, rappreżentata minn P. Mylonopoulos u A. Samoni-Rantou, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti


vs

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, rappreżentata minn M. Konstantinidis u G. Valero Jordana, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

sostnuta minn:

il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, rappreżentat minn S. Kyriakopoulou u B. Hoff-Nielsen, bħala aġenti,

parti intervenjenti

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (l-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur), M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Tizzano,

Reġistratur: H. von Holstein, Assistent Reġistratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ April 2005,

wara li semgħet il-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Ġunju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Ellenika titlob l-annullament tad-deċiżjoni 2003/3/KE tal-Kummissjoni, tas-17 ta’ Diċembru 2002, dwar it-talba mressqa mill-Greċja sabiex tkun tista’ tawtorizza l-użu ta’ żjut karburanti tqal li għandhom kontenut massimu ta’ kubrit ta’ 3% bil-massa f’parti tat-territorju tagħha (ĠU 2003, L 4, p. 16, iktar ’il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"). Fit-tieni lok, hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 241 KE, tiddikjara inapplikabbli d-Direttiva tal-Kunsill 1999/32/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar it-tnaqqis tal-kontenut ta’ kubrit f’ċerti karburanti likwidi u li temenda d-Direttiva 93/12/KEE (ĠU L 121, p. 13, iktar ’il quddiem id-"Direttiva").

 Il-qafas ġuridiku u fattwali

 Id-Direttiva

2       L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva, li ġiet adotatta fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 130 S tat-Trattat KE (li, wara emenda, sar l-Artikolu 175 KE), jipprovdi li:

"1.       Il-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ diossidu tal-kubrit li jirriżultaw mill-kombustjoni ta’ ċerti tipi ta’ karburanti likwidi u b’hekk jitnaqqsu l-effetti ħżiena ta’ emissjonijiet simili fuq il-bniedem u l-ambjent.

2.       Tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ diossidu tal-kubrit li jirriżulta mill-kombustjoni minn ċerti karburanti likwidi li ġejjin miż-żejt għandu jinkiseb billi jkunu imposti limiti fuq il-kontenut ta’ kubrit ta’ karburanti simili bħala kondizzjoni għall-użu tagħhom ġewwa t-territorju ta’ l-Istati Membri.

[…]"

3       Skond l-Artikolu 3(1), (2) u (5) tad-Direttiva:

"1.       L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jassiguraw li mill-1 ta’ Jannar 2003 ġewwa t-territorju tagħhom żjut karburanti tqal ma jintużawx jekk il-kontenut ta’ kubrit tagħhom jeċċedi l-1.00% bil-massa.

2.      Kemm-il darba l-istandards tal-kwalità ta’ l-arja għad-diossidu tal-kubrit stabbiliti fid-Direttiva 80/779/KEE […] jew f’xi leġislazzjoni tal-Komunità li tħassar jew tibdel dawn l-istandards u disposizzjonijiet oħra relevanti tal-Komunità jkunu mħarsa u l-emissjonijiet ma jwasslux biex it-tagħbijiet kritiċi jkun maqbuża f’xi Stat Membru, Stat Membru jista’ jawtorizza żjut karburanti tqal b’kontenut ta’ kubrit ta’ bejn 1.00 u 3.00% bil-massa li jintuża f’parti jew it-territorju tiegħu kollu. Awtorizzazzjoni simili għandha tgħodd biss waqt li emissjonijiet minn Stat Membru ma jikkontribwixxux biex tagħbijiet kritiċi jiġu maqbuża f’xi Stat Membru.

[…]

5.      Jekk Stat Membru jagħmel użu mill-possibilitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, huwa għandu, ta’ l-anqas tnax-il xahar qabel, jinforma lill-Kummissjoni u lill-pubbliku. Il-Kummissjoni għandha tingħata informazzjoni biżżejjed biex tagħmel stima jekk il-kriterji msemmija fil-paragrtafu 2 humiex imħarsa. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra.

Fi żmien sitt xhur mid-data li fiha tirċievi l-informazzjoni mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tifli l-miżuri maħsuba u, skond il-proċedura imwaqqfa fl-Artikolu 9, tieħu deċiżjoni li għandha tikkomunika lill-Istati Membri. Din id-deċiżjoni għandha tiġi riveduta kull tmien snin fuq il-bażi ta’ informazzjoni li għandha tkun provduta lill-Kummissjoni mill-Istati Membri kkonċernati skond il-proċedura mwaqqfa fl-Artikolu 9."

4       Bis-saħħa tal-punt 6 ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva, għall-għan ta’ din l-istess Direttiva "tagħbija kritika tfisser stima kwantitattiva ta’ esposizzjoni għal materjal wieħed jew iżjed li jikkaġunaw it-tniġġiż li anqas minnha effetti dannużi sinjifikanti fuq elementi sensittivi ta’ l-ambjent ma jiġrux skond it-tagħrif tal-lum."

5       L-Artikolu 9 tad-Direttiva jgħid:

"Il-Kummissjoni għandha tkun mgħejjuna minn kumitat ta’ natura konsultattiva magħmul minn rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u presjedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-kumitat għandu jagħti l-fehma tiegħu fuq dak l-abbozz, f’limitu ta’ żmien li l-president jista’ jistabbilixxi skond l-urġenza tal-każ, jekk meħtieġ billi jittieħed vot.

L-opinjoni għandha tkun rekordjata fil-minuti; barra minn dan, kull Stat Membru għandu jkollu d-dritt jitlob li jkollu l-posizzjoni tiegħu rekordjata fil-minuti.

Il-Kummisjoni għandha tagħti l-akbar attenzjoni għall-opinjoni mogħtija mill-kumitat. Hija għandha tinforma lill-kumitat dwar il-mod kif l-opinjoni tiegħu ġiet meqjusa."

 Id-deċiżjoni kkontestata

6       Mill-premessi tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tagħha żvolġiet fil-mod segwenti.

7       Fis-17 ta’ Diċembru 2001, ir-Repubblika Ellenika talbet, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 3(2) tad-direttiva, l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni sabiex tuża żjut karburanti tqal li għandhom kontenut massimu ta’ kubrit ta’ 3% bil-massa fit-territorju kollu tagħha, bl-eċċezzjoni tal-baċir ta’ Attika (it-tielet premessa).

8       Fit-23 ta’ Jannar 2002, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Griegi informazzjoni addizzjonali li hija rċeviet fid-19 ta’ Frar 2002. Fl-4 ta’ Ġunju ta’ l-istess sena, il-Gvern Elleniku mmodifika t-talba tiegħu fis-sens li huwa talab għal deroga provviżorja sa l-2008 b’eżami mill-ġdid għall-perijodu li jifdal (ir-raba’ premessa).

9       Skond is-seba’ premessa, ir-Repubblika Ellenika sostniet, b’mod partikulari, li hija prattikament ma tikkontribwixxi la għad-depożiti ta’ kubrit u lanqas sabiex jkunu maqbuża t-tagħbijiet kritiċi għall-aċidità fl-Istati Membri l-oħra. Hija ammettiet li tikkontribwixxi 1% tad-depożiti ta’ kubrit fl-Italja.

10     Il-Kummissjoni talbet l-għajnuna tal-Programm Koperattiv għas-Sorveljar u l-Evalwazzjoni tat-Trażmissjoni fuq medda twila ta' Inkwinanti ta' l-Arja fl-Ewropa (iktar ’il quddiem l-"EMEP"). Għal dan il-għan, l-Istitut Norveġiż tal-Meteoroloġija (Meteorological Synthesizing Centre-West, iktar ’il quddiem l-"istitut") wettaq analiżi dettaljata tal-kontribuzzjoni Griega għad-depożiti ta’ kubrit, b’mod partikulari fl-Italja fejn hija rreġistrata qabża tat-tagħbijiet kritiċi għall-aċidità f’5% ta’ ekosistemi sensittivi għall-aċidifikazzjoni (it-tmien premessa).

11     Ir-riżultati ta’ din l-analiżi, mogħtija f’żewġ rapporti, tat-22 ta’ Frar u tat-22 ta’ Marzu 2002 rispettivament, jiżvelaw li l-emissjonijiet griegi jikkontribwixxu għal qabża tat-tagħbijiet kritiċi għall-aċidità f’ta' l-inqas sitta mill-kaxxi tal-grid (grid squares) fejn ġie stabbilit li t-tagħbijiet kritiċi kienu ġew maqbuża. F’dawk il-kaxxi tal-grid, il-kontribuzzjoni Griega ma taqbiżx il-0.5% u, minn dan, l-EMEP ikkonkludiet li l-analiżi tikkonferma l-kalkoli li jattribwixxu lir-Repubblika Ellenika 1% tad-depożiti totali ta’ kubrit fl-Italja (id-disa’ u l-għaxar premessa).

12     Il-kumitat konsultattiv imsemmi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva (iktar ’il quddiem il-"kumitat konsultattiv") iltaqa' għall-ewwel darba fil-15 ta’ April 2002. Huwa fatt stabbilit li, waqt din il-laqgħa, l-imsemmi kumitat iddikjara ruħu favorevoli għall-abbozz tal-Kummissjoni li jiċħad it-talba tal-Gvern Elleniku.

13     Skond il-ħdax-il premessa, fil-5 ta’ Lulju 2002, l-imsemmi gvern talab, lill-Kummissjoni sabiex terġa’ teżamina t-talba tiegħu, peress li n-notifika ppreżentata minn qabel ma kinitx kompluta u li xi informazzjoni addizzjonali kienet ser tiġi ppreżentata sa l-aħħar tax-xahar ta’ Lulju. Permezz ta’ ittra ddatata l-15 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Griegi sabiex jipprovdu l-informazzjoni msemmija malajr kemm jista’ jkun filwaqt li indikat li l-perijodu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 3(5) tad-direttiva jibda jiddekorri minn meta din l-informazzjoni tiġi irċevuta.

14     Fit-30 ta’ Lulju 2002, l-awtoritajiet Griegi ppreżentaw data dwar l-emissjonijiet ta’ diossidu ta’ kubrit fil-Greċja għas-sena 2000 u ssuġġerew li t-talba tagħhom tiġi eżaminata fuq il-bażi ta’ din id-data. Fit-3 ta’ Ottubru 2000, dawn l-istess awtoritajiet ippreżentaw evalwazzjoni reċenti tal-livell ta’ protezzjoni ta’ l-ekosistemi fl-Italja fejn qiesu l-kontribut Grieg għall-qbiż tat-tagħbijiet kritiċi għall-aċidità (it-tnax-il premessa).

15     Mit-tlettax-il premessa jirriżulta li l-EMEP, appoġġata miċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni ta' l-Effetti fuq l-Immappjar tat-Tagħbijiet u Livelli Kritiċi (iktar ’il quddiem is-"ĊKE"), kkonfermat il-konklużjoni preċedenti li l-emissjonijiet Griegi ta’ diossidu ta’ kubrit hekk kif iddikjarati mir-Repubblika Ellenika fl-2000 jikkontribwixxu għall-qbiż tat-tagħbijiet kritiċi għall-aċidità fl-Italja. Hemm sunt ta' dawn ir-riżultati f’rapport iddatat id-19 ta’ Novembru 2002, li fuq il-bażi tiegħu, huwa muri, lil hinn minn kull dubju raġonevoli, li l-emissjonijiet Griegi effettivament jikkontribwixxu għall-eċċessi ta’ depożiti li jaqbżu t-tagħbijiet kritiċi għall-aċidifikazzjoni f’Istati Membri oħra, b’mod partikulari, fl-Italja.

16     Fid-dawl ta’ l-informazzjoni ppreżentata mir-Repubblika Ellenika dwar il-kwalità ta’ l-arja ambjentali kif ukoll ta' l-analiżi mwettqa mill-EMEP u appoġġata miċ-ĊKE dwar il-kontribuzzjoni Griega tal-qbiż ta’ tagħbijiet kritiċi, il-Kummissjoni ċaħdet li tagħti d-deroga mitluba mir-Repubblika Ellenika permezz tad-deċiżjoni kkontestata, minħabba li l-kundizzjoni dwar il-qbiż tat-tagħbijiet kritiċi ma ġietx irrispettata (l-erbatax-il premessa).

17     Fl-aħħar nett, mill-ħmistax-il premessa jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata hija konformi ma’ l-opinjoni mogħtija mill-kumitat konsultattiv waqt il-laqgħa li seħħet fl-10 ta’ Diċembru 2002.

 It-talbiet tal-partijiet

18     Il-Gvern Elleniku jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tiddikjara d-direttiva inapplikabbli fuq il-bażi li l-Artikolu 241 KE, fil-każ fejn l-interpretazzjoni mogħtija lid-direttiva mill-Kummissjoni tiġi aċċettata;

–       tikkundanna l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

19     Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-Repubblika Ellenika tbati l-ispejjeż.

20     Permezz ta' digriet ta’ l-10 ta’ Settembru 2003, il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea ġie ammess sabiex jintervjeni biex isostni t-talbiet tal-Kummissjoni. Huwa jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad bħala inammissibbli t-talba tar-Repubblika Ellenika li tiddikjara d-direttiva inapplikabbli fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 241 KE u li tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq ir-rikors

21     Sabiex isostni r-rikors tiegħu għal annullament, il-Gvern Elleniku essenzjalment invoka erba’ motivi ibbażati, rispettivament, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 3(2) tad-direttiva, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, kif ukoll il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża

 L-argumenti tal-partijiet

22     Il-Gvern Elleniku josserva li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt komunitarju. B’mod partikulari, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni, il-parti interessata għandha tkun infurmata b’mod li jkollha terminu raġonevoli sabiex tipprepara d-difiża tagħha, għandha tingħata spjegazzjoni preċiża u kompluta ta’ l-oġġezzjonijiet magħmula kontra tagħha u tingħata preċiżazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li fuqhom għandha tkun ibbażata d-deċiżjoni. Dan ma kienx il-każ f’din il-kawża, speċjalment fir-rigward tal-proċedura li żvolġiet quddiem il-kumitat konsultattiv waqt il-laqgħa ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002.

23     Fl-ewwel lok, peress li la l-konvokazzjoni għall-imsemmija laqgħa u l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, u lanqas id-dokumenti li fuqhom din l-istituzzjoni ibbażat l-abbozz tagħha ma ġew trażmessi lid-delegazzjonijiet nazzjonali, qabel nhar l-Erbgħa, l-4 ta’ Diċembru 2002, fis-14.30, u l-għada filgħodu għal xi l-ħdax rispettivament, il-Gvern Elleniku kellu biss jumejn sħaħ ta’ xogħol sabiex jipprepara d-difiża tiegħu. Għalhekk, il-kumitat konsultattiv ma rrispettax it-termini previsti fl-abbozz tiegħu stess ta’ regoli interni, bis-saħħa ta' liema, il-konvokazzjoni, inklużi d-dokumenti kollha ta' xogħol, għandhom jintbagħtu għall-inqas erbatax-il ġurnata qabel il-laqgħa, ħlief f’każ urġenti u meta l-miżuri previsti għandhom ikunu applikati immedjatament, f’liema każ it-terminu jinbidel għal ħamest-ijiem qabel id-data tal-laqgħa. Fl-okkorrenza, xejn ma jiġġustifika l-użu għal proċedura ta’ urġenza bħal din.

24     Fit-tieni lok, id-dokumentazzjoni ippreżentata lill-kumitat konsultattiv ma kinitx tinkludi l-aġġornament ta’ nota ta’ informazzjoni tad-Direttorat Ġenerali ta’ l-ambjent tal-Kummissjoni ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002 (iktar ’il quddiem in-"nota ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002"), li fiha din l-istituzzjoni tirrikonoxxi li l-kontribuzzjoni Griega għall-qbiż tat-tagħbijiet kritiċi fi Stati Membri oħra tista' tiddependi fuq il-mudell matematiku użat fl-analiżi.

25     Fit-tielet lok, il-kompożizzjoni tal-kumitat konsultattiv kien ġie mmodifikat b’mod sostanzjali bejn il-laqgħa li nżammet fil-15 ta’ April 2002 u dik li nżammet fl-10 ta’ Diċembru segwenti. Żewġ membri biss ipparteċipaw f’dawn iż-żewġ laqgħat. Skond il-Gvern Elleniku, il-membri li ħadu sehem fit-tieni laqgħa ma setgħux jieħdu konjizzjoni sħiħa tal-fatti eżaminati, b’mod li l-proċedura hija wkoll vizzjata minħabba dan il-fatt.

26     Fir-raba’ lok, il-minuti tal-laqgħa tal-kumitat konsultattiv ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002 ġew biss trażmessi lill-awtoritajiet Elleniċi għall-osservazzjonijiet fl-20 ta’ Diċembru 2002, jiġifieri tlett ijiem wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u dawn il-minuti fihom numru ta’ dettalji mhux preċiżi u/jew ommissjonijiet fis-sustanza li għandhom rabta diretta, b’mod partikulari, ma’ data ppreżentata mill-EMEP. Issa, konformement ma’ l-abbozz tar-regoli interni tal-kumitat konsultattiv, kull nuqqas ta’ qbil eventwali għandu jiġi argumentat u, jekk meħtieġ, jitniżżel fil-forma ta’ anness għall-minuti, b’mod li l-Kummissjoni tkun infurmata f’mod komplet dwar il-perspettivi differenti qabel ma tieħu d-deċiżjoni tagħha. Dan hu msaħħaħ mill-fatt li, skond l-Artikolu 9 tad-direttiva, fejn il-Kummissjoni tagħti l-ikbar konsiderazzjoni lill-opinjoni maħruġa mill-kumitat konsultattiv.

27     Il-Kummissjoni ssostni li l-proċedura prevista fl-Artikolu 3(5) tad-direttiva tinbeda fuq talba ta’ Stat Membru u li, permezz ta’ din it-talba, dan għandu ż-żmien kollu neċessarju sabiex jesprimi ruħu fuq id-deċiżjoni li tagħha jitlob l-adozzjoni, kif jirriżulta espressament minn din id-dispożizzjoni. F'kull każ, il-Gvern Elleniku talab u kiseb tieni eżami tat-talba tiegħu fuq il-bażi ta’ data ġdida li huwa stess ippreżenta lill-Kummissjoni. Fir-rigward ta’ proċedura bħal din, il-prinċipju li l-partijiet kollha għandhom jinstemgħu mhux applikabbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża mhuwiex fondat.

28     F'kull każ, l-oġġezzjonijiet konnessi mal-konvokazzjoni tal-kumitat konsultattiv, il-kompożizzjoni tiegħu u l-kontenut tal-minuti tal-laqgħa tiegħu għandhom jiġu miċħuda.

29     F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li, wara t-talba ta’ l-awtoritajiet Griegi, tax-xahar ta’ Ġunju 2002 għal eżami mill-ġdid tal-pożizzjoni tagħha, hija bagħtitilhom il-konvokazzjoni, l-aġenda u l-abbozz tad-deċiżjoni riveduta fl-4 ta’ Diċembru 2002, kif ukoll l-evalwazzjoni xjentifika ta’ l-informazzjoni mogħtija l-għada mill-gvern, jiġifieri ħamest ijiem qabel id-data tal-laqgħa ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002, konformement ma’ l-abbozz tar-regoli interni tal-kumitat. L-urġenza kienet iġġustifikata, b’mod partikulari, mill-fatt li deċiżjoni kellha tidħol fis-seħħ sa l-1 ta’ Jannar 2003. L-awtoritajiet Griegi setgħu ppreżentaw il-kontro-argumenti tagħhom, bil-miktub, fil-laqgħa ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002.

30     Fir-rigward tan-nota ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002, din hija dokument intern imfassal wara l-laqgħa ta’ din il-ġurnata li ma kienet tinkludi ebda element ġdid ta' natura li jbiddel l-iżvolġiment tal-laqgħa.

31     Fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-kumitat konsultattiv, din tiddependi fuq id-diskrezzjoni ta’ l-Istati Membri.

32     Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-allegazzjonijiet dwar il-minuti tal-laqgħa tal-kumitat konsultattiv, il-Kummissjoni tirrispondi li l-abbozz rivedut tal-minuti mqassam lid-delegazzjonijiet nazzjonali ma kienx is-suġġett ta' l-oġġezzjonijet, li l-osservazzjonijiet l-oħra magħmula mid-delegazzjoni Griega fis-17 ta’ Frar 2003 ma kinux jikkonċernaw "dettalji sostantivi mhux preċiżi " u li, f'kull każ, il-perspettiva espressa fl-opinjoni tal-kumitat konsultattiv u li l-Kummissjoni tqis, hija dik tal-maġġoranza u mhux dik tal-minoranza fi ħdan dan il-kumitat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti

33     Kif innota l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ilmenti magħmula mill-Gvern Elleniku fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv tiegħu ma jirreferux għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-osservanza tad-drittijiet tad-difiża ta’ l-Istat Membru kkonċernat fir-relazzjoni tiegħu mal-Kummissjoni, iżda fir-realtà jirrigwardaw il-proċedura segwita quddiem il-kumitat konsultattiv, b’mod li mhux meħtieġ li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk u b’liema mod l-imsemmi prinċipju japplika għal proċedura bħal dik prevista fl-Artikolu 3(5) tad-direttiva.

34     Fir-rigward ta’ l-ewwel ilment, ibbażat fuq terminu, meqjus bħala qasir wisq, bejn is-sejħa għal-laqgħa tal-kumitat konsultattiv, flimkien mat-trażmissjoni tad-dokumenti konnessi, riċevuti rispettivament fl-4 u fil-5 ta’ Diċembru 2002, u ż-żamma ta’ l-imsemmija laqgħa fl-10 ta’ Diċembru segwenti, għandu jingħad li l-Artikolu 9 tad-direttiva ma jimponix l-osservanza ta’ terminu stabbilit ta’ trażmissjoni ta’ l-istedina, ta’ l-aġenda, ta’ l-abbozzi tal-miżuri li dwarhom hija mitluba opinjoni u ta' kull dokument ieħor tax-xogħol lill-membri tal-kumitat konsultattiv qabel ma nżammu l-laqgħat tiegħu. Dan l-Artikolu jipprovdi biss li dan ta’ l-aħħar għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu, li ġew ippreżentati lilu mill-Kummissjoni "f’terminu li l-president jista’ jistabbilixxi skond l-urġenza tal- kwistjoni kkonċernata".

35     Barra minn dan, l-abbozz tar-regoli interni tal-kumitat, invokat mill-Gvern Elleniku sabiex isostni t-teżi tiegħu, minbarra li ma kienx fis-seħħ, kien jipprovdi huwa stess, f'kull każ, il-possibbiltà li jnaqqas it-terminu tal-konvokazzjoni u tat-trażmissjoni tad-dokumenti tax-xogħol għal ħamest ijiem f’każijiet urġenti.

36     Kuntrarjament għal dak li jsostni l-imsemmi gvern, sitwazzjoni urġenti bħal din kienet teżisti f’dan il-każ, safejn l-operaturi ekonomiċi fil-Greċja kellhom ikunu f’pożizzjoni li jkunu jafu jekk fl-1 ta’ Jannar 2003, data li minnha d-direttiva kienet tobbliga lill-Istati Membri sabiex ma jippermettux aktar l-użu taż-żjut karburanti tqal b'kontenut ta’ kubrit ogħla minn 1%, huma kienu jistgħu jkomplu jużaw karburanti bil-kontenut ta’ kubrit ma jissodisfax l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 3(1) tad-direttiva.

37     Fil-fatt, għalkemm fit-3 ta’ Ottubru 2002 l-awtoritajiet Griegi ppreżentaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni komplimentari mitluba minnha u għalkemm ir-rapport ta’ l-EMEP li jagħti sunt ta’ l-evalwazzjoni ta’ din l-informazzjoni wasal għand il-Kummissjoni fil-21 ta’ Novembru segwenti, l-użu ta’ termini ta’ trażmissjoni mqassra kien meħtieġ sabiex id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li kellha tqis b'mod l-aktar wiesa' l-opinjoni tal-kumitat, tkun tista’ tiġi adottata qabel l-aħħar tas-sena 2002.

38     Għalhekk l-ewwel ilment mhuwiex fondat.

39     Għal dak li jirrigwarda t-tieni lment, ibbażat fuq in-nuqqas tat-trażmissjoni tan-nota ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002 lill-membri tal-kumitat konsultattiv sabiex dawn ikunu jistgħu jippreparaw tajjeb il-laqgħa tal-kumitat konsultattiv ta’ dik il-ġurnata, huwa biżżejjed li jiġi kkostatat li l-Gvern Elleniku ma kkontestax li dan huwa dokument purament intern li ġie mħejji wara l-imsemmija laqgħa fil-kuntest tal-proċedura tat-teħid ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni. Konsegwentement, dan l-ilment huwa wkoll infondat.

40     Fir-rigward tat-tielet argument, ibbażat fuq bidla fil-kompożizzjoni tal-kumitat konsultattiv bejn l-ewwel u t-tieni laqgħat tiegħu, jeħtieġ li jingħad li, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 9 tad-direttiva, il-ħatra tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fi ħdan il-kumitat konsultattiv hija parti mis-setgħa diskrezzjonali ta’ dawn ta' l-aħħar, għalkemm xejn ma jobbligahom li jagħmlu mezz li l-istess persuni jipparteċipaw fil-laqgħat differenti dwar l-istess talba għal opinjoni.

41     Għal dak li jirrigwarda r-raba’ argument, dwar l-allegat dewmien fit-trażmissjoni tal-minuti tal-laqgħa ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002 lid-delegazzjoni Griega, hemm lok li jiġi enfasizzat li, min-naħa, it-tielet u r-raba’ paragrafi ta' l-Artikolu 9 tad-direttiva jipprovdu biss li l-opinjoni tal-kumitat konsultattiv għandha titniżżel fil-minuti, li kull Stat Membru għandu jkollu d-dritt li jitlob li l-pożizzjoni tiegħu tiġi tidher fil-minuti u li l-Kummissjoni għandha tagħti l-akbar kunsiderazzjoni lil din l-opinjoni mogħtija. Min-naħa l-oħra, l-abbozz tar-regoli interni tal-kumitat konsultattiv, invokat mill-gvern Elleniku sabiex isostni l-argument tiegħu, minbarra li ma kienx fis-seħħ, kien jillimita ruħu sabiex jipprovdi li l-minuti għandhom jiġu trażmessi lill-membri ta' l-imsemmi kumitat f’terminu ta’ ħmistax-il jum ta’ xogħol li jibda’ jiddekorri mid-data tal-laqgħa u li l-membri għandhom jinfurmaw bil-miktub lill-president ta’ l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom, liema osservazzjonijiet għandhom jiġu diskussi mill-kumitat konsultattiv u, f’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim li jippersisti, jiġu annessi mal-minuti.

42     F'kull każ, anki kieku t-trażmissjoni ta’ l-abbozz tal-minuti tal-laqgħa ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002 lid-delegazzjonijiet nazzjonali tlett ijiem wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet tikkostitwixxi irregolarità ta' proċedura, irregolarità bħal din ma twassalx għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni, sakemm ma jiġix stabbilit li fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, l-imsemmija deċiżjoni, li ttieħdet b’mod totalment konformi ma’ l-opinjoni tal-kumitat, setgħet twassal għal riżultat differenti (ara f’dan ir-rigward, b’mod partikulari, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, il-Ġermanja u d-Danimarka vs il-Kummissjoni, C-465/02 u C-466/02, li għadhom ma ġewx ippublikati fil-Ġabra, punt 37).

43     F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas dan l-ilment ma huwa fondat.

44     Peress li l-ebda wieħed mill-erba’ ilmenti invokati mill-Gvern Elleniku sabiex isostni l-ewwel motiv tiegħu ma huwa fondat, dan għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 3(2) tad-direttiva

 L-argumenti tal-partijiet

45     Il-Gvern Elleniku qabel kollox jallega li l-kontribuzzjoni Griega għall-qbiż tat-tagħbijiet kritiċi tirriżulta minn tbassir li ma ġiex ivverifikat permezz ta’ miżuri u li r-riżultati ta’ l-analiżi ta’ l-EMEP ma jurux li t-tieni kundizzjoni ta’ l-għoti ta’ deroga fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 3(2) tad-direttiva ma ġietx sodisfatta. Skond dan il-gvern, kuntrarjament għal dak li huwa affermat fit-tlettax-il premessa tad-deċiżjoni kkontestata, mir-rapport ta’ l-EMEP tad-19 ta’ Novembru 2002, ma jirriżultax b’mod ċar u mhuwiex stabbilit "lil hinn minn kull dubju raġonevoli" li l-emissjonijiet Griegi effettivament jikkontribwixxu għal eċċessi ta’ depożiti li jaqbżu t-tagħbijiet kritiċi għall-aċidifikazzjoni fl-Italja. Din l-affermazzjoni ma tagħmilx parti mill-imsemmi rapport, iżda tidher biss fl-ittra li takkumpanjah u tagħti l-opinjoni personali ta’ l-awtur ta’ din l-ittra, jiġifieri tad-direttur ġenerali ta’ l-istitut.

46     Waqt il-proċedura ta’ adozzjoni tad-direttiva, ir-rapporti ta’ l-EMEP tas-snin 1997 u 1998 evalwaw ir-rata ta’ kontribuzzjoni Griega għad-depożiti ta’ kubrit fl-Italja bħala żero. Fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet għas-sena 2002, bħalissa kkunsidrati bħala "eżistenti" għalkemm "negliġibbli", ir-rata tagħhom ta' bejn 0.1 u 0.2% tirriżulta mill-metodu ta’ kalkolu użat minn dak iż-żmien ’l quddiem mill-EMEP u mill-Kummissjoni. Jekk il-metodu ta' kalkolu użat fl-1998 jiġi applikat għad-data attwalment disponibbli, il-kontribuzzjoni Griega għall-qbiż tat-tagħbijiet kritiċi fil-grid squares fl-Italja ta’ fuq, hija ta’ 0%. Issa, il-mekkaniżmu tad-deroga jista' biss jaħdem b’mod korrett jekk wieħed iqis l-kuntest xjentifiku li fih ġiet adottata d-direttiva u l-possibbiltà ta’ deroga għandha tiġi interpretata fid-dawl ta’ l-informazzjoni, data, mudelli u metodoloġiji xjentifiċi u tekniċi li ġew użati matul il-proċedura ta’ adozzjoni tad-direttiva.

47     Il-Gvern Elleniku isostni wkoll li, billi applikat metodu ta’ kalkolu differenti minn dak użat fl-1998, il-Kummissjoni mmodifikat b’mod sostanzjali l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva, ħaġa li ma setgħatx tagħmel mingħajr ma tikkonforma ruħha mal-proċedura ta’ kooperazzjoni ta’ l-Artikolu 189 C tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 252 KE), li ġiet segwita fl-adozzjoni tad-direttiva.

48     F'kull każ, depożitu, fis-sens tekniku tal-kelma, ta’ livell daqshekk baxx (ta’ inqas minn 0.5%) ma jistax ikun ekwivalenti għal "kontribuzzjoni" skond l-Artikolu 3(2) tad-direttiva. Barra minn dan, il-Kummissjoni ssostni b’mod żbaljat li mhux neċessarju li l-imsemmija kontribuzzjoni tkun deċiżiva għall-qbiż tat-tagħbijiet kritiċi u li s-sempliċi kostatazzjoni ta’ kontribuzzjoni hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika r-rifjut ta’ l-għoti tad-deroga. Min-naħa, l-għan tad-direttiva jikkonsisti prinċipalment f’li tipproteġi l-ekosistemi mill-konsegwenzi dannużi ta’ l-emissjonijiet tad-diossidu ta’ kubrit. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-kliem użat fl-imsemmija dispożizzjoni, din tikkonċerna l-emissjonijiet ta' natura tali li jikkontribwixxu għall-qbiz tat-tagħbijiet kritiċi f’ekosistema speċifika, b'mod li r-rifjut ta’ talba tippresupponi li ġie stabbilit, mingħajr ebda dubju, li d-depożiti ta’ kubrit ta’ dan l-Istat Membru f'grid square ta' l-EMEP li fiha huwa osservat qbiż tat-tagħbijiet kritiċi, huma determinanti fil-qbiż ta' tagħbijiet bħal dawn.

49     Interpretazzjoni koerenti tad-direttiva turi li l-benefiċċju tad-deroga prevista fl-Artikolu 3(2) tagħha għandu jiġi miċħud biss bil-kundizzjoni li rifjut bħal dan għandu bħala riżultat iż-żjieda ta’ numru ta’ l-ekosistemi protetti. Issa, l-ebda waħda mill-ekosistemi mhux protetti fis-sitt grid squares ta’ l-EMEP li fihom ġie kkonstat qbiż tat-tagħbijiet kritiċi u li jistgħu eventwalment ikunu effettwati mid-depożiti ta’ diossidu ta’ kubrit li ġej mill-Greċja, m'hi ser tkun prottetta b'riżultat tar-rifjut tat-talba għal deroga. Minbarra dan, l-aċċettazzjoni tat-talba lanqas biss ma jkollha bħala effett li titneħħa l-protezzjoni tagħha ta' ekosistema protetta fil-grid squares.

50     Barra minn dan, l-istandard EMEP li tirreferi għalih il-Kummissjoni huwa mudell matematiku skond liema ma jeżisti ebda limitu li taħtu depożitu ipotetiku "ma jistax jiġi osservat". Skond il-Gvern Elleniku, huwa neċessarju li tiġi assigurata applikazzjoni effettiva tal-possibbiltajiet ta' deroga, l-importanza ta' liema hija nnutata mid-direttiva. L-interpretazzjoni tal-Kummissjoni timplika li l-ebda Stat Membru ma jista’ jagħmel użu mid-deroga, meta l-emissjonijiet tiegħu jikkontribwixxu, bi kwalunkwe mod li jkun, għal depożiti f’xi reġjuni ta’ Stat Membru fejn it-tagħbijiet kritiċi ġew maqbuża.

51     Il-Kummissjoni ssostni li d-direttiva tirreferi għal "kontribuzzjoni", kemm jekk din hija dgħajfa kemm jekk għolja. Id-direttiva ma fihiex il-kunċett ta' "depożitu tekniku li huwa inqas minn 0.5% "b'kuntrast mal-kunċett ta' kontribuzzjoni". Mhuwiex neċessarju li l-imsemmija kontribuzzjoni tkun deċiżiva għall-qbiż billi l-konstatazzjoni ta’ kontribuzzjoni hija suffiċjenti sabiex tiġġustifika r-rifjut ta’ l-għoti ta’ deroga. Il-komunikazzjoni COM/97/088 finali tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament, tat-12 ta’ Marzu 1997, dwar strateġija komunitarja ta’ ġlieda kontra l-aċidifikazzjoni (iktar ’il quddiem il-"komunikazzjoni dwar l-aċidifikazzjoni"), iċċitata fid-disa’ premessa tad-direttiva, dwar id-deroga prevista fl-Artikolu 3(2) tad-direttiva, ma tirreferix għad-dritt fis-seħħ, filwaqt li l-Kunsill kien deliberatament għamel il-kundizzjonijiet għall-għoti tad-derogi aktar stretti fit-test finali adottat. Għaldaqstant, il-Gvern Elleniku ma jistax jinvoka l-imsemmija komunikazzjoni utilment sabiex isostni t-teżi tiegħu.

52     Il-kontribuzzjoni Griega tidher minn riżultati aġġornati ta’ tbassir ibbażati fuq l-għarfien ġenerali tal-proċessi atmosferiċi ta' trasferiment fuq distanzi kbar akkwistat mill-komunità xjentifika matul l-aħħar 30 sena. Huwa indispensabbli li jkun hemm tbassira sabiex tiġi kkalkulata l-kontribuzzjoni ta’ kull Stat Membru għat-tniġġiż, fis-sens tad-direttiva. L-istitut huwa l-aktar ċentru xjentifiku adattat sabiex jippronunċa ruħu fuq l-eżistenza ta’ kontribuzzjoni ta’ l-emissjonijiet tad-diossidu ta’ kubrit li ġejjin minn Stat Membru għall-qbiż tat-tagħbijiet kritiċi osservati fi Stat Membru ieħor.

53     Il-konklużjonijiet tar-rapporti EMEP jiżvelaw l-eżistenza ta’ depożitu ta’ kubrit li ġej mill-emissjonijiet Griegi, li jikkontribwixxu sabiex id-depożiti fit-territorju ta’ Stati Membri oħra, b'mod partikulari fl-Italja, jaqbżu t-tagħbijiet kritiċi ta’ aċidifikazzjoni. Id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq id-data dwar l-emissjonijiet għas-snin 2000 u 2001. Il-kontribuzzjoni Griega għad-depożiti ta’ kubrit fl-Italja hija ċertament żgħira, iżda mhux negliġibbli. Id-depożitu ta’ kubrit fl-Italja għal tliet Stati Membri, jiġifieri għal Gran Dukat tal-Lussemburgu, għar-Repubblika tal-Finlandja u għar-Renju ta’ l-Iżvezja huwa rrappurtat bħala żero.

54     Skond il-Kummissjoni, l-interpretazzjoni li hija ssostni ma tbiddilx l-effikaċja tad-dispożizzjoni in kwistjoni u tirrispetta l-kliem u l-għan tad-direttiva. Id-deroga tista’ tapplika kemm meta l-kontribuzzjoni ta’ l-Istat li qed jitlobha hija rrappurtata bħala, minħabba l-fatt li hemm depożitu li hu anqas mil-limiti li jista' jiġi osservat permezz ta' l-istandard EMEP, kemm meta ma jkunx hemm qbiż tat-tagħbijiet kritiċi fl-Istat Membri l-oħra, ipoteżi li la hija la teoretika u lanqas mingħajr bażi.

55     Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li hija llimitat ruħha li tapplika d-dispożizzjonijiet tad-direttiva, b’mod li l-Artikolu 252 KE ma nkisirx.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti

56     Bl-argumenti tagħha, ir-Repubblika Ellenika fis-sustanza tikkuntesta, min-naħa waħda, l-interpretazzjoni sostnuta mill-Kummissjoni tat-tieni kundizzjoni ta’ l-għoti ta’ deroga fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 3(2) tad-direttiva, li tipprovdi li l-"emissjonijiet ma jwasslux biex it-tagħbijiet kritiċi jkun maqbuża f’xi Stat Membru", u min-naħa l-oħra, il-metodu ta’ evalwazzjoni użat mill-Kummissjoni sabiex tikkostata kontribuzzjoni bħal din u, għaldaqstant, l-istess eżistenza ta' kull depożitu ta’ kubrit ta’ oriġini Griega li jikkontribwixxi għall-qbiż tat-tagħbijiet kritiċi fl-Italja.

57     L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kundizzjoni dwar in-nuqqas tal-kontribuzzjoni għall-qbiż tat-tagħbijiet kritiċi skond l-Artikolu 3(2) tad-direttiva, it-teżi sostnuta mill-Gvern Elleniku għandha tiġi miċħuda.

58     Skond l-istess kliem ta’ l-imsemmija dispożizzjoni, l-awtorizzazzjoni ta’ l-użu ta’ karburanti tqal b'kontenut ta’ kubrit li huwa bejn 1 u 3% bil-massa hija suġġetta, minbarra għall-kundizzjoni li jiġu osservati r-regoli tal-kwalità ta’ l-arja stabbiliti għad-diossidu ta’ kubrit fil-leġiżlazzjoni komunitarja rilevanti, għal tieni kundizzjoni, jiġifieri li l-emissjonijiet tad-diossidu ta’ kubrit ma "jikkontribwixxux biex tagħbijiet kritiċi jiġu maqbuża f’xi Stat Membru", mingħajr ma din id-dispożizzjoni ma tinkludi preċiżazzjoni dwar l-importanza ta’ din il-kontribuzzjoni jew dwar ir-rwol tagħha fl-imsemmi qbiż. Xejn fit-test ta’ din id-dispożizzjoni ma jsostni l-konklużjoni li tista’ tiġi mogħtija deroga meta l-kontribuzzjoni mhijiex deċisiva għall-finijiet tal-qbiż jew meta din, filwaqt li tista’ tiġi perċepita, ma taqbiżx livell stabbilit.

59     Interpretazzjoni restrittiva ta’ l-Artikolu 3(2) tad-direttiva hija msaħħa, minbarra mir-regola li l-eċċezzjonijiet huma ta’ interpretazzjoni stretta, b'analiżi tad-dokumenti preparatorji tad-direttiva, li minnhom jirriżulta li, jekk fil-proposta tad-direttiva tal-Kunsill, il-Kummissjoni kienet ipproponiet li d-deroga setgħet tingħata sakemm il-kontribuzzjoni għat-tniġġiż li jaqsam il-fruntieri tkun "negliġibbli", l-Kunsill, fid-direttiva, ssoġġetta l-għoti tad-deroga għall-kundizzjoni li l-emissjonijiet ma "jikkontribwixxux" għall-qbiż tat-tagħbijiet kritiċi, mingħajr ma jiddistingwi bejn il-każijiet fejn il-kontribuzzjoni hija sinifikanti jew dawk fejn mhijiex u mingħajr ma jeħtieġ li din tkun deċiżiva għall-finijiet tal-qbiż in kwistjoni.

60     Huwa veru li fil-verżjonijiet Spanjoli u Taljani ta’ l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva, huwa ppreċiżat, fl-istess sentenza, li l-emissjonijiet ma jistgħux jikkontribwixxu "b’mod sinifikanti" għall-qbiż tat-tagħbijiet kritiċi fl-Istati Membri. Madankollu, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-preċiżazzjoni ma jista' jkollha l-ebda konsegwenza għaliex l-ebda waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ma tinkludi preċiżazzjoni bħal din u anki fil-verżjonijiet Spanjola u Taljana tad-Direttiva, it-tieni sentenza ta' l-Artikolu 3(2) tad-direttiva tipprovdi li awtorizzazzjoni bħal din ma tapplikax sakemm l-emissjonijiet li ġejjin mill-Istat Membru "ma jikkontribwixxux biex tagħbijiet kritiċi jiġu maqbuża" fl-Istati Membri, mingħajr ma terġa' tuża l-espressjoni "b’mod sinifikanti" użata preċedentement.

61     Din il-konklużjoni lanqas ma ċċaħħad l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva mill-effett utili tiegħu billi deroga għall-użu ta’ żjut karburanti tqal b'kontenut ta’ kubrit bejn 1 u 3% bil-massa tista’ tinkiseb meta, kif tosserva l-Kummissjoni, ir-riżultati ta’ l-analiżijiet jippermettu li jiġi konkluż li mhemmx kontribuzzjoni għall-qbiż tat-tagħbijiet kritiċi fl-Istati Membri jew fl-ipoteżi fejn il-qbiż kollu tat-tagħbijiet kritiċi ma jibqgħux jiġu kkonstatati fl-Istati Membri wara, b’mod partikulari, għat-tpoġġija fis-seħħ tad-Direttiva 2001/80/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2001 dwar il-limitazzjoni ta' l-emissjonijiet ta' ċerti tniġġis fl-arja minn impjanti kbar tal-kombustjoni (ĠU L 309, p. 1).

62     Għal dak li mbagħad jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq il-metodu użat mill-EMEP u mill-Kummissjoni għall-evalwazzjoni tal-kontribuzzjoni għall-qbiż tat-tagħbijiet kritiċi, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Elleniku, l-ebda dispożizzjoni tad-direttiva ma tobbliga lill-Kummissjoni li tirrikorri għal metodu ta’ evalwazzjoni speċifiku u lanqas, a fortiori li l-metodu użat wara d-dħul fis-seħħ tad-direttiva jkun dak li serva bħala referenza fil-kuntest tad-dokumenti preparatorji tad-direttiva.

63     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli bbażat ruħha fuq ir-riżultati ta’ l-analiżijiet imwettqa mill-istitut skond metodu ta’ evalwazzjoni li, barra minn dan, mhuwiex ikkritikat mill-Gvern Elleniku fir-rigward tal-validità xjentifika tiegħu.

64     Fil-fatt, dan il-gvern ma weriex li l-kontribuzzjoni Griega għall-qbiż tat-tagħbijiet kritiċi, b’mod partikulari, fl-Italja, mhijiex ikkonfermata mir-riżultati aġġornati ta' tbassir ibbażat, kif josserva d-direttur ġenerali ta’ l-istitut fl-ittra ta’ akkumpanjament tiegħu tad-19 ta’ Novembru 2002, fuq l-għarfien ġenerali tal-proċessi atmosferiċi ta' trasferiment fuq distanzi kbar li akkwistat mill-komunità xjentifika fl-aħħar 30 sena.

65     Għal kuntrarju ta’ dak li sosstni r-Repubblika Ellenika, l-affermazzjoni li tidher fit-tlettax-il premessa tad-deċiżjoni kkontestata li huwa ppruvat lil hinn minn kull dubju raġonevoli li l-emissjonijiet Griegi effettivament jikkontribwixxu għal eċċessi ta’ depożiti li jaqbżu t-tagħbijiet kritiċi għall-aċidifikazzjoni fi Stati Membri oħra, b’mod partikulari l-Italja, u li tinsab fl-ittra tad-direttur ġenerali ta’ l-istitut li wettaq l-analiżijiet in kwistjoni, ġejja mill-awtur ta’ din l-ittra li qed jesprimi ruħu fil-kwalità tiegħu ta’ direttur ġenerali u fir-rigward ta’ dawn l-analiżi. Mhux biss talli din l-affermazzjoni ma tirrappreżentax opinjoni personali ta’ dan ta’ l-aħħar, hija tirriproduċi dak ta’ l-istitut fir-rigward ta’ l-analiżijiet li huwa wettaq.

66     Ma dan għandu jingħad ukoll li, F'kull każ, id-deċiżjoni kkontestata ttieħdet konformement ma’ l-opinjoni tal-kumitat konsultattiv, b’mod li l-imħallef komunitarju jista' biss jikkundanna deċiżjoni bħal din f’każ ta’ żball ċar ta’ fatt jew ta' dritt jew ta’ użu ħażin tal-poter (ara f’dan is-sens, b’mod partikulari, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1983, Universität Hamburg, 216/82, Ġabra p. 2771, punt 14). Iżda l-prova ta’ żball jew ta’ użu ħażin tal-poter bħal dan ma tressqitx.

67     Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma tikser l-Artikolu 3(2) tad-direttiva u l-Artikolu 252 KE, tieħu d-deċiżjoni kkontestata, li hija konformi ma’ l-opinjoni tal-kumitat konsultattiv, billi tibbaża ruħha fuq ir-riżultati ta’ l-analiżijiet ta’ l-istitut, skond liema d-depożiti li ġejjin mill-Greċja jikkontribwixxu għall-qbiż tat-tagħbijiet kritiċi f’ċerti reġjuni Taljani, u dan anki jekk din il-kontribuzzjoni ma taqbiżx 0.5% tad-depożiti ta’ kubrit in kwistjoni u ma kinitx deċiżiva għall-finijiet tal-qbiż tat-tagħbijiet kritiċi.

68     F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud ukoll.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ għarfien tal-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspetattivi legittimi

 L-argumenti tal-partijiet

69     Ir-Repubblika Ellenika ssostni li hija setgħet tistenna leġittimament li tibbenefika minn deroga abbażi ta’ l-Artikolu 3(2) tad-direttiva, fid-dawl, b’mod partikulari l-komunikazzjoni dwar l-aċidifikazzjoni, ppreżentata mill-Kummissjoni flimkien mal-proposta inizjali tad-direttiva. Fil-fatt, din il-komunikazzjoni tat li wieħed jifhem, b’mod ċar, li r-Repubblika Ellenika kellha tibbenefika minn deroga bħal din fuq il-partijiet tat-territorju tagħha li ma jikkontribwixxux b’mod sinifikanti għall-problema ta’ l-aċidifikazzjoni. Id-depożiti ta’ kubrit fl-Italja attribwibbli għar-Repubblika Ellenika kienu jirrappreżentaw globalment għall-perijodu 1985-1996, kontribuzzjoni li, meta ġiet adottata d-direttiva, kienet, fuq il-bażi tar-rapport ta’ l-EMEP għas-sena 1998, meqjusa bħala żero, skond ir-rata ta’ kontribuzzjoni fil-bilanċ globali għall-kubrit fl-Italja, fatt li kien isaħħaħ aktar l-aspettattivi leġittimi tar-Repubblika Ellenika li tkun tista’ tibbenefika mid-dispożizzjoni dwar id-derogazzjoni.

70     Il-Kummissjoni twieġeb li d-dokumenti preparatorji u l-komunikazzjoni dwar l-aċidifikazzjoni li wasslu għat-tħejjija tal-proposta ta' direttiva tal-Kunsill ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala garanziji konkreti li joħolqu fir-rikorrenti speranzi fondati f'dak li jirrigwarda l-ħolqien ta’ sitwazzjoni speċifika. Huwa stabbilit li l-proposti ta' direttiva huma ta’ spiss emendati matul in-negozjati, kif, barra minn dan, kien il-każ f’dan il-każ partikulari.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti

71     Kull operatur ekonomiku li ngħata speranzi fondati minn istituzzjoni għandu l-possibbiltà li jagħmel użu mill-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi. Minbarra dan, xejn ma jipprekludi Stat Membru mill jsostni, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, li att ta’ l-istituzzjonijiet tippreġudika l-aspettattivi leġittimi ta’ ċerti operaturi ekonomiċi (ara b’mod partikulari s-sentenza ta’ l-10 ta’ Marzu 2005, Spanja vs il-Kunsill, C-342/03, Gabra p. I-1975, punt 47).

72     Madankollu, ma jistax jiġi aċċettat li komunikazzjoni ppreżentata mill-Kummissjoni flimkien ma’ proposta ta' direttiva, anki jekk din kienet imsemmija fil-premessi ta’ tali Direttiva, setgħet toħloq aspettattivi leġittimi li jinżammu l-proposti li jinsabu fiha, meta mill-Artikolu 189 A (li sar l-Artikolu 250 KE) u 189 C tat-Trattat KE jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ timmodifika proposta bħal din f'kull ħin u li l-Kunsill jista’ jadotta att li jammonta għal emenda tal-proposta (ara f’dan is-sens, b’mod partikulari, s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1993, Driessen et, C-13/92 sa C‑16/92, Ġabra p. I‑4751, punt 33), li effettivament kien il-każ f’dan il-każ partikulari għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom deroga tista’ tiġi awtorizzata għall-użu ta’ żjut karburanti tqal b'kontenut ta’ kubrit li jaqbeż 1% bil-massa.

73     Konsegwentement, billi d-deċiżjoni kkontestata ma tiksirx il-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, il-motiv ibbażat fuq ksur bħal dan għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità

 L-argumenti tal-partijiet

74     Il-Gvern Elleniku jafferma li l-prinċipju ta' proporzjonalità jimponi li tintwera flessibbiltà fl-għoti tad-deroga taħt l-Artikolu 3(2) tad-direttiva. Minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-kunċetti ta' tagħbijiet kritiċi, ta' qbiż ta' tali tagħbijiet u ta' kontribuzzjoni għal tali qbiż, l-interpretazzjoni restrittiva ħafna applikata mill-Kummissjoni tmur kontra l-flessibbilità kollha li tqis il-"kumplessità ta’ l-istruttura territorjali tal-fenomeni ambjentali msemmija", li għaliha tagħmel referenza l-Kummissjoni fil-komunikazzjoni dwar l-aċidifikazzjoni.

75     L-iżbilanċ bejn l-ispejjeż tar-rifjut u l-benefiċċji negliġibbli għall-ambjent kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex taċċetta t-talba. L-ispiża sostnuta mir-Repubblika Ellenika hija 50 darba għola minn dik li jkollha tbati r-Repubblika Taljana sabiex tasal għall-istess riżultat ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent fuq it-territorju tagħha. It-teżi tal-Kummissjoni twassal sabiex Stat Membru jkollu jassumi spejjeż konsiderevoli u sproporzjonati sabiex inaqqas il-kontenut ta’ kubrit taż-żjut karburanti tqal, anki meta t-tnaqqis miksub ma jikkontribwixxi bl-ebda mod sabiex jitwettqu l-għanijiet ambjentali tad-direttiva, billi n-numru ta’ ekosistemi esposti f’kull grid square fejn huwa osservat qbiż tat-tagħbijiet kritiċi jibqa' l-istess. Fil-fatt, kieku l-emissjonijiet tad-diossidu ta’ kubrit li ġejjin mill-kombustjoni taż-żjut karburanti tqal jew minn xi sors ieħor fil-Greċja kellhom jisparixxu, ma titjieb il-pożizzjoni ta' l-ebda ekosistema li mhijiex protetta tar-reġjun Taljan ikkonċernat. Minbarra dan, l-ebda waħda mill-ekosistemi protetti f’din iż-żona mhija ħa ssir vulnerabbli minħabba s-sempliċi għoti tad-deroga. Peress li ma hija la opportuna u lanqas neċessarja, id-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-prinċipju ta' proporzjonalità.

76     Il-Gvern Elleniku jżid li kieku l-interpretazzjoni restrittiva ħafna tal-Kummissjoni taqbel ma’ l-ispirtu tad-direttiva, dan ikun tfisser li d-direttiva stess ma tirrispettax il-kriterju ta’ profitabbiltà u tikser il-prinċipju ta' proporzjonalità.

77     Il-Kummissjoni ssostni li l-fatt li l-Kunsill għamel il-kundizzjonijiet ta’ l-għoti aktar severi, billi neħħa mill-Artikolu 3 il-kunċett tal-kontribuzzjoni "negliġibbli" propost mill-Kummissjoni, jikkonferma li hija m’għandha l-ebda setgħa diskrezzjonali fl-eżami ta’ talba għal deroga.

78     Il-Kunsill, min-naħa tiegħu, diġà qies il-prinċipju ta' proporzjonalità. Il-ġustifikazzjoni tal-karattru xieraq tad-dispożizzjoni kontenzjuża tinsab fit-tmien premessa tad-direttiva. In-neċessità tal-miżura hija wkoll ibbażata fuq id-disa’, l-għaxar u l-ħmistax-il premessa tad-direttiva.

79     Barra minn dan, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti, l-importanza ta’ l-għanijiet segwiti tista' tiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki konsiderevoli, għal xi operaturi. Huwa biss il-karattru manifestament mhux xieraq ta’ miżura adottata fil-qasam tal-politika ta’ l-ambjent fir-rigward ta' l-għan li l-istituzzjoni kompetenti għandha l-intenzjoni li ssegwi, li jista’ taffettwa l-legalità ta’ miżura bħal din, li mhux il-każ f’dan il-każ partikulari.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti

80     Mill-eżami tal-motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 3(2) tad-direttiva, jirriżulta li l-Kummissjoni m’għandha ebda setgħa diskrezzjonali għal dak li jirrigwarda l-għoti ta’ deroga taħt l-imsemmija dispożizzjoni meta kontribuzzjoni għal qbiż tat-tagħbijiet kritiċi hija kkostatata, u dan indipendentement mill-kobor ta’ l-imsemmija kontribuzzjoni u mir-rwol tagħha fl-imsemmi qbiż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif tinnota wkoll il-Kummissjoni, il-mistoqsija dwar jekk il-prinċipju ta' proporzjonalità ġiex irrispettat f’dan il-każ twassal, fir-realtà, għal kontestazzjoni tad-direttiva stess.

81     Barra minn hekk, il-Gvern Elleniku jafferma f'dan is-sens, b'mod alternattiv, li fl-ipoteżi li l-interpretazzjoni tad-direttiva sostnuta mill-Kummissjoni hija aċċettata mill-Qorti, id-direttiva stess tikser il-prinċipju ta' proporzjonalità, b’mod li din id-direttiva għandha tiġi ddikjarata inapplikabbli abbazi ta’ l-Artikolu 241 KE.

82     Il-Kummissjoni u l-Kunsill, min-naħa tagħhom, jikkunsidraw li l-eċċezzjoni ta’ l-illegalità tad-direttiva mqajma mill-Gvern Elleniku hija inammissibbli fin-nuqqas ta' motivi ta' dritt invokati fir-rikors in sostenn ta' din l-eċċezzjoni.

83     Din it-teżi ma tistax tiġi aċċettata.

84     Fil-fatt, fir-rikors introduttiv tiegħu ta’ istanza, il-Gvern Elleniku jsostni b'mod alternattiv li l-leġiżlatur komunitarju kiser il-prinċipju ta' proporzjonalità safejn il-kundizzjonijiet previsti mid-Direttiva għall-finijiet tad-deroga ma jirrispettawx il-kriterji tar-razzjonalità ekonomika li tagħmel referenza għalihom il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-aċidifikazzjoni.

85     Ir-rikors semma b’mod ċar biżżejjed ir-raġunijiet li għalihom il-prinċipju ta' proporzjonalità huwa miksur. Għalhekk l-eċċezzjoni ta’ l-illegalità ma tistax tkun iddikjarata innammissibbli għal dan il-motiv.

86     Madankollu, anki kieku Stat Membru jkun awtorizzat, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament quddiem il-qorti komunitarja, li jeċċepixxi l-illegalità ta’ direttiva komunitarja li tagħha huwa destinatarju u li ma ressaqx rikors għal annullament kontriha fit-terminu previst għal dan il-għan mill-ħames paragrafu ta' l-Artikolu 230 KE, dan il-motiv, f'kull każ, mhuwiex fondat.

87     Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikulari, is-sentenza ta’ l-14 ta’ April 2005, il-Belġju vs il-Kummissjoni, C-110/03, Ġabra p. I-2801, punt 61), il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità jippresupponi li l-att komunitarju jimponi fuq dawk soġġetti għal-liġi obbligu li jaqbeż il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit minn dan l-att.

88     Barra minn dan, minħabba n-neċessità ta’ li jitwieżnu ċerti għanijiet u prinċipji previsti fl-Artikolu 130 R tat-Trattat KE (li, wara modifika, sar l-Artikolu 174 KE), id-direttiva li għandha bħala bażi ġuridika l-paragrafu 1 ta' l-Artikolu 130 S tat-Trattat, li kien intiż sabiex iwettaq l-għanijiet ta’ l-imsemmi Artikolu 130 R, kif ukoll minħabba l-kumplessità tat-tpoġġija fis-seħħ tal-kriterji li l-leġiżlatur komunitarju jrid josserva fil-kuntest tat-tpoġġija fis-seħħ tal-politika ta’ l-ambjent, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu neċessarjament jkun limitat sabiex jistabbilixxi jekk il-Kunsill, billi adotta d-direttiva, wettaqx żball ċar ta’ evalwazzjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikulari, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Lulju 1998, Safety Hi-Tech, C-284/95, Ġabra p. I-4301, punt 37).

89     Għandu l-ewwel nett jingħad li, safejn l-oġġezzjonijiet tal-Gvern Elleniku huma bbażati fuq dikjarazzjonijiet li jinsabu fil-komunikazzjoni dwar l-aċidifikazzjoni, huwa stabbilit li l-Kunsill deliberatament għamel il-kundizzjonijiet ta’ l-għoti ta’ deroga għall-użu ta’ żjut karburanti tqal bil-kontenut ta’ kubrit li jaqbeż 1% bil-massa aktar restrittivi. Għalhekk, l-imsemmija komunikazzjoni ma tistax tiġi validament invokata sabiex issostni ksur mil-leġiżlatur komunitarju tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

90     Skond l-Artikolu 1(1) tad-direttiva, din għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ diossidu ta’ kubrit li jirriżultaw mill-kombustjoni ta’ ċerti tipi ta’ karburanti likwidi. Għal dan il-għan, l-Artikolu 3(1) tad-direttiva jipprovdi li ż-żjut karburanti tqal b'kontenut ta’ kubrit li jeċċedi l-1 % bil-massa m’għandhomx jintużaw aktar fit-territorji ta' l-Istati Membri mill-1 ta’ Jannar 2003.

91     Kif jirriżulta, b’mod partikulari, mit-tielet, ir-raba’ u t-tmien premessi tad-direttiva, il-kubrit preżenti fiż-żejt ilu rikonoxxut għal għexieren ta’ snin bħala li jikkostitwixxu s-sors prinċipali ta’ l-emissjonijiet tad-diossidu ta’ kubrit li huma responsabbli bħala kawża prinċipali tax-xita aċida u tat-tniġġiż ta’ l-arja f'ħafna żoni urbani u industrijali. Barra minn dan, il-problema ta’ l-aċidifikazzjoni hija, hekk kif huwa rrilevat, b’mod partikulari, fil-ħames premessa tad-direttiva, problema li taqsam il-fruntieri.

92     Is-issuġġettar ta’ awtorizzazzjoni għal użu ta’ żjut karburanti tqal b'kontenut ta’ kubrit li jaqbeż il-livell awtorizzat ta’ 1% bil-massa għal kundizzjonijiet severi, bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 3(2) tad-direttiva konsegwentement jikkostitwixxi miżura adatta sabiex tilħaq l-għan segwit mid-direttiva.

93     Għal dak li jirrigwarda n-neċessità ta’ applikazzjoni stretta tal-kundizzjoni dwar il-kontribuzzjoni ta’ l-emissjonijiet għall-qbiż tat-tagħbijiet kritiċi fl-Istati Membri, l-għaxar premessa tad-direttiva tgħid li "[...] studji wrew li benefiċċji mit-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ diossidu ta’ kubrit bit-tnaqqis tal-kontenut ta’ kubrit ta’ karburanti spiss ikunu akbar sewwa mill-ispejjeż stmati għall-industrija f’din id-Direttiva u [...] t-tekonoloġija teżisti u hija stabbilità sewwa biex jitnaqqas il-livell ta’ kubrit tal-karburanti likwidi". Hekk kif issostni l-Kummissjoni, din il-premessa ġiet miżjuda mill-Kunsill sabiex jispjega li l-prinċipju ta' proporzjonalità ġie meqjus meta huwa emenda l-proposta tal-Kummissjoni f’sens aktar restrittiv.

94     Il-ħmistax-il premessa tad-direttiva tispeċifika li jeħtieġ jiġu previsti derogi għall-obbligu li jiġi rrispettat il-kontenut massimu ta’ kubrit taż-żjut karburanti tqal awtorizzati mid-direttiva, għall-Istati Membri u għar-reġuni fejn l-istat ta’ l-ambjent jippermetti dan.

95     Fid-dawl, b’mod partikulari, ta' l-effetti ta’ l-emissjonijiet ta’ kubrit fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent kif ukoll tas-sehem importanti ta’ dawn l-emissjonijiet fil-fenomenu ta’ aċidifikazzjoni li jaqsam il-fruntieri, il-Kusill seta', mingħajr ma jikkometti żball ta’ evalwazzjoni ċar, jikkunsidra li kien neċessarju li jissuġġetta l-għoti ta' derogi għall-użu ta' żjut karburanti tqal b'kontenut ta’ kubrit li jaqbeż 1% bil-massa fin-nuqqas ta’ kull kontribuzzjoni ta’ l-emissjonijiet ta’ kubrit ta’ Stat Membru għall-qbiż tat-tagħbijiet kritiċi fit-territorju ta’ l-Istati Membri, anki jekk l-ispejjeż ekonomiċi ta’ miżura bħal din jistgħu jkunu konsiderevoli u anki jekk l-imsemmija kontribuzzjoni m'għandhiex sinifikanti għall-aggravar tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri.

96     L-importanza ta’ l-għanijiet segwiti hija ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki jekk konsiderevoli, għal ċerti operaturi (ara f’dan is-sens, b’mod partikulari, is-sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C-331/88, Ġabra p. I-4023, punt 17, u tas-17 ta’ Lulju 1997, Affish, C-183/95, Ġabra p. I-4315, punt 42), aktar u aktar billi l-protezzjoni ta’ l-ambjent tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet essenzjali tal-Komunità (ara, b’mod partikulari, is-sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2005, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, C-176/03, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 41, u tal-15 ta’ Novembru 2005, il-Kummissjoni vs l-Awstrija, C-320/03, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punt 72).

97     Konsegwentement, il-motiv ibbażat fuq l-illegalità tad-direttiva għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat.

98     Kif jirriżulta minn dak kollu li ntqal qabel, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

99     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika Ellenika tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 69(4), il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeciedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika Ellenika hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

3)      Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea tbati l-ispejjeż tagħha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.