SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta' Settembru 2004 (*)

"Taxxi b'effett ekwivalenti għal dazju doganali – Taxxa imposta fuq l-irħam estratt fit-territorju ta' komun meta jiġi ttrasportat barra mil-limiti tat-territorju komunali"

Fil-kawża C-72/03,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE,

imressqa mill-Commissione tributaria provinciale di Massa Carrara (l-Italja), permezz ta' deċiżjoni tal-11 ta' Diċembru 2002, li ġiet irreġistrata fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta' Frar 2003, fil-proċedura mressqa minn

Carbonati Apuani Srl

vs

Comune di Carrara,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta' l-Awla, A. Rosas, S. von Bahr,  R. Silva de Lapuerta u K. Lenaerts (Imħallef Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta' Marzu 2004,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Carbonati Apuani, minn G. Andreani u R. Diamanti, avvocati,

–       għall-Comune di Carrara, minn A. Calamia, F. Batistoni Ferrara, L. Buselli, G. M. Roberti u A. Franchi, avvocati,

–       għall-Gvern Taljan, minn M. Fiorilli, avvocato dello Stato,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn X. Lewis u R. Amorosi, bħala aġenti, assistiti minn G. Bambara, avvocato,

wara li semgħet il-konklużjonijet ta' l-Avukat Ġenerali fis-seduta tas-6 ta' Mejju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 23 KE, 81 KE, 85 KE u 86 KE.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' proċedura fejn tqajmet il-kwistjoni tal-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta' taxxa imposta mill-Comune di Carrara (aktar 'il quddiem il-"Komun ta' Carrara") fuq l-irħam estratt fit-territorju tiegħu meta jiġi ttrasportat barra mil-limiti tat-territorju komunali.

 Il-kuntest ġuridiku Taljan

3       L-uniku artikolu tal-Liġi Nru 749, tal-15 ta' Lulju 1911, kif emendata bl-Artikolu 55(18) tal-Liġi Nru 449, tas-27 ta' Diċembru 1997 (GURI Nru 302, tat-30 ta' Diċembru 1997), jipprovdi li:

"Qiegħda tiġi stabbilita taxxa fuq l-irħam estratt fit-territorju tal-Komun ta' Carrara u ttrasportat barra minn dan it-territorju favur l-imsemmi komun. Din it-taxxa hija applikata u imposta mill-komun meta l-irħam jinħareġ barra mil-limiti tiegħu, abbażi ta' regolament speċjali adottat mill-kunsill komunali, wara konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali.

Kull sena, meta jiġi adottat l-abbozz tal-baġit tal-komun, il-kunsill komunali għandu jistabbilixxi r-rata li biha għandha tkun imposta t-taxxa matul is-sena ta' wara. Madankollu, jekk il-komun ikollu jassumi impenji dewwiema li jkollhom jiġu ffinanzjati jew iggarantiti mid-dħul mit-taxxa, il-kunsill komunali jista' jistabbilixxi bil-quddiem, għal diversi snin, ir-rata ta' l-imsemmija taxxa.

Il-komun jista', permezz ta' deċiżjoni tal-kunsill komunali, skond il-liġi komunali u provinċjali, u, suġġett għal approvazzjoni tal-Giunta provinciale amministrattiva [kumitat provinċjali amministrattiv], jiddeċiedi li parti mid-dħul mit-taxxa għandu jiġi allokat sabiex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż jew għall-impenji assunti minħabba l-kostruzzjoni u l-operazzjoni tal-port ta' Marina ta' Carrara, jekk ikun il-każ, skond il-Liġi Nru 50 tat-12 ta' Frar 1903, u parti oħra sabiex jitħallsu l-kontribuzzjonijiet għall-affiljazzjoni tal-ħaddiema ta' l-industrija ta' l-irħam lill-Cassa nazionale di previdenza per gli operai [fond nazzjonali għall-assigurazzjoni tal-ħaddiema]. […]"

4       L-Artikolu 2 (2)b tad-Digriet Liġi Nru 8 tas-26 ta' Jannar 1999, ittrasformat, b'xi emendi, fil-Liġi Nru 75 ta' l-1999 (GURI Nru 72, tas-27 ta' Marzu 1999), jipprovdi li:

"L-uniku artikolu tal-Liġi Nru 749 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li t-taxxa […] għandha tapplika għall-irħam u għad-derivati tiegħu u għandha tiġi determinata skond l-eżiġenzi ta' l-ispejjeż direttament jew indirettament marbuta ma' l-attivitajiet tas-settur ta' l-irħam lokali."

5       Abbażi ta' dawn id-dispożizzjonijiet, il-Komun ta' Carrara applika, permezz ta' regolament komunali, taxxa fuq l-irħam estratt fit-territorju tiegħu u ttrasportat barra mil-limiti tiegħu. Fid-data ta' meta seħħew il-fatti in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-rata tat-taxxa kienet stabbilita bħala ITL 8 000 għal kull tunnellata fir-rigward tal-blokki ta' l-irħam.

6       Mill-banda l-oħra, l-irħam estratt u użat fit-territorju tal-komun huwa eżentat mit-taxxa. Barra minn hekk, id-digriet ta' rinviju jippreċiża li jistgħu jingħataw ukoll eżenzjonijiet favur irħam użat jew maħdum fil-komuni ġirien tal-Komun ta' Carrara.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7       Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestat quddiem il-Commissione tributaria provinciale di Massa Carrara l-avviż ta' tassazzjoni bih il-Komun ta' Carrara għamel stima tat-taxxa fuq l-irħam li r-rikorrenti kellha tħallas għax-xahar ta' Mejju 2001. Hija qajmet, quddiem din il-qorti, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta' din it-taxxa mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE.

8       Il-Commissione tributaria provinciale di Massa Carrara – peress li dehrilha li t-taxxa fuq l-irħam tista' titqies bħala dazju doganali jew bħala taxxa b'effett ekwivalenti għal dazju bħal dan u li l-impożizzjoni ta' din it-taxxa tista' twassal għal distorsjoni fil-kompetizzjoni – iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

"Il-leġiżlazzjoni Taljana prevista mil-Liġijiet Nru 749 tal-15 ta' Lulju 1911, Nru 449 tas-27 ta' Diċembru 1997, u mid-Digriet Liġi Nru 8 tas-26 Jannar 1999, kif ittrasformat, b'xi emendi, fil-Liġi Nru 75 ta' l-1999 – impożizzjoni tat-taxxa fuq l-irħam fil-Komun ta' Carrara - [hija kompatibbli] ma' l-Artikoli 23, 81, 85 u 86 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, fil-verżjoni fis-seħħ wara t-Trattat ta' Amsterdam, li ġie rratifikat mill-Italja permezz tal-Liġi Nru 209 ta' l-1998?"

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

9       Skond il-Kummissjoni, id-digriet ta' rinviju ma jistabbilixxix b'mod preċiż biżżejjed il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domanda magħmula. Għaldaqstant, hija jidhrilha li d-domanda hija inammissibbli.

10     F'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li l-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun utli għall-qorti nazzjonali tirrkjedi li din il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domanda magħmula minnha jew li, ta' l-anqas, tispjega l-ipotesi fattwali li fuqha hija bbażata din id-domanda (ara, b'mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta' Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et, C-320/90 sa C-322/90, Ġabra p. I-393, punt 6; id-digrieti tad-19 ta' Marzu 1993, Banchero, C-157/92, Ġabra p. I-1085, punt 4; tat-30 ta' April 1998, Testa u Modesti, C-128/97 u C-137/97, Ġabra p. I-2181, punt 5, u tat-8 ta' Lulju 1998, Agostini, C-9/98, Ġabra p. I-4261, punt 4).

11     Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tagħti minimu ta' spjegazzjonijiet fuq ir-raġunijiet ta' l-għażla tad-dispożizzjonijiet Komunitarji li tagħhom hija titlob l-interpretazzjoni u fuq ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża (digriet tat-28 ta' Ġunju 2000, Laguillaumie, C-116/00, Ġabra p. I-4979, punt 16).

12     F'dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tkun tista' tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju safejn id-domanda magħmula tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 23 KE. Fil-fatt, minn naħa, id-digriet ta' rinviju jispjega, b'mod preċiż, il-kuntest leġiżlattiv tat-taxxa fuq l-irħam li, skond il-qorti tar-rinviju, tista' tiġi meqjusa bħala dazju doganali jew bħala miżura b'effett ekwivalenti. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kuntest fattwali, mid-digriet ta' rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li ttrasportat irħam ta' Carrara barra mil-limiti territorjali komunali, qiegħda tikkontesta quddiem il-qorti nazzjonali l-legalità ta' l-avviż ta' tassazzjoni li bih il-komun għamel stima tat-taxxa fuq l-irħam li hija kellha tħallas għax-xahar ta' Mejju 2001.

13     Mill-banda l-oħra, kif jenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 18 sa 21 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-qorti tar-rinviju ma tagħti l-ebda indikazzjoni utli dwar ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn l-Artikoli 81, 85 u 86 KE u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża. Hija tosserva biss li t-taxxa "jista' jkollha impatt fuq il-kompetizzjoni libera" mingħajr ma tispjega, madankollu, ir-rabta li tista' teżisti bejn it-taxxa fuq l-irħam u l-allegata mġiba anti-kompetittiva ta' impriżi.

14     F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli biss safejn tikkonċerna l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 23 KE.

 Fuq id-domanda preliminari

15     Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda sostanzjalment tistaqsi jekk taxxa bħal dik fuq l-irħam, imposta biss f'komun ta' Stat Membru fir-rigward ta' kategorija waħda ta' merkanzija – jiġifieri l-irħam estratt fit-territorju ta' dan il-komun – meta din il-merkanzija tiġi ttrasportata barra mit-territorju ta' l-imsemmi komun, tammontax għal taxxa b'effett ekwivalenti għal dazju doganali.

16     Il-Gvern Taljan u l-Komun ta' Carrara jsostnu li t-taxxa fuq l-irħam hija imposta, mingħajr distinzjoni, kemm fuq l-irħam esportat lejn Stati Membri oħra u kemm fuq dak ttrasportat għal żoni oħra tat-territorju Taljan. Peress li t-taxxa ma tolqotx biss il-merkanzija destinata għall-esportazzjoni, hija ma tistax titqies li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 23 KE. L-aktar l-aktar, it-taxxa kontenzjuża tista' tammonta għal taxxa interna fis-sens ta' l-Artikolu 90 KE, kompatibbli mat-Trattat minħabba li tolqot bl-istess mod u fl-istess stadju ta' kummerċjalizzazzjoni l-irħam maħdum u kkummerċjalizzat fit-territorju Taljan u l-irħam esportat lejn Stati Membri oħra (sentenzi tas-17 ta' Lulju 1997, Haahr Petroleum, C-90/94, Ġabra p. I-4085, u tat-23 ta' April 2002, Nygård, C-234/99, Ġabra p. I-3657).

17     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li piż finanzjarju ma jammontax għal taxxa b'effett ekwivalenti għal dazju doganali iżda għal taxxa interna fis-sens ta' l-Artikolu 90 KE jekk jagħmel parti minn sistema ġenerali ta' ħlasijiet interni applikata b'mod sistematiku fir-rigward ta' kategoriji ta' prodotti skond kriterji oġġettivi applikati irrispettivament mill-oriġini jew mid-destinazzjoni tal-prodott (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta' Frar 1981, Il-Kummissjoni vs Franza, 90/79, Ġabra p. 283, punt 14, u tas-16 ta' Lulju 1992, Legros et, C-163/90, Ġabra p. I-4625, punt 11).

18     F'dan il-każ, għandu jiġi osservat li t-taxxa kontenzjuża hija imposta fuq l-irħam ta' Carrara meta jinħareġ barra mil-limiti territorjali tal-Komun ta' Carrara. Għalhekk, il-fatt li jattira t-taxxa huwa l-ħruġ minn dawn il-limiti. L-irħam użat fil-Komun ta' Carrara huwa eżonerat mit-taxxa u dan preċiżament minħabba li jintuża lokalment u mhux minħabba kriterji oġġettivi li jistgħu japplikaw ukoll għall-irħam maħruġ barra mill-komun. Dawn l-elementi ma jippermettux li t-taxxa kontenzjuża tiġi kkwalifikata bħala taxxa interna fis-sens ta' l-Artikolu 90 KE (ara s-sentenza Legros et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 12).

19     Sussegwentament għandu jiġi eżaminat jekk taxxa bħal dik fuq l-irħam tammontax għal taxxa b'effett ekwivalenti għal dazju doganali fis-sens ta' l-Artikolu 23 KE.

20     Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet diversi drabi, piż finanzjarju, żgħir kemm hu żgħir u irrispettivament minn kif jissejjaħ u kif jiġi applikat, impost unilateralment fuq il-merkanzija nazzjonali jew barranija minħabba l-fatt li l-merkanzija taqsam fruntiera, meta ma jkunx dazju doganali fil-veru sens tal-kelma, jammonta għal taxxa b'effett ekwivalenti fis-sens ta' l-Artikolu 23 KE (ara s-sentenzi tad-9 ta' Novembru 1983, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, 158/82, Ġabra p. 3573, punt 18; Legros et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 13; tat-22 ta' Ġunju 1994, Deutsches Milch-Kontor, C-426/92, Ġabra p. I-2757, punt 50; ta' l-14 ta' Settembru 1995, Simitzi, C-485/93 u C-486/93, Ġabra p. I-2655, punt 15, u tas-17 ta' Settembru 1997, UCAL, C-347/95, Ġabra p. I-4911, punt 18).

21     Madankollu, il-Gvern Taljan u l-Komun ta' Carrara jsostnu li l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 23 KE, li tinstab ukoll fl-Artikolu 25 KE, għandha tkopri biss id-dazji doganali u taxxi b'effett ekwivalenti għal dazji bħal dawn fil-kummerċ "bejn l-Istati Membri".

22     F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-ġustifikazzjoni tal-projbizzjoni ta' dazji doganali u ta' taxxi b'effett ekwivalenti hija li l-piżijiet finanzjarji, applikati minħabba l-qsim ta' fruntiera, jammontaw għal ostakolu għall-moviment tal-merkanzija (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi ta' l-1 ta' Lulju 1969, Brachfeld u Chougol, 2/69 u 3/69, Ġabra p. 211, punt 14, u tad-9 ta' Awwissu 1994, Lancry et, C-363/93, C-407/93 sa C-411/93, Ġabra p. I-3957, punt 25). Il-prinċipju ta' unjoni doganali nnifsu, kif jirriżulta mill-Artikolu 23 KE, jeżiġi li l-moviment liberu tal-merkanzija jiġi assigurat b'mod ġenerali mhux biss fil-kuntest tal-kummerċ bejn l-Istati iżda, b'mod aktar wiesa', fit-territorju kollu ta' l-unjoni doganali. Jekk l-Artikoli 23 KE u 25 KE jsemmu espressament il-kummerċ bejn l-Istati Membri biss, dan huwa minħabba li l-awturi tat-Trattat assumew li ma jeżistux taxxi bil-karatteristiċi ta' dazju doganali fl-intern ta' dawn l-Istati (ara s-sentenza Lancry et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 29).

23     Għandu jiġi osservat ukoll li, fl-1986, l-Att Waħdieni Ewropew introduċa fit-Trattat KEE l-Artikolu 8 A (li sar l-Artikolu 7 A tat-Trattat KE, li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 14 KE) li stabbilixxa bħala għan l-istabbiliment ta' suq intern qabel il-31 ta' Diċembru 1992. L-Artikolu 14(2) KE jiddefinixxi s-suq intern bħala "arja bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat" mingħajr ma jagħmel distinzjoni bejn fruntieri bejn l-Istati u fruntieri interni fl-Istati stess.

24     Minħabba li l-Artikoli 23 KE et seq għandhom jinqraw flimkien ma' l-Artikolu 14(2) KE, in-nuqqas ta' taxxi – kemm bejn l-Istati u kemm fl-Istati stess – li jkollhom il-karatteristiċi ta' dazju doganali jew ta' taxxa b'effett ekwivalenti, hija kundizzjoni indispensabbli li għandha teżisti minn qabel sabiex tintlaħaq unjoni doganali fejn il-moviment liberu tal-merkanzija huwa assigurat.

25     B'hekk il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fis-sentenzi tagħha Legros et (iċċitata aktar 'il fuq, punt 18), Lancry et (iċċitata aktar il-fuq, punt 32) u Simitzi (iċċitata aktar 'il fuq, punt 17), li taxxa imposta meta jinqabeż limitu territorjali ġewwa Stat Membru tammonta għal taxxa b'effett ekwivalenti għal dazju doganali.

26     Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-kwistjoni mqajma mill-kawża prinċipali ma tikkonċernax sitwazzjoni bl-elementi tagħha li huma kompletament limitati għall-intern ta' Stat Membru wieħed. Fil-fatt, hemm qbil li t-taxxa fuq l-irħam tapplika għall-irħam kollu ta' Carrara li jinħareġ barra mil-limiti territorjali ta' dan il-komun mingħajr ma ssir distinzjoni bejn l-irħam li d-destinazzjoni finali tiegħu tinstab fl-Italja u dak li d-destinazzjoni finali tiegħu tinstab fi Stati Membri oħra. Għaldaqstant, it-taxxa fuq l-irħam, minħabba n-natura u l-kundizzjonijiet tagħha, tolqot il-kummerċ bejn l-Istat Membri (ara s-sentenza Lancry et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 30; ara, fl-istess sens, fir-rigward tal-miżuri b'effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva, is-sentenzi tal-15 ta' Diċembru 1982, Oosthoek's Uitgeversmaatschappij, 286/81, Ġabra p. 4575, punt 9; tal-15 ta' Diċembru 1993, Ligur Carni et, C-277/91, C-318/91 u C-319/91, Ġabra p. I-6621, punti 36 u 37; tat-13 ta' Jannar 2000, TK-Heimdienst, C-254/98, Ġabra p. I-151, punti 27 sa 31, u tal-5 ta' Diċembru 2000, Guimont, C-448/98, Ġabra p. I-10663, punti 21 sa 23).

27     Madankollu, il-Komun ta' Carrara jsostni li hemm numru ta' ċirkustanzi li jipprekludu l-kwalifika tat-taxxa fuq l-irħam bħala taxxa b'effett ekwivalenti għal dazju doganali. Huwa josserva f'dan ir-rigward li, b'differenza mit-taxxa in kwistjoni fis-sentenzi Legros et, Lancry et u Simitzi, iċċitati aktar 'il fuq, it-taxxa in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija miġbura minn awtorità lokali żgħira u li din it-taxxa tolqot kategorija ta' prodotti, jiġifieri l-irħam ta' Carrara, u mhux fuq il-prodotti kollha li jinħarġu mil-limiti territorjali tal-komun.

28     Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu. Fil-fatt, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 23 KE, l-istess bħall-Artikolu 25 KE, jipprojbixxi kull piż finanzjarju, żgħir kemm hu żgħir, li jammonta għal ostakolu tariffarju għall-kummerċ u li jkun impost unilateralment minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru (ara punt 20 aktar 'il fuq). Għaldaqstant, għall-finijiet tal-kwalifika ta' taxxa b'effett ekwivalenti għal dazju doganali, id-daqs ta' l-awtorità nazzjonali li imponiet it-taxxa huwa irrelevanti safejn l-imsemmija taxxa tammonta għal ostakolu għall-kummerċ fis-suq intern.

29     Barra minn hekk, peress li l-Artikoli 23 KE u 25 KE huma intiżi sabiex jeliminaw kull ostakolu tariffarju għall-kummerċ, huwa irrelevanti jekk it-taxxa in kwistjoni fil-kawża prinċipali tolqotx kategorija preċiża ta' merkanzija (ara s-sentenzi tat-22 ta' April 1999, CRT France International, C-109/98, Ġabra p. I-2237, u tal-21 ta' Settembru 2000, Michaïlidis, C-441/98 u C-442/98, Ġabra p. I-7145) jew kull merkanzija li tinħareġ barra mil-limiti territorjali ta' l-awtorità kkonċernata (ara s-sentenzi Legros et u Lancry et, iċċitati aktar 'il fuq).

30     Barra minn hekk, il-konvenuta fil-kawża prinċipali tenfasizza l-għan partikolari ta' l-imsemmija taxxa. Id-dħul minn din it-taxxa huwa destinat biex ikopri l-ispejjeż li l-Komun ta' Carrara jsostni minħabba l-attivitajiet ta' l-industrija ta' l-irħam fuq it-territorju tiegħu. It-taxxa tissodisfa interess ta' l-operaturi kollha stess f'din l-industrija, inklużi dawk li jikkummerċjalizzaw il-prodotti kkonċernati barra mill-pajjiż.

31     Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dazji doganali u t-taxxi b'effett ekwivalenti għal dazji bħal dawn huma pprojbiti irrispettivament minn kull kunsiderazzjoni ta' l-għan li għalih kienu ġew stabbiliti kif ukoll mid-destinazzjoni tad-dħul minnhom (ara s-sentenzi ta' l-1 ta' Lulju 1969, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 24/68, Ġabra p. 193, punt 7, u Simitzi, iċċitata aktar 'il fuq, punt 14). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li piż li jammonta għal rimunerazzjoni ta' servizz effettivament mogħti lill-operatur ekonomiku li huwa obbligat iħallas dan il-piż, f'ammont proporzjonat għall-imsemmi servizz, ma jammontax għal taxxa b'effett ekwivalenti għal dazju doganali (sentenzi tas-26 ta' Frar 1975, Cadsky, 63/74, Ġabra p. 281, punt 8; tad-9 ta' Novembru 1983, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, 158/92, Ġabra p. 3573, punt 19, u CRT France International, iċċitata aktar 'il fuq, punt 17).

32     Madankollu, dan mhux il-każ f'din il-kawża. Fil-fatt, l-aktar l-aktar teżisti rabta indiretta bejn it-taxxa in kwistjoni fil-kawża prinċipali u s-servizzi mogħtija lill-operaturi kkonċernati minn din it-taxxa. Fil-fatt, mill-osservazzjonijiet tal-Komun ta' Carrara jirriżulta li din it-taxxa hija intiża b'mod partikolari biex tkopri l-ispejjeż sostnuti mill-komun għat-tiswija u l-manteniment tat-toroq, għall-iżvilupp ta' infrastruttura fil-port, għall-manteniment ta' mużew, għar-riċerki dwar is-sigurtà fil-barrieri, għall-attivitajiet ta' taħriġ fil-qasam ta' l-inġinerija tal-minjieri, jew ukoll għall-għajnuna soċjali favur il-ħaddiema. Ħafna minn dawn is-servizzi mhumiex ta' vantaġġ speċifiku għall-operaturi li jittrasportaw l-irħam barra mit-territorju tal-Komun ta' Carrara.

33     Fir-rigward ta' l-argument ibbażat fuq il-fatt li l-operaturi "lokali" li jħallsu taxxi komunali diġà jikkontribwixxu għall-ispejjeż li l-komun isostni minħabba l-industrija ta' l-irħam, għandu jiġi mfakkar li l-fatt li jagħti lok għat-taxxa huwa l-ħruġ ta' l-irħam barra mil-limiti territorjali tal-komun, irrispettivament mill-kwistjoni ta' jekk l-operatur ikkonċernat huwiex suġġett għat-taxxi komunali.

34     F'kull każ, il-fatt li taxxa imposta minħabba li tinqasam fruntiera bejn Stati jew fl-istess Stat kienet ġiet stabbilita sabiex tagħmel tajjeb għal piż lokali li jolqot il-prodott simili intern, mhux biżżejjed biex jeżentaha mill-kwalifika bħala taxxa b'effett ekwivalenti għal dazju doganali. Fil-fatt, li kieku dan kien il-każ, dan ikun jammonta għall-privazzjoni tal-projbizzjoni ta' taxxi b'effett ekwivalenti għal dazji doganali mill-kontenut u mill-portata tagħha (ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta' Mejju 1979, Denkavit, 132/78, Ġabra p. 1923, punt 8, u Michaïlidis, iċċitata aktar 'il fuq, punt 23).

35     Għaldaqstant, minn dak li għadu kemm intqal jirriżulta li taxxa kkalkulata b'mod proporzjonali mal-piż ta' merkanzija, imposta biss f'komun ta' Stat Membru u li tolqot kategorija ta' merkanzija minħabba li din tiġi ttrasportata barra mil-limiti territorjali komunali, tammonta għal taxxa b'effett ekwivalenti għal dazju doganali fuq l-esportazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 23 KE, minkejja l-fatt li t-taxxa tolqot ukoll il-merkanzija li d-destinazzjoni finali tagħha tinstab fl-Istat Membru kkonċernat stess.

 Fuq l-effett fiż-żmien ta' din is-sentenza

36     Il-Komun ta' Carrara jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex, fil-każ li tqis li taxxa bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat, tillimita l-effetti fiż-żmien ta' din is-sentenza. Huwa jinvoka, minn naħa, l-inċertezzi marbuta mal-kuntest ġuridiku applikabbli għat-taxxa in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi finanzjarji gravi li jirriżultaw għall-baġit tal-Komun ta' Carrara fin-nuqqas ta' limitazzjoni ta' l-effetti fiż-żmien tas-sentenza.

37     Għandu jiġi mfakkar li huwa biss b'mod eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista', permezz ta' l-applikazzjoni ta' prinċipju ġenerali ta' ċertezza legali inerenti fis-sistema ġuridika Komunitarju, tiġi mwassla biex tillimita l-possibbiltà għall-persuni interessati kollha li jinvokaw dispożizzjoni li hija tkun interpretat sabiex idaħħlu in kwistjoni relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fede (sentenzi Legros et, iċċitata aktar 'il fuq, punt 30, u tat-23 ta' Mejju 2000, Buchner et, C-104/98, Ġabra p. I-3625, punt 39).

38     F'dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Legros et (iċċitata aktar 'il fuq, punti 30 sa 36), iddeċidiet li, minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi ta' ċertezza legali, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw it-taxxi b'effett ekwivalenti għal dazji doganali fuq l-importazzjoni ma jistgħux jiġu invokati in sostenn tat-talbiet intiżi biex tinkiseb rifużjoni ta' taxxa bħal imposti fuq l-użu ta' baċir, imħallsa qabel id-data ta' din is-sentenza, jiġifieri s-16 ta' Lulju 1992, ħlief minn dawk il-persuni li, qabel din id-data, kienu ressqu proċeduri legali jew kienu għamlu talba ekwivalenti (ara s-sentenza Simitzi, iċċitata aktar 'il fuq, punt 30).

39     It-taxxa kontenzjuża – bħala taxxa imposta meta jinqabeż limitu territorjali fi Stat Membru – għandha tiġi kkwalifikata bħala taxxa b'natura simili għall-imposti fuq l-użu ta' baċir in kwistjoni fil-kawża Legros et, iċċitata aktar 'il fuq. Għaldaqstant, jista' jingħad li, sas-16 ta' Lulju 1992, il-Komun ta' Carrara seta' raġonevolment iqis li t-taxxa kontenzjuża kienet konformi mad-dritt Komunitarju.

40     Għaldaqstant, l-istess kunsiderazzjonijiet ta' ċertezza legali għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni u, għalhekk, għandu jiġi deċiż li l-limitazzjoni fiż-żmien stabbilita fis-sentenza Legros et, iċċitata aktar 'il fuq, tapplika wkoll għat-talbiet ta' rifużjoni ta' ammonti mħallsin minħabba t-taxxa in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

41     Mill-banda l-oħra, l-effetti ta' din is-sentenza m'għandhomx jiġu limitati wara s-16 ta' Lulju 1992, id-data tas-sentenza Legros et, iċċitata aktar 'il fuq. Fil-fatt, minn dik id-data, il-Komun ta' Carrara ma setax jinjora li t-taxxa kontenzjuża ma kinitx kompatibbli mad-dritt Komunitarju.

42     Finalment, għandu jiġi ppreċiżat li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar it-taxxi b'effett ekwivalenti għal dazji doganali ma jistgħux jiġu invokati in sostenn ta' talbiet intiżi sabiex tinkiseb ir-rifużjoni ta' ammonti mħallsa qabel is-16 ta' Lulju 1992 taħt it-taxxa kontenzjuża, ħlief minn dawk il-persuni li, qabel din id-data, kienu ressqu proċeduri legali jew kienu għamlu talba ekwivalenti.

 Fuq l-ispejjeż

43     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta' kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta' l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra minn dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla), taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Taxxa kkalkulata b'mod proporzjonali mal-piż ta' merkanzija, imposta biss f'komun ta' Stat Membru u li tolqot kategorija ta' merkanzija minħabba li din tiġi ttrasportata mil-limiti territorjali komunali, tammonta għal taxxa b'effett ekwivalenti għal dazju doganali fuq l-esportazzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 23 KE, minkejja li t-taxxa tolqot ukoll il-merkanzija li d-destinazzjoni finali tagħha tinstab fl-Istat Membru kkonċernat stess.

2)      L-Artikolu 23 KE ma jistax jiġi invokat in sostenn ta' talbiet intiżi sabiex tinkiseb ir-rifużjoni ta' ammonti mħallsa qabel is-16 ta' Lulju 1992 taħt it-taxxa fuq l-irħam, ħlief minn dawk il-persuni li, qabel din id-data, kienu ressqu proċeduri legali jew kienu għamlu talba ekwivalenti

Firem.


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.