SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla)

1 ta' Diċembru 2005 (*)

"Fondi Strutturali – Rilaxx ta' somom– Kundizzjonijiet – Programm Manchester/Salford/Trafford 2 ('MST 2')"

Fil-kawża C-46/03,

li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skond l-Artikolu 230 KE, imressaq fil-31 ta' Jannar 2003,

ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, irrappreżentat minn P. Ormond, R. Caudwell u K. Manji, bħala aġenti, assistiti minn D. Lloyd-Jones, QC, u S. Lee, barrister,

rikorrent,

vs

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn L. Flynn, bħala aġent, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

sostnuta minn:

il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Balta, F. Florindo Gijón u J. Carbery, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (it-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans (Relatur), President ta' Awla, J. Makarczyk, R. Silva de Lapuerta, P. Kūris u G. Arestis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: C. Stix-Hackl,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta' April 2005,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta' Ġunju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       Permezz tar-rikors tiegħu, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta' l-Irlanda ta' Fuq jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–       tannulla:

a)      id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, kontenuta f'ittra tat-22 ta' Novembru 2002, li tirrilaxxa s-somma ta' 11 632 600 EUR relattiva għall-ispejjeż li ntefqu għall-programm operattiv Manchester/Salford/Trafford 2 (iktar 'il quddiem "MST 2");

b)      id-deċiżjoni sussegwenti li tirrilaxxa din is-somma, mogħtija f'data li mhijiex magħrufa mir-Renju Unit, f'Diċembru 2002 jew f'Jannar 2003;

c)      kull miżura adottata b'applikazzjoni ta' dawn id-deċiżjonijiet, inkluż l-att li bih din is-somma ġiet maħlula;

d)      id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, kontenuta fl-imsemmija ittra tat-22 ta' Novembru, li tordna l-ħlas lura tas-somma ta' 9 272 767 EUR lill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), diġà mħallsa lir-Renju Unit għall-ispejjeż li ntefqu għall-MST 2, u

e)      kull miżura adottata b'applikazzjoni ta' din id-deċiżjoni;

–       tiddikjara, skond l-Artikolu 231 KE, li kull waħda mill-imsemmija deċiżjonijiet u miżuri hija nulla;

–       tiddikjara, skond l-Artikolu 241 KE, li, f'każ li l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-Artikolu 52(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/1999 tal-21 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi d-disposizzjonijiet ġenerali dwar il-Fondi Strutturali (ĠU L 161, p. 1), u/jew tal-punt 10 ta' l-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(92) 1358/8 tas-6 ta' Lulju 1992, hija korretta, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu applikati fil-konfront tar-Renju Unit.

 Il-kuntest ġuridiku

2       L-Artikolu 21 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88 tad-19 ta' Diċembru 1988 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet sabiex jiġi implimentat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni ta' l-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti, minn naħa waħda, bejniethom u ma' l-operazzjonijiet tal-Bank Europew ta' l-Investiment u l-istrumenti finanzjarji l-oħrajn li jeżistu, min-naħa l-oħra (ĠU L 374, p. 1), intitolat "Ħlasijiet", jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu:

"Il-ħlas tal-bilanċ fir-rigward ta' kull rabta għandu jsir jekk:

–       l-awtorità nominata, imsemmija fil-paragrafu 1, tissottometti applikazzjoni għal ħlas lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mill-aħħar tas-sena kkonċernata jew mit-twettiq materjali ta' l-azzjoni,

–       ir-rapporti msemmija fl-Artikolu 25(4) jiġu sottomessi lill-Kummissjoni,

–       l-Istat Membru jibgħat lill-Kummissjoni ċertifikat li jikkonferma l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni għal ħlas u fir-rapporti."

3       L-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1260/1999, intitolat "Dispożizzjonijiet transitorji", jipprovdi:

"1.      Dan ir-Regolament ma jaffettwax it-tkomplija jew il-modifika, inkluż il-kanċellament totali jew parzjali, ta' l-għajnuna approvata mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni fuq il-bażi tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 2052/88 u (KEE) Nru 4253/88 jew xi leġislazzjoni oħra li kienet tapplika għal dik l-għajnuna fil-31 ta' Diċembru 1999.

[…]

5.      Ammonti parzjali marbutin għal operazzjonijiet jew programmi approvati mill-Kummissjoni qabel l-1 ta' Jannar 1994, iżda li dwarhom ma tkun waslet ebda applikazzjoni għal ħlas finali sal-31 ta' Marzu 2001, għandhom jiġu awtomatikament maħlula [rilaxxata] sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2001, u b’hekk jingħata bidu għall-ħlas lura ta' l-ammonti li tħallsu għalxejn, mingħajr preġudizzju għal operazzjonijiet jew programmi li jkunu ġew sospiżi minħabba proċeduri legali.

[…]"

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura

4       Fis-6 ta' Lulju 1992, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(92) 1358/8 dwar l- għajnuna Komunitarja mill-ERDF u mill-Fond Soċjali Europew għal programm operattiv integrat rigward Manchester, Salford u Trafford taħt il-qafas ta' appoġġ Komunitarju għall-għajnuna strutturali Komunitarja li taqa' taħt l-Objettiv 2 fir-reġjun ta' Majjistrall ta' l-Ingilterra fir-Renju Unit. Din id-deċiżjoni kopriet il-perijodu mill-1 ta' Jannar 1992 sal-31 ta' Diċembru 1993 u l-Artikolu 3 tagħha stabbilixxa l-kontribuzzjoni mill-ERDF fis-somma ta' 56,51 miljun ECU.

5       Il-punt 10 ta' l-Anness ta' l-imsemmija deċiżjoni jipprovdi:

"Il-ħlas tal-bilanċ fir-rigward ta' kull rabta għandu jkun suġġett għall-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

–       l-awtorità nominata għandha tissottometti applikazzjoni għal ħlas lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mill-aħħar tas-sena kkonċernata jew mit-twettiq effettiv ta' l-operazzjoni kkonċernata; din l-applikazzjoni għandha tkun formulata fuq il-bażi ta' spejjeż li l-benefiċjarji finali jkunu effettivament nefqu u li għalihom jeżistu dokumenti li jiġġustifikawhom;

–       is-sottomissjoni lill-Kummissjoni tar-rapporti rilevanti msemmija fl-Artikolu 25(4) tar-Regolament (KE) Nru 4253/88 f'forma standard li għandha tiġi miftiehma;

–       l-Istat Membru għandu jissottometti lill-Kummissjoni ċertifikat li jikkonferma l-informazzjoni kontenuta fl-applikazzjoni għal ħlas u fir-rapporti."

6       Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(93) 3804, tas-17 ta' Diċembru 1993, li temenda l-programmi operattivi fir-reġjuni li jaqgħu taħt l-Objettiv 2 fir-Renju Unit, sabiex jittieħed kont ta' l-emendi mitluba minn dan l-Istat Membru f'dak li għandu x'jaqsam mat-tqassim annwali ta' l-għajnuna strutturali Komunitarja, l-allokazzjoni ta' riżorsi li qabel ma kinux allokati għal miżuri prijoritarji u t-trasferiment ta' riżorsi bejn ċerti programmi operattivi, il-kontribuzzjoni mill-ERDF lill-MST 2 telgħet minn 56,51 miljun ECU għal 58,163 miljun ECU

7       Permezz ta' ittri tal-11 ta' Ġunju 1999 u tal-31 ta' Lulju 2000, il-Government Office for the North West (iktar 'il quddiem il-"GONW") issottometta abbozzi tar-rapport finali fuq l-MST 2.

8       Fis-26 ta' Frar 2001, il-GONW bagħat ittra lill-Kummissjoni fejn indika b'mod partikolari:

"Bħalissa qegħdin nippreparaw it-tabelli finanzjarji finali għal dawn iż-żewġ programmi. Ser jintbaghtulkom bl-imejl minn Paul [D.] wara li jitlestew, l-ewwel, MST 1, u sussegwentement, MST 2. Qabel din l-imejl, qiegħed nehmeż ma' din l-ittra kopji stampati tad-dokumenti oriġinali sabiex ikollkom sensiela kompleta ta' dokumenti qabel it-terminu tar-rilaxx tal-31 ta' Marzu 2001".

9       Fil-15 ta' Marzu 2001, il-GONW bagħat ittra lill-Kummissjoni fejn ġie indikat:

"In segwitu għan-nota tiegħi tas-26 ta' Frar 2001, qiegħed nehmeż kopji stampati tad-dokumenti oriġinali dwar l-MST 2. It-tabelli finanzjarji definittivi għall-MST 1 u 2 ser jinbagħtulkom bl-imejl minn Paul [D.] meta Ian [J.] ikun solva l-kwistjonijiet pendenti ma' Manchester [City Council] qabel it-terminu tar-rilaxx tal-31 ta' Marzu 2001. Ma' dawn it-tabelli finanzjarji, ser jiġu mehmuża listi ta' proġetti approvati mir-Renju Unit u l-prijorità.

It-tabella ta' tqassim u t-tabella finanzjarja juru l-bilanċ ta' l-ammonti dovuti lill-Gvern tar-Renju Unit. Aħna ser nesprimu l-qbil tagħna fuq applikazzjoni formali ta' ġbid tal-flus meta l-uffiċċju finanzjarju tagħkom ikun ħa pożizzjoni fuq il-figuri ppreżentati.

Dawn it-tabelli jirriflettu s-sitwazzjoni murija fir-rapport rivedut ippreżentat lil[l-Kummissjoni] fil-31 ta' Lulju 2000".

10     Rapport fuq il-MST 2, intitolat "Final Report" (rapport finali), kien mehmuż ma' l-imsemmija ittra.

11     Fil-21 ta' Marzu 2001, il-GONW bagħat imejl lill-Kummissjoni li kien igħid hekk:

"Għandkom issibu hawn mehmużin erba' tabelli li Paul [I.] talabni biex nibgħatilkom sabiex tkunu tistgħu tagħlqu dawn iż-żewġ programmi.

[…]"

12     Ma' din l-imejl kienu mehmużin diversi annessi li kien fihom għadd ta' tabelli b'informazzjoni finanzjarja dwar l-MST 2. Fl-Anness 4, li jirrigwarda proġetti approvati fuq bażi ta' prijorità, kien jidher total ta' nfiq eliġibbli fis-somma ta' 111 735 335 GBP.

13     Wara skambju ta' korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-GONW, saru xi korrezzjonijiet għat-tabelli finanzjarji waqt is-sajf ta' l-2001, mingħajr ma nbidel l-imsemmi total ta' l-infiq eliġibbli.

14     Sussegwentement, sar skambju importanti ta' korrispondenza bejn il-GONW u l-Kummissjoni, li, f'din l-okkażjoni, insistiet li r-Renju Unit jibgħat ċertifikat definittiv ta' l-infiq.

15     Permezz ta' ittra tas-6 ta' Frar 2002, il-GONW issottometta tali ċertifikat lill-Kummissjoni. Dan kien isemmi ammont ta' nfiq eliġibbli fis-somma ta' 111 735 335 GBP.

16     Permezz ta' ittra tat-18 ta' April 2002, iffirmata mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali "Politika Reġjonali", il-Kummissjoni infurmat lill-aworitajiet tar-Renju Unit bl-intenzjoni tagħha li tirrilaxxa l-bilanċ tal-kontribuzzjoni ERDF favur l-MST 2, li kien jammonta għal 11 632 600 EUR. Hija spjegat li d-dokument li ġie sottomess fis-6 ta' Frar 2002 ma kienx ġie aċċettat bħala applikazzjoni għal ħlas peress li ma kienx intbagħat qabel it-terminu ta' skadenza tal-31 ta' Marzu 2001, previst fl-Artikolu 52(5) tar-Regolament Nru 1260/1999. Il-Kummissjoni tat lir-Renju Unit terminu ta' xahrejn sabiex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu.

17     Permezz ta' ittra tat-12 ta' Ġunju 2002, l-awtoritajiet tar-Renju Unit ikkontestaw il-proposta li jinħall il-bilanċ allokat lill-MST 2. Huma sostnew b'mod partikolari li abbozz ta' rapport definittiv kien ġie sottomess f'Lulju 2000, li t-tabelli finanzjarji kienu ġew sottomessi fil-21 ta' Marzu 2001 u li l-informazzjoni kollha rilevanti kienet ġiet sottomessa qabel ma skada t-terminu stabbilit tal-31 ta' Marzu 2001.

18     Permezz ta' ittra tat-22 ta' Novembru 2002, il-Kummissjoni kkontestat l-imsemmija argumenti u ddikjarat li kienet tat istruzzjonijiet lill-unità kompetenti biex tirrilaxxa l-bilanċ ta' 11 632 600 EUR li kien fadal.

19     Ir-Renju Unit ippreżenta dan ir-rikors fil-31 ta' Jannar 2003. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad dan ir-rikors bħala parzjalment inammissibli u infondat fir-rigward tal-bqija jew, sussidjarjament, bħala infondat fit-totalità tiegħu.

20     Permezz ta' digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta' Marzu 2003, il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ġie awtorizzat jintervjeni sabiex isostni t-talbiet tal-Kummissjoni.

 Fuq ir-rikors

 Fuq is-suġġett tar-rikors

21     F'dak li jirrigwarda t-talbiet għal annullament fl-ewwel inċiż, subinċiżi (d) u (e), tat-talbiet tar-Renju Unit, il-Kummissjoni tindika fir-risposta tad-difiża tagħha li hija ddeċidiet li ma titlobx iżjed il-ħlas lura tas-somma ta' 9 272 767 EUR, u din id-deċiżjoni kienet ikkomunikata lill-Gvern tar-Renju Unit b'ittra tat-13 ta' Marzu 2003.

22     Peress li l-imsemmi Gvern ma jikkontestax li rċieva din id-deċiżjoni, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikors m'għadx għandu skop fir-rigward ta' l-imsemmija talbiet għal annullament.

 Fuq l-ammissibbiltà

23     Il-Kummissjoni ssostni li t-talbiet fl-ewwel inċiż, subinċiżi (b) u (c), tat-talbiet tar-Renju Unit huma inammissibbli peress li jirrigwardaw miżuri li mhumiex deċiżjonijiet awtonomi iżda huma konsegwenzi inevitabbli ta' l-ittra tat-22 ta' Novembru 2002, imsemmija fl-ewwel inċiż, subinċiż (a), ta' l-istess talbiet.

24     F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta mill-imsemmija ittra li l-Kummissjoni tat istruzzjonijiet lill-unità kompetenti biex tirrilaxxa l-bilanċ ta' 11 632 600 EUR li kien fadal. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 46 fil-konklużjonijiet tiegħu, din l-ittra għaldaqstant tikkostitwixxi miżura li tipproduċi effetti ġuridiċi fil-konfront tar-Renju Unit.

25     F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-miżuri msemmija fl-ewwel inċiż, subinċiżi (b) u (c), tat-talbiet ta' dan l-Istat Membru jikkostitwixxu, l-iktar l-iktar, att konfermattiv u att purament eżekuttiv, rispettivament, fir-rigward tad-deċiżjoni li diġà tinsab fl-ittra tat-22 ta' Novembru 2002. Għaldaqstant, dawn il-miżuri mhumiex kontestabbli separatament.

26     Minn dan isegwi li t-talbiet għall-annullament tal-miżuri msemmija fl-ewwel inċiż, subinċiżi (b) u c), tat-talbiet tar-Renju Unit huma inammissibli.

 Fuq il-mertu

27     Fir-rikors tiegħu, ir-Renju Unit jinvoka erba' raġunijiet biex isostni r-rikors tiegħu. L-ewwel raġuni hija bbażata fuq ksur ta' l-Artikolu 52(5) tar-Regolament Nru 1260/1999. Permezz tat-tieni raġuni tiegħu, il-Gvern tar-Renju Unit iqajjem eċċezzjoni ta' illegalità bbażata fuq allegata illegalità ta' l-imsemmija dispożizzjoni u/jew tal-punt 10 ta' l-Anness tad-Deċiżjoni C(92) 1358/8. It-tielet raġuni hija bbażata fuq ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni ta' l-aspettativi leġittimi kif ukoll ta' l-Artikolu 10 KE u r-raba' raġuni hija bbażata fuq allegat nuqqas ta' motivazzjoni. Permezz ta' ittra tat-23 ta' Marzu 2005 il-Gvern tar-Renju Unit iddikjara li kien qed jirrinunzja għat-tieni raġuni tiegħu.

28     Permezz ta' l-ewwel raġuni tiegħu, il-Gvern tar-Renju Unit isostni li d-dokumenti li huwa bagħat lill-Kummissjoni fi Frar u f'Marzu 2001 kienu jikkostitwixxu, kif jirriżulta mill-kliem u mill-kuntest tagħhom, applikazzjoni għal ħlas finali fis-sens ta' l-imsemmija dispożizzjoni, li ppermettiet lill-Kummissjoni li tagħlaq l-MST 2. Fl-opinjoni tiegħu, din l-istess dispożizzjoni, interpretata fid-dawl tal-prinċipji taċ-ċertezza legali, tal-proprzjonalità, tat-tmexxija tajba, tas-solidarjetà Komunitarja u tas-sħubija reġjonali kif ukoll tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji u l-Istati Membri, fis-sens ta' l-Artikolu 10 KE, ma tirrekjedix li applikazzjoni għal ħlas finali bilfors issir billi tintuża l-formola standard ta' ċertifikazzjoni ta' l-infiq ta' l-ERDF. Il-Kummissjoni għalhekk għamlet żball ta' liġi meta kkonkludiet li n-nuqqas li tiġi sottomessa applikazzjoni għal ħlas finali f'din il-forma qabel il-31 ta' Marzu 2001, kienet iġġib magħhata' applikazzjoni għal ħlas finali f'tali forma involva l-applikazzjoni tas-sanzjoni prevista fl-Artikolu 52(5) tar-Regolament Nru 1260/1999.

29     Il-Kummissjoni twieġeb li, sabiex l-imsemmija dispożizzjoni jkollha effett utli, il-Kummissjoni jrid ikollha għad-dispożizzjoni tagħha, qabel il-31 ta' Marzu 2001, l-elementi kollha neċessarji sabiex tagħlaq l-għajnuna u dawn id-dokumenti jridu jkunu fil-forma neċessarja sabiex hi tkun tista' tagħmel dan. Fl-opinjoni tagħha, dikjarazzjoni ta' l-infiq mhux certifikata, mibgħuta bl-imejl fil-forma ta fajl «Excel», ma tistax tkun ikkunsidrata bħala applikazzjoni għal ħlas finali, mhux biss għax ma ġiex ippreżentat skond il-formola standard, iżda wkoll għax tali talba għandha tkun iffirmata u ċċertifikata skond l-Artikolu 21(4) tar-Regolament 4253/88 u skond il-punt 10 ta' l-Anness tad-Deċiżjoni C(92) 1358/8.

30     F'dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li l-applikazzjonijiet għal ħlas finali fis-sens ta' l-Artikolu 52(5) tar-Regolament Nru 1260/1999, li jiġu sottomessi mill-Istati Membri, irid ikun fihom mill-inqas l-informazzjoni li tippermetti lill-Kummissjoni li tipproċedi għall-għeluq definittiv tal-proġetti kkonċernati u tal-ħlas tas-somom mitluba (ara f'dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta' Ottubru 1999 l-Olanda vs il-Kummissjoni, C-84/96, Ġabra p. I-6547, punt 57).

31     Mill-atti tal-proċess jirriżulta li, sa l-għeluq tat-terminu tal-31 ta' Marzu 2001, ir-Renju Unit bagħat lill-Kummissjoni ħafna informazzjoni dwar l-MST 2 permezz ta' ittri tas-26 ta' Frar u tal-15 ta' Marzu 2001, ikkompletata permezz ta' annessi u permezz ta' imejl tal-21 ta' Marzu 2001.

32     Għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni, kif hija stess ippreċiżat fis-seduta, ma tallegax li r-Renju Unit naqas meta kkomunikalha ċerta informazzjoni permezz ta' l-imejl.

33     Il-Kummissjoni lanqas ma tallega li kien hemm xi inkonsistenza fil-figuri kkomunikati li żammitha milli tagħlaq il-programm ikkonċernat, jew li l-informazzjoni ġiet mibgħuta lilha minn awtorità li ma kinitx awtorizzata għaldaqshekk.

34     Madankollu, hija ssostni li r-rapport li, kif jirriżulta mid-dokumenti ppreżentati mill-Gvern tar-Renju Unit, kien mehmuż ma' l-ittra tal-15 ta' Marzu 2001, kien rapport provviżorju.

35     F'dan ir-rigward, għandu jiġi rilevat li ma jirriżultax mill-proċess li l-imsemmi rapport, intitolat "Final Report", kellu l-istatus ta' rapprt provviżorju. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tispeċifikax fuq liema punti dan ir-rapport ma kienx komplet.

36     Barra dan, f'dak li jirrigwarda l-korrezzjonijiet li saru għall-informazzjoni waqt is-sajf ta' l-2001 u li ġew definiti bħala minuri mir-Renju Unit, mingħajr ma dan ta' l-aħħar ġie serjament ikkontestat mill-Kummissjoni, għandu jkun ikkonstatat li, fi kwalunkwe każ, ma jirriżultax mill-atti tal-proċess, u b'mod aktar partikolari mill-ittra tat-18 ta' April 2002, li l-imsemmija korrezzjonijiet setgħu kellhom rwol fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipproċedi għar-rilaxx.

37     Fil-fatt, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-Renju Unit ma ssottomettiex, qabel il-31 ta' Marzu 2001, applikazzjoni għal ħlas finali fis-sens ta' l-Artikolu 52(5) tar-Regolament Nru 1260/1999, minħabba li dan l-Istat Membru ma ssottomettix, qabel din id-data, ċertifikazzjoni ta' l-informazzjoni pprovduta.

38     Skond il-Kummissjoni, obbligu li tiċċertifika l-informazzjoni kkomunikata qabel l-imsemmi terminu previst fl-Artikolu 52(5) tar-Regolament Nru 1260/1999, jirriżulta mit-tielet inċiż ta' l-Artikolu 21(4) tar-Regolament 4253/88 u mit-tielet inċiż tal-punt 10 ta' l-Anness tad-Deċiżjoni C(92) 1358/8, li jipprovdu li l-Istati Membri għandhom jibgħatu lill-Kummissjoni attestat jew ċertifikat li jikkonferma l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni għal ħlas u fir-rapporti.

39     Madankollu, din it-teżi tal-Kummissjoni ma tistax tiġi aċċettata.

40     Ċertament, huwa minnu li t-tielet l-inċiz ta' l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 4253/88 li, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tar-Regolament Nru 1260/1999, ikompli jirregola l-għajnuna bħal dik in kwistjoni, kif ukoll it-tielet inċiż tal-punt 10 ta' l-Anness tad-deċiżjoni C(92) 1358/8, jimponu fuq ir-Renju Unit serje ta' formalitajiet sabiex jinkiseb il-ħlas tal-bilanċ ta' kull rabta, fosthom dik li jintbagħat attestat lill-Kummissjoni li jikkonferma l-informazzjoni pprovduta fl-applikazzjoni għal ħlas u fir-rapporti.

41     Mandankollu, la l-imsemmija dispożizzjonijiet u lanqas l-Artikolu 52(5) ma jippermettu li jiġi konkluż li l-attestat in kwistjoni għandu jintbagħat qabel il-31 ta' Marzu 2001.

42     F'dak li jirrigwarda, qabel kollox, it-tielet inċiż ta' l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 4253/88 u t-tielet inċiż tal-punt 10 ta' l-Anness tad-Deċiżjoni C(92) 1358/8, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn ma jimponux it-terminu tal-31 ta' Marzu 2001.

43     F'dak li jirrigwarda, imbagħad, l-Artikolu 52(5) tar-Regolament Nru 1260/1999, għandu jiġi rilevat li l-imsemmija dispożizzjoni ma fiha ebda indikazzjoni li l-formalitajiet kollha previsti fl-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 4253/88 u fit-tielet inċiż tal-punt 10 ta' l-Anness tad-Deċiżjoni C(92) 1358/8, formalitajiet li għalihom il-ħlas tal-bilanċ ta' kull rabta huwa assoġġettat, iridu jkunu neċessarjament sodisfatti sabiex jiġi evitat li s-somom marbuta jiġu maħlula skond din l-ewwel dispożizzjoni.

44     Barra dan, il-kliem "applikazzjoni għal ħlas finali" li tinsab fl-Artikolu 52(5) tar-Regolament Nru 1260/1999 jikkorrispondu aktar għall-kliem "applikazzjoni għal ħlas", li jinsabu fl-ewwel u fit-tielet inċiżi ta' l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 4253 u tal-punt 10 ta' l-Anness tad-Deċiżjoni C(92) 1358/8, rispettivament. Issa, jirriżulta b'mod ċar mill-kliem ta' dawn l-aħħar żewġ dispożizzjonijiet li l-attestat jew iċ-ċertifikat in kwistjoni fit-tielet inċiż tagħhom ma jiffurmawx parti mill-applikazzjoni għal ħlas vera u proprja.

45     Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-Artikolu 52(5) tar-Regolament Nru 1260/1999 jimponi fuq Stat Membru li jissodisfa, qabel ċerta data u taħt piena ta' rilaxx awtomatiku, formalità bħalma hija dik li jissottometti certifikazzjoni ta' l-informazzjoni pprovduta, jekk tali obbligu mhuwiex previst b'mod ċar fl-imsemmija dispożizzjoni.

46     Jirriżulta minn dak li ntqal li l-Kummissjoni għamlet żball fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 52(5) tar-Regolament Nru 1260/1999 meta pproċediet għar-rilaxx awtomatiku, peress li r-Renju Unit ma ssottomettilhiex, qabel il-31 ta' Marzu 2001, iċ-ċertifikazzjoni ta' l-informazzjoni pprovduta fis-sens tat-tielet inċiż ta' l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 4253/88 u tat-tielet inċiż tal-punt 10 ta' l-Anness tad-Deċiżjoni (92) 1358/8.

47     Għaldaqstant, l-ewwel raġuni invokata mir-Renju Unit hija fondata.

48     Għal dawn il-motivi, u mingħajr m'hemm lok li jiġu eżaminati r-raġunijiet l-oħra mqajma minn dan l-Istat Membru, ir-rikors tiegħu għandu jiġi milqugħ.

 Fuq l-ispejjeż

49     Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mir-Renju Unit. Skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 69(4) ta' l-istess Regoli, il-Kunsill, li intervenjena f'din il-kawża, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, kontenuta fl-ittra tat-22 ta' Novembru 2002, li tirrilaxxa s-somma ta' 11 632 600 EUR relattiva għall-ispejjeż li ntefqu għall-programm operattiv Manchester/Salford/Trafford 2 hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż.

3)      Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.